EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CC0463

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ppreżentati fit-18 ta’ Ġunju 2014.
Copydan Båndkopi vs Nokia Danmark A/S.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati –Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 5(2)(b) u 6 – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjoni – Ikkopjar għal użu privat – Riproduzzjonijiet magħmula bl-għajnuna ta’ karti tal-memorja tat-telefons ċellulari – Kumpens ġust – Tariffa fuq il-mezzi – Ugwaljanza fit-trattament – Rimbors tat-tariffa – Dannu minimu.
Kawża C-463/12.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:2001

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

VILLALÓN

ippreżentati fit-18 ta’ Ġunju 2014 ( 1 )

Kawża C‑463/12

Copydan Båndkopi

vs

Nokia Danmark A/S

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka)]

“Proprjetà intellettwali — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29/KE — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni — Artikolu 5(2)(b) — Artikolu 5(5) — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Eċċezzjoni tal-ikkopjar għal użu privat — Kumpens ġust — Kamp ta’ applikazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-mezzi ta’ riproduzzjoni li jistgħu jitneħħew intiża biex tiffinanzja l-kumpens ġust — Applikazzjoni għall-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari — Esklużjoni tal-mezzi ta’ riproduzzjoni li ma jistgħux jitneħħew — Prinċipju ta’ koerenza — Effett tal-funzjoni ewlenija tal-karti tal-memorja — Effett tan-natura minima tad-dannu — Effett tal-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni remunerata jew mhux remunerata ta’ riproduzzjoni — Effett tal-applikazzjoni ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni effettivi — Effett tal-illegalità tas-sors ta’ riproduzzjoni — Debitur tat-tariffa allokata għall-finanzjament tal-kumpens”

1. 

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’diversi domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni ( 2 ), li jirrigwardaw aspetti diversi ħafna u jagħtuha wkoll l-opportunità, jekk id-domandi jitqiesu ammissibbli, li tespandi u tirfina b’mod sinjifikattiv il-ġurisprudenza tagħha.

2. 

Il-kwistjoni prinċipali mqajma mit-tilwima fil-kawża prinċipali hija dik dwar jekk tariffa għall-ikkopjar għal użu privat stabbilita permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li hija intiża biex tiffinanzja l-kumpens ġust mitlub permezz tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 bħala korrispettiv għall-eċċezzjoni mid-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, tistax titħallas fuq il-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari. Madankollu, iktar milli l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat bħala tali, il-problema tqum mill-fatt li hija tista’ tinġabar fuq l-imsemmija karti tal-memorja iżda ma tinġabarx fuq mezzi oħra bħal apparat li jdoqq fajlijiet MP3 jew iPods, kif ukoll in-natura “inkoerenti”, jew saħansitra “arbitrarja” tagħha, fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2001/29.

3. 

Madankollu, id-domandi tal-Østre Landsret (il-qorti tal-appell tar-reġjun Est, id-Danimarka) imorru ħafna lil hinn minn din il-problema ċentrali sabiex jiġu indirizzati f’termini ġenerali ħafna xi wħud mill-aspetti l-iktar diffiċli, u kultant kontroversjali, tal-implementazzjoni tal-eċċezzjoni tal-ikkopjar għal użu privat stabbilita fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, relatata ma’ ċerti aspetti ġenerali tas-sistema tagħha jew tal-modalitajiet għall-ġbir tagħha.

4. 

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk titwassal, b’mod partikolari, sabiex teżamina l-kwistjonijiet dwar jekk it-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat tistax tinġabar fuq riproduzzjonijiet awtorizzati, permezz ta’ remunerazzjoni, mid-detenturi tad-drittijiet, jekk tistax tinġabar fuq ir-riproduzzjonijiet għall-użu privat imwettaq minn sorsi li huma l-proprjetà ta’ terzi jew minn sorsi illegali, jekk l-eżistenza u/jew l-użu ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni effettivi jeżerċitawx influwenza f’dan ir-rigward, u anki jekk l-Istati Membri jistgħux jiġbru t-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fil-każ li d-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet ikun minimu.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

5.

Essenzjalment huma d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 li għandhom jiġu interpretati f’din il-kawża. Dawn tal-aħħar jipprevedu:

“2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[…]

b)

rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[…]”

6.

Il-premessi prinċipali tad-Direttiva 2001/29 rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ser jiġu ċċitati, skont il-bżonn, tul ir-raġunament li ġej.

B – Id-dritt Daniż

7.

Introdotta fid-dritt Daniż fl-1992, is-sistema ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat hija rregolata permezz tal-Artikoli 12 u 39 tad-Deċiżjoni Nru 202, dwar id-drittijiet tal-awtur (ophavsretsloven), tas-27 ta’ Frar 2010 (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni Nru 202”).

8.

L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Nru 202 jipprovdi:

“1.   Kull persuna hija awtorizzata tagħmel jew tqabbad lil min jagħmlilha, għal użu privat, kopji iżolati ta’ xogħol żvelat. Dawn il-kopji ma jistgħux jintużaw għal finijiet oħra.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jagħtux id-dritt:

[…]

4°)

li jsiru kopji ta’ xogħol ieħor b’forma diġitali jekk ir-riproduzzjoni ssir minn xogħol prodott f’forma diġitali; jew

5°)

li ssir riproduzzjoni waħda f’forma diġitali ta’ xogħol ieħor li mhux programmi tal-kompjuter u xogħol f’forma diġitali, ħlief għal użu strettament privat tal-awtur tar-riproduzzjoni jew tal-membri tal-familja tiegħu.

3.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2(5), ir-riproduzzjoni f’forma diġitali minn kopja mislufa jew mikrija ma hijiex awtorizzata mingħajr il-kunsens tal-awtur.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jagħtux id-dritt li jitqabbdu terzi jagħmlu kopji:

1°)

ta’ xogħol mużikali;

2°)

ta’ xogħol ċinematografiku;

[…].”

9.

L-Artikolu 39 tad-Deċiżjoni Nru 202, intitolat “Remunerazzjoni għal riproduzzjoni għal finijiet privati”, jipprevedi:

“1.   Kull min jipproduċi jew jimporta għal finijiet kummerċjali awdjo tapes, video tapes jew mezzi oħra li fuqhom jistgħu jiġu rrekordjati ħsejjes jew immaġni għandu jħallas remunerazzjoni lill-awturi tax-xogħlijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

2.   Ir-remunerazzjoni titħallas għat-tapes, eċċ., li jintużaw għall-ikkopjar għal użu privat, u dan unikament għax-xogħol trażmess fuq ir-radju jew it-televixin jew ippubblikat fuq fonogram, film, videogram, eċċ.

[…]”

10.

L-Artikolu 40 tad-Deċiżjoni Nru 202 jipprovdi:

“1.   Għall-2006, ir-remunerazzjoni għal kull minuta ta’ reġistrazzjoni hija ta’ 0.0603 [kroner Daniżi (DKK)] għal awdjo tapes analoġiċi u ta’ DKK 0.0839 għal video tapes analoġiċi.

2.   Għall-2006, ir-remunerazzjoni hija ta’ DKK 1.88 għal kull unit għal mezzi diġitali tal-ħoss, ta’ DKK 3.00 għal kull unit għal mezzi diġitali tal-immaġni u ta’ DKK 4.28 għal kull unit tal-karti tal-memorja.

[…]”

II – Il-fatti li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali

11.

Copydan Båndkopi huwa organu li jirrappreżenta lid-detenturi tad-drittijiet fuq xogħol awdjo u awdjoviżiv, awtorizzat mill-Ministeru Daniż tal-Kultura sabiex jiġbor, jamministra u jqassam it-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat prevista fl-Artikolu 39 tad-Deċiżjoni Nru 202.

12.

Nokia Danmark A/S (iktar ’il quddiem “Nokia Danmark”) tikkummerċjalizza fid-Danimarka telefons ċellulari u karti tal-memorja għall-imsemmija telefons lil professjonisti li jerġgħu jbigħuhom lil professjonisti oħra jew lil individwi.

13.

Peress li qies li l-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari, ta’ kwalunkwe tip, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat, Copydan Båndkopi ppreżenta quddiem il-qorti tar-rinviju, fid-19 ta’ April 2010, azzjoni kontra Nokia Danmark intiża sabiex din tal-aħħar tiġi kkundannata tħallas, skont l-Artikolu 39 tad-Deċiżjoni Nru 202, is-somma ta’ DKK 14,826 828.99 bħala tariffa għall-ikkopjar għal użu privat dovuta fuq il-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari li hija importat u kkummerċjalizzat fid-Danimarka bejn l-2004 u l-2009.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.

Peress li Nokia Danmark talbet li l-kawża titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, l-Østre Landsret laqgħet it-talba tagħha u, permezz tad-digriet tal-10 ta’ Ottubru 2012, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ottubru segwenti, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Huwa kompatibbli mad-Direttiva [2001/29] li liġi nazzjonali tipprovdi għall-kumpens tad-detenturi tad-drittijiet f’każ ta’ riproduzzjoni mwettqa permezz tal-użu ta’ wieħed mis-sorsi segwenti:

a)

fajlijiet li l-użu tagħhom huwa awtorizzat mid-detenturi tad-drittijiet u li għalihom il-klijent ħallas tariffa (kontenut liċenzjat li joriġina, per eżempju, minn ħwienet on-line);

b)

fajlijiet li l-użu tagħhom huwa awtorizzat mid-detenturi tad-drittijiet u li għalihom il-klijent ma ħallasx tariffa (kontenut liċenzjat, per eżempju fil-kuntest ta’ offerti kummerċjali);

ċ)

DVD, CD-ROM, apparat li jdoqq fajlijet MP3 (MP3 Media Player), kompjuter, eċċ, tal-utent, mingħajr użu ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi;

d)

DVD, CD-ROM, apparat li jdoqq fajlijiet MP3, kompjuter, eċċ, tal-utent, b’użu ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi;

e)

DVD, CD-ROM, apparat li jdoqq fajlijet MP3, kompjuter jew apparat ieħor ta’ terz;

f)

xogħlijiet ikkopjati illegalment permezz tal-internet jew ta’ sorsi oħra;

g)

fajlijiet ikkopjati legalment permezz ta’ mezz ieħor, pereżempju permezz tal-internet (permezz ta’ sorsi legali, mingħajr liċenzja).

2)

Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-kumpens ġust [ara l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29]) kif għandha tieħu inkunsiderazzjoni miżuri teknoloġiċi effettivi (Artikolu 6 tal-imsemmija Direttiva)?

3)

Fid-determinazzjoni tal-kumpens għall-ikkoppjar għal użu privat [ara l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29], xi tfisser l-espressjoni ‘ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu’, li tinsab fil-[premessa Nru 35] tagħha, li jkollhom bħala konsegwenza li l-fatt li l-Istati Membri jkollhom leġiżlazzjoni li għandha bħala effett li tipprovdi għall-kumpens tad-detenturi tad-drittijiet għal tali kopji għal użu privat (ara l-istħarriġ li jsir riferiment għalih fil-parti 2 [tat-talba għal deċiżjoni preliminari]) ma jkunx kompatibbli mad-Direttiva?

4)

(a) Jekk jiġi ammess li l-funzjoni ewlenija jew prinċipali tal-karti tal-memorja tat-telefoni ċellulari ma hijiex li sservi għall-ikkopjar għal użu privat, huwa allura kompatibbli mad-Direttiva li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tipprovdi għal kumpens għad-detenturi tad-drittijiet għall-ikkopjar fuq karti tal-memorja ta’ telefoni ċellulari?

(b)

Jekk jiġi ammess li l-ikkopjar għal użu privat huwa wieħed mill-funzjonijiet ewlenija jew prinċipali tal-karti tal-memorja tat-telefoni ċellulari, huwa kompatibbli mad-Direttiva [2001/29] li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tipprovdi għal kumpens għad-detenutri tad-drittijiet għall-ikkopjar fuq il-karti tal-memorja tat-telefoni ċellulari?

5)

Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tipprovdi għal ħlas fuq il-karti tal-memorja, filwaqt li ebda ħlas ma huwa meħtieġ għal memorji interni bħal apparti li jdoqqu fajlijiet MP3 jew iPods, li huma intiżi u prinċipalment użati għall-ħażna ta’ kopji għal użu privat huwa kompatibbli mal-espressjoni ‘bilanċ ġust’, li tinsab fil-[premessa 31] tad-Direttiva, u mal-interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ ‘kumpens ġust’ tal-Artikolu 5(2)(b) tagħha, li għadu jkun ibbażat fuq il-‘preġudizzju’?

6)

a) Id-Direttiva [2001/29] tipprekludi li Stat Membru jkollu leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-manifattur u/jew l-importatur, li jbigħ karti tal-memorja lil professjonisti li min-naħa tagħhom ibigħuhom kemm lil individwi kif ukoll lil professjonisti, mingħajr mal-manifattur u/jew l-importatur ma jkun jaf jekk dawn il-karti tal-memorja humiex mibjugħa lil individwi jew lil professjonisti, huwa obbligat iħallas tariffa għall-ikkopjar għal użu privat?

b)

Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom bħala effett li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur ma [għandhomx iħallsu] tariffa fuq il-karti tal-memorja użati għal finijiet professjonali, li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur li xorta waħda [ħallsu t]-tariffa [jistgħu jitolbu…] r-rimbors ta’ dik it-tariffa li tikkonċerna l-karti tal-memorja użati għal finijiet professjonali, u li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur [jistgħu jbigħu] karti tal-memorja lil impriżi oħra rreġistrati mal-organizzazzjoni li tamministra l-iskema tat-tariffi, jaffettwa r-rispsosta għad-domanda 6(a)?

ċ)

Ir-risposta għad-domanda 6(a) jew (b) tkun differenti:

i)

jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom bħala effett li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur ma [għandhomx iħallsu] tariffa fuq il-karti tal-memorja użati għal finijiet professjonali, iżda fejn il-kunċett ta’ ‘użu għal finijiet professjonali’ huwa interpretat bħala li jagħti dritt għal tnaqqis applikabbli biss fir-rigward tal-impriżi approvati minn Copydan [Båndkopi], filwaqt li t-tariffa għandha titħallas għall-karti tal-memorja użati għal finijiet professjonali minn klijenti professjonali mhux approvati minn Copydan [Båndkopi];

ii)

jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom bħala effett li, jekk il-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur xorta waħda ħallas (teoretikament) it-tariffa, din tista’ tiġi rrimborsata fir-rigward tal-karti tal-memorja safejn dawn huma użati għal finijiet professjonali, iżda fejn:

fil-fatt, biss ix-xerrej tal-karta tal-memorja jista’ jikseb ir-rimbors, u

ix-xerrej tal-karta tal-memorja għandu jitlob lil Copydan ir-rimbors tat-tariffa;

iii)

jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom bħala effett li l-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur jista’ jbigħ, mingħajr ma jħallas it-tariffa, karti tal-memorja lil impriżi oħra rreġistrati mal-organizzazzjoni li tamministra l-iskema tat-tariffi, iżda:

Copydan hija l-organizzazzjoni li tamministra l-iskema tat-tariffi, u

l-impriżi rreġistrati ma jafux jekk il-karti tal-memorja humiex mibjugħa lil individwi jew lil professjonisti?”

15.

Copydan Båndkopi, Nokia Danmark, il-Gvern Franċiż, dak Taljan, dak Olandiż, dak Awstrijak, dak Finlandiż u dak tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

16.

Copydan Båndkopi u Nokia Danmark, il-Gvern Franċiż, dak Olandiż, dak Awstrijak u dak tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali waqt is-seduta pubblika li nżammet fis-16 ta’ Jannar 2014. Fuq stedina tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt din is-seduta huma kellhom l-opportunità jargumentaw dwar l-effett, tas-sentenzi VG Wort ( 3 ) kif ukoll Amazon.com International Sales et ( 4 ), fuq ir-risposti għad-domandi magħmula.

IV – Osservazzjonijiet preliminari

17.

Id-diversi domandi tal-qorti tar-rinviju jqajmu tliet settijiet ta’ mistoqsijiet prinċipali li għandhom jitqiegħdu f’ordni ta’ prijorità u jiġu organizzati mill-ġdid, u saħansitra, sa ċertu punt, issemplifikati.

18.

Permezz tal-ewwel sett ta’ domandi (ir-raba’ u l-ħames domandi), li jirrigwardaw b’mod speċifiku l-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari b’rabta diretta mal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li ser jiġu eżaminati fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari.

19.

Fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fil-fatt, Copydan Båndkopi jitlob mingħand Nokia Danmark il-ħlas ta’ arretrati ta’ tariffi għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari li hija importat bejn l-2004 u l-2009, li din tal-aħħar tikkontesta minn diversi aspetti. Il-problema prinċipali mqajma mill-kawża prinċipali hija għalhekk li jiġi ddeterminat jekk it-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat tistax tinġabar fuq apparat multifunzjonali bħall-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari, peress li, skont il-liġi Daniża, din normalment tinġabar fuq mezzi ta’ rekordjar li jistgħu jitneħħew (CD-ROM, DVD) iżda mhux fuq apparat b’kapaċitajiet integrati (li ma jistgħux jitneħħew) ta’ ħażna, li jinkludu qabel xejn apparat li jdoqq fajlijiet MP3 u iPods oħra.

20.

Permezz tat-tieni sett ta’ domandi (l-ewwel sat-tielet domandi), li ma jirreferux b’mod speċifiku għall-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari u li ser jiġu eżaminati fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’termini ferm iktar ġenerali, dwar l-effett, fuq is-sistema ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat, ta’ parametri differenti li hija telenka, li jirrigwardaw is-sors tar-riproduzzjonijiet imwettqa privatament, l-eżistenza u/jew l-użu ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni u anki l-intensità tad-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet.

21.

Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet sett ta’ domandi, il-qorti tar-rinviju titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha ċertu numru ta’ indikazzjonijiet dwar skont liema modalitajiet tista’ tinġabar it-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat (is-sitt domanda).

V – Dwar il-prinċipju tal-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari (ir-raba ’ u l-ħames domandi)

22.

Permezz tar-raba’ u l-ħames domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li Stat Membru jipprevedi l-ġbir ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari, filwaqt li ċerti mezzi ta’ memorja, bħal apparat li jdoqq fajlijiet MP3 u l-iPods, huma eżentati minn tali ġbir. Hija tistaqsi, f’din il-perspettiva, jekk għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni ewlenija jew prinċipali ta’ dawn il-karti tal-memorja.

A – Dwar il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

23.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jagħtu lid-detenturi tad-drittijiet koperti minn din id-dispożizzjoni d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew in parti, b’mod partikolari tax-xogħlijiet tagħhom.

24.

Madankollu, skont l-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-imsemmi dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ riproduzzjonijiet imwettqa fuq kull mezz minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet li ma humiex direttament jew indirettament kummerċjali, li tikkostitwixxi l-eċċezzjoni msejħa “ta’ kopja privata”.

25.

L-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva madankollu jissuġġetta l-istabbiliment tal-eċċezzjoni tal-ikkopjar għal użu privat għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, qabel kollox, li din l-eċċezzjoni tkun applikabbli biss f’każijiet speċjali, imbagħad, li din ma tippreġudikax l-isfruttament normali tax-xogħol u, finalment, li din ma tikkawżax dannu mhux ġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ( 5 ).

