EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0075

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ Ġunju 2014.
SEK Zollagentur GmbH vs Hauptzollamt Gießen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof.
Unjoni doganali u Tariffa Doganali Komuni — Tneħħija illegali mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija suġġetta għal dazji doganali fuq l-importazzjoni — Tnissil tad-dejn doganali.
Kawża C‑75/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:1759

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Unjoni doganali u Tariffa Doganali Komuni — Tneħħija ta’ merkanzija li fuqha huma dovuti dazji fuq l-importazzjoni mis-sorveljanza doganali — Tnissil tad-dejn doganali”

Fil-Kawża C‑75/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Frar 2013, fil-proċedura

SEK Zollagentur GmbH

vs

Hauptzollamt Gießen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Borg Barthet (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SEK Zollagentur GmbH, minn T. Ulbrich, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u L. Keppenne, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 50 u 203 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 3071), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn SEK Zollagentur GmbH (iktar ’il quddiem “sek Zollagentur”) u l-Hauptzollamt Gießen dwar it-talba tagħha għal rimbors ta’ dazju doganali dovut għall-motiv li hija neħħiet il-merkanzija kkonċernata mis-superviżjoni doganali waqt il-proċedura ta’ tranżitu.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

13)

‘Sorveljanza mill-awtoritajiet doganali’ tfisser azzjoni meħuda b’mod ġenerali minn dawk l-awtoritajiet bil-għan li jiżguraw illi r-regoli doganali u, fejn xieraq, dispożizzjonijiet oħra applikabbli għal merkanzija soġġetta għal sorveljanza doganali jiġu osservati;

14)

‘Kontrolli doganali’ tfisser atti speċifiċi magħmula mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ regoli doganali u ta’ liġijiet oħrajn li jirregolaw id-dħul, il-ħruġ, it-transitu, it-trasferiment u l-użu aħħari ta’ merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Komunità u pajjiżi terzi u l-preżenza ta’ merkanzija li ma jkollhiex status Komunitarju; tali atti jistgħu jinkludu l-eżami ta’ merkanzija, il-verifika ta’ data f’dikjarazzjonijiet u ta’ l-eżistenza u l-awtentiċità ta’ dokumenti elettroniċi jew miktuba, l-eżami tal-kontijiet ta’ impriżi u ta’ dokumenti oħra, l-ispezzjoni ta’ mezzi ta’ trasport, l-ispezzjoni ta’ bagalji u ta’ merkanzija oħra li tinġarr minn jew fuq persuni u t-twettiq ta’ inkjesti uffiċjali u ta’ atti simili oħra;

15)

‘Trattament jew użu ta’ merkanzija bl-approvazzjoni doganali’ tfisser:

a)

it-tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura doganali;

b)

id-dħul tagħha ġo żona ħielsa jew maħżen ħieles;

ċ)

l-esportazzjoni mill-ġdid tagħha mit-territorju doganali tal-Komunità;

d)

il-qerda tagħha;

e)

l-abbandun tagħha lit-Teżor;

[...]

20)

‘Ħelsien [rilaxx] ta’ merkanzija’ tfisser l-att li bih l-awtoritajiet doganali jagħmlu merkanzija disponibbli għall-iskopijiet stipulati mill-proċedura doganali li taħtha tkun tpoġġiet.

[...]”

4

L-Artikolu 37(1) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha, mill-ħin tad-dħul tagħha, tkun soġġetta għal sorveljanza doganali. Tista’ tkun soġġetta għal kontroll mill-awtorità doganali skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.”

5

Skont l-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali:

“Sakemm tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana, merkanzija preżentata lid-dwana għandha, wara dik il-preżentazzjoni, ikollha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja. Dik il-merkanzija ser tkun deskritta aktar ’l isfel bħala ‘merkanzija f’ħażna temporanja’.”

6

L-Artikolu 91 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1.   Il-proċess ta’ transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:

a)

merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali;

[...]

2.   Il-moviment imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jseħħ b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:

a)

taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Komunità;

[...]”

7

L-Artikolu 92 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1.   Il-proċedura ta’ transitu estern għandha tintemm u l-obbligazzjonijiet tad-detentur għandhom ikunu mwettqa meta l-prodotti mqiegħda taħt il-proċedura u d-dokumenti meħtieġa jkunu ingħataw lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-proċedura in kwistjoni.

2.   L-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu l-proċedura meta jkunu f’pozizzjoni li jistbilixxu, fuq il-bażi ta’ paragun tad-data disponibbli għall-uffiċju tat-tluq u dik disponibbli lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni, li l-proċedura tkun intemmet korrettement.”

8

L-Artikolu 96(1) ta’ dan il-Kodiċi jipprovdi li:

“Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal:

a)

preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni;

b)

l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura tat-transitu tal-Komunità.”

9

L-Artikolu 201(1) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li:

“Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

a)

tal-ħelsien [tar-rilaxx] għal ċirkolazzjoni libera ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni,

[...]”

10

L-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1.   Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

2.   Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

3.   Id-debituri għandhom ikunu:

il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali,

[...]

fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji.”

11

L-Artikolu 236(1) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta’ l-Artikolu 220(2).

[...]”

12

Skont l-Artikolu 398 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1192/2008, tas-17 ta’ Novembru 2008 (ĠU L 329, p. 1):

“Persuni li jixtiequ jwettqu operazzjonijiet Komunitarji ta’ tranżitu mingħajr ma jippreżentaw il-merkanzija u d-dikjarazzjoni korrispondenti ta’ tranżitu fl-uffiċċju tat-tluq jew fi kwalunkwe lokalità oħra li jawtorizza, jistgħu jingħataw l-istatus ta’ konsenjatur awtorizzat.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fil-15 ta’ Jannar 2010, kunsinna magħmula minn tnax-il xtilliera tar-roti (bike racks) daħlet fit-territorju doganali tal-Unjoni. Il-kunsinna tpoġġiet f’ħażna temporanja u l-proprjetarju ta’ dan id-depożitu ppreżenta l-merkanzija fid-dwana u għamel dikjarazzjoni fil-qasir dwarha.

14

Fis-17 ta’ Jannar 2010, SEK Zollagentur għamlet dikjarazzjoni ta’ tqegħid ta’ xtillieri tar-roti fil-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju esterna. Ir-rilaxx tal-ixtillieri tar-roti għas-sistema ddikjarata msemmija sar fl-istess jum.

15

L-għada, it-trasportatur imqabbad minn SEK Zollagentur, il-kunsinnatur awtorizzat, kellu jikkunsinna diversi kunsinni inkluża l-imsemmija merkanzija fil-ħażna temporanja u jingħataw lil destinatarju fi Greven (il-Ġermanja).

16

Mal-wasla tal-merkanzija, id-destinatarju kkonstata li l-ixtillieri tar-roti ma kinux parti minn dawn il-kunsinni, u b’dan innotifika lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni.

17

Il-Hauptzollamt Gießen għaldaqstant kiteb lil SEK Zollagentur sabiex jistaqsiha għal tagħrif dwar fejn jinsabu l-ixtillieri tar-roti. Din il-kumpannija wieġbet li l-ixtillieri tar-roti ma setgħux jitgħabbew fis-17 ta’ Jannar 2010. Hija qalet li l-proprjetarju tal-ħażna temporanja ma kienx kapaċi jaħżen il-kunsinni mqiegħda fil-ħażna tagħhom b’tali mod li setgħu jinstabu u li jagħtihom kollha lit-trasportatur. Dan huwa għaliex l-ixtilliera tar-roti (bike racks) ma kinux ingħataw lit-trasportatur kif mistenni u kienu baqgħu fil-ħażna temporanja.

18

Fl-1 ta’ Frar 2010, l-ixtillieri tar-roti mill-ġdid sarulhom kunsinna ġdida wara ftuħ ta’ proċedura ġdida ta’ tranżitu. Id-destinatarju għaldaqstant qiegħed l-imsemmija merkanzija f’ċirkulazzjoni libera fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni u ħallas EUR 2 000 bħala dazji ta’ importazzjoni.

19

SEK Zollagentur intalbet ukoll tħallas dan l-istess ammont mill-Hauptzollamt Gießen minħabba li hija neħħiet il-merkanzija mis-sorveljanza doganali peress li ppreżentathiex lill-uffiċċju ta’ destinazzjoni waqt l-ewwel proċedura ta’ tranżitu.

20

SEK Zollagentur qieset li d-dazji tal-importazzjoni rikjesti ma kinux legalment dovuti u talbet ir-rimbors tagħhom skont l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali. Hija sostniet fil-fatt li l-proċedura ta’ tranżitu bdiet biss fil-mument tat-tneħħija attwali tal-merkanzija mill-ħażna, irrispettivament mill-istqarrija tagħha. B’hekk, qabel il-bidu tat-trasport, il-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern ma kinitx bdiet, hekk li l-unika persuna responsabbli għat-tneħħija hija l-proprjetarju tal-ħażna temporanja.

21

Wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta t-talba tagħha għal rimbors, SEK Zollagentur ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Hessen li kkonfermat ir-rifjut tar-rimbors għar-raġuni li d-dazji ma jistgħux jiġu rrimborsati peress li huma legalment dovuti. B’hekk, hija ppreżentat rikors għal “reviżjoni” quddiem il-Bundesfinanzhof.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, u b’mod partikolari l-Artikolu 50 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li merkanzija kkunsinnata lil persuna mill-awtoritajiet doganali għall-finijiet ta’ ħażna temporanja f’post awtorizzat hija kkunsidrata bħala li tneħħiet minn taħt is-sorveljanza doganali jekk hija ddikjarata bħala li hija fi proċedura ta’ tranżitu estern iżda li, madankollu, matul it-trasport previst, magħha ma jkunux fil-fatt inklużi d-dokumenti ta’ tranżitu stabbiliti kif previst u li hija ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni?

2)

F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda: f’każ bħal dan, il-persuna li, bħala kunsinnatur awtorizzat, tkun qiegħdet il-merkanzija taħt il-proċedura ta’ tranżitu hija debitur skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali jew tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 203(3) ta’ dan il-kodiċi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 50 u 203 tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li merkanzija mqiegħda f’ħażna temporanja għandha titqies li hija tneħħiet mis-sorveljanza doganali jekk hija ddikjarata li qiegħda fi proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern, iżda ma ħallietx il-ħażna u ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni, filwaqt li d-dokumenti ta’ tranżitu ġew ippreżentati lil dan tal-aħħar.

24

Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat il-mument meta, skont il-Kodiċi Doganali, il-ħażna temporanja ta’ merkanzija tispiċċa u t-tqegħid tagħha taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern jibda.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali għandu jiġu interpretat fis-sens li l-merkanzija mhux Komunitarja, li hija s-suġġett ta’ dikjarazzjoni doganali aċċettata mill-awtoritajiet doganali bil-għan tat-tqegħid tagħha fil-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern u li għandha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja, titqiegħed f’din il-proċedura doganali u tikseb b’hekk trattament jew użu approvat mid-dwana u hija għalhekk mqiegħda taħt il-proċedura doganali mill-mument li din il-merkanzija tiġi rrilaxxata (sentenza Codirex Expeditie, C‑542/11, EU:C:2013:429, punt 55).

26

B’hekk, merkanzija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ fil-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern biss mir-rilaxx tagħha. Issa, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, ir-rilaxx tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali sar fis-17 ta’ Jannar 2010, peress li din tal-aħħar b’hekk tqiegħdet taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern minn din id-data.

27

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, kif irriformulata, għandu jiġi eżaminat jekk merkanzija li ma tkunx ħalliet iż-żona ta’ ħażna tistax realment titneħħa mis-sorveljanza doganali minkejja li d-dokumenti ta’ tranżitu ġew ippreżentati lill-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ tneħħija mis-sorveljanza doganali, li jinsab fl-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kull att jew ommissjoni li jkollhom bħala riżultat li jimpedixxu, anki għal żmien qasir, li l-awtoritajiet doganali kompetenti jkollhom aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li jwettqu l-kontrolli previsti mill-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali (sentenzi D. Wandel, C‑66/99, EU:C:2001:69, punt 47; Liberexim, C‑371/99, EU:C:2002:433, punt 55; u Hamann International, C‑337/01, EU:C:2004:90, punt 31).

29

Skont l-Artikolu 96 tal-Kodiċi Doganali, peress li l-prinċipal obbligat huwa marbut, b’mod partikolari, li jippreżenta l-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni, id-dokument ta’ tranżitu li taħtu jsir it-trasport ta’ merkanzija mqiegħda fil-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern bla dubju għandu rwol essenzjali fl-iżvolġiment tajjeb ta’ din il-proċedura. B’hekk, tbegħid, anki wieħed temporanju, minn din il-merkanzija huwa tali li joħloq preġudizzju għall-għanijiet stess tal-imsemmija proċedura meta din tipprevjeni, kuntrarjament għal dak li jistipula l-Artikolu 37 tal-Kodiċi Doganali, kull tfittixija eventwali tal-imsemmija merkanzija eventwali tas-servizz tad-dwana. Tali tbegħid temporanju jikkomplika, barra minn hekk, l-identifikazzjoni kemm tal-merkanzija li hija fi proċedura ta’ tranżitu kif ukoll il-proċedura doganali applikabbli għaliha (ara, b’analoġija, is-sentenza British American Tobacco, C‑222/01, EU:C:2004:250, punt 52).

30

F’ċirkustanzi bħal dawn, it-tbegħid temporanju tad-dokument ta’ tranżitu mill-merkanzija relatata ma’ dan id-dokument għandu jiġi kklassifikat bħala tneħħija tal-imsemmija merkanzija mis-sorveljanza doganali. Skont l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi D. Wandel (EU: C:2001:69), Liberexim (EU: C:2002:433) u Hamann International (EU:C:2004:90), dan it-tbegħid huwa, fil-fatt, att li għandu r-riżultat li jipprevjeni, anki mumentarjament biss, lill-awtorità doganali kompetenti milli taċċedi għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li twettaq il-kontrolli previsti mil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco, EU:C:2004:250, punt 53).

31

Bl-istess mod, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tneħħija ta’ merkanzija mis-sorveljanza doganali tippresupponi biss li jkunu ġew issodisfatti kundizzjonijiet ta’ natura oġġettiva bħall-assenza fiżika tal-merkanzija fil-post ta’ depożitu awtorizzat meta l-awtorità doganali għandha l-intenzjoni li teżamina l-imsemmija merkanzija (ara s-sentenzi D. Wandel, EU:C:2001:69, punt 48, u Liberexim, EU:C:2002:433, punt 60).

32

Għaldaqstant, huwa biżżejjed sabiex ikun hemm tneħħija mis-sorveljanza doganali li l-merkanzija tkun ġiet oġġettivament imneħħija minn kontrolli eventwali, irrispettivament minn jekk dawn il-kontrolli effettivament twettqux mill-awtorità kompetenti (sentenza British American Tobacco, EU:C:2004:250, punt 55).

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta lill-ewwel domanda li l-Artikoli 50 u 203 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li merkanzija mqiegħda f’ħażna temporanja għandha titqies li hija tneħħiet mis-sorveljanza doganali jekk hija ddikjarata bħala li hija fi proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern, iżda ma ħallietx il-ħażna u ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni, filwaqt li d-dokumenti ta’ tranżitu ġew ippreżentati lil dan tal-aħħar.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’każ ta’ tneħħija tal-merkanzija mis-sorveljanza doganali, il-persuna li, bħala kunsinnatur awtorizzat, qiegħdet il-merkanzija fil-proċedura doganali ta’ tranżitu Komunitarju estern hija debitur skont din id-dispożizzjoni.

35

Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk, fil-mument tat-tneħħija tal-merkanzija inkwistjoni mis-sorveljanza doganali, din tal-aħħar tkun diġà tqiegħdet fil-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern, huwa d-detentur ta’ din il-proċedura li, peress li huwa l-prinċipal obbligat fis-sens tal-Artikolu 96(1) tal-Kodiċi Doganali, għandu jeżegwixxi l-obbligi li jirriżultaw mill-użu tal-imsemmija proċedura u li huwa responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 203(3) ta’ dan il-kodiċi, jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-ewwel tliet inċiżi ta’ dan il-paragrafu 3 ma japplikawx (sentenza Codirex Expeditie, EU:C:2013:429, punt 33).

36

Min-naħa l-oħra, jekk, fil-mument tal-imsemmija tneħħija, il-merkanzija tkun għadha ma tqiegħditx fil-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern, iżda tkun għadha fil-ħażna temporanja, il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali, jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-ewwel tliet inċiżi tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali ma japplikawx, hija l-persuna li, peress li hija responsabbli li teżegwixxi l-obbligi li jirriżultaw mill-ħażna temporanja, iżżomm din il-merkanzija, wara l-ħatt tagħha, sabiex tiżgura ċ-ċaqliq jew il-ħażna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, C‑140/04, EU:C:2005:556, punt 39, kif ukoll Codirex Expeditie, EU:C:2013:429, punt 34).

37

Issa, kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali daħlet fil-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern. B’hekk, huwa d-detentur ta’ din il-proċedura, jiġifieri SEK Zollagentur, li, fil-kwalità tagħha ta’ kunsinnatur awtorizzat, hija l-prinċipal obbligat fis-sens tal-Artikolu 96 tal-Kodiċi Doganali, huwa responsabbli għad-dejn doganali fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 203(3) ta’ dan il-kodiċi, jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-ewwel tliet inċiżi tal-paragrafu 3 ma’ japplikawx, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina dan.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’każ ta’ tneħħija tal-merkanzija mis-sorveljanza doganali, il-persuna li, bħala kunsinnatur awtorizzat, qiegħdet il-merkanzija fil-proċedura doganali ta’ tranżitu Komunitarju estern hija debitur skont din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 50 u 203 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li merkanzija mqiegħda f’ħażna temporanja għandha titqies li hija tneħħiet mis-sorveljanza doganali jekk hija ddikjarata bħala li hija fi proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern, iżda ma ħallietx il-ħażna u ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni, filwaqt li d-dokumenti ta’ tranżitu ġew ippreżentati lil dan tal-aħħar.

 

2)

Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 203(3) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 648/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’każ ta’ tneħħija tal-merkanzija mis-sorveljanza doganali, il-persuna li, bħala kunsinnatur awtorizzat, qiegħdet il-merkanzija fil-proċedura doganali ta’ tranżitu Komunitarju estern hija debitur skont din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq