Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0408

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014.
YKK Corporation et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Akkordji – Swieq taż-żippijiet u tipi oħra ta’ qafliet kif ukoll magni li jwaħħlu – Responsabbiltajiet suċċessivi – Limitu legali tal-multa – Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Responsabbiltà personali – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Multiplikatur ta’ dissważjoni.
Kawża C‑408/12 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2153

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Appell — Akkordji — Swieq taż-żippijiet u tipi oħra ta’ qafliet kif ukoll magni li jwaħħlu — Responsabbiltajiet suċċessivi — Limitu legali tal-multa — Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 — Kunċett ta’ ‘impriża’ — Responsabbiltà personali — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Multiplikatur ta’ dissważjoni”

Fil-Kawża C‑408/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentant fit-3 ta’ Settembru 2012,

YKK Corporation, stabbilita f’Tokjo (il-Ġappun),

YKK Holding Europe BV, stabbilita fi Sneek (il-Pajjiżi l-Baxxi),

YKK Stocko Fasteners GmbH, stabbilita f’Wuppertal (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn D. Arts, W. Devroe, E. Winter u F. Miotto, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, YKK Corporation (iktar ’il quddiem “YKK Corp.”), YKK Holding Europe BV (iktar ’il quddiem “YKK Holding”) u YKK Stocko Fasteners GmbH (iktar ’il quddiem “YKK Stocko”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali YKK et vs Il‑Kummissjoni (T‑448/07, EU:T:2012:322, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4257 finali, tad-19 ta’ Settembru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-[Artikolu 81 KE] (Każ COMP/39.168 — PO/ Artikoli tal-ħjata metalliċi u tal-plastik: Qafliet) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernahom, kif ukoll, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom minn din id-deċiżjoni, li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU C 47, p. 8).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jiddisponi:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)

jiksru l-Artikolu [81 KE] jew l-Artikolu [82 KE] jew

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[…]”

3

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom f’każijiet ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996”) tipprovdi fit-Titolu D tagħha:

“1.

Meta impriża tikkoopera mingħajr ma tissoddisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fit-Titoli B jew C, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 sa 50 % mill-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha li kieku hija ma kkooperatx.

2.

Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ jekk:

qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur imwettaq,

wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax sostanzjalment il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”) tistabbilixxi fit-Titolu B tagħha:

“20.

Impriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet taħt is-sezzjoni A [Titolu A] hawn fuq jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta.

21.

Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa‘ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.

[…]

23.

Il-Kummissjoni ser tiddetermina f’kull deċiżjoni finali adottata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva:

(a)

jekk il-provi pprovduti minn impriża rrapreżentaw valur miżjud sinnifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien.

(b)

il-livell ta’ tnaqqis li l-impriża tibbenefika minnu, b’mod relattiv għall-multa li kieku kienet tiġi imposta, kif ġej. Għal:

l-ewwel impriża li tissodisfa l-punt 21: tnaqqis ta 30-50 %,

it-tieni impriża li tissodisfa il-punt 21: tnaqqis ta’ 20-30 %,

impriżi oħra li jissodisfaw il-punt 21: tnaqqis sa 20 %.

Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa.

Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell [akkordju] issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.

[…]

28.

Mill-14 ta’ Frar 2002, dan l-avviż għandu jibdel l-avviż ta’ l-1996 fil-każijiet kollha fejn l-ebda impriża ma kkuntattjat lill-Kummissjoni biex tibbenefika mit-trattament favorevoli stabbilit f’dak l-avviż. Il-Kummissjoni ser teżamina jekk huwiex neċessarju li dan l-avviż jiġi mmodifikat la darba takkwista biżżejjed esperjenza biex tapplikah.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata huma espost fil-punti 6, 8, 10, 12, 14, 16 sa 18 u 20 tas-sentenza appellata kif ġej:

“1

L-ewwel rikorrenti, YKK Corp, hija impriża Ġappuniża. Din hija waħda mil-leaders dinjija tas-suq taż-żippijiet, iżda topera wkoll fis-settur ta’ ‘tipi oħra ta’ qafliet’.

2

It-tieni rikorrenti, [YKK Holding] hija impriża stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija għandha 24 sussidjarja [inkluża] [YKK Stocko]. Din hija 100 % sussidjarja ta’ YKK Corp. Is-sussidjarji tagħha jipproduċu buttuni u qafliet. Hija la tipproduċi, la tbiegħ u lanqas ma tqassam wieħed minn dawn il-prodotti. Din hija holding ta’ natura purament finanzjarja.

3

It-tielet rikorrenti, [YKK Stocko], li kienet Stocko Fasteners GmbH u Stocko Verschlußtechnik GmbH & Co. KG, hija kumpannija Ġermaniża stabbilita f’Wuppertal. Hija ġiet ikkostitwita fl-1901 u rreġistrata taħt l-isem ta’ YKK Stocko Fasteners f’Settembru 1995, meta YKK Holding xtrat mill-ġdid 76 % tal-ishma tagħha qabel ma akkwistat it-totalità tagħhom f’Marzu 1997.

4

Is-settur tal-manifattura ta’ artikoli ta’ qafliet jista’ jinqasam f’żewġ kategoriji kbar, jiġifieri ż-żippijiet u t-‘tipi oħra ta’ qafliet’, li jinkludu diversi tipi ta’ buttuni li jingħafsu, ħoloq li jingħafsu u qafliet li jingħafsu, iżda wkoll qafliet bil-molla, klipps, anelli, buttuni għall-jeans, rivits u aċċessorji tal-metall u tal-plastik intiżi għas-setturi tal-ġild u tal-ilbies.

5

Fis-7 u t-8 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wettqet verifiki […] fl-uffiċċji ta’ diversi produtturi ta’ artikoli tal-ħjata metalliċi u tal-plastik, ta’ artikoli oħra tal-ħjata u tal-ħajt (fosthom Entaco Ltd, Coats plc u William Prym GmbH & Co. KG), kif ukoll sussegwentement tal-Fachverband Verbindungs- und Befestigungstechnik [assoċjazzjoni tal-impriżi Ġermaniżi tas-settur tal-prodotti metalliċi] (iktar ’il quddiem il-‘VBT’).

6

Fis-26 ta’ Novembru 2001, il-gruppi Prym u Coats, wara li invokaw il-[Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996], ippreżentaw talbiet intiżi sabiex dan jiġi applikat fir-rigward tas-settur taż-żippijiet.

[…]

8

Fit-8 ta’ Awwissu 2003 [YKK Stocko] (li saret YKK Stocko Fasteners), wara li invokat il-[Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002], ippreżentat talba fir-rigward tat-‘tipi oħra ta’ qafliet’.

[…]

10

Fis-16 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet [iktar ’il quddiem id-‘dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet’] dwar it-‘tipi oħra ta’ qafliet’, il-magni li jwaħħlu u ż-żippijiet lill-kumpanniji Prym Fashion, William Prym, Éclair Prym, Fiocchi Prym, Fiocchi Snaps France, YKK Stocko Fasteners, YKK Holding, YKK Corp., Coats, A. Raymond, Berning & Söhne, Berning France, Scovill Fasteners Europe (li kienet Unifast), Scovill Fasteners kif ukoll il-VBT.

[…]

12

Fit-12 ta’ Novembru 2004, il-grupp Prym, filwaqt li invoka l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ippreżenta, f’isem is-sussidjarji kollha tiegħu, talba għal immunità jew, sussidjarjament, tnaqqis tal-ammont tal-multi li jikkonċernaw it-‘tipi oħra ta’ qafliet’.

[…]

14

Fit-18 ta’ Frar 2005, il-grupp YKK, filwaqt li invoka l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ippreżenta talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multi li jikkonċernaw it-‘tipi oħra ta’ qafliet’.

[…]

16

Il-provi prodotti insostenn tat-talbiet intiżi għall-benefiċċju tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tal-gruppi Prym u YKK ippermettew lill-Kummissjoni li tindirizza lill-kumpanniji kkonċernati, fis-7 ta’ Marzu 2006, komunikazzjoni tal-ilmenti komplementari (iktar ’il quddiem id-‘dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet komplementari’).

17

Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet komplementari, li kienet tikkonċerna t-‘tipi oħra ta’ qafliet’, il-magni li jwaħħlu u ż-żippijiet ġiet indirizzata lill-kumpanniji A. Raymond, Berning & Söhne u Berning France, Coats u Coats Deutschland u Éclair Prym, Prym Fashion, Fiocchi Prym, Scovill Fasteners Europe, Scovill Fasteners, William Prym, YKK Corp., YKK Holding u [YKK Stocko], kif ukoll għall-VBT […].

18

Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet komplimentari kienet tirrigwarda l-istess prodotti bħal dawk tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, meta kien hemm bżonn, kienet tikkoreġi, tippreċiża u tqassar u testendi l-ilmenti li kienu fformulati fiha. […]

[…]

20

Wara li kkonsultat il-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti, u fid-dawl tar-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta, il-Kummissjoni adottat, fid-19 ta’ Settembru 2007, id-deċiżjoni [kkontestata].”

6

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, l-eżistenza ta’ erba’ ksur distinti tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mwettqa fis-settur tal-artikoli tal-ħjata metalliċi u tal-plastik kif ukoll qafliet u li, min-naħa l-oħra, l-appellanti kienu pparteċipaw fi tlieta minn dawn il-ksur, jiġifieri:

kooperazzjoni bejn ix-xahar ta’ Mejju 1991 u x-xahar ta’ Marzu 2001, fuq is-suq tal-qafliet metalliċi u tal-plastik (“tipi oħra ta’ qafliet”) u ta’ magni li jwaħħlu fi ħdan ċirki msejħa ta’ “Bâle-Wuppertal u ta’ Amsterdam”, li fil-kuntest tagħha il-parteċipanti ftehmu, matul laqgħat, fuq żidiet ikkoordinati tal-prezzijiet u skambjaw informazzjoni kunfidenzjali fuq il-prezzijiet u l-implementazzjoni taż-żidiet tal-prezzijiet, fl-iskala Ġermaniża u Ewropea (iktar ’il quddiem il-“kooperazzjoni BWA”);

kooperazzjoni bilaterali bejn is-sena 1999 u s-sena 2003 fis-suq tat-tipi oħra ta’ qafliet, bejn il-gruppi Prym u YKK. Dan il-ksur ikkonsista fi ftehim u fi prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet minimi, medji u indikattivi, il-kontroll taż-żidiet tal-prezzijiet permezz ta’ skambji regolari u ta’ livelli tal-prezzijiet u ta’ kuntatti bilaterali frekwenti u t-tqassim tal-klijentela, fuq l-iskala Ewropea u dinjija, u

kooperazzjoni tripartita bejn ix-xahar ta’ April 1998 u x-xahar ta’ Novembru 1999 fuq is-suq taż-żippijiet, li fiha pparteċipaw il-gruppi YKK, Coats u Prym, fejn il-parteċipanti skambjaw informazzjoni fuq il-prezzijiet, iddiskutew dwar il-prezzijiet u ż-żiedet fil-prezzijiet u ftehmu dwar metodu ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi għal prodotti standard fis-suq Ewropew (iktar ’il quddiem il-“kooperazzjoni tripartita”).

7

Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi kkonċernati multi għal ksur tal-Artikolu 81 KE li l-ammont tagħhom kien ġie kkalkolat abbażi tal-metodoloġija esposta fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu [65(5) FA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-1998”), kif ukoll fil-Komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal-1996 u tal-2002.

8

F’dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni BWA, id-deċiżjoni kkontestata imponiet multi lill-impriżi li ġejjin:

A. Raymond Sarl: EUR 8 325 000;

Berning & Söhne GmbH & Co. KG: EUR 1 123 000;

Scovill Fasteners Europe SA u Scovill Fasteners Inc., responsabbli in solidum: EUR 6 002 000;

William Prym GmbH & Co. KG u Prym Inovan GmbH & Co. KG, responsabbli in solidum: EUR 24 913 000;

YKK Stocko: EUR 68 250 000, li fosthom YKK Corp. u YKK Holding huma responsabbli in solidum għas-somma ta’ EUR 49 000 000;

Fachverband Verbindungs- und Befestigungstechnik: EUR 1 000

9

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, YKK Stocko pparteċipat fil-ksur matul it-tul kollu tiegħu, jiġifieri disa’ snin u disa’ xhur, filwaqt li YKK Corp. u YKK Holding ma bdewx jieħdu parti fih (direttament jew indirettament) ħlief wara l-akkwist mill-kumpannija Ġermaniża Stocko fl-1997 (li saret YKK Stocko) u li pparteċipat fih matul erba’ snin (premessi 466 sa 468 u Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata).

10

Din hija r-raġuni għalfejn, minn naħa, YKK Corp. u YKK Holding ma ġewx ikkunsidrati responsabbli mill-ħlas kollu tal-multa kollha imposta fuq YKK Stocko, iżda biss mis-somma ta’ EUR 49 000 000 u, min-naħa l-oħra, din l-aħħar impriża ġiet ikkunsidrata biss responsabbli għal EUR 19 250 000 li kien baqa’ jitħallas mill-multa li ġiet imposta fuqha (Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata).

11

Fir-rigward tal-kooperazzjoni bilaterali bejn il-gruppi Prym u YKK fuq is-suq ta’ tipi oħra ta’ qafliet, YKK Corp., YKK Holding u YKK Stocko ġew ikkundannati in solidum għal multa ta’ EUR 19 500 000. Min-naħa l-oħra, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-grupp Prym kien jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn immunità totali tal-multa li, inkella, kienet tiġi imposta fuqu għal dan il-ksur.

12

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-kuntest tal-kooperazzjoni tripartita, il-multi li ġejjin ġew imposti:

YKK Corp. u YKK Holding, responsabbli in solidum: EUR 62 500 000;

Coats Holdings Ltd. u Coats Deutschland GmbH, responsabbli in solidum: EUR 12 155 000;

William Prym GmbH & Co. KG u Prym Inovan GmbH & Co. KG, responsabbli in solidum: EUR 6 727 500, li fosthom Éclair Prym Group SA hija kkunsidrata responsabbli in solidum għal ammont ta’ EUR 5 850 000.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

13

Insostenn tar-rikors tagħhom għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-appellanti qajmu tmien motivi, fejn l-ordni ta’ eżami tagħhom ġiet mibdula mill-Qorti Ġenerali, li qassmithom fi tliet kategoriji.

14

L-ewwel nett, l-appellanti qajmu ħames motivi relatati mal-kooperazzjoni tripartita, essenzjalment ibbażati fuq:

l-assenza ta’ prova tal-eżistenza tal-ksur (l-ewwel motiv);

l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura u tal-implementazzjoni tal-ksur, minn naħa, u tal-impatt konkret ta’ dan il-ksur, min-naħa l-oħra (it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi), u

l-applikazzjoni żbaljata tal-Komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal-1996 u tal-2002 (il-ħames motiv).

15

It-tieni nett, mingħajr ma jikkontestaw l-eżistenza tal-ksur, huma qajmu żewġ motivi relatati mal-kooperazzjoni BWA ibbażati fuq:

l-applikazzjoni żbaljata tal-limitazzjoni tal-multa peress li l-Kummissjoni ma applikatx il-limitu ta’ 10 % fuq YKK Stocko, billi sussidjarja, għall-perijodu preċedenti għall-akkwist ta’ din, fl-1997, minn YKK Holding (is-sitt motiv);

l-applikazzjoni żbaljata tal-multiplikatur ta’ dissważjoni fil-kalkolu tal-multa imposta fuq YKK Stocko għall-perijodu preċedenti għal dan l-akkwist (is-seba motiv).

16

It-tielet nett, l-appellanti qajmu tmien motiv komuni għall-ksur marbut mal-kooperazzjoni tripartita kif ukoll mal-kooperazzjoni BWA u bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-multiplikatur ta’ dissważjoni ta’ 1.25, matul il-kalkolu tal-multa.

17

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mqajma mill-appellanti u għalhekk ċaħdet ir-rikors tagħhom u kkundannathom għall-ispejjeż.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u l-Artikolu 2(1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernahom u/jew tnaqqas il-multi imposti fuqhom;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tiċħad l-appell,

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors għal annullament intiż kontra d-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kollha kemm dwar il-proċeduri ta’ appell kif ukoll dawk tal-ewwel istanza.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq in-nuqqas ta ’ motivazzjoni tas-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni tripartita

L-argumenti tal-partijiet

20

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li ma esponietx debitament ir-raġunijiet li għalihom hija ċaħdet il-motiv ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa, iffissat għal EUR 50 miljun, fir-rigward tal-assenza ta’ impatt fis-suq rilevanti tal-ksur inkwistjoni. Dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni jipprekludi lill-appellanti li jkunu jafu jekk il-Qorti Ġenerali ċaħditx dan il-motiv minħabba li jikkunsidraw li l-Kummissjoni kienet ħadet biżżejjed inkunsiderazzjoni l-impatt tal-ksur fis-suq jew, bil-kontra, jekk hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni tali impatt peress li hija ma kellhiex l-obbligu li tagħmel dan.

21

L-appellanti jsostnu li, jekk kellu jirriżulta mis-sentenza appellata li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biżżejjed l-impatt tal-ksur fis-suq, billi ħadet deċiżjonijiet f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod ħażin id-deċiżjoni kkontestata u kisret id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tosserva l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li timponi fuq il-Kummissjoni, meta hija tqis xieraq li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tal-ksur fis-suq sabiex iżżid l-ammont inizjali tal-multa lil hinn mill-ammont minimu maħsub ta’ EUR 20 miljun previst mil-Linji gwida tal-1998, li tipprovdi indizji konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettu li tiġi evalwata l-influwenza effettiva li l-ksur seta’ kellu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq dan is-suq.

22

Min-naħa l-oħra, jekk kellu jirriżulta mis-sentenza appellata li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt tal-ksur fis-suq, peress li hija ma kellhiex l-obbligu li tagħmel dan, l-appellanti jsostnu li, billi ħadet deċiżjonijiet f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat id-dritt tal-Unjoni li skont dan is-sanzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni għandhom mhux biss ikunu effettivi u jkollhom effett dissważiv, iżda wkoll ikunu proporzjonati mal-ksur. F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu, li huwa sproporzjonat li minn ammont minimu maħsub ta’ EUR 20 miljun dan jitla’ għal EUR 50 miljun (jiġifieri żieda ta’ 250 %) mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ impatt tal-kooperazzjoni tripartita fis-suq. Fi kliem ieħor, is-sentenza appellata tagħti wisq importanza għad-daqs tal-impriża inkwantu element ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-multa u tikkontradixxi għalhekk il-Linji gwida tal-1998 kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23

Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati jew inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali mill-ewwel għamlitha ċara, b’mod partikolari fil-punti 140 sa 143 tas-sentenza appellata, li r-raġunijiet għaliex, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni setgħet tikklassifika l-ksur inkwistjoni bħala “serju ħafna” u konsegwentement tiffissa l-ammont inizjali tal-multa għal EUR 50 miljun, mingħajr ma tikkunsidra l-impatt konkret ta’ dan il-ksur fuq is-suq rilevanti, kien peress li hija ma kellhiex l-obbligu li tagħmel dan.

25

Kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punti 140 u 143 tas-sentenza appellata, meta rreferiet għall-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, dan l-impatt għandu biss jittieħed inkunsiderazzjoni “fejn dan jista’ jkun ikkalkolat”. Skont il-Qorti Ġenerali, peress li dan kien ftehim globali intiż li jelimina l-kompetizzjoni potenzjali, li l-effett konkret tiegħu huwa diffiċli li jitkejjel, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li turi preċiżament l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq u li tikkwantifikah, iżda tista’ tasal għal stimi tal-probabbiltà ta’ tali effett.

26

Din l-analiżi hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-impatt konkret tal-ksur fis-suq ma huwiex kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi. B’mod partikolari, elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali tal-ksur jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-effetti msemmija, speċjalment meta dan ikun ksur intrinsikament serju bħat-tqassim tas-swieq (ara, s-sentenzi Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 118; Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 96, kif ukoll Carbone-Lorraine vs Il‑Kummissjoni, C‑554/08 P, EU:C:2009:702, punt 44).

27

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali spjegat b’mod ċar, fil-punti 141 u 142 tas-sentenza appellata, li mingħajr ebda kontradizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, seta’ jiġi kkunsidrat, minn naħa, li l-kooperazzjoni tripartita kollha kemm hi kienet ġiet implementata u seta’ kellha effett fis-suq u, min-naħa l-oħra, li dan l-impatt madankollu ma setax jiġi kkalkolat, peress li kien impossibbli li jiġu stabbiliti b’ċertezza suffiċjenti l-parametri kompetittivi (prezz, kundizzjonijiet kummerċjali, kwalità, innovazzjoni, etc.) li kienu applikati fl-assenza tal-ksur.

28

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mill-appellanti fil-każijiet fejn jirriżulta mis-sentenza appellata li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, l-impatt konkret tal-ksur fis-suq.

29

Sa fejn l-appellanti jilmentaw li s-sentenza appellata ma kkritikatx in-natura allegatament sproporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa minħabba fl-assenza ta’ impatt fis-suq tal-kooperazzjoni tripartita, huwa biżżejjed li jitfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina n-natura xierqa tal-ammonti ta’ multa u li, bħala prinċipju, ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta din tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, li tissostitwixxi, minħabba motivi ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti lil impriżi minħabba fil-ksur minnhom tad-dritt tal-Unjoni (ara, is-sentenzi SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, EU:C:2007:277, punt 98, kif ukoll Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, C‑70/12 P, EU:C:2013:351, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata u r-rifjut ta ’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-liġi l-iktar favorevoli f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni tripartita

L-argumenti tal-partijiet

31

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti preliminarjament isostnu li l-Qorti Ġenerali ma indikatx debitament il-motivi li għalihom ċaħdet il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

32

Fuq dan il-punt, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi għaliex ma applikatx il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, iżda applikat dik tal-1996, bi ksur tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fejn skont dawn il-liġi l-iktar favorevoli għandha tiġi applikata retroattivament.

33

F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li, peress illi l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, kuntrarjament għal dik tal-2002, kienet tagħmel il-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-multa jiddependi fuq in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, dan il-benefiċċju kien ġie rrifjutat lilhom fuq il-bażi ta’ kundizzjoni li ma kinitx iktar applikabbli fid-data tad-deċiżjoni kkontestata.

34

Konsegwentement, l-appellanti jqisu li huma kien imisshom ibbenefikaw, skont il-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, minbarra mill-immunità parzjali li kienet ingħatat lilhom talli ppermettew li jiġi stabbilit it-tul estiż tal-ksur, minn tnaqqis supplimentari tal-multa skont il-provi prodotti, li jirrappreżentaw valur miżjud sinjifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni.

35

L-appellanti jindikaw li huma pproduċew prova taż-żamma ta’ ċerti laqgħat li ppermettew lill-Kummissjoni testendi t-tul tal-ksur ikkonstatat, billi tistabbilixxi d-data tal-bidu tiegħu mit-28 ta’ April 1998 minflok mit-2 ta’ Ġunju 1999. Madankollu, meta benefiċċju ekwivalenti għal dak previst fit-tielet inċiż tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 kien de facto mogħti mill-Kummissjoni fil-premessi 588 u 589 tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar madankollu ma wettqietx tnaqqis fil-multa skont il-punt 23(a) ta’ din l-istess komunikazzjoni, għar-raġuni, skont l-appellanti, li fis-sens tat-Titolu D tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 l-appellanti kkontestaw l-għan antikompetittiv u l-kontenut tal-laqgħat.

36

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument u ssostni li ma huwiex fondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali wettqietx żball ta’ liġi meta ma ċċensuratx id-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li f’din, il-Kummissjoni eżaminat l-aġir tal-appellanti fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, waqt li ċaħditilhom il-benefiċċju ta’ trattament iktar favorevoli li seta’ jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, applikabbli għal din il-kawża ratione temporis, ma fiha ebda punt li jipprovdi li l-Kummissjoni ma hijiex ser tieħu kont ta’ dawn il-fatti żvelati mill-impriżi li għandhom rilevanza fuq il-gravità jew it-tul tal-akkordju, din l-istituzzjoni madankollu kkunsidrat, hekk kif jirriżulta mill-punti 185 u 186 tas-sentenza appellata li jirreferu għall-premessi 584, 585, 588 u 589 tad-deċiżjoni kkontestata, li peress li l-appellanti żvelaw lill-Kummissjoni fatti li qabel ma kinux magħrufa minnha, huma kienu għenu sabiex jiġi stabbilit tul ta’ żmien itwal tal-ksur, billi jinkludu f’dan it-tul ta’ żmien il-perijodu mit-28 ta’ April 1998 sat-2 ta’ Ġunju 1999. Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat din il-kooperazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti li tippermetti li tagħti lill-appellanti tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa ta’ EUR 9.375 miljun, sabiex dawn tal-aħħar ma jiġux penalizzati għall-kooperazzjoni tagħhom billi timponi fuqhom multa ikbar milli kieku kienu jħallsu fl-assenza ta’ tali kooperazzjoni. Hekk kif innutat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 187 ta’ din is-sentenza, l-ammont bażiku kif imnaqqas, tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-appellanti kien għalhekk identiku għas-somma ipotetika li kien ikollhom iħallsu għal ksur ta’ terminu inferjuri minn sena.

39

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll, fil-punti 177 u 180 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward tal-perijodu mit-2 ta’ Ġunju sat-12 ta’ Novembru 1999, l-appellanti ma pproduċew ebda prova, b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni, li tikkonferma ż-żamma ta’ ċerti laqgħat, filwaqt li tikkontesta l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv ta’ dawn il-laqgħat.

40

Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kooperazzjoni ta’ impriża mal-Kummissjoni tista’ tiġġustifika tnaqqis fil-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 biss jekk din effettivament tippermetti lill-Kummissjoni twettaq ix-xogħol tagħha li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur u li twaqqafha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2007:277, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa biex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża (sentenza SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2007:277, punt 88).

41

Hekk kif ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 185 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni, konformement mal-punt 28 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, evalwat il-kooperazzjoni tripartita bejn l-appellanti u l-gruppi Prym u Coats fir-rigward tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, peress li dawn il-gruppi ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għall-benefiċċju tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni f’dak li jirrigwarda l-ksur tas-suq taż-żippijiet qabel l-14 ta’ Frar 2002, data li minnha l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 ġiet issostitwita bil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

42

Madankollu għandu jiġi kkonstatat li kemm il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 (Titoli C u D) kif ukoll dik tal-2002 (punti 21 u 23) jeħtieġu bħala kundizzjoni għall-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-multa, li kieku tiġi imposta, li l-impriżi kkonċernati għandhom jipproduċu lill-Kummissjoni l-provi li jikkontribwixxu sabiex jiġi ddeterminat il-ksur imwettaq.

