EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0118

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Ġunju 2014.
Gülay Bollacke vs K + K Klaas & Kock B. V. & Co. KG.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesarbeitsgericht Hamm.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2003/88/KE — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Leave annwali mħallas — Kumpens finanzjarju fil-każ ta’ mewt.
Kawża C‑118/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:1755

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2003/88/KE — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Leave annwali mħallas — Kumpens finanzjarju fil-każ ta’ mewt”

Fil-Kawża C‑118/13,

li għandha bħal suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Landesarbeitsgericht Hamm (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Gülay Bollacke

vs

K + K Klaas & Kock B.V. & Co. KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits (Relatur), M. Berger, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K + K Klaas & Kock B.V. & Co. KG, minn M. Scheier, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér kif ukoll minn K. Szíjjártó u K. Molnár, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn E. Dixon, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u F. Schatz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Bollacke u l-persuna li timpjega preċedenti tar-raġel tagħha li miet, K + K Klaas & Kock B.V. & Co. KG (iktar ’il quddiem “K + K”), dwar id-dritt tal-persuna kkonċernata li tirċievi kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas mhux meħud minn J. Bollacke fid-data tal-mewt tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2033/88, intitolat “Leave annwali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistgħax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

4

L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet l-aktar favorevoli”, jgħid:

“Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.”

5

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tagħha. Madankollu, ma hija permessa ebda deroga fir-rigward tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

Id-dritt Ġermaniż

6

L-Artikolu 7(4) tal-liġi Federali dwar il-leave (Bundesurlaubsgesetz), tat-8 ta’ Jannar 1963 (BGBl. 1963, p. 2), fil-verżjoni tagħha tas-7 ta’ Mejju 2002 (BGBl. I, p. 1529), jipprevedi:

“Jekk, minħabba t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-leave ma jistax jingħata totalment jew parzjalment, ikun hemm lok li jingħata kumpens.”

7

Skont l-Artikolu 1922(1) tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch), l-universalità tal-assi ta’ persuna (suċċessjoni) hija trasmessa, fil-mewt ta’ dan tal-aħħar (apertura tas-suċċessjoni), lil persuna waħda jew lil iktar persuni (eredi).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

G. Bollacke hija l-unika aventi kawża tal-mejjet żewġha, impjegat ma’ K + K bejn l-1 ta’ Awwissu 1998 u d-19 ta’ Novembru 2010, id-data tal-mewt tiegħu.

9

Mis-sena 2009, J. Bollacke kien ibati minn marda serja. Matul dik is-sena, kien fi stat ta’ inkapaċità għax-xogħol għal iktar minn tmien xhur. Huwa reġa kien f’dan l-istat mill-11 ta’ Ottubru 2010 sad-data tal-mewt tiegħu.

10

Huwa paċifiku li J. Bollacke kellu, fid-data tal-mewt tiegħu, dritt għall-minimu ta’ 140.5 jiem ta’ leave annwali mhux meħud.

11

B’ittra tal-31 ta’ Jannar 2011, G. Bollacke talbet mingħand kumpens finanzjarju mingħand K + K għal dawn il-jiem ta’ leave mhux meħuda. K + K ċaħdet din it-talba minħabba li hija kellha dubju li hemm dritt li kien trasmess b’suċċessjoni.

12

Il-qorti tal-ewwel istanza, adita minn din l-istess talba minn G. Bollacke, ċaħditha wkoll, peress li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesarbeitsgericht, dritt għal kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg ma jinħoloqx meta din ir-relazzjoni tintemm wara l-mewt tal-ħaddiem. Peress li din id-deċiżjoni ġiet appellata, il-qorti tar-rinviju ssaqsi dwar il-fondatezza ta’ din il-ġurisprudenza nazzjonali fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesarbeitsgericht Hamm iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li minnhom jirriżulta li d-dritt għal minimu ta’ leave annwali mħallas jintemm kollu mal-mewt tal-ħaddiem, jiġifieri mhux biss id-dritt għal eżenzjoni mill-obbligu ta’ xogħol (li ma jkunx għadu jista’ jiġi eżegwit), iżda wkoll id-dritt għall-ħlas tal-leave?

2)

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li mat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol [impjieg], id-dritt għal allowance kumpensatorja fir-rigward tal-minimu ta’ leave annwali mħallas huwa marbut mal-persuna tal-ħaddiem b’tali mod li dan tal-aħħar jista’ jinvoka dan id-dritt biss sabiex ikun jista’ jwettaq, anki f’data sussegwenti, l-għanijiet ta’ mistrieħ u ta’ ħin liberu marbuta mal-għoti tal-leave annwali mħallas?

3)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, il-persuna li timpjega hija obbligata, fid-dawl tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, li tagħti effettivament il-leave lill-ħaddiem sal-aħħar tas-sena kalendarja jew sa mhux iktar tard mill-iskadenza tal-perijodu għall-posponiment tal-leave previst mill-kuntratt ta’ xogħol, irrispettivament minn jekk il-ħaddiem ikunx ippreżenta applikazzjoni għal-leave jew le?”

Fuq id-domandi preliminari

14

Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattiki nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali mħallas jispiċċa mingħajr id-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave mhux meħud, meta r-relazzjoni ta’ impjieg tintemm minħabba l-mewt tal-ħaddiem u, fl-affermattiv, jekk il-bnefiċċju ta’ tali kumpens jiddependix fuq talba minn qabel mill-persuna kkonċernata.

15

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu jitqies li huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari, li minnu ma tistax issir deroga u li l-implementazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha ssir biss fil-limiti espressament stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), liema direttiva ġiet ikkodifikata bid-Direttiva 2003/88 (ara s-sentenzi Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 22 ; KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 23, kif ukoll Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 16).

16

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma huwiex fost id-dispożizzjonijiet li espressament jippermettu deroga (ara s-sentenza Schultz-Hoff et, EU:C:2009:18, punt 24), u, min-naħa l-oħra, li din id-direttiva tittratta d-dritt għal-leave annwali u li jinkiseb ħlas f’dan ir-rigward bħala li jikkostitwixxu żewġ aspetti ta’ dritt wieħed.

17

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diġà li meta r-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata u li, it-teħid effettiv tal-leave annwali mħallas ma huwiex iktar possibbli, sabiex jiġi evitat li, minħabba din l-impossibbiltà, kull tgawdija mill-ħaddiem ta’ dan id-dritt, anki taħt forma ta’ flus, tkun eskluża, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/08 jipprevedi li l-ħaddiem għandu dritt għal pagament ta’ kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schultz-Hoff et, EU:C:2009:18, punt 56, u Neidel, C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 29).

18

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li, mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, ebda kumpens ta’ leave annwali mħallas mhux meħud ma jitħallas lill-ħaddiem li kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew perijodu għall-ġarr tal-leave kollu jew parti minnu, raġuni li għaliha huwa ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas (sentenza Schultz-Hoff et, EU:C:2009:18, punt 62).

19

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġusrisprudenza li għandu għandu jiġi eżaminat jekk, fil-każ li l-każ fejn l-okkorrenza li tterminat ir-relazzjoni ta’ impjieg hija l-mewt tal-ħaddiem, tali okkorrenza tistax tkun ta’ ostakolu sabiex id-dritt għal-leave annwali mħallas jinbidel fi dritt għal kumpens finanzjarju.

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan id-dritt għal-leave annwali jikkostitwixxi biss wieħed miż-żewġ aspetti ta’ prinċipju essenzjali tad-dritt soċjali tal-Unjoni u li dan tal-aħħar ifisser ukoll id-dritt għall-għoti ta’ ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schultz-Hoff et, EU:C:2009:18, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Fil-fatt, l-espressjoni “leave annwali bil-ħlas”, użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, tfisser li, tul il-perijodu ta’ leave annwali fis-sens ta’ din id-direttiva, ir-remunerazzjoni tal-ħaddiem għandha tibqa’ titħallas. Fi kliem ieħor, dan il-ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni normali għal dan il-perijodu ta’ serħan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 50; Schultz-Hoff et, EU:C:2009:18, punt 58, kif ukoll Lock, C‑539/12, EU:C:2014:351, punt 16).

22

Sabiex jiġi żgurat ir-rispett għal dan id-dritt fundamentali tal-ħaddiem stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, b’detriment għad-drittijiet li l-ħaddiem jikseb minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Heimann u Toltschin, C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet Brandes, C‑415/12, EU:C:2013:398, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat, kif sostna l-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistabbilixxi l-ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dak relatat mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg itterminat u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni tterminat.

24

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-benefiċċju ta’ kumpens pekunjarju fil-każ fejn ir-relazzjoni ta’ impjieg itterminat minħabba l-mewt tal-ħaddiem huwa essenzjali sabiex jiżgura l-effettività tad-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti lill-ħaddiem skont id-Direttiva 2003/88.

25

Fil-fatt, jekk l-obbligu li jitħallas il-leave annwali jintemm mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg minħabba l-mewt tal-ħaddiem, din iċ-ċirkustanza jkollha l-konsegwenza li okkorrenza aċċidentali, li hija lil hinn mill-kontroll kemm tal-ħaddiem kif ukoll tal-persuna li timpjega, twassal retroattivament għat-telf totali tad-dritt għal-leave annwali mħallas stess, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.

26

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/88 ma tistax għaldaqstant tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmi dritt jista’ jispiċċa minħabba l-mewt tal-ħaddiem.

27

Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jimponi ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ieħor għajr dak li jirriżulta mill-fatt li l-relazzjoni ta’ impjieg itterminat, għandu jiġi kkunsidrat li l-benefiċċju ta’ tali kumpens ma għandux jiġi suġġett għall-eżistenza ta’ talba minn qabel għal dan il-għan.

28

Fil-fatt, minn naħa, dan id-dritt jingħata direttament mill-imsemmija direttiva mingħajr ma l-ħaddiem ikkonċernat irid jintervjeni f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, dan id-dritt ma jistax jiddependi fuq kundizzjonijiet oħra minbarra dawk li huma espliċitament previsti fiha, hekk li l-fatt li l-ħaddiem ma talabx minn qabel il-benefiċċju ta’ kumpens finanzjarju skont l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva huwa kompletament irrilevanti.

29

Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-mewt tal-ħaddiem li jittermina r-relazzjoni ta’ impjieg jiddispensa lill-persuna li timpjega tal-ħaddiem mejjet mill-ħlas tal-kumpens finanzjarju li għalih dan il-ħaddiem normalment kien ikun intitolat bħala leave annwali mhux meħud, u, min-naħa l-oħra, li l-benefiċċju ta’ tali kumpens ma jistax jiġi suġġett għall-eżistenza ta’ talba minn qabel għal dan il-għan.

30

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandha tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattiki nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali mħallas jispiċċa mingħajr ma jingħata d-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave mhux meħud, meta r-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata minħabba l-mewt tal-ħaddiem. Il-benefiċċju ta’ tali kumpens ma jistax jiddependi fuq talba minn qabel mill-persuna kkonċernata.

Fuq l-ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattiki nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali mħallas jispiċċa mingħajr ma jingħata d-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave mhux meħud, meta r-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata minħabba l-mewt tal-ħaddiem. Il-benefiċċju ta’ tali kumpens ma jistax jiddependi fuq talba minn qabel mill-persuna kkonċernata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq