Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0625

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-26 ta’ Settembru 2013.
    Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG) u SNF SAS vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).
    Appell — Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) — Artikoli 57 u 59 — Sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni — Identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Inklużjoni fil-lista ta’ sustanzi kandidati — Pubblikazzjoni — Terminu għal preżentata ta’ rikors — Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali — Data minn meta dan it-terminu għandu jiġi kkalkolat fil-każ ta’ rikors intiż kontra deċiżjoni ppubblikata biss fuq l-internet — Ċertezza legali — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
    Kawża C‑625/11 P.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:594

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    26 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

    “Appell — Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) — Artikoli 57 u 59 — Sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni — Identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Inklużjoni fil-lista ta’ sustanzi kandidati — Pubblikazzjoni — Terminu għal preżentata ta’ rikors — Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali — Data minn meta dan it-terminu għandu jiġi kkalkolat fil-każ ta’ rikors intiż kontra deċiżjoni ppubblikata biss fuq l-internet — Ċertezza legali — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

    Fil-Kawża C‑625/11 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2011,

    Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG), stabbilit fi Brussell (il-Belġju),

    SNF SAS, stabbilita f’Andrézieux-Bouthéon (Franza),

    irrappreżentati minn R. Cana u K. Van Maldegem, avukati,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä u W. Broere, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, avukat,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver u E. Manhaeve, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus (Relatur), M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Novembru 2012,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħhom, Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPE) (iktar ’il quddiem “PPG”) u SNF SAS (iktar ’il quddiem “SNF”) jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Settembru 2011, PPG u SNF vs ECHA (T-268/10, Ġabra p. II-6595, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li skontu din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika l-akrilammid (KE Nru 201‑173‑7) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1, u — rettifika — ĠU 2007, L 136, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”), u tinkludi l-akrilammid fil-lista ta’ sustanzi identifikati għal inklużjoni sabiex eventwalment jiġu inklużi fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament, skont l-Artikolu 59 ta’ dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament REACH

    2

    L-Artikolu 57 tar-Regolament REACH jelenka s-sustanzi li għandhom jiġu inklużi fl-Anness XIV tiegħu, intitolat “Lista ta’ sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni”. L-Artikolu 57(a) u (b) ta’ dan ir-regolament isemmi s-sustanzi li jissodisfaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanzi karċinoġeni u mutaġeni, li jaqgħu f’ċerti kategoriji.

    3

    Skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-identifikazzjoni ta’ sustanzi msemmija fl-Artikolu 57”:

    “1.   Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika għall-iskop ta’ identifikazzjoni ta’ sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 u t-twaqqif ta’ lista ta’ kandidati għall-inklużjoni eventwali fl-Anness XIV [(iktar ’il quddiem il-“lista ta’ sustanzi kandidati”)].

    […]

    10.   L-[ECHA] għandha tippubblika u taġġorna l-lista msemmija fil-paragrafu 1 fil-website tagħha mingħajr dewmien wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ sustanza.”

    4

    L-Artikolu 94(1) tar-Regolament REACH jipprovdi li tista’ tinġieb azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 263 TFUE, li tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, f’każijiet fejn ma jkunx hemm dritt għal azzjoni quddiem dan il-bord, mill-ECHA.

    5

    Ma jista’ jitressaq l-ebda appell quddiem dan il-bord minn deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament.

    Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

    6

    L-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jiddisponi:

    “1.   Meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta’ dak l-att, dan it-terminu għandu jiġi kkalkulat li jibda, skond l-Artikolu 101(1)(a) minn tmiem l-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dak l-att fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    2.   It-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

    7

    PPG huwa grupp li jirrappreżenta l-interessi ekonomiċi tal-kumpanniji produttriċi u/jew importatriċi tal-polielettroliti, tal-poliakrilammid u/jew ta’ polimeri oħrajn li fihom l-akrilammid. Fost il-membri tiegħu jgħodd lill-kumpannija SNF.

    8

    Fil-25 ta’ Awwissu 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħat lill-ECHA fajl li kien ħejja dwar l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a) u (b) tar-Regolament REACH.

    9

    Skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament REACH, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA identifikat l-akrilammid bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament u inkludiet l-akrilammid fil-lista ta’ sustanzi kandidati.

    10

    Fit-30 ta’ Marzu 2010, din il-lista li tinkludi l-akrilammid ġiet ippubblikata fuq is-sit internet tal-ECHA, skont l-Artikolu 59(10) tar-Regolament REACH.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

    11

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ġunju 2010, PPG u SNF ressqu rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    12

    Fil-5 ta’ Novembru 2010, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, l-ECHA invokat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra dan ir-rikors. Hija invokat tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq, prinċipalment, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kif ukoll, sussidjarjament, li d-deċiżjoni kkontestata ma taffettwax direttament ir-rikorrenti u l-fatt li din, li ma kinitx att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma tikkonċernax individwalment lil dawn tal-aħħar.

    13

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Il-Kummissjoni sostniet l-argument tal-ECHA bbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors u invokat ukoll l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għal raġunijiet ta’ lis alibi pendens.

    14

    F’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, l-ECHA u l-Kummissjoni essenzjalment sostnew li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet ippubblikata fit-30 ta’ Marzu 2010 u li t-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għall-preżentata ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni kien jiskadi fit-30 ta’ Mejju 2010. Minn din id-data beda jiddekorri t-terminu supplimentari ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza previst fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li t-terminu totali sabiex ir-rikors jiġi ppreżentat skada fid-9 ta’ Ġunju 2010. Konsegwentement, ir-rikors ta’ PPG u ta’ SNF, ippreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2010, ġie ppreżentat b’mod tardiv.

    15

    Ir-rikorrenti invokaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 102(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, peress li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għandu jibda jiddekorri mill-aħħar tal-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li dan it-terminu f’dan il-każ kien ġie rrispettat.

    16

    Fil-punt 33 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din l-aħħar dispożizzjoni tapplika biss, skont l-ifformular tiegħu, għal atti ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, peress li bis-saħħa tal-Artikolu 59(10) tar-Regolament REACH, il-pubblikazzjoni tal-lista ta’ sustanzi kandidati ssir fuq is-sit internet tal-ECHA u ma hija prevista l-ebda forma oħra ta’ pubblikazzjoni minn ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament.

    17

    F’dan ir-rigward, fil-punt 35 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett ikkunsidrat li l-pubblikazzjoni li ssir esklużivament fuq l-internet issir elettronikament, b’tali mod li l-atti hekk ippubblikati jkunu aċċessibbli għall-pubbliku fl-Unjoni Ewropea kollha fl-istess ħin. Min-naħa l-oħra, skont il-Qorti Ġenerali, anki jekk verżjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hija wkoll disponibbli fuq l-internet, hija biss il-verżjoni stampata tiegħu li hija awtentika.

    18

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 37 tad-digriet appellat, li l-ġurisprudenza tagħha li tikkonċerna l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi applikata għal dan il-każ. F’dan ir-rigward hija tippreċiża li skont din il-ġurisprudenza, il-fatt li terzi jingħataw aċċess għat-test sħiħ ta’ deċiżjoni mqiegħda fuq is-sit internet, flimkien mal-pubblikazzjoni ta’ sommarju f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jirrendi applikabbli l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għalhekk pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hija espressament prevista għal dan it-tip ta’ kawżi fl-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

    19

    Fl-aħħar nett, fil-punt 38 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-fatt li l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha ma japplikax għall-pubblikazzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni li jsiru esklużivament fuq l-internet ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fir-rigward tagħhom. Hija kkunsidrat li s-sitwazzjoni fattwali u ġuridika li tinsab fiha persuna wara l-pubblikazzjoni ta’ att f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma hijiex paragunabbli ma dik li tinsab fiha persuna wara l-pubblikazzjoni ta’ att esklużivament fuq l-internet. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-sit internet tal-ECHA bħala data tal-pubblikazzjoni fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jiggarantixxi t-trattament ugwali tal-persuni kkonċernati kollha billi jiżgura li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra dik id-deċiżjoni jiġi kkalkolat bl-istess mod għal kulħadd. Il-Qorti Ġenerali żiedet li d-differenzi li jeżistu f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors bejn il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u dik fuq l-internet huma, f’kull każ, bl-istess mod iġġustifikati minħabba l-karatteristiċi ta’ din l-aħħar pubblikazzjoni.

    20

    Fuq il-bażi tal-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ PPG u SNF bħala inammissibbli mingħajr ma eżaminat l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mill-ECHA u mill-Kummissjoni.

    It-talbiet tal-partijiet

    21

    L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament tagħhom, u tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż sostnuti fiż-żewġ istanzi.

    22

    L-ECHA, kif ukoll ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni li sostnew l-ECHA fl-ewwel istanza, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-appell infondat u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    L-argumenti tal-partijiet

    23

    L-appellanti jinvokaw aggravju uniku, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, peress li dan l-iżball kellu bħala konsegwenza ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Huma jargumentaw li t-terminu ta’ erbatax-il jum imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi applikat għad-deċiżjonijiet kollha ppubblikati, u mhux biss għal dawk ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    24

    F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li l-prinċipji li jsejsu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 102(1) fil-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, jiġifieri l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza bejn terzi, japplikaw ukoll għall-pubblikazzjonijiet fuq l-internet. F’dak li jirrigwarda l-punt 37 tad-digriet appellat, huma jikkunsidraw li, kemm f’termini tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tad-deċiżjonijiet adottati fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li taw lok għall-ġurisprudenza li għaliha tagħmel riferiment il-Qorti Ġenerali f’dan il-punt, id-deċiżjoni formali hija ppubblikata fuq l-internet. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta għamlet distinzjoni bejn dawn iż-żewġ każijiet.

    25

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 38 tad-digriet appellat, is-sitwazzjoni legali u fattwali ta’ persuna insegwitu għall-pubblikazzjoni ta’ att f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hija identika għal dik li fiha kienet dik il-persuna insegwitu għall-pubblikazzjoni esklużiva fuq l-internet ta’ att, b’tali mod li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali f’din l-aħħar pubblikazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni u trattament arbitrarju.

    26

    Skont l-ECHA, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma hemmx lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata lil hinn mill-ifformular tagħha. F’dan ir-rigward, din l-aġenzija tfakkar, minn naħa, li l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-Unjoni dwar it-termini tal-proċeduri hija meħtieġa mir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u min-neċessità li jiġu evitati kull diskriminazzjoni jew kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u, min-naħa l-oħra, li dawn it-termini, li ġew introdotti sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali, huma skont l-ordni pubbliku u, konsegwentement, ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qrati. Il-Qorti Ġenerali tista’ tipproċedi biss għal twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura jekk temenda lil dawn tal-aħħar. L-ECHA tinsisti wkoll, f’dan ir-rigward, dwar id-differenza bejn il-pubblikazzjoni fuq l-internet u l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    27

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-appellanti setgħu sofrew diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju biss jekk kien ġie applikat lilhom terminu iqsar minn dak li kellhom jibbenefikaw partijiet oħra fl-istess sitwazzjoni, jiġifieri dawk li jixtiequ wkoll jikkontestaw il-legalità tal-lista ta’ sustanzi kandidati. Madankollu, hekk kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 38 tad-digriet appellat, is-sitwazzjoni tal-persuni li qed jikkontestaw att ippubblikat biss fuq is-sit internet ta’ organu tal-Unjoni hija differenti minn dik ta’ persuni li jfittxu l-annullament ta’ att ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni targumenta wkoll li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi fil-punti 35 u 37 tad-digriet appellat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    28

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat, li huwa stabbilit li deċiżjoni tal-ECHA dwar l-inklużjoni ta’ sustanza fuq il-lista ta’ sustanzi kandidati tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, l-Artikolu 94(1) tar-Regolament REACH jipprovdi rimedju skont l-Artikolu 263 kontra deċiżjoni tal-ECHA, meta, b’mod partikolari, ma jkunx hemm dritt għal azzjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA. Dan huwa l-każ fir-rigward ta’ deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament.

    29

    Fir-rigward ta’ att ippubblikat, is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-att. L-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jiddisponi li meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-att, dan it-terminu jibda jiddekorri mill-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-att f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    30

    Kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 33 tad-digriet appellat, ma jirriżultax mill-ifformular ta’ din l-aħħar dispożizzjoni li din tapplika biss għall-atti ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    31

    Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali qies fil-punti 76 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-mod kif l-ewwel parti tas-sentenza li tikkostitwixxi l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali huwa redatt huwa ta’ natura li jevoka, bħas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-pubblikazzjoni tal-atti b’mod ġenerali. Ir-riferiment għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-tieni parti ta’ din is-sentenza jista’ jiġi spjegat mis-sempliċi fatt li pubblikazzjoni f’dan kienet l-unika possibbiltà fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

    32

    Minn dan isegwi li ma huwiex eskluż li d-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tapplika għal att ippubblikat biss fuq l-internet, bħad-deċiżjoni kkontestata.

    33

    Għaldaqstant, sa fejn l-ifformular tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jista’ jagħti lok għal dubji, fl-assenza ta’ raġunijiet kategoriċi li jgħidu l-kontra, huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat li ma jwassalx għad-dekadenza, li ċċaħħad lill-persuni kkonċernati mid-dritt tagħhom għal azzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 1979, Orlandi vs Il‑Kummissjoni, 117/78, Ġabra p. 1613, punt 11).

    34

    B’mod iktar ġeneriku, għandu jitfakkar li meta t-termini ta’ dispożizzjoni ma humiex ċari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fiha ġiet stabbilita din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għanijiet minnha mfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, punt 39).

    35

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-għan tat-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jikkonsisti f’li jiġi żgurat lill-persuni kkonċernati żmien biżżejjed biex jikkontestaw l-atti ppubblikati u, għalhekk, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif issa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    36

    Madankollu, hekk kif ġie deċiż fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, sa fejn huwa possibbli li l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jiġi interpretat bħala li jikkonċerna kull att ippubblikat, irrispettivament mill-forma tal-pubblikazzjoni tiegħu, hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi hekk interpretata sabiex jiġi evitat li l-persuni kkonċernati, peress li jibbażaw ruħhom fuq l-eżistenza ta’ erbatax-il jum addizzjonali għall-preżentata ta’ rikors, ma jkunux imċaħħdin mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    37

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-atti ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u konsegwentement iddikjarat ir-rikors ta’ PPG u ta’ SNF inammissibbli.

    38

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-aggravju uniku invokat mill-appellanti u għaldaqstant l-appell tagħhom għandu jkun milqugħ, u d-digriet appellat annullat.

    39

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

    40

    F’dan il-każ, peress li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, hemm lok li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u li tirriżerva l-ispejjeż.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Settembru 2011, PPG u SNF vs ECHA (T‑268/10) huwa annullat.

     

    2)

    Din il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

     

    3)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq