EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0251

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Settembru 2013.
Christian Van Buggenhout u Ilse Van de Mierop vs Banque Internationale à Luxembourg SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de commerce de Bruxelles.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċeduri ta’ insolvenza — Artikolu 24(1) — Eżekuzzjoni ta’ obbligu ‘għal benefiċċju ta’ debitur li jkun suġġett għal proċedimenti ta’ falliment’ — Ħlas lil kreditur ta’ dan id-debitur.
Kawża C‑251/12.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:566

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċeduri ta’ insolvenza — Artikolu 24(1) — Eżekuzzjoni ta’ obbligu ‘għal benefiċċju ta’ debitur li jkun suġġett għal proċedimenti ta’ falliment’ — Ħlas lil kreditur ta’ dan id-debitur”

Fil-Kawża C‑251/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de commerce de Bruxelles (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura

Christian Van Buggenhout u Ilse Van de Mierop, fil-kwalità tagħhom ta’ kuraturi tal-falliment ta’ Grontimmo SA,

vs

Banque Internationale à Luxembourg SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh, C. Toader u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Van Buggenhout u Van de Mierop, fil-kwalità tagħhom ta’ kuraturi tal-falliment ta’ Grontimmo SA, minnhom stess, kif ukoll minn C. Dumont de Chassart, avukat,

għall-Banque Internationale à Luxembourg SA, minn V. Horsmans, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Grégoire, M. Jacobs u L. Van den Broeck kif ukoll minn J.-C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u S. Duarte Afonso, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

2

Dik it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Van Buggenhout u Van de Mierop, fil-kwalità tagħhom ta’ kuraturi tal-falliment ta’ Grontimmo SA (iktar ’il quddiem “Grontimmo”), u Banque Internationale à Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “BIL”) dwar rikors ippreżentat kontra dan tal-aħħar bil-għan li dan jirrimborsa, lill-partimonju amministrat mill-imsemmija kuraturi, il-ħlas li huwa wettaq għal benefiċċju ta’ kreditur ta’ Grontimmo.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 4, 23 u 30 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdu kif ġej:

“(4)

Huwa meħtieġ għal funzjonament tajjeb tas-suq intern li jiġu evitati inċentivi għal partijiet li jittrasferixxu assi jew proċedimenti ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, biex b’hekk ifittxu sitwazzjoni legali aktar favorevoli (forum shopping).

[…]

(23)

Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sa kemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). […]

[…]

(30)

Jista’ jkun il-każ li uħud mill-persuni kkonċernati ma jkunux fil-fatt konxji mill-ftuħ tal-proċedimenti u jaġixxu in bona fede b’tali mod li jkun hemm kunflitt mas-sitwazzjoni l-ġdida. Sabiex jitħarsu persuni bħal dawn li jagħmlu pagament lid-debitur għaliex ma jkunux konxji li jkunu nfetħu l-proċedimenti barranin meta fil-fatt huma kien messhom għamlu l-pagament lil-likwidatur barrani, għandu jkun hemm dispożizzjoni li pagament bħal dan għandu jkollu l-effet li jneħħi l-piż tad-dejn.”

4

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal proċedimenti kollettivi ta’ falliment li jinvolvu t-tneħħija tal-assi parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur.”

5

Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament:

“Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura […]”

6

L-Artikolu 21(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Il-likwidatur jista’ jitlob li avviż tal-ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment u, fejn xieraq, id-deċiżjoni li taħtar lilu, ikunu ippublikati f’xi Stat Membru ieħor […]”

7

L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1346/2000 jiddikjara:

“1.   Meta jkun ġie onorat obbligu fi Stat Membru għal benefiċċju ta’ debitur li jkun suġġett għal proċedimenti ta’ falliment miftuħa fi Stat Membru ieħor, meta suppost li jkun ġie onorat għal benefiċċju tal-likwidatur f’dawk il-proċedimenti, il-persuna li tonora l-obbligu għandha tkun meqjusa li ssoddisfat dan l-obbligu jekk ma kienetx taf bil-ftuħ tal-proċedimenti.

2.   Meta obbligu bħal dan jiġi onorat qabel ma l-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tkun saret, il-persuna li tonora l-obbligu għandha tiġi meqjusa, fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju, li ma kienetx taf bil-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment; meta l-obbligu jiġi onorat wara li tkun saret dik il-pubblikazzjoni, il-persuna li tonora l-obbligu għandha tiġi meqjusa, fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju, li kienet taf bil-ftuħ tal-proċedimenti.”

Id-dritt Belġjan

8

Fid-dritt Belġjan, il-falliment huwa rregolat mil-liġi dwar il-fallimenti tat-8 ta’ Awwissu 1997.

9

L-Artikolu 14 ta’ din il-liġi jipprovdi li kull sentenza li tiddikjara falliment hija eżekuttiva immedjatament sa mid-data tal-għoti tagħha, is-sentenza li tiddikjara falliment għandu jkollha effett f’00:00 fil-ġurnata tal-għoti tagħha u għandha tipproduċi l-effetti kollha tagħha sa minn dik id-data.

10

L-Artikolu 16 tal-imsemmija liġi tippreċiża li “sa mill-ġurnata tas-sentenza li tiddikjarha falluta, il-persuna ddikjarata falluta titlef ipso jure id-dritt tal-amministrazzjoni fuq il-beni kollha tagħha u sakemm tibqa’ fi stat ta’ falliment, anki fuq dawk li jistgħu jibqgħu jappartjenu lilha wara l-falliment”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Grontimmo hija kumpannija ta’ żvilupp ta’ proprjetà immobbli li għandha s-sede tagħha f’Antwerpen (Il-Belġju). Fil-11 ta’ Mejju 2006, hija kienet is-suġġett ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza quddiem it-tribunal de commerce de Bruxelles.

12

Fit-22 u fl-24 ta’ Mejju 2006 rispettivament, inħarġu żewġ ċekkijiet għal benefiċċju ta’ Grontimmo minn żewġ kumpanniji debituri ta’ din tal-aħħar, b’valur totali ta’ EUR 1 400 000.

13

Fid-29 ta’ Mejju 2006, il-laqgħa ġenerali annwali ta’ Grontimmo aċċettat ir-reżenja tad-diretturi u ħatret diretturi ġodda, li kienu kollha domiċiljati fl-Afrika ta’ Isfel, b’effett minn dik id-data. F’dik l-istess ġurnata, Grontimmo kisbet opzjoni ta’ xiri b’valur ta’ EUR 1 400 000, mingħand Kostner Development Inc. (iktar ’il quddiem “Kostner”), kumpannija stabbilita fid-29 ta’ Marzu 2006 u li għandha s-sede tagħha f’Panama.

14

Fil-31 ta’ Mejju u fit-22 ta’ Ġunju 2006, Grontimmo fetħet żewġ kontijiet ma’ Dexia Banque Internationale fil-Lussemburgu, li sar BIL. Iż-żewġ ċekkijiet b’valur totali ta’ EUR 1 400 000 fl-ewwel lok ġew depożitati fl-ewwel l-kont u sussegwentement dan l-ammont ġie ttrasferit lejn it-tieni kont.

15

Fit-2 ta’ Ġunju 2006, id-diretturi l-ġodda ta’ Grontimmo taw lil Dexia Banque Internationale à Luxembourg ordni bil-miktub li joħroġ ċekk bankarju fl-ammont ta’ EUR 1 400 000 għal benefiċċju ta’ Kostner.

16

Grontimmo ġiet iddikjarata falluta fl-4 ta’ Lulju 2006 permezz ta’ sentenza tat-tribunal de commerce de Bruxelles, li permezz tagħha dik il-kumpannija ġiet żvestita, ipso jure u b’effett mill-ewwel siegħa ta’ dik id-data, mill-beni kollha tagħha. Din is-sentenza ġiet ippubblikata fil-Moniteur belge fl-14 ta’ Lulju 2006, iżda ma ġietx ippubblikata fil-Journal officiel du Grand-Duché de Luxembourg.

17

Fil-5 ta’ Lulju 2006, b’eżekuzzjoni tal-ordni tat-2 ta’ Ġunju 2006, Dexia Banque Internationale à Luxembourg, bi ħlas għall-opzjoni ta’ xiri mogħtija minn Kostner, ħareġ u rrenda disponibbli l-ħlas permezz ta’ ċekk fl-ammont ta’ EUR 1 400 000 għal benefiċċju ta’ dik il-kumpannija.

18

Fil-21 ta’ Settembru 2006, il-kuraturi tal-falliment ta’ Grontimmo talbu lil Dexia Banque Internationale à Luxembourg il-ħlas lura b’mod immedjat tal-imsemmi ammont billi sostnew li dak il-ħlas kien sar bi ksur tal-ordni ta’ żvestiment mill-amministrazzjoni tal-beni tal-persuna falluta u li kien, għaldaqstant, mhux eżegwibbli kontra l-massa tal-kredituri minħabba li l-imsemmi ħlas kien sar wara l-ftuħ tal-falliment. Dexia Banque Internationale à Luxembourg irrifjuta li jħallas lura l-imsemmi ammont peress li huwa ma kienx jaf bil-proċedura ta’ insolvenza u li huwa kien f’pożizzjoni li jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1346/2000.

19

Peress li t-tentattivi kollha għall-irkupru bonarju ma wasslu għal xejn, il-kuraturi tal-falliment ta’ Grontimmo bdew il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju permezz ta’ att li ġie ppreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2010.

20

Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex legalment possibbli li l-BIL jipprevalixxi ruħu mill-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1346/2000, peress, b’mod partikolari, li, f’dan il-każ, il-kuraturi tal-falliment ta’ Grontimmo ma pproċedewx bil-pubblikazzjoni, fil-Lussemburgu, tal-kontenut essenzjali tad-deċiżjoni li tagħti bidu għall-proċedura ta’ insolvenza kontra din il-kumpannija u li organu bankarju ta’ Stat Membru ma jistax jiġi leġittimament rikjest li jivverifika kuljum jekk il-klijenti tiegħu minn Stati Membri oħra ġewx suġġetti għal proċedura ta’ insolvenza.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de commerce de Bruxelles iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“X’interpretazzjoni għandha tingħata lill-kliem “obbligu […] għal benefiċċju ta’ debitur” li jinsabu fl-Artikolu 24 tar-[Regolament Nru 1346/2000]? Dawn il-kliem għandhom jiġu interpretati li jinkludu ħlas magħmul lil kreditur mid-debitur fallut fuq talba ta’ dan, meta l-parti li tkun wettqet dan l-obbligu ta’ ħlas f’isem u għall-benefiċċju tad-debitur fallut, tkun għamlet dan peress li ma tkunx taf bl-eżistenza ta’ proċedura ta’ falliment miftuħa fil-konfronti tad-debitur fi Stat Membru ieħor?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ħlas imwettaq, fuq ordni ta’ debitur suġġett għal proċedura ta’ insolvenza, lil kreditur ta’ dan tal-aħħar.

23

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, anki jekk ir-Regolament Nru 1346/2000 jinkludi, inter alia, regoli dwar kunflitt ta’ liġijiet intiżi sabiex jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-liġi applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, ERSTE Bank Hungary, C-527/10, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament ma jikkostitwixxix waħda minn tali regoli dwar kunflitt ta’ liġijiet, iżda jirrappreżenta dispożizzjoni ta’ dritt materjali li japplika f’kull Stat Membru indipendentement mil-lex concursus. Id-domanda magħmula tirrigwarda biss il-punt dwar jekk ħlas bħal dak imwettaq, minn Dexia Banque Internationale à Luxembourg, għal benefiċċju ta’ Kostner fuq ordni ta’ Grontimmo, jaqax taħt il-paragrafu 1 ta’ dik id-dispożizzjoni, li jistabbilixxi li meta jkun ġie onorat obbligu fi Stat Membru għal benefiċċju ta’ debitur li jkun suġġett għal proċeduri ta’ falliment miftuħa fi Stat Membru ieħor, meta suppost li jkun ġie onorat għal benefiċċju tal-likwidatur f’dawk il-proċeduri, il-persuna li tonora l-obbligu għandha tkun meqjusa li ssodisfat dan l-obbligu jekk ma kinitx taf bil-ftuħ tal-proċeduri.

24

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ, kif irrimarkaw il-persuni kkonċernati kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet, li jiġi magħruf jekk il-kunċett ta’ obbligu “għal benefiċċju ta’” debitur suġġett għal proċedura ta’ insolvenza jkoprix unikament ħlasijiet jew prestazzjonijiet oħra lid-debitur fallut jew ikoprix ukoll ħlasijiet jew prestazzjonijiet oħra lil kreditur ta’ dan tal-aħħar.

25

Van Buggenhout u Van de Mierop, il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jikkunsidraw li l-imsemmi kunċett ma jinkludix ħlas lil kreditur tad-debitur fallut. Għall-kuntrarju, BIL kif ukoll il-Gvern Belġjan, Ġermaniż u Portugiż isostnu li tali sitwazzjoni taqa’ taħt dan l-istess kunċett.

26

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C-533/08, Ġabra p. I-4107, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Barra minn hekk, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tar-regolamenti Komunitarji teskludi li, f’każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jiġi kkunsidrat waħdu u teżiġi għall-kuntrarju li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Eschig, C-199/08, Ġabra p. I-8295, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fir-rigward, minn naħa, tal-kliem tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, jekk jiġi segwit is-sens ordinarju tal-kliem “għal benefiċċju ta’”, l-eżekuzzjoni ta’ obbligu għal benefiċċju ta’ persuna suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza ma tkoprix, a priori, is-sitwazzjoni fejn obbligu jiġi eżegwit fuq ordni ta’ dik il-persuna għal benefiċċju ta’ wieħed mill-kredituri tagħha. Fil-fatt, fl-interpretazzjoni normali tagħhom, l-imsemmija termini jfissru biss li obbligu huwa eżegwit għal benefiċċju tal-imsemmija persuna, u dan kif ikkorroborat b’mod partikolari mill-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni bl-Ispanjol (“a favor de”), bl-Ingliż (“for the benefit of”), bit-Taljan (“a favore del”), bl-Olandiż (“ten voordelen van”) u bil-Portugiż (“a favor de”).

29

F’dan ir-rigward, il-premessa 30 tar-Regolament Nru 1346/2000 tiddikjara, b’mod partikolari fil-verżjoni bil-Ġermaniż (“Zum Schutz solcher Personen, die […] eine Zahlung an den Schuldner leisten”), bl-Ingliż (“In order to protect such persons who make a payment to the debtor”), u bl-Isvediż (“För att skydda sådana personer som infriar en skuld hos gäldenären”), li s-sitwazzjoni indirizzata b’mod speċifiku fl-Artikolu 24(1) ta’ dak ir-regolament hija dik ta’ “pagament” lid-debitur fallut.

30

Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 24(1) jipprovdi li l-obbligu eżegwit għal benefiċċju ta’ debitur fallut suppost kellu jkun għal benefiċċju tal-likwidatur. Minn din il-preċiżjoni jirriżulta mingħajr ambigwità li dan l-artikolu jirrigwarda krediti tad-debitur fallut li saru krediti tal-massa wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.

31

Dawn l-elementi jippermettu li jiġi konkluż li, jekk jiġi segwit il-kliem tad-dispożizzjoni li ntalbet l-interpretazzjoni tagħha, il-persuni protetti minn dik id-dispożizzjoni huma d-debituri tad-debitur fallut li jew direttament jew permezz ta’ intermedjarju jeżegwixxu in bona fide obbligu għal benefiċċju ta’ dan tal-aħħar.

32

Iċ-ċirkustanza li, fil-kawża prinċipali, is-suġġett huwa bank li eżegwixxa, fuq ordni u għan-nom tad-debitur fallut, il-ħlas inkwistjoni, ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-bank, anki jekk huwa ssodisfa obbligu assunt fir-rigward ta’ dan id-debitur, ma eżegwiex dan l-obbligu “għal benefiċċju ta’” dan tal-aħħar fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1346/2000, peress li l-imsemmi debitur ma kienx il-benefiċjarju tal-imsemmi ħlas.

33

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 u tal-leġiżlazzjoni li jifforma parti minnha, mill-premessa 30 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan l-artikolu jippermetti li ma jiġux issuġġettati għall-kontroll tal-likwidatur ċerti sitwazzjonijiet li ma humiex f’kuntradizzjoni maċ-ċirkustanzi l-ġodda maħluqa mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.

34

B’mod partikolari, l-imsemmi Artikolu 24(1) jippermetti li d-deċiżjoni relatata mal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ma tiġix rikonoxxuta immedjatament, sa fejn dan jawtorizza li mill-massa jitnaqqsu l-krediti tad-debitur fallut imħallsa lil dan tal-aħħar mid-debituri tiegħu in bona fide.

35

Issa, jeħtieġ li din id-dispożizzjoni ma tiġix interpretata f’sens li tippermetti li mill-massa jistgħu jitnaqqsu wkoll assi li d-debitur fallut għandu jagħti lill-kredituri. Fil-fatt, li kieku kellha tiġi segwita tali interpretazzjoni, id-debitur fallut ikun jista’, billi jeżegwixxi, permezz ta’ terzi li ma kinux jafu bil-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, obbligi li huwa għandu fir-rigward ta’ kreditur, jittrasferixxi assi tal-massa lejn dan il-kreditur u b’hekk jippreġudika wieħed mill-għanijiet prinċipali tar-Regolament Nru 1346/2000, iddikjarat fil-premessa 4 ta’ dan tal-aħħar u li jikkonsisti f’li jiġu evitati inċentivi għall-partijiet li jittrasferixxu assi minn Stat Membru għal ieħor bil-għan li jtejbu s-sitwazzjoni legali tagħhom.

36

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha relatati mal-kliem u l-għan tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha jirriżulta li sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha id-debitur fallut ikun, permezz ta’ intermedjarju, eżegwixxa obbligu fil-konfront ta’ wieħed mill-kredituri tiegħu, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija.

37

Madankollu, iċ-ċirkustanza li l-Artikolu 24(1) tar-regolament Nru 1346/2000 huwa inapplikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma twassalx, fiha nnifisha, għall-obbligu tal-bank ikkonċernat li jħallas lura s-somma kkontestata lill-massa tal-kredituri. Il-kwistjoni tar-responsabbiltà eventwali ta’ dan il-bank hija rregolata mil-liġi nazzjonali applikabbli.

38

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ħlas eżegwit, fuq ordni tad-debitur suġġett għal proċedura ta’ insolvenza, lil kreditur ta’ dan tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ħlas eżegwit, fuq ordni tad-debitur suġġett għal proċedura ta’ insolvenza, lil kreditur ta’ dan tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq