EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0330

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ Ġunju 2014.
Lukoyl Neftohim Burgas AD vs Nachalnik na Mitnicheski punkt Pristanishte Burgas Tsentar pri Mitnitsa Burgas.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Burgas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Merkanzija deskritta bħala ‘żejt tqil, żejt lubrikanti jew żejt ieħor li għandu jgħaddi minn proċess speċifiku’– Intestaturi 2707 u 2710 — Kostitwenti aromatiċi u kostitwenti mhux aromatiċi — Relazzjoni bejn in-Nomenklatura Magħquda u s-Sistema Armonizzata.
Kawża C‑330/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:1757

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Merkanzija deskritta bħala ‘żejt tqil, żejt lubrikanti jew żejt ieħor li għandu jgħaddi minn proċess speċifiku’ — Intestaturi 2707 u 2710 — Kostitwenti aromatiċi u kostitwenti mhux aromatiċi — Relazzjoni bejn in-Nomenklatura Magħquda u s-Sistema Armonizzata”

Fil-Kawża C‑330/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Аdministrativen sad Burgas (il‑Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Lukoyl Neftohim Burgas AD

vs

Nachalnik na Mitnicheski punkt Pristanishte Burgas Tsentar pri Mitnitsa Burgas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, President tal-Awla, S. Rodin u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Lukoyl Neftohim Burgas AD, minn S. Andronov, konsulent,

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u J. Atanasov, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Mihaylova u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għad-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 2707 u 2710 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1006/2011, tas-27 ta’ Settembru 2011 (ĠU L 282, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Lukoyl Neftohim Burgas AD (iktar ’il quddime “Lukoyl”) u n-Nachalnik na Mitnicheski punkt Pristanishte Burgas Tsentar pri Mitnitsa Burgas (kap tal-uffiċċju doganali tal-port ċentrali ta’ Burgas, iktar ’il quddiem in-“Nachalnik”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija deskritta bħala “żejt tqil, żejt lubrikanti, żejt ieħor li għandu jgħaddi minn proċess speċifiku”.

Il-kuntest ġuridiku

Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni tal-merkanzija

3

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), konkluża fi Brussell, fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986 ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwani (ODD), imwaqqaf permezz tal-konvenzjoni li ħolqot l-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, japprova, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA msemmija fil-punt preċedenti, in-Noti ta’ Spjega u l-pariri ta’ klassifikazzjoni adottati mill-kumitat tas-SA.

5

Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 27 huma redatti kif ġej:

“[...]

Għandu jiġi nnotat li t-termini ‘kostitwenti aromatiċi’ li jinsabu fin-Nota 2 tal-Kapitolu 27 u fil-kliem tal-intestatura 2707 għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għal molekuli sħaħ li fihom parti aromatika, irrispettivament min-numru u mit-tul tal-ktajjen laterali, u mhux biss għall-partijiet aromatiċi ta’ dawn il-molekuli.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

In-Nota 2 tal-Kapitolu 27 tas-SA hija redatta f’dawn it-termini:

“Riferimenti fl-intestatura 2710 għal ‘żjut minerali (petroleum) u żjut miksubin minn minerali bituminużi’ jinkludu mhux biss żjut minerali (petroleum) u żjut miksubin minn minerali bituminużi iżda wkoll żjut simili, kif ukoll dawk li jikkonsistu l-iktar f’idrokarboni mħalltin mhux issaturati, miksubin b’kull proċess, sakemm il-piż tal-kostitwenti mhux aromatiċi jaqbeż dak tal-kostitwenti aromatiċi.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

In-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 2707 jipprovdu, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Din l-intestatura tkopri:

[...]

2)

Iż-żjut u prodotti oħra, bħal dawk preċedenti, li fihom il-piż tal-kostitwenti aromatiċi jaqbeż dak tal-kostitwenti mhux aromatiċi u li huma miksuba bid-distillazzjoni ta’ qatran tal-faħam ta’ temperatura baxxa jew ta’ qatran minerali ieħor, biċ-ċiklizzazzjoni taż-żjut minerali (petroleum), bit-tneħħija tal-benżina mill-gass tal-faħam jew bi kwalunkwe metodu ieħor.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

In-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 2710 jippreċiżaw fit-Titolu I(B):

“[...]

Din l-intestatura tinkludi:

[...]

B)

Iż-żjut, bħal dawk preċedenti, li fihom il-piż tal-kostitwenti mhux aromatiċi jaqbeż dak tal-kostitwenti aromatiċi, u li huma miksuba bid-distillazzjoni tal-faħam f’temperatura baxxa, bl-idroġenizzazzjoni jew b’kull metodu ieħor (cracking, riforma, etc.).

Hawnhekk, huma b’mod partikolari inklużi l-alkili mħallta indikati bħala tripropilene, tetrapropilene, diisobutilene triisobutylene, etc. Dawn jikkonsistu f’taħlitiet ta’ idrokarbonji aċikliċi mhux saturati (ottileni, nonileni, omologi tagħhom u l-iżomeri tagħhom, b’mod partikolari) u ta’ idrokarbonji aċikliċi saturati.

Dawn jinkisbu jew bil-polimerizzazzjoni (fi grad baxx ħafna) tal-prorilene, tal-isobutilene jew ta’ idrokarbonji etileniċi oħra, jew bis-separazzjoni (b’mod partikolari bid-distillazzjoni frazzjonali), minn ċerti prodotti li joriġinaw mill-cracking taż-żjut minerali.

[...]

Barra minn hekk, ma humiex inklużi f’din l-intestatura ż-żjut li fihom il-piż tal-kostitwenti aromatiċi jaqbeż dak tal-kostitwenti mhux aromatiċi, kemm jekk tali żjut huma miksuba permezz taċ-ċiklizzazzjoni taż-żjut minerali (petroleum) kif ukoll jekk dawn huma miksuba b’xi mod ieħor (Nru 2707).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

In-NM

9

Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-SA. Il-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 1006/2011.

10

L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. Taħt it-Titolu I, iddedikat għar-regoli ġenerali, it-Taqsima A tipprovdi regoli ġenerali għall-interpretazzjoni ta’ din in-NM, li skonthom issir il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-NM. Għalhekk, huwa b’mod partikolari previst li l-klassifikazzjoni għandha tiġi ddeterminata legalment skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli hija meqjusa bħala li għandha biss valur indikattiv.

11

Fit-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, il-Kapitolu 27 jikkonċerna l-“Karburanti minerali, żjut minerali u prodotti tad-distillazzjoni tagħhom, sustanzi bituminużi; xemgħat minerali”.

12

L-intestatura 2707 tan-NM, li tidher f’dan il-kapitolu, tipprovdi:

“2707

Żjut u prodotti oħrajn mid-distillazzjoni ta’ qatran tal-faħam f’temperatura għolja; prodotti simili li fihom il-piż tal-kostitwenti aromatiċi jaqbeż dak [tal-]kostitwenti mhux aromatiċi”.

13

L-intestatura 2710 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“2710

Żjut minerali (petroleum) u żjut miksubin minn minerali bituminużi, ħlief dawk mhux raffinati; preparazzjonijiet li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra, li fihom 70 % jew aktar tal-piż żjut minerali (petroleum) jew żjut miksubin minn minerali bituminużi, meta dawn iż-żjut ikunu il-kostitwenti bażiċi tal-preparazzjonijiet; żjut għar-rimi”.

14

In-Noti ta’ Spjega għan-NM, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (ĠU 2011, C 137, p. 1), dwar is-subintestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 tan-NM, intitolati “Oħrajn”, jipprevedu:

“Dawn is-subtitli jkopru prinċipalment prodotti li jikkonsistu f’taħlitiet ta’ idrokarbonji.

Dawn il-prodotti jinkludu:

1.

żjut tqal (ħlief mhux raffinati) miksubin mid-distillazzjoni ta’ qatran tal-faħam ta’ temperatura għolja jew prodotti simili għal dawk iż-żjut, sakemm:

(a)

inqas minn 65 % mill-volum jiddistilla sa 250 °Ċ bil-metodu ASTM D 86-67 (approvat mill-ġdid 1972); u

(b)

dawn għandhom densita’ li taqbeż [1.000 g/ċm kubiku] fi 15 °Ċ; u

(c)

dawn għandhom numru ta’ penetrazzjoni tal-labra ta’ 400 jew aktar f’25 oĊ bil-metodu ASTM D 5; u

(d)

dawn għandhom karatteristiċi ħlief dawk tal-prodotti ta’ titlu 2715 00 00.

Prodotti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati minn (a) sa (d) hawn fuq għandhom ikunu klassifikati skond il-karatteristiċi tagħhom, pereżempju, subtitli 2707 10 10 sa 2707 30 90, 2707 50 10, 2707 50 90, titlu 2708, subtitli 2710 19 31 sa 2710 19 99, 2713 20 00 jew titlu 2715 00 00;

[...]”

15

In-Noti ta’ Spjega għan-NM dwar l-intestatura 2707 jispeċifikaw:

“Rigward id-determinazzjoni tal-kontenut ta’ kostitwenti aromatiċi, ara n-Noti ta’ Spjega għal Nota 2 għal dan il-kapitlu”.

16

In-Nota 2 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-Noti ta’ Spjega għan-NM dwar il-Kapitolu 27 taqra kif ġej:

“Il-kontenut ta’ kostitwenti aromatiċi għandu jkun determinat bil-metodi li ġejjin:

prodotti b’punt ta’ tmiem ta’ distillazzjoni li ma jaqbiżx 315 °Ċ: metodu ASTM D 1319-70;

prodotti b’punt ta’ tmiem ta’ distillazzjoni li jaqbeż 315 °Ċ: ara Anness A għan-Noti ta’ Spjega għal dan il-kapitlu.”

17

L-Anness A tan-Noti ta’ Spjega għan-NM dwar mal-Kapitolu 27, intitolat “Metodu ta’ determinazzjoni tal-kontenut ta’ kostitwenti aromatiċi fi prodotti b’punt ta’ distillazzjoni tat-tmiem li jaqbeż 315 °Ċ”, huwa fformulat kif ġej:

“Prinċipju tal-metodu

Il-kampjun, imdewweb ġo pentan-n, jitħalla jgħaddi ġo kolonna tal-kromatografija speċjali b’ġell silika. L-idrokarbonji mhux aromatiċi, imneħħijin b’pentan-n, sussegwentement jinġabru u jkunu analizzati billi jkunu miżunin wara li s-solvent ikun evapora.

[...]

Metodu

[...]

Il-perċentwal ta’ idrokarbonji mhux aromatiċi mill-piż (A) huwa mgħoti bil-formula li ġejja:

Image

Fejn [P1] huwa l-piż tal-kampjun.

Id-differenza minn 100 hija l-perċentwal ta’ idrokarbonji aromatiċi assorbiti mill-ġell silika.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Permezz tad-dikjarazzjoni tad-dwana ssimplifikata tat-2 ta’ Mejju 2012, Lukoyl iddikjarat għat-tqegħid f’ċirkulazzjoni libera u għall-konsum finali merkanzija deskritta bħala “żjut tqal, żjut lubrikanti; żjut oħrajn li għandhom jgħaddu minn proċess speċifiku”. Il-merkanzija ġiet iddikjarata taħt l-intestatura 2710 19 71 tan-NM.

19

Id-dikjarazzjoni tad-dwana tindika prezz ta’ 24269509 Dollaru Amerikan (USD). Fl-10 ta’ Mejju 2012, Lukoyl ħallset 7 250 758.54 Lev (BGN) bħala taxxa fuq il-valur miżjud, filwaqt li ebda somma ma kienet dovuta, skontha, għad-dazji doganali u tas-sisa.

20

Sussegwentement, l-awtoritajiet doganali kompetenti wettqu stħarriġ dokumentarju tal-merkanzija inkwistjoni, tad-dokumenti li jiġu mal-istess merkanzija u tad-dikjarazzjoni. Huma kkonstataw li ċ-ċertifikati u d-dokumenti ppreżentati ma ppermettewx li ssir klassifikazzjoni tariffarja ta’ din il-merkanzija u għalhekk ħadu kampjuni minnha sabiex jiddeterminaw il-kodiċi applikabbli tan-NM.

21

Il-kampjuni ġew analizzati mil-laboratorju tad-dwana ta’ Ruse (il‑Bulgarija) li l-evalwazzjoni tiegħu kkonkludiet li l-merkanzija analizzata hija żejt u tirrappreżenta b’mod iktar preċiż żejt minerali tal-petroleum iddistillat direttament, li għandu fih taħlita ta’ idrokarbonji li fiha l-piż tal-kostitwenti aromatiċi jaqbeż dak tal-kostitwenti mhux aromatiċi. Dan iż-żejt ma huwiex ikkostitwit minn benżina, minn toluwina, minn ksilini, minn naftalina, minn taħlitiet oħra ta’ idrokarbonji aromatiċi, minn żjut tal-kreożot jew mhux raffinati u lanqas minn uċuh bil-kubrit, minn prodotti bażiċi, mill-antraċene jew mill-fenoli. L-analiżi twettqet skont il-metodu indikat fl-Anness A tan-Noti ta’ Spjega għan-NM dwar il-Kapitolu 27 (iktar ’il quddiem il-“metodu tal-Anness A”).

22

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Settembru 2012, id-deputat direttur tal-aġenzija tad-dwana ta’ Sofija (il-Bulgarija) informa lin-Nachalnik li, fid-dawl tal-konklużjoni tal-laboratorju tad-dwana ta’ Ruse u kif ukoll tal-punti 1 u 6 tar-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni tan-NM, tal-kliem tal-intestatura 2707 tan-NM u tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar din l-intestatura, il-merkanzija inkwistjoni kellha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 2707 99 99 tan-NM.

23

Konsegwentement, in-Nachalnik adotta, fis-26 ta’ Ottubru 2012, deċiżjoni li tobbliga lil Lukoyl, minn naħa, li tirrettifika l-intestatura tariffarja billi tikklassifika l-merkanzija inkwistjoni taħt l-intestatura 2707 99 99 tan-NM, li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazju doganali ta’ 1.7 %, u, min-naħa l-oħra, li tħallas lill-Istat debitu doganali ta’ BGN 616 314.48, b’żieda ta’ BGN 123 262.90 ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

24

Lukoyl ressqet azzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Burgas.

25

Din il-qorti ordnat evalwazzjoni ġudizzjarja kimika li l-konklużjonijiet tagħha essenzjalment ikkonfermaw il-konklużjoni tal-evalwazzjoni tal-laboratorju tad-dwana ta’ Ruse. Madankollu, l-espert qies li l-metodu tal-Anness A, użat mil-laboratorju tad-dwana ta’ Ruse, ma huwiex xieraq sabiex jiddetermina l-proporzjon, bħala piż, tal-komponenti aromatiċi meta mqabbla mal-komponenti mhux aromatiċi fi prodotti bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

26

F’dan il-kuntest, l-Administrativen sad Burgas iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-metodu ta’ determinazzjoni [tal-kontenut] tal-komponenti [kostitwenti] aromatiċi fis-sustanzi msemmija fil-Kapitolu 27 tan-NM, indikat fl-Anness А tan-noti ta’ spjega relatati mal-Kapitolu 27 tan-NM, imur kontra d-definizzjoni tal-komponenti aromatiċi mogħtija fil-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Kapitolu 27 tas-SA? Jekk ikun hemm tali kontradizzjoni, kif għandhom jiġu ddefiniti dawn il-komponenti u l-Metodu ASTM B 2007 [...] huwa xieraq u ammissibbli?

2)

Liema tifsira għandha tingħata lill-kliem ‘komponenti mhux aromatiċi’, użati fin-noti ta’ spjega relatati mal-Kapitolu 27 tas-SA, kif ukoll fin-nota Nru 2 relatata mal-Kapitolu 27 tas-SA? Din it-tifsira tikkoinċidi ma’ dik tal-kliem ‘idrokarburi mhux aromatiċi’ jew hija usa? Jekk it-tifsira hija usa minn din tal-aħħar, din għalhekk tinkludi f’termini ta’ piż il-komponenti kollha mhux inklużi fil-kunċett ta’ ‘komponenti aromatiċi’, jew jeżistu elementi ta’ sustanza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li f’termini ta’ piż la jaqgħu fil-kategorija ta’ ‘komponenti aromatiċi’ u lanqas f’dik ta’ ‘komponenti mhux aromatiċi’?

3)

Huwa ammissibbli li jiġi applikat l-istess metodu sabiex jiġu ddeterminati kemm il-komponenti aromatiċi kif ukoll il-komponenti mhux aromatiċi, fis-sens tal-Kapitolu 27 tan-NM u tas-SA, u jekk iva, liema huwa dan il-metodu? Jekk dan ma jkunx permess, liema huwa l-metodu applikabbli għad-determinazzjoni tal-komponenti aromatiċi u mhux aromatiċi?

4)

Liema miż-żewġ intestaturi, 2707 jew 2710, tal-Kapitolu 27 tan-NM tiddeskrivi bl-iktar mod speċifiku prodott b’karatteristiċi tali bħal dawk tas-sustanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali?

5)

Fil-każ li ż-żewġ intestaturi ċċitati iktar ’il fuq jiddeskrivi t-tnejn li huma prodott b’karatteristiċi bħal dawk tas-sustanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prevalenza f’termini ta’ piż tal-komponenti aromatiċi tikkostitwixxu l-komponent li jagħtihom il-karattru prinċipali tagħhom?

6)

Liema miż-żewġ intestaturi, 2707 jew 2710, tirrigwarda l-prodotti l-iktar simili għal dak li jippreżenta karatteristiċi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali?

7)

Hemm kontradizzjoni bejn parti min-noti ta’ spjega tan-NM relatati mal-intestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 u n-nota 2 tal-Kapitolu 27 tas-SA, jew din ma hijiex eżawrjenti, iżda biss ta’ natura indikattiva?

Skont in-noti ta’ spjega tan-NM relatati mal-intestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99, ‘meta żjut tqal (ħlief dawk mhux raffinati) miksuba mid-distillazzjoni ta’ qatran tal-faħam f’temperatura għolja jew prodotti simili għal dawk iż-żjut’ ma jissodisfawx l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi indikati fin-noti ta’ spjega tan-NM relatati mal-intestaturi ċċitati iktar ’il fuq, iż-żjut huma kklassifikati skont il-karatteristiċi tagħhom taħt l-intestaturi ‘2710 19 31 sa 2710 19 99’.

Skont in-nota 2 tal-Kapitolu 27 tas-SA, il-kliem ‘żjut minerali (petroleum) u żjut miksuba minn minerali bituminużi’ użati fl-ifformular tal-intestatura 2710, japplikaw mhux biss għaż-żjut minerali (petroleum) u żjut miksubin minn minerali bituminużi, iżda wkoll żjut simili, kif ukoll dawk li prinċipalment jikkonsistu f’idrokarboni mħalltin mhux saturati li fihom il-komponenti mhux aromatiċi predominanti [jippredominaw] f’termini ta’ piż meta mqabbla mal-komponenti aromatiċi, irrispettivament mill-proċess ta’ produzzjoni.

8)

Hemm kontradizzjoni bejn in-noti ta’ spjega tan-NM relatati mal-intestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 [...] u n-noti ta’ spjega tal-intestatura 2710 tas-SA, Titolu I(B), li jirreferu għalihom in-noti ta’ spjega tal-Kapitolu 27 tan-NM [...]?

9)

Liema huwa t-test awtentiku u liema hija t-tifsira awtentika tat-tieni sentenza tan-noti ta’ spjega tan-NM relatata mal-intestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99, li bil-Bulgaru huwa fformulat ‘Между тези продукти могат да се упоменат’ [dawn il-prodotti jistgħu jinkludu], u bl-Ingliż “these products are”?

10)

X’inhi l-klassifikazzjoni xierqa ta’ prodott b’karatteristiċi bħal dawk tas-sustanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha l-komponenti aromatiċi predominanti f’termini ta’ piż meta mqabbla mal-komponenti mhux aromatiċi, li iżda ma tissodisfax l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-punt 1 tan-noti ta’ spjega relatati mas-subintestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 tan-NM?”

Fuq id-domandi preliminari

27

Preliminarjament, għandu, minn naħa, jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, l-irwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar minħabba li hija ma jkollhiex neċessarjament għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Minħabba f’hekk, jidher li l-qorti nazzjonali tinsab, fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel dan (sentenzi Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, EU:C:2002:637, punt 26; Lecson Elektromobile, C-12/10, EU:C:2010:823, punt 15, kif ukoll Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 61).

28

Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tikklassifika l-prodotti inkwistjoni fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li hija għamlitilha.

29

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lil qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid, jekk meħtieġ, id-domandi mressqa quddiemha (sentenzi Krüger, C‑334/95, EU:C:1997:378, punti 22 u 23, kif ukoll Byankov, C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 57).

30

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bl-għaxar domandi tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi, fir-realtà, dwar l-interpretazzjoni tal-intestaturi 2707 u 2710 tan-NM għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott b’karatteristiċi bħal dawk tal-prodott inkwistjoni, deskritt bħala “żejt tqil, żejt lubrikanti, żejt ieħor li għandu jgħaddi minn proċess speċifiku”.

31

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali, dawn id-domandi għandhom jiġi fformulati u kklassifikati mill-ġdid b’mod li t-tieni domanda tiġi eżaminata wara r-raba’ sas-sitt domandi, imbagħad jiġu ttrattati l-ewwel u t-tielet domandi, segwiti mis-seba’ sal-għaxar domandi.

Fuq ir-raba ’ sas-sitt domandi

32

Permezz tar-raba’ sas-sitt domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar liema kriterju jiddetermina jekk prodott b’karatteristiċi bħal dawk tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2707 jew taħt l-intestatura 2710 tan-NM.

33

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa importanti, minn naħa, li jiġi enfasizzat li r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprovdu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-kliem tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli huma kkunsidrati li għandhom biss valur indikattiv.

34

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu, ġeneralment, jitfittex fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Peacock, C‑339/98, EU:C:2000:573, punt 9; Intermodal Transports, C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 47; Kamino International Logistics, C‑376/07, EU:C:2009:105, punt 31, kif ukoll British Sky Broadcasting Group u Pace, C‑288/09 u C‑289/09, EU:C:2011:248, punt 60).

35

Fir-rigward tan-Noti ta’ Spjega tas-SA, għandu jingħad ukoll li, minkejja l-assenza ta’ forza vinkolanti tagħhom, dawn jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-Tariffa Doganali Komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (sentenzi Kloosterboer Services, C‑173/08, EU:C:2009:382, punt 25, u Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 28). L-istess jingħad għan-Noti ta’ Spjega għan-NM (ara s-sentenzi Develop Dr. Eisbein, C‑35/93, EU:C:1994:252, punt 21, kif ukoll British Sky Broadcasting Group u Pace, EU:C:2011:248, punt 92).

36

F’dan il-każ, mill-kliem tal-intestatura 2707 tan-NM jirriżulta li din l-intestatura tinkludi iż-“[ż]jut u prodotti oħrajn [...]; prodotti simili li fihom il-piż tal-kostitwenti aromatiċi jaqbeż dak [tal-]kostitwenti mhux aromatiċi”.

37

Barra minn hekk, in-Nota 2 tal-Kapitolu 27 tan-NM tispeċifika, f’termini identiċi għal dawk tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 2710, li t-termini “[ż]jut minerali (petroleum) u żjut miksubin minn minerali bituminużi” użati fil-kliem tal-intestatura 2710 japplikaw ukoll għaż-żjut “li jikkonsistu l-aktar f’idrokarboni mħalltin mhux issaturati [...] sakemm il-piż tal-kostitwenti mhux aromatiċi jaqbeż dak tal-kostitwenti aromatiċi”[traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn l-istess noti jżidu li huma esklużi mill-intestatura 2710 “iż-żjut li fihom il-piż tal-kostitwenti aromatiċi jaqbeż dak [tal-]kostitwenti mhux aromatiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

38

Konsegwentement, kif ġustament isostnu l-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni Ewropea, jidher mill-intestaturi 2707 u 2710 tan-NM, interpretati fid-dawl tan-Nota 2 tal-Kapitolu 27 tan-NM u tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 2710, li l-kriterju determinanti li jippermetti li prodott jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2707 tan-NM huwa l-prevalenza tal-piż tal-kostitwenti aromatiċi. B’mod kuntrarju, il-kriterju determinanti fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-pożizzjoni 2710 tan-NM huwa l-prevalenza tal-piż tal-kostitwenti mhux aromatiċi.

39

Għaldaqstant, għar-raba’ sas-sitt domandi għandha tingħata r-risposta li l-kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex prodott bil-karatteristiċi bħal dawk tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2707 jew taħt l-intestatura 2710 tan-NM huwa l-kontenut bħala piż tal-kostitwenti aromatiċi b’paragun mal-kostitwenti mhux aromatiċi.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tifsira tat-termini “kostitwenti aromatiċi” li jinsabu fil-Kapitolu 27 tan-NM kif ukoll fin-Noti ta’ Spjega għan-NM u tas-SA relatati hijiex identika għal dik tat-termini “idrokarbonji aromatiċi”.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk in-NM ma tiddefinixxix it-termini “kostitwenti aromatiċi”, ir-risposta għal din id-domanda tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-kliem tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 27 tan-NM u tan-Noti ta’ Spjega għan-NM u tas-SA relatati.

42

Fil-fatt, il-kliem tal-intestatura 2707 tan-NM jistipula li din l-intestatura tinkludi l-prodotti “li fihom il-piż tal-kostitwenti aromatiċi jaqbeż dak [tal-]kostitwenti mhux aromatiċi”. Jirriżulta mill-kliem tas-subintestaturi 2707 10 sa 2707 99 tan-NM li, fost dawn il-prodotti, hemm b’mod partikolari l-benżina, it-toluwina, il-ksilini, in-naftalina, taħlitiet idrokarbonji aromatiċi oħrajn, żjut krijożoti jew żjut mhux raffinati.

43

Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-termini użati fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tat-titolu tas-subintestatura 2707 50 tan-NM, u b’mod partikolari fil-verżjonijiet Bulgara (“Drugi smesi na aromatni vuglevodorodi”), Spanjola (“Las demás mezclas de hidrocarburos aromáticos”), Ġermaniża (“andere Mischungen aromatischer Kohlenwasserstoffe”), Ingliża (“Other aromatic hydrocarbon mixtures”), Franċiża (“autres mélanges d’hydrocarbures aromatiques”) u Taljana (“altre miscele d’idrocarburi aromatici”), in-NM tagħmel, kif il-Gvern Bulgaru ġustament jirrileva, distinzjoni bejn it-termini “kostitwenti aromatiċi” u t-termini “idrokarbonji aromatiċi”.

44

Għandu jiġi kkonstatat li l-istess distinzjoni toħroġ minn Noti ta’ Spjega għan-NM dwar is-subintestaturi 2707 99 11 u 2707 99 19 tagħha, li jistipulaw li jaqgħu taħt dawn is-subintestaturi “prodotti simili li fihom il-piż tal-kostitwenti aromatiċi jaqbeż dak [tal-]kostitwenti mhux aromatiċi” u li jispeċifikaw li dawn il-prodotti “jista’ jkollhom [...] proporzjoni iżgħar ta’ idrokarbonji aromatiċi polinukleari”. Bl-istess mod, in-Noti ta’ Spjega għan-NM dwar l-intestatura 2707 99 30 tagħha jistipulaw li “[g]ħall-għanijiet ta’ dan is-subtitlu, ‘uċuħ bil-kubrit’ tfisser biss dawk il-prodotti [...] li fihom komposti tal-kubrit [...] u idrokarbonji bi predominanza ta’ idrokarbonji mhux aromatiċi”.

45

Din id-distinzjoni tinsab ukoll fin-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 2707, li jispeċifikaw li din l-intestatura tkopri “żjut u prodotti oħra [...] ikkostitwiti essenzjalment minn taħlitiet ta’ idrokarbonji aromatiċi u komposti aromatiċi oħra”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet jiddistingwi b’mod ċar bejn it-termini “kostitwenti aromatiċi” u t-termini “idrokarbonji aromatiċi” u li, għalhekk, it-termini “kostitwenti aromatiċi” għandhom jiġu interpretati li huma usa’ mit-termini “idrokarbonji aromatiċi”.

47

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 27 li jistipulaw li “it-termini ‘kostitwenti aromatiċi’ li jinsabu fin-Nota 2 tal-Kapitolu 27 u fil-kliem tal-intestatura 2707 għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għal molekuli sħaħ li fihom parti aromatika, irrispettivament min-numru u mit-tul tal-ktajjen laterali, u mhux biss għall-partijiet aromatiċi ta’ dawn il-molekuli”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, għat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li t-termini “kostitwenti aromatiċi” li jinsabu fil-Kapitolu 27 tan-NM għandhom jiġu interpretati bħala li huma usa’ mit-termini “idrokarbonji aromatiċi”.

Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

49

Permezz tal-ewwel u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar kif għandu jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ kostitwenti aromatiċi fi prodott partikolari sabiex dan jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2707 jew taħt l-intestatura 2710 tan-NM.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li n-Nota 2 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-Noti ta’ Spjega għan-NM dwar l-imsemmi Kapitolu 27 tipprevedi li l-metodu tal-Anness A għandu jiġi applikat għall-prodotti li l-punt finali tad-distillazzjoni tagħhom ikun ogħla minn 315-il grad Celsius.

51

Madankollu, kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, in-Noti ta’ Spjega għan-NM ma għandhomx saħħa vinkolanti fid-dritt (ara s-sentenzi Develop Dr. Eisbein, EU:C:1994:252, punt 21, u British Sky Broadcasting Group u Pace, EU:C:2011:248, punt 92). Konsegwentement, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-metodu tal-Anness A ma għandux jitqies li huwa l-uniku metodu applikabbli sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ kostitwenti aromatiċi fi prodott partikolari.

52

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun jidher li n-Noti ta’ Spjega għan-NM ikunu jmorru kontra l-kliem tal-intestaturi tan-NM u tan-noti tat-taqsima u tal-kapitolu, dawn għandhom jiġu injorati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sunshine Deutschland Handelsgesellschaft, C‑229/06, EU:C:2007:239, punt 31; JVC France, C‑312/07, EU:C:2008:324, punt 34, u Kamino International Logistics, EU:C:2009:105, punti 49 u 50).

53

Minn dan isegwi li, meta l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jew operatur ekonomiku jkunu kkonfrontati b’każ li fih l-applikazzjoni tan-Noti ta’ Spjega għan-NM twassal għal riżultat inkompatibbli man-NM, dawn għandu jkollhom il-possibbiltà li jressqu azzjoni quddiem l-awtorità kompetenti.

54

Konsegwentement, kif il-Kummissjoni tirrimarka, jekk l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jew operatur ekonomiku jqisu li l-metodu tal-Anness A ma jwassalx għal riżultat konformi man-NM, huma jistgħu jressqu azzjoni quddiem l-awtorità kompetenti.

55

Għalhekk, huwa l-kompitu tal-qorti adita li tiddeċiedi liema huwa l-metodu l-iktar xieraq sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ kostitwenti aromatiċi fil-prodott inkwistjoni.

56

Għalhekk, għall-ewwel u għat-tielet domandi għandha tingħata r-risposta li, bħala regola ġenerali, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu liema huwa l-metodu l-iktar xieraq sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ kostitwenti aromatiċi fi prodott partikolari sabiex dan jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2707 jew taħt l-intestatura 2710 tan-NM.

Fuq is-seba ’ sal-għaxar domandi

57

Permezz tas-seba’ sal-għaxar domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandu jiġi interpretat il-punt 1 tan-Noti ta’ Spjega għan-NM dwar is-subintestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 tan-NM.

58

F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li, b’mod kuntrarju għal dak li l-qorti tar-rinviju tissottometti, il-verżjoni bl-Ingliż tal-kliem tat-tieni paragrafu tan-Noti ta’ Spjega għan-NM dwar is-subintestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 tan-NM tipprovdi “these products include” u mhux “these products are”.

59

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jitqiesu kemm il-kliem u l-għan tagħha kif ukoll il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi TNT Express Nederland, C-533/08, EU:C:2010:243, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Brain Products, C‑219/11, EU:C:2012:742, punt 13 u l-ġurispudenza ċċitata).

60

Barra minn hekk, in-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi tar-regolamenti tal-Unjoni teskludi li, f’każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jiġi kkunsidrat waħdu u teżiġi, għall-kuntrarju, li dan jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eschig, C‑199/538, EU:C:2009:538, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan il-każ, mit-tqabbil tal-verżjonijiet lingwistiċi tat-tieni paragrafu tan-Noti ta’ Spejga għan-NM dwar is-subintestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 tan-NM jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha l-istess sens kemm fil-verżjonijiet Bulgara (“mezdu tezi produkti mogat da se upomenat”) u Ingliża (“these products include”), kif ukoll fil-verżjonijiet Spanjola (“Entre esos productos se pueden citar”), Ġermaniża (“Von diesen Erzeugnissen sind z. B. zu nennen”), Franċiża (“Parmi ces produits, on peut citer”) u Taljana (“Fra questi prodotti si possono citare”), u li, għalhekk, din għandha tinftiehem li hija ta’ natura mhux eżawrjenti.

62

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bil-kliem tal-aħħar paragrafu tal-punt 1 tan-Noti ta’ Spjega għan-NM dwar is-subintestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 tagħha. Fil-fatt, l-użu tat-termini “pereżempju”, f’dan il-paragrafu, juri b’mod espliċitu li l-lista ta’ intestaturi u ta’ subintestaturi tan-NM li din tinkludi, li taħthom jistgħu jiġu kklassifikati l-prodotti bi prevalenza fil-piż ta’ kostitwenti aromatiċi u li jaqgħu għalhekk taħt l-intestatura 2707 tan-NM iżda li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 1(a) sa (d) ta’ dawn in-noti, ma hijiex eżawrjenti.

63

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, peress li n-Noti ta’ Spjega għan-NM għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-interpretazzjoni tan-NM għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod li jiżguraw l-effett utli tas-subintestaturi tan-NM.

64

Issa, jekk il-punt 1 tan-Noti ta’ Spjega għan-NM dwar is-subintestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 tagħha kellu jiġi interpretat fis-sens li l-lista li tinsab fl-aħħar paragrafu hija eżawrjenti, dawn in-noti ta’ spjega jkunu kuntrarji għal dan l-għan, u dan ikollu l-effett li prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih il-kostitwenti aromatiċi huma prevalenti fil-piż b’paragun mal-kostitwenti mhux aromatiċi, u li għalhekk jaqa’ taħt l-intestatura 2707 tan-NM, ma jkun jista’ jiġi kklassifikat taħt l-ebda waħda mis-subintestaturi ta’ din l-intestatura.

65

Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni ġustament enfasizzat, l-interpretazzjoni li skontha jaqgħu taħt is-subintestatura 2707 99 99 tan-NM il-prodotti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2707 tan-NM, iżda li ma jaqgħu taħt l-ebda subintestatura oħra tagħha hija kkorroborata mill-fatt li s-subintestatura 2707 99 99 tan-NM għandha t-titolu “Oħrajn” u mill-fatt li din is-subintestatura hija l-aħħar waħda tal-intestatura 2707.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għas-seba’ sal-għaxar domandi għandha tingħata r-risposta li l-punt 1 tan-Noti ta’ Spjega tan-NM dwar is-subintestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 tagħha għandu jiġi interpretat bħala li ma huwiex eżawrjenti, b’mod li prodott li jaqa’ taħt l-intestatura 2707 tan-NM, iżda li ma jistax jiġi kklassifikat taħt subintestatura speċifika għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 2707 99 99 tan-NM.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex prodott bil-karatteristiċi bħal dawk tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2707 jew taħt l-intestatura 2710 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, tat-23 Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l‑istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1006/2011, tat-27 Settembru 2011, huwa l-kontenut bħala piż tal-kostitwenti aromatiċi b’paragun mal-kostitwenti mhux aromatiċi.

 

2)

It-termini “kostitwenti aromatiċi” li jinsabu fil-Kapitolu 27 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 1006/2011, għandhom jiġu interpretati bħala li huma usa’ mit-termini “idrokarbonji aromatiċi”.

 

3)

Bħala regola ġenerali, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu liema huwa l-metodu l-iktar xieraq sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ kostitwenti aromatiċi fi prodott partikolari sabiex dan jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2707 jew taħt l-intestatura 2710 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 1006/2011.

 

4)

Il-punt 1 tan-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 1006/2011, dwar is-subintestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 ta’ din in-nomenklatura magħquda għandu jiġi interpretat bħala li ma huwiex eżawrjenti b’mod li prodott li jaqa’ taħt l-intestatura 2707 tal-imsemmija nomenklatura magħquda, iżda li ma jistax jiġi kklassifikat taħt subintestatura speċifika għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 2707 99 99 ta’ din l-istess nomenklatura maqgħuda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Fuq