43

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi raġonevolment sostnut li informazzjoni li ma tissodisfax il-kundizzjoni li huma għandhom “jikkontribwixxu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur imwettaq” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996), tista’ tikkostitwixxi provi li jipproduċu “valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa‘ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni” fis-sens tal-punt 21 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

44

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza, minn naħa, li tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-kostatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza teżerċita, bis-saħħa tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali tkun siltet minn din bla ħsara fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi. F’kull każ, tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

45

Madankollu, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti ma werewx u lanqas ma allegaw, li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament manifest tal-fatti meta din qieset li l-appellanti ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 imsemmi fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, u, konsegwentement, għar-rekwiżit simili stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

46

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-perijodu preċedenti għat-2 ta’ Ġunju 1999, għandu jitfakkar li hekk ġie osservat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-kooperazzjoni tal-appellanti ġiet ippremjata bit-tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, mogħtija lil dawn tal-aħħar bħala ċirkustanza attenwanti u dan separatament mid-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

47

Issa, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 sa 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-impriżi kkonċernati ma jistgħux jistennew benefiċċju doppju għall-istess informazzjoni, jiġifieri dik li permezz tagħha hija bbenefikat minn immunità parzjali għall-perijodu li għalih jirreferu, jekk din l-informazzjoni ma ġabitx, għall-perijodu sussegwenti għal dan, l-ebda valur miżjud għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

48

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun neċessarju li tiddeċiedi fuq l-allegata applikabbiltà tal-prinċipju ta’ lex mitior fil-qasam tal-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni kopert mill-Komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal-1996 u tal-2002.

Fuq it-tielet aggravju, dirett kontra r-rifjut li jiġi applikat il-limitu ta ’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta ’ YKK Stocko għall-parti tal-multa li għaliha din l-kumpannija kienet meqjusa bħala l-unika responsabbli f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni BWA

L-argumenti tal-partijiet

49

Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, billi ċaħdet il-motiv tagħhom ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-limitu ta’ 10 %, f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni BWA, għall-perijodu li jippreċedi l-akkwist ta’ YKK Stocko minn YKK Holding, perijodu li matulu YKK Stocko hija kkunsidrata bħala esklużivament responsabbli mill-ksur, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalità tal-pieni, li impriża tista’ biss tiġi ssanzjonata għal fatti li jistgħu jiġu personalment imputati lilha.

50

Fil-fatt, il-parti tal-multa relatata mal-perijodu inizjali tal-ksur ogħla għal EUR 19.25 miljun, li jirrappreżenta 55 % tad-dħul mill-bejgħ totali ta’ YKK Stocko fl-2006, li kien ta’ EUR 34.91 miljun, jiġifieri ammont kunsiderevolment iktar mil-limitu ta’ 10 % previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

51

Il-Kummissjoni tirribatti li dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni ġuridika żbaljata tal-għan ta’ limitu ta’ 10 % imsemmi f’din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1/2003.

52

Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, multa unika għandha tiġi imposta. Skont din l-istituzzjoni, il-limitu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex element tal-multa marbut mal-aġir kollużorju matul il-perijodu tal-ksur, iżda massimu legali marbut mal-kapaċità finanzjarja li titħallas il-multa u huwa intiż prinċipalment sabiex jipproteġi l-impriża kontra l-impożizzjoni ta’ multa eċċessiva, b’kunsiderazzjoni tad-daqs tagħha, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa. Dak li huwa importanti, huwa għalhekk is-saħħa ekonomika tal-impriża, li d-dħul mill-bejgħ globali tagħha jagħti indikazzjoni, hekk kif teżisti matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma l-uniċi li jistgħu jispjegaw għalfejn id-dispożizzjoni inkwistjoni tagħmel espressament riferiment għas-sena kummerċjali preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-limitu ta’ 10 %. Konsegwentement, il-fatt li l-impriża kellha inqas kapaċità finanzjarja f’mument fil-passat, qabel l-akkwist tagħha minn kumpannija taħt grupp ekonomiku, bħal f’dan il-każ, huwa irrilevanti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-multa.

53

Il-Kummissjoni żżid li, anki jekk il-kumpannija parent tiddeċiedi li ma tagħti ebda sostenn finanzjarju lis-sussidjarja f’dak li jirrigwarda l-parti mill-multa li għaliha din tal-aħħar hija responsabbli waħedha, li jista’ jhedded il-vijabbiltà ta’ din is-sussidjarja, dan ikun biss it-twettiq ta’ riskju ta’ investiment tal-kumpannija parent, marbut ma’ persuna ġuridika, jiġifieri s-sussidjarja, li, qabel iżda wkoll wara l-akkwist ta’ din tal-aħħar, adottat aġir antikompetittiv punibbli b’multi. Meta tikseb il-kontroll fuq is-sussidjarja, il-kumpannija parent tassumi dan ir-riskju, li hija tista’ madankollu tillimita billi tipprevedi kumpens fil-kuntratt ta’ bejgħ konkluż mat-titulari inizjali ta’ din il-kumpannija.

54

Il-Kummissjoni żżid li hija biss l-impriża responsabbli matul l-aħħar fażijiet tal-ksur u matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali li hija l-entità ta’ riferiment xierqa għall-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà u ta’ effett dissważiv, sa fejn il-Kummissjoni tistabbilixxi li din l-impriża, jiġifieri l-entità li tinkludi l-kumpannija parent il-ġdida, tkun hija stess ipparteċipat fil-ksur. Għal dawn l-istess raġunijiet, il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti ma jistgħux utilment isostnu li l-multa ġiet imposta bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jew ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55

It-tielet aggravju jqajjem il-kwistjoni importanti tad-determinazzjoni tal-limitu legali tal-multa, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-każ ta’ responsabbiltajiet suċċessivi fil-kuntest tal-istess akkordju, u iktar preċiżament meta entità li tipparteċipa f’dan l-akkordju tgħaddi taħt il-kontroll ta’ impriża oħra matul it-tul tal-akkordju, li hija parti minn grupp ekonomiku li wkoll ipparteċipa fil-ksur.

56

F’dan ir-rigward, l-appellanti jikkontestaw is-sentenza appellata peress li fil-punti 192 sa 195 u 204 ta’ din, il-Qorti Ġenerali laqgħat l-approċċ tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li jżomm limitu legali wieħed ikkalkulat biss fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp YKK għall-perijodu kollu tal-ksur mill-24 ta’ Mejju 1991 sal-15 ta’ Marzu 2001, jiġifieri tul ta’ żmien ta’ disa’ snin u disa’ xhur li jinkludi l-ewwel perijodu tal-ksur, mill-24 ta’ Mejju 1991 sal-1 ta’ Marzu 1997, jiġifieri tul ta’ żmien ta’ ħames snin u disa’ xhur, li għalihom YKK Holding u YKK Corp. madankollu ma humiex miżmuma responsabbli, minħabba li s-sussidjarja YKK Stocko ma kinitx tagħhom matul dan l-aħħar perijodu.

57

Għandu jiġi enfasizzat li t-tielet aggravju jista’ jkollu impatt biss fuq il-parti tal-multa, li tammonta għas-somma ta’ EUR 19 250 000, li ġiet imposta esklużivament fuq YKK Stocko u li tikkonċerna l-fatti mwettqa minnha biss, qabel l-akkwist tagħha minn YKK Holding, u l-ammont li jifdal ta’ din il-multa, li jammonta għal EUR 49 000 000, ma ġiex ikkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ewwel lok, il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa ċar peress li jirrikjedi li, “[g]ħal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti”.

59

Il-kunċett ta’ “impriża li tipparteċipa fil-ksur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandha neċessarjament tkun l-istess għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, peress li tali kunċett ma jistax jiġi interpretat b’mod differenti għall-attribuzzjoni tal-ksur u għall-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 %.

60

Għalhekk, meta, bħal f’dan il-każ, impriża kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81 KE ġiet akkwistata minn impriża oħra li fiha żżomm, bħala sussidjarja, l-kwalità ta’ entità ekonomika distinta, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ għal kull waħda minn dawn l-entitajiet ekonomiċi sabiex tapplikalhom, fejn applikabbli, il-limitu ta’ 10 %.

61

F’din il-kawża, il-Kummissjoni qassmet b’mod korrett ir-responsabbiltajiet ta’ kull impriża li pparteċipat fil-ksur, peress li, qabel Marzu 1997, data minn meta YKK Holding pproċediet għall-akkwist ta’ YKK Stocko, din tal-aħħar u l-grupp YKK kienu jikkostitwixxu żewġ “entitajiet ekonomiċi” jew impriżi distinti fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Madankollu, minn din il-konstatazzjoni hija ma kinitx wasslet għall-konklużjoni li kienet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-limitu ta 10 %.

62

Għalhekk, ma jistax jirnexxi l-argument invokat mill-Kummissjoni li jgħid li impriża waħda, li l-istruttura u s-saħħa finanzjarja tagħha evolvew matul iż-żmien, ser tkun involuta matul il-perijodu tal-ksur. Barra minn hekk, f’din il-kawża, tali żvilupp ma huwiex ir-riżultat ta’ tkabbir strutturali tal-impriża YKK Stocko, ta’ żieda fid-dħul tal-bejgħ tagħha jew tal-akkwist minn din tal-aħħar ta’ impriżi indipendenti fl-akkordju, iżda għall-kuntrarju jikkostitwixxi r-riżultat tal-akkwist ta’ din l-impriża minn impriża oħra.

63

Għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li l-għan tal-istabbiliment, fl-Artikolu 23(2), ta’ limitu ta’ 10 % tad-dħul tal-bejgħ ta’ kull impriża li pparteċipat fil-ksur huwa b’mod partikolari intiż sabiex jipprevjeni l-impożizzjoni ta’ multa ta’ ammont għola minn dan il-limitu li taqbeż il-kapaċità ta’ ħlas ta’ din l-impriża fil-mument fejn hija tinstab responsabbli tal-ksur u tkun imposta sanzjoni pekunjarja mill-Kummissjoni.

64

Il-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti hija korroborata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jeħtieġ, f’dak li jirrigwarda l-limitu ta’ 10 %, li dan ikun ikkalkulat fuq il-bażi tas-sena finanzjarja preċedenti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona l-ksur. Tali rekwiżit huwa ssodisfatt meta, bħal f’dan il-każ, dan il-limitu huwa determinat fuq il-bażi biss tad-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarja, f’dak li jirrigwarda l-multa li ġiet imposta fuqha esklużivament, fir-rigward tal-perijodu preċedenti għall-akkwist tagħha mill-kumpannija parent, li l-appellanti ma jikkontestawx f’dan l-appell. Minn dan isegwi li, f’tali ċirkustanzi, l-evoluzzjoni strutturali tal-impriża responsabbli bħala entità ekonomika hija effettivament meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multa.

65

Bl-istess mod, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li multa waħda għandha tiġi imposta għall-perijodu tal-ksur ma tistax tirnexxi. Hekk kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet matul is-seduta, fir-rigward tal-parti tal-multa li għaliha YKK Stocko kienet ikkunsidrata esklużivament responsabbli, ma jkunx possibbli li teżegwixxi din il-parti tal-multa fil-konfront tal-kumpannija parent fil-każ ta’ inadempjenza minn YKK Stocko. Fil-fatt, kumpannija ma tistax tinżamm responsabbli mill-ksur imwettaq indipendentement mis-sussidjarji tagħha qabel l-akkwist tagħhom, peress li dawn is-sussidjarji għandhom iwieġbu huma stess mill-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħhom qabel dan l-akkwist, mingħajr mal-kumpannija xerrejja tkun tista’ tinżamm bħala responsabbli (ara s-sentenza Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, EU:C:2000:626, punti 77 sa 79).

66

Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-konstatazzjonijiet effettwati fil-punti 60 sa 65 ta’ din is-sentenza huma konformi, minn naħa, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 24, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità; sentenzi General Química et vs Il‑Kummissjoni, C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punti 34 sa 36 kif ukoll ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 143 għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni).

67

Minn dan isegwi u mingħajr in-neċessità li jiġi eżaminat l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li t-tielet aggravju għandu jiġi ddikjarat fondat, sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

68

Konsegwentement is-sentenza appellata għandha tiġi annullata f’dak li jirrigwarda, fil-kuntest tal-kooperazzjoni BWA, l-applikazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont massimu tal-multa, b’limitu ta’ 10 % ikkalkulat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp YKK matul is-sena preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-perijodu tal-ksur li għalih YKK Stocko ġiet ikkunsidrata unikament responsabbli.

Fuq ir-raba ’ aggravju, dwar l-applikazzjoni ta ’ multiplikatur ta ’ dissważjoni f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni BWA għall-perijodu preċedenti għall-akkwist ta ’ YKK Stocko minn YKK Holding

L-argumenti tal-partijiet

69

Ir-raba’ aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom huwa magħmul minn żewġ partijiet.

70

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha bis-saħħa tal-Artikoli 36 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

71

F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqqset milli tiddeċiedi fuq l-argument tagħhom li, filwaqt li l-Kummissjoni kienet iġġustifikat l-applikazzjoni tal-multiplikatur ta’ dissważjoni b’riferiment għar-riżorsi finanzjarji għola disponibbli għall-appellanti fil-konfront tal-kompetituri tagħhom, tali kunsiderazzjoni ma setgħetx tapplika għal YKK Stocko, minħabba fid-daqs tagħha u fir-riżorsi limitati tagħha, meta din kienet l-unika responsabbli għall-ksur matul il-perijodu preċedenti għal Marzu 1997.

72

Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali sempliċement tenniet li d-dħul mill-bejgħ huwa kriterju xieraq għall-evalwazzjoni tas-saħħa ekonomika ta’ impriża u fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-funzjonijiet tal-adozzjoni ta’ multiplikatur ta’ dissważjoni. Konsegwentement, huma ma jistgħux jifhmu għaliex il-motiv tagħhom dwar l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ dissważjoni ġie miċħud.

73

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ individwalità tal-pieni u ta’ sanzjonijiet kif ukoll dak ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi kkunsidrat li l-applikazzjoni ta’ multiplikatur ta’ dissważjoni kien iġġustifikat mhux biss għall-perijodu tal-ksur sussegwenti għal Marzu 1997, iżda wkoll għall-perijodu preċedenti għal din id-data, li hija dik tal-akkwist ta’ YKK Stocko minn YKK Holding.

74

Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqqset milli tikkunsidra r-rabta li teżisti bejn ir-responsabbiltà u s-sanzjoni, u vvalidat il-metodu tal-Kummissjoni li l-multiplikatur ta’ dissważjoni seta’ jiġi applikat minħabba d-daqs u r-riżorsi tal-grupp YKK, anki għall-parti tal-multa għall-perijodu tal-ksur preċedenti għall-akkwist ta’ YKK Stocko minn YKK Holding.

75

Skont l-appellanti, il-ġurisprudenza tat żewġ raġunijiet prinċipali għalfejn koeffiċjent multiplikatur ta’ dissważjoni jista’ jiġi applikat, jiġifieri n-neċessità li jiġi żgurat effett dissważiv sinjifikattiv tal-multa u l-fatt li l-impriżi kbar seta’ kellhom, matul il-perijodu ta’ ksur, riżorsi superjuri għal dawk tal-kompetituri tagħhom u għalhekk kienu f’sitwazzjoni aħjar minn dik ta’ dawn l-aħħar sabiex ikunu jafu d-dritt u jaġixxu fil-limiti li dan jimponi. B’mod partikolari, fir-rigward tat-tieni raġuni dik taż-żieda fil-multa, il-Qorti Ġenerali għarfet li d-daqs tal-impriżi kkonċernati għandu jkun relatat mas-sitwazzjoni tagħhom fil-mument tal-ksur (sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, EU:T:2008:211, punti 379 u 382). Dan jimplika li għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-multiplikatur ta’ dissważjoni, huma biss ir-riżorsi u l-mezzi finanzjarji tal-impriża responsabbli mill-ksur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

76

Madankollu, filwaqt li l-Kummissjoni kienet ġustament iddeċidiet li YKK Stocko matul il-perijodu tal-ksur preċedenti għall-akkwist tagħha minn YKK Holding, jiġifieri matul il-perijodu minn Mejju 1991 sa Marzu 1997, kienet l-unika impriża responsabbli għall-ksur, hija, madankollu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-multiplikatur ta’ dissważjoni, ħadet inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ YKK Holding u ta’ YKK Corp, irrispettivament mill-fatt li YKK Stocko kienet kumpannija żgħira li tiddisponi minn mezzi limitati u mingħajr servizz legali.

77

Fir-rigward tat-tieni funzjoni tal-multiplikatur ta’ dissważjoni, jiġifieri l-effett dissważiv ta’ din, l-appellanti jsostnu li hija biss l-impriża responsabbli għall-ksur tal-Artikolu 81 KE u mhux il-kumpanniji parent, li għandhom iħallsu l-multa. Għalhekk, minħabba fir-riżorsi limitati ta’ YKK Stocko, ma kienx ikun possibbli li jiżdied l-ammont tal-multa għall-fini ta’ dissważjoni mingħajr ma ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

78

F’dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-appellanti jqisu l-Qorti Ġenerali, meta imponiet multiplikatur ta’ dissważjoni għall-parti tal-multa imposta għall-perijodu preċedenti għal Marzu 1997, essenzjalment ittrattat bl-istess mod żewġ sitwazzjonijiet li ma kinux komparabbli, jiġifieri dik ta’ YKK Stocko u dik tal-grupp YKK.

79

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tal-appellanti u tikkunsidra li dawn huma mingħajr mertu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80

F’dak li jirrigwarda l-argumenti bbażati fuq allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jiġi nnotat l-ewwel nett li, fil-punti 203 u 204 ta’ din, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ir-raġunijiet li fil-fehma tagħha jistgħu jiġġustifikaw t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-entità ekonomika kkostitwita mill-applikanti kollha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ multiplikatur ta’ dissważjoni.

81

Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni ġustament qieset, il-punt 114 tal-appell jindika li l-appellanti setgħu jifhmu r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li b’mod partikolari jinsab fil-punti 203 u 204 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-element determinanti li għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-effett tal-kalkolu tal-ammont tal-multa u tal-effett dissważiv ta’ dan huwa l-kapaċità ekonomika tal-impriża kkonċernata, hekk kif hija teżisti waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa.

82

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-appellanti dwar allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata għandhom jiġu miċħuda.

83

Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet fil-punt 204 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ġustament kienet ħadet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-multiplikatur ta’ dissważjoni, tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ tal-appellanti bħala entità ekonomika unika matul is-sena preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

84

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “dissważjoni” jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE, bħal dawk previsti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-atti illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll sabiex jiddiswadu kemm l-impriżi inkwistjoni kif ukoll operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-rabta bejn, minn naħa, id-daqs u r-riżorsi globali tal-impriżi, u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-multa, ma tistax tiġi kkontestata (sentenzi Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, C‑289/04 P, EU:C:2006:431, punt 16, u Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 102).

85

Fil-fatt, huwa l-impatt mixtieq fuq l-impriża kkonċernata li jiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ din l-impriża sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, u dan sa fejn is-sanzjoni ma għandhiex tkun negliġibbli fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja ta’ din l-impriża (sentenza Lafarge vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2010:346, punt 104).

86

Minn dan isegwi li, sabiex tiġi imposta multa ta’ ammont li x’aktarx tiddiswadi l-impriżi kkonċernati milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ dawn tal-aħħar fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, id-daqs u r-riżorsi globali ta’ dawn l-impriżi li jkunu mnaqqsa fi stadju preċedenti għall-ksur huma irrilevanti għall-iffissar ta’ multiplikatur ta’ dissważjoni (sentenza Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑668/11 P, EU:C:2013:614, punt 64).

87

Għalhekk, il-fatt li YKK Holding u YKK Corp. ma humiex ikkunsidrati responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn YKK Stocko għall-perijodu preċedenti għal Marzu 1997 huwa irrilevanti għall-iffissar ta’ multiplikatur ta’ dissważjoni.

88

Din il-konklużjoni ma tmurx kontra l-argumenti tal-appellanti hekk kif huma miġbura fil-qosor fil-punti 73 sa 78 ta’ din is-sentenza.

89

Fir-rigward tal-allegat ksur tar-rabta bejn ir-responsabbiltà u s-sanzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti jfixklu l-loġika wara l-limitu tal-multa għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, punt li diġà ġie eżaminat bħala parti mit-tielet aggravju, ma’ dak li huwa l-bażi tal-applikazzjoni ta’ multiplikatur ta’ dissważjoni.

90

Fil-fatt, il-limitu huwa intiż sabiex jiġi aġġustat l-ammont tal-multa imposta għall-ksur imwettaq fil-konfront tal-kapaċità ekonomika tal-impriża miżmuma responsabbli, anki jekk il-perijodu ta’ riferiment għall-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa s-sena finanzjarja preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi sanzjoni lil din l-impriża.

91

Għall-kuntrarju, it-tfittxija ta’ effett dissważiv tas-sanzjoni pekunjarja essenzjalment tfittex li tiddixxiplina, għall-futur, l-aġir tal-entità ekonomika destinatarja tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Tali effett għandu neċessarjament iseħħ fir-rigward tal-impriża kkonċernata fl-istat li hija tkun fih fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

92

F’din il-kawża, hekk kif osservat mill-Kummissjoni, YKK Stocko ma kinitx għadha teżisti bħala entità ekonomika indipendenti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, it-tfittxija għall-effett dissważiv tal-multa neċessarjament kellu jirreferi għall-grupp YKK, li issa YKK Stocko kienet tagħmel parti minnu, u dan indipendentement mill-fatt li YKK Corp. u YKK Holding ma kinux ipparteċipaw fil-ksur matul il-perijodu minn Mejju 1991 sa Marzu 1997.

93

Barra minn hekk, għandu jingħad li t-tfittxija tal-effett dissważiv ma tikkonċernax biss l-impriżi speċifikament previsti mid-deċiżjoni li timponi multi, u dan inkwantu l-impriżi ta’ daqs simili u li għandhom riżorsi analogi għandhom ukoll jiġu inċitati sabiex jastjenu milli jipparteċipaw fi ksur simili tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza Caffaro vs Il‑Kummissjoni, C‑447/11 P, EU:C:2013:797, punt 37).

94

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

95

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ annullament tas-sentenza appellata, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, f’dak li jirrigwarda l-parti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni BWA, dwar l-iffissar tal-limitu ta’ 10 % previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

96

Għal dan il-għan, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 55 sa 68 ta’ din is-sentenza, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn hija kkunsidrat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp YKK, matul l-aħħar sena finanzjarja preċedenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, f’dak li jirrigwarda l-perijodu tal-ksur li matulu YKK Stocko kienet ikkunsidrata bħala l-unika responsabbli għal dan il-ksur.

97

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-appellanti ma kkontestawx id-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa imposta mill-Kummissjoni. Konsegwentement huwa neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha li tiffissa l-multa imposta esklużivament lil YKK Stocko għal fatti li jikkostitwixxi ksur li wettqet indipendentement u li kienu responsabbiltà tagħha stess, fil-kuntest tal-kooperazzjoni BWA, jiġifieri EUR 3 491 000, b’dan l-ammont jirrappreżenta 10 % tad-dħul mill-bejgħ li wettqet matul is-sena fiskali preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

98

Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li l-appellanti kienu talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex jibbenefikaw, fuq l-ammont tal-multa limitata għal 10 % mid-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħhom, mit-tnaqqis ta’ 20 % skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. F’dan ir-rigward, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni, fir-rigward tal-multa imposta għall-ksur dwar il-kooperazzjoni BWA, tat tali tnaqqis u li din tal-aħħar applikat lill-kumpanniji kollha fil-grupp YKK, inkluża YKK Stocko, hemm lok li jiġi użat l-istess metodu ta’ kalkolu tal-ammont finali tal-multa bħal dak implementat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, konformement ma’ dak previst fil-Linji gwida tal-1998, u għaldaqstant, għandu jiġi applikat it-tnaqqis għall-kooperazzjoni wara l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % mid-dħul mill-bejgħ.

99

Għalhekk, hemm lok li jiġi applikat dan it-tnaqqis ta’ 20 %, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għall-ammont tal-multa riveduta, kif determinat fil-punt 97 ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, l-ammont tal-multa imposta esklużivament lil YKK Stocko, f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni BWA għandu jkun iffissat għas-somma ta’ EUR 2 792 800.

Fuq l-ispejjeż

100

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tkun ikkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, jekk dan jidher ġustifikat fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li parti, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati frazzjoni mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

101

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li aggravju wieħed biss invokat mill-appellanti ġie milqugħ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell.

102

F’dawn iċ-ċirkustanzi hemm lok li jiġi deċiż, f’dak li jirrigwarda l-proċeduri kollha, kemm dawk quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll dawk quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-appellanti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li din tal-aħħar għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea YKK et vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2012:322), hija annullata f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont massimu tal-multa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni fi ħdan iċ-ċrieki Bâle-Wuppertal u Amsterdam fis-suq tal-qafliet metalliċi u tal-plastik u tal-magni li jwaħħlu, b’limitu ta’ 10 % ikkalkulat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp YKK matul is-sena preċedenti għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4257 finali, tad-19 ta’ Settembru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-[Artikolu 81 KE] (Każ COMP/39.168 — PO/Prodotti tal-ħjata ibsin: Żippijiet), fir-rigward tal-perijodu tal-ksur li għalih YKK Stocko Fasteners GmbH ġiet ikkunsidrata unikament responsabbli.

 

2)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

3)

L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni C (2007) 4257 finali hija annullata f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-multa li YKK Stocko Fasteners GmbH kienet unikament responsabbli għaliha fil-kuntest tal-kooperazzjoni fi ħdan iċ-ċrieki Bâle-Wuppertal u Amsterdam.

 

4)

Il-multa imposta fuq YKK Stocko Fasteners GmbH għall-ksur li tiegħu hija kienet esklużivament responsabbli, fil-kuntest tal-kooperazzjoni fi ħdan iċ-ċrieki Bâle-Wuppertal u Amsterdam, hija ffissata għal EUR 2 792 800.

 

5)

YKK Corporation, YKK Holding Europe BV u YKK Stocko Fasteners GmbH huma kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea, f’dak li jirrigwarda kemm il-proċeduri tal-ewwel istanza kif ukoll il-proċeduri tal-appell.

 

6)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għal kwart mill-ispejjeż tagħha, f’dak li jirrigwarda kemm il-proċeduri tal-ewwel istanza kif ukoll il-proċeduri tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq