Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0267

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013.
    Frédéric Hay vs Crédit agricole mutuel de Charente-Maritime u des Deux-Sèvres.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza).
    Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Ftehim kollettiv li jirriżerva vantaġġ fil-qasam tar-remunerazzjoni u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol lill-impjegati li jiżżewġu – Esklużjoni tal-imsieħba li jikkonkludu patt ċivili ta’ solidarjetà – Diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali.
    Kawża C‑267/12.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:823

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    12 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

    “Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament — Ftehim kollettiv li jirriżerva vantaġġ fil-qasam tar-remunerazzjoni u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol lill-impjegati li jiżżewġu — Esklużjoni tal-imsieħba li jikkonkludu patt ċivili ta’ solidarjetà — Diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali”

    Fil-Kawża C‑267/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura

    Frédéric Hay

    vs

    Crédit agricole mutuel de Charente-Maritime et des Deux-Sèvres,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal F. Hay, minn A. Lamamra, avukat,

    għal Crédit agricole mutuel de Charente-Maritime u des Deux‑Sèvres, minn J.-J. Gatineau, avukat,

    għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u J. Rossi, bħala aġenti,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u D. Martin, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn F. Hay u Crédit agricole mutuel de Charente-Maritime et des Deux-Sèvres (iktar ’il quddiem “Crédit agricole”), il-persuna li timpjegah, dwar ir-rifjut ta’ din il-persuna li tagħtih, wara l-konklużjoni ta’ patt ċivili ta’ solidarjetà (iktar ’il quddiem il-“PACS”), il-jiem ta’ leave speċjali u l-bonus salarjali previsti għall-impjegati li jiżżewġu.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 22 tad-Direttiva 2000/78 tipprovdi:

    “Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili u d-drittijiet li jiddependu minnhom.”

    4

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

    “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

    5

    Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

    “1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1;

    2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

    (a)

    għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

    (b)

    għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

    (i)

    meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, [...]

    [...]

    5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

    6

    L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprovdi kif ġej:

    “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

    [...]

    (ċ)

    il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

    [...]”

    Id-dritt Franċiż

    Il-Kodiċi Ċivili

    7

    L-Artikolu 144 tal-Kodiċi Ċivili, kif emendat bil-Liġi Nru 99‑944, tal-15 ta’ Novembru 1999 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi:

    “Raġel u mara ma jistgħux jidħlu fi żwieġ qabel ma jkunu għalqu tmintax –il sena.”

    8

    L-Artikolu 515‑1 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

    “Patt ċivili ta’ solidarjetà huwa kuntratt konkluż minn żewġ persuni fiżiċi maġġurenni, ta’ sess differenti jew tal-istess sess, sabiex jorganizzaw il-ħajja komuni tagħhom”

    9

    L-Artikolu 515‑4 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

    “L-imsieħba marbuta bi patt ċivili ta’ solidarjetà jimpenjaw ruħhom għal ħajja komuni, kif ukoll għal għajnuna materjali reċiproka u għal assistenza reċiproka. Jekk l-imsieħba ma jipprovdux mod ieħor, l-għajnuna materjali hija proporzjonali għal mezzi rispettivi tagħhom.

    L-imsieħba huma responsabbli insolidum fir-rigward ta’ terzi għad-djun ikkontrattati minn wieħed minnhom għall-bżonnijiet tal-ħajja ta’ kuljum. [...]”

    Il-Kodiċi tax-Xogħol

    10

    L-Artikolu L. 122‑45 tal-Kodiċi tax-Xogħol, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”) jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet diretti jew indiretti bbażati b’mod partikolari fuq l-orjentazzjoni sesswali, fil-qasam tar-remunerazzjonijiet u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol

    11

    L-Artikolu L. 226‑1 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi:

    “Kull impjegat għandu jibbenefika, fuq ġustifikazzjoni u fl-okkażjoni ta’ ċerti avvenimenti familjali, minn awtorizzazzjoni eċċezzjonali għal assenza ta’:

    Erbat ijiem għaż-żwieġ tal-impjegat;

    [...]”

    Il-ftehim kollettiv nazzjonali ta’ Crédit agricole

    12

    L-Artikolu 20 tal-ftehim kollettiv nazzjonali ta’ Crédit agricole, intitolat “Leave speċjali” jipprovdi:

    “Leave rremunerat, b’salarju sħiħ, huwa mogħti fiċ-ċirkustanzi segwenti:

    [...]

    3° Membri tal-persunal permanenti

    Żwieġ:

    tal-membru tal-persunal: 10 ijiem ta’ xogħol;

    tal-wild tal-membru tal-persunal: 3 ijiem ta’ xogħol;

    tal-aħwa tal-membru tal-persunal: 1 ġurnata ta’ xogħol.