26.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu l-eċċezzjoni tal-ikkopjar għal użu privat fid-dritt nazzjonali tagħhom, huma mhux biss għandhom, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jipprevedu l-ħlas ta’ “kumpens ġust” għall-benefiċċju tad-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni ( 6 ), iżda huma wkoll suġġetti, minħabba l-periklu li jċaħħdu lil din id-dispożizzjoni minn kull effettività, għal obbligu ta’ riżultat, jiġifieri li għandhom jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, ġbir effettiv tal-kumpens ġust intiż sabiex jikkumpensa lill-awturi li ġarrbu d-dannu ( 7 ).

27.

Mill-premessi 35 u 38 tad-Direttiva 2001/29, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tagħha, huwa intiż sabiex jikkumpensa b’mod adegwat għad-danni li l-awturi tax-xogħlijiet protetti jġarrbu minħabba r-riproduzzjoni ta’ dawn tal-aħħar mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom għal użu privat ( 8 ). Dan il-kumpens jikkostitwixxi l-korrispettiv għad-dannu subit mill-awturi ( 9 ).

28.

Mill-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-“bilanċ ġust” li, fil-qasam tad-drittijiet u tal-interessi, għandu jinżamm bejn id-diversi kategoriji ta’ detenturi tad-drittijiet u l-utenti tal-materjal protett, jimplika li l-kumpens ġust għandu neċessarjament jiġi kkalkolat abbażi tal-kriterju ta’ dannu kkawżat lill-awturi tax-xogħlijiet protetti wara l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni tal-ikkopjar għal użu privat ( 10 ).

29.

Il‑livell tal‑kumpens ġust għandu, b’mod partikolari, jieħu inkunsiderazzjoni, bħala kriterju validu, id-dannu li jistgħu jġarrbu d-detenturi tad-drittijiet minħabba dawn l‑atti ta’ riproduzzjoni, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni li dannu minimu jista’ madankollu ma jagħtix lok għal obbligu ta’ ħlas ( 11 ).

30.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni tfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw min għandu jħallas dan il-kumpens ġust kif ukoll il-forma, il-modalitajiet u l-livell eventwali tiegħu ( 12 ), billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ ( 13 ), sakemm madankollu jibqgħu fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni ( 14 ), jiġifieri li jirrispettaw, mhux biss ir-rekwiżiti tat-“test triplu” stabbilit permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 ( 15 ), iżda wkoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet tal-Unjoni Ewropea ( 16 ) u li jispeċifikaw il-parametri b’mod koerenti ( 17 ).

31.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ser niddiskuti f’żewġ stadji l-mistoqsijiet differenti mqajma mill-qorti tar-rinviju fir-raba’ u l-ħames domandi tagħha.

32.

Fl-ewwel lok ser neżamina l-kwistjoni dwar jekk il-ġbir ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-karti tal-memorja huwiex fil-prinċipju ammissibbli fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29. Fit-tieni lok ser neżamina l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni Daniża tistax, sa fejn hija tipprevedi l-ġbir ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari iżda mhux għal ċerti mezzi tal-memorja bħall-apparat li jdoqq fajlijiet MP3 u l-iPods, titqies li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni u mal-għanijiet tad-Direttiva 2001/29, jiġifieri, biex inkun preċiż, jekk hijiex koerenti u mhux arbitrarja.

B – Fuq l-ammissibbiltà tal-prinċipju tal-ġbir ta ’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari

33.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra hawn fuq jirriżulta, b’mod ġenerali ħafna, li l-Istati Membri li għażlu li jistabbilixxu l-eċċezzjoni tal-ikkopjar għal użu privat prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna sabiex jiddefinixxu u jorganizzaw is-sistema ta’ finanzjament tal-kumpens ġust, li għandha takkumpanjaha, sakemm din tal-aħħar tistabbilixxi korrelazzjoni suffiċjenti bejn id-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet, li jirriżulta mill-implementazzjoni tal-eċċezzjoni, u l-użu li jsir mix-xogħol protett tagħhom mill-persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet privati u sakemm tiżgura kumpens effettiv għall-imsemmi dannu.

34.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li sistema ta’ finanzjament tal-kumpens ġust ibbażata fuq il-ġbir ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq l-apparat, it-tagħmir u l-mezzi ta’ riproduzzjoni, ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti tal-“bilanċ ġust” ħlief jekk dawn tal-aħħar jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ kkopjar għal użu privat u, għaldaqstant, jistgħu jikkawżaw dannu lid-detenturi tad-drittijiet fuq ix-xogħol protett ( 18 ).

35.

B’hekk, is-sempliċi kapaċità ta’ apparat jew tagħmir li jagħmel kopji hija biżżejjed, fil-prinċipju, sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat, bil-kundizzjoni li l-imsemmija apparat jew tagħmir ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi inkwantu utenti privati, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit li dawn effettivament għamlu kopji privati permezz ta’ dawn tal-aħħar u għalhekk ikkawżaw effettivament dannu lid-detenturi tad-drittijiet ( 19 ). Din il-pożizzjoni hija bbażata fuq l-idea li huwa preżunt leġittimament li l-persuni fiżiċi jibbenefikaw integralment minn, u jisfruttaw b’mod sħiħ, il-funzjonijiet kollha ta’ riproduzzjoni tat-tagħmir u apparat ( 20 ). Din il-preżunzjoni tapplika kemm għat-tagħmir u għall-apparat ta’ riproduzzjoni kif ukoll għal mezzi ta’ riproduzzjoni.

36.

Għaldaqstant, ladarba bl-ebda mod ma huwa kkontestat li l-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari jistgħu jintużaw mill-persuni fiżiċi bħala mezzi ta’ riproduzzjoni tax-xogħol jew ta’ materjal protett ieħor, il-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq dawn tal-aħħar ma jistax jitqies li huwa illeġittimu, sakemm effettivament tinġabar mingħand persuni fiżiċi, li huma l-uniċi debituri tat-tariffa, għall-użu li huma jagħmlu minnhom għal finijiet privati ( 21 ).

37.

Minn dan jirriżulta li l-funzjoni ewlenija jew prinċipali tal-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari ma għandhiex, bħala tali, tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward. B’mod iktar preċiż, il-fatt li l-ikkopjar għal użu privat ma huwiex waħda mill-funzjonijiet ewlenin jew prinċipali tal-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari, jekk jingħad li din l-allegazzjoni tista’ tiġi stabbilita, ma jipprekludix fih innifsu l-ġbir tal-kumpens ġust fuq l-imsemmija karti, sakemm dawn jistgħu jintużaw għal dawn il-finijiet.

38.

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li, għalkemm id-Direttiva 2001/29 tippreċiża, fil-premessa 38 tagħha, li għandha tittieħed kunsiderazzjoni xierqa tad-differenzi li jeżistu bejn ikkopjar diġitali u dak analoġiku privat, peress li “kkupjar privat diġitali huwa aktar faċli li jkun mifrux u jkollu impatt ekonomiku akbar”, hija ma tistabbilixxi l-ebda distinzjoni skont il-funzjoni ewlenija jew prinċipali tal-mezzi ta’ riproduzzjoni, kemm jekk dawn tal-aħħar ikunu analoġiċi jew diġitali. Għall-kuntrarju l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jsemmi kwalunkwe mezz, mingħajr distinzjoni.

39.

Jista’ għalhekk jiġi konkluż li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-ġbir ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fuq il-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari, sakemm jiġi żgurat il-bilanċ ġust li għandu jinżamm bejn id-diversi kategoriji ta’ detenturi tad-drittijiet u l-utenti tal-materjal protett u sakemm, għaldaqstant, teżisti rabta bejn dan il-ġbir u l-użu preżunt tal-imsemmija karti għal finijiet ta’ riproduzzjoni privata, u l-funzjoni ewlenija jew prinċipali tal-imsemmija karti ma għandha l-ebda effett f’dan ir-rigward.

C – Fuq il-koerenza tal-leġiżlazzjoni Daniża fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2001/29

40.

Il-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29 tgħid, essenzjalment, li d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet tad-drittijiet għandhom effett dirett negattiv fuq il-funzjonament tas-suq intern u li dawn jistgħu jsiru iktar distinti bl-iżvilupp tal-isfruttament transkonfinali tax-xogħlijiet. Il-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29 tindika barra minn hekk, li l-lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni li hija tipprovdi, tieħu debitament inkunsiderazzjoni d-diversità tat-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Hija tippreċiża wkoll li “l-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”.

41.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-lista ta’ eċċezzjonijiet “għand[ha] [t]iżgura ekwilibriju bejn it-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern”. Dan jimplika b’mod partikolari li, jekk l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu jew li ma jistabbilixxux dawn l-eċċezzjonijiet, skont it-tradizzjonijiet legali tagħhom, huma għandhom madankollu, ladarba jkunu għażlu li jintroduċu eċċezzjoni partikolari, japplikawha b’mod koerenti, “b’tali mod li ma tkunx tista’ tippreġudika l-għanijiet tad-Direttiva 2001/29 intiżi li jiżguraw funzjonament tajjeb tas-suq intern” ( 22 ).

42.

Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk l-għażla tal-leġiżlatur Daniż, li tikkonsisti fil-ġbir ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari, iżda mhux fuq il-mezzi bħall-apparat li jdoqq fajlijiet MP3 u l-iPods, tistax titqies li hija koerenti, jiġifieri li b’mod partikolari ma tistax taffettwa l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Madankollu, jidher opportun li l-qorti tar-rinviju tingħata xi indikazzjonijiet dwar it-termini u l-intensità tal-istħarriġ li hija għandha twettaq f’dan ir-rigward.

43.

Fl-ewwel lok, huwa assolutament ċar li l-Istati Membri li ddeċidew li jimplementaw sistema ta’ kumpens ġust igawdu, fl-assenza ta’ rekwiżiti mid-Direttiva 2001/29 f’dan ir-rigward, marġni wiesa’ ta’ manuvra sabiex jiddefinixxu t-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja dan il-kumpens, peress li din tista’ tinġabar kemm fuq it-tagħmir li jippermetti r-riproduzzjoni kif ukoll, pereżempju, fuq il-mezzi intiżi għall-ħażna ta’ dawn ir-riproduzzjonijiet.

44.

F’dan il-każ, il-leġiżlatur Daniż, b’mod perfettament leġittimu, għażel li jiġbor it-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fuq ċertu numru ta’ mezzi ta’ rekordjar ta’ ħsejjes u ta’ immaġni li jintużaw għat-twettiq ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti għal użu privat mingħand il-produtturi u l-importaturi.

45.

Madankollu, dan il-marġni wiesa’ ta’ manuvra tal-Istati Membri huwa limitat bl-obbligu impost fuqhom li jiżguraw li dan il-kumpens ikun adegwat, jiġifieri li l-forma, il-modalitajiet u l-livell tiegħu jkunu stabbiliti filwaqt li jitqies, b’mod partikolari, id-dannu potenzjali subit mid-detenturi tad-drittijiet minħabba r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet jew tal-materjal protett tagħhom ( 23 ).

46.

Il-premessa 38 tad-Direttiva 2001/29, iddedikata b’mod speċifiku għall-eċċezzjoni mid-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni ta’ materjal awdjo, viżiv jew awdjo-viżiv għal użu privat, tipprovdi xi indikazzjonijiet dwar ċerti elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi li għandha ssir f’dan ir-rigward, b’mod partikolari l-bżonn li ssir distinzjoni bejn kopji privati fuq mezz analoġiku u kopji privati fuq mezz diġitali ( 24 ).

47.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mid-diversi osservazzjonijiet bil-miktub u orali sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema ta’ kumpens ġust implementata fid-Danimarka tistabbilixxi distinzjoni bejn id-diversi mezzi mhux skont in-natura analoġika jew diġitali tagħhom, iżda apparentament, unikament, skont jekk jistgħux jitneħħew (awdjo tapes, CD-ROM, DVD, karti tal-memorja tat-telefons ċellulari) jew jekk humiex integrati ma’ apparat jew tagħmir ieħor (apparat li jdoqq fajlijiet MP3, iPods). Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax u fl-ebda mument ma ġie allegat li din id-distinzjoni hija bbażata fuq l-importanza relattiva, stabbilita oġġettivament fuq bażi statistika, tal-użu tal-mezzi differenti għal finijiet ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti jew materjal ieħor protett u l-effetti ekonomiċi rispettivi tagħhom fuq id-detenturi tad-drittijiet.

48.

Ċertament, kif jargumenta l-Gvern Finlandiż, ma jistax jiġi eskluż li t-trattament differenzjat tal-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari jista’ jiġi ġġustifikat permezz ta’ differenza oġġettiva li tirrigwarda, b’mod partikolari, l-ispeċifikazzjonijiet tal-mezzi stess, il-partikolaritajiet tal-użu tiegħu, jew inkella l-karatteristiċi prinċipali tas-sistema ta’ kumpens stabbilita.

49.

Sistema ta’ kumpens li teskludi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-kompjuters, li jikkostitwixxu apparat jew tagħmir ta’ riproduzzjoni diġitali, tista’ għalhekk tkun iġġustifikata, kif jargumenta l-Gvern Finlandiż, fuq bażi doppja. Minn naħa hija tista’ tkun iġġustifikata permezz tal-fatt li l-mezzi li jistgħu jintużaw mal-imsemmija kompjuters sabiex isiru riproduzzjonijiet għal finijiet privati huma fihom innifishom suġġetti għall-imsemmija tariffa. Min-naħa l-oħra, hija tista’ tkun iġġustifikata permezz tal-fatt li jista’ jkun ikkunsidrat diffiċli, jew anki impossibbli, li ssir distinzjoni bejn użu privat u użu professjonali tal-kompjuters u għalhekk li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza Padawan ( 25 ).

50.

Madankollu, sistema ta’ kumpens ġust li tipprevedi l-ġbir ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzjah biss fuq il-mezzi ta’ riproduzzjoni li jistgħu jitneħħew, iżda li teskludi dan il-ġbir fuq il-mezzi li ma jistgħux jitneħħew u li huma integrati f’tagħmir jew apparat, la tista’ titqies kompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva 2001/29 u lanqas li hija ta’ natura li tissodisfa l-obbligu ta’ riżultat impost fuq l-Istati Membri.

51.

Fil-kawża prinċipali, it-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat tinġabar fuq il-mezzi kollha ta’ riproduzzjoni bl-eċċezzjoni ta’ mezzi integrati f’ċertu tagħmir u apparat, bħall-apparat li jdoqq MP3 jew iPods oħrajn, li huma intiżi b’mod speċifiku għal finijiet ta’ qari ta’ xogħlijiet awdjo jew video u li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi preżunt b’mod leġittimu li, mixtrija minn persuni privati, huma jintużaw prinċiparjament, jew saħansitra esklużivament, bħala mezzi ta’ riproduzzjoni għal finijiet privati.

52.

Fid-dawl ta’ din il-perspettiva, huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat, mal-ewwel ħarsa, li t-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat stabbilita permezz tal-leġiżlazzjoni Daniża hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit permezz tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, li huwa li jiggarantixxi lid-detenturi tad-drittijiet kumpens ġust, adegwat u effettiv meta mqabbel mad-dannu potenzjali li huma jsofru minħabba r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet jew tal-materjal protett tagħhom, filwaqt li jiġu limitati l-ostakoli tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jiġi inkoraġġut l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea. B’mod inċidentali, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-mezzi ta’ riproduzzjoni li ma jistgħux jitneħħew lanqas ma jidher li huwa konformi mal-obbligu tal-Istati Membri li jieħdu debitament inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-iżvilupp teknoloġiku, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda kkopjar diġitali privat ( 26 ).

53.

Bħala konklużjoni nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fuq il-mezzi ta’ riproduzzjoni li jistgħu jitneħħew, bħall-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari, filwaqt li teskludiha għall-mezzi li ma jistgħux jitneħħew u li huma integrati f’tagħmir jew f’apparat intiżi b’mod speċifiku u prinċiparjament użati bħala mezzi ta’ riproduzzjoni għal finijiet privati, mingħajr ma din l-esklużjoni tkun oġġettivament iġġustifikata. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dawn il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi eventwali ta’ din l-esklużjoni u minnhom tislet il-konklużjonijiet xierqa.

VI – Dwar l-aspetti ġenerali tas-sistema ta ’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat (l-ewwel sat-tielet domandi)

54.

L-ewwel tliet domandi tal-qorti tar-rinviju jqajmu, kif diġà enfasizzajt, diversi problemi ta’ natura ġenerali ħafna fir-rigward tas-sistema ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust, peress li din il-qorti tistaqsi b’mod partikolari dwar l-effett, fuq il-ġbir ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat, tas-sors ta’ riproduzzjonijiet filwaqt li jiddistingwu bejn diversi każijiet (l-ewwel domanda), tal-eżistenza ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni effettivi (it-tieni domanda) jew il-livell tad-dannu subit (it-tielet domanda).

55.

Fil-kuntest tal-ewwel domanda, hija tagħmel distinzjoni, għalhekk, bejn il-każijiet ta’ riproduzzjonijiet imwettqa minn fajlijiet li l-użu tagħhom huwa awtorizzat, skont jekk l-imsemmija awtorizzazzjoni tat lok għal remunerazzjoni jew le [l-ewwel domanda (a) u (b)]. Hija ssemmi, imbagħad, ir-riproduzzjonijiet imwettqa minn fajlijiet maħżuna fuq mezzi differenti (CD-ROM, DVD, apparat li jdoqq fajlijiet MP3, kompjuters), skont jekk huma protetti permezz ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi jew le [l-ewwel domanda (ċ) u (d), u t-tieni domanda]. Fl-aħħar nett hija ssemmi r-riproduzzjonijiet imwettqa minn fajlijiet maħżuna fuq mezzi miżmuma minn terzi [l-ewwel domanda (e)], ir-riproduzzjonijiet imwettqa minn sorsi illegali b’mod partikolari mill-Internet [l-ewwel domanda (f)] u r-riproduzzjonijiet imwettqa b’mod ieħor minn sorsi illegali [l-ewwel domanda (g)].

56.

Minn issa għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi fuq id-diversi każijiet ipotetiċi msemmija fl-ewwel domanda paragrafi (ċ) u (d) ( 27 ) kif ukoll fil-paragrafu (f) ( 28 ) u tal-inqas parzjalment, fl-ewwel domanda paragrafi (a) u (b) ( 29 ).

A – Fuq l-effett ta ’ awtorizzazzjoni ta ’ riproduzzjoni, b’remunerazzjoni jew mingħajr remunerazzjoni [l-ewwel domanda paragrafi (a) u (b)]

57.

Permezz tal-ewwel domanda paragrafi (a) u (b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2001/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tista’ tipprevedi l-ġbir ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fuq ir-riproduzzjonijiet privati awtorizzati mid-detenturi tad-drittijiet, awtorizzazzjoni li tkun, jekk ikun il-każ, b’remunerazzjoni.

58.

Fis-sentenza tagħha VG Wort et ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’termini ġenerali, li, fil-kuntest ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva 2001/29, l-eventwali att li permezz tiegħu detentur tad-drittijiet ikun awtorizza r-riproduzzjoni ta’ xogħlu jew ta’ materjal ieħor protett ma għandu l-ebda effett fuq il-kumpens ġust.

59.

Madankollu, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss dwar l-effett ta’ att ta’ awtorizzazzjoni fuq il-kumpens ġust, iżda mhux dwar l-effett ta’ att ta’ awtorizzazzjoni li jkun, jekk ikun il-każ, b’remunerazzjoni, jew b’mod iktar preċiż, ta’ att ta’ awtorizzazzjoni mogħti inkambju għal remunerazzjoni jew li jinkludi espressament kumpens ġust, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, eżempju previst b’mod espliċitu mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda paragrafu (a) tagħha. B’mod iktar wiesa’, hija għad ma kellhiex l-okkażjoni tiddeċiedi dwar l-effett, fuq il-ġbir ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust, ta’ ftehimiet ta’ liċenzja ta’ użu konklużi bi ħlas bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti, u, b’mod partikolari, ta’ liċenzji għal użu u riproduzzjoni ta’ fajlijiet ta’ xogħlijiet akkwistati legalment fil-kummerċ, fuq is-sistemi ta’ downloading legali msemmija b’mod speċifiku fid-deċiżjoni tar-rinviju.

60.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29 tippreċiża li, “[f]il-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas”.

61.

Minn din il-premessa jista’ jiġi dedott li d-Direttiva 2001/29 tiddelega lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeċiedu dwar jekk huwiex xieraq li jiġi evitat kull kumpens żejjed, jiġifieri li jiżguraw li l-utenti ma jitqiegħdux f’sitwazzjoni fejn ikollhom iħallsu darbtejn it-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust, l-ewwel darba mal-akkwist legali fil-kummerċ tal-fajlijiet li jinkludu x-xogħlijiet u t-tieni darba mal-akkwist tal-mezzi ta’ riproduzzjoni, bħalma jidher li jista’ ikun il-każ fil-kawża prinċipali.

62.

L-użu tal-kundizzjonal ( 31 ) u, fuq kollox, l-assenza ta’ kwalunkwe preċiżjoni oħra u ta’ kwalunkwe dispożizzjoni espressa fid-Direttiva 2001/29 jimmilitaw, fil-fatt, favur ir-rikonoxximent mhux biss ta’ latitudni ikbar tal-Istati Membri f’dan ir-rigward, iżda wkoll ta’ setgħa diskrezzjonali totali.

63.

Madankollu, tali interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29 ma jidhirlix li tista’ tiġi aċċettata, sa fejn hija tmur kontra l-għanijiet ta’ din tal-aħħar. B’mod iktar partikolari, hija taffettwa l-prinċipju nnifsu ta’ kumpens ġust intiż għall-kumpens adegwat għad-dannu subit mid-detenturi tad-drittijiet minħabba r-riproduzzjoni privata. B’mod iktar wiesa’, hija tmur kontra r-rekwiżit taż-żamma ta’ bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi, li jimplika li l-kumpens ġust jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ dan id-dannu u huwa kkalkolat u miġbur bħala konsegwenza.

64.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-premessa 45 tad-Direttiva 2001/29 tippreċiża li “[l]-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2), (3) u (4) [tad-Direttiva 2001/29] m’għandhomx […] jimpedixxu t-tifsira ta’ relazzjonijiet kuntrattwali maħsuba biex jiżguraw kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet sa fejn hu permess bil-liġi nazzjonali”.

65.

Konsegwentement, fil-każ, ftit jew wisq probabbli, fejn jista’ jiġi stabbilit li r-riproduzzjoni privata ta’ xogħlijiet protetti hija awtorizzata b’mod speċifiku mid-detenturi tad-drittijiet u li din l-awtorizzazzjoni tagħti lok, f’dan ir-rigward, għal remunerazzjoni jew għal kwalunkwe forma oħra ta’ kumpens ġust ekwivalenti, tali riproduzzjoni ma tistax tagħti lok għall-ġbir ta’ kumpens ġust addizzjonali ( 32 ).

66.

Huwa minnu li l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat għal finijiet ta’ finanzjament tal-kumpens ġust prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 li tiggarantixxi li ma tinġabarx fuq ir-riproduzzjonijiet privati mwettqa minn fajlijiet li l-ikkopjar privat tagħhom huwa awtorizzat b’remunerazzjoni ekwivalenti għall-imsemmi kumpens tinkludi, ovvjament, diffikultajiet kunsiderevoli u konkreti ħafna ta’ natura prattika, b’mod partikolari meta l-imsemmija tariffa tinġabar fuq il-mezzi ta’ riproduzzjoni mingħand il-manifatturi u l-importaturi tagħhom, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, abbażi ta’ preżunzjoni ta’ użu tal-imsemmija mezzi minn persuni fiżiċi għal finijiet privati ( 33 ).

67.

Dawn id-diffikultajiet prattiċi ma jistgħux, madankollu, fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġġustifikaw il-ġbir ta’ kumpens ġust doppju ( 34 ). Għall-kuntrarju, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu, fil-kuntest tal-kompetenzi territorjali tagħhom, b’mod partikolari, il-possibbiltà li kull persuna fiżika mitluba tħallas kumpens ġust doppju dovut fuq ir-riproduzzjoni privata ta’ xogħol protett, titlob u tikseb ir-rimbors tiegħu.

68.

Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-ġbir ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tagħha, fuq ir-riproduzzjonijiet għal użu privat li kienu ġew awtorizzati b’mod speċifiku mid-detenturi tad-drittijiet u li taw lok, f’dan ir-rigward, għal ħlas ta’ remunerazzjoni jew kwalunkwe forma oħra ta’ kumpens ġust.

B – Fuq l-effett ta ’ miżuri tekniċi ta ’ protezzjoni [l-ewwel domanda paragrafi (ċ) u (d) u t-tieni domanda]

69.

Permezz tal-ewwel domanda paragrafi (ċ) u (d) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2001/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tagħha, fuq ir-riproduzzjonijiet għal użu privat ta’ fajlijiet ta’ xogħol protett skont jekk dawn tal-aħħar humiex protetti b’miżuri tekniċi effettivi jew le. Permezz tat-tieni domanda tagħha, hija tistaqsi, barra minn hekk, kif il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fuq il-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri tekniċi effettivi msemmija fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

70.

Fis-sentenza tagħha VG Wort et ( 35 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat qabel xejn, li l-miżuri tekniċi li jirreferi għalihom l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huma intiżi sabiex jirrestrinġu l-atti mhux awtorizzati mid-detenturi ta’ drittijiet, jiġifieri sabiex jiżguraw applikazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni u sabiex b’hekk jiġu evitati l-atti li ma josservawx il-kundizzjonijiet stretti imposti mill-imsemmija dispożizzjoni.

71.

Imbagħad iddeċidiet, essenzjalment, li la l-fatt li Stat Membru ma jkunx żgura l-applikazzjoni korretta tal-eċċezzjoni tal-ikkopjar għal użu privat li huwa stabbilixxa, billi jillimita l-atti mhux awtorizzati mid-detenturi ta’ drittijiet ( 36 ), u lanqas il-fatt li l-imsemmija detenturi tad-drittijiet ma applikawx il-miżuri tekniċi ta’ protezzjoni li setgħu jirrikorru għalihom volontarjament ( 37 ), ma setgħu jwasslu għall-inapplikabbiltà tal-kundizzjoni tal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva.

72.

Minn din is-sentenza jirriżulta wkoll li d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tawtorizza l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat irrispettivament mill-użu jew le ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni effettivi mid-detenturi tad-drittijiet, fatt li tal-inqas jirrispondi għall-ewwel domanda paragrafi (ċ) u (d) tal-qorti tar-rinviju.

73.

Għaldaqstant, b’mod iktar preċiż, il-fatt li d-detenturi tad-drittijiet irrikorrew, bl-għan li jimpedixxu kwalunkwe użu mhux awtorizzat tax-xogħlijiet protetti tagħhom, għall-miżuri tekniċi ta’ protezzjoni effettivi disponibbli jew il-fatt li ma rrikorrewx għalihom ma għandux effett fuq l-obbligu li jiġi ggarantit għalihom, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, kumpens ġust għar-riproduzzjonijiet tax-xogħlijiet tagħhom imwettqa għal finijiet privati. Kumpens ġust u miżuri tekniċi ta’ protezzjoni effettivi jistgħu għalhekk jikkoeżistu perfettament, għaliex l-użu ta’ tali miżuri għandu effett biss, fejn xieraq, fuq il-livell tal-kumpens ġust, jiġifieri fuq il-kalkolu u l-ammont tiegħu ( 38 ).

74.

Madankollu t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda preċiżament dan l-effett.

75.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2001/29 timponi fuq l-Istati Membri, fil-każ tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-ikkopjar għal użu privat, l-obbligu li jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-iżviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda kkopjar għal użu privat diġitali u skemi ta’ remunerazzjoni relatati miegħu, meta miżuri tekniċi ta’ protezzjoni effettivi jkunu disponibbli ( 39 ).

76.

Madankollu, minkejja li d-Direttiva 2001/29 tirreferi għal bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni miżuri tekniċi fl-applikazzjoni tal-kumpens ġust ( 40 ) jew li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kumpens ġust fil-kuntest tal-użu ta’ miżuri tekniċi ( 41 ), hija ma tipprovdi l-ebda dettall dwar dak li dan it-teħid inkunsiderazzjoni jimplika b’mod konkret, la f’każ u lanqas fl-ieħor.

77.

Għaldaqstant, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża VG Wort et ( 42 ) , l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu kemm il-modalitajiet kif ukoll l-intensità ta’ dan it-teħid inkunsiderazzjoni, b’rispett kemm tal-għanijiet tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll, b’mod iktar wiesa’, tad-dritt tal-Unjoni.

78.

F’din il-perspettiva, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tindika lill-qorti tar-rinviju, kif tissuġġerixxi t-tieni domanda tagħha, b’liema mod għandha tiġi implementata din id-dispożizzjoni b’mod konkret mill-Istati Membri. L-iktar l-iktar hija tista’ tipprovdilha ċertu numru ta’ indikazzjonijiet li jippermettulha, fejn xieraq, tiddetermina jekk il-modalitajiet skont kif dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa traskritt fil-liġi nazzjonali u effettivament implementat huwiex kompatibbli mad-Direttiva 2001/29, stħarriġ li hija biss għandha twettaq.

79.

Għaldaqstant jiena nqis, li ma hemmx lok li tingħata, lil hinn mill-konklużjoni proposta fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, risposta speċifika għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju.

80.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li la l-użu u lanqas in-nuqqas ta’ użu ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni effettivi tal-fajlijiet tax-xogħlijiet protetti ma għandhom effett fuq il-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva.

C – Fuq l-effett tas-sors tal-ikkopjar għal użu privat [l-ewwel domanda paragrafi (e) sa (ġ)]

81.

Permezz tal-ewwel domanda paragrafi (e) sa (ġ) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2001/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq riproduzzjonijiet għal użu privat imwettaq minn sorsi appartenenti lil terzi [l-ewwel domanda fil-paragrafu (e)], minn sorsi illegali [l-ewwel domanda fil-paragrafu (f)] u minn sorsi legali [l-ewwel domanda fil-paragrafu (ġ)].

82.

Fis-sentenza tagħha ACI Adam et ( 43 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali, li ma tagħmilx distinzjoni bejn sitwazzjoni fejn is-sors li minnu ssir riproduzzjoni għal użu privat huwa legali u sitwazzjoni fejn is-sors huwa illegali, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Għalhekk tista’ tingħata risposta għal-ewwel domanda fil-paragrafu (f), permezz ta’ riferiment għall-imsemmija sentenza u, b’mod iktar partikolari, għall-ewwel punt tad-dispożittiv tagħha.

83.

Min-naħa l-oħra, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar is-sitwazzjonijiet li hija tipprevedi fl-ewwel domanda fil-paragrafu (ġ) tagħha, huwa diffiċli li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħtiha risposta utli u ddettaljata.

84.

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda dettall dwar dawk li huma l-“fajlijiet ikkopjati legalment”, “minn sorsi legali” jew “mingħajr liċenzja” li hija ssemmi. B’mod partikolari, hija ma tindikax, la f’liema ċirkustanzi u lanqas taħt liema kundizzjonijiet dawn il-fajlijiet jistgħu jiġu akkwistati, użati u, fejn xieraq, ikkopjati. Għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk ir-riproduzzjoni privata tagħhom hijiex tali li tikkawża dannu lid-detenturi tad-drittijiet u għalhekk tiġġustifika l-ġbir ta’ kumpens ġust fis-sens tal-prinċipji, imfakkra iktar ’il fuq, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fis-sentenzi tagħha Padawan ( 44 ) u Stichting de Thuiskopie ( 45 ).

85.

F’dawn iċ-ċirkustanzi u għall-istess raġunijiet, ma tistax tingħata risposta għal din id-domanda permezz ta’ qari a contrario tas-sentenza ACI Adam et ( 46 ). Is-sempliċi fatt li l-fajlijiet riprodotti għal finijiet privati ma humiex illegali, fis-sens ta’ din is-sentenza, ma huwiex biżżejjed biex jiġi konkluż li huma jistgħu jagħtu lok għall-ġbir ta’ kumpens ġust.

86.

Jibqa’ li tiġi eżaminata l-ewwel domanda fil-paragrafu (e), rigward ir-riproduzzjonijiet għal użu privat imwettaq minn sorsi li huma proprjetà ta’ terzi.

87.

Qabel xejn jiġi osservat li din id-domanda ma ssemmix, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sitwazzjoni fejn persuna tiddelega lil terz jagħmel riproduzzjoni għal finijiet privati, min-naħa tagħha, ta’ xogħlijiet protetti ( 47 ). Bil-kontra mill-formulazzjoni tagħha stess jirriżulta b’mod ċar li hija tirreferi għas-sitwazzjonijiet fejn persuna twettaq riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet jew ta’ materjal protett minn sorsi “li huma proprjetà” ta’ terz, jiġifieri, essenzjalment, CD-ROM jew DVDs li huma u jibqgħu l-proprjetà ta’ terz jew fajlijiet ta’ xogħlijiet protetti li l-liċenzji tal-użu tagħhom huma l-proprjetà ta’ terz fir-relazzjoni mal-persuna li twettaq ir-riproduzzjoni privata.

88.

Minn din il-perspettiva, jista’ jiġi previst li għall-ewwel domanda fil-paragrafu (e) tingħata risposta identika għal dik mogħtija għall-ewwel domanda fil-paragrafu (f), jekk jista’ jiġi ammess, u sa fejn jiġi ammess, li huma jipprevedu rispettivament sitwazzjonijiet simili.

89.

B’dan il-mod, jista’ jiġi kkunsidrat li r-riproduzzjonijiet imwettqa minn fajlijiet ta’ DVD, CD-ROM, apparat li jdoqq fajlijiet MP3 jew anki kompjuters li huma l-proprjetà ta’ terzi, sabiex jintuża l-elenku tal-qorti tar-rinviju, huma għal kollox komparabbli, fil-prinċipju, għar-riproduzzjonijiet imwettqa minn xogħlijiet imqiegħda fuq l-Internet b’mod illegali ( 48 ).

90.

Il-persuni li jwettqu tali riproduzzjonijiet ma humiex, f’dawn il-każijiet, il-proprjetarji (fir-rigward tal-materjal fiżiku bħas-CD-ROM u DVDs) jew id-detenturi ta’ liċenzji tal-użu (fir-rigward tal-materjal mhux fiżiku bħall-fajlijiet imniżżla legalment mis-siti ta’ bejgħ online) tas-sorsi tagħhom, b’tali mod li r-riproduzzjonijiet imwettqa f’dawn iċ-ċirkustanzi bl-ebda mod ma jistgħu jitqiesu li huma riproduzzjoni għal finijiet privati.

91.

Madankollu tali assimilazzjoni ma hijiex evidenti.

92.

Minn naħa, ma jistax jiġi miċħud li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet protetti fuq l-Internet (“uploading”), mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, aċċessibbli b’mod liberu minn numru indeterminat u illimitat ta’ persuni, ma jistax jitqabbel mas-self ta’ CD-ROM jew DVD, jew anki ta’ ħafna minnhom, f’ċirku privat, familjari jew anki amikevoli, iżda f’kull każ ristrett. Lanqas ma jista’ jiġi miċħud li r-riproduzzjonijiet imwettqa minn fajlijiet disponibbli b’mod liberu fuq l-Internet (“downloading”) ma jistgħux jitqabblu mar-riproduzzjonijiet minn CD-ROM jew DVD wieħed jew iktar mislufin minn qarib, ħabib jew anki sempliċi konoxxent.

93.

Min-naħa l-oħra ma jistax jiġi injorat li s-self ta’ tagħmir jew apparat li għandu memorja tal-massa (kompjuter, hard drives, apparat li jdoqq fajlijiet MP3 jew iPods oħra, anki karti tal-memorja ta’ kapaċità kbira) li jinkludu fajlijiet ta’ xogħlijiet protetti u r-riproduzzjoni tal-imsemmija fajlijiet minn terzi, jiġifieri minn persuni li ma humiex id-detenturi tal-liċenzji tal-użu tal-fajlijiet inklużi fihom, jikkostitwixxu sitwazzjonijiet intermedjarji li la jistgħu jiġu assimilati għal wieħed (“uploading” jew “downloading” fuq l-Internet) u lanqas għall-ieħor (self u kopji ta’ mezzi fiżiċi fl-isfera privata) miż-żewġ każijiet ipotetiċi previsti iktar ’il fuq.

94.

Fi kliem ieħor, jidhirli li ma huwiex possibbli li tingħata risposta waħda u uniformi għad-domanda tal-qorti tar-rinviju u li ċertu numru ta’ distinzjonijiet u ta’ preċiżjonijiet huma meħtieġa skont, b’mod partikolari, is-sorsi tar-riproduzzjonijiet u s-sitwazzjonijiet li fihom iseħħu.

95.

Dan ippreċiżat, jidher li l-leġiżlazzjoni Daniża tinkludi ċerti elementi ta’ risposta f’dan ir-rigward. B’hekk, l-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni Nru 202, jawtorizza biss il-kopji “iżolati” ta’ xogħlijiet għal finijiet ta’ użu privat, li ma jistgħux jintużaw għal finijiet oħra. Billi tipprevedi għalhekk il-kopji iżolati biss, il-leġiżlazzjoni Daniża donnha tiddistingwi bejn ir-riproduzzjonijiet okkażjonali ta’ xogħlijiet limitati, li jaqgħu taħt l-ikkopjar għal użu privat, u riproduzzjonijiet massivi ta’ xogħlijiet multipli, li ma jaqgħux taħtu. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(3) tad-Deċiżjoni Nru 202 jipprovdi espressament li “ir-riproduzzjoni f’forma diġitali minn kopja mislufa jew mikrija ma hijiex awtorizzata mingħajr il-kunsens tal-awtur”. Il-leġiżlazzjoni Daniża donnha teskludi wkoll ir-riproduzzjonijiet imwettqa minn kopji li huma l-proprjetà ta’ terzi, mingħajr madankollu ma tippreċiża jekk tirrigwardax terzi li jaġixxu b’mod professjonali jew kummerċjali jew it-terzi kollha, inkluż il-qraba, il-ħbieb jew anki konoxxenti li jaġixxu f’kuntest privat.

96.

Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha s-setgħa tinterpreta l-liġi nazzjonali, li għandha tiddetermina x’għandhom ifissru “kopji iżolati” u “kopja mislufa”, filwaqt li jiġi ppreċiżat li hija għandha tinterpreta l-imsemmija liġi nazzjonali fid-dawl tad-Direttiva 2001/29 u teżamina d-diversi każijiet ipotetiċi elenkati abbażi tal-prinċipji, imfakkra iktar ’il fuq, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Padawan ( 49 ) u Stichting de Thuiskopie ( 50 ) u billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29.

D – Fuq l-effett tan-natura minima tad-dannu (it-tielet domanda)

97.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fuq ir-riproduzzjonijiet privati li jikkawżaw biss dannu minimu lid-detenturi tad-drittijiet. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, hija tistaqsi dwar x’għandu jinftiehem bl-indikazzjoni li tinsab fil-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29.

98.

Fil-premessa 35 tagħha, id-Direttiva 2001/29 ssemmi l-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu, f’ċerti każijiet fejn id-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet ikun minimu, li ma jinġabarx kumpens ġust, mingħajr madankollu ma tiddefinixxi la l-każijiet previsti u lanqas il-kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita n-natura ta’ dannu minimu ( 51 ).

99.

Minn dan jiġi dedott li l-Istati Membri li għażlu li jistabbilixxu l-eċċezzjoni tal-ikkopjar għal użu privat għandhom l-usa’ marġni ta’ manuvra sabiex jadottaw dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-ġbir ta’ kumpens ġust f’każ ta’ dannu minimu, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, fi kwalunkwe każ, hija sempliċi fakultà u mhux obbligu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru ma jistax jiġi akkużat li ma pprevedix tali deroga.

100.

Konsegwentement, il-fatt li l-ikkopjar għal użu privat fuq il-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari jirrappreżenta biss dannu minimu għad-detenturi tad-drittijiet, jekk jitqies li huwa fatt stabbilit, fil-prinċipju ma huwiex tali li fih innifsu jostakola l-ġbir minn Stat Membru tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq dawn tal-aħħar.

101.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fuq ir-riproduzzjonijiet privati li jikkawżaw biss dannu minimu lid-detenturi tad-drittijiet.

VII – Fuq il-modalitajiet ta ’ ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat (is-sitt domanda)

102.

Is-sitt domanda tal-qorti tar-rinviju tinkludi diversi mistoqsijiet strettament marbuta, li huma kollha rigward il-modalitajiet ta’ ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

103.

Il-qorti tar-rinviju tressaq qabel xejn il-kwistjoni ta’ prinċipju dwar [is-sitt domanda fil-paragrafu (a)] jekk, essenzjalment, id-Direttiva 2001/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi obbligu inkundizzjonat fuq il-manifatturi u/jew l-importaturi tal-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari li jħallsu t-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq dawn il-karti, jiġifieri mingħajr ma dawn tal-aħħar, li jbigħu l-imsemmija karti lil professjonisti, ikollhom il-possibbiltà li jkunu jafu jekk humiex ser jerġgħu jinbiegħu mill-imsemmija professjonisti lil individwi jew lil professjonisti.

104.

Hija tistaqsi imbagħad, essenzjalment, jekk u sa fejn ir-risposta għal din il-kwistjoni ta’ prinċipju tkun differenti jekk tali obbligu ma jkunx, f’ċerti każijiet ipotetiċi, inkundizzjonat [is-sitt domanda fil-paragrafi (b) u (ċ)]. Hija tipprevedi b’dan il-mod diversi sitwazzjonijiet ipotetiċi li fihom il-manifattur, l-importatur u/jew id-distributur, jew ma jkollux iħallas it-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat, jew ikun jista’ jikseb ir-rimbors tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat meta l-karti tal-memorja jinbiegħu għal użu għal finijiet professjonali, f’ċerti ċirkustanzi, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont ċerti modalitajiet li hija telenka.

105.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħal dik imfakkra fil-punti 23 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u b’mod partikolari mis-sentenza Padawan ( 52 ), jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 fuq il-mezzi ta’ riproduzzjoni hija kompatibbli mal-ħtiġijiet ta’ bilanċ ġust biss jekk l-imsemmija mezzi huma tali li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ kkopjar għal użu privat, jekk teżisti rabta neċessarja bejn l-applikazzjoni tal-imsemmija tariffa fir-rigward tal-imsemmija mezzi u l-użu tagħhom għal finijiet ta’ riproduzzjoni privata.

106.

Minn dan isegwi li tariffa għall-ikkopjar għal użu privat li, bħal dik inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, tinġabar mingħand il-produtturi u l-importaturi ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni la l-kwalità tal-persuni li jagħmlu l-akkwist finali u lanqas l-użu li huma jagħmlu minnhom u, b’mod iktar preċiż, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn il-każijiet li fihom jiġu akkwistati minn persuni fiżiċi għall-finijiet ta’ kkopjar għal użu privat u każijiet li fihom jiġu akkwistati minn persuni oħra għal finijiet manifestament differenti minn dawk tal-ikkopjar għal użu privat, ma hijiex konformi mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

107.

Huwa minnu li, fl-istess sentenza Padawan ( 53 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li huwa possibbli għall-Istati Membri, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu identifikati l-utenti privati u li jiġu obbligati jikkumpensaw lid-detenturi tad-drittijiet għad-dannu li tikkawżalhom ir-riproduzzjoni privata, li jistabbilixxu, għall-finijiet tal-finanzjament tal-kumpens ġust, sistema ta’ ħlas għal kopja privata li għandha titħallas minn persuni oħra li ma humiex l-utenti privati, sakemm l-imsemmija persuni jkunu jistgħu jgħaddu l-ispiża tal-imsemmija tariffa fuq l-imsemmija utenti privati.

108.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi totalment eskluż li leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fuq il-mezzi ta’ riproduzzjoni mingħand il-produtturi u l-importaturi ta’ dawn tal-aħħar, tista’ tkun konformi mal-bilanċ ġust li għandu jinstab bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u l-utenti tal-materjali protett, sakemm l-imsemmija produtturi u importaturi jkunu jistgħu effettivament jgħadduha fuq l-utenti li jakkwistaw l-imsemmija mezzi u li jużawhom għal finijiet tal-ikkopjar għal użu privat jew anki sakemm ikunu jistgħu jiksbu r-rimbors tagħha, meta l-imsemmija mezzi jiġu akkwistati għal finijiet manifestament differenti minn dak tal-ikkopjar għal użu privat.

109.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet l-ebda element li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina b’mod preċiż u dettaljat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali tiżgurax li t-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat li hija tistabbilixxi hijiex, fl-aħħar mill-aħħar, imħallsa effettivament mill-persuni li fil-prinċipju għandhom jiffinanzjaw il-kumpens ġust mitlub permezz tal-imsemmi Artikolu 5(2)(b), jiġifieri, f’dan il-każ, mill-persuni fiżiċi li jakkwistaw mezzi ta’ riproduzzjoni sabiex iwettqu għall-użu privat tagħhom riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti.

110.

Id-deċiżjoni tar-rinviju tillimita ruħha għalhekk għaċ-ċitazzjoni tal-Artikolu 39 tad-Deċiżjoni Nru 202, li jipprovdi li għandu jħallas remunerazzjoni kull minn jipproduċi jew jimporta għal finijiet kummerċjali awdjo tapes, video tapes jew mezzi oħra li fuqhom jistgħu jiġu rrekordjati ħsejjes jew immaġni. Lil hinn mid-diversi sitwazzjonijiet ipotetiċi previsti fis-sitt domanda stess, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi, min-naħa l-oħra, ebda indikazzjoni konkreta u preċiża la fuq iċ-ċirkustanzi li fihom huwa eventwalment possibbli, li l-produtturi, l-importaturi jew id-distributuri jkunu eżentati mill-ħlas tat-tariffa, u lanqas fuq il-metodi konkreti li permezz tagħhom huwa eventwalment possibbli li jiksbu r-rimbors tagħha.

111.

Madankollu u fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29 ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29.

112.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għas-sitt domanda tal-qorti tar-rinviju billi tiddeċiedi li d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fuq il-mezzi ta’ riproduzzjoni mingħand il-produtturi u l-importaturi ta’ dawn tal-aħħar, sakemm l-imsemmija produtturi u importaturi jkunu jistgħu effettivament jgħadduha fuq l-utenti li jakkwistaw l-imsemmija mezzi għall-finijiet ta’ kkopjar għal użu privat jew jiksbu r-rimbors tagħha meta l-imsemmija mezzi jiġu akkwistati għall-finijiet manifestament differenti minn dak tal-ikkopjar għal użu privat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dawn iċ-ċirkustanzi u minnhom tislet il-konklużjonijiet xierqa.

VIII – Konklużjoni

113.

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi tal-Østre Landsret (id-Danimarka):

1)

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fuq il-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari, sakemm jiġi żgurat il-bilanċ ġust li għandu jinżamm bejn id-diversi kategoriji ta’ detenturi tad-drittijiet u l-utenti tal-materjal protett u sakemm, għaldaqstant, teżisti rabta bejn dan il-ġbir u l-użu preżunt tal-imsemmija karti għal finijiet ta’ riproduzzjoni privata, u l-funzjoni ewlenija jew prinċipali tal-imsemmija karti ma għandha l-ebda effett f’dan ir-rigward.

Madankollu, id-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fuq il-mezzi ta’ riproduzzjoni li jistgħu jitneħħew, bħall-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari, filwaqt li teskludiha għall-mezzi li ma jistgħux jitneħħew u li huma integrati f’tagħmir jew f’apparat intiżi b’mod speċifiku u prinċiparjament użati bħala mezzi ta’ riproduzzjoni għal finijiet privati, mingħajr ma din l-esklużjoni tkun oġġettivament iġġustifikata.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dawn il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi eventwali ta’ din l-esklużjoni u minnhom tislet il-konklużjonijiet xierqa.

2)

Id-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tagħha, fuq ir-riproduzzjonijiet għal użu privat imwettqa minn sorsi illegali kif ukoll fuq ir-riproduzzjonijiet għal użu privat li kienu awtorizzati b’mod speċifiku mid-detenturi tad-drittijiet u li taw lok, f’dan ir-rigward, għal ħlas ta’ remunerazzjoni jew kwalunkwe forma oħra ta’ kumpens ġust.

3)

Id-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li la l-użu u lanqas in-nuqqas ta’ użu ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni effettivi tal-fajlijiet tax-xogħlijiet protetti ma għandhom effett fuq il-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva.

4)

Id-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fuq ir-riproduzzjonijiet privati li jikkawżaw biss dannu minimu lid-detenturi tad-drittijiet.

5)

Id-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ġbir tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fuq il-mezzi ta’ riproduzzjoni mingħand il-produtturi u l-importaturi ta’ dawn tal-aħħar, sakemm l-imsemmija produtturi u importaturi jkunu jistgħu effettivament jgħadduha fuq l-utenti li jakkwistaw l-imsemmija mezzi għall-finijiet ta’ kkopjar għal użu privat jew jiksbu r-rimbors meta l-imsemmija mezzi jiġu akkwistati għall-finijiet manifestament differenti minn dak tal-ikkopjar għal użu privat.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dawn iċ-ċirkustanzi u minnhom tislet il-konklużjonijiet xierqa.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230

( 3 ) C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426.

( 4 ) C‑521/11, EU:C:2013:515.

( 5 ) Sentenza Stichting de Thuiskopie (C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 21).

( 6 ) Sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 30); Stichting de Thuiskopie (EU:C:2011:397, punt 22); kif ukoll Amazon.com International Sales et (EU:C:2013:515, punt 19).

( 7 ) Ara s-sentenzi Stichting de Thuiskopie (EU:C:2011:397, punt 34) kif ukoll Amazon.com International Sales et (EU:C:2013:515, punt 57).

( 8 ) Sentenza Padawan (EU:C:2010:620, punti 39 u 40).

( 9 ) Sentenzi Padawan (EU:C:2010:620, punt 40); VG Wort et (EU:C:2013:426, punti 31, 49 u 75); Amazon.com International Sales et (EU:C:2013:515, punt 47); tas-27 ta’ Ġunju 1993; kif ukoll ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 50).

( 10 ) Sentenza Padawan (EU:C:2010:620, punti 42 u 50).

( 11 ) Sentenzi Padawan (EU:C:2010:620, punt 39) kif ukoll Amazon.com International Sales et (EU:C:2013:515, punt 47).

( 12 ) Ara l-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll is-sentenzi Stichting de Thuiskopie (EU:C:2011:397, punt 23) u Amazon.com International Sales et (EU:C:2013:515, punti 20 u 40).

( 13 ) Ara s-sentenza Amazon.com International Sales et (EU:C:2013:515, punt 22).

( 14 ) Ibidem (punt 21).

( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ACI Adam et (EU:C:2014:254, punti 38 sa 40), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑435/12, EU:C:2014:1).

( 16 ) Ara s-sentenza VG Wort et (EU:C:2013:426, punti 73 u 79).

( 17 ) Ara l-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll is-sentenzi Padawan (EU:C:2010:620, punt 36) u ACI Adam et (EU:C:2014:254, punt 49).

( 18 ) Ara s-sentenza Padawan (EU:C:2010:620, punt 52).

( 19 ) Ibidem (punti 53 u 54).

( 20 ) Ibidem (punti 55 u 56).

( 21 ) Is-sitt domanda tal-qorti tar-rinviju li tirrigwarda preċiżament dan l-aspett, ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem, taħt it-titolu VI.

( 22 ) Ara s-sentenza ACI Adam et (EU:C:2014:254, punti 33 u 34).

( 23 ) Skont il-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 24 ) Minn din il-perspettiva, jista’ jiġi enfasizzat li wieħed josserva konverġenza teknoloġika fil-memorji tal-massa mqiegħda f’mezzi diġitali differenti, peress li l-hard drives tal-kompjuters l-iktar reċenti [id-drives imsejħa “SSD” (Solid State Drive)] huma, pereżempju, komposti minn diversi ċirkwiti ta’ memorji flash (EEPROM jew Electrically-erasable programmable read-only memory), bħall-karti tal-memorja tat-telefons ċellulari, kif inhuma l-portabbli diġitali prinċipali tat-tip iPods.

( 25 ) EU:C:2010:620, punt 52. Dwar dan l-aspett problematiku, ara iktar ’il quddiem l-analiżi tas-sitt domanda.

( 26 ) Ara l-premessi 5 u 39 tad-Direttiva 2001/29.

( 27 ) Sentenza VG Wort et (EU:C:2013:426, punti 48 sa 58).

( 28 ) Sentenza ACI Adam et (EU:C:2014:254, punti 20 sa 58).

( 29 ) Sentenza VG Wort et (EU:C:2013:426, punti 30 sa 40).

( 30 ) EU:C:2013:426, punt 2 tad-dispożittiv.

( 31 ) Dan huwa, tal-inqas, il-qari li jiena nagħmel tal-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29, minkejja l-varjazzjonijiet li wieħed jista’ jikkonstata minn verżjoni lingwistika għal oħra. Ara, pereżempju, il-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola (“puede ocurrir que no haya que efectuar un pago específico o por separado”), Ġermaniża (“kann gegebenenfalls keine spezifische oder getrennte Zahlung fällig sein”) jew Franċiża (“un paiement spécifique ou séparé pourrait ne pas être dû”) u l-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża (“no specific or separate payment may be due”) jew Taljana (“ciò non può comportare un pagamento specifico o a parte”).

( 32 ) Jista’ jiġi osservat li, fuq stedina tal-Kummissjoni, li kienet ħabbret fil-Komunikazzjoni tagħha, tal-24 ta’ Mejju 2011, intitolata Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li jagħti spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni sabiex jipprovdi tkabbir ekonomiku, impjiegi ta’ kwalità għolja u prodotti u servizzi tal-ogħla livell fl-Ewropa [COM(2011)287 finali, punt 3.3.4), l-intenzjoni tagħha li tinnomina medjatur indipendenti ta’ livell għoli responsabbli sabiex iwassal lill-partijiet ikkonċernati għal ftehim fuq ċerti aspetti tat-tariffa għall-ikkopjar għal użu privat, A. Vitorino għamel rakkomandazzjonijiet li waħda minnhom tirrigwarda preċiżament dan il-punt. L-ewwel rakkomandazzjoni tiegħu fil-fatt tipproponi, li jiġi ammess b’mod ċar li r-riproduzzjonijiet privati tax-xogħlijiet akkwistati fil-kuntest ta’ servizzi onlajn, u għalhekk koperti bil-liċenzji tad-detenturi tad-drittijiet, ma jikkawżaw ebda dannu għal dawn tal-aħħar u ma jimplikaw għalhekk ebda kumpens fil-forma ta’ tariffa għall-ikkopjar għal użu privat (ara, b’mod partikolari, p. 6 sa 8). Ara d-dokument intitolat “Recommendations resulting from the Mediation on Private Copying and Reprography Levies” fuq l-indirizz Internet (http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/docs/levy_reform/130131_levies-vitorino-recommendations_en.pdf).

( 33 ) Kwistjoni eżaminata f’iktar dettall iktar ’l isfel, taħt it-titolu VI.

( 34 ) Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat l-idea li d-Direttiva 2001/29 tipprekludi kwalunkwe ħlas doppju ta’ kumpens ġust u tista’ timponi obbligu ta’ rimbors, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha Amazon.com International Sales et (EU:C:2013:515, punt 65). F’din is-sentenza, fil-fatt, hija ddeċidiet li persuna msejħa sabiex tħallas tariffa għall-ikkopjar għal użu privat fuq mezz ta’ riproduzzjoni użat fi Stat Membru iżda mixtri fuq l-Internet fi Stat Membru ieħor għandha tkun tista’ titlob u tikseb ir-rimbors tat-tariffa eventwalment imħallsa fit-tieni Stat Membru.

( 35 ) EU:C:2013:426, punt 51. Ara wkoll is-sentenza ACI Adam et (EU:C:2014:254, punt 43).

( 36 ) Ara s-sentenzi VG Wort et (EU:C:2013:426, punti 52 sa 54) u ACI Adam et EU:C:2014:254, punt 44).

( 37 ) Ara s-sentenza VG Wort et (EU:C:2013:426, punti 55 sa 57).

( 38 ) F’dan is-sens ara wkoll, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:34, punt 95).

( 39 ) Ara l-premessi 5 u 39 tad-Direttiva 2001/29.

( 40 ) Ara l-premessi 35 u 39.

( 41 ) Ara l-premessa 52.

( 42 ) EU:C:2013:34, punt 104.

( 43 ) EU:C:2014:254.

( 44 ) EU:C:2010:620.

( 45 ) EU:C:2011:397.

( 46 ) EU:C:2014:254.

( 47 ) Jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni Nru 202 jippermetti “tqabbad lil min jagħmlilha” kopji, il-paragrafu (4) tal-imsemmi artikolu jillimita din il-possibbiltà, billi jeskludi d-dritt li tqabbad lil terza persuna tagħmel kopji, b’mod partikolari, ta’ xogħlijiet mużikali, ċinematografiċi jew litterarji.

( 48 ) Skont l-espressjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ACI Adam et (EU:C:2014:254, punt 35).

( 49 ) EU:C:2010:620.

( 50 ) EU:C:2011:397.

( 51 ) Ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2001/29 lanqas ma jipprovdi indikazzjonijiet. Fir-realtà, sa llum il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni tiddeċiedi f’dan ir-rigward, anki jekk hija tirreferi għal dannu minimu fil-punti 39 u 46 tas-sentenza tagħha Padawan (EU:C:2010:620).

( 52 ) EU:C:2010:620, punti 52 u 53.

( 53 ) EU:C:2010:620, punti 46 sa 50. Ara wkoll is-sentenza Stichting de Thuiskopie (EU:C:2011:397, punti 27 u 28).

Fuq