Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62012CJ0225
Judgment of the Court (Second Chamber), 7 November 2013.#C. Demir v Staatssecretaris van Justitie.#Request for a preliminary ruling from the Raad van State (Netherlands).#Reference for a preliminary ruling — EEC-Turkey Association Agreement — Article 13 of Decision No 1/80 of the Association Council — ‘Standstill’ clauses — ‘Legally resident’.#Case C‑225/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Novembru 2013.
C. Demir vs Staatssecretaris van Justitie.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija — Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Klawżoli ta’ ‘standstill’ — Kunċett ta’ ‘legalment residenti’.
Kawża C‑225/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Novembru 2013.
C. Demir vs Staatssecretaris van Justitie.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija — Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Klawżoli ta’ ‘standstill’ — Kunċett ta’ ‘legalment residenti’.
Kawża C‑225/12.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:725
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
7 ta’ Novembru 2013 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE — Turkija — Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Klawżoli ta’ ‘standstill’ — Kunċett ta’ ‘legalment residenti’”
Fil-Kawża C‑225/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura
C. Demir
vs
Staatssecretaris van Justitie,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal C. Demir, minn J.P. Sanchez Montoto, avukat, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort, B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller kif ukoll minn A. Wiedmann, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Urbani Neri, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u M. van Beek, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il‑Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li stabbilixxa Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, min-naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn C. Demir u l‑iStaatssecretaris van justitie (Segretarju tal-Istat tal-Ġustizzja, iktar ’il quddiem l-“iStaatssecretaris”), dwar iċ-ċaħda ta’ talba għal permess ta’ residenza. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
3 |
Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, in-neċessità li jiġi assigurat l-iżvilupp mgħaġġel tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork. |
4 |
Skont l-Artikolu 12 ta’ dan il-Ftehim, “il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [39 KE], [40 KE] u [41 KE] sabiex gradwalment jinkiseb bejniethom il-moviment liberu tal-ħaddiema” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
5 |
L-Artikolu 22(1) tal-imsemmi Ftehim huwa fformulat kif ġej: “Sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti mill-ftehim u fil-każijiet previsti minnu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa jieħu deċiżjonijiet. Kull waħda miż-żewġ partijiet hija marbuta tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet adottati [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-Deċiżjoni Nru 1/80
6 |
Bit-titolu “Kwistjonijiet rigward l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”, it-Taqsim I tal-Kapitolu II tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tinkludi l-Artikoli 6 sa 16. |
7 |
L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi: “1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għal membri tal-familja tiegħu, ħaddiem Tork, li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:
2. Il-leave annwali u l-assenzi minħabba maternità, inċidenti fuq ix-xogħol jew mard għal perijodu qasir għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi ta’ impjieg legali. Il-perijodi ta’ qgħad involontarju debitament iċċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti u l-assenzi fit-tul minħabba mard, mingħajr ma jitqiesu bħala perijodi ta’ impjieg legali, ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet miksuba bis-saħħa tal-perijodu preċedenti ta’ impjieg. 3. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
8 |
L-Artikolu 13 tal-imsemmija deċiżjoni huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
9 |
L-Artikolu 14 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi: “1. Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom ikunu applikabbli ħlief għal limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika. 2. Huma ma jippreġudikawx id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew ftehim bilaterali eżistenti bejn it-Turkija u l-Istati Membri tal-Komunità, sa fejn huma jipprovdu, sistema iktar favorevoli liċ-ċittadini tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
10 |
Skont l-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima I tal-Kapitolu II tagħha huma applikabbli mill-1 ta’ Diċembru 1980. |
Id-dritt Olandiż
11 |
Fl-1 ta’ Diċembru 1980, id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini barranin fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu rregolati mil-Liġi dwar il-Barranin (Vreemdelingenwet, Stb. 1965, Nru 40) u mid-Digriet ta’ Implementazzjoni ta’ din il-liġi (Vreemdelingenbesluit 1966, Nru 387). |
12 |
Skont l-Artikolu 41(1)(ċ) ta’ dan id-digriet, il-barranin li xtaqu jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal iktar minn tliet xhur setgħu jidħlu fit-territorju Olandiż biss jekk kienu fil-pussess ta’ passaport validu flimkien ma’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja valida. Ir-rekwiżi ta’ tali permess kellu, b’mod partikolari, l-għan li jipprevjeni d-dħul u r-residenza illegali. |
13 |
Wara digriet tar-Raad van State (Kunsill tal-Istat) mogħti taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali ċċitati iktar ’il fuq, l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja ma setgħetx titqies bħala raġuni suffiċjenti biex tiġi rrifjutata l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza jekk, fil-mument ta’ din l-applikazzjoni, il-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha kienu ssodisfatti. Madankollu, fl-assenza ta’ dan il-permess, id-dħul u r-residenza fit-territorju Olandiż kienu meqjusa bħala illegali. |
14 |
Fl-1 ta’ April 2001 daħlu fis-seħħ il-liġi li tipprovdi għal reviżjoni ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin (Wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495, iktar ’il-quddiem il-“Liġi tal-2000”), u d-Digriet dwar il-Barranin (Vreemdelingenbesluit, Stb. 2000, Nru 497, iktar ’il-quddiem id-“Digriet tal-2000”). |
15 |
L-Artikolu 1(h) tal-Liġi tal-2000 jipprovdi li: “Fis-sens tal-liġi preżenti u tad-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi tagħha, […]
|
16 |
L-Artikolu 8(a) u (f) ta’ din il-liġi jipprovdi li: “Ċittadin barrani ma jistax jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi ħlief:
[…]
|
17 |
L-Artikolu 16(1)(a) tal-imsemmija liġi jipprovdi li: “Applikazzjoni għal permess ta’ residenza standard għal żmien determinat tista’ tiġi miċħuda jekk:
|
18 |
Skont l-Artikolu 3.1(1) tad-Digriet tal-2000, ċittadin barrani li jkun ippreżenta applikazzjoni sabiex jinħariġlu permess ta’ residenza ma għandux jitkeċċa sakemm fil-fehma tal-Ministru, din ma tikkostitwixxix repetizzjoni tal-istess applikazzjoni. |
19 |
L-Artikolu 3.71 ta’ dan id-digriet jipprovdi li: “1. L-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal żmien determinat, imsemmija fl-Artikolu 14 tal-Liġi tal-2000 hija miċħuda jekk iċ-ċittadin barrani ma jkunx fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja valida. […] 4. Il-Ministru jista’ jonqos milli japplika l-paragrafu 1 jekk iqis li l-applikazzjoni ta’ dan twassal għal sitwazzjonijiet ċari ta’ inġustizzja gravi.” |
20 |
Fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja, id-dħul u r-residenza fit-territorju Olandiż huma meqjusa bħala illegali. Skont iċ-Ċirkulari tal-2000 dwar il-Barranin (Vreemdelingencirculaire 2000), l-obbligu li tintalab awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja qabel id-dħul fil-Pajjiżi l-Baxxi jippermetti lill-awtoritajiet jivverifikaw, qabel ma jidħol fit-territorju nazzjonali, li l-applikant barrani jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għall-ħruġ ta’ din l-awtorizzazzjoni. |
21 |
Skont il-Liġi dwar ix-xogħol tal-ħaddiema barranin (Wet arbeid buitenlandse werknemers), fis-seħħ sal-1 ta’ Settembru 1995, kull persuna li timpjega kienet ipprojbita milli timpjega barrani mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Ministru kompetenti u kellu jintalab permess ta’ impjieg mill-persuna li timpjega kif ukoll miċ-ċittadin barrani. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi jew ta’ miżuri meħuda taħtha, ma kinitx meqjusa bħala ċittadin barrani, persuna legalment residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi u li kellha dikjarazzjoni maħruġa mill-Ministru kompetenti, b’mod partikolari għad-dħul tagħha, skont il-Liġi dwar il-Barranin, sabiex tirrisjedi fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi għand ċittadin Olandiż residenti fl-imsemmi territorju. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22 |
C. Demir twieled fil-25 ta’ Settembru 1973 u għandu n-nazzjonalità Torka. Huwa wasal għall-ewwel darba fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-1 ta’ Ottubru 1990. Wara li tkeċċa, huwa rritorna f’dan l-Istat Membru u fl-4 ta’ Novembru 1992 ippreżenta applikazzjoni għal residenza sabiex ikun jista’ jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi ma’ persuna b’nazzjonalità Olandiża. |
23 |
Minkejja ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu u tal-appell ippreżentat sussegwentement, fid-19 ta’ April 1993, C. Demir ippreżenta applikazzjoni oħra intiża sabiex jikseb permess ta’ residenza sabiex ikun jista’ jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi mal-konjuġi tiegħu ta’ nazzjonalità Olandiża. Din l-applikazzjoni ntlaqgħat u ngħatalu permess ta’ residenza għall-perijodu bejn is-7 ta’ Mejju u d-19 ta’ Settembru 1993, estiż, sussegwentement, sat-18 ta’ Lulju 1995. |
24 |
Matul dan il-perijodu, C. Demir ħadem għal diversi persuni li impjegawh għal perijodu totali ta’ iktar minn għaxar xhur mingħajr ma kien impjegat mal-istess persuna għal minn tal-inqas sena. |
25 |
Wara s-separazzjoni tal-konjuġi, C. Demir ippreżenta diversi applikazzjonijiet, bejn is-sena 1995 u s-sena 2002, għal permess ta’ residenza filwaqt li invoka diversi raġunijiet. L-ebda waħda minn dawn l-applikazzjonijiet ma ntlaqgħat u ebda appell ippreżentat kontra dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ma kellu suċċess. |
26 |
Fl-1 ta’ Frar 2007, C. Demir ikkonkluda kuntatt ta’ xogħol għal perijodu ta’ tliet snin ma’ impriża Olandiża. Fid-dawl ta’ dan l-impjieg, iċ-Centrum voor Werk en Inkomen (Ċentru għall-Impjieġ u d-Dħul) ħareġ lil din il-persuna li timpjega, permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Jannar 2008, permess ta’ impjieg validu mis-7 ta’ Jannar sas-7 ta’ Diċembru 2008. It-terminu ta’ validità ta’ dan il-permess ma ġiex estiż ulterjorment. |
27 |
Fit-13 ta’ Frar 2007, C. Demir ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza standard għal żmien determinat sabiex ikun jista’ jaċċetta impjieg bi ħlas. Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ April 2007, l-iStaatsecretaris ċaħad l-applikazzjoni, imbagħad, fl-10 ta’ Settembru 2007, ikkonferma din iċ-ċaħda. |
28 |
Dawn id-deċiżjonijiet tal-iStaatsecretaris kienu mmotivati mill-fatt li C. Demir ma kellux awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja valida, ma kienx jagħmel parti minn kategorija ta’ ċittadini barranin eżenti mill-obbligu li jkunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza u ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni imposta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jkun ħadem bħala impjegat mal-istess persuna li timpjega għal sena. |
29 |
Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2008, ir-Rechtbank ‘s‑Gravenhage (Qorti Distrettwali, Den Haag) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-iStaatsecretaris u ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn C. Demir. Din il-qorti qieset, fost oħrajn, li peress li dan tal-aħħar ma kienx fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja, kien jinsab f’sitwazzjoni illegali, b’tali mod li ma setax jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. |
30 |
C. Demir appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari li ġejjin.
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
32 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ ‘standstill’ imsemmija f’din id-dispożizzjoni tkopri kundizzjonijiet fuq il-mertu u/jew ta’ proċedura fir-rigward tal-ewwel dħul fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż meta tali kundizzjonijiet ikollhom ukoll l-għan li jipprevjenu, qabel ma tiġi ppreżentata applikazzjoni għal permess ta’ residenza, id-dħul u r-residenza illegali. |
33 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-klawżola ta’ ‘standstill’ imsemmija fl-imsemmi artikoli tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju min-naħa ta’ ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fid-data ta’ dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Sahin, C-242/06, Ġabra p. I-8465, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Ġie wkoll irrikonoxxut li din id-dispożizzjoni tipprekludi l-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, mid-data tad-dħul fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet ġodda għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, inklużi dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet fuq il-mertu u/jew ta’ proċedura fir-rigward tal-ewwel dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru taċ-ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu minn din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C-92/07, Ġabra p. I-3683, punt 49). |
35 |
Għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “legalment” fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li dan iffisser li l-ħaddiem Tork jew il-membru tal-familja tiegħu għandhom ikunu osservaw ir-regoli tal-Istat Membru ospitanti għad-dħul, għar-residenza u, skont il-każ, għax-xogħol, b’tali mod li huwa jkun legalment fit-territorju tal-Istat Membru. Barra minn hekk, ċittadin Tork li jkun f’sitwazzjoni illegali ma jibbenefikax minn dan l-Artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sahin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53). |
36 |
Għaldaqstant, ġie kkunsidrat li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma intitolati, anki wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni, li jinforzaw il-miżuri li jistgħu jittieħdu kontra ċ-ċittadini Torok li jkunu f’sitwazzjoni illegali (sentenza Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85). |
37 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sempliċi fatt li kundizzjoni fuq il-mertu u/jew ta’ proċedura fir-rigward tal-ewwel dħul fit-territorju ta’ Stat Membru jkollha, b’mod partikolari, l-għan li tipprevjeni, qabel ma tiġi ppreżentata applikazzjoni għal permess ta’ residenza, id-dħul u r-residenza illegali, jippermettix li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ ‘standstill’ imsemmija fl-Artikolu 13 tal-istess deċiżjoni minħabba li hija tikkostitwixxi miżura li tista’ tiġi inforzata, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti. |
38 |
Kif jirriżulta mill-punt 36 tas-sentenza preżenti, l-adozzjoni ta’ tali miżuri tippreżumi li ċ-ċittadini Torok li għalihom huma japplikaw ikunu f’sitwazzjoni illegali, b’tali mod li, għalkemm dawn jistgħu jikkonċernaw l-effett ta’ tali illegalità mingħajr ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ ‘standstill’ imsemmija fl-Artikolu 13 tal-imsemmija deċiżjoni, dawn ma għandhomx ikunu intiżi sabiex jiddefinixxu l-illegalità nnifisha. |
39 |
Għaldaqstant, meta miżura ta’ Stat Membru ospitanti, adottata wara din id-deċiżjoni, tkun intiża sabiex tiddefinixxi l-kriterji ta’ legalità tas-sitwazzjoni taċ-ċittadini Torok, billi tadotta jew temenda l-kundizzjonijiet fuq il-mertu u/jew ta’ proċedura fir-rigward tad-dħul, tar-residenza u, jekk ikun il-każ, tax-xogħol, ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju tiegħu u meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu jikkostitwixxu restrizzjoni ġdida għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema Torok, fis-sens tal-klawżola ta’ ‘standstill’ imsemmija fl-Artikolu 13 is-sempliċi fatt li l-miżura jkollha l-għan li tipprevjeni, qabel ma tiġi ppreżentata applikazzjoni għal permess ta’ residenza, id-dħul u r-residenza illegali, ma jippermettix li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola. |
40 |
Tali restrizzjoni li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju min-naħa ta’ ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija pprojbita ħlief sakemm tirrileva limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni jew sakemm tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu li jkun irid jintlaħaq u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarji sabiex dan jintlaħaq. |
41 |
F’dan ir-rigward, għalkemm l-għan ta’ prevenzjoni ta’ dħul u residenza illegali jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, huwa importanti wkoll li l-miżura inkwistjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dan l-għan u li ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. |
42 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta miżura tal-Istat Membru ospitanti tkun intiża sabiex tiddefinixxi l-kriterji ta’ legalità tas-sitwazzjoni taċ-ċittadini Torok, billi tadotta jew temenda l-kundizzjonijiet fuq il-mertu u/jew ta’ proċedura fir-rigward tad-dħul, tar-residenza u, jekk ikun il-każ, tax-xogħol ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju tiegħu u meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu jikkostitwixxu restrizzjoni ġdida għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema Torok, fis-sens tal-klawżola ta’ ‘standstill’ imsemmija f’dan l-Artikolu, is-sempliċi fatt li l-miżura jkollha l-għan li tipprevjeni, qabel ma tiġi ppreżentata applikazzjoni għal permess ta’ residenza, id-dħul u r-residenza illegali, ma jippermettix li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola. |
Fuq it-tieni domanda
43 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja li hija valida biss sakemm tittieħed deċiżjoni finali fuq id-dritt ta’ residenza tiegħu jfisser li huwa “legalment residenti”. |
44 |
F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 35 tas-sentenza preżenti, il-kunċett ta’ “legalment” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ifisser li l-ħaddiem Tork jew il-membru tal-familja tiegħu għandhom ikunu osservaw ir-regoli tal-Istat Membru ospitanti għad-dħul, għar-residenza u, skont il-każ, għax-xogħol, b’tali mod li huwa jkun legalment fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru. |
45 |
Dan il-kunċett ġie spjegat fil-punt 84 tas-sentenza Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, b’riferiment għall-kunċett simili ta’ “xogħol legali” użat mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. |
46 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li “xogħol legali” jippreżumi sitwazzjoni stabbli u mhux prekarja fis-suq tax-xogħol tal-imsemmi Stat Membru u timplika, minħabba f’hekk, dritt ta’ residenza mhux ikkontestat (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Gülbahce, C‑268/11, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Għaldaqstant, meta ċittadin Tork ikun impjegat taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja li hija valida biss sakemm tittieħed deċiżjoni finali fuq id-dritt ta’ residenza tiegħu, dan ix-xogħol ma jistax jiġi kklassifikat bħala “legali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Unal, C-187/10, Ġabra p. I-9045, punt 47). |
48 |
Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “legalment” fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni huwa marbut ma’ sitwazzjoni stabbli u mhux prekarja fit-territorju tal-Istat Membru li tippreżumi li d-dritt ta’ residenza tal-persuna kkonċernata ma huwiex ikkontestat. Għaldaqstant, il-perijodi ta’ residenza jew, jekk ikun il-każ, ta’ impjieg ta’ ċittadin Tork taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja li hija valida biss sakemm tittieħed deċiżjoni finali fuq id-dritt ta’ residenza tiegħu, ma jistgħux jitqiesu bħala perijodi fejn iċ-ċittadin Tork huwa residenti jew impjegat “legalment” fis-sens tal-imsemmi Artikolu. |
49 |
Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja li hija valida biss sakemm tittieħed deċiżjoni finali fuq id-dritt ta’ residenza tiegħu ma jfissirx li huwa “legalment residenti”. |
Fuq l-ispejjeż
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.