EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0317

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2013.
Proċeduri kriminali kontra Daniel Lundberg.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSvea hovrätt.
Trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Obbligu tal-użu ta’ takografu – Derogi għat-trasport ta’ merkanzija għal finijiet mhux kummerċjali – Kunċett – Trasport imwettaq minn persuna privata fil-kuntest tal-attività ta’ rikreazzjoni tagħha bħala pilota tal-karozzi tat-tlielaq tar-rally tad-dilettanti, parzjalment iffinanzjata permezz ta’ sussidji ta’ terzi.
Kawża C‑317/12.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:631

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

3 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Trasport bit-triq — Regolament (KE) Nru 561/2006 — Obbbligu tal-użu ta’ takografu — Derogi għat-trasport ta’ merkanzija għal finijiet mhux kummerċjali — Kunċett — Trasport imwettaq minn persuna privata fil-kuntest tal-attività ta’ rikreazzjoni tagħha bħala pilota tal-karozzi tat-tlielaq tar-rally tad-dilettanti, parzjalment iffinanzjata permezz ta’ sussidji ta’ terzi”

"Fil-Kawża C‑317/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Svea hovrätt (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Lulju 2012, fil-proċeduri kriminali kontra

Daniel Lundberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Berger (Relatur), President tal-Awla, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 3(h) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, p. 1).

2

Dik id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali miġjuba kontra Lundberg abbażi tal-ksur tal-obbligu tal-istallazzjoni u tal-użu ta’ takografu approvat f’vettura tqila.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227), kif emendat bir-Regolament Nru 561/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3821/85”), jipprovdi fl-Artikolu 3(1) tiegħu:

“It-tagħmir ta’ reġistrazzjoni għandu jkun stallat u wżat fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bit-triq, ħlief il-vetturi msemmija fl-Artikoli 3 tar-Regolament [...] Nru 561/2006. [...]”

4

Ir-Regolament Nru 561/2006, li jħassar u jissostiwixxi sa mill-11 ta’ April 2007 ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 319), jiddikjara, fil-premessa 17 tiegħu, li huwa intiż sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema li japplika għalihom, kif ukoll sabiex itejjeb is-sigurtà fit-triq b’mod ġenerali.

5

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-[titjib] fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament ma japplikax għat-trasport bit-triq permezz ta’:

[…]

h)

vetturi jew kombinazzjoni ta’ vetturi b’massa massima permissibbli li ma jaqbiżx is-7,5 tunnellati wżati għat-trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija;

[…]”

Id-dritt Svediż

7

L-Artikolu 5(2), li huwa inkluż fil-Kapitolu 9 tar-Regolament (2004:865) dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-perijodu ta’ mistrieħ u l-apparat ta’ kontroll [förordning (2004:865) om kör- och vilotider samt färdskrivare, m.m.], jistabbilixxi li kull persuna li b’intenzjoni jew b’negliġenza ma tħarisx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 3821/85 tkun responsabbli għal multa.

Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Lundberg, li fil-kuntest ta’ impriża individwali, jeżerċita attivitajiet bħala konsulent fil-qasam tas-sigurtà fit-triq, jiddedika ruħu, fil-ħin ta’ rikreazzjoni tiegħu, għall-isport awtomobilistiku bħala pilota dilettant tar-rally. Din l-attività ta’ rikreazzjoni hija ffinanzjata parzjalment minn sussidji ta’ impriżi (sponsers) li jammontaw għal diversi mijiet ta’ eluf ta’ krona Svediża (SEK) kull sena. Barra minn hekk, Lundberg jiddedika għal dan l-isport ammont ta’ flus tal-inqas ekwivalenti għal dak l-ammont li jipprovjenu mill-fondi tiegħu stess u jibbenfika ukoll minn għotjiet minn membri tal-familja tiegħu u minn ħbieb.

9

Fis-6 ta’ April 2011, Lundberg kien qiegħed isuq it-trakk tiegħu rreġistrat fl-Isvezja li kien qiegħed jirmonka vettura li fuqha kien hemm il-vettura tat-tlielaq tiegħu bil-għan li jasal Vimmerby (l-Isvezja) sabiex hemm jesponiha fil-kuntest ta’ fiera. Il-massa totali kkumbinata tal-assjem kienet tammonta għal iktar minn 3.5 tunellati, iżda għal inqas minn 7.5 tunellati.

10

Il-parteċipazzjoni f’din il-fiera wkoll kienet iffinanzjata parzjalment minn sponsers. Bħala regola ġenerali, Lundberg jipparteċipa f’tali espożizzjonijiet tliet darbiet fis-sena.

11

Peress li l-imsemmi trakk ma kienx mgħammar b’takografu, M. Lundberg ġie mixli bil-ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3821/85 billi, fil-kwalità tiegħu ta’ sewwieq ta’ vettura tqila, ma installax f’din tal-aħħar takografu approvat.

12

Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, in-Nyköpings tingsrätt (qorti lokali ta’ Nyköping) ħelset mill-akkużi lil Lundberg, billi laqgħet l-argument invokat minn dan tal-aħħar, li jsostni li t-trasport inkwistjoni seta’ jitqies bħala trasport għal finijiet mhux kummerċjali fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 561/2006.

13

Ġaladarba l-ministeru pubbliku appella mill-imsemmija sentenza quddiem is-Svea hovrätt (qorti tal-appell ta’ Svea), din tal-aħħar ikkonstatat li l-kwistjoni determinanti fil-kawża ppreżentata quddiemha hija dik dwar jekk l-obbligu tal-użu ta’ takografu approvat japplikax għat-trasport inkwistjoni, peress li dan jikkostitwixxi “trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija” fis-sens al-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006.

14

Fin-nuqqas kemm ta’ definizzjoni tal-imsemmi kunċett fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll ta’ ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u fid-dawl tan-neċessità ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi ta’ dak il-kunċett fil-prattika, is-Svea hovrätt iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kunċett ta’ “trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija” [inkluż] fl-Artikolu 3(h) tar-[Regolament Nru 561/2006] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi t-trasport ta’ merkanzija magħmul minn individwu fil-kuntest ta’ attività ta’ rikreazzjoni, meta din tal-aħħar hija parzjalment iffinanzjata minn sussidji (sponsorships) ta’ terzi, persuni fiżiċi jew ġuridiċi?

2)

L-elementi li ġejjin għandhom effett fuq l-evalwazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi trasport “mhux kummerċjali”:

a)

is-sewwieq ma jagħmel ebda trasport ħlief għall-użu personali tiegħu?

b)

li l-ebda remunerazzjoni ma tingħata għall-istess trasport?

c)

l-importanza ta’ sussidji riċevuti u/jew l-importanza tagħhom fil-konfront tal-baġit stabbilit għall-imsemmija attivita’ ta’ rikreazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

15

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija” imsemmi fl-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi t-trasport ta’ merkanzija mwettaq minn individwu f’ismu proprju u unikament fil-kuntest ta’ attività ta’ rikreazzjoni, meta din tal-aħħar tkun iffinanzjata parzjalment minn sussidji ta’ terzi u meta tali trasport ma jkun jagħti lok għal ebda remunerazzjoni.

16

Preliminarjament, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 561/2006 ma jinkludi l-ebda definizzjoni tal-imsemmi kunċett u lanqas ta’ dawk espressi f’termini simili minn dak ir-regolament, bħal “trasport mhux kummerċjali għat-trasport ta’ għajnuna umanitarja” [Artikolu 3(d) ta’ dak ir-regolament], “vetturi kummerċjali […] li jintużaw għat-trasport mhux kummerċjali ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija” [Artikolu 3(i), tal-imsemmi regolament], jew “vetturi b’10 sa 17-il sedil użati esklużivament għat-trasport mhux kummerċjali tal-passiġġieri” [Artikolu 13(1)(i) tal-istess regolament].

17

Bl-istess mod, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tinterpreta diversi drabi derogi oħrajn mill-obbligu tal-istallazzjoni u tal-użu ta’ takografu, hija madankollu ma esprimietx ruħha fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett li ta lok għall-kawża prinċipali.

18

Fin-nuqqas ta’ ebda definizzjoni tal-kunċett ta “trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija”, id-determinazzjoni tas-sinifikat u l-portata ta’ dawk it-termini għandhom jiġu stabbiliti, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi jittieħed kont tal-kuntest ġenerali li dawn jintużaw fiħ u b’mod konformi mas-sens normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2006, Massachusetts Institute of Technology, C-431/04, Ġabra p. I-4089, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2012, BLV Wohn‑und Gewerbebau, C‑395/11, punt 25).

19

Barra minn hekk, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian, C-19/08, Ġabra p. I-495, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet derogatorji dwar l-użu ta’ takografu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali deroga ma tistax tiġi interpretata b’mod li l-effetti tagħha jiġu estiżi lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi li hija intiża li tiggarantixxi. Barra minn hekk, il-portata tad-derogi għandha tiġi ddeterminata billi jittieħed kont tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1992, British Gas, C-116/91, Ġabra p. I-4071, punt 12; tal-21 ta’ Marzu 1996, Goupil, C-39/95, Ġabra p. I-1601, punt 8, kif ukoll Mrozek u Jäger, C-335/94, Ġabra p. I-1573, punt 9; tas-17 ta’ Marzu 2005, Raemdonck u Raemdonck-Janssens, C-128/04, Ġabra p. I-2445, punt 19, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2011, Seeger, C-554/09, Ġabra p. I-7131, punt 33).

21

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif ifformulati fil-punt 15 ta’ din is-sentenza.

22

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li d-deroga prevista fl-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tinkludi t-trasport ta’ merkanzija mwettaq minn individwu fil-kuntest tal-attività ta’ rikreazzjoni tiegħu li tkun parzjalment iffinanzjata minn sussidji ta’ terzi, b’tali mod li l-vettura użata għal tali trasport ma għandhiex tiġi mgħammra b’takografu.

23

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni hija kkorroborata kemm mis-sens normali tal-kunċett inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-kuntest ġenerali li hija taqa’ taħtu u l-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 561/2006 li hija tifforma parti minnu.

24

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-sens normali tal-kunċett ta’ “trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija”, hemm lok li jiġi kkonstatat li jkun każ ta’ tali trasport meta ma jkunx hemm lok ma’ attività professjonali jew kummerċjali, jiġifieri meta dak it-trasport ma jsirx bil-għan li jinkiseb dħul. Huwa ġeneralment aċċettat li t-trasport ta’ merkanzija għal finijiet mhux kummerċjali għalhekk jirreferi, b’mod partikolari, għat-trasport ta’ merkanzija minn persuna privata li ma tkunx qiegħda teżerċita l-attività kummerċjali tagħha, fil-kuntest ta’ attività ta’ rikreazzjoni.

25

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest ġenerali li jaqa’ taħtu l-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-premessa 17 ta’ dan tal-aħħar tiddikjara, b’mod partikolari, li dan ir-regolament għandu l-iskop “li jtejjeb il-kondizzjonijiet soċjali għall-impjegati li jaqgħu taħtu”.

26

Sussgewentement, skont l-Artikolu 1 tiegħu, l-imsemmi regolament jistabbilixxi r-regoli marbuta mal-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ li għandhom jiġu osservati mix-xufiera involuti fit-trasport bit-triq ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri bil-għan li jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-metodi tat-trasport fuq l-art, b’mod partikolari fir-rigward tas-settur tat-trasport bit-triq, u li jitejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq filwaqt li jiġu promossi l-aħjar prattika ta’ kontroll u ta’ applikazzjoni tar-regoli mill-Istati Membri u l-aħjar prattiċi ta’ xogħol fis-settur tat-trasport bit-triq.

27

Finalment, l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 561/2006 jinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ “xufier”, li jirreferi għal “persuna li ssuq il-vettura anki jekk għal perijodu qasir, jew li tkun qed tinġarr fil-vettura bħala parti mid-doveri tagħha, sabiex tkun disponibbli għas-sewqan jekk ikun hekk meħtieġ”.

28

Mill-punti 24 sa 27 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006 japplikaw essenzjalment għax-xufiera professjonali u mhux għax-xufiera privati.

29

Għalhekk, it-termini “ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni”, “jittejjbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol” u “li jtejjeb il-kondizzjonijiet soċjali għall-impjegati” u “prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq” inklużi rispettivament fil-premessa 17 u fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006, kif ukoll l-espressjoni “bħala parti mid-doveri tagħha” inkluża fl-Artikolu 4(ċ) ta’ dan tal-aħħar, iwasslu għall-preżunzjoni li dan ir-regolament ma japplikax għal individwu li bħal Lundberg ma jeżerċitax il-professjoni ta’ xufier ta’ vetturi tqal u ma jipprovdix servizzi ta’ trasport, iżda li, f’dan il-każ, kien qiegħed jittrasporta f’ismu proprju, unikament fil-kuntest tal-attività ta’ rikreazzjoni tiegħu, il-vettura tat-tlielaq proprja tiegħu li huwa jsuq bħala pilota tar-rally tad-dilettanti u b’hekk kien qiegħed iwettaq trasport kif deskritt fil-punt 15 ta’ din is-sentenza.

30

Fit-tielet lok, jeħtieġ, sabiex tiġi interpretata d-deroga prevista mill-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006, li jitfakkru mhux biss il-finalità ta’ dik id-deroga, iżda wkoll l-għanijiet segwiti minn dan ir-regolament.

31

Fir-rigward, min-naħa, ta’ dawn l-għanijet, jeħtieġ li jitfakkar li dan l-imsemmi regolament huwa intiż, kif intqal fil-punti 25 sa 28 ta’ din is-sentenza, sabiex jarmonizza l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-settur tat-trasport bit-triq u sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal ta’ dan is-settur kif ukoll tas-sigurtà fit-triq (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Goupil, punt 10; Mrozek u Jäger, punt 11; Raemdonck u Raemdonck-Janssens, punt 22, kif ukoll Seeger, punt 34), u dawn l-għaniijet jirriżultaw b’mod partikolari fl-obbligu li, fil-prinċipju, il-vetturi tat-trasport bit-triq jiġu mgħammra b’takografu approvat li jippermetti l-kontroll tal-osservanza tal-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tax-xufiera.

32

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-finalità tad-deroga tal-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ċerti vetturi u ċerti tipi ta’ trasport imwettaq permezz ta’ dawn tal-aħħar b’tali mod li l-imsemmi regolament ma japplikax għat-“trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija” imwettaq permezz ta’ vettura jew kollettività ta’ vetturi b’massa massima awtorizzata ta’ mhux iktar minn 7.5 tunellati. Għalhekk, il-finalità ta’ din id-deroga hija li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament it-trasport ta’ merkanizja mwettaq minn persuni privati li ma jkunu qegħdin jeżerċitaw l-ebda attività professjonali jew kummerċjali.

33

Fid-dawl tal-għanijiet b’hekk imfakkra, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006 fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tkoprix trasport bħal dak deskritt fil-punt 29 ta’ din is-sentenza ma tkunx konformi ma’ dawn l-għanijiet.

34

Fil-fatt, tali interpretazzjoni, billi testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament għal kategorija ta’ xufiera li jwettqu trasport għal finijiet privati u rikreattivi, tkun ta’ natura li tikkontesta l-effett utli tad-deroga prevista fl-Artikolu 3(h) ta’ dak ir-regolament.

35

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li trasport bħal dak deskritt fil-punt 29 ta’ din is-sentenza ma jinċidix fuq il-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport bit-triq peress li xufier bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa xufier privat u mhux xufier professjonali.

36

Għal dik l-istess raġuni, l-imsemmija interpretazzjoni fl-ebda każ ma tista’ tmur kontra l-kisba tal-għan segwit mir-Regolament Nru 561/2006 li jikkonsisti fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tat-trasport bit-triq.

37

Finalment, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, peress li trasport bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li ma huwiex relattivament daqstant numeruż, interpretazzjoni tad-deroga inkwistjoni fis-sens li din tkopri t-trasport ta’ merkanzija mwettqa minn individwu fil-kuntest ta’ attività ta’ rikreazzjoni ma għandhiex ikollha effetti negattivi sinifikanti fuq is-sigurtà fit-triq.

38

Jeħtieġ li jizdied li, fid-dawl ta’ tali interpretazzjoni, il-fatt li ma titħallas l-ebda remunerazzjoni għat-trasport innifsu u l-importanza tas-sussidji riċevuti, partikolarment fid-dawl tal-baġit iddedikat għall-imsemmija attività ta’ rikreazzjoni, ma jinċidux fuq l-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija”.

39

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-kunċett ta’ “trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija”, inkluż fl-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi t-trasport ta’ merkanzija mwettaq minn individwu f’ismu proprju u unikament fil-kuntest ta’ attività ta’ rikreazzjoni, meta din tal-aħħar tkun iffinanzjata parzjalment minn sussidji ta’ terzi u meta tali trasport ma jagħti lok għal ebda remunerazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-kunċett ta’ “trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija”, inkluż fl-Artikolu 3(h) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi t-trasport ta’ merkanzija mwettaq minn individwu f’ismu proprju u unikament fil-kuntest ta’ attività ta’ rikreazzjoni, meta din tal-aħħar tkun iffinanzjata parzjalment minn sussidji ta’ terzi u meta tali trasport ma jagħti lok għal ebda remunerazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

Fuq