Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62013CJ0410
Judgment of the Court (Second Chamber), 3 September 2014.#‘Baltlanta’ UAB v Lietuvos valstybė.#Request for a preliminary ruling from the Vilniaus apygardos administracinis teismas.#Reference for a preliminary ruling — Structural funds — Economic, social and territorial cohesion — Regulation (EC) No 1260/1999 — Article 38 — Regulation (EC) No 2792/1999 — Article 19 — Fisheries — Court proceedings at national level — Obligation on the part of the Member State to take the measures necessary to ensure the successful implementation of the decision relating to the grant of funds following court proceedings.#Case C‑410/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ Settembru 2014.
“Baltlanta” UAB vs Lietuvos valstybė.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Fondi strutturali ‑ Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ‑ Regolament (KE) Nru 1260/1999 ‑ Artikolu 38 ‑ Regolament (KE) Nru 2792/1999 ‑ Artikolu 19 ‑ Sajd ‑ Tilwim ġudizzjarju fuq livell nazzjonali ‑ Obbligu tal-Istat Membru li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tajba tad-deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna fi tmiem it-tilwim ġudizzjarju.
Kawża C‑410/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ Settembru 2014.
“Baltlanta” UAB vs Lietuvos valstybė.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Fondi strutturali ‑ Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ‑ Regolament (KE) Nru 1260/1999 ‑ Artikolu 38 ‑ Regolament (KE) Nru 2792/1999 ‑ Artikolu 19 ‑ Sajd ‑ Tilwim ġudizzjarju fuq livell nazzjonali ‑ Obbligu tal-Istat Membru li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tajba tad-deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna fi tmiem it-tilwim ġudizzjarju.
Kawża C‑410/13.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2134
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
3 ta’ Settembru 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Fondi strutturali — Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali — Regolament (KE) Nru 1260/1999 — Artikolu 38 — Regolament (KE) Nru 2792/1999 — Artikolu 19 — Sajd — Tilwim ġudizzjarju fuq livell nazzjonali — Obbligu tal-Istat Membru li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tajba tad-deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna fi tmiem it-tilwim ġudizzjarju”
Fil-Kawża C‑410/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il‑Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura
“Baltlanta” UAB
vs
Lietuvos valstybė,
fil-preżenza ta’:
Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos,
Lietuvos Respublikos žemės ūkio ministerija,
Lietuvos Respublikos finansų ministerija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J. L. da Cruz Vilaça, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u G. Taluntytė, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn Z. Malůšková u A. Steiblytė, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), tal-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999, tas-17 ta’ Diċembru 1999, li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna Komunitarja strutturali fis-settur tas-sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 4, p. 179), kif ukoll tas-Sezzjonijiet 6 u 7 tal-Linji gwida dwar it-tmiem tal-għajnuna (2000-2006) mill-Fondi Strutturali, adottati mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni COM(2006)3424 finali, tal-1 ta’ Awwissu 2006 (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-Kummissjoni”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn “Baltlanta” UAB, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Litwan (iktar ’il quddiem “Baltlanta”), u Lietuvos valstybė (Stat Litwan), fir-rigward tat-talba ta’ din il-kumpannija intiża sabiex tikseb kumpens għad-danni materjali u morali subiti minnha peress li ġiet ostakolata milli tibbenefika minn għajnuna finanzjarja taħt il-Fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 1260/1999
3 |
Il-premessa 52 tar-Regolament Nru 1260/1999 tistabbilixxi: “Billi r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għall-insegwiment u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet u vjolazzjonijiet, u dik tal-Kummissjoni fejn l-Istati Membri ma jikkonformawx ma’ l-obbligi tagħhom, għandha tiġi speċifikata.” |
4 |
L‑Artikolu 8(3) u (4) ta’ dan ir‑regolament huwa fformulat kif ġej: “3. Sabiex jiġi applikat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-implimentazzjoni tal-għajnuna għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, fil-livell teritorjali approprjat skont l-arranġamenti speċifiċi ta’ kull Stat Membru, u mingħajr preġudizzju għall-poteri vestiti fil-Kummissjoni, speċjalment dak tal-implimentazzjoni tal-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. 4. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-Fondi tal-Komunità jintużaw skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja soda.” |
5 |
L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “pjan ta’ żvilupp” u ta’ “operazzjoni” kif ġej: “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]
|
6 |
Skont l-Artikolu 30(1), (2) u (4) tal-istess regolament: “1. L-infiq fir-rigward ta’ operazzjonijiet għandu jkun eliġibbli biss għal kontribuzzjoni mill-Fondi jekk dawn l-operazzjonijiet jiffurmaw parti mill-għajnuna konċernata. 2. L-infiq ma jistax jiġi kunsidrat bħala eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi jekk ikun attwalment tħallas mill-benefiċjarju finali qabel id-data li fiha l-applikazzjoni għall-għajnuna tkun waslet għand il-Kummissjoni. Dik id-data għandha tirrapresenta l-punt ta’ tluq għall-eliġibiltà ta’ l-infiq. Id-data finali għall-eliġibiltà ta’ l-infiq għandha tkun stabbilita fid-deċiżjoni biex tingħata l-kontribuzzjoni mill-Fondi. Din għandha tkun marbuta mal-ħlasijiet li jkunu saru mill-benefiċjarji finali. Din tista’ tiġi estiża mill-Kumisssjoni fuq talba debitament ġustifikata milll-Istat Membru b mod konformi ma’ Artikoli 14 u 15. […] 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li operazzjoni tibqa’ żżomm biss il-kontribuzzjoni mill-Fondi jekk dik l-operazzjoni, fi żmien ħames snin mid-data tad-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew ta’ l-awtorità amministrattiva dwar il-kontribuzzjoni mill-Fondi, ma ssirilhiex modifika sostanzjali:
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar modifiki bħal dawn. Meta sseħħ modifika bħal din, għandu japplika Artikolu 39.” |
7 |
L-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1260/1999 jiddisponi: “1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom jerfgħu fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna. Għal dan l-għan, il-miżuri li huma jieħdu għandhom jinkludu:
[…]
[…]
[…] 3. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom fuq il-bażi ta’ l-arranġamenti amministrattivi bilaterali jikkooperaw sabiex jikkoordinaw il-pjanijiet, il-metodi u l-implimentazzjoni tal-kontrolli sabiex ikabbru l-utilità ta’ dawk imwettqa. Huma għandhom ipartu mill-ewwel ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa. Ta’ mill-inqas darba fis-sena u, fi kwalunkwe każ, qabel ir-reviżjoni annwali provduta minn Artikolu 34(2), għandu jiġi eżaminat u evalwat dan li ġej: […]
4. Wara dawn l-eżaminazzjoni u evalwazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-miżuri li għandhom jittieħdu immedjatament mill-Istat Membru skont dan l-Artikolu u Artikolu 39, il-Kummissjoni tista’ tagħmel osservazzjonijet, b’mod partikolari dwar l-impatt finanzjarju ta’ xi irregolaritajiet li jkunu nstabu. Dawn l-osservazzjonijiet għandhom jiġu ndirizzati lill-Istat Membru u lill-awtorità amministrattiva tal-għajnuna konċernata. Fejn ikun hemm bżonn, l-osservazzjonijiet jistgħu jkunu akkompanjati, b’talbiet għal miżuri ta’ korrezzjoni sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet li nstabu fil-ġestjoni u jikkoreġu l-irregolaritajiet mikxufa li jkunu għadhom ma ġewx ikkoreġuti. L-Istat Membru għandu jkollu l-opportunità li jikkumenta fuq dawn l-osservazzjonijiet. […] 5. Mingħajr preġudizzju għal dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, wara l-verifika meħtieġa, tista’ tissospendi l-pagament provisorju jew parti minnu jekk issib li n-nefqa konċernata tkun konnessa ma irregolarità serja li ma ġietx korretta u li tkun meħtieġa azzjoni immedjata. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat bl-azzjoni meħuda u r-raġunijiet għaliha. Jekk, wara ħames xhur, ir-raġunijiet għas-sospensjoni jibqgħu jeżistu jew l-Istat Membru konċernat ma jkunx informa lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex l-irregolarità serja tiġi rimedjata, id-dispożizzjonijiet stabbiliti taħt Artikolu 39 għandhom japplikaw. […]” |
8 |
Skont l-Artikolu 39(1) ta’ dan ir-regolament: “L-Istati Membri għandhom, l-ewwel nett, jerfgħu r-responsabbiltà biex jinvestigaw l-irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq l-evidenza ta’ xi bidla kbira li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijet għall-implimentazzjoni jew is-superviżjoni ta’ l-għajnuna u biex jagħmlu l-korrezzjonijet finanzjarji meħtieġa. L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijet finali meħtieġa b’konnessjoni ma’ l-irregolarità individwali jew sistematika. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru għandhom jikkonsistu fit-tħassir tal-kontribuzzjoni kollha tal-Komunità jew inkella parti minnha. Il-fondi Komunitarji rilaxxati b’dan il-mod jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru għall-għajnuna konċernata, b’konformità ma l-arranġamenti li għandhom jiġu definiti skont Artikolu 53(2).” |
9 |
Ir-Regolament Nru 1260/1999 ġie mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bis-saħħa tal-Artikolu 107 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, p. 25). L-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 jippreċiża: “Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika, inkluż il-kanċellament sħiħ jew parzjali, ta’ l-għajnuna li tkun ġiet ko-finanzjata mill-Fondi Strutturali jew ta’ proġett li jkun ġie ko-finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni approvat mill-Kummissjoni abbażi tar-[Regolament Nru 1260/1999] jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tkun tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 2006, li konsegwentement għandha tapplika minn hemm ’il quddiem għal dik l-għajnuna jew proġetti konċernati sakemm jingħalqu.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 438/2001
10 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 438/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 14, Vol. 1, p. 132), jiddisponi: “Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għandhom jinkludu proċeduri sabiex tiġi vverifikata l-kunsinna tal-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati u r-realtà ta’ l-infiq mitlub u sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-termini tad-deċiżjoni relevanti tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 u mar-regoli nazzjonali u tal-Komunità applikabbli dwar, b’mod partikolari, l-eliġibbilità ta’ l-infiq għal għajnuna mill-Fondi Strutturali taħt l-assistenza konċernata, l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat (inklużi regoli dwar il-kumulazzjoni ta’ l-għajnuna), protezzjoni ta’ l-ambjent u l-ugwaljanza fl-opportunità.” |
11 |
Ir-Regolament Nru 438/2001 ġie mħassar b’effett mis-16 ta’ Jannar 2007, bis-saħħa tal-Artikoli 54 u 55 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006, tat-8 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 371, p. 1). L-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1828/2006 jippreċiża: “[…] Id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 438/2001] għandhom ikomplu japplikaw għall-għajnuna li ġiet approvata taħt ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999.” |
Ir-Regolament Nru 2792/1999
12 |
L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2792/1999, intitolat “In-notifika ta’ skemi ta’ għajnuna”, fil-verżjoni inizjali tiegħu, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jinnotifkaw lill-Kummissjoni dwar l-iskemi ta’ għajnuna ipprovduti fil-pjani riferiti fl-Artikolu 3(3) u definiti fl-Artikolu 9(b) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, bi qbil ma’ l-Artikoli 87 sa 89 tat-Trattat. 2. Ġewwa l-iskop ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu miżuri supplimentari ta’ għajnuna bla ħsara għall-kondizzjonijiet jew regoli oħra għajr dawk preskritti f’dan ir-Regolament, jew li jkopru somma (ta’ flus) li taqbeż l-ammonti massimi riferiti fl-Anness IV, basta iżda illi jaqblu ma’ l-Artikoli 87 sa 89 tat-Trattat.” |
13 |
Ir-Regolament Nru 2792/1999 ġie b’mod partikolari emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2369/2002, tal-20 ta’ Diċembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 450), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003. |
14 |
Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 2369/2002 hija fformulata kif ġej: “L-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat għandhom jgħoddu għall-għajnuna li tingħata mill-Istati Membri lill-qasam tas-sajd u l-akwakultura. Madankollu, biex jitħaffef ir-rimborż mill-Kummissjoni ta’ fondi li jkunu tħallsu minn qabel mill-Istati Membri, għandha tiddaħħal eċċezzjoni għal dak il-prinċipju biex ikun hemm input finanzjarju obbligatorju mill-Istati Membri lejn miżuri ko-finanzjati mill-Komunità u previsti taħt il-pjan ta’ żvilupp definit fir-Regolament [Nru 1260/1999].” |
15 |
Il-punt 3(b) tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2369/2002 jiddisponi li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2792/1999 ġie ssostitwit bit-test li ġej: “Il-pjani ta’ żvilupp imfissra fl-Artikolu 9(b) tar-Regolament [Nru 1260/1999] għandhom juru li l-għajnuna pubblika hija meħtieġa fejn għandhom x’jaqsmu l-għanijiet segwiti, l-aktar dak li, mingħajr l-għajnuna pubblika, il-bastimenti tas-sajd ikkonċernati ma jkunux jistgħu jiġu mmodernizzati, u li l-miżuri ppjanati ma jipperikolawx is-sostenibbiltà tas-sajd. […]” |
16 |
Il-punt 15 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2369/2002 jiddisponi li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2792/1999 għandu jiġi ssostitwit bit-test li ġej: “L-għajuna finanzjarja obbligatorja u l-għajnuna ta’ l-Istat 1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat għandhom jgħoddu għall-għajnuna mogħtija minn Stati Membri lill-oqsma tas-sajd u l-akwkultura. 2. L-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat m’għandhomx jgħoddu għall-għajnuna finanzjarja obbligatorja mogħtija minn Stati Membri għal miżuri ko-finanzjati mill-Komunità u previsti taħt il-pjani ta’ żvilupp imsemmija fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament u mfissra fl-Artikolu 9(b) tar-Regolament [Nru 1260/1999] jew taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2370/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi miżura ta’ emerġenza tal-Komunità għall-iskrappjar ta’ bastimenti tas-sajd [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 458)]. 3. Il-miżuri li jipprovdu għal finanzjar pubbliku li jaqbeż id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jew tar-Regolament (KE) Nru 2370/2002 dwar l-għajnuna finanzjarja obbligtorja, li hemm imsemmija fil-paragrafu 2, għandhom ikunu trattati bħala ħaġa sħiħa fuq il-bażi tal-paragrafu 1.” |
17 |
Ir-Regolament Nru 2792/1999 ġie mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bis-saħħa tal-Artikolu 104(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006, tas-27 ta’ Lulju 2006, dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU L 223, p. 1). L-Artikolu 103(1) tar-Regolament Nru 1198/2006 jippreċiża: “Dan ir-Regolament ma għandux jolqot il-kontinwità jew modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta’ assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-[Regolament Nru 2792/1999] jew ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal tali assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2006, li għandha konsegwentement tapplika wara dak il-jum għal dik l-assistenza sa l-għeluq tagħha.” |
Il-Linji gwida tal-Kummissjoni
18 |
Is-Sezzjonijiet 6 u 7 tal-Linji gwida tal-Kummissjoni huma fformulati kif ġej:
|
Id-dritt Litwan
19 |
Il-punt 16 tal-Linji gwida għall-applikanti li jippreżentaw proġetti sabiex jibbenefikaw fl-2007 minn għajnuna finanzjarja skont il-miżura “Operazzjonijiet relatati mal-flotta tas-sajd”, settur tal-għajnuna “Twaqqif b’mod permanenti tal-operazzjonijiet tas-sajd ta’ bastimenti tas-sajd” tal-prijorità “Żvilupp rurali u u sajd” tad-dokument ta’ programmazzjoni waħdieni (SPD) tal-Litwanja għall-2004‑2006 [Gairės pareiškėjams, teikiantiems projektus paramai gauti 2007 metais pagal Lietuvos 2004‑2006 metų bendrojo programavimo dokumento (BPD) Kaimo plėtros ir žuvininkystės prioriteto priemonės “Veikla, susijusi su žvejybos laivynu” veiklos sritį “Laivų žvejybinės veiklos nutraukimas visam laikui”], approvati bid-Digriet Nru 3D‑96 tal-Ministru tal-Agrikoltura, tat-28 ta’ Frar 2007 (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-Ministeru tal-Agrikoltura”), jiddisponi: “[h]uwa previst li jiġi allokat lil din is-sejħa għal kandidati, skont il-miżura ‘Operazzjonijiet relatati mal-flotta tas-sajd’, settur tal-għajnuna ‘Twaqqif b’mod permanenti tal-operazzjonijiet tas-sajd ta’ bastimenti tas-sajd’, tal-SPD, fondi ta’ għajnuna ta’ ammont ta’ LTL 8 000 000 (tmien miljun litas litwani).” |
20 |
Il-punt 23.4.5 tal-Linji gwida tal-Ministeru tal-Agrikoltura huwa fformulat kif ġej: “Bastiment tas-sajd fil-baħar (jiġifieri li kien fil-baħar għas-sajd) għal mill-inqas 75 jum matul kull wieħed mill-aħħar żewġ perijodi ta’ 12-il xahar qabel id-data tat-tressiq ta’ talba (dawn il-perijodi jibdew jiddekorru fil-ġurnata preċedenti għal dik tar-reġistrazzjoni ta’ talba mill-aġenzija), jew li kien fil-baħar għas-sajd għall-inqas matul il-jiem li jirrappreżentaw 80 % tan-numru ta’ ġranet awtorizzati lil dan il-bastiment skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.” |
21 |
Il-punt 114 tar-regoli ta’ amministrazzjoni u ta’ finanzjament tal-miżuri tad-dokument ta’ programmazzjoni waħdieni tal-Litwanja għall-2004‑2006, kif ukoll tal-proġetti ffinanzjati fil-kuntest ta’ dawn il-miżuri (Lietuvos 2004–2006 m. bendrojo programavimo dokumento priemonių ir projektų, finansuojamų įgyvendinant šias priemones, administravimo ir finansavimo taisyklės), adottati bid-Digriet Nru 1K‑033 tal-Ministru tal-Finanzi, tat-28 ta’ Jannar 2004, jipprovdi li “[l]-awtoritajiet intermedjarji u ta’ implementazzjoni jikkonkludu kuntratt għal għajnuna mal-applikanti għal proġetti li ġie deċiż li jingħatalhom għajnuna finanzjarja”. |
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22 |
Taħt is-sejħa għal kandidati, ippubblikata mid-9 sat-30 ta’ Marzu 2007, għas-settur tal-għajnuna “Twaqqif b’mod permanenti tal-operazzjonijiet tas-sajd ta’ bastimenti tas-sajd” tal-miżura “Operazzjonijiet relatati mal-flotta tas-sajd” tal-prijorità “Żvilupp rurali u u sajd” tal-SPD, ġew ippreżentati tliet talbiet għal għajnuna finanzjarja, fosthom dik ta’ Baltlanta. |
23 |
Fil-15 ta’ Marzu 2007, Baltlanta ppreżentat it-talba tagħha għal għajnuna finanzjarja ta’ LTL 8 000 000 għall-proġett “Twaqqif b’mod permanenti tal-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastiment tas-sajd Kiras‑1”. |
24 |
Kull talba għal għajnuna finanzjarja għandha tkun ippreżentata b’mod konformi mal-Linji gwida tal-Ministeru tal-Agrikoltura. |
25 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2007, in-Nacionalinė mokėjimo agentura (organu nazzjonali ta’ ħlas fil-Ministeru tal-Agrikoltura, iktar ’il quddiem l-“aġenzija”) ċaħad it-talba ta’ Baltlanta, peress li l-proġett propost ma jissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija fil-punt 23.4.5 tal-Linji gwida tal-Ministeru tal-Agrikoltura, sa fejn irriżulta minn investigazzjoni kriminali qabel it-tilwima ġudizzjarja li l-informazzjoni fornuta minn Baltlanta dwar l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastiment tas-sajd Kiras‑1 ma jirriflettux ir-realtà. |
26 |
Peress li ż-żewġ talbiet l-oħra mressqa fil-kuntest tas-sejħa għal kandidati, ippubblikata mid-9 sat-30 ta’ Marzu 2007, lanqas ma jissodisfaw dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà, il-pakkett ta’ LTL 8 000 000 mhux assenjat, kien imqassam bejn Awwissu 2007 u Ġunju 2008, għal talbiet oħra mressqa wara sejħiet oħra għal applikazzjoni. |
27 |
Baltlanta kkontestat id-deċiżjoni tal-aġenzija tat-3 ta’ Awwissu 2007 quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnjus), li, wara li kkonstatat li l-bastiment Kiras‑1 jissodisfa l-kriterju stabbilit fil-punt 23.4.5 tal-Linji gwida tal-Ministeru tal-Agrikoltura, laqgħat l-appell. Permezz tas-sentenza tas-27 ta’ Diċembru 2007, hija għalhekk annullat din id-deċiżjoni tal-aġenzija. |
28 |
Permezz tas-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2012, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis Teismas (Qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja) ikkonfermat is-sentenza tas-27 ta’ Diċembru 2007, li llum għandha s-saħħa ta’ res judicata. |
29 |
Fl-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi, l-aġenzija eżaminat mill-ġdid it-talba ta’ Baltlanta u kkonstatat li l-proġett tagħha kien eliġibbli sabiex jibbenefika minn għajnuna ta’ LTL 8 000 000 skont il-miżura SPD. |
30 |
Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Jannar 2013, il-Ministeru tal-Agrikoltura madankollu informa lil Baltlanta li t-talba tagħha ma setgħetx tiġi ttrattata ulterjorment minħabba li, l-ewwel nett, il-kuntratti ta’ għajnuna skont il-miżura SPD setgħu jiġu konklużi biss qabel l-1 ta’ Lulju 2008, it-tieni nett, il-perijodu ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż eliġibbli li jibbenefikaw għal finanzjament taħt l-SPD kien għalaq fit-30 ta’ Ġunju 2009 u, it-tielet nett, l-operazzjonijiet tal-proġett “Twaqqif b’mod permanenti tal-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastiment tas-sajd Kiras‑1” ma kienu s-suġġett tal-ebda ħlas taħt l-SPD, u lanqas ma ġew rikonoxxuti bħala li kellhom jiġu ddikjarati lill-Kummissjoni qabel din id-data. |
31 |
Fl-20 ta’ Frar 2013, Baltlanta ressqet azzjoni quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tal-Istat Litwan u intiża għal kumpens għad-danni materjali tagħha fl-ammont ta’ LTL 8 000 000 u għad-danni morali tagħha fl-ammont ta’ LTL 2 000 000. Baltlanta ssostni li l-Ministeru tal-Agrikoltura naqas milli jieħu kull miżura possibbli fi żmien utli, li ma informax lill-Kummissjoni li tressqet tilwima quddiem il-qrati dwar il-kwistjoni tal-eliġibbiltà tat-talba tagħha li tibbenefika minn għajnuna finanzjarja, li ma implementax skema ta’ għajnuna, u li lanqas ma ppreveda għal fondi għall-perijodi sussegwenti wara li l-kwistjoni tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja tkun ġiet riżolta. Dan in-nuqqas ta’ azzjoni kien għalhekk ta’ dannu għaliha. |
32 |
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru tal-Agrikoltura, li jirrappreżenta l-Istat Litwan fil-kawża prinċipali, iqis, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2792/1999 ma jimponi l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri ta’ finanzjament tal-SPD lil hinn minn dak li huwa previst f’dan ir-regolament. Fit-tieni lok, ma hijiex l-allegata illegalità tan-nuqqas ta’ azzjonijiet li ostakolat lil Baltlanta milli tibbenefika mill-għajnuna finanzjarja, iżda l-fatt li l-perijodu ta’ implementazzjoni tal-SPD kien intemm matul il-proċeduri ġudizzjarji dwar id-deċiżjoni tal-aġenzija tat-3 ta’ Awwissu 2007. Dan il-Ministeru jenfasizza, fit-tielet lok, li s-sempliċi fatt li titressaq talba ma jfissirx li l-ammont tal-għajnuna finanzjarja mitluba fit-talba għall-implementazzjoni tal-proġett ser titħallas lill-applikant mingħajr kundizzjoni oħra. Huwa fakkar li r-rimbors, permezz tal-ħlas ta’ somma f’daqqa, huwa allokat lill-benefiċjarju biss, jekk fit-terminu previst fil-kuntratt tal-għajnuna, ikun issodisfa l-obbligi imposti fuqu mil-Linji gwida tal-Ministeru tal-Agrikoltura u mill-kuntratt ta’ għajnuna. |
33 |
Il-Ministeru tal-Finanzi, li intervjena insostenn tal-Istat Litwan ippreċiża li l-ebda kuntratt ta’ għajnuna ma kien konkluż ma Baltlanta u li, konsegwentement, b’mod konformi mal-Artikolu 38(1)(e) tar-Regolament Nru 1260/1999, ir-Repubblika tal-Litwanja ma kinitx obbligata tinforma lill-Kummissjoni bil-proċedura ġudizzjarja li din it-talba kienet suġġetta għaliha. Barra minn hekk, huwa jsostni li ma kienx ġuridikament possibbli għall-Ministeru tal-Agrikoltura li jistabbilixxi riżerva għal proġetti li kienu s-suġġett ta’ kawża fil-qrati. |
34 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Vilniaus apygardos administracinis iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
35 |
Preliminarjament, għandu jingħad li, fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2792/1999, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, ma jiġix applikat ratione temporis fil-kawża prinċipali, peress li, hekk kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, Baltlanta ressqet it-talba tagħha għal għajnuna finanzjarja fil-kuntest ta’ għajnuna li kienet ġiet approvata wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2369/2002, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2003, li l-punt 15 tal-Artikolu 1 tiegħu, jemenda l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2792/1999. |
36 |
Konsegwentement, hemm lok li jiġu eżaminati d-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2792/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2369/2002. |
37 |
Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li bid-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 38(1)(e) tar-Regolament Nru 1260/1999, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2792/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2369/2002, kif ukoll is-Sezzjonijiet 6 u 7 tal-Linji gwida tal-Kummissjoni, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jeħtieġu li l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ tilwima ġudizzjarja fuq deċiżjoni amministrattiva dwar l-eliġibbiltà ta’ talba għal għajnuna finanzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li jieħdu miżuri sabiex jiġu rriżervati l-fondi previsti għal din l-għajnuna u li l-għoti tiegħu huwa s-suġġett ta’ din it-tilwima, sakemm il-kwistjoni ta’ dan l-għoti jiġi deċiż b’mod definittiv. |
38 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, dan tal-aħħar jipprovdi li, bla ħsara għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jerfgħu fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju tal-għajnuna. Dan l-artikolu fih lista mhux eżawrjenti tal-miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu għal dan il-għan. |
39 |
Fost dawn il-miżuri hemm dik prevista mill-Artikolu 38(1)(e) tar-Regolament Nru 1260/1999, li jiddisponi li l-Istati Membri jipprevjenu, jiskopru u jikkoreġu irregolaritajiet. Skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ dawn tal-aħħar għandhom jikkomunikawhom lill-Kummissjoni, sabiex iżommuha informata bil-progress tal-proċeduri amministrattivi u legali. |
40 |
Sabiex jiġu ċċarati s-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 38(1)(e) tar-Regolament Nru 1260/1999, għandu jiġi nnotat li dan ir-regolament ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “irregolarità” li jinsab f’dan l-artikolu. |
41 |
Konsegwentement, fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni, fir-Regolament Nru 1260/1999, tal-kunċett ta’ “irregolarità”, id-determinazzjoni tat-tifsira u l-portata ta’ dan it-terminu għandha tiġi stabbilita skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont is-sens abitwali tiegħu fil-lingwa ta’ kuljum, billi jittieħed kunsiderazzjoni tal-kuntest li fih jintuża u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jifforma parti minnha (ara s-sentenza Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Fis-sens tiegħu skont il-lingwa ta’ kuljum, il-kunċett ta’ irregolarità jinkludi sitwazzjoni li fiha jitwettaq ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt, jew, skont il-każ, tad-dritt tal-Unjoni. |
43 |
Fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1260/1999, għandu jiġi nnotat li dan ir-regolament jiddisponi, fl-Artikolu 8(3), li, sabiex jiġi applikat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, u bla ħsara tal-kompetenzi tal-Kummissjoni b’mod partikolari bħala responsabbli tal-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-implementazzjoni tal-għajnuna għandha prinċipalment tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, fil-livell territorjali xieraq, skont l-arranġamenti speċifiċi ta’ kull Stat Membru. Dan il-prinċipju huwa għalhekk stabbilit fl-Artikolu 38(1) ta’ dan ir-regolament. |
44 |
Fil-każ li jassumi tali kontroll finanzjarju, l-Istat Membru kkonċernat isir l-ewwel responsabbli tal-użu effikaċi tal-fondi tal-Unjoni, li, bla ħsara għall-kompetenzi tal-Kummissjoni, jikkontribwixxi għall-eżekuzzjoni tajba tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. |
45 |
L-Artikolu 38(1)(e) tar-Regolament Nru 1260/1999 għalhekk għandu l-għan li jipproteġi l-baġit ġenerali tal-Unjoni minn kull att jew kull ommissjoni li jista’ jkun ta’ dannu għalih. |
46 |
Fir-rigward tal-kuntest normattiv li fih jinsab l-Artikolu 38(1)(e) tar-Regolament Nru 1260/1999, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 38(3) u (4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-Istat Membru kkonċernat jikkomunika l-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet kkonstatati lill-Kummissjoni, li hekk tkun tista’ tagħmel osservazzjonijiet. Bl-istess mod, l-Artikolu 38(5) ta’ dan ir-regolament jiddisponi li l-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagament provviżorju jew parti minnu jekk issib li l-ispejjeż inkwistjoni huma vvizzjati b’irregolarità serja li ma ġietx korretta u li tkun meħtieġa azzjoni immedjata. |
47 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li fil-punt 44 tas-sentenza Comune di Ancona (C‑388/12, EU:C:2013:734), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, li konformement mal-obbligi previsti fl-Artikolu 38(1)(e) u (h) tar-Regolament Nru 1260/1999, l-Istat Membru kkonċernat għandu jeżamina jekk dik l-emenda li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30(4) ta’ dan ir-regolament tikkostitwixxix irregolarità fis-sens tal-Artikoli 38 u 39 ta’ dan ir-regolament li għaliha jkun jeħtieġ, sussegwentement, li jsiru l-korrezzjonijiet finanzjarji neċessarji u li jiġu rkuprati l-ammonti korrispondenti mitlufa billi jiġu applikati, fejn xieraq, l-interessi moratorji. |
48 |
Jirriżulta mill-istruttura ġenerali tal-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1260/1999 li l-kunċett ta’ “irregolarità” jirreferi għall-użu illegali tal-fondi tal-Unjoni. |
49 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kunċett ta’ “irregolarità” li jinsab fl-Artikolu 38(1)(e) tar-Regolament Nru 1260/1999 għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għal kull ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni li jista’ jkun ta’ dannu għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. |
50 |
Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni ta’ “irregolarità”, hemm lok li l-Artikolu 38(1)(e) tar-Regolament Nru 1260/1999 jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jipprevjenu, jiskopru u jikkoreġu l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni li jista’ jkun ta’ dannu għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jikkomunikaw lill-Kummissjoni b’tali irregolaritajiet u li dawn jinformawha bil-progress tal-proċeduri amministrattivi u legali li jirrigwardaw dawn l-irregolaritajiet. |
51 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 9(k) tar-Regolament Nru 1260/1999 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operazzjoni” bħala “kull proġett jew azzjoni li titwettaq mill-benefiċjarji finali ta’ l-għajnuna”. L-integrazzjoni ta’ proġett jew ta’ azzjoni fl-għajnuna kkonċernata huwa għalhekk element kostituttiv ta’ dan il-kunċett. |
52 |
Konformement mal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, “[l]-infiq fir-rigward ta’ operazzjonijiet għandu jkun eliġibbli biss għal kontribuzzjoni mill-Fondi jekk dawn l-operazzjonijiet jifformaw parti mill-għajnuna konċernata”. Jirriżulta mill-ifformular ta’ din id-dispożizzjoni li huma biss l-“operazzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 9(k) ta’ dan ir-regolament li għandhom ikunu eliġibbli għall-parteċipazzjoni f’dawn il-fondi. |
53 |
Minn dan jirriżulta li biss l-irregolaritajiet marbuta ma’ “operazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 9(k) tar-Regolament Nru 1260/1999, jistgħu jkunu ta’ dannu għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. |
54 |
Konsegwentement, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk proġett bħal dak ippreżentat minn Baltlanta fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jaqax taħt il-kunċett ta’ “operazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 9(k) tar-Regolament Nru 1260/1999. |
55 |
Skont l-Artikolu 38(1)(a) tar-Regolament Nru 1260/1999, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li s-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll ikunu ġew stabbiliti u jkunu qed jiġu implementati b’tali mod li jkun żgurat li l-fondi tal-Unjoni jkunu qed jintużaw b’mod effiċjenti u korrett. L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001 jippreċiża li dawn is-sistemi jipprovdu għal proċeduri sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli dwar, b’mod partikolari, l-eliġibbiltà tal-infiq għal għajnuna mill-Fondi Strutturali skont l-għajnuna kkonċernata. |
56 |
Għandu, barra minn hekk, jiġi mfakkar li s-sistema ta’ għotjiet żviluppata mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija bbażata b’mod partikolari fuq l-eżekuzzjoni mill-benefiċjarju ta’ serje ta’ obbligi li jagħtuh dritt għall-ġbir tal-għajnuna finanzjarja prevista (ara s-sentenza Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, C‑383/06 sa C‑385/06, EU:C:2008:165, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Għalhekk, fil-kuntest tal-proċeduri previsti mis-sistemi nazzjonali ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jiżguraw li l-benefiċjarju jintrabat li jwettaq l-obbligi li jagħtuh dritt għall-ġbir tal-għajnuna finanzjarja prevista. |
58 |
Għal dan il-għan, huwa permissibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jitolbu li tali impenn jittieħed mill-applikant li lilu tingħata għajnuna finanzjarja għall-implementazzjoni tal-proġett tiegħu, qabel ma dan il-proġett ikun jifforma parti mill-għajnuna kkonċernata. |
59 |
Dan huwa l-każ tal-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilita mid-dritt Litwan u li tipprovdi li kuntratt għal għajnuna għandu jkun konkluż mal-applikant li lilu tingħata għajnuna finanzjarja. |
60 |
Minn dan isegwi, li fl-assenza ta’ tali kuntratt, proġett bħal dak ippreżentat minn Baltlanta ma jistax jifforma parti mill-għajnuna kkonċernata u għalhekk ma jikkwalifikax bħala “operazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 9(k) tar-Regolament Nru 1260/1999. |
61 |
Għalhekk, minħabba li ma twettqet l-ebda “irregolarità” marbuta ma’ “operazzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 9(k) tar-Regolament Nru 1260/1999, l-Artikolu 38(1)(e) ta’ dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali. |
62 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2792/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2369/2002, għandu jiġi nnotat li din id-dispożizzjoni tidderoga mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108 TFUE, li jgħid li l-Istati Membri ma għandhomx jinnotifkaw lill-Kummissjoni l-iskemi ta’ għajnuna previsti fil-pjani msemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2369/2002 u ddefinit fl-Artikolu 9(b) tar-Regolament Nru 1260/1999. B’kuntrast, l-għajnuna l-oħra mogħtija mill-Istati Membri fis-settur tas-sajd għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. |
63 |
Konsegwentement, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2792/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2369/2002, ma jobbligax lill-Istat Membru kkonċernat jimplementa skema ta’ għajnuna li għandha bħala għan li tiffinanzja proġett li ġie inġustament imċaħħad mill-opportunità li jibbenefika minn għajnuna finanzjarja. |
64 |
It-tielet lok, fir-rigward tas-Sezzjonijiet 6 u 7 tal-Linji gwida tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li, minn naħa, anki jekk il-Linji gwida ma humiex maħsuba li jipproduċu effetti vinkolanti, il-qrati nazzjonali, meta jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom, għandhom jieħduhom inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari meta huma jgħinu fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda bl-għan li jiżguraw l-implementazzjoni tagħhom jew meta l-għan tagħhom huwa t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom natura vinkolanti (ara, b’analoġija, is-sentenzi Grimaldi, C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 18, u Altair Chimica, C‑207/01, EU:C:2003:451, punt 41). |
65 |
Għandu jiġi osservat, min-naħa l-oħra, li dawn il-Linji gwida għandhom jiġu interpretati konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom natura vinkolanti li huma jridu jsaħħu, jiġifieri r-Regolament Nru 1260/1999. |
66 |
F’dan ir-rigward, is-Sezzjonijiet 6 u 7 ta’ dawn il-Linji gwida jirreferu rispettivament għal “operazzjonijiet mhux mitmuma jew mhux imħaddma fil-ħin tat-tmiem” u għal “operazzjonijiet sospiżi minħabba proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi”. Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “operazzjoni”, fis-sens tal-Linji gwida tal-Kummissjoni, għandu jiġi interpretat konformement mal-kunċett ta’ “operazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 9(k) tar-Regolament Nru 1260/1999. |
67 |
Peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji gwida tal-Kummissjoni huwa limitat għall-“operazzjonijiet” li jifformaw parti mill-għajnuna kkonċernata, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-Linji gwida lanqas ma huma applikabbli fil-kawża prinċipali. |
68 |
Għalhekk, applikant għal għajnuna finanzjarja bħal Baltlanta ma jista’ jagħmel użu la tal-Artikolu 38(1)(e) tar-Regolament Nru 1260/1999, la tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2792/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2369/2002, u lanqas mis-Sezzjonijiet 6 u 7 tal-Linji gwida tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tal-Istat, bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali. |
69 |
Madankollu, għandu jiġi nnotat li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jaffettwawx l-eżerċizzju ta’ azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tal-Istat, li hija introdotta fuq il-bażi ta’ allegat ksur tad-dritt nazzjonali. |
70 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata bħala risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 38(1)(e) tar-Regolament Nru 1260/1999, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2792/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2369/2002, kif ukoll is-Sezzjonijiet 6 u 7 tal-Linji gwida tal-Kummissjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeħtieġux li l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ tilwima ġudizzjarja fuq deċiżjoni amministrattiva dwar l-eliġibbiltà ta’ talba għal għajnuna finanzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu rriżervati l-fondi previsti għal din l-għajnuna u li l-għoti tiegħu huwa s-suġġett ta’ din it-tilwima, sakemm il-kwistjoni ta’ dan l-għoti jiġi deċiż b’mod definittiv. |
Fuq l-ispejjeż
71 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 38(1)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999, tas-17 ta’ Diċembru 1999, li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna Komunitarja strutturali fis-settur tas-sajd, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2369/2002, tal-20 ta’ Diċembru 2002, kif ukoll is-Sezzjonijiet 6 u 7 tal-Linji gwida dwar it-tmiem tal-għajnuna (2000-2006) mill-Fondi Strutturali, adottati mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni COM(2006)3424 finali, tal-1 ta’ Awwissu 2006, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeħtieġux li l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ tilwima ġudizzjarja fuq deċiżjoni amministrattiva dwar l-eliġibbiltà ta’ talba għal għajnuna finanzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu rriżervati l-fondi previsti għal din l-għajnuna u li l-għoti tiegħu huwa s-suġġett ta’ din it-tilwima sakemm, il-kwistjoni ta’ dan l-għoti jiġi deċiż b’mod definittiv. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.