EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0220

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-10 ta' Lulju 2014.
Kalliopi Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea.
Appell - Responsabbiltà mhux kuntrattwali - Ommissjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri - Talba għall-kumpens għad-dannu - Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza - Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali - Kompetenzi - Żvolġiment tal-investigazzjonijiet preliminari.
Kawża C-220/13 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2057

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C‑220/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-25 ta’ April 2013,

Kalliopi Nikolaou, residenti f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn V. Christianos u S. Paliou, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Qorti tal‑Awdituri tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Kennedy u I. Ní Riagáin Düro, bħala aġenti, assistiti minn P. Tridimas, barrister,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Berger, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. Permezz tal-appell tagħha, K. Nikolaou l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Nikolaou vs Il‑Qorti tal‑Awdituri (T‑241/09, EU:T:2013:79, iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għad-danni tagħha intiż sabiex tikseb kumpens għad-dannu li allegatament ġarrbet b’konsegwenza ta’ irregolaritajiet u ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Awdituri allegatament wettqet fil-kuntest ta’ investigazzjoni interna.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2. K. Nikolaou kienet Membru tal-Qorti tal-Awdituri bejn l-1996 u l-2001. Skont rapport ippubblikat fil-ġurnal Europa Journal fid-19 ta’ Frar 2002, B. Staes, Membru tal-Parlament Ewropew, kellu għad-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni dwar aġir illegali imputabbli lill-appellanti matul il-mandat tagħha bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

3. B’ittra tat-18 ta’ Marzu 2002, is-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”) bagħat lid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fajl li kien fih provi relatati ma’ dan l-aġir, li huwa nnifsu u l-President ta’ din l-istituzzjoni kienu jafu bihom. Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali talab lill-OLAF jindikalu jekk kienx hemm lok li K. Nikolaou tiġi informata dwar l-eżistenza ta’ investigazzjoni dwarha skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-investigazzjonijiet interni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.

4. B’ittra tat-8 ta’ April 2002, il-President tal-Qorti tal-Awdituri informa lil K. Nikolaou bl-eżistenza ta’ investigazzjoni interna mmexxija mill-OLAF wara l-artiklu ppubblikat fl- Europa Journal . B’ittra tas-26 ta’ April 2002, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF informa lil K. Nikolaou li, wara l-informazzjoni li dan is-servizz kien irċieva mingħand B. Staes u fuq il-bażi ta’ fajl ta’ investigazzjoni preliminari mħejji mis-Segretarju Ġenerali, kienet inbdiet investigazzjoni interna, u hija ġiet mitluba tikkoopera f’dan ir-rigward.

5. K. Nikolaou kellha laqgħa ma’ persuni kompetenti mill-OLAF fl-24 ta’ Mejju 2002. Fis-17 ta’ Ottubru 2002, is-sit internet European Voice ppubblika rapport li spjega, b’mod partikolari, li l-OLAF kien wasal biex jiffinalizza l-investigazzjoni li tmexxiet fil-konfront tal-appellanti. Rapporti simili ġew ippubblikati mill-istampa Griega. B’ittra tat-28 ta’ Ottubru 2002, l-OLAF informa lil K. Nikolaou bl-għeluq ta’ din l-investigazzjoni u indikalha li r-rapport finali kif ukoll l-informazzjoni rilevanti kienu ntbagħtu lis-Segretarju Ġenerali u lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi. B’ittra tal-10 ta’ Frar 2004, il-Qorti tal-Awdituri kkomunikat verżjoni fil-qosor tar-rapport finali tal-OLAF lill-appellanti.

6. Skont dan ir-rapport finali tat-28 ta’ Ottubru 2002, l-informazzjoni li tirrigwarda lil K. Nikolaou kienet ġiet ipprovduta lil B. Staes minn żewġ membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri, li wieħed minnhom kien membru tal-kabinett tal-appellanti. L-akkużi eżaminati kienu jirrigwardaw, fl-ewwel lok, somom tal-flus li l-appellanti kienet irċeviet mingħand il-membri tal-persunal tagħha bħala self; fit-tieni lok, dikjarazzjonijiet allegatament foloz dwar talbiet għat-trasferiment ta’ ġranet ta’ leave li jirrigwardaw il-kap tal-kabinett tagħha, li taw lok għal rimbors ta’ madwar EUR 28 790 lil dan tal-aħħar abbażi ta’ leave mhux meħud matul is-snin 1999, 2000 u 2001; fit-tielet lok, l-użu tal-vettura tax-xogħol ta’ K. Nikolaou għal finijiet mhux previsti fir-regoli applikabbli; fir-raba’ lok, ordnijiet ta’ inkarigu mogħtija lix-xufier tal-appellanti għal finijiet mhux koperti mir-regoli applikabbli; fil-ħames lok, politika ta’ assentiżmu fi ħdan il-kabinett tal-appellanti; fis-sitt lok, attivitajiet ta’ natura kummerċjali u interventi ma’ persuni f’karigi għoljin sabiex jiġu ffaċilitati tali attivitajiet eżerċitati minn membri tal-familja tagħha; fis-seba’ lok, frodi mwettqa fil-kuntest ta’ kompetizzjoni u; fit-tmien lok, frodi relatati mal-ispejjeż ta’ rappreżentazzjoni miġbura mill-appellanti.

7. L-OLAF ikkonkluda li kien hemm il-possibbiltà li kien twettaq ksur li seta’ jiġi kkwalifikat bħala falsifikazzjoni, użu ta’ dokumenti foloz u frodi fir-rigward tat-talbiet għat-trasferiment ta’ ġranet ta’ leave tal-kap tal-kabinett tal-appellanti. Skont l-imsemmi rapport finali, l-appellanti u l-membri tal-kabinett tagħha setgħu wettqu reati kriminali fir-rigward ta’ somom ta’ flus li l-persuna kkonċernata rċeviet, skont il-persuni implikati, bħala self. F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91), l-OLAF informa lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi b’dawn l-elementi, sabiex dawn tal-aħħar jinvestigaw il-fatti li jistgħu jiżvelaw li kienu twettqu reati kriminali.

8. Fir-rigward tal-akkużi l-oħra, ħlief għal dik ta’ frodi mwettqa fil-kuntest ta’ kompetizzjoni, l-OLAF wera li seta’ kien hemm irregolaritajiet jew punti ta’ interrogazzjoni fir-rigward tal-aġir ta’ K. Nikolaou u ssuġġerixxa lill-Qorti tal-Awdituri li jittieħdu “miżuri korrettivi” kontra din tal-aħħar kif ukoll miżuri sabiex tittejjeb is-sistema ta’ kontroll fis-seħħ fi ħdan din l-istituzzjoni.

9. Fis-26 ta’ April 2004, l-appellanti nstemgħet waqt laqgħa ristretta tal-Qorti tal-Awdituri, għall-finijiet tal-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 247(7) KE. B’ittra tat-13 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-13 ta’ Mejju 2004”), il-President tal-Qorti tal-Awdituri spjega li, fir-rigward tar-rinviju tal-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 247(7) KE, minħabba li K. Nikolaou allegatament talbet u kisbet self personali mingħand membri tal-kabinett tagħha, l-unanimità meħtieġa mill-Artikolu 6 tar-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri, kif adottati fil-31 ta’ Jannar 2002, ma kinitx inkisbet waqt il-laqgħa li nżammet fl-4 ta’ Mejju 2004. Il-President tal-Qorti tal-Awdituri ddikjara wkoll, f’dan ir-rigward, li maġġoranza kbira tal-Membri ta’ din l-istituzzjoni kienu kkunsidraw li l-aġir tal-appellanti kien assolutament mhux xieraq. Fir-rigward tal-ġranet ta’ leave tal-kap tal-kabinett ta’ din tal-aħħar, il-President tal-Qorti tal-Awdituri spjega li, peress li l-kawża kienet pendenti quddiem il-qrati Lussemburgiżi, l-istituzzjoni kkonċernata kienet iddifferiet id-deċiżjoni tagħha sakemm jiġu konklużi l-proċeduri relattivi.

10. Permezz tas-sentenza Nikolaou vs Il‑Kummissjoni (T‑259/03, EU:T:2007:254), il-Qorti Ġenerali kkundannat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tħallas lill-appellanti kumpens ta’ EUR 3 000, b’riżultat tal-pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni dwar l-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF.

11. Permezz ta’ sentenza mogħtija fit-2 ta’ Ottubru 2008 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008”), ix-Chambre correctionnelle du Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Lussemburgu) illiberat lill-appellanti u lill-kap tal-kabinett tagħha mill-akkużi ta’ falsifikazzjoni u ta’ użu ta’ dokumenti foloz, ta’ dikjarazzjoni falza, sussidjarjament ta’ żamma indebita ta’ kumpens, sussidju jew allowance u, iktar sussidjarjament, ta’ frodi. Dik il-qorti kienet tal-fehma, essenzjalment, li ċerti spjegazzjonijiet mogħtija mill-kap tal-kabinett tal-appellanti u minn din tal-aħħar kienu jixħtu dubju fuq il-provi miġbura mill-OLAF u mill-pulizija ġudizzjarja Lussemburgiża li kienu intiżi biex juru li l-imsemmi kap tal-kabinett kien ħareġ b’leave mhux iddikjarat għal bosta ġranet matul is-snin 1999, 2000 u 2001. L-imsemmija qorti kkonkludiet li l-eżistenza materjali tal-fatti allegati kontra K. Nikolaou ma kinitx ġiet ipprovata lil hinn minn kull dubju u li, peress li l-iċken dubju kellu jmur favur l-akkużat, il-parti interessata kellha tiġi lliberata mill-akkużi miġjuba kontriha. Skont il-preambolu tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, l-appellanti u l-kap tal-kabinett tagħha kienu ntbagħtu quddiem ix-Chambre correctionnelle du tribunal d’arrondissement de Luxembourg permezz ta’ digriet tax-Chambre du conseil ta’ dik il-qorti, li ġie kkonfermat permezz ta’ sentenza tax-Chambre du conseil de la cour d’appel tad-29 ta’ Jannar 2008. Peress li ma sarx appell, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 saret definittiva.

12. B’ittra tal-14 ta’ April 2009, l-appellanti talbet lill-Qorti tal-Awdituri biex tippubblika fil-gazzetti kollha Belġjani, Ġermaniżi, Griegi, Spanjoli, Franċiżi u Lussemburgiżi stqarrija dwar il-fatt li hija kienet ġiet illiberata u biex tinforma b’dan lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Awdituri ma tagħmilx dawn il-pubblikazzjonijiet, l-appellanti talbet EUR 100 000 bħala kumpens għad-dannu morali, ammont li hija impenjat ruħha li tuża sabiex tagħmel l-imsemmija pubblikazzjonijiet. L-appellanti talbet ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, fl-ewwel lok, li tħallasha s-somma ta’ EUR 40 000 bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-proċedura mibdija quddiem il-qrati Lussemburgiżi u EUR 57 771.40 bħala kumpens għad-dannu materjali kkawżat minn din il-proċedura, fit-tieni lok, li tiġi kkumpensata għall-ispejjeż kollha li hija ġarrbet, b’mod partikolari quddiem il-Juge d’instruction u t-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg u, fit-tielet lok, li tiġi kkumpensata għall-ispejjeż li hija ġarrbet fil-kuntest tal-proċedura mmexxija quddiem il-Qorti tal-Awdituri.

13. B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2009, il-President tal-Qorti tal-Awdituri bagħat lil K. Nikolaou id-deċiżjoni adottata, fit-2 ta’ Lulju 2009, b’risposta għall-imsemmija talbiet. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, minn naħa, l-argumenti invokati fl-ittra msemmija iktar ’il fuq tal-14 ta’ April 2009 ġew miċħuda u, min-naħa l-oħra, ġie indikat lil K. Nikolaou li l-Qorti tal-Awdituri kienet “fittxet li tiddetermina, fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk il-fatti kinux jirrappreżentaw grad ta’ gravità suffiċjenti sabiex jitressqu proċeduri quddiem il-[Qorti tal-Ġustizzja]”, sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ din l-ex Membru abbażi tat-Trattat KE u dwar in-neċessità li jiġu applikati eventwali sanzjonijiet. F’dan ir-rigward, tfakkru fl-imsemmija deċiżjoni l-elementi li kienu wasslu lill-Qorti tal-Awdituri biex tiddeċiedi li ma tressaqx proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom, b’mod partikolari, il-fatt li K. Nikolaou kienet ġiet illiberata permezz tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 u l-assenza ta’ dannu kkawżat lill-baġit Komunitarju, fid-dawl tar-rimbors tas-somma mħallsa indebitament lill-kap tal-kabinett tal-persuna kkonċernata.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

14. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2009, K. Nikolaou ppreżentat rikors għad-danni intiż sabiex il-Qorti tal-Awdituri tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 85 000, flimkien mal-interessi mill-14 ta’ April 2009, bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-“aġir” u mill-ommissjonijiet li allegatament kienu imputabbli lil dik l-istituzzjoni, ammont li hija impenjat ruħha li tuża sabiex tiġi ppubblikata komunikazzjoni dwar il-fatt li hija kienet ġiet illiberata.

15. Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-appellanti, fl-ewwel lok, invokat sitt motivi, ibbażati fuq il-ksur serju mill-Qorti tal-Awdituri tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu drittijiet lill-individwi. Fit-tieni lok, hija sostniet li kien hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu morali u materjali mġarrab minħabba dan il-ksur.

16. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors, billi kkunsidrat li l-Qorti tal-Awdituri ma kienet wettqet ebda ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni.

17. Fir-rigward ta’ dak li huwa rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-appell, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fl-ewwel lok, fil-punti 27 sa 31 tas-sentenza appellata, li l-“aġir” tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-investigazzjoni preliminari ma kien jikkostitwixxi ebda illegalità, sa fejn dik l-istituzzjoni la kisret ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni kkombinata tal-Artikoli 2 u 4 tad-Deċiżjoni 99/50, la kisret id-drittijiet tad-difiża u lanqas ma kisret il-prinċipju ta’ imparzjalità.

18. B’mod partikolari, fil-punt 29 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-investigazzjoni preliminari li għaliha jirreferi l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50 hija intiża, minn naħa, sabiex tippermetti lis-Segretarju Ġenerali jevalwa jekk l-elementi mgħarrfa lilu jagħtux lok li wieħed jippreżumi li jeżistu irregolaritajiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex jintbagħat lill-OLAF, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1073/1999, fajl li jippermetti lil dan l-uffiċċju jevalwa jekk hemmx lok li tinfetaħ investigazzjoni interna skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-istess regolament. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li, billi din l-investigazzjoni preliminari ma hijiex intiża li twassal għall-adozzjoni ta’ konklużjonijiet li jirrigwardaw il-persuna li fil-konfront tagħha ssir l-investigazzjoni, l-obbligu li jirriżulta mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 ma jikkonċernax l-aġir tas-Segretarju Ġenerali fil-kuntest tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50.

19. Bl-istess mod, fil-punt 30 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, billi l-komunikazzjonijiet irċevuti bl-ittri tat-8 u tas-26 ta’ April 2002 kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50, l-appellanti ma kellhiex raġun tinvoka l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba li l-Qorti tal-Awdituri ma kinitx semgħetha qabel ma bagħtet lill-OLAF il-fajl li kien fih il-provi li s-Segretarju Ġenerali kien ġabar fir-rigward tagħha.

20. Fit-tieni lok, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kinitx fondata l-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti tal-Awdituri kienet għamlet użu minn dokument falz. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li d-dokument ikkonċernat, jiġifieri talba għat-trasferiment ta’ leave annwali tal-kap tal-kabinett ta’ K. Nikolaou, datata 20 ta’ Novembru 2001, ma kienx jinsab fost id-dokumenti li jifformaw parti mill-fajl preliminari mibgħut lill-OLAF. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li l-Qorti tal-Awdituri effettivament bagħtet dan id-dokument lill-OLAF jew lill-awtoritajiet Lussemburgiżi, il-fatt li dan seta’ ntbagħat ma kienx ifisser li l-Qorti tal-Awdituri kienet aġixxiet in mala fide f’dak li kien jirrigwarda l-awtentiċità tal-firma tal-appellanti.

21. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 43 sa 47 tas-sentenza appellata, li l-ommissjoni tal-Qorti tal-Awdituri li tadotta deċiżjoni formali li tillibera lill-appellanti minn kull akkuża kontriha wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 ma kinitx ivvizzjata b’illegalità.

22. L-ewwel nett, fil-punt 45 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti kienet ġiet illiberata fuq il-bażi ta’ dubji li nibtu minn ċerti spjegazzjonijiet mogħtija mill-kap tal-kabinett tagħha. Għaldaqstant, skont il-Qorti Ġenerali, ir-raġuni li abbażi tagħha l-appellanti ġiet illiberata kienet timplika mhux li l-akkużi miġjuba kontra l-appellanti kienu totalment infondati, iżda, kif kien spjega l-imsemmi Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, il-fatt li dawn l-akkużi ma kinux ġew ipprovati bl-esklużjoni tal-“iċken dubju”.

23. It-tieni nett, fil-punt 46 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienu biss l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li kellhom jeżaminaw l-imsemmija akkużi fuq livell kriminali u kienet il-Qorti tal-Ġustizzja li kellha tevalwahom fuq livell dixxiplinari, abbażi tal-Artikolu 247(7) KE. Il-Qorti tal-Awdituri għalhekk ma kellhiex kompetenza biex tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

24. Fl-aħħar nett, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li mill-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma setax jiġi dedott li l-Qorti tal-Awdituri kienet tal-fehma li l-fatti allegati fil-konfront tal-appellanti kienu totalment infondati. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6 tar-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri, kienet meħtieġa deċiżjoni unanima, skont il-Qorti Ġenerali, sabiex jitressqu dawn il-proċeduri. Għalhekk, din tal-aħħar iddeċidiet li għalkemm kien minnu li l-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kien ifisser li ma kinitx inkisbet din l-unanimità, dan ma kienx jammonta għal teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Awdituri dwar l-eżistenza materjali tal-fatti. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ppronunzjat ruħha dwar ir-rimarka li tinsab fl-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004 u kkunsidrat li “il-President tal-Qorti tal-Awdituri ma aġixxiex b’mod mhux xieraq meta indika lir-rikorrenti li l-maġġoranza kbira tal-Membri tal-istituzzjoni [kienet i]kkunsidrat l-aġir tagħha bħala inaċċettabbli, sabiex b’hekk jimpedixxi li l-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkun jista’ jinftiehem bħala ċaħda tal-eżistenza materjali tal-fatti allegati, ħaġa li ma kinitx tikkorrispondi mar-realtà”.

25. Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li mid-dmir ta’ diliġenza ma seta’ jiġi dedott ebda obbligu għall-Qorti tal-Awdituri li tiġi ppubblikata l-aħbar li l-appellanti kienet ġiet illiberata.

It-talbiet tal-partijiet

26. Permezz tal-appell tagħha, K. Nikolaou titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

– tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni, u

– tikkundanna lill-Qorti tal-Awdituri għall-ispejjeż.

27. Il-Qorti tal-Awdituri titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

– tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat, u

– tikkundanna lil K. Nikolaou għall-ispejjeż tal-kawża.

Fuq l-appell

28. Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem erba’ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

29. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, previst fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jiżgura garanzija proċedurali li ma hijiex limitata biss għall-fażi li tippreċedi l-għoti ta’ sentenza, iżda tapplika wkoll wara li din tingħata. Għaldaqstant, dan il-prinċipju għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi deċiżjoni ta’ qorti tal-Unjoni li tqiegħed fid-dubju l-innoċenza ta’ persuna akkużata, meta dik il-persuna tkun diġà nstabet mhux ħatja b’deċiżjoni kriminali irrevokabbli (ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Vassilios Stavropoulos vs Il‑Greċja, tas-27 ta’ Settembru 2007, Reports of Judgments and Decisions [Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet] 2007‑I, § 39).

30. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-appellanti ssostni li, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-imsemmi prinċipju billi ddeċidiet li r-raġuni għal-liberazzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ dubji milqugħa mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg “ma [kinitx timplika] li l-akkużi [kontra l-appellanti kienu] totalment infondati”.

31. Issa tali ksur jaffettwa neċessarjament il-validità ta’ dik is-sentenza, sa fejn kien determinanti sabiex jitqiesu li huma leġittimi, fil-punti 44 u 49 tal-imsemmija sentenza, l-ommissjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li tadotta deċiżjoni formali li tillibera lill-appellanti minn kull akkuża kontriha wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, u tippubblika, fl-istampa, l-aħbar li l-appellanti kienet ġiet illiberata.

32. Il-Qorti tal-Awdituri ssostni li dan l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-premessa li din l-istituzzjoni jew il-Qorti Ġenerali wettqu eżami mill-ġdid tal-fondatezza tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008. Issa din il-premessa hija żbaljata.

33. Fil-fatt meta adottat id-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2009 msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Awdituri ħadet konjizzjoni ta’ dik is-sentenza u siltet il-konklużjonijiet li kienu japplikaw għaliha fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha, liema kompetenza ma kinitx tinkludi l-possibbiltà li tippubblika l-aħbar li l-appellanti kienet ġiet illiberata. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet u osservat il-kontenut tal-imsemmija sentenza f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi tagħha ta’ natura kriminali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34. Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell, K. Nikolaou ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, meta ddeċidiet, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li r-raġuni għal-liberazzjoni adottata mis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 “ma [kinitx timplika] li l-akkużi [kontra l-appellanti kienu] totalment infondati”, iżda “[kienet] timplika l-fatt li ma [kinux ġew] ipprovati bl-esklużjoni tal-‘iċken dubju’”. Skont l-appellanti, dan l-iżball għandu jwassal għall-annullament ta’ dik is-sentenza sa fejn, li kieku ma kisritx dan il-prinċipju, il-Qorti Ġenerali kienet tirrikonoxxi, fil-punti 44 u 49 tal-imsemmija sentenza, l-illegalità tal-ommissjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li tadotta deċiżjoni formali li tillibera lill-appellanti minn kull akkuża miġjuba kontriha, wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, u tippubblika, fl-istampa, l-aħbar li hija kienet ġiet illiberata.

35. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jista’ jinkiser b’mod partikolari jekk deċiżjoni ġudizzjarja, mill-motivazzjoni tagħha, tagħti l-impressjoni li persuna hija ħatja ta’ reat wara li proċeduri kriminali jkunu, għall-kuntrarju, ingħalqu bil-liberazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Allenet de Ribemont vs Franza, tal-10 ta’ Frar 1995, Serje A Nru 308, § 39 u 36; Daktaras vs Il‑Litwanja, tal-10 ta’ Ottubru 2000, Reports of Judgments and Decisions [Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet] 2000‑III, § 41 sa 44, u Teodor vs Ir‑Rumanija, tal-4 ta’ Ġunju 2013, Reports of Judgments and Decisions [Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet] 2013‑III, § 36 u 37).

36. F’dan il-każ, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi rrilevat li s-siltiet mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punt 45 tas-sentenza appellata effettivament iħallu l-impressjoni li K. Nikolaou tista’ tkun ħatja ta’ reat kriminali bbażat fuq l-istess fatti bħal dawk li fir-rigward tagħhom hija madankollu kienet diġà ġiet illiberata definittivament permezz tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008.

37. Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li dawn il-kunsiderazzjonijiet jiksru manifestament il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

38. Minkejja dan, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ma tistax twassal għall-annullament tas-sentenza appellata sa fejn il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 44 sa 49 ta’ dik is-sentenza f’dak li jirrigwarda l-legalità tal-ommissjonijiet allegati fil-konfront tal-Qorti tal-Awdituri huma, fi kwalunkwe każ, ibbażati validament fuq motiv ieħor, spjegat b’mod awtonomu fil-punt 46 tal-imsemmija sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C‑167/04 P, EU:C:2006:594, punt 186, kif ukoll Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 233).

39. Fil-fatt, permezz ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li, minn naħa, “huma esklużivament l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li għandhom jeżaminaw l-akkużi fuq livell kriminali” miġjuba kontra ex Membru tal-Qorti tal-Awdituri, u, min-naħa l-oħra, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwahom “fuq livell dixxiplinari abbażi tal-Artikolu 247(7) KE”, billi l-Qorti tal-Awdituri nnifisha għalhekk la għandha s-setgħa, fil-kuntest tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li tadotta deċiżjoni formali li tillibera lill-appellanti minn kull akkuża miġjuba kontriha, fuq livell dixxiplinari jew fuq livell kriminali, u lanqas li tippubblika, fl-istampa, l-aħbar li hija kienet ġiet illiberata.

40. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija wkoll konformi mal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza stabbilita dwar in-natura awtonoma tal-proċeduri dixxiplinari li jitmexxew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens tal-Artikolu 247(7) KE, meta mqabbla mal-proċeduri nazzjonali ta’ natura kriminali (sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punti 120 u 121). Fil-fatt, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Awdituri, bħala awtorità li tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-istess mod bħal din tal-aħħar, ma hijiex marbuta bil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti mwettqa matul proċedura kriminali nazzjonali. Għalhekk il-Qorti tal-Awdituri ma kinitx marbuta tadotta, f’dan il-każ, wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, l-atti jew l-aġir invokat mill-appellanti.

41. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

42. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, K. Nikolaou tallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TUE u li kienet marbuta tosserva fir-rigward tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg.

43. F’dan ir-rigward, l-appellanti, filwaqt li tirreferi għad-digriet Zwartveld et (C‑2/88, EU:C:1990:315, punt 17) u għas-sentenza L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni, (C‑339/00, EU:C:2003:545, punti 71 u 72), issostni li dan il-prinċipju jimponi mhux biss fuq l-Istati Membri, iżda wkoll fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, b’estensjoni, fuq il-korpi kollha ta’ din tal-aħħar, inklużi l-korpi ġudizzjarji tagħha, dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali.

44. Wara li tispeċifika dan, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali madankollu la osservat is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 u lanqas ma ħaditha debitament inkunsiderazzjoni.

45. L-ewwel nett, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat il-fatti relatati mal-aġir ta’ K. Nikolaou b’mod totalment diverġenti mill-evalwazzjoni li wettaq it-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg.

46. It-tieni nett, l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li skontha l-ġestjoni ta’ kull sistema ta’ leave hija bbażata fuq l-obbligu tas-superjur dirett li jivverifika l-preżenza tal-membri tal-persunal mqiegħda taħt l-awtorità tiegħu, tmur manifestament kontra l-kunsiderazzjonijiet magħmula fis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, li skonthom ma kien jeżisti ebda obbligu impost fuq il-membri tal-kabinetti li jżommu reġistru tal-leave.

47. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li “n-natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ reġistrazzjoni u ta’ sorveljanza tal-leave tal-Qorti tal-Awdituri li kienet applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti” ma setgħetx tiġġustifika l-abbandun ta’ kull investigazzjoni jew prosekuzzjoni kontra l-appellanti, meta hija preċiżament l-imsemmija natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ ġestjoni tal-leave li kienet wasslet biex l-appellanti tiġi lliberata mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg.

48. B’risposta għal dawn l-argumenti, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li dan it-tieni aggravju huwa bbażat fuq fehma żbaljata tar-rwoli rispettivi tal-istituzzjonijiet ikkonċernati kif ukoll tal-portata tal-Artikolu 4(3) TUE.

49. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson (EU:C:2006:455), il-Qorti Ġenerali ma qegħditx fid-dubju s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, iżda sempliċement wettqet evalwazzjoni awtonoma ta’ ċerti fatti diġà analizzati matul il-proċedura kriminali mmexxija fuq livell nazzjonali, fil-kuntest tal-eżami ta’ eventwali responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Qorti tal-Awdituri. Għaldaqstant, id-differenza fl-evalwazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi fattwali tirriżulta min-natura awtonoma ta’ kull waħda miż-żewġ proċeduri ġudizzjarji mibdija.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li kienet marbuta tosserva fir-rigward tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, sa fejn evalwat ċerti punti ta’ fatt, fil-punti 44 u 45 kif ukoll fil-punti 35 u 38 tas-sentenza appellata, b’mod diverġenti meta mqabbla mal-kunsiderazzjonijiet magħmula fis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008.

51. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona kien jinsab fl-Artikolu 10 KE, u li, attwalment, huwa stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE, jimplika obbligu, għall-Istati Membri, li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni u jimponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ din tal-aħħar dmirijiet reċiproċi ta’ rispett u ta’ assistenza fir-rigward tal-Istati Membri fit-twettiq tal-funzjonijiet li jirriżultaw mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi First u Franex, C‑275/00, EU:C:2002:711, punt 49, u L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2003:545, punt 71).

52. Issa fil-kuntest ta’ dawn il-funzjonijiet, l-Artikolu 235 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 225(1) KE, jagħti espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti Ġenerali l-ġurisdizzjoni sabiex tisma’ kawżi li għandhom x’jaqsmu ma’ kumpens għad-danni previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 228 KE, li l-għan tiegħu huwa r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Skont ġurisprudenza stabbilita, din il-ġurisdizzjoni hija esklużiva, billi dawn il-qrati għandhom jivverifikaw il-preżenza ta’ għadd ta’ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih ikunu kkritikati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat, li meta jiġu ssodisfatti jwasslu sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg, C‑103/11 P, EU:C:2013:245, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-preżenza tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat diversi drabi li jeħtieġ li jiġi pprovat ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 42), jiġifieri ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 et C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 55, u Il‑Kummissjoni vs CEVA u Pfizer, C‑198/03 P, EU:C:2005:445, punt 64).

54. Għalhekk minn dawn il-prinċipji jirriżulta li r-rikors għad-danni marbut ma’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għall-azzjonijiet jew għall-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet tagħha ġie stabbilit bħala rimedju awtonomu minn azzjonijiet ġudizzjarji oħra, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji u li huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl tal-iskop speċifiku tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Lütticke vs Il‑Kummissjoni, 4/69, EU:C:1971:40, punt 6, u Unifrex vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, 281/82, EU:C:1984:165, punt 11).

55. Għaldaqstant, kif irrilevat ukoll il-Qorti tal-Awdituri fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għalkemm il-konstatazzjonijiet magħmula matul proċedura kriminali li tirrigwarda fatti identiċi għal dawk eżaminati fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 235 KE jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti Komunitarja adita, din tal-aħħar madankollu ma hijiex marbuta bil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-imsemmija fatti mwettqa mill-qorti kriminali, iżda għandha, fl-eżerċizzju sħiħ tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tanalizzahom b’mod awtonomu sabiex tivverifika jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson, EU:C:2006:455, punti 120 u 121).

56. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet li bihom l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret, fil-punti 44 u 45 kif ukoll fil-punti 35 u 38 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, huma totalment infondati.

57. Fil-fatt, fl-imsemmija punti ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli tosserva d-dmir ta’ rispett istituzzjonali li kienet marbuta tosserva fir-rigward tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, sa fejn hija ddeċidiet fuq ċerti fatti diġà analizzati mis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 biss sabiex tivverifika l-legalità tal-ommissjonijiet allegati fil-konfront tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kawża dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u mhux bil-għan li tevalwa l-fondatezza tal-akkużi kriminali miġjuba kontra K. Nikolaou.

58. Minn dan isegwi li t-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

59. Permezz tat-tielet aggravju, K. Nikolaou ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, minħabba l-fatt li din tal-aħħar iddeċidiet dwar kwistjonijiet li jmorru lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mit-Trattati.

60. Fl-ewwel lok, hija tqis li, fil-punt 45 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet bħala “qorti tal-appell kriminali”, meta evalwat fil-mertu, mill-aspett kriminali, “dak li jimplika” u “dak li ma jimplikax” il-motiv ta’ liberazzjoni “ibbażat fuq id-dubju”, adottat mis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008.

61. Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali aġixxiet bħala “qorti dixxiplinari” u, barra minn hekk, ivvalidat interpretazzjoni żbaljata tas-setgħat tal-Qorti tal-Awdituri, meta kkunsidrat fil-punt 47 tas-sentenza appellata, fir-rigward tar-rimarka li tinsab fl-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, li “il-President tal-Qorti tal-Awdituri ma aġixxiex b’mod mhux xieraq meta indika lir-rikorrenti li l-maġġoranza kbira tal-Membri tal-istituzzjoni [kienet i]kkunsidrat l-aġir tagħha bħala inaċċettabbli”.

62. F’dan ir-rigward, K. Nikolaou tispeċifika li, billi, skont l-Artikolu 247(7) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija l-unika istituzzjoni li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq in-nuqqasijiet ta’ natura dixxiplinari allegati fil-konfront ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, il-Qorti Ġenerali la kellha dritt tiddeċiedi għal dan l-iskop dwar l-aġir allegat fil-konfront tal-appellanti fl-imsemmija ittra u lanqas ma kellha dritt tirrikonoxxi l-legalità tal-kontenut ta’ din l-ittra.

63. Il-Qorti tal-Awdituri ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, sa fejn jikkostitwixxi sempliċi repetizzjoni tal-argumenti invokati fl-ewwel istanza f’dak li jirrigwarda l-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, u bħala parzjalment infondat, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma qegħditx fid-dubju s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, billi l-evalwazzjoni tal-istess aġir tista’ twassal, fil-fatt, għal konklużjonijiet differenti, skont in-natura tal-qorti adita u tal-azzjoni ġudizzjarja mibdija.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, K. Nikolaou ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li joħorġu mit-Trattati. Fl-ewwel lok, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, hija allegatament evalwat, fil-mertu, l-akkużi kriminali miġjuba kontra l-appellanti u l-motiv ta’ liberazzjoni adottat mis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008. Fit-tieni lok, fil-punt 47 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta analizzat ir-rimarka ta’ natura dixxiplinari li tinsab fl-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004 u kkonfermat il-legalità tal-kontenut ta’ din l-ittra, billi ma osservatx il-limiti mhux biss tas-setgħat tagħha, iżda wkoll ta’ dawk tal-Qorti tal-Awdituri.

65. Issa għandu jiġi kkonstatat li dawn l-allegazzjonijiet joħorġu minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata.

66. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-punt 45 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma analizzatx il-fatti li wasslu għall-akkużi kriminali miġjuba kontra l-appellanti u l-motiv ta’ liberazzjoni adottat mis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, bil-għan li tqiegħed fid-dubju l-eżitu finali ta’ din tal-aħħar jew li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kriminali li tmexxiet fuq livell nazzjonali.

67. Għall-kuntrarju, kif ġie rrilevat fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, fil-limiti tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tagħmel riferiment għall-istess punti ta’ fatt li ttieħdu inkunsiderazzjoni matul l-imsemmija proċedura kriminali, sempliċement għall-finijiet li tirrispondi għall-argumenti tal-appellanti bbażati fuq l-allegata illegalità tal-ommissjoni, mill-Qorti tal-Awdituri, li tadotta deċiżjoni formali li tilliberaha minn kull akkuża miġjuba kontriha, wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008.

68. Għalhekk, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma aġixxietx bħala “qorti tal-appell kriminali”, iżda baqgħet fil-limiti tas-setgħat tagħha.

69. F’dak li jirrigwarda t-tieni parti tat-tielet aggravju tal-appell, għandu jiġi speċifikat, minn naħa, li r-raġunament segwit fil-punt 47 tas-sentenza appellata jikkostitwixxi wkoll risposta għal argument tal-appellanti, ibbażat fuq ksur, mill-Qorti tal-Awdituri, tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tad-dmir ta’ diliġenza, li jirriżulta minn rimarka negattiva u żejda li tinsab fl-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004.

70. Għalhekk, meta analizzat tali rimarka fil-kuntest tar-rikors għad-danni mressaq quddiemha, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, minn aspett dixxiplinari, dwar l-aġir allegat fil-konfront tal-appellanti u ma eċċedietx il-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

71. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, għandu jiġi rrilevat, kif diġà enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan il-kontenut ġustament kien limitat għas-sempliċi indikazzjoni tar-riżultat tal-vot tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri li ltaqgħu sabiex jiddeċiedu jekk iressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens tal-Artikolu 247(7) KE, u għaldaqstant, ma wettaqx evalwazzjoni, fuq livell dixxiplinari, tal-aġir allegat fil-konfront ta’ K. Nikolaou.

72. Fil-fatt, billi d-deċiżjoni dwar it-tressiq ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet leġittimament tittieħed, skont il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza f’dan il-qasam, abbażi tal-eżistenza preżunta ta’ “nuqqas ta’ ċertu livell ta’ gravità” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson, EU:C:2006:455, punt 72), kien leġittimu għall-Qorti tal-Awdituri li tindika li l-unanimità neċessarja għal dan l-iskop, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri, ma kinitx inkisbet, minkejja li maġġoranza kbira tal-Membri tagħha kienet madankollu kkritikat l-aġir allegat fil-punt (i) tal-imsemmija ittra.

73. Barra minn hekk, kif ġie kkonfermat mill-partijiet kollha matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rimarka li tinsab fl-istess ittra baqgħet strettament personali u b’ebda mod ma ġiet żvelata lill-istampa.

74. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, meta ddeċidiet li l-kontenut tal-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004 kien leġittimu, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma rrikonoxxiet li l-Qorti tal-Awdituri kellha kompetenzi fil-qasam dixxiplinari, li hija ma kellhiex, u lanqas ma naqset li tosserva l-portata tal-ġurisdizzjoni tagħha, billi ma aġixxietx bħala “qorti dixxiplinari”.

75. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

76. Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħha, K. Nikolaou ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat ir-regoli li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Fil-fatt, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament żiedet kundizzjoni addizzjonali mhux meħtieġa mill-ġurisprudenza, jiġifieri r-rekwiżit li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tkun aġixxiet “ in mala fide ”.

77. Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tagħha.

78. Minn naħa, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta ddeċidiet li ma kienx neċessarju li l-appellanti tiġi informata li kienet infetħet investigazzjoni preliminari fil-konfront tagħha u li l-ittri tat-8 u tas-26 ta’ April 2002, li informaw lill-appellanti biss bil-ftuħ tal-investigazzjoni interna tal-OLAF, kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, fil-punt 29 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta aċċettat li l-ommissjoni, mill-Qorti tal-Awdituri, li tiżvela lill-appellanti l-kontenut tal-fajl imħejji matul l-investigazzjoni preliminari jew li tismagħha qabel ma tibagħtu lill-OLAF ma kienet tikkostitwixxi ebda illegalità, fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni.

79. Skont il-Qorti tal-Awdituri, dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, billi jikkonsisti f’sempliċi repetizzjoni tal-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza u għalhekk jikkostitwixxi talba għall-eżami mill-ġdid tal-fatti ta’ dan il-każ.

80. Fi kwalunkwe każ, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament ma żiedet ebda kundizzjoni addizzjonali sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Bl-istess mod, hija allegatament ma wettqet ebda żball fl-interpretazzjoni li hija għamlet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50, billi din id-dispożizzjoni ma timponix li l-persuna ssuspettata li wettqet irregolaritajiet tiġi informata bil-ftuħ ta’ investigazzjoni preliminari, iżda sempliċement teżiġi li s-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri jibgħat lill-OLAF, mingħajr dewmien, l-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ tali investigazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81. Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tal-appell, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, meta ddeċidiet, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li l-eventwali trażmissjoni lill-OLAF jew lill-awtoritajiet Lussemburgiżi ta’ dokument datat 20 ta’ Novembru 2001, li joriġina mill-kap tal-kabinett ta’ K. Nikolaou u li l-firma fuqu probabbilment kienet falza, ma kinitx tfisser li l-Qorti tal-Awdituri kienet aġixxiet in mala fide f’dak li kien jirrigwarda l-kwistjoni tal-awtentiċità tal-firma tal-appellanti.

82. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali siltet din il-konklużjoni biss sussidjarjament, wara li kienet ikkonstatat, prinċipalment, li l-imsemmi dokument ma kienx jinsab fil-fajl preliminari mibgħut mill-Qorti tal-Awdituri lill-OLAF u lanqas ma kien ġie kkomunikat lill-awtoritajiet Lussemburgiżi.

83. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kull kontestazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni ta’ natura fattwali fl-appell, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

84. Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tal-appell, K. Nikolaou ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tagħha, sa fejn ikkunsidrat, minn naħa, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li l-ittri tat-8 u tas-26 ta’ April 2002, li informaw lill-appellanti bil-ftuħ tal-investigazzjoni interna tal-OLAF u mhux bl-investigazzjoni preliminari, kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 29 ta’ dik is-sentenza, li t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni ma kinitx tobbliga lill-Qorti tal-Awdituri tiżvela lill-appellanti l-kontenut tal-fajl imħejji fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari, u lanqas li tismagħha qabel ma tibagħtu lill-OLAF.

85. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50 jipprovdi li s-Segretarju Ġenerali, minn naħa, “għandu jibgħat mingħajr dewmien lill-[OLAF] kull fatt li jagħti lok għall-preżunzjoni li jeżistu l-irregolaritajiet”, bħal frodi, korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u, min-naħa l-oħra, “għandu jwettaq investigazzjoni preliminari, bla ħsara għall-investigazzjonijiet interni mwettqa mill-[OLAF]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

86. Issa fl-assenza ta’ indikazzjonijiet espliċiti li jirriżultaw minn dan l-artikolu, sabiex tingħata risposta għall-ewwel argument invokat insostenn tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk l-obbligu ta’ informazzjoni li għalih tirreferi l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 jestendix ukoll għall-investigazzjoni preliminari, it-tieni nett, fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’inhi n-natura ta’ dan l-obbligu u, fl-aħħar nett, jekk l-appellanti kinitx tabilħaqq, f’dan il-każ, is-suġġett ta’ tali informazzjoni.

87. F’dak li jirrigwarda l-eżami ta’ dawn il-punti, għandu jiġi kkonstatat li, mingħajr ma jispeċifika t-tipoloġija ta’ investigazzjoni prevista, l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tipprovdi sempliċement li, fil-każ fejn jidher li jkun hemm possibbiltà ta’ implikazzjoni personali ta’ Membru, uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri, il-persuna kkonċernata għandha tiġi informata “malajr”, meta dan ma jipperikolax li ssir ħsara lill-investigazzjoni.

88. Minn dan isegwi li, anki jekk jiġi aċċettat li din id-dispożizzjoni tikkonċerna wkoll l-investigazzjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li hija ma tistabbilixxix obbligu ta’ informazzjoni immedjata, mill-bidu tal-investigazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li hija timmitiga dan l-obbligu billi teżiġi li tiġi protetta l-effikaċja tal-investigazzjoni.

89. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, permezz tal-ittra tas-26 ta’ April 2002, hija tabilħaqq ġiet informata mhux biss li kienet infetħet investigazzjoni interna, iżda wkoll li kienet saret investigazzjoni preliminari mill-Qorti tal-Awdituri u li kien intbagħat fajl relattiv għaliha mis-Segretarju Ġenerali ta’ din l-istituzzjoni lill-OLAF.

90. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ allegazzjonijiet tal-appellanti li jqiegħdu fid-dubju n-natura eventwalment tardiva tat-trażmissjoni ta’ tali ittra, għandu jiġi kkunsidrat, kif ġie rrilevat ukoll mill-Avukat Ġenerali, li l-komunikazzjoni li tinsab f’din l-ittra rrekonċiljat il-prinċipju li l-persuna kkonċernata tiġi informata malajr man-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja kemm tal-investigazzjoni preliminari kif ukoll tal-investigazzjoni interna.

91. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li l-komunikazzjonijiet magħmula bl-ittri tat-8 u tas-26 ta’ April 2002 kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50.

92. Wara li ngħataw dawn l-ispjegazzjonijiet, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tat-tieni argument invokat insostenn tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk l-investigazzjoni preliminari hijiex, fi kwalunkwe każ, suġġetta għall-osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, li skontha “meta tintemm l-investigazzjoni ma jistgħux jintlaħqu konklużjonijiet li jirreferu bl-isem għal xi Membru [tal-Qorti tal-Awdituri] jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx ingħatat l-opportunità li tesprimi ruħha dwar il-fatti kollha li jikkonċernawha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, għalhekk, jekk l-appellanti kellhiex tinstema’ qabel l-għeluq ta’ din l-investigazzjoni u t-trażmissjoni lill-OLAF tal-fajl ikkostitwit.

93. Għal dan l-iskop, billi ebda indikazzjoni ċara ma tirriżulta mill-kliem użat fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4, għandhom jiġu eżaminati l-karatteristiċi speċifiċi tal-investigazzjoni preliminari.

94. Issa kif ġie spjegat mill-Qorti tal-Awdituri waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tali investigazzjoni tikkostitwixxi fażi priminari ta’ ġbir u ta’ evalwazzjoni tal-informazzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet irċevuti mis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, li l-għan tagħha jikkonsisti fil-verifika tal-kredibbiltà tal-provi li jsostnu dawn l-allegazzjonijiet, qabel ma jiddaħħlu f’fajl u jintbagħtu jew lill-Awtorità tal-Ħatra, għall-finijiet tal-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, jew lill-OLAF, sabiex titmexxa investigazzjoni interna.

95. Minn dan isegwi li, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-investigazzjoni preliminari ma hijiex intiża li twassal għall-adozzjoni ta’ konklużjonijiet li jirrigwardaw il-persuna inkwistjoni.

96. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, meta analizzat is-suġġett ta’ din l-investigazzjoni u kkunsidrat li l-obbligu li jirriżulta mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 ma jikkonċernax l-atti mwettqa mis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni.

97. Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud, kollu kemm hu, bħala infondat.

98. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat u l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

99. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Qorti tal-Awdituri talbet għall-kundanna ta’ K. Nikolaou u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1) L-appell huwa miċħud.

2) Kalliopi Nikolaou hija kkundannata għall-ispejjeż.

Fuq

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

“Appell — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Ommissjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri — Talba għall-kumpens għad-dannu — Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza — Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali — Kompetenzi — Żvolġiment tal-investigazzjonijiet preliminari”

Fil-Kawża C‑220/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-25 ta’ April 2013,

Kalliopi Nikolaou, residenti f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn V. Christianos u S. Paliou, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Qorti tal‑Awdituri tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Kennedy u I. Ní Riagáin Düro, bħala aġenti, assistiti minn P. Tridimas, barrister,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Berger, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, K. Nikolaou l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Nikolaou vs Il‑Qorti tal‑Awdituri (T‑241/09, EU:T:2013:79, iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għad-danni tagħha intiż sabiex tikseb kumpens għad-dannu li allegatament ġarrbet b’konsegwenza ta’ irregolaritajiet u ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Awdituri allegatament wettqet fil-kuntest ta’ investigazzjoni interna.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

K. Nikolaou kienet Membru tal-Qorti tal-Awdituri bejn l-1996 u l-2001. Skont rapport ippubblikat fil-ġurnal Europa Journal fid-19 ta’ Frar 2002, B. Staes, Membru tal-Parlament Ewropew, kellu għad-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni dwar aġir illegali imputabbli lill-appellanti matul il-mandat tagħha bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

3

B’ittra tat-18 ta’ Marzu 2002, is-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”) bagħat lid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fajl li kien fih provi relatati ma’ dan l-aġir, li huwa nnifsu u l-President ta’ din l-istituzzjoni kienu jafu bihom. Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali talab lill-OLAF jindikalu jekk kienx hemm lok li K. Nikolaou tiġi informata dwar l-eżistenza ta’ investigazzjoni dwarha skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-investigazzjonijiet interni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.

4

B’ittra tat-8 ta’ April 2002, il-President tal-Qorti tal-Awdituri informa lil K. Nikolaou bl-eżistenza ta’ investigazzjoni interna mmexxija mill-OLAF wara l-artiklu ppubblikat fl-Europa Journal. B’ittra tas-26 ta’ April 2002, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF informa lil K. Nikolaou li, wara l-informazzjoni li dan is-servizz kien irċieva mingħand B. Staes u fuq il-bażi ta’ fajl ta’ investigazzjoni preliminari mħejji mis-Segretarju Ġenerali, kienet inbdiet investigazzjoni interna, u hija ġiet mitluba tikkoopera f’dan ir-rigward.

5

K. Nikolaou kellha laqgħa ma’ persuni kompetenti mill-OLAF fl-24 ta’ Mejju 2002. Fis-17 ta’ Ottubru 2002, is-sit internet European Voice ppubblika rapport li spjega, b’mod partikolari, li l-OLAF kien wasal biex jiffinalizza l-investigazzjoni li tmexxiet fil-konfront tal-appellanti. Rapporti simili ġew ippubblikati mill-istampa Griega. B’ittra tat-28 ta’ Ottubru 2002, l-OLAF informa lil K. Nikolaou bl-għeluq ta’ din l-investigazzjoni u indikalha li r-rapport finali kif ukoll l-informazzjoni rilevanti kienu ntbagħtu lis-Segretarju Ġenerali u lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi. B’ittra tal-10 ta’ Frar 2004, il-Qorti tal-Awdituri kkomunikat verżjoni fil-qosor tar-rapport finali tal-OLAF lill-appellanti.

6

Skont dan ir-rapport finali tat-28 ta’ Ottubru 2002, l-informazzjoni li tirrigwarda lil K. Nikolaou kienet ġiet ipprovduta lil B. Staes minn żewġ membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri, li wieħed minnhom kien membru tal-kabinett tal-appellanti. L-akkużi eżaminati kienu jirrigwardaw, fl-ewwel lok, somom tal-flus li l-appellanti kienet irċeviet mingħand il-membri tal-persunal tagħha bħala self; fit-tieni lok, dikjarazzjonijiet allegatament foloz dwar talbiet għat-trasferiment ta’ ġranet ta’ leave li jirrigwardaw il-kap tal-kabinett tagħha, li taw lok għal rimbors ta’ madwar EUR 28 790 lil dan tal-aħħar abbażi ta’ leave mhux meħud matul is-snin 1999, 2000 u 2001; fit-tielet lok, l-użu tal-vettura tax-xogħol ta’ K. Nikolaou għal finijiet mhux previsti fir-regoli applikabbli; fir-raba’ lok, ordnijiet ta’ inkarigu mogħtija lix-xufier tal-appellanti għal finijiet mhux koperti mir-regoli applikabbli; fil-ħames lok, politika ta’ assentiżmu fi ħdan il-kabinett tal-appellanti; fis-sitt lok, attivitajiet ta’ natura kummerċjali u interventi ma’ persuni f’karigi għoljin sabiex jiġu ffaċilitati tali attivitajiet eżerċitati minn membri tal-familja tagħha; fis-seba’ lok, frodi mwettqa fil-kuntest ta’ kompetizzjoni u; fit-tmien lok, frodi relatati mal-ispejjeż ta’ rappreżentazzjoni miġbura mill-appellanti.

7

L-OLAF ikkonkluda li kien hemm il-possibbiltà li kien twettaq ksur li seta’ jiġi kkwalifikat bħala falsifikazzjoni, użu ta’ dokumenti foloz u frodi fir-rigward tat-talbiet għat-trasferiment ta’ ġranet ta’ leave tal-kap tal-kabinett tal-appellanti. Skont l-imsemmi rapport finali, l-appellanti u l-membri tal-kabinett tagħha setgħu wettqu reati kriminali fir-rigward ta’ somom ta’ flus li l-persuna kkonċernata rċeviet, skont il-persuni implikati, bħala self. F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91), l-OLAF informa lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi b’dawn l-elementi, sabiex dawn tal-aħħar jinvestigaw il-fatti li jistgħu jiżvelaw li kienu twettqu reati kriminali.

8

Fir-rigward tal-akkużi l-oħra, ħlief għal dik ta’ frodi mwettqa fil-kuntest ta’ kompetizzjoni, l-OLAF wera li seta’ kien hemm irregolaritajiet jew punti ta’ interrogazzjoni fir-rigward tal-aġir ta’ K. Nikolaou u ssuġġerixxa lill-Qorti tal-Awdituri li jittieħdu “miżuri korrettivi” kontra din tal-aħħar kif ukoll miżuri sabiex tittejjeb is-sistema ta’ kontroll fis-seħħ fi ħdan din l-istituzzjoni.

9

Fis-26 ta’ April 2004, l-appellanti nstemgħet waqt laqgħa ristretta tal-Qorti tal-Awdituri, għall-finijiet tal-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 247(7) KE. B’ittra tat-13 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-13 ta’ Mejju 2004”), il-President tal-Qorti tal-Awdituri spjega li, fir-rigward tar-rinviju tal-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 247(7) KE, minħabba li K. Nikolaou allegatament talbet u kisbet self personali mingħand membri tal-kabinett tagħha, l-unanimità meħtieġa mill-Artikolu 6 tar-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri, kif adottati fil-31 ta’ Jannar 2002, ma kinitx inkisbet waqt il-laqgħa li nżammet fl-4 ta’ Mejju 2004. Il-President tal-Qorti tal-Awdituri ddikjara wkoll, f’dan ir-rigward, li maġġoranza kbira tal-Membri ta’ din l-istituzzjoni kienu kkunsidraw li l-aġir tal-appellanti kien assolutament mhux xieraq. Fir-rigward tal-ġranet ta’ leave tal-kap tal-kabinett ta’ din tal-aħħar, il-President tal-Qorti tal-Awdituri spjega li, peress li l-kawża kienet pendenti quddiem il-qrati Lussemburgiżi, l-istituzzjoni kkonċernata kienet iddifferiet id-deċiżjoni tagħha sakemm jiġu konklużi l-proċeduri relattivi.

10

Permezz tas-sentenza Nikolaou vs Il‑Kummissjoni (T‑259/03, EU:T:2007:254), il-Qorti Ġenerali kkundannat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tħallas lill-appellanti kumpens ta’ EUR 3 000, b’riżultat tal-pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni dwar l-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF.

11

Permezz ta’ sentenza mogħtija fit-2 ta’ Ottubru 2008 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008”), ix-Chambre correctionnelle du Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Lussemburgu) illiberat lill-appellanti u lill-kap tal-kabinett tagħha mill-akkużi ta’ falsifikazzjoni u ta’ użu ta’ dokumenti foloz, ta’ dikjarazzjoni falza, sussidjarjament ta’ żamma indebita ta’ kumpens, sussidju jew allowance u, iktar sussidjarjament, ta’ frodi. Dik il-qorti kienet tal-fehma, essenzjalment, li ċerti spjegazzjonijiet mogħtija mill-kap tal-kabinett tal-appellanti u minn din tal-aħħar kienu jixħtu dubju fuq il-provi miġbura mill-OLAF u mill-pulizija ġudizzjarja Lussemburgiża li kienu intiżi biex juru li l-imsemmi kap tal-kabinett kien ħareġ b’leave mhux iddikjarat għal bosta ġranet matul is-snin 1999, 2000 u 2001. L-imsemmija qorti kkonkludiet li l-eżistenza materjali tal-fatti allegati kontra K. Nikolaou ma kinitx ġiet ipprovata lil hinn minn kull dubju u li, peress li l-iċken dubju kellu jmur favur l-akkużat, il-parti interessata kellha tiġi lliberata mill-akkużi miġjuba kontriha. Skont il-preambolu tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, l-appellanti u l-kap tal-kabinett tagħha kienu ntbagħtu quddiem ix-Chambre correctionnelle du tribunal d’arrondissement de Luxembourg permezz ta’ digriet tax-Chambre du conseil ta’ dik il-qorti, li ġie kkonfermat permezz ta’ sentenza tax-Chambre du conseil de la cour d’appel tad-29 ta’ Jannar 2008. Peress li ma sarx appell, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 saret definittiva.

12

B’ittra tal-14 ta’ April 2009, l-appellanti talbet lill-Qorti tal-Awdituri biex tippubblika fil-gazzetti kollha Belġjani, Ġermaniżi, Griegi, Spanjoli, Franċiżi u Lussemburgiżi stqarrija dwar il-fatt li hija kienet ġiet illiberata u biex tinforma b’dan lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Awdituri ma tagħmilx dawn il-pubblikazzjonijiet, l-appellanti talbet EUR 100 000 bħala kumpens għad-dannu morali, ammont li hija impenjat ruħha li tuża sabiex tagħmel l-imsemmija pubblikazzjonijiet. L-appellanti talbet ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, fl-ewwel lok, li tħallasha s-somma ta’ EUR 40 000 bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-proċedura mibdija quddiem il-qrati Lussemburgiżi u EUR 57 771.40 bħala kumpens għad-dannu materjali kkawżat minn din il-proċedura, fit-tieni lok, li tiġi kkumpensata għall-ispejjeż kollha li hija ġarrbet, b’mod partikolari quddiem il-Juge d’instruction u t-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg u, fit-tielet lok, li tiġi kkumpensata għall-ispejjeż li hija ġarrbet fil-kuntest tal-proċedura mmexxija quddiem il-Qorti tal-Awdituri.

13

B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2009, il-President tal-Qorti tal-Awdituri bagħat lil K. Nikolaou id-deċiżjoni adottata, fit-2 ta’ Lulju 2009, b’risposta għall-imsemmija talbiet. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, minn naħa, l-argumenti invokati fl-ittra msemmija iktar ’il fuq tal-14 ta’ April 2009 ġew miċħuda u, min-naħa l-oħra, ġie indikat lil K. Nikolaou li l-Qorti tal-Awdituri kienet “fittxet li tiddetermina, fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk il-fatti kinux jirrappreżentaw grad ta’ gravità suffiċjenti sabiex jitressqu proċeduri quddiem il-[Qorti tal-Ġustizzja]”, sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ din l-ex Membru abbażi tat-Trattat KE u dwar in-neċessità li jiġu applikati eventwali sanzjonijiet. F’dan ir-rigward, tfakkru fl-imsemmija deċiżjoni l-elementi li kienu wasslu lill-Qorti tal-Awdituri biex tiddeċiedi li ma tressaqx proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom, b’mod partikolari, il-fatt li K. Nikolaou kienet ġiet illiberata permezz tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 u l-assenza ta’ dannu kkawżat lill-baġit Komunitarju, fid-dawl tar-rimbors tas-somma mħallsa indebitament lill-kap tal-kabinett tal-persuna kkonċernata.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

14

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2009, K. Nikolaou ppreżentat rikors għad-danni intiż sabiex il-Qorti tal-Awdituri tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 85 000, flimkien mal-interessi mill-14 ta’ April 2009, bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-“aġir” u mill-ommissjonijiet li allegatament kienu imputabbli lil dik l-istituzzjoni, ammont li hija impenjat ruħha li tuża sabiex tiġi ppubblikata komunikazzjoni dwar il-fatt li hija kienet ġiet illiberata.

15

Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-appellanti, fl-ewwel lok, invokat sitt motivi, ibbażati fuq il-ksur serju mill-Qorti tal-Awdituri tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu drittijiet lill-individwi. Fit-tieni lok, hija sostniet li kien hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu morali u materjali mġarrab minħabba dan il-ksur.

16

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors, billi kkunsidrat li l-Qorti tal-Awdituri ma kienet wettqet ebda ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni.

17

Fir-rigward ta’ dak li huwa rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-appell, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fl-ewwel lok, fil-punti 27 sa 31 tas-sentenza appellata, li l-“aġir” tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-investigazzjoni preliminari ma kien jikkostitwixxi ebda illegalità, sa fejn dik l-istituzzjoni la kisret ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni kkombinata tal-Artikoli 2 u 4 tad-Deċiżjoni 99/50, la kisret id-drittijiet tad-difiża u lanqas ma kisret il-prinċipju ta’ imparzjalità.

18

B’mod partikolari, fil-punt 29 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-investigazzjoni preliminari li għaliha jirreferi l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50 hija intiża, minn naħa, sabiex tippermetti lis-Segretarju Ġenerali jevalwa jekk l-elementi mgħarrfa lilu jagħtux lok li wieħed jippreżumi li jeżistu irregolaritajiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex jintbagħat lill-OLAF, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1073/1999, fajl li jippermetti lil dan l-uffiċċju jevalwa jekk hemmx lok li tinfetaħ investigazzjoni interna skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-istess regolament. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li, billi din l-investigazzjoni preliminari ma hijiex intiża li twassal għall-adozzjoni ta’ konklużjonijiet li jirrigwardaw il-persuna li fil-konfront tagħha ssir l-investigazzjoni, l-obbligu li jirriżulta mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 ma jikkonċernax l-aġir tas-Segretarju Ġenerali fil-kuntest tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50.

19

Bl-istess mod, fil-punt 30 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, billi l-komunikazzjonijiet irċevuti bl-ittri tat-8 u tas-26 ta’ April 2002 kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50, l-appellanti ma kellhiex raġun tinvoka l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba li l-Qorti tal-Awdituri ma kinitx semgħetha qabel ma bagħtet lill-OLAF il-fajl li kien fih il-provi li s-Segretarju Ġenerali kien ġabar fir-rigward tagħha.

20

Fit-tieni lok, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kinitx fondata l-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti tal-Awdituri kienet għamlet użu minn dokument falz. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li d-dokument ikkonċernat, jiġifieri talba għat-trasferiment ta’ leave annwali tal-kap tal-kabinett ta’ K. Nikolaou, datata 20 ta’ Novembru 2001, ma kienx jinsab fost id-dokumenti li jifformaw parti mill-fajl preliminari mibgħut lill-OLAF. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li l-Qorti tal-Awdituri effettivament bagħtet dan id-dokument lill-OLAF jew lill-awtoritajiet Lussemburgiżi, il-fatt li dan seta’ ntbagħat ma kienx ifisser li l-Qorti tal-Awdituri kienet aġixxiet in mala fide f’dak li kien jirrigwarda l-awtentiċità tal-firma tal-appellanti.

21

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 43 sa 47 tas-sentenza appellata, li l-ommissjoni tal-Qorti tal-Awdituri li tadotta deċiżjoni formali li tillibera lill-appellanti minn kull akkuża kontriha wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 ma kinitx ivvizzjata b’illegalità.

22

L-ewwel nett, fil-punt 45 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti kienet ġiet illiberata fuq il-bażi ta’ dubji li nibtu minn ċerti spjegazzjonijiet mogħtija mill-kap tal-kabinett tagħha. Għaldaqstant, skont il-Qorti Ġenerali, ir-raġuni li abbażi tagħha l-appellanti ġiet illiberata kienet timplika mhux li l-akkużi miġjuba kontra l-appellanti kienu totalment infondati, iżda, kif kien spjega l-imsemmi Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, il-fatt li dawn l-akkużi ma kinux ġew ipprovati bl-esklużjoni tal-“iċken dubju”.

23

It-tieni nett, fil-punt 46 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienu biss l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li kellhom jeżaminaw l-imsemmija akkużi fuq livell kriminali u kienet il-Qorti tal-Ġustizzja li kellha tevalwahom fuq livell dixxiplinari, abbażi tal-Artikolu 247(7) KE. Il-Qorti tal-Awdituri għalhekk ma kellhiex kompetenza biex tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

24

Fl-aħħar nett, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li mill-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma setax jiġi dedott li l-Qorti tal-Awdituri kienet tal-fehma li l-fatti allegati fil-konfront tal-appellanti kienu totalment infondati. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6 tar-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri, kienet meħtieġa deċiżjoni unanima, skont il-Qorti Ġenerali, sabiex jitressqu dawn il-proċeduri. Għalhekk, din tal-aħħar iddeċidiet li għalkemm kien minnu li l-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kien ifisser li ma kinitx inkisbet din l-unanimità, dan ma kienx jammonta għal teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Awdituri dwar l-eżistenza materjali tal-fatti. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ppronunzjat ruħha dwar ir-rimarka li tinsab fl-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004 u kkunsidrat li “il-President tal-Qorti tal-Awdituri ma aġixxiex b’mod mhux xieraq meta indika lir-rikorrenti li l-maġġoranza kbira tal-Membri tal-istituzzjoni [kienet i]kkunsidrat l-aġir tagħha bħala inaċċettabbli, sabiex b’hekk jimpedixxi li l-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkun jista’ jinftiehem bħala ċaħda tal-eżistenza materjali tal-fatti allegati, ħaġa li ma kinitx tikkorrispondi mar-realtà”.

25

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li mid-dmir ta’ diliġenza ma seta’ jiġi dedott ebda obbligu għall-Qorti tal-Awdituri li tiġi ppubblikata l-aħbar li l-appellanti kienet ġiet illiberata.

It-talbiet tal-partijiet

26

Permezz tal-appell tagħha, K. Nikolaou titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni, u

tikkundanna lill-Qorti tal-Awdituri għall-ispejjeż.

27

Il-Qorti tal-Awdituri titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat, u

tikkundanna lil K. Nikolaou għall-ispejjeż tal-kawża.

Fuq l-appell

28

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem erba’ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

29

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, previst fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jiżgura garanzija proċedurali li ma hijiex limitata biss għall-fażi li tippreċedi l-għoti ta’ sentenza, iżda tapplika wkoll wara li din tingħata. Għaldaqstant, dan il-prinċipju għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi deċiżjoni ta’ qorti tal-Unjoni li tqiegħed fid-dubju l-innoċenza ta’ persuna akkużata, meta dik il-persuna tkun diġà nstabet mhux ħatja b’deċiżjoni kriminali irrevokabbli (ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Vassilios Stavropoulos vs Il‑Greċja, tas-27 ta’ Settembru 2007, Reports of Judgments and Decisions [Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet] 2007‑I, § 39).

30

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-appellanti ssostni li, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-imsemmi prinċipju billi ddeċidiet li r-raġuni għal-liberazzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ dubji milqugħa mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg “ma [kinitx timplika] li l-akkużi [kontra l-appellanti kienu] totalment infondati”.

31

Issa tali ksur jaffettwa neċessarjament il-validità ta’ dik is-sentenza, sa fejn kien determinanti sabiex jitqiesu li huma leġittimi, fil-punti 44 u 49 tal-imsemmija sentenza, l-ommissjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li tadotta deċiżjoni formali li tillibera lill-appellanti minn kull akkuża kontriha wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, u tippubblika, fl-istampa, l-aħbar li l-appellanti kienet ġiet illiberata.

32

Il-Qorti tal-Awdituri ssostni li dan l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-premessa li din l-istituzzjoni jew il-Qorti Ġenerali wettqu eżami mill-ġdid tal-fondatezza tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008. Issa din il-premessa hija żbaljata.

33

Fil-fatt meta adottat id-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2009 msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Awdituri ħadet konjizzjoni ta’ dik is-sentenza u siltet il-konklużjonijiet li kienu japplikaw għaliha fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha, liema kompetenza ma kinitx tinkludi l-possibbiltà li tippubblika l-aħbar li l-appellanti kienet ġiet illiberata. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet u osservat il-kontenut tal-imsemmija sentenza f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi tagħha ta’ natura kriminali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34

Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell, K. Nikolaou ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, meta ddeċidiet, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li r-raġuni għal-liberazzjoni adottata mis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008“ma [kinitx timplika] li l-akkużi [kontra l-appellanti kienu] totalment infondati”, iżda “[kienet] timplika l-fatt li ma [kinux ġew] ipprovati bl-esklużjoni tal-‘iċken dubju’”. Skont l-appellanti, dan l-iżball għandu jwassal għall-annullament ta’ dik is-sentenza sa fejn, li kieku ma kisritx dan il-prinċipju, il-Qorti Ġenerali kienet tirrikonoxxi, fil-punti 44 u 49 tal-imsemmija sentenza, l-illegalità tal-ommissjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li tadotta deċiżjoni formali li tillibera lill-appellanti minn kull akkuża miġjuba kontriha, wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, u tippubblika, fl-istampa, l-aħbar li hija kienet ġiet illiberata.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jista’ jinkiser b’mod partikolari jekk deċiżjoni ġudizzjarja, mill-motivazzjoni tagħha, tagħti l-impressjoni li persuna hija ħatja ta’ reat wara li proċeduri kriminali jkunu, għall-kuntrarju, ingħalqu bil-liberazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Allenet de Ribemont vs Franza, tal-10 ta’ Frar 1995, Serje A Nru 308, § 39 u 36; Daktaras vs Il‑Litwanja, tal-10 ta’ Ottubru 2000, Reports of Judgments and Decisions [Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet] 2000‑III, § 41 sa 44, u Teodor vs Ir‑Rumanija, tal-4 ta’ Ġunju 2013, Reports of Judgments and Decisions [Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet] 2013‑III, § 36 u 37).

36

F’dan il-każ, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi rrilevat li s-siltiet mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punt 45 tas-sentenza appellata effettivament iħallu l-impressjoni li K. Nikolaou tista’ tkun ħatja ta’ reat kriminali bbażat fuq l-istess fatti bħal dawk li fir-rigward tagħhom hija madankollu kienet diġà ġiet illiberata definittivament permezz tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008.

37

Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li dawn il-kunsiderazzjonijiet jiksru manifestament il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

38

Minkejja dan, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ma tistax twassal għall-annullament tas-sentenza appellata sa fejn il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 44 sa 49 ta’ dik is-sentenza f’dak li jirrigwarda l-legalità tal-ommissjonijiet allegati fil-konfront tal-Qorti tal-Awdituri huma, fi kwalunkwe każ, ibbażati validament fuq motiv ieħor, spjegat b’mod awtonomu fil-punt 46 tal-imsemmija sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C‑167/04 P, EU:C:2006:594, punt 186, kif ukoll Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 233).

39

Fil-fatt, permezz ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li, minn naħa, “huma esklużivament l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li għandhom jeżaminaw l-akkużi fuq livell kriminali” miġjuba kontra ex Membru tal-Qorti tal-Awdituri, u, min-naħa l-oħra, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwahom “fuq livell dixxiplinari abbażi tal-Artikolu 247(7) KE”, billi l-Qorti tal-Awdituri nnifisha għalhekk la għandha s-setgħa, fil-kuntest tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li tadotta deċiżjoni formali li tillibera lill-appellanti minn kull akkuża miġjuba kontriha, fuq livell dixxiplinari jew fuq livell kriminali, u lanqas li tippubblika, fl-istampa, l-aħbar li hija kienet ġiet illiberata.

40

Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija wkoll konformi mal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza stabbilita dwar in-natura awtonoma tal-proċeduri dixxiplinari li jitmexxew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens tal-Artikolu 247(7) KE, meta mqabbla mal-proċeduri nazzjonali ta’ natura kriminali (sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punti 120 u 121). Fil-fatt, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Awdituri, bħala awtorità li tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-istess mod bħal din tal-aħħar, ma hijiex marbuta bil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti mwettqa matul proċedura kriminali nazzjonali. Għalhekk il-Qorti tal-Awdituri ma kinitx marbuta tadotta, f’dan il-każ, wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, l-atti jew l-aġir invokat mill-appellanti.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

42

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, K. Nikolaou tallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TUE u li kienet marbuta tosserva fir-rigward tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg.

43

F’dan ir-rigward, l-appellanti, filwaqt li tirreferi għad-digriet Zwartveld et (C‑2/88, EU:C:1990:315, punt 17) u għas-sentenza L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni, (C‑339/00, EU:C:2003:545, punti 71 u 72), issostni li dan il-prinċipju jimponi mhux biss fuq l-Istati Membri, iżda wkoll fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, b’estensjoni, fuq il-korpi kollha ta’ din tal-aħħar, inklużi l-korpi ġudizzjarji tagħha, dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali.

44

Wara li tispeċifika dan, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali madankollu la osservat is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 u lanqas ma ħaditha debitament inkunsiderazzjoni.

45

L-ewwel nett, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat il-fatti relatati mal-aġir ta’ K. Nikolaou b’mod totalment diverġenti mill-evalwazzjoni li wettaq it-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg.

46

It-tieni nett, l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li skontha l-ġestjoni ta’ kull sistema ta’ leave hija bbażata fuq l-obbligu tas-superjur dirett li jivverifika l-preżenza tal-membri tal-persunal mqiegħda taħt l-awtorità tiegħu, tmur manifestament kontra l-kunsiderazzjonijiet magħmula fis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, li skonthom ma kien jeżisti ebda obbligu impost fuq il-membri tal-kabinetti li jżommu reġistru tal-leave.

47

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li “n-natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ reġistrazzjoni u ta’ sorveljanza tal-leave tal-Qorti tal-Awdituri li kienet applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti” ma setgħetx tiġġustifika l-abbandun ta’ kull investigazzjoni jew prosekuzzjoni kontra l-appellanti, meta hija preċiżament l-imsemmija natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ ġestjoni tal-leave li kienet wasslet biex l-appellanti tiġi lliberata mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg.

48

B’risposta għal dawn l-argumenti, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li dan it-tieni aggravju huwa bbażat fuq fehma żbaljata tar-rwoli rispettivi tal-istituzzjonijiet ikkonċernati kif ukoll tal-portata tal-Artikolu 4(3) TUE.

49

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson (EU:C:2006:455), il-Qorti Ġenerali ma qegħditx fid-dubju s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, iżda sempliċement wettqet evalwazzjoni awtonoma ta’ ċerti fatti diġà analizzati matul il-proċedura kriminali mmexxija fuq livell nazzjonali, fil-kuntest tal-eżami ta’ eventwali responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Qorti tal-Awdituri. Għaldaqstant, id-differenza fl-evalwazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi fattwali tirriżulta min-natura awtonoma ta’ kull waħda miż-żewġ proċeduri ġudizzjarji mibdija.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li kienet marbuta tosserva fir-rigward tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, sa fejn evalwat ċerti punti ta’ fatt, fil-punti 44 u 45 kif ukoll fil-punti 35 u 38 tas-sentenza appellata, b’mod diverġenti meta mqabbla mal-kunsiderazzjonijiet magħmula fis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona kien jinsab fl-Artikolu 10 KE, u li, attwalment, huwa stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE, jimplika obbligu, għall-Istati Membri, li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni u jimponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ din tal-aħħar dmirijiet reċiproċi ta’ rispett u ta’ assistenza fir-rigward tal-Istati Membri fit-twettiq tal-funzjonijiet li jirriżultaw mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi First u Franex, C‑275/00, EU:C:2002:711, punt 49, u L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2003:545, punt 71).

52

Issa fil-kuntest ta’ dawn il-funzjonijiet, l-Artikolu 235 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 225(1) KE, jagħti espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti Ġenerali l-ġurisdizzjoni sabiex tisma’ kawżi li għandhom x’jaqsmu ma’ kumpens għad-danni previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 228 KE, li l-għan tiegħu huwa r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Skont ġurisprudenza stabbilita, din il-ġurisdizzjoni hija esklużiva, billi dawn il-qrati għandhom jivverifikaw il-preżenza ta’ għadd ta’ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih ikunu kkritikati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat, li meta jiġu ssodisfatti jwasslu sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg, C‑103/11 P, EU:C:2013:245, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-preżenza tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat diversi drabi li jeħtieġ li jiġi pprovat ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 42), jiġifieri ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 et C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 55, u Il‑Kummissjoni vs CEVA u Pfizer, C‑198/03 P, EU:C:2005:445, punt 64).

54

Għalhekk minn dawn il-prinċipji jirriżulta li r-rikors għad-danni marbut ma’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għall-azzjonijiet jew għall-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet tagħha ġie stabbilit bħala rimedju awtonomu minn azzjonijiet ġudizzjarji oħra, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji u li huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl tal-iskop speċifiku tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Lütticke vs Il‑Kummissjoni, 4/69, EU:C:1971:40, punt 6, u Unifrex vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, 281/82, EU:C:1984:165, punt 11).

55

Għaldaqstant, kif irrilevat ukoll il-Qorti tal-Awdituri fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għalkemm il-konstatazzjonijiet magħmula matul proċedura kriminali li tirrigwarda fatti identiċi għal dawk eżaminati fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 235 KE jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti Komunitarja adita, din tal-aħħar madankollu ma hijiex marbuta bil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-imsemmija fatti mwettqa mill-qorti kriminali, iżda għandha, fl-eżerċizzju sħiħ tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tanalizzahom b’mod awtonomu sabiex tivverifika jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson, EU:C:2006:455, punti 120 u 121).

56

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet li bihom l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret, fil-punti 44 u 45 kif ukoll fil-punti 35 u 38 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, huma totalment infondati.

57

Fil-fatt, fl-imsemmija punti ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli tosserva d-dmir ta’ rispett istituzzjonali li kienet marbuta tosserva fir-rigward tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, sa fejn hija ddeċidiet fuq ċerti fatti diġà analizzati mis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 biss sabiex tivverifika l-legalità tal-ommissjonijiet allegati fil-konfront tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kawża dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u mhux bil-għan li tevalwa l-fondatezza tal-akkużi kriminali miġjuba kontra K. Nikolaou.

58

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

59

Permezz tat-tielet aggravju, K. Nikolaou ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, minħabba l-fatt li din tal-aħħar iddeċidiet dwar kwistjonijiet li jmorru lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mit-Trattati.

60

Fl-ewwel lok, hija tqis li, fil-punt 45 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet bħala “qorti tal-appell kriminali”, meta evalwat fil-mertu, mill-aspett kriminali, “dak li jimplika” u “dak li ma jimplikax” il-motiv ta’ liberazzjoni “ibbażat fuq id-dubju”, adottat mis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008.

61

Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali aġixxiet bħala “qorti dixxiplinari” u, barra minn hekk, ivvalidat interpretazzjoni żbaljata tas-setgħat tal-Qorti tal-Awdituri, meta kkunsidrat fil-punt 47 tas-sentenza appellata, fir-rigward tar-rimarka li tinsab fl-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, li “il-President tal-Qorti tal-Awdituri ma aġixxiex b’mod mhux xieraq meta indika lir-rikorrenti li l-maġġoranza kbira tal-Membri tal-istituzzjoni [kienet i]kkunsidrat l-aġir tagħha bħala inaċċettabbli”.

62

F’dan ir-rigward, K. Nikolaou tispeċifika li, billi, skont l-Artikolu 247(7) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija l-unika istituzzjoni li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq in-nuqqasijiet ta’ natura dixxiplinari allegati fil-konfront ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, il-Qorti Ġenerali la kellha dritt tiddeċiedi għal dan l-iskop dwar l-aġir allegat fil-konfront tal-appellanti fl-imsemmija ittra u lanqas ma kellha dritt tirrikonoxxi l-legalità tal-kontenut ta’ din l-ittra.

63

Il-Qorti tal-Awdituri ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, sa fejn jikkostitwixxi sempliċi repetizzjoni tal-argumenti invokati fl-ewwel istanza f’dak li jirrigwarda l-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, u bħala parzjalment infondat, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma qegħditx fid-dubju s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, billi l-evalwazzjoni tal-istess aġir tista’ twassal, fil-fatt, għal konklużjonijiet differenti, skont in-natura tal-qorti adita u tal-azzjoni ġudizzjarja mibdija.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, K. Nikolaou ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li joħorġu mit-Trattati. Fl-ewwel lok, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, hija allegatament evalwat, fil-mertu, l-akkużi kriminali miġjuba kontra l-appellanti u l-motiv ta’ liberazzjoni adottat mis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008. Fit-tieni lok, fil-punt 47 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta analizzat ir-rimarka ta’ natura dixxiplinari li tinsab fl-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004 u kkonfermat il-legalità tal-kontenut ta’ din l-ittra, billi ma osservatx il-limiti mhux biss tas-setgħat tagħha, iżda wkoll ta’ dawk tal-Qorti tal-Awdituri.

65

Issa għandu jiġi kkonstatat li dawn l-allegazzjonijiet joħorġu minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata.

66

Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-punt 45 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma analizzatx il-fatti li wasslu għall-akkużi kriminali miġjuba kontra l-appellanti u l-motiv ta’ liberazzjoni adottat mis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, bil-għan li tqiegħed fid-dubju l-eżitu finali ta’ din tal-aħħar jew li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kriminali li tmexxiet fuq livell nazzjonali.

67

Għall-kuntrarju, kif ġie rrilevat fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, fil-limiti tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tagħmel riferiment għall-istess punti ta’ fatt li ttieħdu inkunsiderazzjoni matul l-imsemmija proċedura kriminali, sempliċement għall-finijiet li tirrispondi għall-argumenti tal-appellanti bbażati fuq l-allegata illegalità tal-ommissjoni, mill-Qorti tal-Awdituri, li tadotta deċiżjoni formali li tilliberaha minn kull akkuża miġjuba kontriha, wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008.

68

Għalhekk, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma aġixxietx bħala “qorti tal-appell kriminali”, iżda baqgħet fil-limiti tas-setgħat tagħha.

69

F’dak li jirrigwarda t-tieni parti tat-tielet aggravju tal-appell, għandu jiġi speċifikat, minn naħa, li r-raġunament segwit fil-punt 47 tas-sentenza appellata jikkostitwixxi wkoll risposta għal argument tal-appellanti, ibbażat fuq ksur, mill-Qorti tal-Awdituri, tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tad-dmir ta’ diliġenza, li jirriżulta minn rimarka negattiva u żejda li tinsab fl-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004.

70

Għalhekk, meta analizzat tali rimarka fil-kuntest tar-rikors għad-danni mressaq quddiemha, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, minn aspett dixxiplinari, dwar l-aġir allegat fil-konfront tal-appellanti u ma eċċedietx il-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

71

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, għandu jiġi rrilevat, kif diġà enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan il-kontenut ġustament kien limitat għas-sempliċi indikazzjoni tar-riżultat tal-vot tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri li ltaqgħu sabiex jiddeċiedu jekk iressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens tal-Artikolu 247(7) KE, u għaldaqstant, ma wettaqx evalwazzjoni, fuq livell dixxiplinari, tal-aġir allegat fil-konfront ta’ K. Nikolaou.

72

Fil-fatt, billi d-deċiżjoni dwar it-tressiq ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet leġittimament tittieħed, skont il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza f’dan il-qasam, abbażi tal-eżistenza preżunta ta’ “nuqqas ta’ ċertu livell ta’ gravità” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson, EU:C:2006:455, punt 72), kien leġittimu għall-Qorti tal-Awdituri li tindika li l-unanimità neċessarja għal dan l-iskop, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri, ma kinitx inkisbet, minkejja li maġġoranza kbira tal-Membri tagħha kienet madankollu kkritikat l-aġir allegat fil-punt (i) tal-imsemmija ittra.

73

Barra minn hekk, kif ġie kkonfermat mill-partijiet kollha matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rimarka li tinsab fl-istess ittra baqgħet strettament personali u b’ebda mod ma ġiet żvelata lill-istampa.

74

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, meta ddeċidiet li l-kontenut tal-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004 kien leġittimu, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma rrikonoxxiet li l-Qorti tal-Awdituri kellha kompetenzi fil-qasam dixxiplinari, li hija ma kellhiex, u lanqas ma naqset li tosserva l-portata tal-ġurisdizzjoni tagħha, billi ma aġixxietx bħala “qorti dixxiplinari”.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

Fuq ir-raba ’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

76

Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħha, K. Nikolaou ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat ir-regoli li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Fil-fatt, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament żiedet kundizzjoni addizzjonali mhux meħtieġa mill-ġurisprudenza, jiġifieri r-rekwiżit li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tkun aġixxiet “in mala fide”.

77

Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tagħha.

78

Minn naħa, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta ddeċidiet li ma kienx neċessarju li l-appellanti tiġi informata li kienet infetħet investigazzjoni preliminari fil-konfront tagħha u li l-ittri tat-8 u tas-26 ta’ April 2002, li informaw lill-appellanti biss bil-ftuħ tal-investigazzjoni interna tal-OLAF, kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, fil-punt 29 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta aċċettat li l-ommissjoni, mill-Qorti tal-Awdituri, li tiżvela lill-appellanti l-kontenut tal-fajl imħejji matul l-investigazzjoni preliminari jew li tismagħha qabel ma tibagħtu lill-OLAF ma kienet tikkostitwixxi ebda illegalità, fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni.

79

Skont il-Qorti tal-Awdituri, dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, billi jikkonsisti f’sempliċi repetizzjoni tal-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza u għalhekk jikkostitwixxi talba għall-eżami mill-ġdid tal-fatti ta’ dan il-każ.

80

Fi kwalunkwe każ, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament ma żiedet ebda kundizzjoni addizzjonali sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Bl-istess mod, hija allegatament ma wettqet ebda żball fl-interpretazzjoni li hija għamlet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50, billi din id-dispożizzjoni ma timponix li l-persuna ssuspettata li wettqet irregolaritajiet tiġi informata bil-ftuħ ta’ investigazzjoni preliminari, iżda sempliċement teżiġi li s-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri jibgħat lill-OLAF, mingħajr dewmien, l-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ tali investigazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tal-appell, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, meta ddeċidiet, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li l-eventwali trażmissjoni lill-OLAF jew lill-awtoritajiet Lussemburgiżi ta’ dokument datat 20 ta’ Novembru 2001, li joriġina mill-kap tal-kabinett ta’ K. Nikolaou u li l-firma fuqu probabbilment kienet falza, ma kinitx tfisser li l-Qorti tal-Awdituri kienet aġixxiet in mala fide f’dak li kien jirrigwarda l-kwistjoni tal-awtentiċità tal-firma tal-appellanti.

82

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali siltet din il-konklużjoni biss sussidjarjament, wara li kienet ikkonstatat, prinċipalment, li l-imsemmi dokument ma kienx jinsab fil-fajl preliminari mibgħut mill-Qorti tal-Awdituri lill-OLAF u lanqas ma kien ġie kkomunikat lill-awtoritajiet Lussemburgiżi.

83

Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kull kontestazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni ta’ natura fattwali fl-appell, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

84

Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tal-appell, K. Nikolaou ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tagħha, sa fejn ikkunsidrat, minn naħa, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li l-ittri tat-8 u tas-26 ta’ April 2002, li informaw lill-appellanti bil-ftuħ tal-investigazzjoni interna tal-OLAF u mhux bl-investigazzjoni preliminari, kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 29 ta’ dik is-sentenza, li t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni ma kinitx tobbliga lill-Qorti tal-Awdituri tiżvela lill-appellanti l-kontenut tal-fajl imħejji fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari, u lanqas li tismagħha qabel ma tibagħtu lill-OLAF.

85

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50 jipprovdi li s-Segretarju Ġenerali, minn naħa, “għandu jibgħat mingħajr dewmien lill-[OLAF] kull fatt li jagħti lok għall-preżunzjoni li jeżistu l-irregolaritajiet”, bħal frodi, korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u, min-naħa l-oħra, “għandu jwettaq investigazzjoni preliminari, bla ħsara għall-investigazzjonijiet interni mwettqa mill-[OLAF]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

86

Issa fl-assenza ta’ indikazzjonijiet espliċiti li jirriżultaw minn dan l-artikolu, sabiex tingħata risposta għall-ewwel argument invokat insostenn tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk l-obbligu ta’ informazzjoni li għalih tirreferi l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 jestendix ukoll għall-investigazzjoni preliminari, it-tieni nett, fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’inhi n-natura ta’ dan l-obbligu u, fl-aħħar nett, jekk l-appellanti kinitx tabilħaqq, f’dan il-każ, is-suġġett ta’ tali informazzjoni.

87

F’dak li jirrigwarda l-eżami ta’ dawn il-punti, għandu jiġi kkonstatat li, mingħajr ma jispeċifika t-tipoloġija ta’ investigazzjoni prevista, l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tipprovdi sempliċement li, fil-każ fejn jidher li jkun hemm possibbiltà ta’ implikazzjoni personali ta’ Membru, uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri, il-persuna kkonċernata għandha tiġi informata “malajr”, meta dan ma jipperikolax li ssir ħsara lill-investigazzjoni.

88

Minn dan isegwi li, anki jekk jiġi aċċettat li din id-dispożizzjoni tikkonċerna wkoll l-investigazzjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li hija ma tistabbilixxix obbligu ta’ informazzjoni immedjata, mill-bidu tal-investigazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li hija timmitiga dan l-obbligu billi teżiġi li tiġi protetta l-effikaċja tal-investigazzjoni.

89

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, permezz tal-ittra tas-26 ta’ April 2002, hija tabilħaqq ġiet informata mhux biss li kienet infetħet investigazzjoni interna, iżda wkoll li kienet saret investigazzjoni preliminari mill-Qorti tal-Awdituri u li kien intbagħat fajl relattiv għaliha mis-Segretarju Ġenerali ta’ din l-istituzzjoni lill-OLAF.

90

Għaldaqstant, fl-assenza ta’ allegazzjonijiet tal-appellanti li jqiegħdu fid-dubju n-natura eventwalment tardiva tat-trażmissjoni ta’ tali ittra, għandu jiġi kkunsidrat, kif ġie rrilevat ukoll mill-Avukat Ġenerali, li l-komunikazzjoni li tinsab f’din l-ittra rrekonċiljat il-prinċipju li l-persuna kkonċernata tiġi informata malajr man-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja kemm tal-investigazzjoni preliminari kif ukoll tal-investigazzjoni interna.

91

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li l-komunikazzjonijiet magħmula bl-ittri tat-8 u tas-26 ta’ April 2002 kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50.

92

Wara li ngħataw dawn l-ispjegazzjonijiet, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tat-tieni argument invokat insostenn tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk l-investigazzjoni preliminari hijiex, fi kwalunkwe każ, suġġetta għall-osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, li skontha “meta tintemm l-investigazzjoni ma jistgħux jintlaħqu konklużjonijiet li jirreferu bl-isem għal xi Membru [tal-Qorti tal-Awdituri] jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx ingħatat l-opportunità li tesprimi ruħha dwar il-fatti kollha li jikkonċernawha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, għalhekk, jekk l-appellanti kellhiex tinstema’ qabel l-għeluq ta’ din l-investigazzjoni u t-trażmissjoni lill-OLAF tal-fajl ikkostitwit.

93

Għal dan l-iskop, billi ebda indikazzjoni ċara ma tirriżulta mill-kliem użat fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4, għandhom jiġu eżaminati l-karatteristiċi speċifiċi tal-investigazzjoni preliminari.

94

Issa kif ġie spjegat mill-Qorti tal-Awdituri waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tali investigazzjoni tikkostitwixxi fażi priminari ta’ ġbir u ta’ evalwazzjoni tal-informazzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet irċevuti mis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, li l-għan tagħha jikkonsisti fil-verifika tal-kredibbiltà tal-provi li jsostnu dawn l-allegazzjonijiet, qabel ma jiddaħħlu f’fajl u jintbagħtu jew lill-Awtorità tal-Ħatra, għall-finijiet tal-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, jew lill-OLAF, sabiex titmexxa investigazzjoni interna.

95

Minn dan isegwi li, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-investigazzjoni preliminari ma hijiex intiża li twassal għall-adozzjoni ta’ konklużjonijiet li jirrigwardaw il-persuna inkwistjoni.

96

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, meta analizzat is-suġġett ta’ din l-investigazzjoni u kkunsidrat li l-obbligu li jirriżulta mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 ma jikkonċernax l-atti mwettqa mis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni.

97

Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud, kollu kemm hu, bħala infondat.

98

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat u l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

99

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Qorti tal-Awdituri talbet għall-kundanna ta’ K. Nikolaou u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Kalliopi Nikolaou hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Fuq