Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0576

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-28 ta' Novembru 2013.
Ivan Jurašinović vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Appell - Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Eċċezzjonijiet għad-dritt għal aċċess - L-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) - Sigurtà pubblika - Relazzjonijiet internazzjonali.
Kawża C-576/12 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:777

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

tat-28 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

“Appell — Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt għal aċċess — L-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) — Sigurtà pubblika — Relazzjonijiet internazzjonali”

Fil-Kawża C‑576/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2012,

Ivan Jurašinović, residenti f’Angers (Franza), irrappreżentat minn N. Amara-Lebret, avukat,

rikorrent,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Pellinghelli u B. Driessen, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, I. Jurašinović jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il-Kunsill (T-465/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-21 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li tagħti aċċess parzjali għal ċerti rapporti stabbiliti mill-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fir-Repubblika tal-Kroazja, fir-reġjun ta’ Knin, bejn l-1 u l-31 ta’ Awwissu 1995 (iktar ’il quddiem ir-“rapporti”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jipprovdi:

“Dokumenti sensittivi mfissra fl-Artikolu 9(1) għandhom ikunu soġġetti għal trattament speċjali skond dak l-Artikolu.”

3

L-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-Regolament huwa mfassal fit-termini segwenti:

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:a)

l-

interess pubbliku fir-rigward ta’:

is-sigurtà pubblika,

– […],

ir-relazzjonijiet internazzjonali,

[…]”.

4

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat, “Trattament ta’ dokumenti sensittivi”, jipprovdi fil-paragrafu 1:

“Dokumenti sensittivi human dokumenti li ġejjin mill-istituzzjonijiet jew mill-aġenziji mwaqqfa minnhom, mill-Istati Membri, pajjiżi terzi jew Organizzazzjonijiet Internazzjonali, klassifikati bħala ‘TRÉS SECRET/TOP SECRET’, ‘SECRET’ jew ‘CONFIDENTIEL’ skond ir-regoli ta’ l-istituzzjoni rilevanti, li jħarsu l-interessi essenzali ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma koperti mill-Artikolu 4(1)(a), partikolarment is-sigurtà pubblika, kwistjonijiet militari u tad-difiża”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Mejju 2009, I. Jurašinović, bis-saħħa tal-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni ta’ nazzjonalità Franċiża, talab, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea l-aċċess għal 205 rapport, kif ukoll għal dokumenti bir-referenza “ECMM RC Knin Log reports”, stabbiliti fil-kuntest ta’ missjoni ta’ sorveljanza tal-Komunità Ewropea fil-Kroazja (iktar ’il quddiem l-“ECMM”) li saret matul il-kunflitti fl-ex Jugoslavja.

6

Il-Kunsill, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ippermetta biss aċċess parzjali għal tmien rapporti.

7

Il-Kunsill iġġustifika r-rifjut tiegħu li jiżvela id-dokumenti bir-referenza “ECMM RC Knin Log reports” bil-fatt li ma kellu l-ebda dokument b’dik ir-referenza.

8

Fir-rigward tar-rapporti l-oħra li l-komunikazzjoni tagħhom kienet intalbet, il-Kunsill invoka bħala raġunijiet ta’ rifjut tal-iżvelar, l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

9

B’mod iktar partikolari, il-Kunsill ikkunsidra, qabelxejn, li l-pubblikazzjoni tar-rapporti kollha setgħet tippreġudika l-interessi tal-Unjoni billi tipperikola r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri tagħha mar-reġjun ta’ Ewropa kkonċernat, kif ukoll is-sigurtà pubblika, b’mod partikolari s-sigurtà u l-integrità fiżika tal-osservaturi, xhieda u sorsi oħra ta’ informazzjoni, li l-identità u l-evalwazzjonijiet tagħhom kienu jsiru magħrufa bl-iżvelar tar-rapporti kkonċernati.

10

Sussegwentement, il-Kunsill qies li dawn ir-rapporti “żammew livell għoli ta’ sensittività, minkejja l-fatt li għadda perijodu ta’ erbatax-il sena minn meta seħħew il-fatti li ġew irrakkontati fihom”.

11

Fl-aħħar nett, b’risposta għal argument ta’ I. Jurašinović li d-dokumenti mitluba diġà kienu ġew żvelati, il-Kunsill irrikonoxxa li kien ikkomunika lill-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja, maħluqa mill-Organizzazzjoni għan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“QKIJ”), ir-rapporti inkwistjoni, fil-kuntest tal-kawża Gotovina et, pendenti quddiem dik il-Qorti. Madankollu, din il-komunikazzjoni saret skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni internazzjonali ma’ qorti internazzjonali u mhux abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

12

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2009, I. Jurašinović ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. It-tliet motivi li kien ibbażat fuqhom dan ir-rikors ġew miċħuda kollha kemm huma mill-Qorti Ġenerali.

13

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-ewwel motiv ta’ I. Jurašinović, skont liema l-allegata newtralità tar-rapporti, li tirriżulta mill-fatt li l-ECMM ma kinitx parti fil-kunflitt fl-ex Jugoslavja, kellha tippermetti l-aċċess għad-dokumenti mitluba. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset li din iċ-ċirkustanza, anki fl-ipoteżi li tiġi stabbilita, ma kellha l-ebda effett fuq il-punt dwar jekk l-iżvelar tar-rapporti kienx suxxettibbli jew le li jaffettwa l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, peress li r-rapporti jinkludu evalwazzjonijiet u analiżi tas-sitwazzjoni politika, militari u ta’ sigurtà fiż-żona ta’ Knin, matul ix-xahar ta’ Awwissu 1995. Għalhekk, kieku l-kontenut ta’ dawn ir-rapporti kien żvelat, kien ikun possibbli, minn naħa, li jaffettwa ħażin il-politika tal-Unjoni intiża għall-kontribuzzjoni għall-paċi, għall-istabbiltà u għal rikonċiljazzjoni reġjonali li ddum f’dan ir-reġjun tal-Ewropa, u, min-naħa l-oħra, li tinħoloq sitwazzjoni li kienet iddgħajjef il-fiduċja tal-Istati tal-Balkani oċċidentali fil-proċess ta’ integrazzjoni mibdi fil-konfront tal-Unjoni.

14

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata, ċaħdet it-tieni motiv ta’ I. Jurašinović, skont liema r-rapporti kellhom jiġu żvelati, peress li ma kinux ġew preliminarjament ikkwalifikati bħala “sensittivi” fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Qorti Ġenerali rrelevat, f’dan ir-rigward, li ma jirriżulta la minn din id-dispożizzjoni, u lanqas mill-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, li n-nuqqas ta’ tali kwalifika għal dokument jipprojbixxi lill-istituzzjoni kkonċernata milli tirrifjuta l-aċċess għalih minħabba riskju ta’ imminar tal-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, fil-każ fejn id-dokument mitlub ikun jinkludi elementi sensittivi.

15

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 55 sa 63 tas-sentenza appellata, ċaħdet it-tielet motiv ta’ I. Jurašinović, skont liema l-Kunsill kien diġà żvela r-rapporti lill-QKIJ, fil-kuntest tal-kawża Gotovina et, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, u mhux abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni internazzjonali, li ma teżistix. Il-Qorti Ġenerali rrelevat, f’dan ir-rigward, li l-arkivji kollha tal-ECMM kienu ġew trażmessi lill-QKIJ fis-snin 90 sabiex il-prokuratur tal-QKIJ ikun jista’ jibda kawżi kontra l-persuni allegatament responsabbli ta’ ksur gravi tad-dritt internazzjonali umanitarju mwettaq fuq it-territorju tal-ex Jugoslavja sa mill-1991. Għall-istess raġuni, il-Kunsill ittrażmetta lill-prokuratur, fil-kuntest tal-imsemmija kawża, skont l-Artikolu 70B tar-Regoli ta’ Proċedura u ta’ Prova tal-QIKJ, 48 rapport inklużi fit-talba għal aċċess ta’ I. Jurašinović. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikors għal annullament ippreżentat minn I. Jurašinović ma huwiex dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l‑komunikazzjoni ta’ dawn it-48 rapport. Barra minn hekk, l-ebda element tal-fajl ma jippermetti li wieħed jifhem li l-Kunsill ikkomunika l-imsemmija 48 rapport lil I. Jurašinović wara talba għal aċċess magħmula abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

It-talbiet tal-partijiet

16

I. Jurašinović jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jew, fin-nuqqas, tannulla d-deċiżjoni kkontestata,

tikkundanna lill-Kunsill jawtorizza l-aċċess għad-dokumenti kollha mitluba, u

tikkundanna lill-Kunsill iħallsu s-somma ta’ EUR 8 000 ta’ taxxi ta’ proċeduri flimkien mal-interessi bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew fid-data tal-preżentata tat-talba.

17

Il-Kunsill jitlob li l-appell jiġi miċħud kif ukoll li I. Jurašinović jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

18

I. Jurašinović jinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tiegħu.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

19

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, I. Jurašinović isostni essenzjalment li l-Qorti Ġenerali, sa fejn iddeċidiet dwar ir-rikors għal annullament mingħajr ma kkonsultat u eżaminat minn qabel id-dokumenti inkwistjoni, ma osservatx l-“ekwità tal-proċedura”.

20

Skont il-Kunsill, dan l-aggravju huwa, qabelxejn, manifestament inammissibbli, sa fejn I. Jurašinović naqas milli jidentifika regola ġuridika li nkisret.

21

Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li, fi kwalunkwe każ, l-ebda regola ma tobbliga lill-Qorti Ġenerali, qabel ma tiddeċiedi dwar rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti li jkun intalab l-aċċess għalihom, jew li titlob il-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti, jew li teżaminahom. Fil-fatt, la l-ġurisprudenza u lanqas id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali dwar il-miżuri ta’ organizzazzjoni u ta’ istruzzjoni, ma jimponu obbligu f’dan is-sens, peress li l-Qorti Ġenerali għandha f’dan ir-rigward il-fakultà li titlob il-produzzjoni tal-imsemmija dokumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

Qabelxejn għandu jiġi relevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, mill-argumenti mressqa minn I. Jurašinović stess jirriżulta li dan allega b’mod ċar il-ksur tad-dritt għal proċess xieraq, li jirriżulta b’mod partikolari minn nuqqas ta’ eżami mill-Qorti Ġenerali tad-dokumenti mitluba. Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

23

Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi vverifikat jekk, kif jallega I. Jurašinović, il-Qorti Ġenerali kellhiex tordna l-produzzjoni tad-dokumenti mitluba sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament.

24

Issa, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li l-ebda regola ta’ proċedura tal-Qorti Ġenerali ma timponi tali obbligu.

25

Fil-fatt, kif irreleva ġustament il-Kunsill, id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali dwar il-miżuri ta’ organizzazzjoni u ta’ istruzzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 64(3)(d), 65(b) u 67(3) tal-imsemmi regolament, huma limitati sabiex jipprovdu li l-Qorti Ġenerali tista’ skont il-każ, titwassal sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dokument li l-aċċess tiegħu jkun ġie rifjutat lill-pubbliku, billi titlob lill-istituzzjoni kkonċernata l-produzzjoni ta’ dan id-dokument.

26

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll f’dan ir-rigward, li l-legalità ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, għandha bħala regola tiġi evalwata fid-dawl tal-motivi li abbażi tagħhom tkun ġiet adottata, minflok fid-dawl biss tal-kontenut tad-dokumenti mitluba.

27

Ċertament, meta r-rikorrent jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni li tirrifjutalu l-aċċess għal dokument skont waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 billi jsostni li l-eċċezzjoni invokata mill-istituzzjoni kkonċernata ma kinitx applikabbli għad-dokument mitlub, il-Qorti Ġenerali għandha tordna l-produzzjoni ta’ dan id-dokument u teżaminah, fl-osservanza tal-protezzjoni ġuridika tal-imsemmi rikorrent. Fil-fatt, jekk ma tikkonsultax hija stess l-imsemmi dokument, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun f’pożizzjoni li tevalwa konkretament jekk l-aċċess għal dan id-dokument jistax validament jiġi rrifjutat mill-imsemmija istituzzjoni kkonċernata abbażi tal-eċċezzjoni invokata u, konsegwentement, li tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għall-imsemmi dokument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni, C-135/11 P, punt 75).

28

Madankollu, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 18 u 29 tas-sentenza appellata, I. Jurašinović ma sostniex fl-ewwel istanza li l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinux applikabbli għad-dokumenti inkwistjoni, iżda llimita ruħu sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata intiża sabiex jiġi stabbilit li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti ppreġudika l-interessi protetti minn dawn l-eċċezzjonijiet.

29

Issa, ma jistax jiġi sostnut li, sabiex tiġi evalwata l-legalità tar-raġunijiet għar-rifjut ta’ aċċess għal dokument, invokati minn istituzzjoni abbażi ta’ eċċezzjoni li l-applikabbiltà tagħha ma hijiex ikkontestata, il-Qorti Ġenerali tkun obbligata tordna sistematikament il-produzzjoni tal-integralità tad-dokument li jkun mitlub l-aċċess tiegħu.

30

Fil-fatt, huwa fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Qorti Ġenerali tgawdi minnu fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-provi li din tista’ tiddeċiedi jekk, f’każ konkret, ikunx neċessarju li dan id-dokument jiġi prodott quddiemha, u dan sabiex teżamina l-fondatezza tal-motivi li abbażi tagħhom istituzzjoni tkun irrifjutat l-aċċess għall-imsemmi dokument.

31

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

32

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu I. Jurašinović jallega, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li l-Kunsill kellu raġun jirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba minħabba li jinkludu “elementi sensittivi”, mingħajr madankollu ma kienu preliminarjament kwalifikati bħala “dokumenti sensittivi”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, kisret din l-aħħar dispożizzjoni kif ukoll l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, tali interpretazzjoni, minn naħa, testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 9(1) lil hinn minn dak li tipprovdi l-formulazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, tikkonferixxi lill-istituzzjonijiet dritt diskrezzjonali li jirrifjutaw l-aċċess għal kwalunkwe dokument, billi jiġi kkwalifikat bħala “sensittiv”a posteriori, u mhux sa mill-ħolqien tiegħu.

33

Sussegwentement, tali interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija ġġustifikata inqas u inqas meta, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjoni kkonċernata, għal motivi bbażati fuq il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali, tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti mhux ikklassifikati fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, dan jirreferi biss għal “sigurtà pubblika, kwistjonijiet militari u tad-difiża”, u mkien ma jsemmi l-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali.

34

Fl-aħħar nett, skont I. Jurašinović, il-fatt li d-dokumenti mitluba kienu ġew elaborati preċedentement għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa ineffettiv, peress li l-Kunsill għandu l-fakultà, mhux użata f’dan il-każ, li jikkwalifika bħala “sensittivi”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) dokumenti wara li dawn ikunu ġew redatti.

35

F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirrispondi, qabelxejn, li l-premessa li huma bbażati fuqha l-argumenti ta’ I. Jurašinović hija manifestament żbaljata, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata unikament fuq l-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, u mhux fuq l-Artikolu 9 tiegħu. Barra minn hekk, id-dokumenti inkwistjoni kienu preċedenti għar-Regolament Nru 1049/2001 u għalhekk ma setgħux jiġu kkwalifikati bħala “sensittivi” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 9(1).

36

Il-Kunsill isostni, sussegwentement, li r-raġunament ta’ I. Jurašinović huwa bbażat fuq konfużjoni bejn il-kunċett ta’ “dokumenti sensittivi”, iddefinit fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, u dak ta’ “element sensittiv” użat mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, l-ewwel kunċett jidentifika d-dokumenti kklassifikati bħala “CONFIDENTIEL””SECRET” jew “TRÈS SECRET/TOP SECRET”, skont l-imsemmija dispożizzjoni, filwaqt li t-tieni kunċett jikkonċerna l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha tippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali.

37

Fl-aħħar nett, il-Kunsill jirreleva li l-qari tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni propost minn I. Jurašinović irendi ineffettiva l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn timplika li l-imsemmija eċċezzjoni tista’ tiġi invokata biss meta l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament ikun applikabbli, filwaqt li dan l-artikolu ma jirreferix għall-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38

Qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li mill-punti 7 u 43 tas-sentenza appellata jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata unikament abbażi tal-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari minħabba n-natura sensittiva tal-elementi li jinsabu fir-rapporti, li setgħet tippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna s-sigurtà pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali. Il-Kunsill għaldaqstant ma ssuġġettax dawn ir-rapporti għas-sistema speċifika tad-dokumenti sensittivi prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001.

39

Mandankollu, skont I. Jurašinović, il-Kunsill ma setax juża l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 4 sabiex jirrifjuta l-aċċess għar-rapporti mingħajr qabel ma jkun ikklassfikahom bħala “TRÈS SECRET/TOP SECRET”, “SECRET” jew “CONFIDENTIEL”, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

40

Din l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tistax tintlaqa’.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat, qabelxejn, li, kif ġustament iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 51 tas-sentenza appellata, la mill-Artikolu 4 u lanqas mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jirriżulta li l-assenza ta’ kwalifika preliminari ta’ dokument skont l-imsemmi Artikolu 9(1) tipprojbixxi lil istituzzjoni milli tirrifjuta l-aċċess abbażi tal-imsemmi Artikolu 4.

42

Sussegwentement, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom għanijiet differenti.

43

Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament huwa intiż biss sabiex jipprovdi għal trattament partikolari, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-persuni responsabbli sabiex jipproċessaw it-talbiet ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, għad-dokumenti kkwalifikati bħala sensittivi u kklassifikati bħala “TRÈS SECRET/TOP SECRET”, “SECRET” jew “CONFIDENTIEL” skont ir-regoli fis-seħħ fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata li tipproteġi l-interessi fundamentali tal-Unjoni jew f’diversi minn dawn l-Istati Membri fl-oqsma ddefiniti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

44

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, billi jintroduċi sistema ta’ eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet mogħti lill-pubbliku mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, jawtorizza l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument sabiex jiġi evitat li l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-Artikolu 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C-266/05 P, Ġabra p. I-1233, punt 62, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C-280/11 P, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li ntalbet il-komunikazzjoni tiegħu, fil-prinċipju għandu jiġi spjegat kif l-iżvelar ta’ dan id-dokument jista’ speċifikament u effettivament jippreġudika l-interess protett b’eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li tinvoka din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġjonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C-506/08 P, Ġabra p. I-6237, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Issa, f’dan il-kuntest, il-fatt li istituzzjoni tqis li dokument huwa sensittiv fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li jiġi implikat li t-talbiet ta’ aċċess għal dan id-dokument għandhom jiġu suġġetti għat-trattament partikolari previst minn din id-dispożizzjoni, ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-applikazzjoni għal dan id-dokument ta’ eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

47

Bl-istess mod, u inversament, is-sempliċi fatt li dokument ma jkunx ikkwalifikat bħala “sensittiv” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 9 ma jistax jeskludi l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr ma jiġi pprivat mill-effettività din l-aħħar dispożizzjoni.

48

Konsegwentement, it-tieni aggravju huwa infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

49

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, I. Jurašinović jilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet serje ta’ żbalji ta’ liġi meta ma laqgħetx l-argument li huwa b’mod żbaljat li l-Kunsill kien irrifjuta lil I. Jurašinović l-aċċess għar-rapporti, meta kien diġà kkomunikahom, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, lil terzi, f’dan il-każ lill-prosekutur pubbliku tal-QKIJ u lid-difiża ta’ Gotovina.

50

Fl-ewwel lok, I. Jurašinović isostni li r-rapporti ġew ikkomunikati lill-QKIJ mhux abbażi tal-allegat prinċipju ta’ kooperazzjoni internazzjonali mal-qorti internazzjonali, prinċipju li ma jeżistix, iżda skont ir-Regolament Nru 1049/2001. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kunsill ma jistax jirrifjuta l-aċċess għal terzi oħra, bħal I. Jurašinović stess, għad-dokumenti li kien diġà kkomunika lil Gotovina. Fil-fatt, tali rifjut jikkostitwixxi diskriminazzjoni bejn I. Jurašinović u Gotovina, li huma t-tnejn li huma ċittadini tal-Unjoni.

51

B’risposta għal dawn l-argumenti, il-Kunsill isostni li I. Jurašinović qiegħed ifixkel l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti tal-istituzzjonijiet mal-aċċess privileġġjat għal dawn id-dokumenti. Huwa biss l-ewwel tip ta’ aċċess li huwa rregolat mir-Regolament Nru 1049/2001 u għandu portata erga omnes. Min-naħa l-oħra, meta l-aċċess għal dokument jingħata fuq bażi ġuridika differenti minn dik tar-Regolament Nru 1049/2001, dan l-aċċess huwa privileġġjat u jikkonċerna biss lill-benefiċjarju. Il-Kunsill jippreċiża li t-trażmissjoni tad-dokumenti inkwistjoni lill-prosekuzzjoni tal-QKIJ u lid-difiża ta’ Gotovina taqa’ taħt it-tieni tip ta’ aċċess u taqa’ fl-għanijiet tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni, li tinkludi wkoll il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali.

52

Fit-tieni lok, I. Jurašinović, minn naħa, jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-komunikazzjoni lill-prosekuzzjoni tal-QKIJ u lid-difiża ta’ Gotovina tad-dokumenti inkwistjoni saret abbażi tal-Artikolu 70B tar-Regoli ta’ Proċedura u ta’ Prova tal-QKIJ, sa fejn din il-konstatazzjoni hija bbażata biss fuq l-uniċi spjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill fid-difiża tiegħu u matul is-seduta, mingħajr ebda prova. Min-naħa l-oħra, huwa jakkuża lill-Qorti Ġenerali li kkonstatat li l-arkivji kollha tal-ECMM kienu ġew trażmessi lill-QKIJ fis-snin 90 sabiex jippermettu lill-prosekutur tal-QKIJ jibda azzjonijiet kontra l-persuni allegatament responsabbli ta’ ksur gravi tad-dritt internazzjonali umanitarju mwettqa fuq it-territorju tal-ex Jugoslavja sa mill-1991, meta, matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-Kunsill ma kienx f’pożizzjoni li jindika preċiżament f’liema data d-dokumenti kienu ntbagħtu lill-QKIJ.

53

Il-Kunsill isostni li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 70B tar-Regoli ta’ Proċedura u ta’ Prova tal-QKIJ jikkostitwixxix il-bażi legali tal-komunikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni ma hijiex determinanti fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fil-każ inkwistjoni, huwa importanti li jiġi determinat jekk id-dokumenti kkonċernati ġewx trażmessi lill-prosekutur tal-QKIJ u lid-difiża ta’ Gotovina abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 jew tan-norma tad-dritt tal-Unjoni preċedentement applikabbli, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Kunsill 93/731/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-nomenklatura maqgħuda (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 405). Issa, skont il-Kunsill, dan ma huwiex il-każ, peress li d-dokumenti inkwistjoni ġew trażmessi fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni.

54

Fit-tielet lok, I. Jurašinović isostni li l-Qorti Ġenerali, billi ma annullatx, tal-anqas parzjalment, id-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-fatt li 48 rapport kienu effettivament ġew trażmessi lid-difiża ta’ Gotovina, wettqet żball ta’ liġi.

55

Il-Kunsill isostni f’dan ir-rigward li dawn it-48 rapport ma kinux pubbliċi.

56

Fir-raba’ u l-aħħar lok, I. Jurašinović isostni li l-Qorti Ġenerali, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni ittra, bid-data tat-30 ta’ Mejju 2007, li permezz tagħha Gotovina talab lill-Kunsill l-aċċess għal rapporti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, minħabba l-fatt li din l-ittra ma kinitx ġiet prodotta fil-kuntest tal-Kawża T-465/09 li tat lok għas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi. F’dan ir-rigward, I. Jurašinović isostni li sar jaf b’din l-ittra wara l-għeluq tal-fażi istruttorja ta’ din il-kawża, li ċaħdu milli jipproduċi dan id-dokument, iktar u iktar meta l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-replika tiegħu minħabba tardività. Madankollu, l-istess ittra ġiet iddepożitata fil-kuntest tal-Kawża T‑63/10 li wasslet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il-Kunsill bejn l-istess partijiet quddiem l-istess formazzjoni ġudikanti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx validament tiddubita l-eżistenza ta’ din l-ittra.

57

F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirrispondi li t-talba li jirreferi għaliha I. Jurašinović ma ġietx ippreżentata skont ir-Regolament Nru 1049/2001, peress din hija talba ta’ aċċess privileġġjat. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill isostni, minn naħa, li huwa ma ttrattax din it-talba bħala waħda magħmula taħt ir-Regolament Nru 1049/2001, u, min-naħa l-oħra, li d-dokumenti ma ntbagħtux direttament lill-avukat ta’ Gotovina.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58

Sabiex tingħata risposta għal dawn l-argumenti, huwa biżżejjed li jiġi rrelevat li, anki fl-ipoteżi li l-aċċess għal dokument mogħti lil applikant abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti, kif isostni I. Jurašinović, lil kull applikant ieħor għal aċċess li jikseb il-komunikazzjoni tal-istess dokument, għandu jiġi kkonstatat li mis-sentenza appellata jirriżulta li I. Jurašinović ma weriex li d-difiża ta’ Gotovina u l-prosekuzzjoni tal-QKIJ kienu kisbu l-aċċess għar-rapporti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

59

Fil-fatt, kif jirriżulta mil-punt 63 tas-sentenza appellata, l-unika prova invokata matul is-seduta minn I. Jurašinović f’dan ir-rigward hija ittra bid-data tat-30 ta’ Mejju 2007, li permezz tagħha Gotovina jew l-avukati tiegħu talbu lill-Kunsill l-aċċess għal rapporti. Issa, din l-ittra ma ġietx prodotta f’din il-kawża.

60

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-imsemmija ittra.

61

Fil-fatt, minn naħa, I. Jurašinović jirrikonoxxi li ma pproduċiex l-ittra tat-30 ta’ Mejju 2007 fil-kawża li wasslet għas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, huwa sempliċement jillimita ruħu sabiex jispjega r-raġunijiet għalfejn naqas milli jipproduċi din il-prova, jiġifieri l-fatt li r-replika tiegħu, ippreżentata barra mit-terminu stabbilit, ma kinitx awtorizzata mill-Qorti Ġenerali u l-fażi istruttorja kienet intemmet.

62

Min-naħa l-oħra, sa fejn I. Jurašinović isostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinjora l-eżistenza ta’ din l-ittra, peress li kienet ġiet ippreżentata fil-proċess tal-Kawża T-63/10, huwa biżżejjed li jiġi rrelevat li l-Qorti Ġenerali ma tistax tevalwa l-fondatezza ta’ motiv ibbażat fuq provi li ma ġewx prodotti fil-kuntest tal-kawża inkwistjoni, skont ir-regoli ta’ proċedura applikabbli.

63

Fir-rigward tal-argumenti l-oħra insostenn ta’ dan l-aggravju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn huma bbażati fuq il-premessa li r-rapporti, li kellhom aċċess għalihom id-difiża ta’ Gotovina u l-prosekuzzjoni tal-QIKJ, kienu ġew ikkomunikati lilhom abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

64

Issa, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 58 sa 62 ta’ din is-sentenza, I. Jurašinović ma rnexxilux jipprova li din il-premessa kienet fondata. Għaldaqstant, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

65

Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi rrelevat li, kif ġustament tenfasizza l-Qorti Ġenerali fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-bażi legali tal-komunikazzjoni tar-rapporti lil Gotovina, fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-QIKJ, ma hijiex suxxettibbli li timmina l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn ma ġiex stabbilit li dawn kienu ġew adottati abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, it-tielet motiv għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-appell fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

67

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

68

Peress li I. Jurašinović tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, hekk kif mitlub mill-Kunsill.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ivan Jurašinović huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq