Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62012CJ0220
Judgment of the Court (Third Chamber) of 24 October 2013. # Andreas Ingemar Thiele Meneses v Region Hannover. # Reference for a preliminary ruling: Verwaltungsgericht Hannover - Germany. # Citizenship of the Union - Articles 20 TFEU and 21 TFEU - Right of free movement and residence - National of a Member State - Studies pursued in another Member State - Education or training grant - Permanent residence requirement - Place of education or training located in the applicant’s State of residence or in a neighbouring State - Limited exception - Applicant’s specific circumstances. # Case C-220/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-24 ta' Ottubru 2013.
Andreas Ingemar Thiele Meneses vs Region Hannover.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Hannover - il-Ġermanja.
Ċittadinanza tal-Unjoni - Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE - Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza - Ċittadin ta’ Stat Membru - Studji segwiti fi Stat Membru ieħor - Għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ - Kundizzjoni ta’ domiċilju permanenti - Post tat-taħriġ li jinsab fl-Istat ta’ domiċilju tal-applikant jew fi Stat ġar - Eċċezzjoni limitata - Ċirkustanzi partikolari tal-applikant.
Kawża C-220/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-24 ta' Ottubru 2013.
Andreas Ingemar Thiele Meneses vs Region Hannover.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Hannover - il-Ġermanja.
Ċittadinanza tal-Unjoni - Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE - Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza - Ċittadin ta’ Stat Membru - Studji segwiti fi Stat Membru ieħor - Għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ - Kundizzjoni ta’ domiċilju permanenti - Post tat-taħriġ li jinsab fl-Istat ta’ domiċilju tal-applikant jew fi Stat ġar - Eċċezzjoni limitata - Ċirkustanzi partikolari tal-applikant.
Kawża C-220/12.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:683
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
24 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )
“Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera — Ċittadin ta’ Stat Membru — Studji segwiti fi Stat Membru ieħor — Għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ — Kundizzjoni ta’ domiċilju permanenti — Post tat-taħriġ li jinsab fl-Istat tad-domiċilju tal-applikant jew fi Stat ġar — Eċċezzjoni limitata — Ċirkustanzi partikolari tal-applikant”
Fil-Kawża C‑220/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Hannover (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura
Andreas Ingemar Thiele Meneses
Vs
Region Hannover,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal A. I. Thiele Meneses, minn R. Braun, avukat, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Grieg, minn G. Papagianni, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u D. Roussanov, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. I. Thiele Meneses, ċittadin Ġermaniż residenti f’Istanbul (it-Turkija), u r-Region Hannover (Ir-Reġjun ta’ Hannover), dipartiment tal-għajnuna għat-taħriġ, dwar rifjut ta’ għajnuna għat-taħriġ għal studji segwiti fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Taħt l-intestatura “Taħriġ fi ħdan il-pajjiż”, l-Artikolu 4 tal-Liġi Federali dwar l-inkoraġġiment individwali għat-taħriġ [Bundesgesetz über individuelle Förderung der Ausbildung (Bundesausbildungsförderungsgesetz)], fil-verżjoni tagħha ppublikata fis-7 ta’ Diċembru 2010 (BGB1. I, p. 1952, iktar ’il quddiem il-“BAföG”), jistipula: “Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 6, l-għajnuna għat-taħriġ għandha tingħata għal taħriġ fi ħdan il-pajjiż.” |
4 |
L-Artikolu 5 tal-BAföG, intitolat “Taħriġ barra mill-pajjiż”, jipprovdi: “1. Id-domiċilju permanenti fis-sens ta’ din il-liġi għandu jiġi stabbilit fil-post fejn ikun jinsab, b’mod mhux biss temporanju, iċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-persuna kkonċernata, mingħajr ma hija meħtieġa r-rieda li wieħed jistabbilixxi ruħu hemmhekk b’mod permanenti; persuna li tirrisjedi f’post għall-finijiet ta’ taħriġ biss ma tkunx stabbilixxiet id-domiċilju permanenti tagħha hemmhekk. 2. L-istudenti li d-domiċilju permanenti tagħhom jinsab fit-territorju Ġermaniż u li jsegwu studji fi stabbiliment ta’ taħriġ li jinsab barra mill-pajjiż jibbenefikaw mill-għajnuna għat-taħriġ jekk: [...]
[...]” |
5 |
L-Artikolu 6 tal-BaföG, intitolat “Għajnuna għat-taħriġ taċ-ċittadini Ġermaniżi barra mill-pajjiż” jipprevedi: “Il-Ġermaniżi fis-sens tal-Liġi Fundamentali li għandhom id-domiċilju permanenti tagħhom fi Stat barrani u li jiffrekwentaw f’dan l-Istat jew, minn dan l-Istat, jattendu stabbiliment ta’ taħriġ fi Stat ġar jistgħu jingħataw għajnuna għat-taħriġ, meta ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ikunu jiġġustifikawha. In-natura u t-tul tal-benefiċċji kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul u tal-patrimonju għandhom jiġu ddeterminati skont is-sitwazzjoni partikolari tal-Istat ta’ residenza.” |
6 |
L-Artikolu 16 tal-BAföG, intitolat “Tul tal-għajnuna mogħtija għal barra mill-pajjiż”, huwa fformulat kif ġej: “1. Għal taħriġ barra mill-pajjiż fis-sens tal-Artikolu 5(2)(1) jew 5(5), l-għajnuna għat-taħriġ għandha tingħata għal tul massimu ta’ sena. [...] [...] 3. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2)(2) u 5(2)(3), il-benefiċċju tal-għajnuna għat-taħriġ ma hijiex suġġetta għal-limitazzjoni ratione temporis prevista fil-paragrafi 1 u 2, madankollu, fir-rigward tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2)(3), l-għajnuna tingħata għal iktar minn sena biss jekk, meta l-istudent beda jirrisjedi f’pajjiż barrani, wara l-31 ta’ Diċembru 2007, id-domiċilju permanenti tiegħu kien ilu jinsab fit-territorju Ġermaniż għal tal-inqas tliet snin.” |
7 |
L-Artikolu 6 tal-BAföG huwa kkompletat bid-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-BAföG (Allgemeine Verwaltungsvorschrift zum Bundesausbildungsförderungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“BAföGVwV”), li jipprevedu: “6.0.1 [...] Bħala regola ġenerali u b’differenza mill-istudji fil-Ġermanja, ebda għajnuna għat-taħriġ ma għandha tingħata għall-istudji barra mill-pajjiż. 6.0.2 L-istudent l-ewwel għandu jitlob għall-għajnuniet għat-taħriġ mill-pajjiż ta’ residenza tiegħu. […] 6.0.10 […] Hemm lok li l-istudenti li d-domiċilju permanenti tagħhom jinsab fi Stat ieħor l-ewwel jiġu diretti għal studji fit-territorju Ġermaniż. […] 6.0.12 Fil-każ ta’ studenti li l-bżonnijiet tagħhom huma ddeterminati skont l-Artikolu 13, l-impossibbiltà li jwettqu studji fil-Ġermanja tista’ tirriżulta
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li A. I. Thiele Meneses, ċittadin Ġermaniż imwieled fil-Brażil fl-1989, għandu d-domiċilju permanenti tiegħu f’Istanbul, fejn jgħixu l-ġenituri tiegħu. |
9 |
Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fi skejjel Ġermaniżi f’Istanbul mill-2001 sal-2004, f’Barċellona bejn l-2004 u l-2007, u mill-ġdid f’Istanbul mill-2007 sal-2009. Fix-xahar ta’ Ġunju 2009, huwa kiseb l-Abitur. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għex fl-Amerika t’Isfel mix-xahar ta’ Ġunju 2009 sax-xahar ta’ April 2010 fejn, fost oħrajn, wettaq apprentistat ta’ tliet xhur f’Santiago (iċ-Ċile). Matul is-semestru tas-sajf tal-2010, huwa beda xi studji tal-liġi fl-università ta’ Würzburg (il-Ġermanja). |
10 |
Matul is-semestru tax-xitwa 2010/2011, A. I. Thiele Meneses bidel l-università u beda studji tal-liġi fl-università ta’ Maastricht (il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn huwa stabbilixxa domiċilju ieħor. |
11 |
Fil-11 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab l-għajnuna għat-taħriġ lir-Reġjun ta’ Hannover għall-istudji tiegħu fl-università ta’ Maastricht. |
12 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2010, ir-Reġjun ta’ Hannover ċaħad din it-talba għar-raġuni li, għaċ-ċittadini Ġermaniżi li jirrisjedu barra mill-pajjiż, għajnuna għat-taħriġ tista’ tingħata biss - skont l-Artikolu 6 tal-BaföG - f’ċirkustanzi partikolari. Fil-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, skont ir-Reġjun ta’ Hannover dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux jeżistu. |
13 |
Fil-15 ta’ Novembru 2010, A. I. Thiele Meneses ippreżenta azzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Hannover, fejn sostna li r-rifjut li tingħatalu għajnuna għat-taħriġ jikser id-dritt għall-moviment liberu li jagħtuh l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE, sa fejn, peress li l-post ta’ domiċilju tiegħu jinsab fit-Turkija, u d-dispożizzjonijiet tal-BAföG jagħtuh għajnuna għat-taħriġ jekk huwa jwettaq l-istudji tiegħu fil-Ġermanja biss, l-imsemmija dispożizzjonijiet ixekkluh milli jagħmel użu mil-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat FUE. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħalma huma l-Artikoli 5 u 6 tal-BAföG mal-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE. Skont din, billi jillimitaw id-dritt għall-għajnuna għat-taħriġ barra mill-pajjiż għaċ-ċittadini Ġermaniżi li jirrisjedu fil-Ġermanja biss, dawn id-dispożizzjonijiet jiżvantaġġaw grupp partikolari ta’ ċittadini tal-Unjoni li, qabel ma bdew l-istudji tagħhom, kellhom id-domiċilju permanenti tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) tal-BAföG jista’ jiskoraġġixxi ċittadin Ġermaniż li d-domiċilju permanenti abitwali tiegħu jinsab barra mill-Ġermanja, iżda mhux neċessarjament fl-Unjoni Ewropea, milli jmur fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex hemm jibda jew ikompli b’xi studji. |
15 |
Skont il-qorti tar-rinviju, dan l-iżvantaġġ huwa kkumpensat biss parzjalment bid-dispożizzjoni addizzjonali li tinsab fl-Artikolu 6 tal-BaföG, peress li din ma tapplikax għall-korsijiet kollha fl-Istati Membri kollha, iżda għall-kuntrarju tillimita ruħha għall-Istat tad-domiċilju tal-applikant għall-għajnuna u l-Istati ġirien tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tal-BAföG ma jagħti ebda dritt għal għajnuna peress li din tingħata biss f’kundizzjonijiet partikolari u skont l-evalwazzjoni tar-Reġjun ta’ Hannover. L-Artikolu 6 tal-BAföG għaldaqstant ukoll huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi lil ċittadin tal-Unjoni li jkollu d-domiċilju permanenti tiegħu barra mill-pajjiż milli jmur fl-Istati Membri tal-għażla tiegħu sabiex jibda jew ikompli l-istudji tiegħu hemmhekk. |
16 |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof Hannover iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal-libertà ta’ moviment [ta’ moviment liberu] u ta’ residenza [libera] stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha ċittadin Ġermaniż b’residenza [b’domiċilju] permanenti barra [mill-]Ġermanja jista’ biss jingħata borża ta’ studju [għajnuna għat-taħriġ] sabiex isegwi taħriġ ma’ istituzzjoni edukattiva fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea sakemm din l-istituzzjoni edukattiva tkun tinsab fl-Istat ta’ residenza [fl-Istat tad-domiċilju] jew fi Stat ġar u jekk, minbarra dan, ikun hemm ċirkustanzi partikolari fil-każ inkwistjoni li jiġġustifikaw din l-għajnuna?” |
Fuq id-domanda preliminari
17 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhomx ikunu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta, bħala prinċipju, l-għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ għal studji segwiti fi Stat Membri ieħor għall-kundizzjoni waħdiena li wieħed ikun stabbilixxa domiċilju permanenti fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, fit-territorju nazzjonali u li, fil-każ fejn l-applikant ikun ċittadin nazzjonali li ma għandux id-domiċilju permanenti tiegħu f’dan it-territorju, tipprovdi għajnuna għat-taħriġ barra mill-pajjiż biss fl-Istat tad-domiċilju tal-applikant jew fi Stat ġar tiegħu u biss jekk tkun iġġustifikata minn ċirkustanzi partikolari. |
18 |
Għandu jitfakkar qabelxejn li, bħala ċittadin Ġermaniż, A. I. Thiele Meneses igawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni taħt l-Artikolu 20(1) TFUE u għaldaqstant jista’, inkluż jekk ikun il-każ fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, igawdi minn drittijiet relattivi għal dak l-istatus (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas‑Hagen u Tas, C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 19; tat-23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher, C-11/06 u C-12/06, Ġabra p. I-9161, punt 22, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2013, Prinz u Seeberger, C‑523/11 u C‑585/11, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
19 |
Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet diversi drabi, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk li, fost dawn tal-aħħar, jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jiksbu, fil-qasam tal-applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C-224/98, Ġabra p. I-6191, punt 28; tal-21 ta’ Frar 2013, N., C‑46/12, punt 27, kif ukoll Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata. |
20 |
Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu u r-residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif stabbilita mill-Artikolu 21 TFUE (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Morgan u Bucher, punt 23, kif ukoll Prinz u Seeberger, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li l-Istati Membri għandhom il-kompetenza, bis-saħħa tal-Artikolu 165(1) TFUE, f’dak li jikkonċerna l-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi rispettivi tagħhom, huma għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’rispett tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, b’rispett tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-moviment liberu u r-residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Morgan u Bucher, punt 24, kif ukoll Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
Sussegwentement għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tpoġġi fi żvantaġġ ċerti ċittadini minħabba l-fatt biss li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 39; Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, kif ukoll Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). |
23 |
Fil-fatt, il-faċilitajiet offruti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru seta’ jkun skoraġġut milli jagħmel użu minnhom, minħabba ostakoli dovuti għar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba li leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu tippenalizzah għas-sempliċi fatt li huwa eżerċita dawn il-faċilitajiet (sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31; tad-29 ta’ April 2004, Pusa, C-224/02, Ġabra p. I-5763, punt 19; Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, kif ukoll Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). |
24 |
Din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti fil-qasam tal-edukazzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 6(e) TFUE u t-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, li jitħeġġeġ il-moviment tal-istudenti u tal-għalliema (ara s-sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-147/03, Ġabra p. I-5969, punt 44; Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, kif ukoll Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29). |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jipprevedu sistema ta’ għajnuna għat-taħriġ sabiex wieħed jistudja fi Stat Membru ieħor. Madankollu, ladarba Stat Membru jkun jipprevedi sistema ta’ għajnuna għat-taħriġ li tippermetti lill-istudenti li jibbenefikaw minn tali għajnuna, dan għandu jiżgura li l-modalitajiet tal-għoti ta’ din l-għajnuna ma joħolqux restrizzjoni mhux ġustifikata għall-imsemmi dritt ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Morgan u Bucher, punt 28, kif ukoll Prinz u Seeberger, punt 30). |
26 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li dejjem żamm id-domiċilju permanenti tiegħu, fis-sens tal-BAföG, fit-Turkija, beda l-istudji tal-liġi fil-Ġermanja mbagħad, wara semestru, bidel l-università sabiex imur jistudja fil-Pajjiżi l-Baxxi. Mill-proċess jirriżulta wkoll li l-imsemmi rikorrent la ried jistudja fit-Turkija u lanqas fi Stat ġar u li, skont l-evalwazzjoni tar-Reġjun ta’ Hannover, ebda ċirkustanza personali ma kienet tiġġustifika l-għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ barra mill-pajjiż. |
27 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li kundizzjoni ta’ domiċilju permanenti, bħal dik prevista fl-Artikolu 5(2) tal-BAföG, filwaqt li tapplika mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini Ġermaniżi u għaċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni, tikkostitwixxi restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera li minnu jgawdu ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31). L-eżistenza ta’ tali restrizzjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi, fl-Artikolu 6 tal-BAföG, il-possibbiltà għaċ-ċittadini nazzjonali kollha li jidderogaw minn din il-kundizzjoni f’ċirkustanzi partikolari ddefiniti b’mod ċar, u b’hekk ma tiżgurax lil dawn iċ-ċittadini t-tgawdija sħiħa tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera. |
28 |
Tali leġiżlazzjoni għaldaqstant hija ta’ natura li tiskoraġġixxi xi ċittadini tal-Unjoni milli jeżerċitaw il-libertà tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-effett li l-eżerċizzju ta’ tali libertà jista’ jkollu fuq id-dritt għall-għajnuna għat-taħriġ (sentenza Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). |
29 |
Ir-restrizzjoni li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni biss jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u jekk din tkun proporzjonali mal-għan leġittimu li d-dritt nazzjonali jipprova jilħaq (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq De Cuyper, punt 40; Morgan u Bucher, punt 33, kif ukoll Prinz u Seeberger, punt 33). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura tkun proporzjonali meta, filwaqt li tkun adatta għat-twettiq tal-għan imfittex, hija ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dak l-għan jitwettaq (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, De Cuyper, punt 42; Morgan u Bucher, punt 33, kif ukoll Prinz u Seeberger, punt 33). |
30 |
Huwa fid-dawl tal-eżiġenzi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt ta’ qabel dan li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li huma intiżi biex jiġġustifikaw ir-restrizzjoni msemmiija fil-punt 27 tal-preżenti sentenza. |
31 |
Skont il-Gvern Ġermaniż, sakemm tkun teżisti restrizzjoni għall-moviment liberu u r-residenza libera, id-dispożizzjonijiet tal-BAföG jiġġustifikaw ruħhom permezz ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali. F’dan ir-rigward, ċittadin Ġermaniż għandu, indipendentement mill-fatt li huwa jgħix fil-Ġermanja jew f’pajjiż barrani, fl-ewwel lok jiġi dirett, f’dak li jikkonċerna l-għajnuna għat-taħriġ skont il-BAföG, għal studji fit-territorju nazzjonali. Għalhekk, skont dan il-gvern, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jiġu ffinanzjati studji barra mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ħlief eċċezzjonalment fil-każ fejn ma jkunx jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli li wieħed jistudja f’dan l-Istat Membru u biss fl-Istat tad-domiċilju tal-applikant jew fi Stat ġar tiegħu. L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6 tal-BAföG għaldaqstant għandha portata limitata u ma għandhiex l-għan li toħloq sistema ġenerali għall-finanzjament tal-istudji taċ-ċittadini Ġermaniżi li għandhom id-domiċilju permanenti tagħhom barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż ifakkar li l-kriterju ta’ rabta mat-territorju nazzjonali jibqa’ kundizzjoni minn qabel għall-għoti ta’ għajnuna taħt il-BAföG. |
32 |
Għalhekk, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tkun ġustifikata fir-rigward ta’ tliet għanijiet: għan intiż li jiggarantixxi livell minimu ta’ integrazzjoni bejn l-applikant għall-għajnuna u l-Istat li jipprovdiha, għan ekonomiku intiż li jippreveni piż eċċessiv u li jinżamm il-qafas nazzjonali tal-għajnuna għat-taħriġ esportabbli, kif ukoll għan intiż sabiex jippromwovi l-mobbiltà transkonfinali tal-istudenti. |
33 |
Fl-ewwel lok, dan il-gvern isostni li l-qafas leġiżlattiv tal-BAföG huwa intiż li jiggarantixxi livell minimali ta’ integrazzjoni bejn l-applikant għal għajnuna u l-Istat li jipprovdiha. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li kemm l-integrazzjoni tal-istudenti kif ukoll ix-xewqa li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ċerta rabta bejn is-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat u l-benefiċjarju ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali li huma ta’ natura li jiġġustifikaw il-fatt li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali benefiċċju jkunu jistgħu jaffettwaw il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, Tas‑Hagen u Tas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, tat-22 ta’ Mejju 2008, Nerkowska, C-499/06, Ġabra p. I-3993, punt 37, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gottwald, C-103/08, Ġabra p. I-9117, punt 32). |
35 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li jista’ jkun leġittimu għal Stat Membru, sabiex jevita li l-għoti ta’ għajnuna intiża sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ manteniment tal-istudenti li joriġinaw minn Stati Membri oħra ma ssirx piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dak l-Istat, li jagħti tali għajnuna biss lill-istudenti li jkunu wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-imsemmi Stat u, jekk ikun jeżisti riskju ta’ tali piż irraġonevoli, bħala prinċipju jistgħu jiġu applikati kunsiderazzjonijiet simili f’dak li jikkonċerna l-għoti, minn Stat Membru, ta’ għajnuna għat-taħriġ lill-istudenti li jkunu jixtiequ jwettqu xi studji fi Stati Membri oħra (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C-209/03, Ġabra p. I-2119, punti 56 u 57; Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44, kif ukoll Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). |
36 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prova meħtieġa minn Stat Membru sabiex tiġi sostnuta l-eżistenza ta’ rabta reali ta’ integrazzjoni ma għandux ikollha natura esklużiva wisq, b’mod li tiffavorixxi indebitament element li mhux neċessarjament jirrapreżenta l-livell reali u effettiv tar-rabta bejn l-applikant u l-Istat Membru, u dan b’esklużjoni ta’ kull element rappreżentattiv ieħor (ara s-sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39; tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart C-503/09, Ġabra p. I-6497, punt 95; tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑75/11, punt 62; tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, punt 76, kif ukoll Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). |
37 |
F’dak li jikkonċerna l-livell tar-rabta tal-benefiċjarju ta’ benefiċċju mas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi, fir-rigward ta’ benefiċċji li ma humiex regolati mid-dritt tal-Unjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jikkonċerna l-istabbiliment tal-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ tali rabta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Tas‑Hagen u Tas, punt 36, kif ukoll Gottwald, punt 34). |
38 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu diġà kkonstatat li kundizzjoni waħdiena ta’ domiċilju permanenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirriskja li teskludi mill-benefiċċju tal-għajnuna inkwistjoni studenti li, minkejja l-fatt li huma ma rrisjedewx fil-Ġermanja għal perijodu mhux interrott ta’ tliet snin immedjatament qabel bdew l-istudji tagħhom barra mill-pajjiż, huma għandhom rabtiet li jgħaqqduhom biżżejjed mas-soċjetà Ġermaniża. Dan jista’ jkun il-każ meta student ikollu n-nazzjonalità tal-Istat Membru inkwistjoni u jkun irċieva l-edukazzjoni tiegħu f’dan l-Istat għal perijodu sinjifikattiv jew minħabba fatturi oħra, bħalma huma, b’mod partikolari, il-familja tiegħu, l-impjieg tiegħu, il-kapaċitajiet lingwistiċi tiegħu jew l-eżistenza ta’ rabtiet soċjali jew ekonomiċi oħra (ara, f’dan is-sens, Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). |
39 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 6 tal-BAföG jippermetti li wieħed jidderoga mill-kundizzjoni ta’ domiċilju mhux interrott ta’ tliet snin fil-Ġermanja f’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini Ġermaniżi li għandhom id-domiċilju permanenti tagħhom f’pajjiż barrani. Madankollu, fl-osservazzjonijiet tiegħu ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u matul is-seduta, il-Gvern Ġermaniż indika li d-deroga prevista fl-imsemmi Artikolu 6 tal-BAföG hija interpretata b’mod strett u hija ta’ natura eċċezzjonali. F’dan ir-rigward, huwa jindika li dan l-Artikolu 6, li huwa kkompletat permezz tal-BAföGVwV, japplika biss għas-sitwazzjonijiet fejn ikun impossibbli għall-applikanti għall-għajnuna għat-taħriġ li jwettqu l-istudji tagħhom fil-Ġermanja. Il-BAföGVwV jiffokaw, b’mod partikolari, fuq il-marda jew id-diżabbiltà tal-applikant jew il-marda jew id-diżabbiltà tal-ġenituri jew qraba tal-applikant li jeħtieġu kura, kif ukoll raġunijiet oħra marbuta mal-ekwivalenza tal-istudji jew mas-sitwazzjoni ekonomika tal-ġenituri tal-applikant. |
40 |
B’hekk jidher li l-applikazzjoni ta’ dawn id-derogi f’xejn ma tiddependi mill-eżistenza ta’ rabtiet bejn l-applikant għall-għajnuna u s-soċjetà Ġermaniża. Għaldaqstant dawn ma jistgħux jippermettu li jitwettaq l-għan ta’ integrazzjoni sostnut mill-Gvern Ġermaniż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundizzjoni tad-domiċilju permanenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali tibqa’ kemm wisq esklużiva kif ukoll wisq aleatorja billi tiffavorixxi indebitament element li mhux neċessarjament jirrappreżenta l-livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru fil-mument li ssir l-applikazzjoni għall-għajnuna. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies bħala proporzjonali mal-imsemmi għan ta’ integrazzjoni. |
41 |
Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti, li għandha teżamina r-rabtiet possibbli bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sa fejn A. I. Thiele Meneses, ċittadin Ġermaniż li twieled il-Brażil, qatt ma rrisjeda fil-Ġermanja, iżda rċieva l-edukazzjoni tiegħu fi skejjel Ġermaniżi fi Spanja u fit-Turkija. |
42 |
Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż isostni li d-dispożizzjonijiet tal-BAföG inkwistjoni għandhom l-għan li jevitaw li l-Istat li jagħti l-għajnuna ma jsostnix piż irraġonevoli, u b’hekk tiġi ggarantita ż-żamma tas-sistema nazzjonali tal-għajnuna għat-taħriġ esportabbli. Skont dan, il-prevenzjoni ta’ piż irraġonevoli u ż-żamma tal-qafas nazzjonali tal-għajnuna għat-taħriġ esportabbli huma għanijiet ta’ interess ġenerali, li huma kapaċi jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali mogħtija mill-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE. |
43 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li kunsiderazzjonijiet baġitarji jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-firxa tal-miżuri ta’ protezzjoni soċjali li dan ikun jixtieq jadotta, iżda minkejja dan, fihom infushom dawn ma jikkostitwixxux għan imfittex minn din il-politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer, C-187/00, Ġabra p. I-2741, punt 59 u tal-10 ta’ Marzu 2005, Nikoloudi, C-196/02, Ġabra p. I-1789, punt 53). Motivi ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ta’ natura tali li jiġġustifikaw restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann, C-109/04, Ġabra p. I-2421, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, Ġabra p. I-2055, punt 55). |
44 |
Minn dan jirriżulta li l-għan purament ekonomiku allegat mill-Gvern Ġermaniż ma jistax jitqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika l-leġiżlazzjoni inkwistjoni b’mod oġġettiv. |
45 |
Barra minn hekk, waqt is-seduta l-Gvern Ġermaniż sostna wkoll li dan l-għan ekonomiku jappoġġja għan ieħor ta’ integrazzjoni u b’hekk għandu t-tendenza li jiggarantixxi li l-applikanti għall-għajnuna li jagħtu prova ta’ rabta suffiċjenti mal-Istat li jagħti l-għajnuna biss jibbenefikaw mill-għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ. Għaldaqstant, dan l-għan ifittex għan ieħor ta’ natura mhux ekonomika li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali. |
46 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-punt 40 tas-sentenza preżenti li, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni ta’ domiċilju permanenti, minkejja d-derogi ristretti għaliha, hija ta’ natura li fl-istess ħin hija wisq ġenerali u wisq esklużiva. Għalhekk, din ir-restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera ma tistax titqies bħala proporzjonali mal-għan ekonomiku imfittex, hekk kif isostni l-Gvern Ġermaniż. |
47 |
Fit-tielet lok, skont dan, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha l-għan li tippromwovi l-mobbiltà fil-qasam tat-taħriġ. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura li tħeġġeġ lill-istudenti inklinati lejn li jistudjaw fil-Ġermanja biss sabiex imorru jistudjaw barra mill-pajjiż u s-suq nazzjonali tax-xogħol jibbenefika minn din il-mobbiltà peress li, minħabba d-domiċilju permanenti fil-Ġermanja, normalment dak li jkun jirritorna fl-Istat li jagħti l-għajnuna. Għall-kuntrarju, applikant għal għajnuna li jirrisjedi barra mill-pajjiż u li jixtieq jistudja b’lingwa oħra fi Stat Membru ieħor ma jkunx imħeġġeġ li jidħol fis-suq tax-xogħol Ġermaniż. Il-miżuri previsti mill-BAföG għaldaqstant jippermettu t-twettiq ta’ dan l-għan u ma jmorrux lil hin minn dak li huwa neċessarju sabiex jitwettaq. |
48 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li l-għan li tiġi promossa l-mobbiltà tal-istudenti jaqa’ taħt l-interess ġenerali u jagħmel parti mill-azzjonijet li l-Artikolu 165 TFUE assenja lill-Unjoni fil-kuntest tal-politika ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ professjonali, taż-żgħażagħ u tal-isport, u li l-mobbiltà fl-edukazzjoni u fit-taħriġ tagħmel parti integrali mill-moviment liberu tal-persuni u tikkostitwixxi waħda mill-għanijiet prinċipali tal-azzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑542/09, punt 71). |
49 |
F’dan il-kuntest, ġustifikazzjoni relattiva għall-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni bħal dik fil-kawża ineżami. Madankollu, hekk kif ġie indikat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni li għandha n-natura li tirrestrinġi libertà fundamentali ggarantita mit‑Trattat, bħad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera taċ-ċittadini tal-Unjoni, tista’ tiġi leġittimament ġustifikata biss jekk din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dan jitwettaq (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73). |
50 |
Issa, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-punt 40 tal-kawża preżenti, li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura li fl-istess ħin hija wisq ġenerali u wisq esklużiva u ma tistax titqies bħala proporzjonali, peress li din tiffavorixxi element li ma huwiex neċessarjament l-uniku wieħed li jirrappreżenta l-livell reali ta’ rabta bejn l-applikant għall-għajnuna u s-soċjetà Ġermaniża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86). |
51 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, bħala prinċipju, tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ għal studji segwiti fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni waħdiena li wieħed ikun stabbilixxa domiċilju permanenti, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, fit-territorju nazzjonali u li, fil-każ fejn l-applikant ikun ċittadin nazzjonali li ma jkollux id-domiċilju permanenti tiegħu f’dan it-territorju nazzjonali, tipprevedi għajnuna għat-taħriġ barra mill-pajjiż biss fl-Istat tad-domiċilju tal-applikant jew fi Stat ġar tiegħu u biss meta dan ikun ġustifikat minn ċirkustanzi partikolari. |
Fuq l-ispejjeż
52 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, bħala prinċipju, tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ għal studji segwiti fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni waħdiena li wieħed ikun stabbilixxa domiċilju permanenti, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, fit-territorju nazzjonali u li, fil-każ fejn l-applikant ikun ċittadin nazzjonali li ma jkollux id-domiċilju permanenti tiegħu f’dan it-territorju nazzjonali, tipprevedi għajnuna għat-taħriġ barra mill-pajjiż biss fl-Istat tad-domiċilju tal-applikant jew fi Stat ġar tiegħu u biss meta dan ikun ġustifikat minn ċirkustanzi partikolari. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.