Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62012CJ0361
Judgment of the Court (Third Chamber), 12 December 2013.#Carmela Carratù v Poste Italiane SpA.#Request for a preliminary ruling from the Tribunale di Napoli.#Social policy — Directive 1999/70/EC — Framework agreement on fixed-term work — Principle of non-discrimination — Employment conditions — National legislation establishing a system of compensation for the unlawful insertion of a fixed-term clause into an employment contract which is different from that applicable to the unlawful termination of an employment contract of indefinite duration.#Case C‑361/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013.
Carmela Carratù vs Poste Italiane SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Napoli.
Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet tal-impjieg’ — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sistema ta’ kumpens fil-każ ta’ ffissar illeċitu ta’ terminu lill-kuntratt ta’ xogħol differenti minn dik applikabbli għat-terminazzjoni illeċita ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.
Kawża C‑361/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013.
Carmela Carratù vs Poste Italiane SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Napoli.
Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet tal-impjieg’ — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sistema ta’ kumpens fil-każ ta’ ffissar illeċitu ta’ terminu lill-kuntratt ta’ xogħol differenti minn dik applikabbli għat-terminazzjoni illeċita ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.
Kawża C‑361/12.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:830
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
12 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )
“Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet tal-impjieg’ — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sistema ta’ kumpens fil-każ ta’ ffissar illeċitu ta’ terminu lill-kuntratt ta’ xogħol differenti minn dik applikabbli għat-terminazzjoni illeċita ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat”
Fil-Kawża C‑361/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Napoli (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura
Carmela Carratù
vs
Poste Italiane SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal C. Carratù, minn A. Cinquegrana u V. De Michele, avukati, |
— |
għal Poste Italiane SpA, minn R. Pessi, A. Maresca, L. Fiorillo u G. Proia, avukati, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Gerardis, avvocatessa dello Stato, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u M. van Beek, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/70”, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iddefinit fl-Artikolu 6 TUE, moqri flimkien mal-Artikoli 47 u 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħalma huma l-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ ekwivalenza u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn C. Carratù u Poste Italiane SpA (iktar ’il quddiem “Poste Italiane”) dwar l-iffissar ta’ terminu għal kuntratt ta’ xogħol li hija kienet ikkonkludiet ma’ din il-kumpannija. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 |
Il-klawżoli 1, 4, 5, u 8 tal-Ftehim qafas huma fformulati kif ġej: “L-iskop (il-klawżola 1) L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:
[...] Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni (il-klawżola 4)
Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż (il-klawżola 5)
[...] Disposizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni (il-klawżola 8)
[...]” |
Id-dritt Taljan
4 |
Taħt it-Titolu “Dekadenzi u dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat”, l-Artikolu 32 tal-Liġi Nru 183, tal-4 ta’ Novembru 2010 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 262, tad-9 ta’ Novembru 2010, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 183/2010”), jipprevedi: “1. L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 604, tal-15 ta’ Lulju 1966 [dwar it-tkeċċijiet individwali, GURI Nru 195, tas-6 ta’ Awwissu 1966, iktar ‘il quddiem il-’Liġi Nru 604/1966’], huma ssostitwiti mit-test li ġej: it-tkeċċija għandha tiġi kkontestata, taħt piena ta’ dekandenza, fi żmien 60 ġurnata minn meta tiġi riċevuta l-komunikazzjoni tagħha bil-miktub jew minn meta tiġi riċevuta l-komunikazzjoni, bil-miktub, tar-raġunijiet għaliha jekk din ma tkunx saret fl-istess ħin; il-kontestazzjoni għandha ssir bi kwalunkwe att bil-miktub, anki b’att extraġudizzjarju, li jgħarraf ir-rieda tal-ħaddiem, inkluż permezz tal-organizzazzjoni sindakali bl-għan li tiġi kkonstestata t-tkeċċija. Il-kontestazzjoni tkun mingħajr effett jekk ma tiġix segwita, fi żmien 270 ġurnata, mill-preżentata tar-rikors quddiem ir-reġistru tal-korp ġudizzjarju li jkun qiegħed jaġixxi bħala qorti tax-xogħol jew mill-komunikazzjoni lill-parti avversarja tat-tentattiv ta’ konċiljazzjoni jew ta’ arbitraġġ, bla ħsara għall-possibbiltà li jiġu prodotti dokumenti ġodda stabbiliti wara l-preżentata tar-rikors. Fil-każ ta’ rifjut tal-konċiljazzjoni jew tal-arbitraġġ mitluba jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar l-implementazzjoni tagħhom, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat, taħt piena ta’ dekadenza, fi żmien 60 ġurnata mir-rifjut jew min-nuqqas ta’ qbil. 2. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-[Liġi Nru 604/1966], kif emendati bil-paragrafu 1 tal-preżenti artikolu, għandhom japplikaw għall-każijiet kollha ta’ tkeċċija mhux valida. 3. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-[Liġi Nru 604/1966], kif emendati bil-paragrafu (1) tal-preżenti artikolu, barra minn hekk japplikaw: a) għall-każijiet ta’ tkeċċijiet li jeħtieġu li jiġu solvuti kwistjonijiet dwar il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol jew dwar il-legalità tat-terminu li jaffettwaha; […] d) għall-azzjoni għal annullament tat-terminu previst fil-kuntratt ta’ xogħol, skont l-Artikoli 1, 2 u 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368 [dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP], tas-6 ta’ Settembru 2001 [GURI Nru 235, tad-9 ta’ Ottubru 2001], kif emendat [iktar ’il quddiem id-‘Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001’], u t-termini jibdew jiddekorru mal-iskadenza tal-imsemmi żmien. 4. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 604/1966, kif emendati permezz tal-paragrafu (1) tal-preżenti artikolu, japplikaw ukoll: a) għall-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat stipulati fis-sens tal-Artikoli 1, 2 u 4 tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001] li fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-preżenti liġi jkunu qegħdin jiġu eżegwiti, u t-termini jibdew jiddekorru fl-iskadenza taż-żmien; (b) għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat stipulati b’applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali preċedenti għad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001] u li fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-preżenti liġi jkunu diġà ġew konklużi, bit-termini jibdew jiddekorru fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha; [...] 5. Fil-każ ta’ konverżjoni tal-kuntratt għal żmien determinat, il-qorti għandha tikkundanna lill-persuna li timpjega sabiex tħallas lill-ħaddiem kumpens globali ta’ bejn 2.5 u tnax-il xahar tal-aħħar remunerazzjoni globali reali tiegħu, skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-[Liġi Nru 604/1966]. […] 7. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (5) u (6) għandhom japplikaw għall-kawżi kollha, inklużi l-kawżi li fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi kienu pendenti. F’dak li jikkonċerna dawn l-aħħar kawżi, jekk ikun neċessarju l-qorti għandha tiffissa, għall-finijiet biss tad-determinazzjoni tal-kumpens previst fil-paragrafi (5) u (6), terminu sabiex, jekk ikun il-każ, tiġi ikkompletata t-talba u l-eċċezzjonijiet relattivi għaliha u għandha teżerċita s-setgħat istruttorji previsti fl-Artikolu 421 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.” |
5 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl-Italja, id-Direttiva 1999/70 ġiet implementata permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001. Skont l-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet, l-użu ta’ kuntratt ta’ xogħol bil-paga għal żmien determinat huwa biss awtorizzat għal raġunijiet ta’ natura teknika, jew raġunijiet relatati ma’ rekwiżiti ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni ta’ impjegati u tali kuntratt ikun ineffettiv jekk ma jkunx jirriżulta direttament jew indirettament minn att bil-miktub li fih jiġu speċifikati r-raġunijiet. Il-persuna li timpjega għandha tagħti kopja tal-att bil-miktub lill-impjegat f’terminu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol mill-bidu tal-impjieg. |
6 |
L-Artikolu 18 tal-Liġi Nru 300, tal-20 ta’ Mejju 1970, dwar l-istatus tal-ħaddiema (GURI Nru 131, tas-27 ta’ Mejju 1970), jipprovdi: “[…] Fid-deċiżjoni li permezz tagħha tiddikjara l-invalidità tat-tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 2 tal-[Liġi Nru 604/1966] jew tannulla t-tkeċċija mwettqa mingħajr nuqqas serju jew nuqqas kuntrattwali, jew tiddikjaraha nulla skont il-liġi stess, il-qorti għandha tordna lill-persuna li timpjega, sew jekk hija imprenditur jew le, li, f’kull sede, stabbiliment, sussidjarja, uffiċċju jew dipartiment awtonomu fejn seħħet it-tkeċċija, jimpjega iktar minn 15-il ħaddiem, jew iktar minn 5 jekk tkun impriża agrikola, sabiex timpjega lill-ħaddiem mill-ġdid fl-impjieg tiegħu. […] Fid-deċiżjoni […], il-qorti għandha tikkundanna lill-persuna li timpjega sabiex tikkumpensa lill-ħaddiem għad-dannu kkawżat permezz tat-tkeċċija li tagħha ġiet iddikjarata n-nullità jew l-invalidità permezz ta’ kumpens li jikkorrispondi għar-remunerazzjoni globali reali mill-jum tat-tkeċċija sa dak tal-impjieg mill-ġdid effettiv u għandha tikkundannaha tħallas il-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali mill-jum tat-tkeċċija sa dak tal-impjieg mill-ġdid effettiv; f’ebda każ ma jista’ jingħata kumpens ta’ inqas minn ħames xhur remunerazzjoni globali reali. Bla ħsara għad-dritt għall-kumpens […], il-ħaddiem jista’ jitlob lill-persuna li timpjega sabiex tissostitwixxi l-impjieg mill-ġdid permezz ta’ kumpens ugwali għal 15-il xahar remunerazzjoni globali reali. Jekk il-ħaddiem la jkun reġà beda jaħdem fi 30 ġurnata minn meta jirċievi l-istedina tal-persuna li timpjega u lanqas ma jkun talab, fi tletin ġurnata mill-komunikazzjoni tal-preżentata tad-deċiżjoni, għall-ħlas tal-kumpens imsemmi fl-ewwel paragrafu, ir-relazzjoni tax-xogħol titqies bħala solvuta mal-iskadenza tat-termini li jinsabu hawn fuq. Id-deċiżjoni mogħtija […] hija eżegwibbli immedjatament.” |
7 |
Il-Liġi Nru 604/1966 tippromulga dispożizzjonijiet fil-qasam tat-tkeċċijiet individwali fil-kuntest tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Skont l-Artikolu 8 ta’ din il-liġi: “Meta jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija għal kawża ġusta jew raġuni ġustifikata ma jeżistux, il-persuna li timpjega hija obbligata timpjega lill-ħaddiem mill-ġdid fi żmien 3 ijiem jew, fin-nuqqas ta’ dan, tikkumpensah billi tħallsu kumpens ta’ ammont ta’ bejn minimu ta’ 2.5 xhur u massimu ta’ 6 xhur tal-aħħar remunerazzjoni globali reali, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-numru ta’ ħaddiema impjegati, tad-daqs tal-impriża, tat-tul tas-servizz tal-ħaddiem u tal-aġir u l-kundizzjonijiet tal-partijiet. L-ammont massimu ta’ dan il-kumpens jista’ jiżdied għal 10 xhur għall-ħaddiema li t-tul ta’ servizz tagħhom huwa ta’ iktar minn 10 snin u sa 14-il xahar għal dawk li t-tul ta’ servizz tagħhom jaqbeż l-20 sena, jekk il-persuna li tħaddimhom tkun timpjega iktar minn 15-il ħaddiem.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 |
C. Carratù ġiet impjegata minn Poste Italiane sabiex taħdem fiċ-ċentru tal-posta tal-Campagnia bħala “skrivan junior fiċ-ċentru tal-mekkanizzazzjoni postali”, permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat li kien ikopri l-perijodu mill-4 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Settembru 2004. Il-kuntratt, iffirmat biss minnha stess fl-4 ta’ Ġunju 2004, ingħatalha lura, bil-firma ta’ Poste Italiane, fil-15 ta’ Ġunju 2004. |
9 |
L-iffissar ta’ terminu lill-kuntratt ġie ġġustifikat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, mill-ħtieġa li jipprovdu sostituzzjoni tal-persunal assenti matul il-perijodu tal-vaganzi tas-sajf. |
10 |
Fil-21 ta’ Settembru 2004, permezz ta’ ittra reġistrata, C. Carratù għamlet ruħha disponibbli għal Poste Italiane. Billi qieset li r-reklutaġġ tagħha għal żmien determinat kien illegali u mingħajr effett peress li l-kuntratt ġie biss iffirmat minn din tal-aħħar fil-15 ta’ Ġunju 2004, C. Carratù, wara li bdiet, għalxejn, proċedura ta’ konċiljazzjoni, ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale di Napoli, li kien qiegħed jaġixxi bħala qorti tax-xogħol. Hija tikkontesta l-użu ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, peress li dan ma kienx jaqa’ taħt il-każijiet previsti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 u, b’mod partikolari, dan il-kuntratt ġie konkluż mingħajr indikazzjoni la tal-identità tal-ħaddiema li għandhom jiġu sostitwiti u lanqas tat-tul tal-assenza tagħhom u r-raġunijiet preċiżi ta’ tali assenza. Konsegwentement, hija titlob li l-kuntratt tax-xogħol tagħha għal żmien determinat jinbidel f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, l-għoti mill-ġdid fl-impjieg tagħha wara din il-bidla kif ukoll il-ħlas tar-remunerazzjonijiet dovuti akkumulati fil-frattemp. |
11 |
Poste Italiane ssostni li motivi reali, relattivi għal bżonn ta’ sostituzzjoni, kienu jiġġustifikaw l-użu ta’ kuntratt għal żmien determinat għar-reklutaġġ ta’ C. Carratù. Fi kwalunkwe każ, din il-kumpannija tikkontesta l-eżistenza ta’ dritt, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għall-ħlas tar-remunerazzjonijiet li jikkonċernaw il-perijodu ta’ qabel it-tressiq tat-talba tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, billi l-persuna kkonċernata kellha biss dritt għal sempliċi kumpens. |
12 |
Permezz ta’ deċiżjoni interlokutorja tal-25 ta’ Jannar 2012, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li kuntratt għal żmien determinat kien jorbot lir-rikorrenti ma’ Poste Italiane sa mill-4 ta’ Ġunju 2004. Madankollu, it-Tribunale di Napoli għad irid jiddeċiedi dwar il-konsegwenzi fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-annullament tal-kuntratt għal żmien determinat u jiddetermina l-ammont tal-kumpens dovut lill-ħaddiem illegalment impjegat għal żmien determinat. |
13 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqajjem ċertu kontradizzjoni bejn, minn naħa, is-sistema ta’ kumpens prevista bil-Liġi Nru 183/2010 u, min-naħa l-oħra, is-sistema ta’ rimedju tad-dritt ordinarju applikabbli fl-oqsma l-oħra kollha tad-dritt ċivili. Fil-fatt, l-Artikolu 32(5) ta’ din il-liġi jistabbilixxi, favur il-ħaddiem impjegat b’mod illegali għal żmien determinat, kumpens ta’ bejn 2.5 u 12-il xahar tal-aħħar remunerazzjoni globali tiegħu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 604/1966. |
14 |
Skont il-qorti tar-rinviju, tali sistema ta’ kumpens tippenalizza ħafna lill-ħaddiem għal żmien determinat sa fejn, ikunu xi jkunu t-tul tal-proċedura u l-mument li dan jingħata l-impjieg tiegħu mill-ġdid, huwa ma jkunx jista’ jirċievi kumpens ta’ iktar minn massimu ta’ 12-il xahar paga. F’dan ir-rigward, ħaddiem li illegalment jiġi ingaġġat għal żmien determinat ikun jibbenefika minn protezzjoni inqas favorevoli minn dik prevista permezz tal-prinċipji tad-dritt ċivili kif ukoll minn dik riżervata għall-ħaddiem impjegat għal żmien indeterminat imkeċċi illegalment li, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 18 tal-Liġi Nru 300, tal-20 ta’ Mejju 1970, għandu dritt għal ħlas ta’ kumpens proporzjonat għal kwalunkwe perijodu li jkun għadda bejn it-tkeċċija illegali u l-għoti mill-ġdid effettiv tal-impjieg tiegħu. |
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija interpretazzjoni tal-Artikolu 32(5) tal-Liġi Nru 183/2010 mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza tal-protezzjoni garantita lill-ħaddiem impjegat għal żmien determinat li l-Istati Membri għandhom josservaw skont id-Direttiva 1999/70, kif ukoll mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit mill-Artikoli 47 tal-Karta u 6 tal-KEDB. |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Napoli ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi ta’ C. Carratù sussegwenti għall-għeluq tal-proċedura orali
17 |
Permezz ta’ talba tal-14 ta’ Ottubru 2013, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru sussegwenti, C. Carratù, wara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-26 ta’ Settembru 2013, talbet, prinċipalment, abbażi tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali billi invokat il-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex informata biżżejjed, l-eżistenza ta’ fatti ġodda u l-probabbiltà li l-kawża tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet. Sussidjarjament, C. Carratù tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tindirizza lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki. Fl-aħħar nett, b’mod iktar sussidjarju, C. Carratù titlob li l-partijiet fil-Kawża D’Aniello et (C‑89/13), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu awtorizzati jippreżentaw osservazzjonijiet fil-preżenti kawża. |
18 |
Għandu jitfakkar li, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (sentenza tal-11 ta’ April 2013, Novartis Pharma, C‑535/11, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
19 |
Fit-tieni lok, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Fl-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni, huwa jista’, meta jkun il-każ, janalizza talba għal deċiżjoni preliminari billi jqiegħdha f’kuntest usa’ minn dak strettament iddefinit mill-qorti tar-rinviju jew mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li fuqha dawn huma bbażati, ma huwiex indispensabbli li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, kull darba li l-Avukat Ġenerali jqajjem punt ta’ liġi li ma kienx is-suġġett ta’ skambju bejn il-partijiet (sentenza Novartis Pharma, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
F’dan il-każ, minn naħa, it-talba għal deċiżjoni preliminari bl-ebda mod ma teħtieġ li tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet. Min-naħa l-oħra, it-talba għal kjarifiki mressqa minn C. Carratù hija nieqsa minn interess sa fejn il-qorti tar-rinviju esponiet, b’mod korrett, il-qafas leġiżlattiv nazzjonali, liema punt bl-ebda mod ma ġie kkontestat fl-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett, billi l-Kawżi C‑361/12 u C‑89/13 ma ġewx magħquda, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà li, matul l-eżami ta’ kawża, jinstemgħu partijiet ta’ kawża oħra. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-imsemmija talba. |
21 |
Konsegwentement, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, it-talbiet ta’ C. Carratù kif imfakkra fil-punt 17 tas-sentenza preżenti ma għandhomx jintlaqgħu. |
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
22 |
Poste Italiane tqis li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma inammissibbli peress li, minn naħa, din tal-aħħar ma identifikatx il-kriterji li abbażi tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 32(5) sa (7) tal-Liġi Nru 183/2010, dwar is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ffissar illeċitu ta’ terminu lill-kuntratt ta’ impjieg, ma jaqax taħt id-Direttiva 1999/70. Fil-fatt, din id-direttiva ġiet trasposta fid-dritt intern Taljan permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, filwaqt li d-dispożizzjoni kontenzjuża, li daħlet fis-seħħ biss fl-24 ta’ Novembru 2010, ġiet adottata għal għanijiet u skopijiet li ma humiex in-neċessità li tiġi implementata din id-direttiva, jiġifieri s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ffissar illeċitu ta’ terminu lill-kuntratt ta’ ingaġġ ta’ impjegat, aspett li bl-ebda mod ma huwa rregolat mill-imsemmija direttiva. |
23 |
Qabelxejn għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa possibbli li din tal-aħħar tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li huma magħmula lilha (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2008, Gourmet Classic, C-458/06, Ġabra p. I-4207, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
F’dan il-każ, jidher ftit li xejn kontestabbli li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tissodisfa b’mod effettiv bżonn oġġettiv inerenti għas-soluzzjoni ta’ tilwima pendenti quddiemha. Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-kuntratt ta’ xogħol, peress li huwa kuntratt għal żmien determinat, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tal-Ftehim qafas u, fit-tieni lok, it-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-komparabbiltà tas-sitwazzjoni legali ta’ impjegat ingaġġat għal żmien determinat ma’ dik tal-impjegati ingaġġati għal żmien indeterminat. |
25 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li l-kwistjoni ta’ jekk il-Liġi Nru 183/2010 ġietx adottata fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 hija irrilevanti għall-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata bħala ammissibbli. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq is-seba’ domanda
27 |
Permezz tas-seba’ domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tista’ tiġi invokata direttament kontra entità statali, bħalma hi l-konvenuta fil-kawża prinċipali. |
28 |
Għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tidher li hija, mil-lat tal-kontenut tagħha, mingħajr kondizzjoni u preċiża biżżejjed sabiex tiġi invokata minn individwu quddiem qorti nazzjonali (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 68). |
29 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fost in-numru ta’ entitajiet li fil-konfront tagħhom jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effetti diretti, hemm entità li, tkun xi tkun il-forma ġuridika tagħha, tkun ġiet inkarigata, bis-saħħa ta’ att tal-awtorità pubblika, li twettaq, taħt il-kontroll tagħha, servizz ta’ interess pubbliku u li jkollha, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi (ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Kuso, C‑614/11, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 106 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, Poste Italiane hija entità kollha kemm hi proprjetà tal-Istat Taljan permezz tal-uniku azzjonista tagħha, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi. Barra minn hekk, din qiegħda taħt is-superviżjoni tal-Istat u tal-Corte dei Conti (Qorti tal-Awdituri), li għandha membru tagħha li qiegħed fil-Bord tad-Diretturi tagħha. |
31 |
Konsegwentement, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li din tista’ tiġi invokata direttament kontra entità statali, bħalma hija Poste Italiane. |
Fuq ir-raba’ domanda
32 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “kondizzjonijiet [tal-]impjieg” jinkludi l-kumpens li persuna li timpjega għandha tħallas lil ħaddiem minħabba l-iffissar illeċitu ta’ terminu lill-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. |
33 |
Għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Ftehim qafas, il-klawżola 4 tiegħu għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, Ġabra p. I-14031, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Minkejja li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-Konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas ma jiddefinixxux b’mod espress il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet [tal‑]impjieg”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tinterpreta dan il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet [tal‑]impjieg” fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), liema klawżola hija redatta fi kliem kważi identiku għal dak tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas. |
35 |
B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi determinat jekk miżura taqax taħt il-“kondizzjonijiet [tal‑]impjieg” fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni tax-xogħol bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C-395/08 u C-396/08, Ġabra p. I-5119, punt 46). |
36 |
F’dak li jikkonċerna l-Ftehim qafas, dan ir-raġunament huwa trasponibbli għall-kumpensi intiżi sabiex jikkumpensaw l-użu illeċitu ta’ kuntratt għal żmien determinat. |
37 |
Fil-fatt, huwa stabbilit li tali kumpens jingħata lil ħaddiem minħabba r-relazzjoni tax-xogħol li torbtu mal-persuna li timpjegah. Billi dan jingħata minħabba l-impjieg, dan jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet [tal‑]impjieg”. |
38 |
Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “kondizzjonijiet [tal‑]impjieg” jinkludi l-kumpens li persuna li timpjega hija obbligata tħallas lil ħaddiem minħabba l-iffissar illeċitu ta’ terminu lill-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. |
Fuq il-ħames domanda
39 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija timponi li l-kumpens mogħti fil-każ ta’ ffissar illeċitu ta’ terminu lil kuntratt ta’ xogħol u dak imħallas fil-każ ta’ terminazzjoni illeċita ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat jiġu ttrattati b’mod identiku. |
40 |
Preliminarjament għandu jitfakkar li, skont il-klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li tittejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, it‑tielet paragrafu tal-preambolu ta’ dan il-ftehim qafas jippreċiża li dan “[juri] d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika, għal dan l-għan, li l-għan tal-Ftehim qafas jikkonsisti, b’mod partikolari, fit-titjib tal-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiġu stabbiliti ħtiġijiet minimi ta’ natura li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). |
41 |
Il-ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, għandu l-għan li japplika l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż li relazzjoni tax-xogħol ta’ dan it-tip tintuża mill-persuna li timpjega sabiex tiċħad lil dawn il-ħaddiema mid-drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, Ġabra p. I-7109, punt 37). |
42 |
Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, l-ugwaljanza fit-trattament ma tapplikax bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat li ma humiex komparabbli. |
43 |
Għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat jekk il-kumpens imħallas fil-każ ta’ ffissar illeċitu ta’ terminu lil kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u dak imħallas fil-każ ta’ terminazzjoni illeċita ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat għandux jiġi stabbilit b’mod identiku, qabelxejn għandu jiġi eżaminat jekk il-persuni kkonċernati jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li wieħed minn dawn il-kumpensi jitħallas f’sitwazzjoni li hija ferm differenti minn dik li tagħti lok għall-ħlas tal-kumpens l-ieħor. Fil-fatt, l-ewwel kumpens jikkonċerna ħaddiema li l-kuntratt tagħhom ikun ġie stabbilit b’mod irregolari, filwaqt li t-tieni wieħed jikkonċerna ħaddiema mkeċċija. |
45 |
Minn dan isegwi li l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li huma komparabbli, kif imposta bil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, ma tapplikax f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
46 |
Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li l-klawżola 8(1) tal-Ftehim qafas tgħid li “[l]-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għal ħaddiema milli kif stabbilit f’dan il-ftehim”. |
47 |
B’mod iktar partikolari, minkejja li l-formulazzjoni tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas ma tippermettix li jitqies li l-kumpens li jissanzjona l-iffissar ta’ terminu illeċitu lil kuntratt ta’ xogħol u dak li jikkorrispondi għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat jirrigwardaw ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli, mill-qari tal-imsemmija klawżoli 4(1) u 8(1) flimkien jirriżulta li dawn jawtorizzaw lill-Istati Membri li jkunu hekk jixtiequ sabiex jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat u, għaldaqstant, jassimilaw, f’ipoteżi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konsegwenzi pekunjarji tal-konklużjoni illeċita ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma’ dawk li jistgħu jinsiltu fil-każ ta’ terminazzjoni illeċita ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat. |
48 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li, minkejja li l-Ftehim qafas ma jipprekludix li l-Istati Membri jintroduċu trattament iktar favorevoli minn dak previst minnu għall-ħaddiema għal żmien determinat, il-klawżola 4(1) ta’ dan il-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma timponix li l-kumpens mogħti fil-każ ta’ ffissar illeċitu ta’ terminu lil kuntratt ta’ xogħol u dak imħallas fil-każ ta’ terminazzjoni illeċita ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat jiġu ttrattati b’mod identiku. |
Fuq l-ewwel, it-tieni, it-tielet u s-sitt domandi
49 |
Fid-dawl tar-risposti għar-raba’ u l-ħames domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel, it-tieni, it-tielet u s-sitt domandi. |
Fuq l-ispejjeż
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.