Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0452

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014.
    Germanwings GmbH vs Ronny Henning.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Salzburg.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikoli 2, 5 u 7 – Dritt għal kumpens f’każ ta’ dewmien twil ta’ titjira – Tul tad-dewmien – Kunċett ta’ ‘ħin tal-wasla’.
    Kawża C‑452/13.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2141

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikoli 2, 5 u 7 — Dritt għal kumpens f’każ ta’ dewmien twil ta’ titjira — Tul tad-dewmien — Kunċett ta’ ‘ħin tal-wasla’”

    Fil-Kawża C‑452/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Awwissu 2013, fil-proċedura

    Germanwings GmbH

    vs

    Ronny Henning,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Henning, minn A. Skribe, avukat,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u N. Yerrell, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħin tal-wasla” fis-sens tal-Artikoli 2, 5, u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Germanwings GmbH (iktar ’il quddiem “Germanwings”), trasportatur bl-ajru, u R. Henning dwar rifjut ta’ dan it-trasportatut li jikkumpensa l-allegat dewmien tal-wasla tat-titjira tagħha fl-ajruport ta’ Köln/Bonn (il-Ġermanja).

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi dan li ġej:

    “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

    [...]

    h)

    ‘destinazzjoni finali’ ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta’ l-aħħar titjira; titjiriet konnessi alternattivi li qegħdin għad-dispożizzjoni m’għandhomx jiġu meħudin in konsiderazzjoni jekk il-ħin oriġinali tal-wasla hu mħares”.

    4

    L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

    [...]

    (ċ)

    jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

    [...]

    iii)

    huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

    [...]

    3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

    [...]”

    5

    L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dewmien”, jistabbilixxi:

    “1.   Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

    (a)

    għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

    (b)

    għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

    (ċ)

    għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

    passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

    (i)

    l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

    (ii)

    meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

    (iii)

    meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

    2.   Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

    6

    L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi:

    “1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

    (a)

    EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

    [...]

    2.   Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

    (a)

    b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas; [...]

    [...]

    il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.

    [...]

    4.   Id-distanzi mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mkejlin permezz tal-metodu tal-great circle route.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    7

    R. Henning xtara biljett tal-ajru mingħand Germanwings sabiex jivvjaġġa minn Salzburg (l-Awstrija) għal Köln/Bonn. Dan il-biljett kien jipprovdi tluq mill-ajruport ta’ Salzburg, fil-11 ta’ Mejju 2012, fil-13h30 u wasla fl-ajruport ta’ Köln/Bonn, l-istess ġurnata, fl-14h40. Id-distanza tat-titjira bejn dawn iż-żewġ ajruporti hija, skont il-metodu tal-great circle route, inqas minn 1 500 kilometri.

    8

    Fil-11 ta’ Mejju 2012, l-ajruplan ta’ R. Henning telaq mill-ajruport ta’ Salzburg b’dewmien. Mal-wasla, ir-roti tal-ajruplan messew mat-tarmak tar-runway tal-ajruport ta’ Köln/Bonn fis-17h38. Madankollu, l-ajruplan laħaq il-pożizzjoni tiegħu tal-parkeġġ fis-17h43, jiġifieri 3h03 wara l-ħin tal-wasla previst. Il-bibien tal-ajruplan infetħu ftit wara.

    9

    R. Henning qies li d-destinazzjoni finali ntlaħqet b’dewmien ta’ iktar minn 3 sigħat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla previst. Għalhekk, huwa qies li kellu dritt għal kumpens ta’ EUR 250 fuq il-bażi tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004. Germanwings issostni li, peress li l-ħin tal-wasla effettiv huwa l-ħin li fih ir-roti tal-ajruplan messew mat-tarmak tal-ajruport ta’ Köln/Bonn, id-dewmien meta mqabbel mal-ħin tal-wasla previst huwa biss ta’ 2h58, b’mod li ebda kumpens ma huwa dovut.

    10

    Il-qorti tal-ewwel istanza qieset li l-ħin tal-wasla effettiv li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kien il-ħin li fih l-ewwel bieb tal-ajruplan infetaħ sabiex jippermetti lill-passiġġieri joħorġu mill-ajruplan. Konsegwentement, din il-qorti kkundannat lil Germanwings tħallas lil R. Henning kumpens ta’ EUR 250. Din il-kumpannija appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    11

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Salzburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Liema huwa l-mument rilevanti għall-kunċett ta’ ‘ħin tal-wasla’ użat fl-Artikoli 2, 5 u 7 tar-Regolament [Nru 261/2004]:

    a)

    Il-ħin tal-inżul tal-ajruplan fuq ir-runway (“malli r-roti jmissu mal-art”, bl-Ingliż “touchdown”);

    b)

    Il-ħin li fih l-ajruplan jiġi pparkjat u li fih jiddaħħlu l-brejkijiet jew il-blokkijiet sabiex ir-roti jinżammu fil-post (bl-Ingliż, “chock block”) (“ħin tal-wasla in-block”);

    c)

    Il-ħin tal-ftuħ tal-bieb tal-ajruplan;

    d)

    Ħin iddefinit mill-partijiet fil-kuntest tal-awtonomija privata?”

    Fuq id-domanda preliminari

    12

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2, 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “ħin tal-wasla”, li jintuża sabiex tiġi determinata l-portata tad-dewmien subit mill-passiġġieri ta’ titjira, jindika l-ħin li fih ir-roti tal-ajruplan imissu mar-runway tal-ajruport ta’ destinazzjoni, jew fis-sens li dan il-kunċett jindika l-ħin li fih l-ajruplan jiġi pparkjat u jiġu attivati l-brejkijiet jew iċ-ċokkijiet sabiex ir-roti jinżammu fil-post, jew fis-sens li l-imsemmi kunċett jindika l-ħin tal-ftuħ tal-bieb tal-ajruplan, jew inkella fis-sens li l-istess kunċett jindika ħin iddefinit mill-partijiet bi ftehim komuni.

    13

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi regolament jipprevedi żewġ sitwazzjonijiet differenti ta’ dewmien ta’ titjira.

    14

    Minn naħa, f’ċerti każijiet, bħal dak ta’ dewmien ta’ titjira previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, dan ir-regolament jagħmel riferiment għal dewmien ta’ titjira meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat.

    15

    Min-naħa l-oħra, f’każijiet oħra, bħal dawk li hemm riferiment għalihom fl-Artikoli 5 u 7 tal-imsemmi regolament, dan jirreferi għal dewmien ta’ titjira kkonstatat mal-wasla. Minn dawn l-artikoli jirriżulta li, sabiex tiġi determinata l-portata ta’ dan id-dewmien, għandu jitqabbel il-ħin tal-wasla skedat tal-ajruplan mal-ħin li fih dan effettivament wasal fid-destinazzjoni tiegħu.

    16

    Ir-Regolament Nru 261/2004 ma jiddefinix dan il-ħin tal-wasla effettiv. Madankollu, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11).

    17

    Minn dan jirriżulta li dan il-kunċett ta’ “ħin tal-wasla effettiv” għandu jiġi interpretat b’mod li japplika uniformament fl-Unjoni.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed mill-każijiet previsti mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri dak li jipprovdi li l-imsemmi kunċett huwa ddefinit mill-persuni kkonċernati b’kuntratt, għandu, fl-assenza ta’ kull indikazzjoni f’dan is-sens fir-Regolament Nru 261/2004, jiġi miċħud mill-bidu.

    19

    Għandu sussegwentement jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta jiġu suġġetti għal dewmien twil, jiġifieri żmien ugwali għal jew iktar minn tliet sigħat, il-passiġġieri ta’ dawn it-titjiriet tardivi għandhom, bħall-passiġġieri li t-titjira inizjali tagħhom ġiet ikkanċellata u li għalihom it-trasportatur bl-ajru ma huwiex f’pożizzjoni li jipproponi rotta differenti fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004, dritt għal kumpens fuq il-bażi tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, minħabba li huma wkoll kienu suġġetti għal telf ta’ ħin irriversibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Folkerts, C‑11/11, EU:C:2013:106, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    20

    Fil-fatt, matul it-titjira, il-passiġġieri jibqgħu limitati fi spazju magħluq, taħt l-istruzzjonijiet u l-kontroll tat-trasportatur bl-ajru, fejn, għal raġunijiet tekniċi u ta’ sigurtà, il-possibbiltajiet tagħhom li jikkomunikaw mad-dinja ta’ barra huma kunsiderevolment limitati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-passiġġieri ma jistgħux jissoktaw, mingħajr interruzzjoni, bl-attivitajiet personali, familjari, soċjali jew professjonali tagħhom. Huwa biss ladarba t-titjira tintemm li jistgħu jerġgħu jibdew l-attivitajiet abitwali tagħhom.

    21

    Minkejja li dawn l-inkonvenjenzi għandhom jiġu kkunsidrati bħala inevitabbli sa fejn it-titjira ma taqbiżx it-tul skedat, huwa differenti f’każ ta’ dewmien, peress li l-ħin li jiddekorri, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt ta’ qabel, lil hinn mit-tul skedat tat-titjira, jirrappreżenta “ħin mitluf”, fid-dawl tal-fatt li l-passiġġieri kkonċernati ma jistgħux jużawh sabiex iwettqu l-għanijiet li jwassluhom imorru fil-ħin mixtieq fid-destinazzjoni tal-għażla tagħhom.

    22

    Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “ħin tal-wasla effettiv” għandu jinftiehem, fil-kuntest tar-Regolament Nru 261/2004, bħala li jikkorrispondi għall-ħin fejn is-sitwazzjoni deskritta fil-punt 20 ta’ din is-sentenza tintemm.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-prinċipju, is-sitwazzjoni tal-passiġġieri ta’ titjira la tinbidel sostanzjalment meta r-roti tal-ajruplan tagħhom imissu mar-runway tal-ajruport ta’ destinazzjoni, la meta dan l-ajruplan jiġi pparkjat u jiġu attivati l-brejkijiet u lanqas meta jiġu installati ċ-ċokkijiet, peress li l-passiġġieri jkomplu jkunu suġġetti, fl-ispazju magħluq fejn jinsabu, għal restrizzjonijiet differenti.

    24

    Huwa biss meta l-passiġġieri jiġu awtorizzati jitilqu mill-ajruplan u meta tingħata ordni għal dan l-effett sabiex jinfetħu l-bibien tal-ajruplan li l-passiġġieri jistgħu fil-prinċipju jerġgħu jibdew l-attivitajiet abitwali tagħhom mingħajr ma jkollhom jiġu suġġetti għal dawn ir-restrizzjonijiet.

    25

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 2, 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “ħin tal-wasla”, li jintuża sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dewmien subit mill-passiġġieri ta’ titjira, jikkorrispondi għall-ħin meta jinfetaħ mill-inqas bieb wieħed tal-ajruplan, peress li huwa mifhum li, f’dan il-mument, il-passiġġieri huma awtorizzati jitilqu l-ajruplan.

    26

    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata miċ-ċirkustanza li diversi regolamenti Ewropej, kif ukoll ċerti dokumenti tal-International Air Transport Association (IATA), jirreferu għall-kunċett ta’ “ħin tal-wasla effettiv” bħala l-ħin meta l-ajruplan jiġi pparkjat. Fil-fatt, dawn ir-regolamenti u d-dokumenti jfittxu għanijiet dwar ir-regoli ta’ navigazzjoni bl-ajru u b’mod partikolari għall-għoti ta’ slots, li huma differenti minn dawk tar-Regolament Nru 261/2004. Konsegwentement, id-definizzjonijiet li jagħtu ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ kliem korrispondenti fil-kuntest tar-Regolament Nru 261/2004 li, min-naħa tiegħu, huwa esklużivament intiż li jirrikonoxxi drittijiet minimi lill-passiġġieri li jiġu suġġetti għal varji inkonvenjenzi, minħabba li, kontra r-rieda tagħhom, ma jitħallewx jitilgħu fl-ajruplan, jew minħabba kanċellazzjoni jew dewmien tat-titjira tagħhom.

    27

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikoli 2, 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “ħin tal-wasla”, li jintuża sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dewmien subit mill-passiġġieri ta’ titjira, jikkorrispondi għall-ħin meta jinfetaħ mill-inqas bieb wieħed tal-ajruplan, fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-mument, il-passiġġieri jkunu awtorizzati jitilqu mill-ajruplan.

    Fuq l-ispejjeż

    28

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 2, 5 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “ħin tal-wasla”, li jintuża sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dewmien subit mill-passiġġieri ta’ titjira, jikkorrispondi għall-ħin meta jinfetaħ mill-inqas bieb wieħed tal-ajruplan, fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-mument, il-passiġġieri jkunu awtorizzati jitilqu mill-ajruplan.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq