EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0409

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Lulju 2013.
Gábor Csonka et vs Magyar Állam.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Bíróság.
Użu ta’ vetturi bil-mutur — Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili — Direttiva 72/166/KEE — Artikolu 3(1) — Direttiva 84/5/KEE — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) — Insolvenza tal-assiguratur — Assenza ta’ intervent tal-organu ta’ indennizz.
Kawża C‑409/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:512

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“Użu ta’ vetturi bil-mutur — Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili — Direttiva 72/166/KEE — Artikolu 3(1) — Direttiva 84/5/KEE — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) — Insolvenza tal-assiguratur — Nuqqas ta’ intervent tal-organu ta’ indennizz”

Fil-Kawża C-409/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Fővárosi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-12 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Awwissu 2011, fil-proċedura

Gábor Csonka,

Tibor Isztli,

Dávid Juhász,

János Kiss,

Csaba Szontágh

vs

Magyar Állam,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits, J.-J. Kasel, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Settembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, K. Veres u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Simon, K.-P. Wojcik u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10), kif emendata bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005 (ĠU L 149, p. 149, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Csonka, T. Isztli, D. Juhász, J. Kiss, C. Szontágh u l-Magyar Állam (l-Istat Ungeriż) dwar ir-responsabbiltà li dan tal-aħħar isostni, fil-fehma tagħhom, minħabba traspożizzjoni inkorretta tal-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku Ungeriż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirrigwarda l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur ġiet ikkodifikata bid-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, p. 11). Madankollu, din id-direttiva ma kinitx fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, u li għalihom huma, għaldaqstant, applikabbli d-direttivi fis-seħħ qabel din il-kodifikazzjoni, b’mod partikolari l-Ewwel Direttiva u t-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), kif emendata bid-Direttiva 2005/14 (iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”).

L-Ewwel Direttiva

4

Mit-tieni u t-tielet premessi jirriżulta li dawn kienu ġew adottati minħabba l-fatt li kontrolli fuq il-fruntieri ta’ assigurazzjoni obbligatorja ta’ kopertura kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur hija li jkun hemm salvagwardja għall-interessi ta’ persuni li jistgħu ikunu vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi; billi l-eżistenza ta’ dawn il-kontrolli fil-fruntieri tirriżulta minn disparitajiet bejn il-ħtiġijiet nazzjonali f’dan il-qasam u li “dawn id-disparitajiet [kienu ta’ natura] jfixklu l-moviment liberu ta’ vetturi bil-mutur u persuni fil-Komunità”, għaldaqstant għandhom “effett dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq komuni”. Il-ħames premessa tal-istess direttiva tenfasizza n-neċessità li “għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu lliberalizzati iktar ir-regoli rigward il-moviment ta’ persuni u vetturi bil-mutur li jivjaġġaw bejn Stati Membri”.

5

Għal dan il-għan, l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva kien jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 4, jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

6

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva ta l-possibbiltà lill-Istati Membri li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar għal dak li kien jikkonċerna l-vetturi li jappartjenu għal dawn il-persuni u ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li jkollhom pjanċa speċjali.

It-Tieni Direttiva

7

Is-sitt premessa tat-Tieni Direttiva kienet tipprovdi li “huwa neċessarju li ssir dispożizzjoni għall-korp [organu] li jiggarantixxi li l-vittma ma tibqax mingħajr kumpens meta l-vettura li kkaġunat l-inċident tkun mingħajr assigurazzjoni jew ma tkunx identifikata; billi huwa importanti, mingħajr ma jiġu emendati d-dispożizzjonijiet applikati mill-Istati Membri fir-rigward tan-natura sussidjarja jew non-sussidjarja tal-kumpens imħallas minn dak il-korp u tar-regoli applikabbli fir-rigward ta’ subrogazzjoni [surroga], li jiġi previst li l-vittma ta’ dan l-inċident għandha tkun tista’ tapplika direttament lil dak il-korp bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt; billi, madanakollu, Stati Membri għandhom jingħataw il-possibiltà li japplikaw ċerti esklużjonijiet limitati fir-rigward ta’ ħlas ta’ kumpens minn dak il-korp u li jipprovdu li kumpens għal ħsara lil propjetà kkaġunata minn vettura mhux identifikata jista’ jkun limitat jew eskluż bl-iskop tal-perikolu ta’ frodi”. It-tmien premessa tal-istess direttiva żiedet li, “sabiex jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq dak il-korp, Stati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni għall-applikazzjoni ta’ ċerti eċċessi meta l-korp jipprovdi kumpens għal ħsara lil proprjetà ikkaġunata minn vetturi mhux assigurati jew, meta approprjat, vetturi misruqa jew akkwistati b’vjolenza”.

8

L-Artikolu 1(1) u (4) tat-Tieni Direttiva kien jipprovdi:

“1.   L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) ta[l-Ewwel Direttiva] għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.

[...]

4.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp [organu] bil-kompitu li jipprovdi kumpens, mill-inqas sal-limiti ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew danni persunali kkawżati minn vettura mhix identifikata jew vettura li għaliha l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fil-paragrafu 1 ma ġiex sodisfatt.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jqisu kumpens minn dan il-korp bħala sussidjarju jew mhux sussidjarju u d-dritt li jipprovdu għall-ħlas ta’ pretensjonijiet bejn il-korp u l-persuna jew persuni responsabbli għall-inċident u assiguraturi oħra jew korpi ta’ siġurta soċjali meħtieġa li jikkumpensaw il-vittma fir-rigward tal-istess inċident. Iżda, l-Istati Membri jistgħu ma jħallux il-korp li jagħmel il-ħlas għall-kumpens kondizzjonali fuq il-vittma li tistabbilixxi b’xi mod li l-persuna responsabbli ma tkunx tista’ jew tkun qed tirrifjuta li tħallas”.

9

L-Artikoli 1(6) u 2 tat-Tieni Direttiva kienu jippermettu lill-Istati Membri li jeskludu l-intervent tal-organu, stabbilit skont l-Artikolu 1(4) ta’ din tal-aħħar, f’ċerti każijiet jew li jipprovdu, fil-mument tal-intervent tiegħu, l-applikazzjoni ta’ ċerti eċċessi.

10

L-Artikolu 1(7) tat-Tieni Direttiva kien jipprovdi li “[k]ull Stat Membru għandu japplika l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tiegħu għall-ħlas ta’ kumpens mill-korp, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe prattika oħra li hi iktar favorevoli għall-vittma”.

Id-dritt Ungeriż

11

Skont l-Artikoli 14 u 15 tad-Digriet Governattiv Nru 190/2004 dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili tad-detenturi ta’ vetturi bil-mutur (Korm. Rendelet a gépjármű üzembentartójának kötelező felelősségbiztosításról, iktar ’il quddiem id-“Digriet Governattiv Nru 190/2004”), fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, il-Kártalanítási Számlát Kezelő MABISZ GKI (Kont għall-għoti ta’ kumpens tal-Federazzjoni tal-Assiguraturi Ungeriżi) jissostitwixxi l-awtur tad-dannu, għall-finijiet tal-għoti ta’ kumpens lill-vittma, biss jekk dan ma jkollux assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fid-data tal-inċident, jekk id-detentur tal-vettura li tkun ikkawżat id-dannu ma jkunx magħruf jew jekk id-dannu jkun ġie kkawżat minn vettura li ma ntużatx jew li ma baqgħetx tintuża.

12

Id-Digriet Governattiv Nru 190/2004 tħassar permezz tal-Artikolu 67 tal-Liġi LXII tal-2009 dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għal responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-vetturi bil-mutur (2009. évi LXII törnévy a kötelező gépjármű-felelősségbiztosításról).

13

L-imsemmija liġi, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, stabbilixxiet fond ġdid għall-għoti ta’ kumpens u tipprovdi, fl-Artikolu 29(3) tagħha li dan tal-aħħar “ikopri l-kreditu li l-vittma tad-dannu jkollha fil-konfront tal-assiguratur li jkun suġġett għal proċedura ta’ insolvenza, fid-dawl tal-modalitajiet previsti mill-polza tal-assigurazzjoni jew mil-liġi sabiex jiġu sostnuti d-drittijiet għal kumpens”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

MAV Àltalános Biztosító Egyesület (iktar ’il quddiem “MAV”) hija kumpannija tal-assigurazzjoni kkostitwita bħala assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li kienet tipproponi lill-membri tagħha prodotti b’tariffi baxxi u bil-karatteristika partikolari li l-persuni assigurati ma’ din il-kumpannija kienu jassumu wkoll obbligi bħala membri tal-assoċjazzjoni.

15

Bejn l-2003 u l-2008, il-Pénzügyi Szervezetek Àllami Felügyelete (Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Korpi Finanzjarji) bagħtet, lill-MAV, ħmistax-il ċitazzjoni tordnalha sabiex tikkonformaha ruħha mar-regoli legali li jirregolaw l-attività tagħha. Peress li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit mill-ġdid funzjonament, skont il-kundizzjonijiet legali f’dan il-qasam, din l-awtorità ta’ sorveljanza rtirat, b’effett mill-15 ta’ Awwissu 2008, l-awtorizzazzjoni li kienet tibbenefika minnha MAV sabiex teżerċita l-attività tagħha. Din tal-aħħar, li l-patrimonju tagħha kien għeb, ġiet iddikjarata insolventi.

16

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala detenturi ta’ vetturi bil-mutur, kienu għamlu, ma’ MAV, assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu tal-vetturi tagħhom.

17

Matul il-perijodu bejn Lulju 2007 u Lulju 2008, huma kienu kkawżaw danni bil-vetturi tagħhom.

18

Minħabba l-insolvenza tagħha, MAV ma setgħetx tassumi l-obbligi tagħha ta’ assiguratur. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom, huma nfushom, jerfgħu r-responsabbiltà tal-kumpens għad-danni kkawżati mill-vetturi tagħhom.

19

Għalhekk huma ppreżentaw rikors għal kumpens kontra l-Magyar Állam, ibbażat fuq id-dannu li ġie kkawżat lilhom, fil-fehma tagħhom, minħabba traspożizzjoni inkorretta tal-Ewwel Direttiva.

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jenfasizzaw li, għalkemm id-dritt Ungeriż, mill-1 ta’ Jannar 2010, jipprevedi l-intervent ta’ organu responsabbli sabiex jipprovdi kumpens għad-dannu kkawżat minn vettura assigurata fil-każijiet meta l-assiguratur ikun insolventi, din il-miżura ma tapplikax għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta minn inċidenti li seħħew qabel din id-data, bħala dawk li huma responsabbli għalihom. Huma jqisu li, billi naqset milli tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiggarantixxi, fl-istess kundizzjonijiet, l-intervent ta’ organu ta’ indennizz fil-każ ta’ danni li seħħew qabel l-imsemmija data, l-Magyar Állam kiser l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva, u b’hekk irendi lilu nnifsu responsabbli.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Bíróság, li saret il-Fővárosi Törvényszék iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-Magyar Állam, fiż-żmien tal-aġir dannuż tar-rikorrenti, kien implementa [l-Ewwel Direttiva], b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-obbligi previsti fl-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva, u din tista’ allura tiġi kkunsidrata li għandha effett dirett fil-konfront tar-rikorrenti?

2)

Id-dritt [tal-Unjoni] fis-seħħ jippermetti lil individwu li sofra dannu għad-drittijiet tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni mill-Istat ta[l-Ewwel Direttiva] li jeżiġi mill-Istat li naqas li dan jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva billi jinvoka direttament kontra l-imsemmi Stat ir-regoli tad-dritt [tal-Unjoni] sabiex jikseb il-garanziji li dan kellu joffrilu abbażi ta’ dawn ir-regoli?

3)

Id-dritt [tal-Unjoni] fis-seħħ jippermetti lil individwu li sofra dannu għad-drittijiet tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni mill-Istat [l-Ewwel Direttiva] li jeżiġi ħlas ta’ danni min-naħa tal-Istat minħabba n-nuqqas tiegħu?

4)

F’każ ta’ risposta pożittiva għad-domandi preċedenti, ir-responsabbiltà tal- Magyar Állam għad-dannu mwettaq hija lejn ir-rikorrenti jew lejn il-vittmi tal-inċidenti tas-sewqan ipprovokati mir-rikorrenti? [...]

5)

Ir-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi kkontestata jekk id-dannu jirriżulta minn attività leġiżlattiva difettuża?

6)

Id-Digriet tal-Gvern Nru 190/2004 […] fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2010 […] huwa konformi mad-dispożizzjonijiet [l-Ewwel Direttiva], jew l-Ungerija naqset milli tittrasponi l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva fid-dritt Ungeriż?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda u fuq is-sitt domanda

22

Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi, fost l-obbligi li jimponi fuq l-Istat Membri, dak li jiġi stabbilit korp li jiggarantixxi l-kumpens lill-vittmi ta’ inċidenti tat-triq fl-ipoteżi li, għalkemm il-persuni responsabbli mid-danni kienu għamlu assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tagħhom fir-rigward tal-użu ta’ vetturi, l-assiguratur sar insolventi.

23

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Brain Products, C-219/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva huwa fformulat b’termini ferm ġenerali, sa fejn jeħtieġu li kull Stat Membru jieħu “l-miżuri kollha approprjati biex [...] r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni”. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, obbligu ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-vetturi.

25

Fid-dawl tal-ġeneralità tat-termini tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, il-portata tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri għandha għaldaqstant tiġi speċifikata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest u l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Ewwel Direttiva tifforma parti minn serje ta’ direttivi li progressivament iċċaraw l-obbligi tal-Istati Membri għal dawk li jikkonċerna r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi. Il-premessi tal-Ewwel u tat-Tieni Direttivi juru li dawn jipprovaw, minn naħa, jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-persuni li jivvjaġġaw f’dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C-300/10, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Huwa minn din il-perspettiva li l-Ewwel Direttiva, kif issupplementata bit-Tieni Direttiva u bid-direttivi suċċessivi, timponi fuq l-Istati Membri sabiex jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u tippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u t-terzi li jkunu sfaw vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

L-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, moqri fid-dawl tad-direttivi suċċessi, jimponi għalhekk fuq kull Stat Membru sabiex jiżgura li, suġġett għad-derogi previsti fl-Artikolu 4 ta’ din l-Ewwel Direttiva, kull proprjetarju jew detentur ta’ vettura normalment ibbażata fit-territorju tiegħu jikkonkludi, ma’ kumpannija ta’ assigurazzjoni, kuntratt sabiex jiggarantixxi, tal-inqas fil-limiti ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-imsemmija vettura.

29

L-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-vittmi wasslitu sabiex jikkompleta din id-dispożizzjoni, billi jobbliga, skont l-Artikolu 4(1) tat-Tieni Direttiva, lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu organu li jkollu l-kompitu li jikkumpensa, tal-inqas fil-limiti previsti mid-dritt tal-Unjoni, id-danni materjali jew personali kkawżati minn vettura mhux identifikata jew li ma jkunx ġie ssodisfatt l-obbligu ta’ assigurazzjoni tagħha stabbilit fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu, li jirreferi għalih l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva. Sabiex inaqqas il-piż finanzjarju li dan l-organu għandu jġarrab, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-intervent tiegħu f’ċerti każijiet jew jipprovdu eċċessi.

30

L-intervent ta’ tali organu kien għaldaqstant inħaseb bħala miżura tal-aħħar rikors, prevista biss fil-każ fejn id-danni ġew ikkawżati minn vettura li ma hijiex identifikata jew minn vettura li ma jkunx ġie ssodisfatt l-obbligu ta’ assigurazzjoni tagħha stabbilit fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company u Evans, C-442/10, Ġabra p. I-12639, punt 41).

31

Rigward id-determinazzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti li fihom jista’ jitqies li l-obbligu ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni ma kienx ġie ssodisfatt, huwa sinjifikattiv, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-leġiżlatur ma kkuntentax ruħu li jipprovdi li l-organu għandu jintervjeni f’każ ta’ danni kkawżati minn vettura li l-obbligu ta’ assigurazzjoni tagħha ma jkunx ġie ssodisfatt b’mod ġenerali, imma ppreċiża li dan kellu jkun il-każ biss għad-danni kkawżati minn vettura li l-obbligu ta’ assigurazzjoni tagħha stabbilit fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, ma jkunx ġie ssodisfatt, jiġifieri vettura li ma jeżistix kuntratt ta’ assigurazzjoni għaliha. Tali restrizzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li din id-dispożizzjoni, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, timponi fuq kull Stat Membru sabiex jiżgura li, suġġett għad-derogi previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva tal-aħħar, kull proprjetarju jew detentur ta’ vettura normalment ibbażata fit-territorju tiegħu jikkonkludi, ma’ kumpannija ta’ assigurazzjoni, kuntratt sabiex jiggarantixxi, tal-inqas fil-limiti ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-imsemmija vettura. Minn din il-perspettiva, is-sempliċi fatt li dannu ġie kkawżat minn vettura mhux assigurata jikkostitwixxi nuqqas fis-sistema li l-Istat Membru kellu l-obbligu li jimplementa, u dan jiġġustifika l-intervent ta’ organu nazzjonali ta’ indennizz.

32

Minn dak li jirriżulta preċedentement, kuntrarjament għat-teżi sostnuta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-intervent ta’ tali organu nazzjonali, kif previst mill-Ewwel u mit-Tieni Direttivi, ma jistax jitqies bħala l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi, iżda huwa intiż li jipproduċi effetti biss f’ċirkustanzi speċifiċi identifikati b’mod ċar.

33

L-ipoteżi ta’ insolvenza tal-assiguratur ma tikkostitwixxix każ li jaqa’ taħt tali ċirkustanzi. Fil-fatt, f’tali ipoteżi, l-obbligu ta’ assigurazzjoni jkun ġie ssodisfatt.

34

Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw, għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ intervent tal-fond nazzjonali għall-għoti ta’ kumpens, miżuri iktar favorevoli għall-vittmi minn dawk previsti mid-direttivi dwar assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Ungeriż, miżuri intiżi li jirrimedjaw għas-sitwazzjoni li nħolqot mill-insolvenza ta’ MAV kienu, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, qed jiġu ppreparati mill-korpi Ungeriżi kompetenti.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda u għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix, fost l-obbligi imposti minn din id-dispożizzjoni fuq l-Istat Membri, dak li jiġi stabbilit organi li jiggarantixxi l-kumpens lill-vittmi ta’ inċidenti tat-triq fl-ipoteżi li, għalkemm il-persuni responsabbli mid-danni kienu għamlu assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tagħhom fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, l-assiguratur sar insolventi.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda u fuq it-tieni sal-ħames domandi

36

Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk jistax jiġi rrikonoxxut effett dirett lill-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva u, min-naħa l-oħra, f’liema kundizzjonijiet individwi jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Ungerija minħabba d-dannu li ġie kkawżat lilhom minn traspożizzjoni inkorretta tal-Ewwel Direttiva.

37

Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Ewwel Direttiva mogħtija b’risposta għall-ewwel parti u għas-sitt domanda, ma jirriżultax li l-Istat Membru kkonċernat kiser id-dritt tal-Unjoni.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda u lanqas għat-tieni sal-ħames domandi.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, kif emendata bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendata bid-Direttiva 2005/14, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix, fost l-obbligi imposti minn din id-dispożizzjoni fuq l-Istat Membri, dak li jiġi stabbilit organu li jiggarantixxi l-kumpens lill-vittmi ta’ inċidenti tat-triq fl-ipoteżi li, għalkemm il-persuni responsabbli mid-danni kienu għamlu assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tagħhom fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, l-assiguratur sar insolventi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Fuq