Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62012CC0562
Opinion of Advocate General Jääskinen delivered on 13 March 2014.#Liivimaa Lihaveis MTÜ v Eesti-Läti programmi 2007-2013 Seirekomitee.#Request for a preliminary ruling from the Tartu ringkonnakohus.#Reference for a preliminary ruling — Structural funds — Regulations (EC) Nos 1083/2006 and 1080/2006 — European Regional Development Fund (ERDF) — Operational programme aiming to promote European territorial cooperation between the Republic of Estonia and the Republic of Latvia — Decision of the monitoring committee rejecting a subsidy — Provision that the decisions of that committee cannot be subject to legal review — Article 267 TFEU — Act adopted by an institution, organ or body of the European Union — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Implementation of EU law — Article 47 — Right to effective judicial protection — Right of access to the courts — Determination of which Member State’s courts have jurisdiction to rule on an action.#Case C‑562/12.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 2014.
Liivimaa Lihaveis MTÜ vs Eesti-Läti programmi 2007-2013 Seirekomitee.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tartu ringkonnakohus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi strutturali – Regolamenti (KE) Nri 1083/2006 u 1080/2006 – Fond Ewropew għall-iżvilupp reġjonali (FEŻR) – Programm operazzjonali intiż biex jippromwovi l-kooperazzjoni territorjali Ewropea bejn ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Latvja – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ sussidji adottata mill-Kumitat ta’ monitoraġġ – Dispożizzjoni li tipprevedi li d-deċiżjonijiet ta’ dan il-kumitat ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ reviżjoni – Artikolu 267 TFUE – Att adottat minn istituzzjoni, organu jew organizzazzjoni tal-Unjoni – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt ta’ aċċess għall-qrati – Determinazzjoni tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu proċedura ta’ reviżjoni.
Kawża C‑562/12.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 2014.
Liivimaa Lihaveis MTÜ vs Eesti-Läti programmi 2007-2013 Seirekomitee.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tartu ringkonnakohus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi strutturali – Regolamenti (KE) Nri 1083/2006 u 1080/2006 – Fond Ewropew għall-iżvilupp reġjonali (FEŻR) – Programm operazzjonali intiż biex jippromwovi l-kooperazzjoni territorjali Ewropea bejn ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Latvja – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ sussidji adottata mill-Kumitat ta’ monitoraġġ – Dispożizzjoni li tipprevedi li d-deċiżjonijiet ta’ dan il-kumitat ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ reviżjoni – Artikolu 267 TFUE – Att adottat minn istituzzjoni, organu jew organizzazzjoni tal-Unjoni – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt ta’ aċċess għall-qrati – Determinazzjoni tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu proċedura ta’ reviżjoni.
Kawża C‑562/12.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:155
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 2014 ( 1 )
Kawża C‑562/12
MTÜ Liivimaa Lihaveis
vs
Eesti-Läti programmi 2007-2013 Seirekomitee
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tartu Ringkonnakohus (l-Estonja)]
“Regolament (KE) Nru 1083/2006 — Regolament (KE) Nru 1080/2006 — Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali — Setgħat tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ għal programm operattiv intiż għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea — Programm konġunt ta’ Żewġ Stati Membri — Tqassim tar-responsabbiltajiet bejn il-Kumitat ta’ Monitoraġġ u l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programm — Projbizzjoni ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE — Kunċett ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-UE — Atti ta’ istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE — Atti li jistgħu jiġu mistħarrġa — Awtonomija proċedurali nazzjonali — Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza”
I – Introduzzjoni
1. |
Il-programm Estonjan-Latvjan 2007-2013 huwa programm ta’ kooperazzjoni transkonfinali implementat taħt l-awspiċi tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea. It-Tartu Ringkonnakohus (il-Qorti Reġjonali ta’ Tartu, l-Estonja) titlob li tingħata gwida dwar jekk projbizzjoni assoluta tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tirrifjuta finanzjament għal proġett, li tkun ittieħdet mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ tal-Programm (il-“Kumitat ta’ Monitoraġġ”), hijiex konformi mad-dritt tal-UE. Il-Linji gwida tal-Programm tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ (il-“Linji gwida tal-Programm”) jeskludu kwalunkwe rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet tiegħu. Il-programm huwa amministrat skont ftehim amministrattiv konkluż bejn iż-żewġ Stati Membri tal-Estonja u tal-Latvja, flimkien mal-Ministeru tal-Intern tal-Estonja. |
2. |
B’mod iktar partikolari, il-qorti nazzjonali hija kkonċernata bil-konformità tal-projbizzjoni mal-Artikolu 63(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 ( 2 ), moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) li jipproteġi d-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq. |
3. |
Il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf ukoll jekk il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, jew qorti nazzjonali, għandhiex ġurisdizzjoni biex tisma’ u tiddeċiedi kawżi kontra deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ. Din il-kwistjoni hija marbuta mill-qrib mal-istabbiliment ta’ jekk id-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ tistax tiġi kkunsidrata bħala att ta’ istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni Ewropea għall-għanijiet tal-Artikolu 263 TFUE. |
4. |
Il-każ preżenti huwa kkomplikat minħabba d-diversi stadji għall-għoti tal-għajnuna taħt il-kooperazzjoni territorjali Ewropea. Ma huwiex ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju jekk, bħala kwistjoni tal-liġi tal-Estonja, id-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ li tiċħad l-applikazzjoni ta’ MTÜ Liivimaa Lihaveis hijiex deċiżjoni legalment vinkolanti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, jew jekk deċiżjoni ta’ dan it-tip issirx fi stadju iktar tard fil-proċess minn, pereżempju, l-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm. Barra minn hekk, għalkemm il-Programm Estonjan-Latvjan 2007-2013 huwa programm tal-UE, inevitabbilment se jkun hemm differenzi fis-sistemi ta’ stħarriġ ġudizzjarju li huma applikabbli għall-implementazzjoni tagħha. |
5. |
Minkejja dawn il-kumplessitajiet, huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-UE li, anki jekk, fil-prinċipju, hija l-liġi nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-locus standi u l-interess ġuridiku tal-individwu, madankollu d-dritt tal-UE jirrikjedi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma ddgħajjifx id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 3 ). L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ rimedji u proċeduri legali li jiżguraw ir-rispett ta’ dan id-dritt ( 4 ). Huwa fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit li se nikkunsidra d-domandi rrinvjati mit-Tartu Ringkonnakohus. |