    [...]”

    13

    L-Artikolu 34 tal-ftehim kollettiv nazzjonali ta’ Crédit agricole, intitolat “Bonusijiet u Pagamenti Diversi”, jipprovdi:

    “Bonus taż-żwieġ

    Kull impjegat permanenti jirċievi fil-mument taż-żwieġ tiegħu bonus ugwali, għal kull xhar ta’ preżenza, għal 1/36 tas-salarju fix-xhar tax-xhar preċedenti għaż-żwieġ.

    [...]”

    14

    Permezz ta’ ftehim tal-10 ta’ Lulju 2008 li jemenda l-Artikoli 20, 22 u 34 tal-ftehim kollettiv nazzjonali ta’ Crédit agricole, il-benefiċċju ta’ dawn il-vantaġġi ġie estiż fil-każ ta’ konklużjoni ta’ PACS. L-Association française des banques (Assoċjazzjoni Franċiża tal-banek) u l-federazzjonijiet sindakali kkonkludew ukoll, fis-27 ta’ Settembru 2010, emenda għall-ftehim kollettiv tal-bank tal-10 ta’ Jannar 2000 sabiex jestendu l-leave għal avvenimenti familjali għall-impjegati marbuta b’PACS. Id-dispożizzjonijiet ta’ din l-emenda ġew estiżi għas-settur bankarju kollu, permezz ta’ digriet tal-Ministru tax-Xogħol, tal-Impjieg u tas-Saħħa tat-23 ta’ Diċembru 2010.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    15

    F. Hay ilu impjegat ma’ Crédit agricole mill-1998.

    16

    Fil-11 ta’ Lulju 2007, F. Hay ikkonkluda PACS ma’ persuna tal-istess sess. F’din l-okkażjoni, F. Hay talab l-għoti tal-jiem ta’ leave speċjali u tal-bonus taż-żwieġ mogħtija lill-ħaddiem impjegat li jiżżewweġ skont il-ftehim kollettiv nazzjonali ta’ Crédit agricole. Madankollu, Crédit agricole irrifjutatlu l-benefiċċju ta’ dawn il-vantaġġi peress li, skont dan il-ftehim kollettiv, dawn il-vantaġġi huma mogħtija biss f’każ ta’ żwieġ.

    17

    Fis-17 ta’ Marzu 2008, F. Hay ressaq quddiem il-conseil de prud’hommes de Saintes (Tribunal Industrijali ta’ Saintes) talba intiża sabiex jinkiseb il-ħlas tal-bonus taż-żwieġ li jammonta għal EUR 2637.85 kif ukoll il-ħlas ta’ pagament għall-jiem ta’ leave speċjali li jammonta għal 879.29 li ġewlu rrifjutati. Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2008, il-conseil de prud’hommes de Saintes ċaħad din it-talba billi qies li l-bonus mogħti f’każ ta’ żwieġ ma huwiex relatat mal-impjieg, iżda mal-istatus ċivili u billi qies li l-Kodiċi Ċivili jagħmel differenza bejn iż-żwieġ u l-PACS. Huwa madankollu rrileva li l-ftehim kollettiv nazzjonali ta’ Crédit agricole kien ġie emendat fl-10 ta’ Lulju 2008 sabiex jestendi għall-persuni marbuta b’PACS il-benefiċċju ta’ dan il-ftehim fir-rigward tal-bonus u tal-leave għaż-żwieġ, iżda qies li din l-estensjoni ma kinitx retroattiva.

    18

    Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Marzu 2010, il-cour d’appel de Poitiers (Qorti tal-Appell ta’ Poitiers) ikkonfermat din is-sentenza għall-motiv li l-PACS kien differenti miż-żwieġ fir-rigward tal-formalitajiet relatati maċ-ċelebrazzjoni, tal-possibbiltà li jiġi konkluż minn żewġ persuni fiżiċi maġġorenni ta’ sess differenti jew tal-istess sess, tal-mod ta’ kif jiġi xolt kif ukoll tal-obbligi reċiproċi fil-qasam tad-dritt patrimonjali, tad-dritt tas-suċċessjoni u tad-dritt tal-filjazzjoni. Din il-qorti qieset ukoll li d-differenza fit-trattament bejn konjuġi miżżewġin u imsieħba ta’ PACS fil-qasam tal-vantaġġi rremunerati għal avvenimenti familjali la tirriżulta mis-sitwazzjoni ta’ familja tagħhom u lanqas mill-orjentazzjoni sesswali tagħhom, iżda din tirriżulta minn differenza fl-istatus li tirriżulta mill-istatus ċivili tagħhom li ma jqiegħdhomx f’sitwazzjoni identika.

    19

    Fit-28 ta’ Mejju 2010, F. Hay appella minn din is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (Qorti tal-Kassazzjoni). Skont F. Hay, ir-rifjut ta’ Crédit agricole li tagħtih il-benefiċċju tal-jiem ta’ leave speċjali u tal-bonus taż-żwieġ previsti mill-ftehim kollettiv nazzjonali ta’ Crédit agricole jikkostitwixxi diskriminazzjoni relatata mal-orjentazzjoni sesswali tiegħu, kuntrarja għall-Artikolu L. 122‑45 tal-Kodiċi tax-Xogħol, għall-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll għall-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

    20

    F. Hay jenfasizza li, skont l-Artikolu 144 tal-Kodiċi Ċivili, il-persuni ta’ sess differenti biss jistgħu jiżżewġu, filwaqt li l-persuni tal-istess sess jistgħu biss jikkonkludu PACS, skont l-Artikolu 515‑1 tal-Kodiċi Ċivili. Minn din l-istess dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-ftehim kollettiv nazzjonali ta’ Crédit agricole, jirriżulta li l-persuni tal-istess sess marbuta b’PACS ma jistgħux jibbenefikaw mill-jiem ta’ leave u mill-bonus taż-żwieġ mogħtija lill-persunal miżżewweġ ta’ din l-impriża.

    21

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva [2000/78] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li jirriżerva l-konklużjoni ta’ żwieġ għal persuni ta’ sess differenti, tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu, xieraq u neċessarju li jiġġustifika d-diskriminazzjoni indiretta li tirriżulta mill-fatt li ftehim kollettiv, billi jirriżerva vantaġġ fil-qasam ta’ remunerazzjoni u ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol lill-impjegati li jiżżewġu, neċessarjament jeskludi minn dan il-vantaġġ lill-imsieħba tal-istess sess li kkonkludew [PACS]?”

    Fuq id-domanda preliminari

    22

    Id-domanda preliminari hija bbażata fuq il-premessa li l-ftehim kollettiv nazzjonali ta’ Crédit agricole jinvolvix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 u tikkonċerna l-punt dwar jekk tali diskriminazzjoni tistax tiġi ġġustifikata.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, anki jekk, fuq il-livell formali, il-qorti tar-rinviju limitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża mressqa quddiemha, u dan irrispettivament minn jekk il-qorti tar-rinviju tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf, C-229/08, Ġabra p. I-1, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, kif indikata fid-deċiżjoni tar-rinviju, hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk ftehim kollettiv nazzjonali, bħal dak ta’ Crédit agricole, jinvolvix diskriminazzjoni diretta jew indiretta skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

    25

    Għaldaqstant hemm lok li jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2)(a) u (b) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv, bħala dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ħaddiem impjegat li jikkonkludi PACS ma’ persuna tal-istess sess huwa eskluż mid-dritt li jikseb vantaġġi, bħal jiem ta’ leave speċjali u bonus salarjali, mogħtija lill-ħaddiema impjegati fl-okkażjoni taż-żwieġ tagħhom, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma tippermettix lill-persuni tal-istess sess jiżżewġu.

    26

    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, hekk kif tindika l-premessa 22 tad-Direttiva 2000/78, il-leġiżlazzjoni dwar l-istat ċivili tal-persuni taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 hija intiża sabiex tiġġieled, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, kontra ċerti tipi ta’ diskriminazzjonijiet, li fosthom hemm dawk ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali, bil-għan li timplementa, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ugwali (ara, s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer, C-147/08, Ġabra I-3591, punt 38).

    27

    Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta jadottaw miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu b’osservanza ta’ din id-direttiva (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C-447/09, Ġabra p. I-8003, punt 48, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2012, Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt, C‑132/11, punt 22).

    28

    Billi jipprevedu l-għoti ta’ leave rremunerat u ta’ bonus għaż-żwieġ fl-okkażjoni taż-żwieġ ta’ impjegat tal-impriża, l-Artikoli 20 u 34 tal-ftehim kollettiv nazzjonali ta’ Crédit agricole jistabbilixxu regoli relatati mal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol u, b’mod partikolari, mal-kundizzjonijiet tar-remunerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, il-kunċett ta’ remunerazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’ u jinkludi, b’mod partikolari, il-vantaġġi kollha fi flus jew in natura, attwali jew futuri, sakemm dawn huma mogħtija, anki jekk b’mod indirett, mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem abbażi tal-impjieg ta’ dan tal-aħħar, irrispettivament minn jekk dawn huma riċevuti abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew b’mod volontarju (ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et, C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11, punt 35).

    29

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2000/78 tapplika għal sitwazzjoni bħal dik li tat lok għall-kawża prinċipali.

    30

    Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” ifisser l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

    31

    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li din il-forma ta’ diskriminazzjoni sseħħ meta persuna tkun ittrattata b’mod inqas favorevoli minn dak li bih tkun ittrattata persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li fosthom hemm l-orjentazzjoni sesswali.

    32

    Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni tippresupponi li s-sitwazzjonijiet ikkunsidrati huma paragunabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Römer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

    33

    F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li, minn naħa, ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu paragunabbli u, min-naħa l-oħra, l-eżami ta’ din in-natura paragunabbli ma għandux isir b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-benefiċċju kkonċernat (ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C-267/06, Ġabra p. I-1757, punti 67 sa 69, u Römer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

    34

    Għaldaqstant, fir-rigward tal-isħubija ċivili rreġistrata kif prevista mil-liġi dwar l-isħubija ċivili rreġistrata (Gesetz über die Eingetragene Lebenspartnerschaft) Ġermaniża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-paragun tas-sitwazzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni ffokata fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-konjuġi miżżewġin u tal-imsieħba ċivili rreġistrati, hekk kif jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet interni applikabbli, li huma rilevanti b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għan u tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u ma għandux jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk id-dritt nazzjonali wettaqx assimilazzjoni legali ġenerali u kompleta tas-sħubija ċivili rreġistrata maż-żwieġ (ara s-sentenza Römer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

    35

    Fir-rigward tal-leave rremunerat u tal-bonus li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħtu lill-impjegati fl-okkażjoni taż-żwieġ, għandu jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjoni tal-persuni li jidħlu fi żwieġ u dik tal-persuni li, fin-nuqqas li jistgħu jiżżewġu ma’ persuna tal-istess sess, jikkonkludu PACS humiex paragunabbli.

    36

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-persuni tal-istess sess jistgħu jikkonkludu PACS sabiex jorganizzaw il-ħajja komuni tagħhom, billi jimpenjaw ruħhom, fil-kuntest ta’ din il-ħajja komuni, għal għajnuna materjali reċiproka u għal assistenza reċiproka. Il-PACS, li għandu jkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni magħquda u ta’ reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-qorti distrettwali fil-post li fih il-persuni kkonċernati jistabbilixxu r-residenza tagħhom flimkien, jikkostitwixxi, bħaż-żwieġ, forma ta’ unjoni ċivili tad-dritt Franċiż, li tqiegħed lill-koppja f’kuntest legali preċiż li jistabbilixxi drittijiet u obbligi reċiproċi u fir-rigward ta’ terzi. Għalkemm il-PACS huwa disponibbli wkoll għall-persuni ta’ sess differenti, u minkejja differenzi globali li jistgħu jeżistu bejn is-sistema taż-żwieġ u dik tal-PACS, dan tal-aħħar kien jikkostitwixxi l-unika possibbiltà li, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, id-dritt Franċiż kien joffri lill-koppji tal-istess sess sabiex jagħtu status legali lill-koppja tagħhom li huwa ċert u validu fir-rigward ta’ terzi.

    37

    Għaldaqstant jidher li, fir-rigward tal-vantaġġi f’termini ta’ remunerazzjoni jew ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol, bħal jiem ta’ leave speċjali u bonus bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħtija fl-okkażjoni tal-konklużjoni tal-unjoni ċivili li hija ż-żwieġ, il-persuni tal-istess sess li, peress li ma jistgħux jidħlu fi żwieġ, jikkonkludu PACS jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-koppji li jiżżewġu.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-Conseil constitutionnel (Kunsill Kostituzzjonali) iddeċieda, fid-deċiżjoni tiegħu Nru 2011‑155, Laurence L., li l-koppji miżżewġin u l-koppji marbuta b’PACS ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tad-dritt għal pensjoni tas-superstiti, ma jistax jeskludi l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-ħaddiema miżżewġin u tal-ħaddiema omosesswali marbuta b’PACS fir-rigward tal-għoti ta’ jiem ta’ leave u ta’ bonusijiet fl-okkażjoni taż-żwieġ.

    39

    Bl-istess mod, id-differenzi bejn iż-żwieġ u l-PACS, irrilevati mill-cour d’appel de Poitiers fil-kuntest tal-kawża prinċipali, fir-rigward tal-formalitajiet relatati maċ-ċelebrazzjoni, tal-possibbiltà li jiġi konkluż minn żewġ persuni ta’ sess differenti jew tal-istess sess, tal-mod ta’ kif jiġi xolt jew tal-obbligi reċiproċi fil-qasam tad-dritt patrimonjali, tad-dritt tas-suċċessjoni u tad-dritt tal-filjazzjoni, huma irrilevanti sabiex jiġi evalwat id-dritt ta’ ħaddiem sabiex jikseb vantaġġi f’termini ta’ remunerazzjoni jew ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    40

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-ftehim kollettiv nazzjonali ta’ Crédit agricole jagħti dawn il-vantaġġi fl-okkażjoni tal-konklużjoni taż-żwieġ u mingħajr kunsiderazzjoni għad-drittijiet u għall-obbligi li jirriżultaw miż-żwieġ. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-Artikolu 20 ta’ dan il-ftehim kollettiv jagħti leave speċjali mhux biss fl-okkażjoni taż-żwieġ tal-membru tal-persunal permanenti stess, iżda wkoll fl-okkażjoni taż-żwieġ ta’ wliedu jew ta’ ħutu.

    41

    Fir-rigward tal-eżistenza stess tad-diskriminazzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti d-dritt għal vantaġġi f’termini ta’ remunerazzjoni jew ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol biss lill-ħaddiema miżżewġa, filwaqt li f’dan l-Istat Membru ż-żwieġ huwa legalment possibbli biss bejn persuni ta’ sess differenti, toħloq diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali kontra ħaddiema impjegati omosesswali li għandhom PACS li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Maruko, punt 73, u Römer, punt 52).

    42

    Issa, l-Artikoli 20 u 34 tal-ftehim kollettiv nazzjonali ta’ Crédit agricole jagħtu leave rremunerat u bonus lill-impjegati li jidħlu fi żwieġ. Peress li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, iż-żwieġ ma huwiex miftuħ għall-persuni tal-istess sess, dawn il-persuni ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn il-vantaġġi.

    43

    Il-fatt li l-PACS, b’differenza mill-isħubija ċivili rreġistrata inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Maruko u Römer, ma huwiex irriżervat għall-koppji omosesswali huwa irrilevanti u, b’mod partikolari, ma jibdilx in-natura tad-diskriminazzjoni kontra dawn il-koppji li, bid-differenza ta’ koppji eterosesswali, ma setgħux, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, legalment jidħlu fi żwieġ.

    44

    Fil-fatt, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-istat ta’ żwieġ tal-ħaddiema u mhux espressament fuq l-orjentazzjoni sesswali tagħhom xorta tibqa’ diskriminazzjoni diretta, peress li, minħabba li ż-żwieġ huwa rriżervat għall-persuni ta’ sess differenti, il-ħaddiema omosesswali ma jistgħux jissodisfaw il-kundizzjoni neċessarja sabiex jiksbu l-vantaġġ mitlub.

    45

    Barra minn hekk, sa fejn id-diskriminazzjoni magħmula hija diretta, din ma tistax tiġi ġġustifikata minn “skop leġittimu” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tagħha, peress li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss id-diskriminazzjonijiet indiretti, iżda biss minn wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, jiġifieri s-sigurtà pubblika, l-ordni pubbliku u l-prevenzjoni ta’ reati kriminali, il-protezzjoni tas-saħħa u l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn.

    46

    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li ebda wieħed minn dawn il-motivi ma ġie invokat fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(5), li jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet, għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara s-sentenza Prigge et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

    47

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ħaddiem impjegat li jikkonkludi PACS ma’ persuna tal-istess sess huwa eskluż mid-dritt li jikseb vantaġġi, bħal jiem ta’ leave speċjali u bonus salarjali, mogħtija lill-ħaddiema impjegati fl-okkażjoni taż-żwieġ tagħhom, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma tippermettix lill-persuni tal-istess sess jiżżewġu, sa fejn, fid-dawl tal-għan u tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dawn il-vantaġġi, dan jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ ħaddiem li jiżżewweġ.

    Fuq l-ispejjeż

    48

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. . L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ħaddiem impjegat li jikkonkludi patt ċivili ta’ solidarjetà ma’ persuna tal-istess sess huwa eskluż mid-dritt li jikseb vantaġġi, bħal jiem ta’ leave speċjali u bonus salarjali, mogħtija lill-ħaddiema impjegati fl-okkażjoni taż-żwieġ tagħhom, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma tippermettix lill-persuni tal-istess sess jiżżewġu, sa fejn, fid-dawl tal-għan u tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dawn il-vantaġġi, dan jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ ħaddiem li jiżżewweġ.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq