EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0032

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2013.
Soledad Duarte Hueros vs Autociba SA u Automóviles Citroën España SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia nº 2 de Badajoz.
Direttiva 1999/44/KE — Drittijiet tal-konsumatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ oġġett — Natura minuri ta’ dan in-nuqqas — Esklużjoni tat-tħassir tal-kuntratt — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali.
Kawża C‑32/12.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:637

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Direttiva 1999/44/KE — Drittijiet tal-konsumatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ oġġett — Natura minuri ta’ dan in-nuqqas — Esklużjoni tat-tħassir tal-kuntratt — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali”

Fil-Kawża C‑32/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Badajoz (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

Soledad Duarte Hueros

vs

Autociba SA,

Automóviles Citroën España SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Berger u A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Duarte Hueros, minn J. Menaya Nieto-Aliseda, abogado,

għal Autociba SA, minn M. Ramiro Gutiérrez u L. T. Corchero Romero, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn F. Wannek, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, K. Szíjjártó u Z. Biró-Tóth, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, S. Duarte Hueros u, min-naħa l-oħra, Autociba SA (iktar ’il quddiem “Autociba”) u Automóviles Citroën España SA, dwar it-talba ta’ S. Duarte Hueros għat-tħassir ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ vettura minħabba nuqqas ta’ konformità ta’ din tal-aħħar ma’ dan il-kuntratt.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 1 tad-Direttiva 1999/44 tipprovdi:

“Billi l-Artikolu [153(1) u (3) KE] jipprovdi li l-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur bil-miżuri li tadotta skond l-Artikolu 95 [KE]”.

4

L-Artikolu 1(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hija l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsumatur u garanziji assoċjati magħhom sabiex tiżgura livell uniformi minimu ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tas-suq intern.”

5

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Il-bejjiegħ għandu jwassal sa għand il-konsumatur oġġetti li huma f’konformità mal-kuntratt ta’ bejgħ.”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44, intitolat “Drittijiet tal-konsumatur”, jaqra kif ġej:

“1.   Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti.

2.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil, f’konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f’konformità mal-paragrafi 5 u 6.

3.   Fil-bidu, il-konsumatur jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jsewwi l-oġġetti jew jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jibdilhom, f’kull każ mingħajr ħlas, jekk kemm-il darba dan huwa [sakemm dan ma jkunx] impossibbli jew disproporzjonat.

[…]

5.   Il-konsumatur jista’ jinħtieġ tnaqqis xieraq tal-prezz jew li jitħassar il-kuntratt:

jekk il-konsumatur m’huwiex intitolat la għat-tiswija u lanqas għal tibdil, jew

jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju fi żmien raġjonevoli, jew

jekk il-bejjiegħ ma jkunx lest[a] r-rimedju mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

6.   Il-konsumatur m’huwiex intitolat li jħassar il-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità hija minuri.”

7

L-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew imantnu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar iebsa, kompatibbli mat-Trattat [KE] fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

8

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva [...]”.

Id-dritt Spanjol

9

Il-liġi nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva 1999/44 fid-dritt Spanjol li kienet fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali kienet il-Liġi 23/2003 fuq il-garanziji fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti għall-konsum (Ley 23/2003 de Garantías en la Venta de Bienes de Consumo), tal-10 ta’ Lulju 2003 (BOE Nru 165, tal-11 ta’ Lulju 2003, p. 27160, iktar ’il quddiem il-“Liġi 23/2003”).

10

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Liġi 23/2003:

“Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli lejn il-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li jkun jeżisti meta jiġi kkunsinnat l-oġġett. Il-konsumatur għandu d-dritt, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti b’din il-liġi, għat-tiswija tal-oġġett, għat-tibdil tiegħu, għat-tnaqqis fil-prezz u għat-tħassir tal-kuntratt.”

11

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Jekk l-oġġett ma jkunx f’konformità mal-kuntratt, il-konsumatur jista’ jagħżel li l-oġġett jissewwa jew jinbidel, sakemm waħda minn dawn il-possibbiltajiet ma tkunx impossibbli jew sproporzjonata. Mill-mument li fih il-konsumatur jikkomunika l-għażla tiegħu lill-bejjiegħ, iż-żewġ partijiet għandhom ikunu marbuta b’din l-għażla. Din id-deċiżjoni tal-konsumatur għandha tkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-artikolu segwenti meta t-tiswija jew it-tibdil ma jippermettux li l-oġġett jinġieb f’konformità mal-kuntratt.”

12

L-Artikolu 7 tal-istess liġi jaqra kif ġej:

“Meta l-konsumatur ma jkunx jista’ jitlob it-tiswija jew it-tibdil, jew meta t-tiswija jew it-tibdil ma jkunux tlestew fi żmien raġonevoli jew mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur, dan tal-aħħar jista’ jagħżel li jitnaqqas il-prezz jew li jitħassar il-kuntratt. It-tħassir ma għandux iseħħ meta n-nuqqas ta’ konformità jkun minuri.”

13

L-Artikolu 216 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil) jipprovdi:

“Ħlief meta l-liġi tipprovdi mod ieħor f’każijiet partikolari, il-qrati għandhom jiddeċiedu l-kawżi li jinsabu quddiemhom fid-dawl tal-fatti, tal-provi u tat-talbiet tal-partijiet”.

14

L-Artikolu 218(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom ikunu ċari u preċiżi u jikkorrispondu għat-talbiet u pretensjonijiet oħra tal-partijiet, li jkunu ġew ippreżentati fil-ħin matul il-proċeduri. Huma għandhom jinkludu d-dikjarazzjonijiet meħtieġa, għandhom jikkundannaw jew jilliberaw lill-konvenut u għandhom jiddeċiedu l-punti kkontestati kollha li jkunu ġew dibattuti.

Mingħajr ma titbiegħed mill-kawża tal-azzjoni billi tilqa’ punti ta’ fatt u ta’ liġi differenti minn dawk li l-partijiet riedu jsostnu, il-qorti għandha tiddeċiedi skont ir-regoli applikabbli għall-kawża, anki jekk dawn tal-aħħar ma jkunux ġew iċċitati jew imqajma korrettament mill-partijiet fil-kawża.”

15

L-Artikolu 400 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jispeċifika:

“1.   Meta l-motivi tat-talba jkunu jistgħu jiġu bbażati fuq fatti differenti jew fuq bażijiet legali differenti, dawn għandhom jitqajmu fit-talba meta jkunu magħrufa jew jistgħu jitqajmu fil-mument li din tiġi ppreżentata, mingħajr ma jkun possibbli li wieħed jirriżerva li jqajjimhom fi proċeduri ulterjuri.

[…]

2.   Skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, għall-finijiet ta’ lis alibi pendens u ta’ res judicata, il-fatti u l-bażijiet legali mqajma f’kawża għandhom jitqiesu li huma l-istess bħal dawk li jkunu tressqu fi proċeduri preċedenti jekk setgħu jitqajmu matul dawn tal-aħħar.”

16

L-Artikolu 412(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Ġaladarba jkun ġie stabbilit is-suġġett tal-kawża fit-talba, fir-risposta u, jekk ikun il-każ, fil-kontrotalba, il-partijiet ma jistgħux jibdluh fi stadju ulterjuri.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

F’Lulju 2004, S. Duarte Hueros xtrat karozza attrezzata b’saqaf li jislajdja mingħand Autociba. Matul ix-xahar ta’ Awwissu ta’ wara, Autociba kkunsinnat il-vettura wara li x-xerrejja ħallset l-ammont ta’ EUR 14 320 għaliha.

18

Peress li, fix-xita, l-ilma kien jidħol mis-saqaf tal-vettura, S. Duarte Hueros ħaditha għand Autociba. Billi d-diversi tentattivi ta’ tiswija ma rnexxewx, S. Duarte Hueros talbet li din il-vettura tinbidel.

19

Wara li Autociba rrifjutat li tibdilha, S. Duarte Hueros ressqet kawża quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Badajoz sabiex tikseb it-tħassir tal-kuntratt ta’ bejgħ u l-kundanna in solidum ta’ Autociba u ta’ Citroën España SA, din tal-aħħar bħala manifattriċi tal-vettura, għar-rimbors tal-prezz tax-xiri ta’ din tal-aħħar.

20

Il-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Badajoz madankollu jirrileva li, peress li n-nuqqas ta’ konformità li wassal għall-kawża li tressqet quddiemu kien minuri, ma setax jiġi ordnat it-tħassir tal-kuntratt ta’ bejgħ skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44.

21

F’dan il-kuntest, minkejja li S. Duarte Hueros kellha dritt għal tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ, abbażi tal-Artikolu 3(5) tal-imsemmija direttiva, il-qorti tar-rinviju madankollu tikkonstata li tali soluzzjoni ma tistax tiġi aċċettata minħabba r-regoli proċedurali interni, b’mod partikolari l-Artikolu 218(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili li jirrigwarda l-prinċipju ta’ kongruwenza bejn it-talbiet tal-partijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, billi ma kienet saret ebda talba prinċipali jew sussidjarja mill-konsumatur f’dan is-sens.

22

Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li S. Duarte Hueros kellha l-possibbiltà li titlob tali tnaqqis fil-prezz, anki jekk b’mod sussidjarju, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ebda azzjoni ġudizzjarja ma kienet tkun ammissibbli f’kawża ulterjuri, minħabba l-fatt li, fid-dritt Spanjol, il-prinċipju ta’ res judicata jkopri t-talbiet kollha li diġà setgħu jitressqu fi proċeduri preċedenti.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li kellu dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dritt Spanjol mal-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttiva 1999/44, il-Juzgado de Primera Instancia Instancia no 2 de Badajoz iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fl-ipotesi fejn, fin-nuqqas ta’ konformità ta’ beni – peress li, minkejja li kienet intalbet diversi drabi, it-tiswija ma saritx – konsumatur jitlob unikament permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja t-tħassir tal-kuntratt, u li dan it-tħassir ma huwiex xieraq, peress li n-nuqqas ta’ konformità huwa żgħir [minuri], il-qorti tista’ ex officio tagħti lill-konsumatur tnaqqis xieraq tal-prezz?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 1999/44 tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fejn konsumatur li jkollu dritt għal tnaqqis xieraq fil-prezz ta’ oġġett stabbilit bil-kuntratt ta’ bejgħ jillimita ruħu li jitlob biss, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, it-tħassir ta’ dan il-kuntratt, meta dan it-tħassir ma jkunx jista’ jinkiseb minħabba n-natura minuri tan-nuqqas ta’ konformità ta’ dan l-oġġett, ma tippermettix lill-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża li tagħti tali tnaqqis ex officio, u dan minkejja li l-imsemmi konsumatur la jkun awtorizzat li jippreċiża t-talba inizjali tiegħu u lanqas li jippreżenta rikors ġdid għal dan il-għan.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif tindika l-premessa 1 tad-Direttiva 1999/44, l-għan ta’ din tal-aħħar huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur (sentenza tas-17 ta’ April 2008, Quelle, C-404/06, Ġabra p. I-2685, punt 36).

26

B’mod partikolari, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 1999/44 jobbliga lill-bejjiegħ li jwassal għand il-konsumatur oġġetti li huma f’konformità mal-kuntratt ta’ bejgħ.

27

F’din il-perspettiva, skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli lejn il-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li jkun jeżisti meta jiġi kkunsinnat l-oġġett (ara s-sentenzi Quelle, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, Ġabra p. I-5257, punt 43).

28

L-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jelenka d-drittijiet li l-konsumatur jista’ jinvoka kontra l-bejjiegħ fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat. Inizjalment, skont l-Artikolu 3(3), il-konsumatur għandu dritt jeżiġi li l-oġġett jitqiegħed fi stat ta’ konformità. Jekk ma jkunx jista’ jikseb dan it-tqegħid fi stat ta’ konformità, huwa jista’ jeżiġi, sussegwentement, skont l-Artikolu 3(5), li jitnaqqas il-prezz jew li jitħassar il-kuntratt (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Quelle, punt 27, u Gebr. Weber u Putz, punt 44). Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(6), meta n-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat ikun minuri, il-konsumatur ma jkunx awtorizzat jitlob tali tħassir u, f’dan il-każ, ikollu biss id-dritt li jitlob tnaqqis xieraq fil-prezz tal-bejgħ tal-oġġett inkwistjoni.

29

F’dan il-kuntest, kif irrilevat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi speċifikat li l-imsemmi Artikolu 3 ma jinkludix dispożizzjonijiet li bis-saħħa tagħhom il-qorti nazzjonali tkun obbligata, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti ex officio lill-konsumatur tnaqqis xieraq fil-prezz tal-bejgħ tal-oġġett inkwistjoni.

30

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) tagħha, fil-fatt jillimita ruħu li jimponi fuq l-Istati Membri li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex il-konsumatur ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu b’mod effettiv, billi juża d-diversi rimedji previsti fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġett. Kif irrilevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-direttiva ma tinkludix indikazzjonijiet dwar il-mekkaniżmi li jippermettu l-asserzjoni ġudizzjarja tal-imsemmija drittijiet.

31

Għaldaqstant, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-konsumaturi jgawdu taħt id-Direttiva 1999/44 jiddependu mill-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu organizzati b’tali mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni proċedurali Spanjola ma’ dan il-prinċipju.

33

Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni tapplika indipendentement minn jekk id-dritt li abbażi tiegħu ġie ppreżentat ir-rikors minn konsumatur jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni jew taħt id-dritt nazzjonali.

34

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ li fih tqum il-kwistjoni jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fit-totalità tal-proċedura, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali (sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, punt 49, u tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, punt 53).

35

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, b’applikazzjoni tal-Artikoli 216 u 218 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti nazzjonali hija marbuta bit-talbiet imressqa mir-rikorrent fir-rikors promotur u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 412(1) tal-istess kodiċi, ir-rikorrent ma jistax jibdel is-suġġett ta’ tali talba matul il-proċeduri.

36

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 400 tal-imsemmi kodiċi, ir-rikorrent ma huwiex awtorizzat li jippreżenta rikors ġdid sabiex jasserixxi motivi li seta’ qajjem, għall-inqas sussidjarjament, fi proċeduri preċedenti. Fil-fatt, tali rikors jirriżulta li jkun inammissibbli abbażi tal-prinċipju ta’ res judicata.

37

Għaldaqstant, minn dawn l-ispjegazzjonijiet jirriżulta li, fis-sistema proċedurali Spanjola, konsumatur li jitlob ġudizzjarjament it-tħassir tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġett biss huwa definittivament imċaħħad mill-possibbiltà li jibbenefika mid-dritt li jikseb tnaqqis xieraq mill-prezz ta’ dan l-oġġett, bis-saħħa tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44, jekk il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża kellha tikkunsidra li, fir-realtà, in-nuqqas ta’ konformità ta’ dan l-oġġett huwa ta’ natura minuri, ħlief fil-każ fejn tkun tressqet, sussidjarjament, talba għall-għoti ta’ tali tnaqqis.

38

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-iżvolġiment u tal-karatteristiċi partikolari tal-imsemmija sistema proċedurali, tali każ għandu jitqies bħala wieħed improbabbli ħafna, għaliex jeżisti riskju li ma jistax jiġi injorat li l-konsumatur ikkonċernat ma jressaqx talba sussidjarja, li, barra minn hekk, tfittex li tikseb protezzjoni iktar baxxa minn dik li t-talba prinċipali tfittex li tikseb, u dan jew minħabba l-obbligu partikolarment riġidu ta’ konkomitanza ma’ din tal-aħħar jew għaliex ma jkunx jaf jew ma jkunx jifhem il-portata tad-drittijiet tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza Aziz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

39

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li tali sistema proċedurali, inkwantu ma tippermettix lill-qorti nazzjonali tirrikonoxxi ex officio d-dritt tal-konsumatur li jikseb tnaqqis xieraq fil-prezz tal-bejgħ tal-oġġett, meta dan tal-aħħar la jkun awtorizzat li jippreċiża t-talba inizjali tiegħu u lanqas li jippreżenta rikors ġdid għal dan il-għan, hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumatur mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

40

Fil-fatt, is-sistema Spanjola essenzjalment timponi fuq il-konsumatur li jantiċipa r-riżultat tal-analiżi dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tan-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett li għandha titwettaq b’mod definittiv mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, ħaġa li tirrendi l-protezzjoni mogħtija lill-konsumatur permezz tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44 purament aleatorja u għaldaqstant inadegwata. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħal fil-kawża prinċipali, tali analiżi tkun partikolarment kumplessa, b’mod li l-imsemmija klassifikazzjoni tiddependi b’mod determinanti mill-investigazzjoni magħmula mill-qorti li quddiemha titressaq il-kawża.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li hija konformi mal-prinċipju ta’ effettività, inkwantu tirrendi eċċessivament diffiċli, jekk mhux tabilħaqq impossibbli, l-implementazzjoni tal-protezzjoni li d-Direttiva 1999/44 tfittex li tagħti lill-konsumatur, fi proċeduri ġudizzjarji mressqa mill-konsumatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat mal-kuntratt ta’ bejgħ.

42

Issa li ġie speċifikat dan, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika liema huma r-regoli nazzjonali applikabbli għall-kawża li jkollha quddiemha u li tagħmel dak kollu li jinsab fil-ġurisdizzjoni tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44 u tasal għal soluzzjoni konformi mal-għan li din tal-aħħar tfittex li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 1999/44 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fejn konsumatur li jkollu dritt għal tnaqqis xieraq fil-prezz ta’ oġġett stabbilit bil-kuntratt ta’ bejgħ jillimita ruħu li jitlob biss, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, it-tħassir ta’ dan il-kuntratt, meta dan it-tħassir ma jkunx jista’ jinkiseb minħabba n-natura minuri tan-nuqqas ta’ konformità ta’ dan l-oġġett, ma tippermettix lill-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża li tagħti tali tnaqqis ex officio, u dan minkejja li l-imsemmi konsumatur la jkun awtorizzat li jippreċiża t-talba inizjali tiegħu u lanqas li jippreżenta rikors ġdid għal dan il-għan.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fejn konsumatur li jkollu dritt għal tnaqqis xieraq fil-prezz ta’ oġġett stabbilit bil-kuntratt ta’ bejgħ jillimita ruħu li jitlob biss, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, it-tħassir ta’ dan il-kuntratt, meta dan it-tħassir ma jkunx jista’ jinkiseb minħabba n-natura minuri tan-nuqqas ta’ konformità ta’ dan l-oġġett, ma tippermettix lill-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża li tagħti tali tnaqqis ex officio, u dan minkejja li l-imsemmi konsumatur la jkun awtorizzat li jippreċiża t-talba inizjali tiegħu u lanqas li jippreżenta rikors ġdid għal dan il-għan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq