Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0391

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2013.
    RLvS Verlagsgesellschaft mbH vs Stuttgarter Wochenblatt GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Ommissjonijiet qarrieqa f’rapporti pubbliċitarji – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi kull pubblikazzjoni bi ħlas mingħajr ma jissemma ‘reklam’ (‘Anzeige’) – Armonizzazzjoni kompleta – Miżuri iktar stretti – Libertà tal-istampa.
    Kawża C‑391/12.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:669

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    17 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

    “Direttiva 2005/29/KE — Prattiki Kummerċjali Żleali — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae — Ommissjonijiet qarrieqa f’rapporti pubbliċitarji — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi kull pubblikazzjoni bi ħlas mingħajr ma jissemma ‘reklam’ (‘Anzeige’) — Armonizzazzjoni kompleta — Miżuri iktar stretti — Libertà tal-istampa”

    Fil-Kawża C‑391/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2012, fil-proċedura

    RLvS Verlagsgesellschaft mbH

    vs

    Stuttgarter Wochenblatt GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal RLvS Verlagsgesellschaft mbH, minn A. Sasdi, avukat,

    għal Stuttgarter Wochenblatt GmbH, minn F.-W. Engel u A. Rinkler, Avukati,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn S. Šindelková, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Hornung kif ukoll minn V. Kreuschitz u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22), kif ukoll fuq il-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn RLvS Verlagsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “RLvS”) u Stuttgarter Wochenblatt GmbH (iktar ’il quddiem “Stuttgarter Wochenblatt”) dwar il-possibbiltà li RLvS tiġi pprojbita milli tippubblika jew tħalli li jiġu ppubblikati bi ħlas f’ġurnal, pubblikazzjonijiet li ma jinkludux ir-referenza “reklam” (“Anzeige”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2005/29

    3

    Il-premessi 6 sa 8 tad-Direttiva 2005/29 huma redatti kif ġej:

    “(6)

    Din id-Direttiva […] tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din id-Direttiva tħares lill-konsumaturi mill-konsegwenzi ta’ prattiċi kummerċjali żleali bħal dawn fejn ikunu sostanzjali iżda tagħraf li f’ċerti każijiet l-impatt fuq il-konsumatur jista’ jkun negliġibbli. Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja, jekk jagħżlu li jagħmlu dan. […]

    (7)

    Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti. […]

    (8)

    Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. B’hekk tħares ukoll b’mod indirett negozji leġittimi mill-kompetituri tagħhom li ma jimxux mar-regoli ta’ din id-Direttiva u tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta fl-oqsma kordinati minnha. Huwa mifhum li hemm prattiċi kummerċjali oħrajn li, għalkemm ma jagħmlux ħsara lil konsumatur, jistgħu jagħmlu ħsara lil kompetituri u klijenti kummerċjali. Il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa l-ħtieġa għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali lil hinn mill-ambitu ta’ din id-Direttiva u, jekk ikun meħtieġ, tagħmel proposta leġiżlattiva li tkopri dawn l-aspetti oħra tal-kompetizzjoni żleali.”

    4

    Skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29 “kummerċjant” ifisser, “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant”. L-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jipprovdi minn naħa tiegħu li “prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” tfisser “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.

    5

    B’mod konformi mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29, din “tapplika għall-prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul u wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott”.

    6

    Madankollu, skont l-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva, “[g]ħal perjodu ta’ sitt snin minn 12 ta’ Ġunju 2007, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva li huma iktar restrittivi jew preskrittivi u jimplimentaw direttivi li fihom klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima. Dawn il-miżuri għandhom ikunu essenzjali sabiex jiżguraw li l-konsumaturi huma mħarsa kif suppost minn prattiċi kummerċjali żleali u għandhom ikunu proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Ir-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 18 tista’, jekk hekk jiġi kkunsidrat xieraq, tinkludi proposta sabiex tiġi mtawla din id-deroga għal perjodu ieħor limitat”.

    7

    Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3(8) tal-istess direttiva, din “hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kondizzjonijiet ta’ stabbiliment jew reġimi ta’ awtorizzazzjoni, jew għall-kodiċijiet deontoloġiċi ta’ kondotta jew regoli speċifiċi oħra li jiggvernaw professjonijiet regolati sabiex jinżammu livelli għolja ta’ integrità min-naħa tal-professjonisti, li l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi Komunitarja, jimponu fuq il-professjonisti”.

    8

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29/KE jipprovdi:

    “L-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.”

    9

    Taħt il-titolu “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”, l-Artikolu 5 tad-Direttiva jiddisponi:

    “1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

    2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

    a)

    hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

    u

    b)

    toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq [taffettwa] jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

    […]

    5.   Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

    10

    L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “L-Ommissjonijiet Qarrieqa”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2:

    “1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

    2.   Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.”

    11

    L-Anness I tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Prattiċi kummerċjali li f’kull ċirkostanza huma kkunsidrati żleali”, isemmi fil-punt 11 tiegħu, bħala “Prattiċi kummerċjali qarrieqa”, il-fatt li “juża kontenut editorjali fil-mijdja sabiex jippromwovi prodott fejn huwa jkun ħallas għall-promozzjoni tiegħu mingħajr ma jagħmel dan ċar fil-kontenut jew permezz ta’ immaġini u ħsejjes identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur (rapporti pubbliċitarji). Din id-dispożizzjoni tapplika għandu jkun bla ħsara tad-Direttiva 89/552/KEE [tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ottubru 1989, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 298/23/KEE dwar il-koordinazzjoni ta ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tax-xandir televiżivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321)]”.

    Id-Direttiva 2010/13/UE

    12

    Il-premessa 82 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-“Servizzi tal-Media awdjoviżiva”) (ĠU L 95, p. 1) tippreċiża li, “[m]inbarra l-prattiki koperti mid-Direttiva attwali, id-Direttiva 2005/29/KE […] tapplika għal prattiċi kummerċjali mhux ġusti, bħal prattiċi qarrieqa u aggressivi li jidhru fis-servizzi tal-midja awdjoviżiva”.

    13

    L-Artikolu 10(1)(c) tad-Direttiva 2010/13 jistipula:

    “Servizzi tal-media awdjoviżiva jew programmi li huma sponsorizzati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

    […]

    c)

    it-telespettaturi għandhom jiġu mgħarrfa b’mod ċar bl-eżistenza ta’ ftehim ta’ sponsorizzazzjoni. Programmi sponsorizzati għandhom ikunu identifikati b’mod ċar bħala tali mill-isem, il-logo u/jew kwalunkwe simbolu ieħor tal-isponsor bħal referenza għall-prodott(i) jew s-servizz(i) tiegħu jew sinjal distintiv tiegħu b’mod xieraq għal programmi fil-bidu, matul u/jew fit-tmiem tal-programmi.”

    14

    Id-Direttiva 2010/13 tħassar id-Direttiva 89/552, kif emendata bid-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 322, p. 27). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3f tad-Direttiva 89/552, kif emendata bid-Direttiva 2007/65, taqra b’dan il-mod:

    “1.   Servizzi tal-media awdjoviżiva jew programmi li huma sponsorizzati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

    a)

    il-kontenut tagħhom u, fil-każ ta’ xandir televiżiv, l-iskedar tagħhom m’għandu fl-ebda ċirkostanza jkun influwenzat b’tali mod li jaffettwa r-responsabbiltà u l-indipendenza editorjali tal-fornitur ta’ servizzi tal-media;

    b)

    huma m’għandhomx jinkoraġġixxu direttament ix-xiri jew il-kiri ta’ prodotti jew servizzi, b’mod partikolari billi jagħmlu referenzi promozzjonali speċjali għal dawk il-prodotti jew is-servizzi;

    c)

    it-telespettaturi għandhom jiġu mgħarrfa b’mod ċar bl-eżistenza ta’ ftehim ta’ sponsorizzazzjoni. Programmi sponsorizzati għandhom ikunu identifikati b’mod ċar bħala tali mill-isem, il-logo u/jew kwalunkwe simbolu ieħor tal-isponsor bħal referenza għall-prodott(i) jew s-servizz(i) tiegħu jew sinjal distintiv tiegħu b’mod xieraq għal programmi fil-bidu, matul u/jew fit-tmiem tal-programmi.

    2.   Servizzi tal-media awdjoviżiva jew programmi m’għandhomx jiġu sponsorizzati minn impriżi li l-attività prinċipali tagħhom hija l-manifattura jew il-bejgħ ta’ sigaretti u prodotti oħrajn tat-tabakk.

    3.   L-isponsorizzazzjoni ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva jew programmi minn impriżi li l-attivitajiet tagħhom jinkludu l-manifattura jew il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali u trattament mediku jistgħu jippromwovu l-isem jew ix-xbiha tal-impriża iżda m’għandhomx jippromwovu prodotti mediċinali speċifiċi jew trattamenti mediċi disponibbli biss b’riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu jaqa’ l-fornitur ta’ servizzi tal-media.

    4.   Aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti m’għandhomx ikunu sponsorizzati. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jipprojbixxu l-wiri ta’ logo ta’ sponsorizzazzjoni waqt programmi tat-tfal, dokumentarji u programmi reliġjużi.”

    Id-dritt Ġermaniż

    15

    L-Artikolu 10 tal-liġi tal-Bade-Wurtemberg dwar l-istampa (Landespressegesetz Baden-Württemberg) tal-14 ta’ Jannar 1964 (iktar ’il quddiem il-“liġi reġjonali dwar l-istampa”), intitolat “Identifikazzjoni ta’ pubblikazzjonijiet bi ħlas”, jipprovdi:

    “Kull pubblikatur jew persuna responsabbli [fis-sens tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 8(2)] li jirċievi jew jitlob ħlas għal pubblikazzjoni, jew jingħata garanzija ta’ tali ħlas, huwa obbligat li jindika dik il-pubblikazzjoni b’mod ċar billi jsemmi ‘Reklam’, sa fejn id-disinn u l-arranġament tagħha ma jippermettux diġà, b’mod ġenerali, li tintgħaraf in-natura pubbliċitarja tagħha.”

    16

    Il-liġi reġjonali dwar l-istampa għandha l-għan li tipproteġi l-libertà tal-istampa li, skont l-Artikolu 1 tagħha, hija waħda mill-bażijiet tad-demokrazija liberali. L-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi tindika li l-istampa tissodisfa missjoni ta’ servizz pubbliku peress li hija tforni u tiddistribwixxi informazzjoni, tieħu pożizzjoni, teżerċita rwol kritiku jew tikkontribwixxi bi kwalunkwe mod ieħor għall-formazzjoni tal-opinjonijiet fuq kwistjonijiet ta’ interess pubbliku.

    17

    Il-Liġi Federali Ġermaniża kontra l-Kompetizzjoni Żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb) tittrasponi fil-Ġermanja d-Direttiva 2005/29. L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, intitolat “Projbizzjoni ta’ Prattiki Kummerċjali Żleali”, jipprovdi:

    “(1)   Huma illeċiti l-prattiki kummerċjali żleali li huma ta’ natura li jaffetwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-kompetituri, tal-konsumaturi jew tal-atturi l-oħra tas-suq.

    (2)   Il-prattiki kummerċjali diretti lill-konsumaturi huma fi kwalunkwe ċirkustanza illeċiti jekk ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ diliġenza professjonali mitlub mill-kummerċjant u jekk ikunu tali li jbiddlu b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni meta jkun mgħarraf bil-fatti, u li jwassluh li jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jasal sabiex jieħu. Għandu jittieħed bħala riferiment il-konsumatur medju jew, meta prattika kummerċjali hija mmirata lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi, il-membru medju ta’ dan il-grupp. […]

    (3)   Il-prattiki kummerċjali mmirati lejn il-konsumaturi li jissemmew fl-Anness ma’ din il-liġi dejjem huma illegali.”

    18

    Skont il-punti (3) u (11) tal-Artikolu 4 tal-Liġi Federali kontra l-Kompetizzjoni Żleali, “[j]aġixxi b’mod żleali, b’mod partikolari, kull min […] jaħbi n-natura pubbliċitarja ta’ prattiki kummerċjali” jew “jikser dispożizzjoni legali intiża sabiex tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-operaturi”.

    19

    Taħt it-titolu “Waqfien u projbizzjoni”, l-Artikolu 8 tal-Liġi Federali kontra l-Kompetizzjoni Żleali jipprovdi:

    “(1)   Kull prattika kummerċjali illeċita skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 7 tista’ twassal għal digriet ta’ waqfien u, f’każ ta’ riskju ta’ reċidiviżmu, għal ordni ta’ astinenza jew projbizzjoni. Id-dritt li tintalab il-projbizzjoni hija disponibbli f’każ li jkun hemm ir-riskju li jkun hemm prattika illeċità fis-sens tal-Artikoli 3 jew 7.

    (2)   Meta l-prattiki illeċiti jwasslu għal impjieg jew chargé d’affaires f’impriża, id-digriet ta’ projbizzjoni u dak ta’ waqfien jistgħu wkoll isiru kontra l-proprjetarju tal-impriża.

    (3)   L-ordnijiet previsti fil-paragrafu 1 jistgħu jintalbu:

    1.

    minn kull kompetitur;

    […]”

    20

    Il-punt 11 tal-anness tal-Liġi Federali kontra l-Kompetizzjoni Żleali jindika li huwa kkunsidrat illegali, fis-sens tal-Artikolu 3(3) ta’ din il-liġi, “l-użu, iffinanzjat minn kummerċjant, ta’ kontenut editorjali sabiex issir il-promozzjoni lil prodott, meta din ir-rabta ma tirriżultax b’mod ċar mill-kontenut jew il-preżentazzjoni viżwali jew sonora (rapporti pubbliċitarji)”.

    Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    21

    Stuttgarter Wochenblatt tippubblika ġurnal li joħroġ darba fil-ġimgħa bl-istess isem, filwaqt li RLvS, stabbilita fi Stuttgart (Il-Ġermanja), tippubblika l-ġurnal ta’ reklami qosra GOOD NEWS. Fl-edizzjoni tagħha ta’ Ġunju 2009, din tal-aħħar ippubblikat żewġ artikoli bi sponsorjar finanzjarju.

    22

    L-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ artikoli, ippubblikati fit-taqsima “GOOD NEWS Prominent”, jokkupa tliet kwarti mill-paġna u huwa intitolat “VfB VIP-GEFLÜSTER” (“Għajdut fuq il-personalitajiet ‘VIP’ preżenti fil-VfB”). Dan l-artikolu, akkumpanjat minn ritratti, jammonta għal rapportaġġ fuq il-personalitajiet preżenti fl-aħħar logħba tal-istaġun li fiha lagħbu l-club VfB Stuttgart fil-kuntest tal-kampjonat Federali tal-football Ġermaniż. Bejn it-titolu ta’ dan l-artikolu, kien hemm ukoll introduzzjoni qasira, u t-test prinċipali ta’ dan, akkumpanjat minn 19-il fotografija, kien hemm indikat li l-artikolu inkwistjoni ġie ffinanzjat minn terzi. Huwa fil-fatt possibbli li tinqara r-referenza “Sponsored by” (“sponsorjat minn”) segwita mill-isem tal-impriża “Scharr”, murija grafikament. L-aħħar kwart tal-paġna, li jinstab taħt dan l-artikolu, huwa okkupat minn reklam indikat bir-referenza “reklam” (“Anzeige”) u li huwa separat minn dan l-artikolu permezz ta’ linja. Din il-pubbliċità ssemmi li x-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid tal-istadium Mercedes Benz Arena bdew u tippromwovi l-prodott “Scharr Bio Heizöl” propost mill-isponsor tal-artikolu inkwistjoni.

    23

    It-tieni artikolu ppubblikat fuq paġna oħra tal-imsemmi ġurnal fit-taqsima “GOOD NEWS Wunderschön” jifforma parti minn serje ta’ artikoli intitolat “Wohin Stuttgarter verreisen” (“Destinazzjonijiet ta’ persuni minn Stuttgart”) u huwa stess huwa intitolat “Heute: Leipzig” (“Illum: Leipzig”). Dan l-artikolu, li jokkupa seba’ minn tmien partijiet tal-paġna kkonċernata, tikkonsisti f’deskrizzjoni qasira tal-belt ta’ Leipzig. It-titolu ta’ dan l-artikolu huwa wkoll akkumpanjat mir-referenza “Sponsored by” segwit mill-isem tal-impriża li ħallset għaliha, f’dan il-każ Germanwings, murija grafikament. Barra minn hekk, reklam għal Germanwings, dan ukoll separat mill-artikolu inkwistjoni permezz ta’ linja u indikat bir-referenza “Anzeige”, jokkupa l-kantuniera ta’ isfel tan-naħa tal-lemin tal-paġna. Dan ir-reklam jipproponi kompetizzjoni li permezz tagħha, l-parteċipanti jistgħu, b’mod partikolari, jirbħu żewġ biljetti tal-ajru għal Leipzig jekk jirrispondu b’mod korrett għal mistoqsija li tirrigwarda l-frekwenza tat-titjiriet bl-ajru pprovduti mill-isponsor bejn l-ibliet ta’ Stuttgart u ta’ Leipzig.

    24

    Stuttgarter Wochenblatt tikkunsidra li ż-żewġ pubblikazzjonijiet inkwistjoni jiksru l-Artikolu 10 tal-liġi reġjonali dwar l-istampa sa fejn in-natura pubbliċitarja ta’ dawn ma tkunx indikata b’mod ċar. Hija tikkunsidra li, peress li dawn il-pubblikazzjonijiet ġew sponsorjati, dawn huma pubblikazzjonijiet bi ħlas fis-sens ta’ dan l-artikolu.

    25

    Adita minn Stuttgarter Wochenblatt fl-ewwel istanza, il-Landgericht laqgħet it-talba tagħha billi pprojbixxiet lil RLvS milli tippubblika jew tħalli li jiġu ppubblikati bi ħlas fil-ġurnal GOOD NEWS pubblikazzjonijiet li ma jinkludux ir-referenza “reklam” (“Anzeige”), bħaż-żewġ artikoli inkwistjoni tal-edizzjoni tax-xahar ta’ Ġunju 2009, u li n-natura pubbliċitarja tagħhom ma tirriżultax b’mod ġenerali mill-arranġament u mid-disinn tagħhom. RLvS ippreżentat appell kontra s-sentenza mogħtija, iżda dan ġie miċħud.

    26

    Fil-kuntest tal-appell tagħha għal “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju, RLvS issostni t-talbiet tagħha għaċ-ċaħda tat-talba ta’ Wochenblatt. Hija ssostni li l-Artikolu 10 tal-liġi reġjonali dwar l-istampa tikser id-dritt tal-Unjoni u b’hekk ma hijiex applikabbli.

    27

    Il-Bundesgerichtshof tistaqsi jekk l-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 10 tal-liġi reġjonali dwar l-istampa, fil-kuntest tal-Artikolu 4(11) tal-Liġi Federali kontra l-Kompetizzjoni Żleali, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari hekk kif jirriżulta mill-armonizzazzjoni sħiħa, mid-Direttiva 2005/29, tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi. Sa fejn, fil-kawża prinċipali, il-qrati tal-ewwel istanza u ta’ appell laqgħu r-rikors ta’ Stuttgarter Wochenblatt fuq il-bażi tal-Artikoli 4(11) tal-Liġi Federali kontra l-Kompetizzjoni Żleali, u 10 tal-liġi reġjonali dwar l-istampa, il-Bundesgerichtshof tixtieq tħalli pendenti l-kwistjoni dwar jekk il-pubblikazzjonijiet kontenzjużi jiksrux, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(3) tal-Liġi Federali kontra l-Kompetizzjoni Żleali, moqri flimkien mal-punt 11 tal-anness dwar dan l-artikolu, kif ukoll l-Artikolu 4(3) ta’ din il-liġi, dispożizzjonijiet li jikkorrispondu essenzjalment mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2005/29 moqri flimkien mal-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva.

    28

    Il-Bundesgerichtshof tindika li l-Artikolu 10 tal-liġi reġjonali dwar l-istampa, li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma kważi identiċi fi kważi l-liġijiet reġjonali Ġermaniżi kollha dwar l-istampa u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-massa, jirregola l-aġir tal-operaturi fis-suq fis-sens tal-Artikolu 4, punt 11 tal-Liġi Federali kontra l-Kompetizzjoni Żleali. L-Artikolu 10 għandu żewġ għanijiet. Minn naħa, hemm l-għan li jipprevjeni li l-qarrej tal-ġurnal jiġi żgwidat, billi ħafna drabi l-konsumaturi jkunu inqas kritiċi fil-konfront ta’ miżuri pubbliċitarji ppreżentati bħala editorjal milli fil-konfront ta’ reklami ppreżentati bħala tali. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li r-reklamar jiġi sseparat mill-editorjali huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-oġġettività u n-newtralità tal-istampa, billi jevita r-riskju ta’ influwenza esterna fuq l-istampa, inkluż barra mill-qasam kummerċjali. Dan l-obbligu ta’ separazzjoni, previst mid-dritt dwar l-istampa u l-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa, għandu l-iskop essenzjali li jipproteġi l-oġġettività u n-newtralità tal-istampa u tal-mezzi tax-xandir awdjoviżiv, billi huwa mifhum li dan l-iskop ma jistax jiġi ggarantit sempliċement bil-projbizzjoni tal-pubbliċità editorjali fil-kuntest tar-regoli dwar il-kompetizzjoni żleali.

    29

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/29 kif ukoll il-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikoli 4 u 3(5) tal-istess direttiva, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali (f’dan il-każ, l-Artikolu 10 tal-Liġi reġjonali […] dwar l-istampa […]) li hija intiża mhux biss għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-qerq, iżda wkoll sabiex tiggarantixxi l-indipendenza tal-istampa u li tipprojbixxi, irrispettivament mill-għan imfittex u b’kuntrast mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/29 kif ukoll mal-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, kull pubblikazzjoni bi ħlas mingħajr l-inklużjoni ta’ indikazzjoni li hija ‘reklamar’, sakemm l-arranġament u d-disinn tal-pubblikazzjoni ma jindikawx minnhom infushom li din il-pubblikazzjoni hija reklam?”

    Fuq id-domanda preliminari

    30

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2005/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħhom l-edituri tal-gazzetti huma obbligati li jinkludu referenza speċifika, fil-każ preżenti il-kelma “reklam” (“Anzeige”), f’kull pubblikazzjoni fil-ġurnali tagħhom li għalihom jirċievu ħlas, sakemm id-dispożizzjoni jew id-disinn ta’ din il-pubblikazzjoni ma tippermettix, b’mod ġenerali, li tiġi rikonoxxuta n-natura pubbliċitarja ta’ din.

    31

    Preliminarjament, għandu jingħad li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jirreferu mhux għall-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29, kontenuti b’mod partikolari fl-Artikolu 3 tal-Liġi Federali kontra l-Kompetizzjoni Żleali kif ukoll għall-anness ta’ din il-liġi, iżda għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni, essenzjalment simili fil-Länder Ġermaniżi differenti, li tirregola l-attivitajiet tal-istampa, f’dan il-każ l-Artikolu 10 tal-liġi reġjonali dwar l-istampa. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, dan l-artikolu jammonta għal dispożizzjoni legali bil-għan li jirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-operaturi fis-sens tal-Artikolu 4(11) tal-Liġi Federali kontra l-Kompetizzjoni Żleali, liema liġi tipproteġi kemm l-interessi tal-konsumaturi u tal-kompetituri tal-impriżi li huma involuti fi prattiki kummerċjali żleali bħal dawk “tal-atturi l-oħra tas-suq”. B’hekk, kull kompetitur jista’ jeżiġi l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni skont l-Artikolu 8(3) ta’ din il-liġi.

    32

    Min-naħa l-oħra, il-kawża prinċipali ma tikkonċernax iż-żewġ reklami li, kienu akkumpanjati mir-referenza “reklam” (“Anzeige”). Fil-fatt, din il-kawża tittratta biss in-nuqqas ta’ RLvS milli tinkludi r-referenza “reklam” fiż-żewġ artikoli tal-ġurnal GOOD NEWS dwar rispettivament logħba tal-futbol u għall-belt ta’ Leipzig, liema ommissjoni tammonta għal ksur tal-Artikolu 10 tal-liġi reġjonali dwar l-istampa. Għalhekk, id-domanda preliminari għandha l-għan biss li tistabbilixxi jekk, f’tali ċirkustanzi, id-Direttiva 2005/29 tipprekludi, f’dak li jirrigwarda dawn iż-żewġ artikoli, l-applikazzjoni ta’ tali rekwiżit tad-dritt nazzjonali f’moħħ l-editur tal-istampa.

    33

    Fuq dan l-aspett, huwa minnu li, sa fejn id-Direttiva 2005/29 tipproċedi b’armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi, minn naħa, huma biss il-31 prattika kummerċjali elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva li huma meqjusa żleali“fiċ-ċirkustanzi kollha” fit-territorju tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jżommu jew jistabbilixxu fit-territorji tagħhom miżuri li għandhom bħala għan jew bħala effett li jikklassifikaw prattiki kummerċjali bħala żleali għal raġunijiet relatati maż-żamma tal-pluraliżmu tal-istampa, ma tinsabx fost id-derogi tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva msemmija fil-premessi 6 u 9 kif ukoll fl-Artikolu 3 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, C-540/08, Ġabra p. I-10909, punti 26, 27 u 34).

    34

    Madankollu, tali kunsiderazzjonijiet ma humiex rilevanti f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali sa fejn il-prattiki inkwistjoni, jiġifieri l-pubblikazzjoni tal-kontenut editorjali minn editur tal-istampa, taqa’ effettivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29.

    35

    F’dan ir-rigward, anki jekk dispożizzjoni nazzjonali jkollha effettivament għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li hija ħaġa li għandha tiġi kkonstatata mill-qorti tar-rinviju, sabiex jiġi stabbilit jekk tali dispożizzjoni tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, jeħtieġ li l-aġir previst minn din id-dispożizzjoni nazzjonali jammonta għal prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft, C-304/08, Ġabra p. I-217, punt 35, u Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16; kif ukoll id-digriet tas-27 ta’ Mejju 2011, Wamo, C-288/10, Ġabra p. I-5835, punti 28 u 29 ).

    36

    Dan huwa l-każ meta l-prattiki previsti jaqgħu fil-qafas tal-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u għandhom bħala għan direttament li jippromwovu u li jmexxu l-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi ta’ din, jammontaw fihom infushom fi prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u, bħala konsegwenza, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din (ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C-261/07 u C-299/07, Ġabra p. I-2949, punt 50, kif ukoll Plus Warenhandelsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

    37

    Anki jekk din id-direttiva tiddefinixxi l-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali” permezz ta’ deskrizzjoni partikolarment wiesgħa (ara s-sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, kif ukoll d-digriet Wamo, iċċitat iktar ’il fuq, punt 30), xorta jibqa’ l-fatt li l-prattiki hekk kif previsti għandhom ikunu, minn naħa, ta’ natura kummerċjali, jiġifieri ġejjin minn kummerċjanti u, min-naħa l-oħra, ikunu f’rabta diretta mal-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista tal-prodotti tagħhom għall-konsumaturi.

    38

    Ċertament, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant” li jidher fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29, din id-direttiva tista’ tapplika f’sitwazzjoni fejn il-prattiki kummerċjali ta’ operatur huma użati minn impriża oħra, li jaġixxu għan-nom u/jew għal dan l-operatur, b’mod li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jistgħu, f’ċerti sitwazzjonijiet, jorbtu kemm l-imsemmi operatur kif ukoll din l-impriża, meta dawn it-tnejn tal-aħħar jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “kummerċjant”.

    39

    F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa madankollu stabbilit li l-pubblikazzjonijiet ikkonċernati, jiġifieri żewġ artikli b’kontenut editorjali informattiv u deskrittiv, jistgħu jippromwovu mhux il-prodott tal-editur tal-istampa, fil-każ preżenti ġurnal mingħajr ħlas, iżda l-prodotti u s-servizzi ta’ impriżi li ma humiex partijiet fil-kawża prinċipali.

    40

    Anki jekk tali pubblikazzjonijiet b’hekk jistgħu jkunu kklassifikati bħala prattiki kummerċjali, minn naħa, fil-każ li relazzjoni diretta tista’ tiġi stabbilita fir-rigward ta’ tali komunikazzjoni kummerċjali, dan ikun il-każ mal-prodotti u s-servizzi ta’ dawn l-impriżi, fil-każ preżenti, fil-kawża prinċipali, Scharr u Germanwings. Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li RLvS ma aġixxietx f’isem u/jew għan-nom tal-imsemmija impriżi fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29. F’każ bħal dan, u hekk kif jirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha, din id-direttiva jkollha ċertu għan li tipproteġi lill-konsumaturi tal-prodotti u tas-servizzi ta’ dawn l-istess impriżi kif ukoll lill-kompetituri leġittimi ta’ dawn.

    41

    Madankollu, sa fejn il-fatt għall-editur tal-istampa li jipproċedi b’tali pubblikazzjonijiet li jista’ jippromwovu, eventwalment indirettament, il-prodotti u s-servizzi ta’ terzi ma huwiex ta’ natura li jibdel b’mod sostanzjali l-aġir ekonomiku tal-konsumatur fid-deċiżjoni tiegħu li jakkwista jew jikseb il-ġurnal inkwistjoni, anki b’xejn (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 45), prattika bħal din ta’ pubblikazzjoni fiha nfisha ma tistax tiġi kklassifikata bħala “prattika kummerċjali” ta’ dan l-editur fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29.

    42

    F’tali ċirkustanzi, din id-direttiva ma għandhiex bħala għan li tipproteġi kompetitur tal-editur tal-istampa kkonċernat peress li dan tal-aħħar ħareġ pubblikazzjonijiet li jistgħu jippromwovu l-prodotti jew is-servizzi tal-imsemmija sponsors li jisponsorjaw l-imsemmija pubblikazzjonijiet mingħajr ma titpoġġa r-referenza “reklam”, kuntrarjament għal dak li jeħtieġ l-Artikolu 10 tal-liġi reġjonali dwar l-istampa.

    43

    Din id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 hija kkorroborata, l-ewwel nett, mill-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, skont dan il-punt 11 u bla ħsara għad-Direttiva 89/552, huwa kklassifikat bħala prattika kummerċjali żleali fi kwalunkwe ċirkustanza l-fatt li kummerċjant jippromwovi prodott billi juża kontenut editorjali fil-media fejn huwa jkun ħallas għall-promozzjoni tiegħu mingħajr ma jagħmel dan ċar fil-kontenut jew permezz ta’ immaġni u ħsejjes identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur, prattika li komunement hija magħrufa bħala “rapporti pubbliċitarji”.

    44

    F’dan ir-rigward, jekk huwa ċertament mhux eskluż li editur tal-istampa juża huwa stess, fil-prodotti tiegħu jew f’media oħra, prattika kummerċjali li tista’ tiġi kklassifikata bħala żleali fir-rigward tal-konsumatur ikkonċernat, fil-każ preżenti il-qarrej, pereżempju billi jiġu offruti logħob, puzzles jew kompetizzjonijiet akkumpanjati minn premjijiet u li jistgħu minħabba dan il-fatt jinkoraġġixxu lill-konsumatur jixtri l-prodott ikkonċernat, jiġifieri ġurnal (ara, f’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-Artikolu 30 KE li sar l-Artikolu 36 TFUE, sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress, C-368/95, Ġabra p. I-3689, punt 28), għandu madankollu jingħad li l-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 ma huwiex intiż, fih innifsu, sabiex jimponi fuq l-edituri tal-istampa l-obbligu li jiġu ostakolati prattiki kummerċjali żleali eventwali ta’ min jagħmel ir-reklami, li għalihom, b’dan il-mod, relazzjoni diretta tista’ tkun potenzjalment stabbilita bil-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista lill-konsumaturi tal-prodotti jew tas-servizzi ta’ dawn li jagħmlu r-reklami.

    45

    It-tieni nett, jekk kellu jiġi ammess li d-Direttiva 2005/29 hija intiża sabiex tiġi invokata minn impriża li tuża l-mezzi ta’ komunikazzjoni fir-rigward ta’ wieħed mill-kompetituri tagħha li tippubblika kontenuti editorjali sponsorjati minn impriżi li jixtiequ jew jittamaw, b’dan il-mod, li jippromwovu l-prodotti tagħhom, billi jonqsu milli jindikaw b’mod ċar li huma ffinanzjaw l-imsemmija pubblikazzjonijiet, l-istess applikazzjoni ta’ din id-direttiva tkun f’kunflitt, fil-qasam awdjoviżiv, mal-obbligi imposti fuq il-fornituri tas-servizzi tal-media awdjoviżivi mid-Direttiva 2010/13 fejn l-Artikolu 10(1)(c) jittratta preċiżament sponsorships ta’ programmi awdjoviżivi.

    46

    Issa, mill-premessa 82 ta’ din l-aħħar imsemmija direttiva jirriżulta li, b’mod partikolari mill-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“Abgesehen von den Praktiken, die unter die vorliegende Richtlinie fallen”), Ingliża (“Apart from the practices that are covered by this Directive”, Franċiża (“Outre les pratiques couvertes par la présente directive”), Taljana (“In aggiunta alle pratiche oggetto della presente direttiva”) u Rumena (“Pe lângă practicile aflate sub incidența prezentei directive”) ta’ din, li d-Direttiva 2010/13 tkopri prattiki differenti minn dawk previsti mid-Direttiva 2005/29. Interpretazzjoni bħal din tkun ukoll f’kunflitt mal-Artikolu 3f tad-Direttiva 89/552, kif emendat bid-Direttiva 2007/65.

    47

    Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, anki jekk , skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, kkontestati mill-Gvern Ġermaniż, l-applikazzjoni għall-pubblikazzjonijiet kontenzjużi tal-Artikolu 10 tal-liġi reġjonali dwar l-istampa, fil-kuntest tal-Artikolu 4(11) tal-Liġi Federali kontra l-Kompetizzjoni Żleali, għandha bħala għan li tiżgura l-indipendenza tal-istampa kif ukoll dak li tipproteġi lill-konsumaturi kontra qerq, din iċ-ċirkustanza ma jkollhiex bħala effett li testendi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 għall-prattiki jew għall-persuni li minnhom isiru dawn il-prattiki li ma jaqax taħt il-kamp tagħha ta’ applikazzjoni.

    48

    B’mod definittiv, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jekk id-Direttiva 2005/29, b’mod partikolari l-punt 11 tal-Anness I tagħha, timponi ċertament fuq l-impriżi li jagħmlu r-reklami, l-obbligu li jindikaw b’mod ċar li huma ffinanzjaw kontenut editorjali fil-media meta dan il-kontenut għandu bħala għan li jiġi promoss prodott jew servizz ta’ dawn il-kummerċjanti, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jaqa’ fuq l-edituri tal-istampa skont l-Artikolu 10 tal-liġi reġjonali dwar l-istampa jikkorrispondi fir-realtà, essenzjalment, ma’ dak li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tad-Direttivi 89/552 u 2010/13, impona fil-qasam awdjoviżiv lill-fornituri tal-media meta s-servizzi jew programmi awdjoviżivi tagħhom huma sponsorjati minn impriżi terzi.

    49

    Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni għadu ma adottax il-leġiżlazzjoni derivata ta’ din in-natura f’dak li jirrigwarda l-istampa miktuba, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jimponu fuq l-edituri tal-istampa obbligi li jindikaw lill-qarrejja l-eżistenza ta’ sponsorships tal-kontenut editorjali, madankollu b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-trattat, b’mod partikolari dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment.

    50

    Fir-rigward ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2005/29 ma hijiex intiża sabiex tintuża kontra edituri tal-istampa, b’mod li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha dawn l-edituri huma obbligati li jinkludu referenza speċifika, fil-każ preżenti l-kelma “reklam” (“Anzeige”), f’kull pubblikazzjoni fil-perjodiċi tagħhom li għalihom jirċievu ħlas, sakemm id-dispożizzjoni jew id-disinn ta’ din il-pubblikazzjoni ma tippermettix, b’mod ġenerali, li tirrikonoxxi n-natura pubbliċitarja tagħha.

    Fuq l-ispejjeż

    51

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”), ma hijiex intiża sabiex tintuża kontra edituri tal-istampa, b’mod li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha dawn l-edituri huma obbligati li jinkludu referenza speċifika, fil-każ preżenti l-kelma “reklam” (“Anzeige”), f’kull pubblikazzjoni fil-perjodiċi tagħhom li għalihom jirċievu ħlas, sakemm id-dispożizzjoni jew id-disinn ta’ din il-pubblikazzjoni ma tippermettix, b’mod ġenerali, li tirrikonoxxi n-natura pubbliċitarja tagħha.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq