Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0198

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Lulju 2014.
    Víctor Manuel Julian Hernández et vs Reino de España (Subdelegación del Gobierno de España en Alicante) et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social Nru 1 ta’ Benidorm.
    Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Dritt għal kumpens ta’ persuna li timpjega fir-rigward ta’ Stat Membru għas-salarji mħallsa lil impjegat matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċija ta’ dan tal-aħħar wara li jkunu ddekorrew 60 ġurnata xogħol wara l-preżentata ta’ rikors għal kontestazzjoni – Assenza ta’ dritt għal kumpens fil-każ ta’ tkeċċijiet nulli – Surroga tal-ħaddiem fid-dritt għal kumpens tal-persuna li timpjegah fil-każ ta’ insolvenza provviżorja ta’ din tal-aħħar – Diskriminazzjoni tal-ħaddiema li kienu suġġetti għal tkeċċija nulla – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 20.
    Kawża C‑198/13.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2055

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    10 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

    “Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega — Direttiva 2008/94/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Dritt għal kumpens ta’ persuna li timpjega fir-rigward ta’ Stat Membru għas-salarji mħallsa lil impjegat matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċija ta’ dan tal-aħħar wara li jkunu ddekorrew 60 ġurnata xogħol wara l-preżentata ta’ rikors għal kontestazzjoni — Assenza ta’ dritt għal kumpens fil-każ ta’ tkeċċijiet nulli — Surroga tal-ħaddiem fid-dritt għal kumpens tal-persuna li timpjegah fil-każ ta’ insolvenza provviżorja ta’ din tal-aħħar — Diskriminazzjoni tal-ħaddiema li kienu suġġetti għal tkeċċija nulla — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 20”

    Fil-Kawża C‑198/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 1 ta’ Benidorm (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ April 2013, fil-proċedura

    Víctor Manuel Julian Hernández,

    Chems Eddine Adel,

    Jaime Morales Ciudad,

    Bartolomé Madrid Madrid,

    Martín Selles Orozco,

    Alberto Martí Juan,

    Said Debbaj

    vs

    Reino de España (Subdelegación del Gobierno de España en Alicante),

    Puntal Arquitectura SL,

    Obras Alteamar SL,

    Altea Diseño y Proyectos SL,

    Ángel Muñoz Sánchez,

    Vicente Orozco Miro,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Julian Hernández, Eddine Adel, Morales Ciudad, Madrid Madrid, Selles Orozco, Martí Juan u Debbaj, minn F. Van de Velde Moors, abogado,

    għall-Gvern Spanjol, minn M. García‑Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Vidal Puig, bħala aġent,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36) u tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn V. M. Julian Hernández, Eddine Adel, Morales Ciudad, Madrid Madrid, Selles Orozco, Martí Juan u Debbaj, u r-Reino de España (Subdelegación del Gobierno de España en Alicante) [Ir-Renju ta’ Spanja (Subdelegazzjoni tal-Gvern Spanjol f’Alicante), iktar ’il quddiem is‑“Subdelegación”] kif ukoll ma’ Puntal Arquitectura SL, Obras Alteamar SL, Altea Diseño y Proyectos SL, MM. Muñoz Sánchez u Orozco Miro, fir-rigward tal-ħlas ta’ somma ta’ ammont li jikkorrispondi għal dak dovut lill-impjegati tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċija ta’ dawn tal-aħħar, wara s‑60 ġurnata ta’ xogħol mid-data tal-preżentata tar-rikorsi għal kontestazzjoni ta’ tkeċċija tagħhom u sa dik tal-għoti tad-deċiżjoni li tikonstata n-nullità ta’ dawn it-tkeċċijiet.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont il-premessi 3 u 7 tad-Direttiva 2008/94:

    “(3)

    Jeħtieġ li jsir provvediment għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom u biex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet mhux imħallsa b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ żvilupp, ekonomiku u soċjali, bilanċjat fil-Komunità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp li jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati kkonċernati.

    [...]

    (7)

    L-Istati Membri jistgħu jiffissaw limitazzjonijiet tar-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija. Dawk il-limitazzjonijiet għandhom ikunu kompatibbli ma’ l-għan soċjali tad-Direttiva u jistgħu jieħdu kont tal-livelli differenti tal-pretensjonijiet.”

    4

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/94 jipprovdi li “[d]in id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1).”

    5

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, min iħaddem għandu jitqies bħala fi stat ta’ insolvenza meta tkun saret talba għall-ftuħ ta’ proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem, kif ikun previst mil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru, u li jinvolvu d-divestiment parzjali jew totali ta’ l-assi ta’ dak li jħaddem u l-ħatra ta’ stralċjarju jew ta’ persuna li twettaq kompitu simili, u ta’ l-awtorità li tkun kompetenti skond id-dispożizzjonijiet imsemmija tkun:

    a)

    jew iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri, jew

    b)

    stabbilixxiet li l-impriża jew in-negozju ta’ min iħaddem ingħalqu b’mod definittiv u li l-assi disponibbli ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċeduri.

    2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tat-termini “impjegat [ħaddiem impjegat]”, “min iħaddem [persuna li timpjega]”, “paga [remunerazzjoni]”, “dritt li jagħti titolu immedjat” u “dritt li jagħti titolu prospettiv”.

    [...]

    4.   Din id-Direttiva ma timpedixxix lill-Istati Membri milli jestendu l-protezzjoni tal-ħaddiema għal sitwazzjonijiet oħra ta’ insolvenza, per eżempju fejn il-ħlasijiet ikunu twaqqfu de facto fuq bażi permanenti, li jkunu stabbiliti bi proċeduri differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 kif previsti fil-liġijiet nazzjonali.

    [...]”

    6

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg.

    Il-pretensjonijiet li tidħol għalihom l-istituzzjoni ta’ garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlas tal-paga relatati ma’ perijodu preċedenti ta’ żmien u/jew, skond il-każ applikabbli, wara data speċifikata stabbilita mill-Istati Membri.”

    7

    Skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2008/94:

    “1.   L-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija imsemmija fl-Artikolu 3.

    2.   Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perijodu ta’ żmien li għalih għandhom jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Madankollu, dan ma jistax ikun iqsar minn perijodu ta’ żmien li jkopri r-rimunerazzjoni ta’ l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ impjieg qabel u/jew wara d-data msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3.

    L-Istati Membri jistgħu jinkludu dan il-perijodu minimu ta’ tliet xhur f’perijodu ta’ żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn sitt xhur.

    L-Istati Membri li jkollhom perijodu ta’ żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn 18‑il xahar jistgħu jillimitaw il-perijodu li għalih jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija għal tmien ġimgħat. F’dan il-każ, dawk il-perijodi ta’ żmien li jkunu l-aktar favorevoli għall-impjegat għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-perijodu minimu ta’ żmien.”

    8

    L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati għall-organizzazzjoni, finanzjament u funzjonament ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija [...]

    [...]”

    9

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-istess direttiva, hija “ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għall-impjegati”.

    Id-dritt Spanjol

    Il-Kostituzzjoni

    10

    Skont l-Artikolu 121 tal-Kostituzzjoni, “[k]onformement mal-liġi, l-oneru għall-kumpens tad-danni kkawżati minn żball ġudizzjarju, kif ukoll dawk li huma konsegwenza ta’ funzjonament anormali tal-amministrazzjoni ġudizzjarja, jaqa’ fuq l-Istat”.

    L-Istatut tal-ħaddiema

    11

    L-Artikolu 33 tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-istatut tal-ħaddiema (texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores), adottat permezz tad-Digriet Reali Leġiżlattiv 1/1995 (Real Decreto Legislativo 1/1995), tal‑24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad‑29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-ħaddiema”) huwa redatt kif ġej:

    “1.   Il-Fond ta’ Garanzija tas-Salarju, korp awtonomu li jaqa’ taħt il-Ministeru tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali, li għandu personalità ġuridika u l-kapaċità li jaġixxi sabiex iwettaq l-għanijiet tiegħu, għandu jħallas lill-impjegati l-ammont tas-salarji li huma dovuti lilhom f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom jew ta’ proċedura kollettiva ta’ arranġament mal-kredituri li għaliha hija suġġetta l-persuna li timpjegahom.

    Għall-finijiet tas-subparagrafu preċedenti, għandu jitqies bħala salarju l-ammont rikonoxxut bħala tali f’att ta’ konċiljazzjoni jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja għat-titoli kollha msemmija fl-Artikolu 26(1), kif ukoll is-salarji dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ tkeċċija fil-każijiet previsti mil-liġi, mingħajr ma l-Fond jista’ jħallas, taħt titolu jew ieħor, konġuntament jew separatament, somma ogħla mill-ammont li jirriżulta mill-moltiplikazzjoni tat-triplu tas-salarju minimu interprofessjonali ta’ kuljum, inkluża l-parti proporzjonali tal-bonus, man-numru ta’ ġranet ta’ salarju mhux imħallsa, sa limitu ta’ mija u ħamsin ġurnata.

    2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti, il-Fond ta’ Garanzija tas-Salarju għandu jħallas il-kumpensi rikonoxxuti permezz ta’ deċiżjoni, digriet, att ta’ konċiljazzjoni ġudizzjarja jew deċiżjoni amministrattiva, favur ħaddiema minħabba t-tkeċċija jew it-terminazzjoni tal-kuntratti konformement mal-Artikoli 50, 51 u 52 ta’ din il-liġi jew it-terminazzjoni tal-kuntratti konformement mal-Artikolu 64 tal-Liġi 22/2003, tad‑9 ta’ Lulju 2003, fuq il-falliment, kif ukoll il-kumpensi minħabba terminazzjoni tal-kuntratti temporanji jew għal żmien determinat fil-każijiet previsti mil-liġi. Fil-każijiet kollha, dan il-ħlas għandu jsir fil-limitu massimu ta’ sena, dejjem sa fejn is-salarju ta’ kuljum, li jservi bħala bażi għall-kalkolu, ma jistax jeċċedi t-triplu tas-salarju minimu interprofessjonali, inkluża l-parti proporzjonali tal-bonus.

    [...]

    6.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, il-persuna li timpjega titqies li hija fi stat ta’ insolvenza meta, wara li s-salarju dovut jiġi kkonstatat skont il-forma spjegata mil-liġi dwar il-proċedura fil-qasam tad-dritt tax-xogħol, dan ma setax jiġi rkuprat. [...]”

    12

    L-Artikolu 53 tal-Istatut tal-ħaddiema, intitolat “Forma u effetti tal-iskadenza minħabba raġunijiet oġġettivi”, jipprovdi:

    “1.   L-adozzjoni tal-ftehim ta’ skadenza fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-artikolu preċedenti hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    Notifika bil-miktub lill-impjegat dwar ir-raġuni għat-tkeċċija.

    b)

    Ħlas lill-ħaddiem, fl-istess mument tan-notifika bil-miktub, tal-kumpens ta’ għoxrin ġurnata fis-sena ta’ anzjanità, kumpens li jiġi kkalkolat bi prorata tan-numru ta’ xhur għall-perijodi ta’ inqas minn sena, sa massimu ta’ tnax-il paga ta’ kull xahar.

    [...]

    4.   Meta l-persuna li timpjega ma tosservax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jew meta d-deċiżjoni tagħha li ttemm il-kuntratt ta’ xogħol hija mmotivata minn waħda mir-raġunijiet li l-Kostituzzjoni jew il-liġi tikkwalifika bħala diskriminatorji u pprojbiti f’dan ir-rigward, jew ulterjorment meta t-tkeċċija ssir bi ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet pubbliċi tal-impjegat, id-deċiżjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratt ta’ xogħol huwa null, fejn din in-nullità għandha tiġi kkonstatata ex officio mill-qorti. [...]

    [...]”

    13

    L-Artikolu 55(6)(c) tal-imsemmi statut jipprovdi:

    “Tkeċċija nulla għandha bħala effett ir-reintegrazzjoni immedjata tal-impjegat, bi ħlas tas-salarji mhux riċevuti.”

    14

    Konformement mal-Artikolu 56(1) tal-istess statut:

    “Meta t-tkeċċija tiġi ddikjarata abbużiva, il-persuna li timpjega, f’terminu ta’ ħamest ijiem li jibda’ jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni, għandu jew jerġa’ jdaħħal lill-impjegat fl-impriża u jħallaslu l-arretrati tas-salarju hekk kif previsti fil-paragrafu (1)(b), jew li jħallas l-ammonti segwenti, li għandhom jiġu stabbiliti mid-deċiżjoni:

    a)

    Kumpens ekwivalenti għal ħamsa u għoxrin ġurnata ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità fis-servizz, fejn il-perijodi ta’ mhux iktar minn sena jiġu kkalkolati pro rata fuq il-bażi ta’ kull xahar sa massimu ta’ tnejn u erbgħin paga ta’ kull xahar.

    b)

    Ammont daqs is-somma tas-salarji dovuti mid-data tat-tkeċċija sad-data tan-notifika tad-deċiżjoni li tkun ikkonstatat in-natura abbużiva tal-imsemmija tkeċċija, jew sad-data li fiha l-impjegat ikun sab impjieg ieħor jekk din l-aħħar data tippreċedi dik tad-deċiżjoni, u jekk il-persuna li timpjega tiċċertifika l-ammonti mħallsa lill-impjegat, li għandhom għalhekk jitnaqqsu minn dawn l-arretrati tas-salarju.”

    15

    L-Artikolu 57(1) tal-Istatut tal-ħaddiema jipprovdi:

    “Meta d-deċiżjoni li tikkonstata n-natura abbużiva tat-tkeċċija tingħata iktar minn sittin ġurnata ta’ xogħol wara d-data ta’ tressiq tat-talba, il-persuna li timpjega tista’ titlob mill-Istat il-ħlas tas-somma indikata fl-Artikolu 56(1)(b), lill-impjegat, li tikkorrispondi mal-perijodu li jaqbeż l-imsemmi terminu ta’ sittin ġurnata.”

    Il-LPL

    16

    L-Artikolu 116 tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar il-proċedura tax-xogħol (texto refundido de la Ley de Procedimiento Laboral), adottat permezz tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/1995 (Real Decreto Legislativo 2/1995), tas‑7 ta’ April 1995 (BOE no 86, tal‑11 ta’ April 1995, p. 10695), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il‑“LPL”), jipprovdi:

    “1.   Jekk iktar minn sittin ġurnata ta’ xogħol ikunu ddekorrew bejn id-data ta’ tressiq ta’ talba li tikkontesta t-tkeċċija u dik tad-deċiżjoni tal-Juzgado jew tat-Tribunal li tikkonstata għall-ewwel darba in-natura abbużiva tal-imsemmija tkeċċija, il-persuna li timpjega, ladarba d-deċiżjoni tkun saret definittiva, tista’ titlob mingħand l-Istat is-salarji mħallsa lill-impjegati li jmorru lilhinn minn dan it-terminu.

    2.   Fil-każ ta’ insolvenza provviżorja tal-persuna li timpjega, l-impjegat jista’ jitlob direttament mill-Istat is-salarji msemmija fil-paragrafu preċedenti u li ma tħallsux mill-persuna li timpjega.”

    17

    L-Artikolu 279(2) tal-PLP jipprovdi:

    “Fit-tlett ijiem li jsegwu, il-qorti għandha tagħti digriet li fih, ħlief fil-każijiet fejn ebda waħda miż-żewġ ċirkustanzi allegati mill-parti li titlob l-irkupru ma tiġi stabbilita:

    a.

    huwa jikkonstata l-iskadenza tar-relazzjoni tax-xogħol fid-data tal-imsemmi digriet;

    b.

    huwa jagħti l-ħlas lill-impjegat tal-kumpens imsemmi fl-Artikolu 110(1) ta’ din il-liġi [...];

    c.

    huwa jikkundanna lill-persuna li timpjega tħallas is-salarji mhux imħallsa tad-data ta’ notifika tad-deċiżjoni li tiddikjara għall-ewwel darba n-natura abbużiva tat-tkeċċija sa dik tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq.”

    18

    Skont l-Artikolu 284 tal-LPL:

    “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-artikoli preċedenti, meta tirriżulta li huwa impossibbli li l-impjegat jerġa’ jiddaħħal fl-impriża minħabba waqfien fin-negozju jew għeluq ta’ din tal-aħħar, il-qorti għandha tagħti digriet li jikkonstata l-iskadenza tar-relazzjoni ta’ xogħol fid-data ta’ dan id-digriet u jħallas lill-impjegat is-salarji u l-kumpensi li għad iridu jitħallsu u li huma indikati fl-Artikolu 279(2).”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    19

    Fis‑16 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikors quddiem il-Juzgado de lo Social no 1 ta’ Benidorm għal kontestazzjoni tat-tkeċċijiet tagħhom kontra l-persuni li jħaddmuhom, jiġifieri Puntal Arquitectura SL, Obras Alteamar SL, Altea Diseño y Proyectos SL kif ukoll A. Muñoz Sánchez u V. Orozco Miro.

    20

    Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat‑2 ta’ Ottubru 2009, l-imsemmija qorti, minn naħa, ikkonstatat in-nullità ta’ dawn it-tkeċċijiet u, min-naħa l-oħra, iddikjarat mitmuma r-relazzjoni ta’ xogħol li tgħaqqad lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma’ Obras Alteamar SL u ma’ Altea Diseño y Proyectos SL minħabba waqfien fin-negozju tagħhom. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, dawn iż-żewġ kumpanniji ġew ikkundannati jħallsu lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kumpensi minħabba tkeċċija u s-salarji dovuti sa minn meta tkeċċew, inkluż matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ dawn it-tkeċċijiet. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-istess qorti kkundannat ukoll lill-Fondo de Garantía Salarial (Fond ta’ garanzija tas-Salarji, iktar ’il quddiem il‑“Fogasa”) sabiex tiggarantixxi sussidjarjament il-ħlas ta’ dawn is-somom skont il-limiti previsti mil-liġi.

    21

    Fil‑11 ta’ Ġunju 2010, l-imsemmija kumpanniji ġew iddikjarati fi stat ta’ insolvenza provviżorja.

    22

    Wara li fittxew mingħajr suċċess l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Juzgado de lo Social no 1 ta’ Benidorm, tat‑2 ta’ Ottubru 2009, kontra l-istess kumpanniji, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu l-ħlas mingħand il-Fogasa tas-somom deċiżi permezz ta’ din id-deċiżjoni, skont il-limiti previsti mil-liġi.

    23

    Sussegwentement huma talbu lis-Subdelegación il-ħlas ta’ somma ta’ ammont li jikkorrispondi għal dak tas-salarji dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċijiet tagħhom, wara s‑60 ġurnata ta’ xogħol li segwiet id-data tal-preżentata tar-rikors għal kontestazzjoni tagħhom u sa dik tan-notifika tad-deċiżjoni li tikkonstata n-nullità ta’ dawn it-tkeċċijiet. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas-Subdelegación, tad‑9 ta’ Novembru 2010, minħabba li, skont l-imsemmija deċiżjoni, l-imsemmija tkeċċijiet ma kinux abbużivi, iżda nulli.

    24

    Fil‑25 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kawża kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Social no 1 ta’ Benidorm sabiex jiksbu l-kundanna tas-Subdelegación għall-ħlas tal-imsemmija somma.

    25

    Ġaladarba l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi l-ħlas mill-Istat Spanjol tas-salarji dovuti wara s‑60 ġurnata li tkun segwiet id-data ta’ preżentata ta’ rikors għal kontestazzjoni ta’ tkeċċija biss fil-każijiet fejn it-tkeċċija hija ddikjarata abbużiva, ħlief fil-każ ta’ dawk li fihom ġiet ikkonstatata n-nullità tat-tkeċċija, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fatt jekk din id-differenza fit-trattament bejn l-impjegati li kienu suġġetti għal tkeċċija abbużiva, u l-impjegati li kienu suġġetti għal tkeċċija nulla għandhiex titqies li tmur kontra l-Artikolu 20 tal-Karta.

    26

    F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tispeċifika li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-differenza essenzjali bejn it-tkeċċija abbużiva u t-tkeċċija nulla tinsab fil-fatt li, fl-ewwel każ, il-persuna li timpjega tista’, pjuttost milli terġa’ ddaħħal lill-impjegat, tirrexxindi l-kuntratt tax-xogħol ta’ dan tal-aħħar billi tħallaslu kumpens, filwaqt li, fit-tieni każ, il-persuna li timpjega għandha l-obbligu li terġa’ ddaħħal lill-impjegat. B’hekk, fl-ipoteżi ta’ waqfien ta’ attivitajiet tal-persuna li timpjega, il-qorti nazzjonali tista’ tissostitwixxi l-obbligu li l-impjegat li t-tkeċċija tiegħu hija ddikjarata nulla jerġa’ jiddaħħal ma’ obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens wara li tkun ikkonstatat l-iskadenza tal-kuntratt ta’ xogħol. Fl-ipoteżijiet kollha, il-persuna li timpjega għandha l-obbligu li tħallas lill-impjegat is-salarji dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċija.

    27

    Fir-rigward tal-obbligu tal-Istat Spanjol li jħallas is-salarji dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċijiet wara s‑60 ġurnata ta’ xogħol li segwew id-data ta’ preżentata tar-rikors għal kontestazzjoni, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-ġurisprudenza tat‑Tribunal Supremo (Qorti suprema), id-debitur prinċipali ta’ dan l-obbligu hija l-persuna li timpjega li ma għandhiex issostni l-konsegwenzi ta’ ċertu dewmien ġudizzjarju. Huwa biss permezz ta’ surroga f’dan id-dritt tal-persuna li timpjega li, fl-ipoteżi tal-insolvenza ta’ din tal-aħħar, meta dawn l-impjegati ma jkunux tħallsu, l-impjegati jistgħu jitolbu l-ħlas direttament lill-Istat Spanjol skont l-Artikolu 116(2) tal-LPL. Peress li l-persuna li timpjega ma tistax titlob lill-Istat Spanjol il-ħlas tas-salarji mħallsa fil-każ ta’ tkeċċija nulla, l-impjegati kkonċernati minn tali tkeċċija ma jistgħux, billi jissurrogaw ruħhom fid-drittijiet tal-persuna li timpjegahom insolventi, jinvokaw dan id-dejn fir-rigward tal-Istat għas-salarji li ma tħallsulhomx.

    28

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social Nru 1 ta’ Benidorm iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Ir-regola, li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 57 tal-[Istatut tal-ħaddiema] u tal-Artikolu 116(2) tal-verżjoni kkonsolidata tal-[LPL], li abbażi tagħha l-Istat [Spanjol] għandu bħala prattika li jħallas direttament lill-impjegati, f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom, is-salarji dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċija tagħhom lil hinn mis-60 [...] ġurnata ta’ xogħol wara li titressaq it-talba quddiem il-qorti kompetenti, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 2008/94] u, b’mod partikolari, taqa’ taħt l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(3) u (4) u l-Artikoli 3, 5 u 11 tagħha?

    2)

    Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fl-affermattiv, il-prattika li tikkonsisti, għall-Istat [Spanjol], li jitħallsu direttament lill-impjegati, f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom, is-salarji dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċija tagħhom lil hinn mis-60 [...] ġurnata ta’ xogħol wara li titressaq it-talba, iżda unikament fil-każ ta’ tkeċċijiet li n-natura abbużiva tagħhom ġiet ikkonstatata permezz tal-qrati, bl-esklużjoni tal-każijiet li fihom hija n-nullità tat-tkeċċijiet li ġiet ikkonstatata permezz tal-qrati, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-Artikolu 20 tal-[Karta] u f’kull każ kontra l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni tad-dritt tal-Unjoni [...]?

    3)

    Bl-istess mod, korp ġuridiku bħall-qorti tar-rinviju jista’ ma japplikax regola li tippermetti lill-Istat [Spanjol] li jħallas direttament lill-impjegati, f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom, is-salarji dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċija tagħhom lil hinn mis-60 [...] ġurnata ta’ xogħol wara li titressaq it-talba, iżda unikament fil-każ ta’ tkeċċijiet li n-natura abbużiva tagħhom ġiet ikkonstatata permezz tal-qrati, bl-eskużjoni tal-każijiet li fihom hija n-nullità tat-tkeċċijiet li ġiet ikkonstatata permezz tal-qrati, meta ma ġiet ikkonstatata ebda differenza oġġettiva bejn l-ewwel xenarju jew it-tieni, [fir-rigward] tas-salarji dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċijiet?”

    Fuq id-domandi preliminari

    29

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li l-persuna li timpjega tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat il-ħlas tas-salarji dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ tkeċċija wara s‑60 ġurnata ta’ xogħol li segwiet il-preżentata tar-rikors u li skontha, meta l-persuna li timpjega ma tkunx ħalset dawn is-salarji u tinsab fi stat ta’ insolvenza provviżorja, l-impjegat ikkonċernat jista’, permezz ta’ surroga legali, jitlob direttament lil dan l-Istat il-ħlas tal-imsemmija salarji jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94, jekk l-Artikolu 20 tal-Karta jipprekludix din il-leġiżlazzjoni sa fejn din tapplika biss f’każ ta’ tkeċċija abbużiva, ħlief fil-każ ta’ tkeċċija nulla u jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tistax titħalla mingħajr ma tiġi applikata minn qorti nazzjonali adita b’rikors kontra tkeċċija nulla.

    30

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li jekk Stat Membru jista’ jaħtar lilu nnifsu bħala debitur tal-obbligu ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni dovuta ggarantita skont id-Direttiva 2008/94 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gharehveran, C‑441/99, EU:C:2001:551, punt 39), ir-Renju ta’ Spanja ħoloq il-Fogasa bħala istituzzjoni ta’ garanzija konformement ma’ din id-direttiva. Mill-atti li għandha quddiema l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li konformement mal-Artikolu 33 tal-Istatut tal-ħaddiema, il-Fogasa ħallset lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, skont il-limiti legali, salarji dovuti b’mod partikolari matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċijiet tagħhom u kumpensi għat-tkeċċija li ma tħallsux mill-persuni li jimpjegawhom f’sitwazzjoni ta’ insolvenza. Minn dawn l-atti jirriżulta wkoll li dawn il-ħlasijiet tal-Fogasa kienu jissodisfaw ukoll l-obbligu ta’ protezzjoni minima tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom skont id-Direttiva 2008/94, liema fatt għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    31

    Id-domandi li jikkonċernaw biss id-dritt li jirriżulta mill-Artikoli 57 tal-Istatut tal-ħaddiema u 116 tal-LPL, li l-Istat Spanjol jintalab iħallas is-salarji dovuti wara s‑60 ġurnata ta’ xogħol li segwiet id-data ta’ tressiq tal-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċijiet u ċ-ċirkustanza li dan id-dritt huwa previst biss fil-każijiet ta’ tkeċċijiet abbużivi, ħlief fil-każ ta’ tkeċċijiet nulli.

    32

    Għandu jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-Karta bil-kundizzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94. Fil-fatt, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 51(2), il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lilhinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u “ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati”. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi attribwiti lilha (sentenzi McB., C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 51; Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 71, kif ukoll Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 20).

    33

    Hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 51 tal-Karta, li għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 52(7) tagħha, il-kunċett ta’ implementazzjoni prevista fl-Artikolu 51 jikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni elaborata qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta (sentenzi Wachauf, 5/88, EU:C:1989:321, ERT, C‑260/89, EU:C:1991:254, u Annibaldi, C‑309/96, EU:C:1997:631), li tgħid li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni biss meta jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 18).

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ meta l-Istati Membri “jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta jippresupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali inkwistjoni, li teċċedi l-qrubija tas-suġġetti msemmija jew l-effetti indiretti ta’ suġġett fuq ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-Karta, Defrenne, 149/77, EU:C:1978:130, punti 29 sa 32; Kremzow, C‑299/95, EU:C:1997:254, punti 16 u 17; Mangold, C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 75, kif ukoll is-sentenza Siragusa, EU:C:2014:126, punt 24).

    35

    B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma kinux applikabbli fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma kienu jimponu ebda obbligu speċifiku lill-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara s-sentenzi Maurin, C‑144/95, EU:C:1996:235, punti 11 u 12, kif ukoll Siragusa, EU:C:2014:126, punti 26 u 27).

    36

    F’din l-istess perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 13 KE (li sar l-Artikolu 19 TFUE), ma jistax, fih innifsu, iqiegħed fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni miżura nazzjonali li ma tidħolx fil-kuntest tal-miżuri adottati abbażi ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bartsch, C‑427/06, EU:C:2008:517, punt 18; Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 25, u Römer, C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 61). Għalhekk, is-sempliċi fatt li miżura nazzjonali taqa’ taħt qasam li fih l-Unjoni għandha kompetenzi ma jfissirx li din tkun qed titqiegħed fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, li l-Karta tkun applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Gueye u Salmerón Sánchez, C-483/09 u C‑1/10, EU:C:2011:583, punti 55, 69 u 70, kif ukoll Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 104, 105, 180 u 181).

    37

    Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali taqax taħt l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, hemm lok li jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandhiex bħala għan li timplementa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk hija għandhiex għanijiet oħra minbarra dawk koperti bid-dritt tal-Unjoni, anki jekk tista’ taffettwa indirettament lil din tal-aħħar, kif ukoll jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwaha (ara s-sentenzi Annibaldi, EU:C:1997:631, punti 21 sa 23; Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 79; Ymeraga et, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 41, kif ukoll Siragusa, EU:C:2014:126, punt 25).

    38

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fl-atti trażmessi lill-Qorti tal-Ġustizzja u l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol waqt is-seduta, li din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat Spanjol għall-“funzjonament anormali” tal-amministrazzjoni ġudizzjarja. Għal dan il-għan, l-Artikoli 57 tal-Istatut tal-ħaddiema u 116(1) tal‑LPL jagħtu lill-persuna li timpjega, meta t-tul tal-proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ tkeċċija teċċedi s‑60 ġurnata, id-dritt li titlob lill-Istat Spanjol il-ħlas tas-salarji dovuti wara s‑60 ġurnata ta’ xogħol li segwiet id-data ta’ tressiq ta’ din il-proċedura. Għalkemm, skont l-Artikolu 116(2) tal-LPL, il-ħaddiem impjegat jista’ jitlob direttament lill-Istat Spanjol il-ħlas ta’ dawn is-salarji meta l-persuna li timpjega tkun fi stat ta’ insolvenza provviżorja u ma tkunx għadha ħallset l-imsemmija salarji, dan iseħħ bl-effett ta’ surroga legali fid-dritt li ġie kkostitwit fejn jikkonċerna l-persuna li timpjega fir-rigward tal-Istat Spanjol.

    39

    Għalhekk l-Artikolu 116(2) tal-LPL ma għandux bħala għan ir-rikonoxximent ta’ dejn tal-impjegat li jirriżulta mir-relazzjonijiet ta’ xogħol tiegħu u li jeżisti fir-rigward tal-persuna li timpjegah, li fir-rigward tiegħu għandha tapplika d-Direttiva 2008/94 skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, iżda dak ta’ dritt ta’ natura oħra, jiġifieri dak tal-persuna li timpjega li titlob lill-Istat Spanjol il-kumpens għad-dannu subit minħabba “funzjonament anormali” tal-amministrazzjoni ġudizzjarja, li tirriżulta mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tobbliga lill-persuna li timpjega tħallas salarji matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ tkeċċija. B’hekk jidher li, għalkemm l-Artikolu 116(2) tal-LPL jiftaħ id-dritt għall-ħlas ta’ somma ta’ ammont ugwali għas-salarji dovuti wara s‑60 ġurnata ta’ xogħol mit-tressuq ta’ din il-proċedura, din is-somma tikkostitwixxi kumpens mogħti lill-persuna li timpjega mil-leġiżlatur Spanjol, li l-ħaddiem impjegat jista’ jkollu pretensjoni għalih biss bl-effett ta’ surroga legali.

    40

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li d-dritt li jirriżulta mill-Artikoli 57 tal-Istatut tal-ħaddiema u 116 tal‑LPL ma jkoprix is-salarji dovuti matul l-ewwel 60 ġurnata ta’ xogħol minn meta tressqet il-proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ tkeċċija. B’hekk, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtu lok għal ebda dritt ta’ ħlas meta t-tul tal-proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ tkeċċija ma jeċċedix 60 ġurnata ta’ xogħol, huma ma jiżgurawx il-ħlas tar-remunerazzjoni matul il-perijodu minimu tal-aħħar tliet xhur ta’ relazzjoni ta’ xogħol, meħtieġa mill-Artikoli 3 u 4(2) tad-Direttiva 2008/94. Min-naħa l-oħra, matul il-perijodu wara s‑60 ġurnata ta’ xogħol u san-notifika tad-deċiżjoni li tikkonstata n-natura abbużiva ta’ din it-tkeċċija, dan id-dritt ikopri s-salarji kollha mingħajr ebda limitu.

    41

    Minn dawn il-karatteristiċi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li għandha għan ieħor minbarra dak li tiggarantixxi protezzjoni minima tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, imsemmi fid-Direttiva 2008/94, li huwa dak li tipprovdi għall-kumpens mill-Istat Spanjol tal-konsegwenzi li jikkawżaw dannu għat-tul tal-proċeduri ġudizzjarji li jaqbżu s‑60 ġurnata ta’ xogħol.

    42

    Filwaqt li l-ammont tas-somom imħallsa skont l-Artikolu 116(2) tal-LPL jista’ jeċċedi dak tad-dejn tas-salarji ggarantiti mill-Fogasa, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol jirriżulta, minn naħa, li din iċ-ċirkustanza tirriżulta mill-fatt li din id-dispożizzjoni tagħti lok għal dritt ta’ kumpens li l-ammont tiegħu ma huwiex limitat, bil-għan li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Istat Spanjol minħabba tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja, u, min-naħa l-oħra, li hija ma hijiex l-espressjoni ta’ deċiżjoni tal-leġiżlatur Spanjol li l-ħaddiema impjegati jingħataw protezzjoni addizzjonali meta mqabbla mal-garanzija tal-Fogasa.

    43

    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li t-talbiet għal ħlas tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali abbażi tal-Artikolu 116(2) tal-LPL, li bihom hija adita l-qorti tar-rinviju, ma humiex relatati ma’ perijodu kopert bil-garanzija tal-Fogasa, iżda jmorru lilhinn minn din il-garanzija. Hekk kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, dawn il-ħaddiema kisbu mingħand il-Fogasa ħlasijiet ta’ salarju dovut skont il-limiti legali li kienu jissodisfaw l-obbligu ta’ protezzjoni minima tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega imposta bid-Direttiva 2008/94. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt jekk jingħatax jew le lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali d-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 116(2) tal-LPL ma jistax jaffettwa u lanqas jillimita l-protezzjoni minima li l-Istat Spanjol iggarantilhom mill-Fogasa, skont l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva.

    44

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, din id-dispożizzjoni tillimita ruħha tikkonstata li d-Direttiva 2008/94 “ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għall-impjegati”. Fir-rigward tal-kliem tagħha, din id-dispożizzjoni, li tinsab fil-Kapitolu V, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali u Finali”, ma tagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jilleġiżlaw skont id-dritt tal-Unjoni, iżda tillimita ruħha, b’differenza mill-possibbiltajiet previsti fil-Kapitoli I u II tal-imsemmija direttiva, sabiex tirrikonoxxi s-setgħa tal-Istati Membri skont id-dritt nazzjonali li jipprevedu tali dispożizzjonijiet iktar favorevoli barra mill-kuntest tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva.

    45

    Għalhekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita ruħha tagħti lill-ħaddiema impjegati protezzjoni iktar favorevoli li tirriżulta mill-eżerċizzju tas-sempliċi kompetenza tal-Istati Membri, ikkonfermata mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/94 ma tistax titqies li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    46

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, is-sempliċi ċirkustanza li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt qasam li fih l-Unjoni għandha kompetenzi skont l-Artikolu 153(2) TFUE ma jistax jagħti lok għall-applikabbiltà tal-Karta.

    47

    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li t-tiftix tal-għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fid-dritt tal-Unjoni, kemm fir-rigward l-azzjoni tal-Unjoni kif ukoll fir-rigward tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri, huwa mmotivat bil-ħtieġa li jiġi evitat li protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li tista’ tvarja skont id-dritt nazzjonali kkonċernat jipprekludi l-unità, is-supremazija u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, EU:C:1970:114, punt 3, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60, u Siragusa, EU:C:2014:126, punti 31 u 32). Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 40, 41 u 43 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippreżentax tali riskju.

    48

    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-Artikolu 116(2) tal-LPL ma tistax titqies li timplementa d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u, għaldaqstant, ma tistax tiġi eżaminata fir-rigward tal-garanziji tal-Karta u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 20 tagħha.

    49

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema l-persuna li timpjega tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat il-ħlas tas-salarji dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ tkeċċija wara s‑60 ġurnata ta’ xogħol li segwiet il-preżentata tar-rikors u skont liema, meta l-persuna li timpjega ma tkunx ħallset dawn is-salarji u ssib ruħha fi stat ta’ insolvenza provviżorja, l-impjegat ikkonċernat jista’, permezz ta’ surroga legali, jitlob direttament minn dan l-Istat il-ħlas tal-imsemmija salarji ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94 u ma tistax, għalhekk, tiġi eżaminata fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 20 tagħha.

    Fuq l-ispejjeż

    50

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema l-persuna li timpjega tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat il-ħlas tas-salarji dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ tkeċċija wara s‑60 ġurnata ta’ xogħol li segwiet il-preżentata tar-rikors u skont liema, meta l-persuna li timpjega ma tkunx ħallset dawn is-salarji u ssib ruħha fi stat ta’ insolvenza provviżorja, l-impjegat ikkonċernat jista’, permezz ta’ surroga legali, jitlob direttament minn dan l-Istat il-ħlas tal-imsemmija salarji ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, u ma tistax, għalhekk, tiġi eżaminata fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 20 tagħha.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Fuq