Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62012CJ0295
Judgment of the Court (Fifth Chamber), 10 July 2014.#Telefónica SA and Telefónica de España SAU v European Commission.#Article 102 TFEU — Abuse of dominant position — Spanish markets for access to broadband internet — Margin squeeze — Article 263 TFEU — Review of legality — Article 261 TFEU — Unlimited jurisdiction — Article 47 of the Charter — Principle of effective judicial protection — Review exercising powers of unlimited jurisdiction — Amount of the fine — Principle of proportionality — Principle of non-discrimination.#Case C‑295/12 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Lulju 2014.
Telefónica SA u Telefónica de España SAU vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Artikolu 102 TFUE ‑ Abbuż minn pożizzjoni dominanti ‑ Swieq Spanjoli tal-aċċess għall-internet tal-broadband ‑ Kompressjoni tal-marġni ‑ Artikolu 263 TFUE ‑ Stħarriġ tal-legalità ‑ Artikolu 261 TFUE ‑ Ġurisdizzjoni sħiħa ‑ Artikolu 47 tal-Karta ‑ Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ‑ Stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ‑ Ammont tal-multa ‑ Prinċipju ta’ proporzjonalità ‑ Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
Kawża C‑295/12 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Lulju 2014.
Telefónica SA u Telefónica de España SAU vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Artikolu 102 TFUE ‑ Abbuż minn pożizzjoni dominanti ‑ Swieq Spanjoli tal-aċċess għall-internet tal-broadband ‑ Kompressjoni tal-marġni ‑ Artikolu 263 TFUE ‑ Stħarriġ tal-legalità ‑ Artikolu 261 TFUE ‑ Ġurisdizzjoni sħiħa ‑ Artikolu 47 tal-Karta ‑ Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ‑ Stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ‑ Ammont tal-multa ‑ Prinċipju ta’ proporzjonalità ‑ Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
Kawża C‑295/12 P.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2062
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
10 ta’ Lulju 2014 ( *1 )
“Artikolu 102 TFUE — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Swieq Spanjoli tal-aċċess għall-internet tal-broadband — Kompressjoni tal-marġni — Artikolu 263 TFUE — Stħarriġ tal-legalità — Artikolu 261 TFUE — Ġurisdizzjoni sħiħa — Artikolu 47 tal-Karta — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa — Ammont tal-multa — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”
Fil-Kawża C‑295/12 P,
li għandha bħala suġġett appell abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2012,
Telefónica SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),
Telefónica de España SAU, stabbilita f’Madrid,
irrappreżentati minn F. González Díaz u B. Holles, avukati,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, É. Gippini Fournier u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
France Telecom España SA, stabbilita f’Pozuelo de Alarcón (Spanja), irrappreżentata minn H. Brokelmann u M. Ganino, avukati,
Asociación de Usuarios de Servicios Bancarios (Ausbanc Consumo), stabbilita f’Madrid, irrappreżentata minn L. Pineda Salido u I. Cámara Rubio, avukati,
European Competitive Telecommunications Association, stabbilita f’Wokingham (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Salerno u B. Cortese, avukati,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, Telefónica SA u Telefónica de España SAU (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“appellanti”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (T‑336/07, EU:T:2012:172, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3196 finali, tal-4 ta’ Lulju 2007, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 [KE] (Każ COMP/38.784 – Wanadoo España kontra Telefónica) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) kif ukoll it-talba sussidjarja tagħhom għal annullament jew tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom permezz ta’ din id-deċiżjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament Nru 17
2 |
Il-perijodu ta’ ksur ikopri x-xhur ta’ bejn Settembru 2001 u Diċembru 2006. Issa, fid-data tal-1 ta’ Mejju 2004, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jwettaq l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204) tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, dwar l-implimentazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). |
3 |
Konsegwentement, ir-Regolament Nru 17 kien applikabbli għall-fatti tal-każ sal-1 ta’ Mejju 2004, data li fiha sar applikabbli r-Regolament Nru 1/2003. Madankollu jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1/2003 huma, essenzjalment, identiċi għal dawk tar-Regolament Nru 17. |
4 |
L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kien jipprovdi: “Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unità ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’negliġenza:
[…] Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.” |
5 |
L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 kien jipprovdi: “Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata fit-tifsira ta’ l-Artikolu [229] tat-Trattat li tirrevedi deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew pagament ta’ penalita perjodiku; din tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penalita perjodiku impost.” |
Ir-Regolament Nru 1/2003
6 |
L-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li ssostitwixxa l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kien jipprovdi: “Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:
[…] Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti. […]” |
7 |
L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, li ssostitwixxa l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 jipprovdu: “Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni.” |
Il-linji gwida tal-1998
8 |
Il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”) jipprovdu fil-punt 1, A, iddedikat għall-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur: “A. Gravità Biex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti. Il-ksur se jinqasam għalhekk fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna.
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata
9 |
Il-Qorti Ġenerali pprovdiet sinteżi tal-fatti li wasslu għall-kawża fil-punti 3 sa 29 tas-sentenza appellata:
[….]
[…]
[…]
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata
10 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ottubru 2007, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż prinċipalment għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni. |
11 |
Insostenn tat-talbiet prinċipali tagħhom l-appellanti invokaw sitt motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fid-definizzjoni tas-swieq bl-ingrossa inkwistjoni, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-istabbiliment tal-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-swieq inkwistjoni, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] fir-rigward tal-aġir abbużiv tagħhom, fuq żbalji ta’ fatt u/jew żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti u żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-aġir abbużiv tagħhom kif ukoll l-effett antikompetittiv tiegħu u, fl-aħħar, fuq applikazzjoni ultra vires tal-Artikolu [102 TFUE] u fuq ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ kooperazzjoni żleali u ta’ amministrazzjoni tajba. |
12 |
Insostenn tat-talbiet tagħhom ippreżentati sussidjarjament, l-appellanti invokaw żewġ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi. It-tieni motiv, ippreżentat b’mod iktar sussidjarju, kien ibbażat fuq żbalji ta’ fatt kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fl-iffissar tal-ammont tal-multa. |
13 |
Permezz tad-digrieti, rispettivament, tal-31 ta’ Lulju 2008 u tat-28 ta’ Frar 2011, l-Asociación de usuarios de servicios bancarios (Ausbanc Consumo) (iktar ’il quddiem l-“Ausbanc Consumo”) u France Telecom, minn naħa, kif ukoll il-European Competitive Telecommunications Association (iktar ’il quddiem l-“ECTA”), min-naħa l-oħra, ġew ammessi li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. |
14 |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u r-rikors fl-intier tiegħu. |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
15 |
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
16 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
17 |
Ausbanc Consumo titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
18 |
France Telecom titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
19 |
L-ECTA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
20 |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw għaxar aggravji fil-konfront tas-sentenza appellata. |
21 |
Preliminarjament, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-konfront tal-appell kollu kif ukoll it-talbiet għal aċċess għat-traskrizzjoni litterali jew għar-reġistrazzjoni tal-awdjo tas-seduta tal-Qorti Ġenerali mressqa mill-appellanti u minn Ausbanc Consumo. |
Fuq l-eċċezzjoni ta ’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-konfront tal-appell kollu
22 |
Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-appell, billi tinvoka l-argumenti li ġejjin. |
23 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tenfasizza li l-appell huwa estremament twil u ripetittiv u jiddikjara b’mod frekwenti diversi aggravji f’kull paġna, b’tali mod li l-appell jidher li jinkludi mijiet ta’ aggravji, fatt li jikkostitwixxi “rekord” fl-istorja kontenzjuża tal-Unjoni. |
24 |
Fit-tieni lok, l-appell huwa intiż kważi sistematikament sabiex jikseb eżami ġdid tal-fatti, taħt il-pretest ta’ allegazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali applikat “kriterju legali żbaljat”. |
25 |
Fit-tielet lok, l-aggravji huma ppreżentati spiss wisq bħala dikjarazzjonijiet mingħajr ebda motivazzjoni. |
26 |
Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-appellanti, minn naħa jikkritikaw spiss id-deċiżjoni kkontestata u mhux is-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, meta din il-kritika tikkonċerna s-sentenza appellata, xorta ma tidentifikax prattikament fl-ebda istanza l-partijiet jew il-punti preċiżi tagħha li jinkludu allegatament żbalji ta’ liġi. |
27 |
Fil-ħames lok, il-Kummissjoni ssostni li kien estremament diffiċli għaliha, anki impossibbli, li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha fil-kuntest ta’ appell redatt b’mod konfuż u li ma jinftehimx, u għaldaqstant tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara bħala inammissibbli l-appell fl-intier tiegħu. |
28 |
Sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis li, anki fl-okkażjonijiet rari fejn permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu punt ta’ liġi, l-argumenti tagħhom imorru kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata n-natura manifestament infondata tal-appell permezz ta’ digriet immotivat. |
29 |
Jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, fis-seħħ fid-data tal-preżentata tal-appell, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (ara b’mod partikolari, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 426, kif ukoll Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 24). |
30 |
Għalhekk, ma jkunx jissodisfa dawn ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli aggravju li l-argument tiegħu ma jkunx ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tiegħu, partikolarment peress li l-elementi essenzjali li fuqhom huwa bbażat l-aggravju ma joħorġux b’mod koerenti u komprensibbli biżżejjed mit-test ta’ dan l-appell, li jkun redatt b’mod oskur u ambigwu f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punti 105 u 106, kif ukoll Arkema vs Il-Kummissjoni, C‑520/09 P, EU:C:2011:619, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli appell li ma jkollux struttura koerenti, li jkun limitat għal dikjarazzjonijiet ġenerali li ma jinkludu l-ebda indikazzjonijiet preċiżi marbuta mal-punti tad-digriet appellat li huma possibbilment ivvizzjati bi żball ta’ liġi (ara d-digriet Weber vs Il‑Kummissjoni, C‑107/07 P, EU:C:2007:741, punti 26 sa 28). |
31 |
Fir-rigward tal-appell ippreżentat mill-appellanti, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li dan jinkludi numru kbir ta’ aggravji u ta’ argumenti li għandhom jitqiesu li huma inammissibbli. Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan l-appell huwa ammissibbli fl-intier tiegħu. Fil-fatt, ċertu numru ta’ aggravji mqajma fl-appell kienu jidentifikaw bil-preċiżjoni rikjesta l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata u jesponu b’ċarezza suffiċjenti l-argumenti legali invokati. Konsegwentement, hemm lok, minkejja n-nuqqasijiet ikkonstatati iktar ’il fuq, li tinċaħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà imqajma mill-Kummissjoni fil-konfront tal-appell kollu. |
Fuq it-talbiet għal aċċess għat-traskrizzjoni litterali jew għar-reġistrazzjoni tal-awdjo tas-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali
32 |
L-appellanti u Ausbanc Consumo talbu l-aċċess, skont l-Artikolu 15 TFUE, għat-traskrizzjoni litterali jew għar-reġistrazzjoni tal-awdjo tas-seduta li saret quddiem il-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2011. |
33 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li t-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tkun tidher fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni. |
34 |
Issa, it-talbiet għal aċċess tal-appellanti u ta’ Ausbanc Consumo ma humiex intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, dawn il-partijiet ma jispjegawx għal-liema finijiet huma jixtiequ jiksbu aċċess għat-traskrizzjoni litterali jew għar-reġistrazzjoni tal-awdjo tas-seduta li saret quddiem il-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2011, u lanqas sa liema punt l-aċċess possibbli għal dawn id-dokumenti jista’ jkun utli għalihom għall-finijiet tat-talbiet tagħhom intiżi rispettivament għall-annullament tas-sentenza appellata u għaċ-ċaħda tal-appell. |
35 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda t-talbiet għal aċċess imressqa mill-appellanti u Ausbanc Consumo bħala inammissibbli. |
Fuq l-argument ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu tagħha li teżerċita stħarriġ ta ’ ġurisdizzjoni sħiħa
36 |
Permezz tal-ħames parti tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti u l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni. |
37 |
Barra minn hekk, l-appellanti jtennu diversi drabi dan l-argument li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-obbligu tagħha li teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-istabbiliment tal-ksur, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet aggravju tagħhom. |
38 |
Sa fejn dawn l-argumenti huma identiċi jew jikkoinċidu ħafna, hemm lok li dawn jiġu eżaminati konġuntament u qabel l-aggravji l-oħra. |
39 |
Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkru l-karatteristiċi essenzjali tar-rimedji previsti mid-dritt tal-Unjoni bil-għan li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-impriżi li jkunu suġġetti għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuqhom multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. |
40 |
Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa issa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jikkorrispondi fid-dritt tal-Unjoni għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara s-sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 51; Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 47; kif ukoll Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 36). |
41 |
Hemm lok li jitfakkar li, jekk, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni inkwantu prinċipji ġenerali u jekk l-Artikolu 52(3) tal-Karta jistabbilixxi l-obbligu li d-drittijiet li jinsabu f’din u li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom jingħataw l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma taderixxix magħha, strument ġuridiku integrat formalment fis-sistema legali tal-Unjoni (ara s-sentenza Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:522, punt 32). |
42 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni jipprovdi għal sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mal-proċeduri skont l-Artikolu 102 TFUE li toffri l-garanziji kollha rikjesti mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2011:815, punt 67, kif ukoll Otis et, EU:C:2012:684, punti 56 u 63). Din is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jitwettaq, skont l-Artikolu 261 TFUE, minn ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet previsti f’regolamenti. |
43 |
Fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 263 TFUE jipprovdi, fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ l-atti tal-Kummissjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi u hija kompetenti, għal dan l-għan, sabiex tagħti deċiżjoni fuq ir-rikorsi għal nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, ksur tat-Trattati jew ta’ kull regola ta’ dritt marbuta mal-applikazzjoni tagħhom, jew użu ħażin ta’ poter. Skont l-Artikolu 256 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha teżerċita fl-ewwel istanza l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni kif previst mill-Artikolu 263 TFUE. |
44 |
Dan l-istħarriġ tal-legalità għandu jsir minn ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-multi u tal-pagamenti ta’ penalità imposti mill-Kummissjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 261 TFUE. L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, issostitwit bl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni b’ġurisdizzjoni sħiħa fuq ir-rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun stabbilixxiet multa jew pagament ta’ penalità, u dan jimplika li hija tista’ tħassar, tnaqqas jew żżid il-multa jew il-pagament ta’ penalità imposta. |
45 |
Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-portata tal-istħarriġ tal-legalità tkopri d-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni marbuta mal-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, filwaqt li l-portata tal-ġurisdizzjoni sħiħa prevista mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 hija limitata għall-elementi ta’ tali deċiżjonijiet li jistabbilixxu multa jew pagament ta’ penalità. |
46 |
Sa fejn il-ħames parti tal-ħames aggravju tittratta elementi tad-deċiżjoni kkontestata li jirrigwardaw l-istabbiliment tal-ksur, jeħtieġ li l-argument tal-appellanti, ibbażat fuq ksur tal-obbligu li jiġi eżerċitat stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, jinftiehem fis-sens li huwa jittratta l-eżerċizzju f’dan il-każ, mill-Qorti Ġenerali, tal-istħarriġ tal-legalità previst mill-Artikolu 263 TFUE. |
47 |
Essenzjalment, l-appellanti jiddikjaraw li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-abbuż u tal-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħhom wara li kkonstatat l-assenza ta’ żball manifest minn naħa tal-Kummissjoni, fil-punti 211, 220, 223, 244, 251 u 263 tas-sentenza kkontestata. L-appellanti jinvokaw tlett ilmenti f’dan ir-rigward. |
48 |
Permezz tal-ewwel ilment, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali eżerċitat stħarriġ limitat tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fuq elementi li ma kinux jagħtu lok għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. |
49 |
Permezz tat-tieni lment, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, illimitat ruħha għal stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni sabiex tevita li teżamina jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni kinux isostnu l-konklużjonijiet li hija siltet mill-evalwazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni ekonomika kumplessa skont is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39). |
50 |
Permezz tat-tielet ilment, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali hija obbligata, anki fil-preżenza ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi, li twettaq stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB kif interpretat mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem A. Menarini Diagnostics S.r.l. vs L‑Italja (Nru 43509/08, 27 ta’ Settembru 2011), li fiha ma huwiex involut il-kriterju tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. |
51 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-osservanza tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma teskludix li, fi proċedura ta’ natura amministrattiva, tiġi imposta l-ewwel “piena” minn awtorità amministrattiva. Madankollu, hija tippreżumi li d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tkunx tosserva hija stess il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB għandha tkun suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ organu ġudizzjarju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa (sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Segame SA vs Franza, Nru 4837/06, punt 55, KEDB 2012, u A. Menarini Diagnostics vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59). |
52 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta wkoll, fost il-karatteristiċi ta’ organu ġudizzjarju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li hemm inkluż is-setgħa li jkun jista’ jbiddel id-deċiżjoni meħuda fil-punti kollha tagħha, kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi. Tali organu għandu b’mod partikolari jkollu l-ġurisdizzjoni sabiex janalizza l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-kawża li jkun adit biha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, A. Menarini Diagnostics vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, kif ukoll is-sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:522, punt 35). |
53 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE jimplika li l-Qorti tal-Unjoni għandha teżerċita stħarriġ, kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt, tal-argumenti invokati mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata u li għandu jkollha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla l-imsemmija deċiżjoni u li tbiddel l-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:522, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza li, għalkemm, fl-oqsma li jwasslu għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha marġni diskrezzjonali fil-qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-Qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, jekk humiex affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex kapaċi ssostni l-konklużjonijiet milħuqa (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, EU:C:2005:87, punt 39; Chalkor vs Il-Kummissjoni, EU:C:2011:815, punt 54, kif ukoll Otis et, EU:C:2012:684, punt 59). |
55 |
Barra minn hekk, l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni appellata kollha kemm hi ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali, li hija ċertament obbligata li tirrispondi għall-motivi mqajma u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt, tkun obbligata li twettaq ex officio istruttorja ġdida u sħiħa tal-proċess (sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2011:815, punt 66, kif ukoll Kone et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:696, punt 32). |
56 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Unjoni għandha twettaq l-istħarriġ tal-legalità abbażi tal-elementi prodotti mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati, u ma tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja milli teżerċita stħarriġ approfondit kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2011:815, punt 62, kif ukoll Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:522, punt 37). |
57 |
Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, l-istħarriġ tal-legalità previst mill-Artikolu 263 TFUE kien jissodisfa r-rekwiżiti inklużi fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li jikkorrispondi fid-dritt tal-Unjoni għall-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2011:815, punt 67; Otis et, EU:C:2012:684, punt 56, kif ukoll Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:522, punt 38). |
58 |
F’dan il-każ, l-appellanti sempliċement isostnu, permezz ta’ dikjarazzjoni ġenerali, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-eżami tagħha tal-provi prodotti mill-Kummissjoni mingħajr ma ppreċiżaw in-natura ta’ dan l-eventwali żball, b’mod partikolari inkonnessjoni mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 54 ta’ din is-sentenza. Għalhekk huma ma jsostnux li l-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom jew il-koerenza tagħhom, u lanqas li l-elementi mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali ma jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni ekonomika kumplessa. Barra minn hekk, huma ma jispjegawx kif il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-konklużjonijiet inklużi fil-punti 211, 220, 223, 244, 251 u 263 tas-sentenza appellata u fir-raġunament marbut magħhom. |
59 |
Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, iżda effettivament wettqet stħarriġ approfondit, ta’ dritt u ta’ fatt, tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-motivi invokati mill-appellanti, u b’hekk issodisfat ir-rekwiżiti ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2011:815, punt 82, kif ukoll KME et vs Il‑Kummissjoni, C‑272/09 P, EU:C:2011:810, punt 109). |
60 |
Għaldaqstant, hemm lok li jinċaħad bħala infondat l-argument li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-obbligu tagħha li teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-istabbiliment tal-ksur kif ukoll il-ħames parti tal-ħames aggravju. |
Fuq l-ewwel u d-disa ’ aggravji, ibbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża
61 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża. Dan l-aggravju jinkludi erba’ partijiet. |
62 |
Id-disa’ aggravju invokat mill-appellanti huwa bbażat fuq tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Fid-dawl tal-fatt li dan jirriproduċi kważi b’mod identiku parti mill-iżviluppi esposti fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju, jeħtieġ li dawn jiġu eżaminati flimkien. |
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u fuq id-disa’ aggravju, ibbażati fuq it-tul sproporzjonat tal-proċedura
63 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju u tad-disa’ aggravju tagħhom, l-appellanti jiddikjaraw li t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali huwa sproporzjonat, fatt li jikser id-dritt fundamentali tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’terminu raġonevoli ggarantit mill-Artikoli 47 tal-Karta u 6 tal-KEDB. |
64 |
Għalkemm l-appellanti jitolbu l-annullament tas-sentenza appellata u, sussidjarjament, l-annullament ta’ din is-sentenza sa fejn din ikkonfermat il-multa li ġiet imposta fuqha jew tnaqqis tal-ammont ta’ din tal-aħħar, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ kull indizju li t-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kellu effett fuq l-eżitu tal-kawża, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fl-assenza ta’ effett tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli fuq l-eżitu tal-kawża, l-annullament tas-sentenza appellata ma jkunx joffri rimedju għall-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punti 81 u 82; Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punti 82 u 83, kif ukoll Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punti 81 u 82). |
65 |
F’dan il-każ, l-appellanti ma pprovdew lill-Qorti tal-Ġustizzja ebda indizju ta’ natura li jindika li n-nuqqas ta’ osservanza, minn naħa tal-Qorti Ġenerali, ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni seta’ kellu effett fuq l-eżitu tal-kawża li kienet adita biha din tal-aħħar. B’mod partikolari, l-argument tagħhom li t-tul tal-proċedura pprekludihom milli jippreżentaw appell qabel l-għoti tas-sentenza TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83) ma jippermettix li jiġi konkluż li l-eżitu tal-vertenza li kienet adita biha l-Qorti Ġenerali f’din il-kawża seta’ kien differenti. |
66 |
Sa fejn l-appellanti jitolbu, sussidjarjament, lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom, jeħtieġ li jitfakkar li ksur, minn Qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li tagħti deċiżjoni fuq il-kawżi li jiġu ppreżentati quddiemha f’terminu raġonevoli għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dan ir-rikors jikkostitwixxi rimedju effettiv. Għalhekk, talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati min-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma tistax titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali stess (sentenzi Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:768, punti 86 sa 90; Kendrion vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:771, punti 91 sa 95; kif ukoll Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:770, punti 80 sa 84). |
67 |
Il-Qorti Ġenerali, li jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 256(1) TFUE, u li tkun adita b’talba għall-kumpens, hija obbligata li tagħti deċiżjoni fuq tali talba f’kompożizzjoni differenti minn dik li biha tkun ħadet konjizzjoni tal-kawża li tat lok għall-proċedura li t-tul tagħha jkun ikkritikat (sentenza Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:770, punt 90). |
68 |
F’dan il-każ, ir-rikors ma jinkludix l-informazzjoni neċessarja dwar l-iżvolġiment tal-proċedura fl-ewwel istanza li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar in-natura mhux raġonevoli tat-tul tal-imsemmija proċedura. |
69 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u d-disa’ aggravju għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fil-konstatazzjoni tal-inammissibbiltà ta’ ċerti argumenti inklużi fl-annessi
70 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi, minn naħa, fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-annessi tar-rikors promotur u tar-replika għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn dawn isostnu jew jikkompletaw motivi jew argumenti li ġew invokati espressament fit-test tal-atti tagħhom u, min-naħa l-oħra, fil-punti 231, 250 u 262 ta’ din is-sentenza, iddikjarat inammissibbli, skont il-prinċipju ddikjarat preċedentement, ċerti argumenti inklużi f’dawn l-annessi u marbuta mal-kalkolu tal-valur finali, mat-tul medju tal-klijentela u mal-għadd doppju ta’ diversi entrati ta’ spejjeż. |
71 |
Jeħtieġ li jiġi rrilevat li fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali applikat ir-regola tal-proċedura, imfakkra fil-punt 58 tas-sentenza appellata u inkluża fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom joħorġu, tal-inqas fil-qasir, iżda b’mod koerenti u komprensibbli, mit-test stess tar-rikors, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
72 |
Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx teżiġi minnhom li huma jintegraw fir-rikors il-kalkoli ekonomiċi kollha li jservu bħala bażi għall-argumenti tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li huma ma jidentifikawx bil-preċiżjoni rikjesta liema żball ta’ liġi twettaq mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, l-imsemmi argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza. |
73 |
Konsegwentement, hemm lok li tinċaħad it-tieni parti tal-ewwel aggravju bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettiva. |
Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fil-konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà tal-argumenti marbuta man-natura mhux indispensabbli tal-infrastrutturi ta’ aċċess nazzjonali u reġjonali
74 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, żnaturat il-fatti u kisret id-drittijiet tad-difiża billi ddeċidiet li huma ma kinux invokaw in-natura mhux indispensabbli tal-prodotti bl-ingrossa fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-aġir tagħhom. |
75 |
Hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa ineffettiv, kif jenfasizza wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-invokazzjoni tan-natura mhux indispensabbli tal-prodotti bl-ingrossa mill-appellanti taqa’ taħt argumentazzjoni iktar wiesgħa li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), fil-kuntest ta’ rifjut abbużiv ta’ provvista. Issa, kif dan jirriżulta mill-punti 180 u 181 tas-sentenza appellata, l-aġir abbużiv attribwit lill-appellanti, li jikkonsisti f’kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż differenti ta’ rifjut ta’ provvista, b’tali mod li l-kriterji stabbiliti fis-sentenza Bronner (EU:C:1998:569) ma kinux applikabbli f’dan il-każ (sentenza TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 55 sa 58). |
76 |
Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-preżunzjoni tal-innoċenza
77 |
Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża u l-preżunzjoni tal-innoċenza billi ddeċidiet, fir-rigward ta’ ċerti argumenti inklużi fid-deċiżjoni kkontestata u li ma ġewx invokati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienu l-appellanti li kellhom juru li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dawn l-argumenti ġew imwarrba. |
78 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tal-appellanti f’dan ir-rigward ma jinkludux indikazzjonijiet preċiżi dwar il-punti tas-sentenza kkontestata li huma possibbilment ivvizzjati bi żball ta’ liġi. |
79 |
Konsegwentement, u fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ li tiġi miċħuda r-raba’ parti tal-ewwel aggravju bħala inammissibbli. |
80 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi miċħud l-ewwel aggravju bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat kif ukoll id-disa’ aggravju bħala infondat. |
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji ta ’ dritt fid-definizzjoni tas-swieq bl-ingrossa inkwistjoni
81 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fid-definizzjoni tas-swieq bl-ingrossa inkwistjoni. Il-Kummissjoni, l-ECTA, France Telecom u Ausbanc Consumo jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju. |
82 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti introduttivi tal-imsemmi aggravju ma jidentifikawx bil-preċiżjoni rikjesta żball ta’ liġi li twettaq mill-Qorti Ġenerali, iżda huma komposti minn dikjarazzjonijiet ġenerali u mhux sostnuti li jirrigwardaw essenzjalment il-ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza u ta’ regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova, b’tali mod li dawn għandhom jiġi miċħuda bħala inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza. |
83 |
Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li tirrigwarda serje ta’ evalwazzjonijiet fattwali dwar investimenti kunsiderevoli li jimplikaw l-użu ta’ aċċess mhux marbut mal-loop lokali. |
84 |
Issa, jeħtieġ li jitfakkar li skont il-kliem tal-Artikolu 256 TFUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt. Skont ġurisprudenza stabbilita hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti u, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li tikkunsidra insostenn ta’ dawn il-fatti. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief f’każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi Moser Baer India vs Il‑Kunsill, C‑535/06 P, EU:C:2009:498, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 64). |
85 |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jeħtieġ li jinċaħad bħala inammissibbli l-argument tal-appellanti dwar l-investimenti neċessarji għall-użu ta’ aċċess mhux marbut mal-loop lokali. |
86 |
Fit-tielet lok, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjonijiet fattwali mwettqa fil-punti 115 et seq tas-sentenza appellata, li jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 134 tal-imsemmija sentenza, li kien b’mod ġust li l-Kummissjoni eskludiet l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali mis-suq inkwistjoni f’dan il-każ. B’mod partikolari, l-appellanti tqis bħala żbaljata l-evalwazzjoni li operatur għandu jkollu massa kritika sabiex ikun jista’ jagħmel l-investimenti kbar neċessarji għall-użu ta’ aċċess mhux marbut mal-loop lokali. |
87 |
Fir-raba’ lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni, billi approvat, fil-punt 123 tas-sentenza appellata, ir-raġunament tal-Kummissjoni li s-sostitwibbiltà neċessarja għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għandha timmaterjalizza fi żmien qasir. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-fatt li t-test SSNIP (“small but significant and non transitory increase in price”, test ta’ żieda żgħira imma sinjifikattiva u mhux tranżitorja fil-prezz) għandu jiġi applikat f’kuntest temporali konkret. |
88 |
Fil-ħames lok, l-appellanti jikkritikaw is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet l-eżistenza ta’ sostitwibbiltà assimetrika bejn il-prodotti bl-ingrossa. |
89 |
Peress li dawn l-argumenti huma intiżi sabiex jikkontestaw l-evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, jeħtieġ, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, li jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
90 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 12 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, l-ECTA, France Telecom u Ausbanc Consumo, u li jinċaħad it-tieni aggravju fl-intier tiegħu bħala inammissibbli. |
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji ta ’ liġi fl-evalwazzjoni tal-pożizzjoni dominanti
91 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-istabbiliment, fil-punti 146 et seq tas-sentenza appellata, tal-allegata pożizzjoni dominanti ta’ Telefónica u tas-sussidjarji tagħha fis-suq inkwistjoni. B’mod partikolari l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali bbażat l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti abbażi tas-sehem għoli tagħhom fis-swieq inkwistjoni, jiġifieri 100 % fis-suq bl-ingrossa reġjonali u 84 % fis-suq bl-ingrossa nazzjonali, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni pressjonijiet kompetittivi effettivi li kienu suġġetti għalihom. |
92 |
F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-allegazzjonijiet tal-appellanti maħsuba sabiex juru l-eżistenza ta’ pressjonijiet kompetittivi fuq is-swieq inkwistjoni fil-punti 156, 157 u 160 sa 167 tas-sentenza appellata, u kkonstatat li l-ebda waħda minnhom ma kienet kapaċi tikkontesta l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti li huma kellhom f’dawn is-swieq. |
93 |
Sa fejn, permezz tal-argumenti tagħhom, l-appellanti jfittxu li jikkontestaw l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, jeħtieġ, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, li dawn jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
94 |
Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-proprjetà u tal-prinċipji ta ’ proporzjonalità, ta ’ ċertezza legali u ta ’ legalità kif ukoll fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Bronner (EU:C:1998:569)
95 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li huma kienu kisru l-Artikolu 102 TFUE meta ma kinux ġew sodisfatti l-elementi li jikkostitwixxu rifjut abbużiv ta’ provvista definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner (EU:C:1998:569), u, b’mod partikolari, in-natura indispensabbli tal-konnessjoni. Permezz ta’ dan, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-proprjetà tal-appellanti kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ legalità. |
96 |
Kif jirriżulta mill-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 180 u 181 tas-sentenza appellata, li l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner (EU:C:1998:569) kienu jikkonċernaw rifjut abbużiv ta’ provvista. Issa, l-aġir abbużiv attribwit lill-appellanti, li jikkonsisti f’kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż differenti mir-rifjut ta’ provvista (sentenza TeliaSonera Sverige, EU:C:2011:83, punt 56), li għaliha ma humiex applikabbli l-kriterji stabbiliti fis-sentenza Bronner (EU:C:1998:569), u, b’mod partikolari, in-natura indispensabbli tal-konnessjoni. |
97 |
L-appellanti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma tapplikax il-kriterji stabbiliti fis-sentenza Bronner (EU:C:1998:569) twassal għal ksur tad-dritt tagħhom għall-proprjetà kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ legalità. |
98 |
Indipendentement mill-fondatezza ta’ tali allegazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li dawn tal-aħħar ma tressqux mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali. |
99 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, motiv invokat għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant hija limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi li jkunu ġew ittrattati quddiemha. Issa, li parti tiġi awtorizzata tinvoka f’dan il-kuntest motiv li ma kinitx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali jfisser li din titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, kawża iktar wiesgħa minn dik li kienet tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2005:408, punt 165 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
100 |
Konsegwentement, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 tal-konklużjonijiet tiegħu, jeħtieġ li dawn l-allegazzjonijiet jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
101 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq żbalji ta ’ liġi fl-evalwazzjoni tal-abbuż u tal-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni
102 |
Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-abbuż u tal-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni. Dan l-aggravju jikkonsisti f’sitt partijiet. |
103 |
Il-ħames parti ta’ dan il-ħames aggravju diġà ġiet eżaminata u ġiet miċħuda bħala infondata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza. |
Fuq l-ewwel parti tal-ħames aggravju, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tat-test tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet
104 |
Insostenn tal-ewwel parti tal-ħames aggravju tagħhom, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tat-test tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, l-appellanti sempliċement jagħtu sinteżi taż-żewġ testijiet tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet applikati mill-Kummissjoni, tal-kritiki esposti f’dan ir-rigward fir-rikors promotur tagħhom kif ukoll tar-risposti mogħtija mill-Qorti Ġenerali. |
105 |
Peress li l-appellanti ma jidentifikaw f’dan ir-rigward l-ebda żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali u lanqas il-punti tas-sentenza li huma possibbilment ivvizzjati b’tali żball ta’ liġi, hemm lok, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ħames aggravju bħala inammissibbli. |
Fuq it-tieni parti tal-ħames aggravju, ibbażata fuq żbalji fl-għażla tal-konnessjonijiet bl-ingrossa
106 |
Permezz tat-tieni parti tal-ħames aggravju tagħhom, ibbażata fuq żbalji fl-għażla tal-konnessjonijiet bl-ingrossa, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 200 sa 211 tas-sentenza appellata, eżaminat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għal kull prodott bl-ingrossa meħud separatament, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-operaturi alternattivi kienu jużaw taħlita ottimali ta’ prodotti bl-ingrossa, inkluż l-użu ta’ aċċess mhux marbut mal-loop lokali, li kienet tippermettilhom li jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom. |
107 |
Kif tenfasizza l-Kummissjoni, permezz tal-argumenti tagħha, l-appellanti jfittxu li jikkontestaw l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni u l-assenza ta’ użu ta’ tali taħlita ottimali mill-operaturi alternattivi, b’mod partikolari fil-punti 202 u 210 tas-sentenza appellata. L-appellanti jallegaw ukoll żnaturament tal-fatti, mingħajr madankollu ma jidentifikaw l-elementi tal-proċess li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, hemm lok, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza u kif jikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan l-argument jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
108 |
Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma qalbitx l-oneru tal-prova fil-punt 210 tas-sentenza appellata, iżda sempliċement irrilevat li l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha, u li ma ġewx ikkontestati mill-appellanti, huma ntiżi sabiex juru li l-operaturi alternattivi ma kinux jużaw tali taħlita ottimali matul il-perijodu ta’ ksur. |
109 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li t-tieni parti tal-ħames aggravju tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. |
Fuq it-tielet u r-raba’ parti tal-ħames aggravju, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi fl-eżami tal-metodu tal-FTA u tal-metodu “perijodu b’perijodu” użat mill-Kummissjoni
110 |
Permezz tat-tielet parti tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-eżami, fil-punti 212 sa 232 tas-sentenza appellata, tal-metodu tal-FTA applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. |
111 |
Permezz tar-raba’ parti tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-eżami, fil-punti 233 sa 264 tas-sentenza appellata, tal-metodu “perijodu b’perijodu” implementat mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni. |
112 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-punt 213 tas-sentenza appellata li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni kkalkolat il-profitabbiltà tal-appellanti mill-użu ta’ dawn iż-żewġ metodi, jiġifieri l-metodu “perijodu b’perijodu” kif ukoll il-metodu tal-FTA propost mill-appellanti, bil-għan, b’mod partikolari, “li tiżgura li l-metodu propost minn Telefónica ma jpoġġix fid-dubju l-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tirriżulta mill-analiżi ‘perijodu b’perijodu’”. |
113 |
Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, taħt il-pretest ta’ dikjarazzjonijiet ġenerali u mhux sostnuti ta’ ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-obbligu ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-appellanti jfittxu fil-verità li jiksbu eżami ġdid taż-żewġ metodi applikati mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-profitabbiltà tagħhom. |
114 |
Issa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza jirriżulta li hija l-Qorti Ġenerali biss li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti u, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li hija tkun adottat insostenn ta’ dawn il-fatti. |
115 |
Konsegwentement, u kif jipproponi l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tielet u r-raba’ partijiet tal-ħames aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
Fuq is-sitt parti tal-ħames aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-eżami tal-effetti tal-aġir tal-appellanti fuq is-suq bl-imnut
116 |
Permezz tas-sitt parti tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fil-kuntest tal-eżami tal-effetti tal-aġir tagħhom fuq is-suq bl-imnut. |
117 |
L-appellanti jsostnu, fil-kuntest tal-ewwel ilment, li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura mhux indispensabbli tal-konnessjonijiet fl-eżami tagħha tal-effetti tal-aġir fuq is-suq bl-imnut, u b’hekk interpretat b’mod żbaljat il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza TeliaSonera Sverige (EU:C:2011:83). |
118 |
Dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat peress li jirriżulta minn qari żbaljat tal-punt 69 tas-sentenza TeliaSonera Sverige (EU:C:2011:83), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement indikat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ kompressjoni tal-marġni, in-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa tista’ tkun rilevanti, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata li teħodha inkunsiderazzjoni. |
119 |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali għamlet użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-punti 275 u 276 tas-sentenza appellata, billi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza tal-effetti probabbli tal-aġir tal-appellanti fuq is-swieq inkwistjoni, indipendentement min-natura indispensabbli jew le tal-konnessjonijiet. |
120 |
Permezz tat-tieni lment tagħhom, l-appellanti jiddikjaraw li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk il-marġni bejn il-prezz bl-ingrossa tal-konnessjonijiet u l-prezz bl-imnut kienx pożittiv jew negattiv. |
121 |
Kif sostniet il-Kummissjoni, dan it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, sa fejn l-appellanti ma invokawhx quddiem il-Qorti Ġenerali. |
122 |
Barra minn hekk, l-imsemmi lment ma jidentifikax il-punti tas-sentenza appellata li huma possibbilment ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi, b’tali mod li dan għandu wkoll jiġi miċħud bħala inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza. |
123 |
Permezz tat-tielet ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fil-punt 283 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat bħala ineffettivi l-allegazzjonijiet tagħhom li jirrigwardaw l-assenza ta’ prova tal-effetti konkreti tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fuq is-suq. |
124 |
Jeħtieġ li dan it-tielet ilment jiġi miċħud bħala infondat peress li, minn naħa, bil-għan li tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ prattika bħal dik tal-kompressjoni tal-marġni, l-effett antikompetittiv ta’ din tal-aħħar fuq is-suq għandu jkun jeżisti, mingħajr ma jkun neċessarjament konkret, peress li l-wiri ta’ effett antikompetittiv potenzjali ta’ natura li jeskludi l-kompetituri tal-inqas effikaċi daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti huwa suffiċjenti (ara s-sentenza TeliaSonera Sverige, EU:C:2011:83, punt 64) u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 282 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza ta’ tali effetti potenzjali. |
125 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-sitt parti tal-ħames aggravju għandu jiġi miċħud, u għaldaqstant, dan l-aggravju għandu wkoll jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-projbizzjoni ta ’ aġir ultra vires kif ukoll tal-prinċipji ta ’ sussidjarjetà, ta ’ proporzjonalità, ta ’ ċertezza legali, ta ’ kooperazzjoni leali u ta ’ amministrazzjoni tajba
126 |
Permezz tas-sitt aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-projbizzjoni tal-Kummissjoni milli taġixxi ultra vires kif ukoll il-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba. |
127 |
L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 289 sa 294 tas-sentenza appellata, fl-eżami tal-ksur mill-Kummissjoni tal-projbizzjoni ta’ aġir ultra vires. |
128 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti jiddikjaraw li l-Qorti Ġenerali vvalidat interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Bronner (EU:C:1998:569), billi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tirregola ex post il-kundizzjonijiet tal-prezz li għalihom huwa suġġett l-użu ta’ infrastrutturi mhux indispensabbli. Issa, dan l-argument huwa infondat, peress li huwa jwassal sabiex jiġi sostnut li l-Artikolu 102 TFUE huwa intiż li japplika biss fil-kuntest meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bronner (EU:C:1998:569). F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE huwa ta’ portata ġenerali u ma jistax jiġi limitat, b’mod partikolari u kif irrilevat b’mod ġust il-Qorti Ġenerali fil-punt 293 tas-sentenza appellata, mill-eżistenza ta’ qafas regolatorju adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni bil-għan li jirregola ex ante s-swieq tat-telekomunikazzjoni. |
129 |
Fit-tieni lok, l-appellanti jagħmlu diversi dikjarazzjonijiet mhux sostnuti dwar l-iżnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, dwar l-użu ta’ kunċetti “tat-tip regolatorju” mill-Kummissjoni jew anki fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tirregola ex post il-prezzijiet tal-użu tal-infrastrutturi mhux indispensabbli. Peress li dawn id-dikjarazzjonijiet ma jidentifikawx bil-preċiżjoni rikjesta żball ta’ liġi possibbilment imwettaq mill-Qorti Ġenerali, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza. |
130 |
Permezz tat-tieni parti tas-sitt aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-eżami, fil-punti 296 sa 308 tas-sentenza appellata, tal-ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali mill-Kummissjoni. |
131 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment tal-appellanti, li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, peress li l-appellanti ma jidentifikawx il-punti tas-sentenza appellata li huma possibbilment ivvizzjati bi żball ta’ liġi. |
132 |
It-tieni lment jirrigwarda l-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 306 tas-sentenza appellata, kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi aċċettat li ksur konformi mal-qafas regolatorju jista’ jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE. |
133 |
Jeħtieġ li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat, peress li, kif isostnu ġustament il-Kummissjoni, l-ECTA u France Telecom, il-fatt li l-aġir ta’ impriża jkun konformi ma’ qafas regolatorju ma jimplikax li dan l-aġir ikun konformi mal-Artikolu 102 TFUE. |
134 |
Permezz tat-tielet ilment tagħhom, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 299 sa 304 tas-sentenza appellata, żnaturat b’mod manifest l-allegazzjonijiet tagħhom u injorat l-identità tal-għanijiet segwiti mid-dritt tal-kompetizzjoni u mill-qafas regolatorju. Fid-dawl ta’ din l-identità tal-għanijiet, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika l-kompatibbiltà tal-intervent tal-Kummissjoni abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni mal-għanijiet segwiti mill-kummissjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet Spanjola (Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones, iktar ’il quddiem is-“CMT”) abbażi tal-imsemmi kuntest regolatorju. |
135 |
Hemm lok li dan it-tielet ilment jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, sa fejn huwa bbażat fuq żnaturament tal-argumenti tal-appellanti, peress li l-appellanti ma jidentifikawx l-argumenti li l-Qorti Ġenerali żnaturat, u bħala parzjalment infondat, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, peress li l-implementazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE mill-Kummissjoni ma hijiex issubordinata għal eżami minn qabel tal-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali. |
136 |
Permezz tat-tielet parti tas-sitt aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 309 sa 315 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret il-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba. |
137 |
L-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 313 u 314 tas-sentenza appellata, żnaturat l-allegazzjonijiet tagħhom, sa fejn huma jallegaw mhux li l-Kummissjoni ma kkonsultatx is-CMT fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda li ma aġixxietx fir-rigward tal-punti kollha ta’ fatt neċessarji u b’kooperazzjoni mas-CMT. |
138 |
Jeħtieġ li din it-tielet parti tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-appellanti ma jidentifikawx l-elementi li ġew żnaturati jew l-iżbalji ta’ analiżi li twettqu mill-Qorti Ġenerali. |
139 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq is-seba ’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta ’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003
140 |
Permezz tas-seba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Dan l-aggravju jinkludi żewġ partijiet. |
Fuq l-ewwel parti tas-seba’ aggravju, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-legalità tal-pieni
141 |
Permezz tal-ewwel parti tas-sitt aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-legalità tal-pieni ggarantiti mill-Artikolu 7 tal-KEDB u mill-Artikolu 49 tal-Karta, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ġustament imponiet fuqhom multa minħabba l-prattika ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkontestata. L-appellanti jinvokaw erba’ lmenti f’dan ir-rigward. |
142 |
Fil-kuntest tal-ewwel ilment, intitolat “eżistenza ta’ preċedenti ċari u prevedibbli”, l-appellanti sempliċement jagħtu sinteżi tal-kontenut tal-punti 357 sa 368 tas-sentenza appellata, mingħajr ma jidentifikaw żball ta’ liġi possibbli mwettaq mill-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, hemm lok dan l-ewwel ilment jiġi miċħud bħala inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza. |
143 |
Fil-kuntest tat-tieni lment, l-appellanti sempliċement jiddikjaraw li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ legalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali billi ddeċidiet, fil-punt 357 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tiddeċiedi dwar l-opportunità li timponi multa fil-kuntest partikolari ta’ kull kawża. |
144 |
Sa fejn jirrigwarda l-ksur tal-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB, dan it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, peress li l-appellanti ma invokawx dan l-argument quddiem il-Qorti Ġenerali. |
145 |
Sa fejn l-appellanti jipprevalixxu ruħhom mill-prinċipji ta’ legalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali, l-imsemmi lment għandu wkoll jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li l-appellanti ma jsostnux l-argument tagħhom billi jispjegaw kif dawn il-prinċipji jċaħħdu lill-Kummissjoni minn setgħa diskrezzjonali meta din tiddeċiedi li timponi multa għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. |
146 |
Fil-kuntest tat-tielet ilment, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 360 u 361 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi billi kkonstatat li d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 88/518/KEE, tat-18 ta’ Lulju 1988, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] (IV/30.178 – Napier Brown – British Sugar) (ĠU L 284, p. 41) u Deutsche Telekom jikkostitwixxu preċedenti li jiċċaraw il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-prattiki ta’ kompressjoni tal-marġni. Essenzjalment, l-appellanti jsostnu li l-imsemmija deċiżjonijiet ma jikkostitwixxux preċedenti ċari u prevedibbli, b’tali mod li dawn ma setgħux raġonevolment jipprevedu l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. |
147 |
Jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipji ta’ legalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jipprekludu l-kjarifikazzjoni gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali, iżda jistgħu jopponu l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ regola li tistabbilixxi ksur (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2005:408, punt 217). |
148 |
Dan ikun partikolarment il-każ meta jkun hemm interpretazzjoni ġurisprudenzjali li r-riżultat tagħha ma kienx raġonevolment prevedibbli fil-mument meta jitwettaq il-ksur, b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 218 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
149 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li prattika ta’ kompressjoni tal-marġni tmur kontra l-Artikolu 102 TFUE, kienet raġonevolment prevedibbli fil-mument meta twettaq il-ksur. Din il-prevedibbiltà kienet tirriżulta mid-Deċiżjonijiet 88/518 (Napier Brown) u Deutsche Telekom kif ukoll mill-effetti negattivi prevedibbli ta’ prattika ta’ kompressjoni tal-marġni fuq il-kompetizzjoni, kif tenfasizza ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 358 sa 362 tas-sentenza appellata. |
150 |
Barra minn hekk, sa fejn dan it-tielet ilment huwa bbażat fuq is-sentenza Bronner (EU:C:1998:569), jeħtieġ li jitfakkar li l-aġir abbużiv attribwit lill-appellanti, li jikkonsisti f’kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż differenti mir-rifjut tal-provvista li għalih ma humiex applikabbli l-kriterji stabbiliti fis-sentenza Bronner, (EU:C:1998:569), kif ġie diġà ppreċiżat fil-punt 75 ta’ din is-sentenza. |
151 |
Għaldaqstant, dan it-tielet ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
152 |
Permezz tar-raba’ lment tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet raġonevolment ibbażata fuq preċedenti ċari u prevedibbli. B’mod partikolari, l-appellanti jikkritikaw ir-raġunament żviluppat fil-punti 363 sa 369 tas-sentenza appellata, li bis-saħħa tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet prevedibbli. |
153 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti jfittxu, essenzjalment, li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti marbuta mal-prevedibbiltà tal-metodoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, b’tali mod li dan ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza. |
154 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tas-seba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. |
Fuq it-tieni parti tas-seba’ aggravju, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tal-aġir tagħhom bħala ksur imwettaq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza serja
155 |
Permezz tat-tieni parti tas-seba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tal-aġir tagħhom bħala ksur imwettaq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza serja, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. |
156 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ksur twettaqx b’mod intenzjonat jew b’negliġenza u jekk, minħabba dan il-fatt, jistgħux jiġu ssanzjonati b’multa skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta meta l-impriża kkonċernata ma tistax tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, kemm jekk hija kienet konxja jew le li kienet qed tikser ir-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat (ara s-sentenza Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2010:603, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
157 |
L-appellanti jinvokaw żewġ ilmenti insostenn ta’ din it-tieni parti tas-seba’ aggravju tagħhom. |
158 |
Permezz tal-ewwel ilment, l-appellanti jqisu li huma ma kinux f’pożizzjoni li jipprevedu n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħhom, minħabba n-nuqqas ta’ prevedibbiltà, minn naħa, tad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni adottata mill-Kummissjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, tan-natura antikompetittiva tal-politika tagħhom tal-prezz. |
159 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-appellanti jfittxu, essenzjalment, li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti marbuta mal-prevedibbiltà tad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, b’tali mod li dan l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza. |
160 |
Fir-rigward tan-natura antikompetittiva tal-politika tagħhom tal-prezz, l-appellanti jallegaw li huma ma setgħux jipprevedu l-azzjoni tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 102 TFUE fid-dawl tal-istħarriġ u tal-intervent imwettqa mill-awtorità regolatorja nazzjonali fuq l-attivitajiet tagħhom. |
161 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-azzjoni tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 102 TFUE ma hijiex issubordinata, kif ġie kkonstatat fil-punt 135 ta’ din is-sentenza, għal eżami tal-interventi mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u hija għalhekk, bħala prinċipju, indipendenti minn dawn l-interventi. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-appellanti ma jistgħux validament jipprevalixxu ruħhom minn assenza ta’ prevedibbiltà tal-azzjoni tal-Kummissjoni minħabba l-interventi mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, b’tali mod li dan l-argument tal-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
162 |
L-appellanti jikkritikaw ukoll il-punt 341 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-istħarriġ tal-awtorità regolatorja nazzjonali huwa bbażat fuq l-istimi ex ante u mhux fuq l-ispejjeż storiċi reali tal-appellanti, b’tali mod li l-imsemmi stħarriġ ma setax jipprekludi lill-appellanti milli jipprevedu li l-politika tal-prezz tagħhom kienet ta’ natura antikompetittiva. |
163 |
Peress li l-appellanti ma jistabbilixxux kif din il-konstatazzjoni ta’ natura fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti, l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza. |
164 |
Permezz tat-tieni lment, l-appellanti jikkritikaw iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-argument tagħhom li l-azzjonijiet tas-CMT setgħu joħolqu aspettattivi leġittimi dwar il-konformità tal-prattiki tariffarji tagħhom mal-Artikolu 102 TFUE. |
165 |
Kif tenfasizza France Telecom, peress li l-allegazzjonijiet magħmula mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan it-tieni lment huma maħsuba sabiex jikkontestaw evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 349 sa 351 tas-sentenza appellata, hemm lok li dawn jiġu miċħuda bħala inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza. |
166 |
Konsegwentement, it-tieni parti tas-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
167 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq it-tmien aggravju, ibbażat fuq żbalji ta ’ liġi fil-kalkolu tal-ammont tal-multa
168 |
Permezz tat-tmien aggravju tagħhom, li jikkonsisti fi tliet partijiet, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. |
Fuq l-ewwel parti tat-tmien aggravju, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tal-aġir tal-appellanti
169 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tmien aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi billi kklassifikat l-aġir tagħhom bħala “ksur gravi ħafna” u huma jinvokaw erba’ lmenti f’dan ir-rigward. |
170 |
Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tan-natura tal-ksur fid-dawl tal-linji gwida tal-1998. |
171 |
Fil-kuntest tal-ewwel ilment, l-appellanti ma jidentifikawx b’mod speċifiku li l-punt 386 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li l-klassifikazzjoni ta’ ksur “gravi”, adottata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Deutsche Telekom, kellha tiġi applikata għall-aġir tal-appellanti, tal-inqas sal-pubblikazzjoni, fl-14 ta’ Ottubru 2003, ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li fakkret li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. |
172 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-imsemmi punt 386, peress li abbuż ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ikkaratterizzat”, u konsegwentement bħala “ksur gravi ħafna” biss b’riferiment għad-deċiżjonijiet preċedenti, u dan kif jirriżulta kemm mil-linji gwida tal-1998 kif ukoll mid-deċiżjoni kkontestata. |
173 |
Jeħtieġ li dan l-argument jiġi miċħud bħala infondat, peress li l-punt 386 tas-sentenza appellata, kif tenfasizza b’mod ġust il-Kummissjoni, għandu jinqara flimkien mal-punt 383 tal-imsemmija sentenza, li jagħmel riferiment għall-punti 353 sa 368 tal-istess sentenza, li fihom il-Qorti Ġenerali tikkonstata li kienu jeżistu preċedenti li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni bħala abbuż ikkaratterizzat. |
174 |
Konsegwentement, hemm lok li dan l-ewwel ilment jiġi miċħud bħala infondat, sa fejn dan jirrigwarda l-punt 386 tas-sentenza appellata, u bħala inammissibbli għall-kumplament tiegħu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, sa fejn l-appellanti ma jidentifikawx il-punti tas-sentenza li huma possibbilment ivvizzjati bi żball ta’ liġi. |
175 |
Permezz tat-tieni lment tagħhom, l-appellanti jikkritikaw l-evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-effetti konkreti ta’ esklużjoni fis-suq bl-imnut u l-preġudizzju subit mill-konsumaturi. |
176 |
Kif isostnu France Telecom u l-Kummissjoni, sa fejn dan it-tieni aggravju huwa intiż sabiex jikkontesta evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, jeħtieġ, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, li dan jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
177 |
Permezz tat-tielet ilment tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 413 tas-sentenza appellata, billi ddeċidiet li l-aġir tagħhom seta’ jiġi kklassifikat bħala “gravi ħafna”, meta s-suq ġeografiku inkwistjoni kien limitat għat-territorju Spanjol. L-appellanti jinvokaw, f’dan ir-rigward, ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress li l-klassifikazzjoni adottata fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Lulju 2003, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] (Każ COMP/38.233 – Wanadoo Interactive, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Wanadoo”) kif ukoll Deutsche Telekom kienet dik ta’ ksur “gravi” għal swieq ġeografiċi ikbar minn dak inkwistjoni, jiġifieri dak tat-territorju Ġermaniż u Franċiż rispettivament. |
178 |
Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, kien mingħajr ma wettqet ebda żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 413 tas-sentenza appellata, li ċ-ċirkustanza li s-suq ġeografiku inkwistjoni huwa limitat għat-territorju Spanjol ma teskludix il-klassifikazzjoni ta’ ksur “gravi ħafna”. Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kklassifikat, fid-Deċiżjonijiet Deutsche Telekom u Wanadoo, il-ksur inkwistjoni bħala “gravi” meta s-swieq ġeografiċi inkwistjoni kienu ikbar minn dawk f’din il-kawża ma jinċidix fuq din l-evalwazzjoni, peress li l-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala “gravi” jew “gravi ħafna” ma tiddependix biss fuq il-portata tas-suq ġeografiku inkwistjoni iżda wkoll, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 413 tas-sentenza appellata, fuq kriterji oħra li jikkaratterizzaw il-ksur. |
179 |
Konsegwentement, hemm lok li dan it-tielet ilment jiġi miċħud bħala infondat. |
180 |
Permezz tar-raba’ lment tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li taġġusta l-klassifikazzjoni tal-ksur qabel u wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni Deutsche Telekom jew, tal-inqas, li tispjega kif hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità varjabbli tal-ksur matul il-perijodu kkunsidrat fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa. |
181 |
Kien mingħajr ebda żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 416 tas-sentenza appellata, fakkret li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija tindika fid-deċiżjoni tagħha l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppremettewlha li tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur, mingħajr ma tkun obbligata li tindika ċ-ċifri marbuta mal-metodu tal-kalkolu tal-multa (ara s-sentenzi Weig vs Il‑Kummissjoni, C‑280/98 P, EU:C:2000:627, punti 43 sa 46; Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punti 73 sa 76, kif ukoll Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 463 sa 464). |
182 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta, fil-punt 420 tas-sentenza appellata, hija ċaħdet l-ilment tal-appellanti bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-livell varjabbli tal-gravità tal-ksur u billi ma ddistingwietx bejn żewġ perijodi ta’ ksur. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni sa fejn hija ppreċiżat, fil-punti 739 sa 750 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija kklassifikat il-ksur imwettaq mill-appellanti bħala gravi ħafna matul il-perijodu kollu ta’ ksur, anki jekk l-aġir tagħhom ma kienx jippreżenta l-istess livell ta’ gravità matul dak il-perijodu kollu, filwaqt li spjegat id-differenzi bejn il-kawża Deutsche Telekom, li fiha l-ksur ġie kklassifikat bħala gravi, u din il-kawża. |
183 |
Ċertament, kien ikun deżiderabbli li l-Kummissjoni takkumpanja d-deċiżjoni kkontestata b’motivazzjoni li tmur lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti, partikolarment billi tindika ċ-ċifri li ggwidaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità varjabbli tal-ksur fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa. Madankollu, din il-fakultà ma hijiex ta’ natura li tbiddel il-portata tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Weig vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2000:627, punt 47; Sarrió vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2000:631, punt 77; kif ukoll Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, EU:C:2003:531, punt 149). |
184 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tmien aggravju bħala, parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq it-tieni parti tat-tmien aggravju, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni kif ukoll fuq l-obbligu ta’ stħarriġ tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata
185 |
It-tieni parti tat-tmien aggravju, li tinkludi erba’ lmenti, hija bbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni kif ukoll fuq l-obbligu ta’ stħarriġ tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
186 |
Permezz tat-tielet ilment tagħhom, li jeħtieġ li jiġi eżaminat l-ewwel, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni billi ma vverifikatx jekk il-multa kinitx ġiet ikkalkolata b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni speċifika tal-appellanti. |
187 |
Għandu jiġi kkonstatat li dan it-tielet ilment ma jidentifikax bil-preċiżjoni rikjesta żball ta’ liġi possibbilment imwettaq mill-Qorti Ġenerali, u lanqas il-punti tas-sentenza appellata li huma possibbilment ivvizzjati b’tali żball ta’ liġi, b’tali mod li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza. |
188 |
Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi interpretat b’mod żbaljat il-fatt li ċ-ċirkustanzi tad-Deċiżjonijiet Deutsche Telekom u Wanadoo kienu analogi għal dawk li taw lok għad-deċiżjoni kkontestata u għall-multi f’ammont li kien għaxar darbiet inqas. |
189 |
Issa, kif tfakkar il-Qorti Ġenerali fil-punt 425 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma għandhiex isservi bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra huma biss ta’ natura indikattiva fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskriminazzjonijiet (sentenza Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 104 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
190 |
Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni, fil-passat, imponiet multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li timponi oħrajn ġodda ta’ livell ogħla, jekk tkun meħtieġa żieda tas-sanzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, peress li din tibqa’ ddefinita biss bir-Regolament Nru 1/2003 (sentenza Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2012:221, punt 105 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
191 |
Għaldaqstant kien b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 427 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument ibbażat fuq il-paragun bejn il-multa imposta fuq l-appellanti u l-multi imposti mill-Kummissjoni f’deċiżjonijiet oħra fil-qasam tal-kompetizzjoni, u kkonkludiet li f’dan il-każ ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
192 |
Permezz tat-tieni lment tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma kkonstatatx li l-ammont inizjali tal-multa, li kien ta’ EUR 90 miljun, kien sproporzjonat. F’dan ir-rigward, l-appellanti jenfasizzaw, minn naħa, li dan l-ammont inizjali huwa t-tieni l-ogħla wieħed stabbilit fil-qasam tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti u, min-naħa l-oħra, li l-ammont finali tal-multa kien rispettivament 12.5-il darba u 11.25-il darba iktar minn dak impost fuq Deutsche Telekom u fuq Wanadoo għal aġir abbużiv simili. |
193 |
Barra minn hekk, permezz tar-raba’ lment tagħhom, l-appellanti jikkonfermaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li tistħarreġ il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tagħti motivazzjoni b’akkuratezza partikolari għad-deċiżjoni tagħha li timponi f’din il-kawża multa ta’ ammont sinjifikattivament ogħla minn dawk imposti fid-Deċiżjonijiet Wanadoo u Deutsche Telekom, fid-dawl tax-xebh bejn dawn it-tliet kawżi. |
194 |
Fir-rigward tal-istħarriġ tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li għalkemm il-Kummissjoni, ċertament, spjegat fil-punti 739 sa 750 tad-deċiżjoni kkontestata d-differenzi bejn il-kawża Deutsche Telekom u l-kawża odjerna, hija tat biss ftit preċiżjonijiet dwar il-motivi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni li timponi, f’dan il-każ, multa ta’ ammont sinjifikattivament ogħla minn dawk stabbiliti fid-Deċiżjonijiet Wanadoo u Deutsche Telekom. Il-Kummissjoni setgħet, b’mod partikolari, tippreċiża l-metodoloġija użata sabiex tiddetermina l-ammont inizjali, fuq il-mudell ta’ dak li jipprevedu l-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2), li ma kinux applikabbli fil-mument tal-fatti rilevanti. |
195 |
Madankollu, kien mingħajr ebda żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 434 tas-sentenza appellata, fakkret li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni meta indikat fid-deċiżjoni kkontestata l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppremettewlha li tkejjel il-gravità tal-ksur u t-tul tal-ksur. F’dawn il-kundizzjonijiet, kien b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li hija ma kinitx obbligata li tindika ċ-ċifri marbuta mal-metodu tal-kalkolu tal-multa, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 181 u 183 ta’ din is-sentenza. |
196 |
Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-multa imposta fuq l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament, fil-punt 429 tas-sentenza appellata li, “il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur”. |
197 |
Fil-kuntest tar-raba’ lment, l-appellanti jiddikjaraw ukoll li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 6 tal-KEDB billi ma eżerċitatx stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa kif hija obbligata li tagħmel fir-rigward tal-proporzjonalità tal-ammont inizjali tal-multa. |
198 |
Kif ġie ppreċiżat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-istħarriġ tal-legalità previst mill-Artikolu 263 TFUE għandu jsir minn ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-multi u l-pagamenti ta’ penalità imposti mill-Kummissjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 261 TFUE. L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, li ġie ssostitwit bl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa dwar ir-rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew pagament ta’ penalità, li jimplika li din tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penalità impost. |
199 |
L-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jissostitwixxi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jipprovdi li l-ammont tal-multa għandu jiġi ddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur. |
200 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta fir-rigward tal-multa, il-Qorti tal-Unjoni hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, maħsub sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur. |
201 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-punt 431 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-metodoloġija esposta fil-punt 1, A, tal-linji gwida tal-1998 ma jissodisfax il-loġika stabbilita li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, stabbilit skont il-gravità tal-ksur, huwa kkalkolat skont in-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel u l-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat. |
202 |
Filwaqt li applikat dawn il-kriterji u b’riferiment għall-punti 371 sa 421 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 432 tas-sentenza appellata, li l-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 90 miljun ma kienx sproporzjonat, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li l-aġir tal-appellanti kien jikkostitwixxi abbuż ikkaratterizzat li għalih jeżistu preċedenti u li jikkomprometti l-għan tat-tlestija ta’ suq interna għan-netwerks u għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi abbuż kellu effett sinjifikattiv fuq is-suq bl-imnut Spanjol. |
203 |
Għalkemm il-Qorti Ġenerali ċertament naqset milli tikkonstata li l-Kummissjoni ma esponietx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodoloġija li hija użat sabiex tiddetermina l-ammont inizjali tal-multa, fuq il-mudell ta’ dak li jipprevedu l-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, li ma kinux applikabbli fil-mument tal-fatti rilevanti, tali ommissjoni ma hijiex madankollu suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ dan l-ammont, li hija wettqet abbażi tal-kriterji elenkati fil-punt 432 tas-sentenza appellata. |
204 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-eżami tal-argumenti tal-appellanti maħsuba sabiex juru li l-ammont inizjali tal-multa kien sproporzjonat, il-Qorti Ġenerali effettivament eżerċitat il-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, billi eżaminat l-ilmenti kollha, ta’ liġi u ta’ fatt, invokati mill-appellanti u maħsuba sabiex juru li l-ammont tal-multa ma kienx jirrifletti l-gravità u t-tul tal-ksur. Matul l-eżami tal-imsemmija lmenti, il-Qorti Ġenerali madankollu ddeċidiet li l-ebda wieħed mill-argumenti invokat mill-appellanti ma kienx jiġġustifika tnaqqis ta’ dan l-ammont inizjali. |
205 |
Sa fejn, permezz tar-raba’ lment tagħhom, l-appellanti jikkritikaw l-evalwazzjoni tan-natura sproporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt rilevanti, imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 432 tas-sentenza appellata, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax meta hija tagħti deċiżjoni dwar punti ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur minn dawn tal-aħħar tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2012:738, punti 125 u 126; Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, C‑70/12 P, EU:C:2013:351, punt 57; u Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il‑Kummissjoni, C‑586/12 P, EU:C:2013:863, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
206 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma wrewx kif l-ammont inizjali ta’ EUR 90 miljun adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
207 |
Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-tieni parti tat-tmien aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. |
Fuq it-tielet parti tat-tmien aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-eżami taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa għall-finijiet dissważivi, tal-klassifikazzjoni tal-aġir tal-appellanti bħala “ksur fit-tul” kif ukoll tat-tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti
208 |
Permezz tat-tielet parti tat-tmien aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-eżami taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa għall-finijiet dissważivi, tal-klassifikazzjoni tal-aġir tal-appellanti bħala “ksur fit-tul” kif ukoll tat-tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti. |
209 |
Fir-rigward tal-ewwel ilment, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-eżami taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa għall-finijiet dissważivi, l-appellanti jinvokaw l-argumenti li ġejjin. |
210 |
Minn naħa, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, billi vvalidat iż-żieda tal-ammont inizjali għal finijiet dissważivi, meta s-setgħa ekonomika tagħhom kienet paragunabbli ma’ dik tal-impriżi kkonċernati fid-Deċiżjonijiet Wanadoo u Deutsche Telekom, li fihom il-Kummissjoni ma kinitx imponiet tali żieda. |
211 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 189 u 190 ta’ din is-sentenza, kien b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 441 tas-sentenza appellata, dan l-argument ibbażat fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar ma tistax isservi bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. |
212 |
Minn naħa l-oħra, l-appellanti jiddikjaraw li l-Qorti Ġenerali vvalidat ir-raġunament tal-Kummissjoni permezz ta’ sempliċi riferimenti ġenerali għal kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma eżaminat in-natura xierqa tal-fattur multiplikatur ta’ 25 % u dan, bi ksur tal-obbligu tagħha li teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa. |
213 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa previst fl-Artikoli 261 TFUE u 31 tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li jiġi enfasizzat li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Unjoni għandha tqajjem ex officio, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenzi Chalkor vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2011:815, punt 64, kif ukoll KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 131). |
214 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 438 sa 441 tas-sentenza appellata, il-mod kif il-Kummissjoni mmotivat iż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa u kkonstatat li din tal-aħħar kienet ibbażata, sal-grad rikjest mil-liġi, fuq informazzjoni inkluża fid-deċiżjoni kkontestata dwar is-setgħa ekonomika tal-appellanti. Permezz ta’ dan, il-Qorti Ġenerali eżerċitat il-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, billi eżaminat l-ilmenti kollha, ta’ liġi u ta’ fatt, invokati mill-appellanti f’dan il-kuntest. |
215 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
216 |
It-tieni lment tal-appellanti huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-eżami tal-klassifikazzjoni tal-aġir tal-appellanti bħala “ksur fit-tul”. |
217 |
Fir-rigward tad-data tal-bidu tal-ksur, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset b’mod żbaljat li tiddistingwi bejn il-perijodu ta’ qabel id-Deċiżjoni Deutsche Telekom u dak ta’ wara din id-deċiżjoni u li tevalwa l-gravità tal-ksur fid-dawl ta’ kull perijodu, u b’hekk kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-obbligu tagħha li teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa. |
218 |
Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, sa fejn l-appellanti sempliċement jallegaw li l-Qorti Ġenerali kellha tiddistingwi bejn żewġ perijodi ta’ ksur skont l-allegata intensità varjabbli tal-ksur, mingħajr ma jispjegaw kif it-tul tal-ksur kellu jitnaqqas. |
219 |
L-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-allegazzjonijiet tagħhom, mingħajr madankollu ma identifikaw bil-preċiżjoni rikjesta l-elementi li ġew żnaturati jew l-iżbalji ta’ analiżi li twettqu mill-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, hemm lok, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, li dan l-argument jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
220 |
Fir-rigward tad-data tat-tmiem tal-ksur, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, skont l-appellanti, li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza tal-ksur sal-aħħar tal-ewwel sitt xhur tas-sena 2006. Konsegwentement, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova billi ddeċidiet li huma ma kinux ipproduċew il-prova tal-assenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet matul it-tieni sitt xhur tal-2006, meta kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. |
221 |
Mill-punt 451 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, abbażi tal-elementi tal-proċess mhux ikkontestati mill-appellanti, li kemm il-prezz bl-ingrossa kif ukoll il-prezz bl-imnut ta’ Telefónica de España SAU ma kellhom l-ebda tibdil bejn ix-xhur ta’ Settembru 2001 u l-21 ta’ Diċembru 2006, id-data tat-tmiem tal-ksur, u dan meta l-appellanti ma sostnew l-ebda modifika tal-ispejjeż meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. B’dan, il-Qorti Ġenerali ma qalbitx l-oneru tal-prova, iżda b’mod korrett wettqet evalwazzjoni tal-provi prodotti quddiemha, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 171 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
222 |
Konsegwentement, it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
223 |
It-tielet ilment huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-eżami tat-tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti. |
224 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti jiddikjaraw li l-Qorti Ġenerali applikat “kriterju legali żbaljat” billi qieset li n-negliġenza tagħhom kienet estremament gravi, bil-għan li tevalwa n-natura adegwata tat-tnaqqis ta’ 10 % li ngħata lilhom mill-Kummissjoni abbażi tal-aspettattivi leġittimi. |
225 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punt 459 tas-sentenza appellata, evalwazzjonijiet fattwali dwar il-livell ta’ negliġenza tal-appellanti. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza. |
226 |
Fit-tieni lok, l-appellanti jikkritikaw il-punt 461 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment, fl-eżami tagħha tal-allegata natura ġdida tal-kawża, għar-raġunament tagħha marbut mal-eżistenza ta’ preċedenti ċari u prevedibbli. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju manifestament żbaljat, jiġifieri dak taċ-ċertezza legali, u injorat li waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti ddefiniti mil-linji gwida tal-1998 hija l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli tal-impriża dwar in-natura ta’ ksur tal-aġir tagħha. Issa, skont l-appellanti, tali dubju raġonevoli eżista tal-inqas sax-xahar ta’ Ottubru 2003, data tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni Deutsche Telekom, u ppersista sal-għoti tas-sentenza TeliaSonera Sverige (EU:C:2011:83). |
227 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli fost l-appellanti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li dan ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza. |
228 |
Isegwi li t-tielet parti tat-tmien aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment ineffettiva u parzjalment infondata. |
229 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li t-tmien aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat. |
Fuq l-għaxar aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu li jiġi eżerċitat stħarriġ ta ’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB fir-rigward tal-iffissar tal-multa
230 |
Permezz tal-għaxar aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li twettaq stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB fir-rigward tal-iffissar tal-multa, peress li hija naqset milli teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa prevista fl-Artikoli 261 TFUE u 31 tar-Regolament Nru 1/2003. |
231 |
Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-għaxar aggravju, l-appellanti ma jidentifikawx bil-preċiżjoni rikjesta l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata, iżda sempliċement jiddikjaraw b’mod ġenerali u mhux sostnut li l-Qorti Ġenerali kellha twettaq eżami tal-provi kollha u taċ-ċirkustanzi ta’ fatti rilevanti kollha bil-għan li tiġi evalwata n-natura adegwata tal-multa. Madankollu hemm lok li jiġi enfasizzat li l-argument żviluppat insostenn ta’ dan l-aggravju, marbut mal-ksur tal-obbligu li jitwettaq stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, diġà ġie eżaminat fil-kuntest ta’ aggravji oħra, sa fejn l-appellanti identifikaw bil-preċiżjoni rikjesta l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata. |
232 |
Konsegwentement, dan l-għaxar aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza. |
233 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud, fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
234 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
235 |
Skont l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
236 |
Peress li l-appellanti tilfu fl-aggravji tagħhom, hemm lok, skont it-talbiet tal-Kummissjoni, li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż. |
237 |
France Telecom, Ausbanc Consumo u l-ECTA, intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.