II – Il-kuntest ġuridiku, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
A – Il-Programm Estonjan-Latvjan u d-dritt tal-UE u d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Estonja li huma rilevanti
1. Introduzzjoni
6. |
Il-Programm Estonjan-Latvjan 2007-2013 jikkostitwixxi “programm operattiv” taħt l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1083/2006. Barra minn hekk, bħala proġett ta’ kooperazzjoni territorjali li jinvolvi iktar minn Stat Membru wieħed, huwa rregolat ukoll permezz tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 ( 5 ). |
2. Il-kuntest ġuridiku
7. |
Il-programm operattiv ġie approvat permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 6603 finali tal-21 ta’ Diċembru 2007 ( 6 ), u ġie mfassal bl-għan li tiġi promossa l-kooperazzjoni territorjali Ewropea. Huwa jirċievi għajnuna Komunitarja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (il-“FEŻR”). |
8. |
L-Artikolu 59(1) tar-Regolament 1083/2006 jipprevedi struttura amministrattiva bażika għall-programmi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, li jistipula li għal kull programm operattiv, l-Istat Membru għandu jaħtar awtorità ta’ ġestjoni, awtorità ta’ ċertifikazzjoni, u awtorità ta’ verifika. Madankollu, l-Artikolu 59(5) tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprovdi li r-Regolament Nru 1080/2006 jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-ġestjoni u l-kontroll għall-programmi operattivi li jaqgħu taħt l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea. |
9. |
L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1083/2006 jistabbilixxi l-funzjonijiet tal-awtorità ta’ ġestjoni li hija responsabbli għall-ġestjoni u għall-implementazzjoni tal-programm operattiv skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba. Fost l-oħrajn, l-awtorità ta’ ġestjoni hija responsabbli sabiex tiżgura li l-operazzjonijiet jintgħażlu għall-finanzjament skont il-kriterji applikabbli għall-programm operattiv u li jkunu konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli għall-perijodu sħiħ tal-implementazzjoni tagħhom. L-awtorità ta’ ġestjoni tiggwida l-ħidma tal-kumitat ta’ monitoraġġ u tipprovdih bid-dokumenti meħtieġa sabiex ikun possibbli l-monitoraġġ tal-kwalità tal-implementazzjoni tal-programm operattiv fid-dawl tal-għanijiet speċifiċi tiegħu. |
10. |
L-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1083/2006, iċċitat fir-rinviju preliminari bħala d-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-UE, jintroduċi l-kumitat ta’ monitoraġġ. Skont dan l-artikolu, kull Stat Membru jingħata terminu ta’ żmien sabiex jistabbilixxi kumitat ta’ monitoraġġ għal kull programm operattiv, bi ftehim mal-awtorità ta’ ġestjoni. Jista’ jiġi stabbilit kumitat ta’ monitoraġġ wieħed għal diversi programmi operattivi. Kull kumitat ta’ monitoraġġ għandu jfassal ir-regoli ta’ proċedura tiegħu fil-qafas istituzzjonali, legali u finanzjarju tal-Istat Membru kkonċernat u jadottahom bi qbil mal-awtorità ta’ ġestjoni sabiex jeżerċita l-missjonijiet tiegħu skont dan ir-regolament ( 7 ). |
11. |
Skont l-Artikolu 70(1)(a) tar-Regolament Nru 1083/2006, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u għall-kontroll tal-programmi operattivi, u fdati b’kompiti speċifiċi. |
12. |
Rigward ir-regoli speċjali applikabbli għall-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1080/2006 jistipula, fost l-oħrajn, li l-Istati Membri li jieħdu sehem fi programm operattiv għandhom jaħtru awtorità ta’ ġestjoni waħda, awtorità ta’ ċertifikazzjoni waħda u awtorità ta’ verifika waħda, u din tal-aħħar għandha tkun tinsab fl-Istat Membru tal-awtorità ta’ ġestjoni. L-awtorità ta’ ġestjoni, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri rappreżentati fil-qasam tal-programm, għandha tistabbilixxi segretarjat tekniku konġunt. Dan għandu jassisti lill-awtorità ta’ ġestjoni u lill-kumitat ta’ monitoraġġ fit-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom. Kull Stat Membru li jieħu sehem fil-programm operattiv għandu jaħtar rappreżentanti fil-kumitat ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1083/2006. |
13. |
L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1080/2006 jipprovdi, fost l-oħrajn, li l-awtorità ta’ ġestjoni għandha, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, twettaq id-dmirijiet previsti fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1083/2006. |
14. |
L-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 1080/2006 jipprovdi li, minbarra l-kompiti msemmija fl-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 1083/2006, il-kumitat ta’ monitoraġġ, jew kumitat ta’ tmexxija li jirrapporta lilu, għandu jkun responsabbli għall-għażla tal-operazzjonijiet. |
15. |
Sabiex jiġi implementat il-Programm Estonjan-Latvjan 2007-2013 ġiet stabbilita sistema ta’ ġestjoni separata b’mod konformi mal-ftehim komuni li kien intlaħaq bejn iż-żewġ gvernijiet u l-Ministeru tal-Intern tar-Repubblika tal-Estonja. L-istruttura ta’ ġestjoni hija primarjament ibbażata fl-Estonja. |
16. |
Il-Ministeru tal-Intern tar-Repubblika tal-Estonja jwettaq il-kompitu tal-Awtorità ta’ Ġestjoni (ara l-Punt 7.2.1 tal-Programm Estonjan-Latvjan 2007-2013), tal-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni (ara Punt 7.3.1 tal-Programm Estonjan-Latvjan 2007-2013) u tal-Awtorità ta’ Verifika (ara l-Punt 7.4.1 tal-Programm Estonjan-Latvjan 2007-2013). L-Awtorità ta’ Ġestjoni stabbiliet Segretarjat Tekniku Konġunt (STK) (Punt 7.7 tal-Programm Estonjan-Latvjan 2007-2013) li jamministra l-programm operattiv. |
17. |
Barra minn hekk, inħoloq ukoll Kumitat ta’ Monitoraġġ li jikkonsisti f’seba’ membri kemm mill-Estonja u mil-Latvja. Dan seħħ skont il-ftehim komuni msemmi hawn fuq fil-punt 15, l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 1080/2006 (u l-Artikoli 63 u 64 tar-Regolament Nru 1083/2006), u l-Punt 7.6.2 tal-Programm Estonjan-Latvjan 2007-2013. Hija deċiżjoni ta’ dan il-korp li qiegħda tiġi kkontestata fil-kawża prinċipali. |
18. |
Il-Kumitat ta’ Monitoraġġ adotta l-Linji gwida tal-Programm li jinkludi linji gwida dwar it-tħejjija ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna, kif ukoll dwar l-implementazzjoni u l-monitoraġġ tal-proġett, rapporti dwaru u t-tlestija tiegħu. Il-Punt 7.6.3 tal-Programm Estonjan-Latvjan 2007-2013 jipprovdi li “l-Kumitat ta’ Monitoraġġ għandu jfassal ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u għandu jadottahom bi ftehim mal-Awtorità ta’ Ġestjoni sabiex din teżerċita l-missjonijiet tagħha b’mod konformi mar-Regolament Ġenerali u mar-Regolament tal-FEŻR” ( 8 ). |
19. |
Il-Punt 6.6.4 tal-Linji gwida tal-Programm jipprovdi: “Id-deċiżjonijiet tal-KM [Kumitat ta’ Monitoraġġ] ma humiex appellabbli”. |
20. |
L-Artikolu 1(3) tal-Att dwar l-Għajnuna Strutturali tal-Estonja 2007 sal-2013 (Perioodi 2007-2013 struktuuritoetuse seadus, StS 2007-2013) jipprovdi li sezzjonijiet differenti tal-Att japplikaw għall-għoti u għall-użu ta’ għajnuna strutturali bbażata fuq l-għan tal-programmi operattivi tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea speċifikata fl-Artikolu 3(2)(ċ) tar-Regolament 1083/2006. Skont l-Artikolu 1(5) tal-Att dwar l-Assistenza Strutturali Estonjana, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-proċedura amministrattiva (haldusmenetluse seaduse) japplikaw għall-proċedimenti previsti f’dan l-Att, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet li jirriżultaw minnu ( 9 ). |
B – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21. |
Fi Frar 2010, MTÜ Liivimaa Lihaveis, li hija assoċjazzjoni ekonomika Estonjana ta’ dawk li jrabbu l-baqar, ippreżentat applikazzjoni taħt il-Programm Estonjan-Latvjan għall-2007-2013 għall-finanzjament ta’ proġett “(b)iex jinħolqu prodott u marka ġdida magħmul minn annimali taċ-ċanga ta’ kwalità mrobbija fuq il-mergħat l-iktar diversifikati tal-Estonja u tal-Latvja” (il-“proġett”). |
22. |
Il-proġett ippreżentat minn MTÜ Liivimaa Lihaveis għadda mill-ewwel stadju tal-proċedura ta’ għażla billi ġie kklassifikat bħala teknikament eliġibbli għall-għajnuna. Wara dan ġie riferut għal evalwazzjoni tal-kwalità mwettqa mis-STK, li min-naħa tiegħu ppreżenta l-klassifikazzjoni tiegħu lill-Kumitat ta’ Monitoraġġ. Fid-19 ta’ April 2010 is-STK bagħat ittra lil MTÜ Liivimaa Lihaveis fejn kien jinformaha li l-applikazzjoni kienet għaddiet mill-ewwel stadju tal-proċess ta’ għażla u li kienet ġiet iddikjarata bħala eliġibbli għall-għajnuna. MTÜ Liivimaa Lihaveis ġiet informata wkoll li s-STK kien ser iwettaq l-evalwazzjoni kwalitattiva tal-applikazzjoni, iżda li “d-deċiżjoni finali” kienet ser tittieħed mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ fid-29 ta’ Ġunju 2010. |
23. |
Waqt il-laqgħa li saret fit-28 u fid-29 Ġunju 2010, il-Kumitat ta’ Monitoraġġ ċaħad l-applikazzjoni ta’ MTÜ Liivimaa Lihaveisapplication għall-għajnuna. Fis-7 ta’ Lulju 2010 MTÜ Liivimaa Lihaveis ġiet informata b’din id-deċiżjoni, tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ, permezz ta’ ittra mis-STK. |
24. |
MTÜ Liivimaa Lihaveis bdiet proċeduri legali quddiem it-Tatu Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva, Tartu) fl-1 ta’ Novembru 2010 fejn talbet li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ li tiċħad l-applikazzjoni tagħha u li tingħata ordni li teżiġi li l-Kumitat ta’ Monitoraġġ jeżamina mill-ġdid l-applikazzjoni u jadotta deċiżjoni amministrattiva li tkun konsistenti mal-liġi. |
25. |
B’ordni tal-21 ta’ Settembru 2011, it-Tartu Halduskohus ċaħdet il-kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li d-deċiżjoni ma kinitx tikkostitwixxi att amministrattiv li seta’ jiġi kkontestat quddiem qorti amministrattiva. Il-paragrafu 1(3) u (5) tal-Att tal-Estonja dwar l-Għajnuna Strutturali għall-2007 sal-2013 kien jipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-Estonja dwar proċeduri amministrattivi għall-proġetti taħt il-Programm Estonjan-Latvjan. Skont il-Halduskohus, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-proċedura għat-teħid ta’ deċiżjonijiet stabbiliti fid-dokument tal-programm, seta’ jiġi konkluż li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jirrendi d-dispożizzjoni nazzjonali dwar il-proċedura amministrattiva inapplikabbli għall-Kumitat ta’ Monitoraġġ, li ma huwiex korp amministrattiv iżda kumitat internazzjonali. |
26. |
Barra minn hekk, il-Halduskohus ħadet il-pożizzjoni li, anki jekk id-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ kellha tiġi kklassifikata bħala att amministrattiv, dan kien att amministrattiv intern u l-applikant ma kellu l-ebda dritt ta’ azzjoni kontra tiegħu għaliex id-deċiżjoni kkontestata ma ħolqotx, ma temmietx jew ma biddlitx drittijiet jew obbligi għall-persuni barra mill-amministrazzjoni. |
27. |
F’Ottubru 2011, l-applikant appella mill-ordni tat-Tartu Halduskohus quddiem it-Tartu Ringkonnakohus. Hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
28. |
Fil-fehma tiegħi l-qorti nazzjonali teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt tal-UE f’żewġ aspetti fundamentali. Dawn huma (i) liema qrati huma kompetenti għas-soluzzjoni tat-tilwima, dawk ta’ Stat Membru jew il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea; u (ii) jekk l-esklużjoni minn stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet li jirrifjutaw finanzjament hijiex, abbażi tal-fatti li joriġinaw minn dan il-każ, kompatibbli mad-dritt tal-UE. |
29. |
Qabel kollox huwa utli li jiġi osservat li jekk id-domanda (b), kif irrinvijata mill-qorti nazzjonali, tingħata risposta fl-affermattiv, u l-Kumitat ta’ Monitoraġġ għall-Programm Estonjan-Latvjan 2007-2013 ikun att tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni għall-għanijiet tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tkun tabilħaqq kompetenti biex tisma’ l-kawża mressqa minn MTÜ Liivimaa Lihaveis, pjuttost milli l-qrati Estonjani. Din il-kwistjoni msemmija l-aħħar tqajmet mill-qorti nazzjonali tar-rinviju fid-domanda (ċ). Għalhekk, ser nindirizza l-kwistjonijiet legali mqajma fid-domandi (b) u (ċ) qabel ma nagħti risposta għad-domanda (a) dwar il-kompatibbiltà tal-Punt 6.6 tal-Linji gwida mad-dritt tal-UE. |
B – Ir-risposta għad-domandi (b) u (ċ)
30. |
Kif diġà semmejt hawn fuq, il-Kumitat ta’ Monitoraġġ, li l-eżistenza tiegħu hija meħtieġa permezz tar-Regolamenti Nri 1080/2006 u 1083/2006, huwa stabbilit skont it-termini ta’ ftehim li kien sar bejn il-Latvja u l-Estonja. Ir-Regolament Nru 1080/2006 huwa lex specialis applikabbli għal programmi ta’ kooperazzjoni territorjali ( 11 ). L-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 1080/2006 jistipula wkoll li l-Kumitat ta’ Monitoraġġ, jew il-kumitat ta’ tmexxija li jirraporta lilu “għandu jkun responsabbli għall-għażla tal-operazzjonijiet”. Hija din id-dispożizzjoni li hija kruċjali għas-soluzzjoni tat-tilwima, peress li l-programm inkwistjoni jaqa’ taħt il-kooperazzjoni territorjali Ewropea, pjuttost milli taħt l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1083/2006, għalkemm dan tal-aħħar isir riferiment għalih fid-domanda (a) tad-deċiżjoni tar-rinviju. |
31. |
Waqt is-seduta ġie ċċarat li l-ftehim ma ġiex konkluż b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet dwar il-konklużjoni u r-ratifika ta’ ftehim internazzjonali. Jidher li l-att inkwistjoni huwa strument li ġie deskritt bħala ftehim internazzjonali amministrattiv ( 12 ). Ma huwiex rari għall-awtoritajiet ta’ Stati li jmissu jew li huma ġirien ta’ xulxin li jaqblu bejniethom dwar it-twettiq ta’ ċerti kompiti prattiċi, jew l-implementazzjoni ta’ kooperazzjoni teknika jew amministrattiva mingħajr l-użu ta’ proċeduri formali għall-konklużjoni ta’ trattati. In-natura legali ta’ tali arranġamenti, li ħafna drabi tinvolvi l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma jew kumitati jew korpi simili oħra konġunti jew imħallta, ma hijiex ċara taħt id-dritt pubbliku internazzjonali ( 13 ). |
32. |
Fi kwalunkwe każ, indipendentement minn kif tiġi kklassifikata n-natura legali tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ skont il-liġi internazzjonali jew nazzjonali, fil-fehma tiegħi ma hemm l-ebda dubju li l-Kumitat ta’ Monitoraġġ ma huwiex istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni għall-għanijiet tal-Artikolu 263 TFUE, li wkoll jeskludih mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. |
33. |
Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kategoriji, il-Kumitat ta’ Monitoraġġ ma huwiex, manifestament, “istituzzjoni” tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma speċifikati fl-Artikolu 13 tat-TUE fis-sens li jinkludu l-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, u l-Qorti tal-Awdituri. |
34. |
Madankollu, it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kif introdotta bit-Trattat ta’ Lisbona, tistabbilixxi dispożizzjoni ġdida tad-dritt primarju tal-UE li abbażi tagħha l-qrati tal-UE jeżaminaw ukoll il-legalità tal-atti ta’ istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi ( 14 ). Kif osservat il-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi dedott mill-kliem tal-Artikolu 263(1) TFUE li kull entità jew struttura li taqa’ taħt jew taħdem fi ħdan il-qafas organizzattiv tal-Unjoni Ewropea tista’ titqies awtomatikament bħala istituzzjoni jew organu tal-Unjoni ( 15 ). |
35. |
Għaldaqstant, sabiex entità taqa’ taħt l-Artikolu 263 TFUE, għandhom jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. L-entità għandha tkun stabbilita b’att tal-Unjoni Ewropea li jagħtiha personalità ġuridika u għandha tkun inkluża fl-istruttura istituzzjonali u amministrattiva tal-UE kif riflessa fil-baġit tal-UE ( 16 ). |
36. |
Jeżistu eżempji ċari ta’ dak li huwa inkluż f’dawn il-parametri. Hawnhekk għandi f’moħħi l-korpi li ġew stabbiliti bħala aġenziji tal-UE b’personalità ġuridika, bħal pereżempju l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( 17 ), l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti ( 18 ), l-Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea ( 19 ), u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ( 20 ). Tabilħaqq, dawn kienu preċiżament it-tip ta’ korpi li l-Artikolu 263 TFUE, li l-formulazzjoni tiegħu hija differenti minn dik tal-Artikolu 230 KE, kien maħsub li jinkludi fih ( 21 ). Madankollu, jeżistu xi każijiet li ma humiex tant ċari, bħal pereżempju, is-sistema legali tal-iskejjel Ewropej, li hija sistema sui generis distinta minn dik tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri ( 22 ). |
37. |
Madankollu, dan ma huwiex il-każ ta’ entità bħall-Kumitat ta’ Monitoraġġ, li kien stabbilit b’mod konġunt mill-Estonja u mil-Latvja, u mhux mill-Unjoni Ewropea permezz ta’ strument legali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat ta’ Monitoraġġ lanqas ma ngħata personalità ġuridika permezz ta’ miżura tal-Unjoni Ewropea. Minn aspett organiku ma għandu l-ebda linja ta’ baġit fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, jew baġit separat stabbilit fi strument legali tal-UE. Għall-kuntrarju huwa ffinanzjat minn fondi allokati mill-Unjoni Ewropea u ż-żewġ Stati Membri għall-programm operattiv konformi mad-dispożizzjoniijet legali tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw il-fondi strutturali. Id-deċiżjoni kontestata ma tistax tiġi attribwita lill-Kummissjoni, u b’hekk ma jistax jiġi argumentat li l-Kummissjoni hija l-konvenut xieraq quddiem il-Qorti Ġenerali ( 23 ). |
38. |
Kif ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni waqt is-seduta, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1080/2006 jipprovdi, inter alia, li Stati Membri li jipparteċipaw fi programm operattiv għandhom jaħtru awtorità ta’ ġestjoni waħda, awtorità ta’ ċertifikazzjoni waħda u awtorità ta’ verifika waħda. Huwa ovvju li din ir-regola għandha l-għan li tipprevjeni kull lakuna li tikkonċerna r-responsabbiltà għall-użu tal-fondi tal-UE fl-implementazzjoni ta’ programmi b’fondi reġjonali li jinvolvu iktar minn Stat Membru wieħed. |
39. |
F’termini ta’ stħarriġ ġudizzjarju, dan inevitabbilment ifisser li l-qrati tal-Istat Membru fejn tkun tinsab l-awtorità ta’ ġestjoni unika, huma fil-prinċipju kompetenti sabiex jistħarrġu d-deċiżjonijiet tagħha. Fil-fehma tiegħi l-istess regola għandha tapplika wkoll għad-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ programmi konġunti bħall-Awtorità ta’ Monitoraġġ u s-STK, sa fejn id-deċiżjonijiet tagħhom huma kapaċi, b’mod indipendenti, li jipproduċu effetti legali. |
40. |
Fi kliem ieħor, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE, huwa diffiċli li jiġi previst kif il-Kumitat ta’ Monitoraġġ, fuq il-livell nazzjonali, jista’ jitqies bħala awtorità barranija jew organizzazzjoni internazzjonali li tevita kull stħarriġ ġudizzjarju. Dan huwa sinjifikanti, għaliex l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva jidher li jeskludi korpi ta’ dan it-tip mill-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi tal-Estonja ( 24 ). |
41. |
Din l-interpretazzjoni tevita wkoll li jqumu problemi li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni. Fil-fehma tiegħi, in-nazzjonalità differenti tal-membri tal-Kumitat ta’ Kontroll ma hija tal-ebda ostakolu għall-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tiegħu, peress li s-suġġett ta’ tali stħarriġ ikun deċiżjoni ta’ dak il-korp kif iddefinit fl-atti tad-dritt tal-UE u d-dokumenti tal-programm applikabbli. Dan ma huwiex affettwat bil-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ isiru bi ftehim ġenerali bejn id-delegati tal-Kumitat mill-Estonja u mil-Latvja. |
42. |
Għaldaqstant, nipproponi li jiġu miċħuda l-argumenti magħmula mill-Gvern tal-Latvja fis-sens li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li d-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ jistgħu jiġu mistħarrġa, dan jista’ mbagħad iwassal għal xi forma ta’ kunflitt bejn il-ġurisidizzjonijiet amministrattivi tal-qrati tal-Latvja u tal-Estonja, peress li l-Kumitat ta’ Monitoraġġ huwa magħmul minn membri miż-żewġ pajjiżi. Kif ġie indikat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, il-partijiet fil-programm operattiv qablu dwar il-ġurisdizzjoni Estonjana, kemm fir-rigward tal-qafas finanzjarju u fir-rigward tal-post tal-korpi tal-programm hawn fuq imsemmija. Dawn id-dettalji huma riflessi fil-Programm Estonjan-Latvjan. |
43. |
Għaldaqstant, għandha tingħata risposta konġunta għad-domandi preliminari (b) u (ċ) fis-sens li d-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ ma humiex atti ta’ istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u huma l-qrati tal-Estonja u mhux il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li għandhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu u jiddeċiedu kawżi kontra l-Kumitat ta’ Monitoraġġ. |
44. |
Minn perspettiva ta’ politika, din is-soluzzjoni tista’ twassal biex applikanti Latvjani għal fondi jitqiegħdu f’sitwazzjoni diffiċli minħabba problemi lingwistiċi inevitabbli, u l-probabbli nuqqas ta’ familjarità tagħhom mas-sistema legali Estonjana. Sfortunatament l-Istati Membri kkonċernati ma kkunsidrawx li jistabbilixxu korp transkonfinali biex jistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ dwar il-finanzjament, simili għall-Qorti tal-Benelux. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi ma kien hemm xejn li jżomm lill-Istati Membri milli jaqblu li l-qrati tal-Latvja huma kompetenti biex jistħarrġu d-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ li huma indirizzati esklużivament lil impriżi u residenti fil-Latvja. |
C – Ir-risposta għad-domanda (a)
1. Osservazzjonijiet preliminari
45. |
L-ewwel nett, huwa importanti li tiġi speċifikata l-parti tal-Artikolu 47 tal-Karta li hija inkwistjoni f’dawn il-proċeduri. Bħall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-“KEDB”), l-Artikolu 47 tal-Karta jirreferi għal għadd ta’ drittijiet differenti li huma essenzjali għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Dawn jinkludu d-dritt għal smigħ xieraq u imparzjali, li għandu jseħħ fi żmien raġonevoli, u d-disponibbiltà ta’ rimedji effettivi, biex insemmi biss uħud mill-elementi tiegħu. Il-proċess juri li t-tilwima inkwistjoni tikkonċerna allegat ksur tad-dritt ta’ aċċess għal qorti, għaliex il-Linji gwida tal-Programm jimponu projbizzjoni ġenerali fuq l-għoti tad-deċiżjoni inkwistjoni ( 25 ). |
46. |
Bl-ewwel domanda tagħha, it-Tartu Ringkonnakohus tistaqsi essenzjalment jekk il-Kumitat ta’ Monitoraġġ, meta adotta r-regoli tal-proċeduri tiegħu skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1083/2006, u meta eskluda l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tiegħu, ikkonformax mal-Artikolu 47 tal-Karta tal-UE. Madankollu, kif osservajt hawn fuq, id-dispożizzjoni rilevanti f’tilwim, bħall-każ inkwistjoni, li jinvolvi kooperazzjoni territorjali Ewropea, hija l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 1080/2006 u mhux l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1083/2006. |
47. |
Kif diġà semmejt, dan il-każ essenzjalment jiddependi fuq jekk il-projbizzjoni imposta bil-Punt 6.6 tal-Linji gwida tal-Programm, u tabilħaqq bil-liġi Estonjana jekk il-konstatazzjonijiet tat-Tartu Halduskohus huma korretti, tiksirx id-dritt ta’ aċċess għal qorti. Madankollu, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, din il-parti tal-Artikolu 47 tal-Karta torbot ukoll lill-qrati tal-Istati Membri sabiex josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, li huma wkoll rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. Skont l-ewwel prinċipju, l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li r-rimedji u r-regoli proċedurali disponibbli biex jiġu nfurzati drittijiet li joriġinaw mid-dritt tal-UE ma jirrenduhomx impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli biex jiġu nfurzati. Skont t-tieni prinċipju, ir-rimedji u r-regoli proċedurali tal-Istati Membri ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk relatati ma’ talbiet analogi ta’ natura purament nazzjonali ( 26 ). Fil-fehma tiegħi, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jinġabu fil-kuntest tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 27 ). |
48. |
L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt, peress li la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jevitaw stħarriġ tal-kwistjoni dwar jekk il-miżuri adottati minnhom humiex konformi mal-karta kostituzzjonali bażika ( 28 ), jiġifieri t-Trattati UE, FUE, u l-Karta. Fil-fehma tiegħi, u kuntrarjament għat-tħassib espress waqt is-seduta mir-rappreżentant tal-Latvja dwar il-konsegwenzi tal-awtorizzazzjoni ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ miżuri transkonfinali, ikun inkonċepibbli għall-implementazzjoni ta’ programm tal-UE li jiġi evitat kull stħarriġ ġudizzjarju sempliċement bl-involviment ta’ iktar minn Stat Membru wieħed. |
49. |
Fid-dawl ta’ dan, suġġett għall-gwida suġġerita iktar ’il quddiem, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk l-arranġamenti dwar l-istħarriġ ġudizzjarju inkwistjoni humiex kompatibbli mad-dritt ta’ aċċess għal qorti, kif protett bl-Artikolu 47 tal-Karta. Skont id-dritt tal-UE, hija libera li tapplika r-rimedji u r-regoli proċedurali tagħha, suġġett għall-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Peress li t-tilwima tinvolvi l-implementazzjoni tad-dritt tal-UE, il-motivi sostantivi għal eżami mill-ġdid li l-qorti tal-Istat Membru hija obbligata li tapplika jinkludu l-prinċipji ġenerali tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif ukoll il-motivi għal eżami mill-ġdid disponibbli skont id-dritt amministrattiv tal-Istat Membru ( 29 ). |
50. |
Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, id-dritt tal-UE ma jipprekludix li l-Istati Membri jistabbilixxu kriterji għall-aċċess għal qrati u stħarriġ ġudizzjarju li jkunu iktar ġenerużi mid-dritt tal-UE, sakemm dan l-aċċess ma jipperikolax l-implementazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE. Dan japplika kemm għall-kriterji għall-għoti ta’ locus standi kif ukoll għall-kriterji biex jiġu stabbiliti l-atti li jistgħu jiġu mistħarrġa ( 30 ). |
51. |
Għal interpretazzjoni korretta tar-rwol tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE u tal-Artikolu 47 tal-Karta għall-każ inkwistjoni, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn żewġ kwistjonijiet; jiġifieri (i) jekk kienx hemm rifjut legalment vinkolanti tal-applikazzjoni ta’ MTÜ Liivimaa Lihaveis għall-finanzjament taħt il-Programm Estonjan-Latvjan u (ii) f’liema stadju tal-proċedura amministrattiva dan seħħ. Fi kliem ieħor, liema kien il-pass deċiżiv f’dan ir-rigward? Huwa fl-ewwel kwistjoni li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa rilevanti, filwaqt li t-tieni kwistjoni hija materja li taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali nazzjonali kif limitata bil-prinċipji ġenerali tal-UE ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, u dan tal-aħħar huwa espressjoni tal-prinċipju iktar ġenerali tan-nondiskriminazzjoni. |
2. L-Artikolu 47 tal-Karta u d-dritt ta’ aċċess għal qorti
52. |
Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li, skont l-Artikolu 6(1) TUE, il-Karta tifforma parti mid-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni kollha tal-UE, inkluż l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 1080/2006, għandha tiġi interpretata b’mod konformi mad-drittijiet tal-Karta ( 31 ). |
53. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra, meta tistabbilixxi jekk kienx hemm ksur tad-dritt ta’ aċċess għal qorti “jekk il-limitazzjonijiet [...] kinux ippreġudikaw l-essenza nfisha ta’ dak id-dritt, jekk dawn kinux intiżi biex jintlaħaq għan leġittimu u jekk kienx hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi wżati u l-għan leġittimu segwit” ( 32 ). assoluta tal-allegata restrizzjoni fuq id-dritt ta’ aċċess għal qorti li allegatament hija inkwistjoni f’dan il-każ, tabilħaqq ikunu meħtieġa raġunijiet b’saħħithom qabel ma tkun tista’ tiġi ġġustifikata. |
54. |
Ma hemmx dubju li l-Estonja u l-Latvja huma marbuta li jikkonformaw mad-dritt ta’ aċċess għal qorti, kif protett bl-Artikolu 47 tal-Karta meta japplikaw u jimplementaw il-programm. Barra minn hekk, il-Kumitat ta’ Monitoraġġ innifsu huwa marbut b’dan id-dritt fundamentali. Infakkar li huwa l-Kumitat ta’ Monitoraġġ innifsu li adotta l-Linji gwida tal-Programm li jinkludu l-ostakolu għall-aċċess għal qorti. |
55. |
Jien profondament konvint li korp li evidentement ma huwiex wieħed leġiżlattiv bħall-Kumitat ta’ Monitoraġġ ma jistax ikollu l-kompetenza li jeskludi l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tiegħu stess b’effett li jkun jorbot lill-qrati nazzjonali rilevanti. Dan ma jkunx jissodisfa l-kriterju “previst mil-liġi” li huwa mitlub għal kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta ( 33 ). Għaldaqstant, jekk xi esklużjoni tal-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ tista’ tkun legalment prevista f’dan il-każ, din għandha tkun konsegwenza ta’ liġi Estonjana prekritta b’mod ċar, mhux tal-Linji gwida tal-Programm. |
56. |
Konsegwentement, l-Artikolu 47 tal-Karta jenfasizza l-prinċipji tal-ġurisprudenza stabbilita fis-sens li deċiżjonijiet li jirrifjutaw finanzjament tal-UE magħmula minn awtoritajiet nazzjonali li jeżerċitaw setgħat ta’ implementazzjoni għandhom ikunu miftuħin għal stħarriġ ġudizzjarju ( 34 ). |
3. L-Artikolu 47 tal-Karta u l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza
57. |
Kif semmejt diġà, l-awtonomija proċedurali u l-awtonomija fil-qasam tar-rimedji tal-qorti tar-rinviju hija limitata bil-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Kif intqal fil-punt 47, fil-fehma tiegħi dawn ir-regoli issa jagħmlu parti mill-kuntest tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
58. |
Huwa fid-dawl ta’ dan li għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ hijiex att li jista’ jiġi mistħarreġ minnu nnifsu, jew biss stadju proċedurali intern qabel ma tittieħed deċiżjoni finali mill-Awtorità ta’ Ġestjoni. Fil-każ ta’ din l-aħħar alternattiva, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li skont il-Linji gwida tal-Programm (punt 6.7), l-aħħar stadju fl-għoti tal-finanzjament tal-FEŻR jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ Kuntratt ta’ Sussidju bejn l-Awtorità ta’ Ġestjoni u s-Sieħeb Ewlieni tal-proġett approvat. Fi kliem ieħor, huwa possibbli li l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ma jwassal għall-ebda deċiżjoni amministrattiva fis-sens klassiku imma għal kuntratt skont id-dritt privat jew id-dritt amministrattiv bejn l-Awtorità ta’ Ġestjoni u s-Sieħeb Ewlieni. |
59. |
Jista’ jkun utli li jitfakkar li fuq il-livell tal-UE, sabiex jiġi stabbilit jekk ordni amministrattiva ġġibx bidla distinta fil-pożizzjoni legali tal-applikant, huwa neċessarju li wieħed iħares lejn is-sustanza attwali tal-att ikkontestat ( 35 ), pjuttost milli l-forma ( 36 ), u r-relazzjonijiet legali rilevanti fl-isfond ( 37 ). |
60. |
Għaldaqstant, att li, għalkemm ġie adottat matul il-proċedura preparatorja, jimmarka l-qofol ta’ stadju distint u jipproduċi effetti legali ( 38 ), iġib miegħu d-dritt ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Huwa utli li jiġi indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet speċifikament dwar l-effetti legali ta’ deċiżjonijiet meħuda minn korpi tal-UE li jipprekludu ċerti applikanti minn finanzjament tal-UE fl-istadji bikrija ta’ proċess li jkun fih diversi stadji. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tfassil ta’ listi jista’ jinvolvi effetti legali, sa fejn dan jista’ jirriżulta fl-ommissjoni ta’ ċerti impriżi minn dawn il-listi u għalhekk jipprekludihom milli jipparteċipaw f’kuntratti ( 39 ). |
61. |
Hawnhekk inżid li fit-teħid modern ta’ deċiżjonijiet amministrattivi bi stadji multipli, l-eżitu jista’ ma jkunx deċiżjoni amministrattiva imma kuntratt skont id-dritt amministrattiv jew id-dritt privat bejn l-awtorità u parti privata. Tali kuntratt jista’ jibqa’ ma jiġix ikkomunikat jew saħansitra ma jkunx aċċessibbli għall-applikanti li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet irrifjutata ( 40 ). Fi kliem ieħor, f’ċirkustanzi bħal dawn id-deċiżjoni li oġġettivament irrifjutat l-applikazzjoni għal finanzjament segħtet tkun ittieħdet qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-fehma tiegħi, f’tali ċirkustanzi l-applikant għandu jkun jista’ jikkontesta dan ir-rifjut quddiem il-qrati sakemm ma jkunx hemm disponibbli xi forma ta’ azzjoni legali kontra d-deċiżjoni negattiva dwar finanzjament li ma jkunx appell amministrattiv ( 41 ). |
62. |
Id-deċiżjoni għal rinviju ma tinkludix espożizzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti rigward il-proċedura amministrattiva u l-proċedura tal-qrati amministrattivi. Għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi vverifikat liema rimedji u forom ta’ azzjoni huma disponibbli fil-qafas purament nazzjonali korrispondenti. Madankollu, kif diġà għidt, għandu jkun hemm rimedju disponibbli fil-każ ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal finanzjament, u dan ir-rimedju għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Fl-aħħar nett, is-sistema legali nazzjonali tal-Istat Membru għandha tipprovdi “azzjoni li topera b’mod indipendenti” għal eżami ta’ jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex kompatibbli mad-dritt tal-UE, jekk ir-rimedji legali l-oħrajn kollha disponibbli skont il-liġi nazzjonali jonqsu li jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 42 ). |
63. |
Fir-rigward tal-prinċipju tal-effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti li, sabiex jiġi stabbilit jekk regola ta’ Stat Membru tirrendix impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli li jiġi nfurzat id-dritt tal-UE, fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jinkludu “il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema legali nazzjonali bħalma huma, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura” ( 43 ). Għalhekk, fl-evalwazzjoni ta’ jekk id-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ hijiex att li jista’ jkun mistħarreġ, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra jekk jeżistux rimedji alternattivi li jipprovdu protezzjoni legali effettiva minbarra appell amministrattiv. |
64. |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, ninsab imħasseb bil-fatt li huwa biss il-finanzjament taħt il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea li jidher li huwa eskluż minn stħarriġ ġudizzjarju fl-Estonja. Dan jidher li jammonta għal sistema rimedjali speċjali u restrittiva li ma tapplikax għal talbiet analogi ta’ natura purament nazzjonali (u f’dan il-każ Estonjana). Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, madankollu, jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza ġiex miksur ( 44 ). |
4. Il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju mitlub skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE
65. |
Fl-aħħar nett, nagħlaq billi nirreferi għall-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju disponibbli għal kandidati li l-applikazzjonijiet tagħhom ġew irrifjutati mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ. |
66. |
Fil-fehma tiegħi, id-deċiżjoni dwar finanzjament ikkontestata minn MTÜ Liivimaa Lihaveis fl-aħħar mill-aħħar hija ta’ natura diskrezzjonarja fis-sens li anki dawk l-applikanti li jissodisfaw il-kriterji u l-kundizzjonijiet legali għall-finanzjament ma għandhomx dritt suġġettiv biex jirċevuha. Dan għaliex jista’ jkun hemm iktar applikazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji minn fondi disponibbli. Alternattivament, l-ebda wieħed mill-proġetti li jkunu qegħdin jikkompetu ma jkun jista’ neċessarjament jitqies li ħaqqu finanzjament, minkejja li jkunu jissodisfaw il-kriterji formali u tekniċi għall-eliġibbiltà. |
67. |
Dan ifisser li anki kieku l-proġett ta’ MTÜ Liivimaa Lihaveis jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti skont il-kooperazzjoni territorjali Ewropea, il-finanzjament xorta jista’ jiġi rrifjutat. |
68. |
Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi l-Istat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni r-realtà li l-Kumitat ta’ Monitoraġġ huwa marbut bl-istess kriterji li huma applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-UE meta jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali. F’dan il-kuntest ġie deċiż li “ir-rispett tad-drittijiet iggarantiti bis-sistema legali Komunitarja fi proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza jerġa’ iktar fundamentali. Dawn il-garanziji jinkludu, b’mod partikolari, id-dmir tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina bir-reqqa u b’mod imparzjali l-aspetti kollha rilevanti tal-każ individwali, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tesprimi ruħha u li d-deċiżjoni tkun motivata b’mod adegwat. Huwa biss b’dan il-mod li l-Qorti Komunitarja tkun f’pożizzjoni li tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti ( 45 ). Dawn l-elementi huma, fil-fehma tiegħi, parti mill-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba, li issa huwa rifless fl-Artikolu 41 tal-Karta. |
69. |
Madankollu, dan huwa l-limitu tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Istat Membru hija meħtieġa li twettaq skont id-dritt tal-UE ( 46 ). |
70. |
Għaldaqstant nipproponi li r-risposta għad-domanda (a) għandha tkun fis-sens li irrispettivament mir-regoli ta’ kumitat ta’ monitoraġġ mwaqqaf b’mod konġunt minn żewġ Stati Membri fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, bħal-Linji gwida adottati mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ għall-Programm Estonjan-Latvjan 2007-2013, u li skont liema d-deċiżjonijiet tal-kumitat ma humiex appellabbli, il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-Artikolu 47 jeżiġu li applikant li l-applikazzjoni tiegħu għal finanzjament skont ir-Regoli Nri 1080/2006 u 1083/2006 tkun ġiet miċħuda, għandu jkun jista’ jikkontesta dak ir-rifjut quddiem qorti jew tribunal kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għall-ġestjoni tal-programm. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi liema dispożizzjonijiet proċedurali u prinċipji tal-liġi nazzjonali jirregolaw l-aċċess għal qorti f’dan il-kuntest, suġġett għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
D – Effetti ratione temporis
71. |
Ma nara l-ebda raġuni għalfejn għandhom jiġu aċċettati l-osservazzjonijiet tal-Gvern tal-Latvja fis-sens li l-effetti ratione temporis tas-sentenza għandhom jiġu limitati ex nunc (bl-eċċezzjoni tal-każijiet li diġà jinsabu quddiem il-qrati rigward il-Kumitat ta’ Monitoraġġ) minħabba l-fatt li tiġi sostnuta spiża supplimentari għall-baġits nazzjonali jekk is-sentenza tingħata b’effett ex tunc. Il-Gvern tal-Latvja sostna wkoll li tqum mewġa ta’ rikorsi fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jkunu diġà ġew eżegwiti, jekk l-effetti ratione temporis tas-sentenza ma jiġux sospiżi. |
72. |
Qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu l-pass eċċezzjonali li tillimita l-effetti ratione temporis ta’ sentenza jeħtieġ li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet; jiġifieri, l-bona fides tal-persuni kkonċernati u li jkun hemm riskju ta’ diffikultajiet serji jekk l-effetti tas-sentenza ma jiġux limitati ( 47 ). |
73. |
Fir-rigward tal-kundizzjoni li dawk ikkonċernati għandhom ikunu aġixxew in bona fides, il-gvernijiet tal-Estonja u tal-Latvja b’mod ġenerali, u l-Kumitat ta’ Monitoraġġ b’mod partikolari, kellhom ikunu konxji tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt id-dritt tal-UE meta fasslu r-regoli rilevanti applikabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea. |
74. |
Fir-rigward tar-rekwiżit li ma għandux ikun hemm riskju ta’ diffikultajiet serji, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minn deċiżjoni preliminari, minnhom infushom qatt ma ġġustifikaw il-limitazzjoni tal-effett ratione temporis ta’ tali deċiżjoni ( 48 ). Barra minn hekk, peress li ma jistax ikun hemm dritt suġġettiv għal għoti ta’ għajnuna fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, ma jsegwix li neċessarjament jirriżultaw konsegwenzi finanzjarji għall-Istat Membru kkonċernat mill-interpretazzjoni li tiġi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
75. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm xejn fil-każ preżenti li jiġġustifika deroga mill-prinċipju li deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ssir effettiva mid-data li fiha r-regola interpretata daħlet fis-seħħ. |
IV – Konklużjoni
76. |
Abbażi tar-raġunament preċedenti, nipproponi r-risposti li ġejjin għad-domandi rrinvjati mit-Tartu Ringkonnakohus: Domanda (a): Il-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jeżiġu li applikant li l-applikazzjoni tiegħu għal finanzjament skont ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 tkun ġiet irrifjutata, għandu jkun jista’ jikkontesta dan ir-rifjut quddiem qorti jew tribunal kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għall-ġestjoni tal-programm. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’liema punt fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni att li jista’ jiġi mistħarreġ ikun ġie adottat, u liema dispożizzjonijiet proċedurali u prinċipji tal-liġi nazzjonali jirregolaw l-aċċess għal qorti f’dan il-kuntest, sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Id-domandi (b) u (ċ) Deċiżjonijiet ta’ kumitat ta’ monitoraġġ imwaqqaf b’mod konġunt minn żewġ Stati Membri fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, bħall-Kumitat ta’ Monitoraġġ għall-Programm Estonjan-Latvjan 2007-2013 ma humiex atti ta’ istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u huma l-qrati tal-Istati Membri, u mhux il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li għandhom ġurisdizzjoni li jisimgħu u jiddeċiedu kawżi kontra d-deċiżjonijiet ta’ tali kumitati ta’ monitoraġġ. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU L 210, p. 25. Ir-Regolament 1083/2000 tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, p. 320). Ir-Regolament 1083/2006 jirregola, madankollu, il-każ inkwistjoni ratione temporis.
( 3 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 4 ) Ibidem.
( 5 ) Id-Direttiva tas-16 ta’ Diċembru 1996 (ĠU L 210, p. 1). Ġie indikat mill-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta li din hija lex specialis għall-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea.
( 6 ) Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fl-24 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2012) 7497 li emendat id-Deċiżjoni C(2007) 6603.
( 7 ) Skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, il-kumitat ta’ monitoraġġ għandu jkun ippresjedut minn rappreżentant tal-Istat Membru jew tal-awtorità ta’ ġestjoni. Il-kompożizzjoni tiegħu għandha tiġi deċiża mill-Istat Membru bi qbil mal-awtorità ta’ ġestjoni. L-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprovdi, inter alia, li fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba tal-kumitat ta’ monitoraġġ, rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jipparteċipa fil-ħidma tal-kumitat ta’ monitoraġġ bħala konsulent.
( 8 ) Madankollu, skont l-osservazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni waqt is-seduta, il-Linji gwida tal-Programm ġew adottati abbażi tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006, tat-8 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU 2006, L 371, p. 1). Ara wkoll ir-rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006, tat-8 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 45, p. 3).
( 9 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju tipprovdi li t-Tartu Halduskohus kienet tal-fehma li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-proċedura amministrattiva għal proġetti taħt il-Programm Estjonjan-Latvjan. Ara wkoll il-punt 25 iktar ’il quddiem.
( 10 ) Skont ir-rettifika tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta’ Novembru 2013 għall-punt 39 tal-osservazzjonijiet bil-miktub il-kliem fil-parenteżi kwadri ma kienx jidher fil-verżjoni tal-Linji gwidi tal-Programm li hija applikabbli ratione temporis fil-każ preżenti. Din il-verżjoni tgħid fil-punt 6.6 tagħha li “d-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ ma humiex appellabbli.”
( 11 ) Ara l-premessa 14 tar-Regolament Nru 1080/2006 u l-premessa 48 tar-Regolament Nru 1083/2006.
( 12 ) Klabbers, J. The Concept of Treaty in International Law (Kluwer, 1996) p. 21 sa 25 u Möllers, C. “Transnationale Behördenkooperation Verfassungs- und völkerrechtliche Probleme transnationaler administrativer Standardsetzung” ZaörV 65 (2005) 351.
( 13 ) Klabbers, ibid p. 97 sa 94.
( 14 ) Ovvjament, il-Qorti Ġenerali kellha ġurisdizzjoni biex tisma’ kawżi kontra organi tal-Unjoni Ewropea qabel ma l-Artikolu 263 TFUE għamel referenza espliċita għalihom. Ara s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs EAR (Kawża T-411/06, Ġabra p. II-2771, punti 33 sa 57).
( 15 ) Ara l-ordni tal-4 ta’ Ġunju 2011, Elti d.o.o vs Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Montenegro (T‑395/11, punt 27).
( 16 ) Ara l-Artikoli 55, 171 u 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1). Ara wkoll l-Abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013. Dokument ta’ Ħidma Parti III. Korpi imwaqqfin mill-Unjoni Ewropea u li għandhom personalità ġuridika. KUM(2012) 300 — Mejju 2012.
( 17 ) Stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trademark Komunitarja (ĠU L 11, p. 1). Ir-Regolament Nru 40/94 tħassar skont l-Artikolu 166 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trademark Komunitarja (verżjoni kkodifikata) (ĠU L 78, p. 1).
( 18 ) Stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU L 227 p. 1).
( 19 ) Stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2002, dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea (ĠU L 240, p. 1).
( 20 ) Stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).
( 21 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, C‑270/12, punti 23, 73 u 74).
( 22 ) Ara pereżempju s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2011, Paul Miles et (C-196/09, Ġabra p. I-5105, punt 39); tal-15 ta’ Jannar 1986, Derrick Guy u Edmund Hurd u Jones (44/84, Ġabra p. 29, punti 3 sa 6, 20 u 21); tat-30 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-132/09, Ġabra p. I-8695).
( 23 ) Pereżempju, Elti d.o.o vs Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Montenegro.
( 24 ) Din hija interpretazzjoni tal-Liġi dwar il-proċedura amministrattiva li saret mit-Tartu Halduskohus u li tidher fid-deċiżjoni tar-rinviju.
( 25 ) Dan huwa xenarju relattivament mhux tas-soltu, imma wieħed li ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara l-każ klassiku Johnston vs RUC (222/84, Ġabra p. 1651).
( 26 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04 (C‑93/12, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot tal-14 ta’ Marzu 2013 fil-Kawża Agrokonsulting-04.
( 28 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs BEI (C-15/00, Ġabra p. I-7281, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju ġie applikat għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2011 L-Italja vs KESE (T-117/08, Ġabra p. II-1463, punt 32).
( 29 ) Ara pereżempju s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Otsa Talu (C-241/07, Ġabra p. I-4323). Fis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, Ir-Repubblika Awstrijaka vs Martin Huber (C-336/00, Ġabra p. I-7699), ġie ddikjarat fil-punt 40 li “l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ programm nazzjonali ta’ għajuna bl-ebda mod ma għandha l-effett li tagħti lil dak il-programm in-natura ta’ att tad-dritt Komunitarju”. Kif kompliet tosserva l-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess punt, dan ifisser li fejn kuntratt ta’ għajnuna ikun inkompatibbli mal-programm approvat mill-Kummissjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiġbed l-konklużjonijiet xierqa minn dan fid-dawl tal-liġi nazzjonali, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt Komunitarju rilevanti fl-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali (enfażi tiegħi). Ara wkoll l-analiżi tal-problema inkwistjoni f’dik il-kawża mill-Avukat Ġenerali Alber fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, is-sentenza Ir-Repubblika Awstrijaka vs Martin Huber ma eskludietx ir-regola li, fi proċeduri tad-dritt pubbliku għal stħarriġ ġudizzjarju, ir-rifjuti tal-għoti ta’ għajnuna għandhom jiġu mistħarrġa skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE u d-drittijiet fundamentali, flimkien mal-motivi nazzjonali għal stħarriġ ġudizzjarju.
( 30 ) Ara b’mod ġenerali, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni (C-362/06 P, Ġabra p. I-2903, punt 43).
( 31 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, J. McB (C-400/10 PPU, Ġabra p. I-8965).
( 32 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849, punt 47). Ara wkoll il-Kawżi magħquda Alassini et (C-317/08 sa C-320/08, Ġabra p. I-2213, punt 63). Pereżempju quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Levages Prestations Services vs Franza, tat-23 ta’ Ottubru 1996, § 40, Reports of Judgments and Decisions 1996-V u Assunção Chaves v. Portugal, Nru 61226/08, § 71, tal-31 ta’ Jannar 2012.
( 33 ) Ara l-Artikolu 52(1) tal-Karta.
( 34 ) JK Otsa Talu.
( 35 ) Ordni tal-31 ta’ Marzu 2011 Volker Mauerhofer vs Il-Kummissjoni (C-433/10 P, Ġabra p. I-48, punt 58).
( 36 ) Sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C-362/08, Ġabra p. I-669, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) Volker Mauerhofer vs Il-Kummissjoni, punt 61 u s-sentenza Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni.
( 38 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot tal-5 ta’ Lulju 2012 fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Jager & Polacek GmBh vs UASI (C‑402/11, punt 42) li tiċċita s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981 IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, Ġabra p. 2639).
( 39 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (114/86, Ġabra p. I-5317, punt 13).
( 40 ) Skont ir-risposta ta’ Liivimaa Lihaveis għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja kien hemm skambju ta’ emails bejn l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programm u l-Ministeru tal-Intern tal-Estonja f’Lulju 2010 fejn tal-ewwel kienet spjegat li fil-qafas tal-Programm Estonjan-Latvjan ma tittieħed l-ebda deċiżjoni amministrattiva rigward l-approvazzjoni jew ir-rifjut ta’ proġetti. Kandidati li ma jintgħażlux jirċievu biss ittra li tispjega l-motivi għar-rifjut.
( 41 ) Kien hemm diskussjoni dettaljata waqt is-seduta dwar jekk l-Awtorità ta’ Ġestjoni hijiex marbuta jew le bid-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ, u jekk tal-ewwel għandhiex is-setgħa jew le li tannulla rifjut ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna magħmula minn tal-aħħar. Fil-fehma tiegħi, dan qajla huwa rilevanti peress li l-unika notifika mibgħuta lill-applikant kienet l-ittra kkontestata. Barra minn hekk, ir-Regola 5, punt 8 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ tipprevedi li fil-“każ li l-Awtorità ta’ Ġestjoni jkollha oġġezzjonijiet serji dwar il-konformità ta’ deċiżjoni meħuda mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ mal-bażi legali tal-Programm, id-deċiżjoni ma għandhiex tittieħed sakemm l-Awtorità ta’ Ġestjoni ma tkunx iċċarat il-kwistjoni billi tikkomunika mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet rilevanti. […] Id-deċiżjoni l-ġdida tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rapport.”
( 42 ) Unibet, punt 65.
( 43 ) Sentenzi Agrokonsulting-04, punt 48; tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 14) u tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C-63/08, Ġabra p. I-10 467, punt 47).
( 44 ) Sentenza Agrokonsulting-04, punt 39.
( 45 ) Sentenza tal-21 ta’ Novembru 1990, Technische Universität Munchen vs Hauptzommamt München-Mitte (C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14).
( 46 ) Ara pereżempju s-sentenza JK Otsa Talu.
( 47 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Vent de Colère et (C‑262/12, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 48 ) Ara f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Richardson (C-137/94, Ġabra p. I-3407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).