EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0265

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Lulju 2013.
Citroën Belux NV vs Federatie voor Verzekerings- en Financiële Tussenpersonen (FvF).
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel.
Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Protezzjoni tal-konsumaturi — Offerti konġunti li jinkludu tal-inqas servizz finanzjarju — Projbizzjoni — Eċċezzjonijiet.
Kawża C‑265/12.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:498

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Protezzjoni tal-konsumaturi — Offerti konġunti li jinkludu tal-inqas servizz finanzjarju — Projbizzjoni — Eċċezzjonijiet”

Fil-Kawża C-265/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura

Citroën Belux NV

vs

Federatie voor Verzekerings- en Financiële Tussenpersonen (FvF),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Citroën Belux NV, minn S. Willemart, C. Smits, T. Balthazar, D. De Keyzer, u A. Destrycker, avukati,

għall-Federatie voor Verzekerings- en Financiële Tussenpersonen (FvF), minn D. Dhaenens u R. Vermeulen, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar [Prattiki] Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22), u tal-Artikolu 56 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Citroën Belux NV (iktar ’il quddiem “Citroën”) u l-Federatie voor Verzekerings- en Financiële Tussenpersonen (FvF) (Federazzjoni ta’ Aġenti tal-Assigurazzjoni u Finanzjarji), dwar prattika kummerċjali ta’ Citroën li tikkonsisti fl-offerta bla ħlas ta’ assigurazzjoni komprensiva għal sitt xhur max-xiri ta’ vettura Citroën, prattika kkunsidrata żleali mill-FvF.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

Il-premessa 9 tad-Direttiva 2005/29 hija redatta kif ġej:

“[...] Is-servizzi finanzjarji u l-proprjetà immobbli, minħabba l-komplessità tagħhom u r-riskji serji inerenti, jeħtieġu rekwiżiti dettaljati, inklużi l-obbligi pożittivi tal-kummerċjanti. Għal din ir-raġuni, fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tagħha sabiex jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. […]”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/78, intitolat “L-Ambitu ta’ l-Applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafi 1 u 9 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.

[...]

9.   Fir-rigward ta’ “servizzi finanzjarji” kif definiti fid-Direttiva 2002/65/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321)], u proprjetà immobbli, l-Istati Membri jistgħu jimponu kondizzjonijiet li huma iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-Direttiva f’dak il-qasam li hija tapprossima.”

5

L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65 jiddefinixxi l-kunċett ta’ servizz finanzjarju bħala “kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas”.

Il-leġiżlazzjoni Belġjana

6

L-Artikolu 72 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 dwar il-prattiki tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur (Belgisch Staatsblad,12 ta’ April 2010, p. 2083, iktar ’il quddiem il-“Liġi tas-6 ta’ April 2010) jipprovdi:

“§1.   Kull offerta konġunta lill-konsumatur, li tal-inqas wieħed mill-elementi tagħha jikkostitwixxi servizz finanzjarju, u li magħmula minn impriża jew minn impriżi differenti li jaġixxu b’għan komuni, hija pprojbita”.

§2.   B’deroga minn §1, huwa madankollu, permess li jiġu offruti flimkien:

servizzi finanzjarji li jikkostitwixxu ħaġa sħiħa;

Ir-Re jista’, fuq proposta tal-Ministri kompetenti u tal-Ministru tal-Finanzi, jindika s-servizzi proposti fis-settur finanzjarju li jikkostitwixxu ħaġa sħiħa;

servizzi finanzjarji u prodotti u servizzi ċkejknin meqjusa normali fil-kummerċ permessi mill-prattiki kummerċjali;

servizzi finanzjarji u biljetti għal parteċipazzjoni f’lotteriji legalment awtorizzati;

servizzi finanzjarji u oġġetti b’kitbiet pubbliċitarji li ma jistgħux jitħassru u li jidhru b’mod ċar, li ma humiex għall-kummerċ bħala tali, sakemm il-prezz ta’ akkwist tagħhom imħallas mill-impriża ma jkunx ta’ iktar minn EUR 10, mingħajr il-VAT [taxxa fuq il-valur miżjud], jew ta’ 5 % mill-prezz tal-bejgħ, mingħajr il-VAT, tas-servizz finanzjarju li jitqassmu miegħu. Il-perċentwali ta’ 5 % japplika jekk l-ammont korrispondenti għal din il-perċentwali huwa iktar minn EUR 10

Servizzi finanzjarji, ritratti bil-kulur, stikers u immaġni oħrajn ta’ valur kummerċjali minimu;

servizzi finanzjarji u titoli li jikkonsistu f’dokumenti li jagħtu dritt, wara l-akkwist ta’ ċertu numru ta’ servizzi, għal offerta bla ħlas jew għal riduzzjoni fil-prezz waqt l-akkwist tal-prodott jew ta’ servizz simili, sa fejn dan il-vantaġġ jingħata mill-istess impriża u ma jeċċedix terz tal-prezz tas-servizzi akkwistati preċedentement.

It-titoli għandhom isemmu l-limitu eventwali tat-terminu ta’ validità tagħhom, kif ukoll il-modalitajiet tal-offerta.

Meta l-bejjiegħ iwaqqaf l-offerta tiegħu, il-konsumatur għandu jibbenefika mill-vantaġġ offrut pro rata tal-akkwisti preċedentement imwettqa.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Citroën hija l-importatur ta’ vetturi tat-trade mark Citroën fil-Belġju. Hija tbigħ merkanzija permezz ta’ netwerk ta’ distributuri awtorizzati.

8

Fl-10 ta’ Diċembru 2010, Citroën nediet kampanja ta’ reklamar fuq it-tema “Jien irrid kollox”. Din il-kampanja baqgħet għaddejja tal-inqas sal-aħħar tax-xahar ta’ Frar 2011.

9

L-offerta ta’ reklamar kienet ifformulata bil-mod li ġej:

“‘6 xhur ta’ assigurazzjoni komprensiva bla ħlas’ tapplika għal kull kuntratt ta’ assigurazzjoni komprensiva ġdid u komplet iffirmat fl-ewwel sena. Din tikkonċerna wkoll kemm il-vetturi privati kif ukoll il-vetturi kummerċjali mibjugħa mid-distributuri Citroën uffiċjali, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi għal dimostrazzjoni u għal kiri. Il-kundizzjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ Citroën Assurance japplikaw. Citroën Assurance hija prodott ta’ Servis, assigurazzjoni NV awtorizzata taħt in-Nru 1396. PSA Finance Belux NV (Nru CBFA 019.653A) taġixxi bħala aġent tal-assigurazzjoni ta’ Servis NV. Id-distributuri ta’ Citroën awtorizzati mill-CBFA jaġixxu bħala sotto-aġenti ta’ PSA Finance Belux NV […]. Din l-offerta ta’ assigurazzjoni hija indipendenti minn kull prodott jew servizz ħlief il-vettura li għandha tiġi assigurata”.

10

Il-FvF tqis li din l-offerta speċjali “fiera tal-karozzi, fir-rigward tal-offerta ta’ assigurazzjoni komprensiva bla ħlas għal sitt xhur max-xiri ta’ vettura Citroën, tikkostitwixxi offerta konġunta pprojbita. Hija intimat lil Citroën permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2010.

11

Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2010, Citroën irrispondiet li l-offerta kienet tapplika għall-ewwel sena ta’ kull kuntratt ta’ assigurazzjoni komprensiva għal sena, u mhux biss għax-xiri ta’ vettura Citroën. Skont Citroën, l-offerta ta’ assigurazzjoni komprensiva bla ħlas għal sitt xhur u x-xiri ta’ karozza ġdida ta’ din it-trade mark ma kinux konnessi.

12

Fit-18 ta’ Jannar 2011, FvF talbet ir-Rechtbank van koophandel te Brussel il-kassazzjoni ta’ din il-prattika kummerċjali, minħabba li kienet kuntrarja għall-Artikolu 72(1) tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010.

13

Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ April 2011, ir-Rechtbank van koophandel te Brussel qies fl-ewwel istanza li l-offerta kkontestata tikkostitwixxi fil-fatt offerta konġunta fis-sens fil-Artikolu 2(27) tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 u kienet diretta għax-xerrejja potenzjali ta’ vetturi ġodda. Hija ddeċidiet li din l-offerta kienet tikkostitwixxi offerta konġunta pprojbita skont l-Artikolu 72(1) ta’ din il-liġi u li tali offerta kienet att kuntrarju għall-prattiki onesti tas-suq, u konsegwentement ipprojbita skont l-Artikolu 95 tal-istess liġi.

14

Citroën appellat minn din is-sentenza quddiem il-Hof van beroep te Brussel. Il-qorti tar-rinviju qies li l-offerta kkontestata tikkostitwixxi offerta konġunta u li l-kisba ta’ assigurazzjoni komprensiva bla ħlas għal sitt xhur kienet effettivament suġġetta, f’għajnejn il-konsumatur medju, għax-xiri ta’ vettura ġdida Citroën.

15

Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29, l-Istati Membri jistgħu, għal dak li jikkonċerna s-servizzi finanzjarji u l-proprjetajiet immobbli, jimponu rekwiżiti iktar restrittivi jew iktar rigorużi minn dawk previsti minn din id-direttiva. Hija tqis li din id-dispożizzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ tliet interpretazzjonijiet. Skont l-ewwel interpretazzjoni, il-projbizzjoni ta’ offerta konġunta li tinkludi servizz finanzjarju hija konformi mad-Direttiva 2005/29, irrispettivament jekk is-servizz finanzjarju jikkostitwixxix l-element prinċipal tal-offerta. Skont it-tieni interpretazzjoni, il-projbizzjoni ta’ tali offerta hija konformi ma’ din id-direttiva biss jekk is-servizz finanzjarju huwa element determinanti tal-offerta konġunta. It-tielet interpretazzjoni twassal li jiġi kkonstatat li tali projbizzjoni ma hijiex konformi mal-imsemmija direttiva sa fejn l-Artikolu 3(3) tagħha, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ armonizzazzjoni kompleta, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-konformità tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 mal-Artikolu 56 TFUE.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni, bħall-Artikolu 72 tal-[L]iġi [...] tas-6 ta’ April 2010, li – bla ħsara għal każijiet elenkati b’mod eżawrjenti mil-liġi – tipprojbixxi b’mod ġenerali kull offerta konġunta għall-konsumatur jekk tal-inqas wieħed mill-elementi jikkostitwixxi servizz finanzjarju?

2)

L-Artikolu 56 TFUE, rigward il-libertà li jiġu provduti servizzi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni, bħall-Artikolu 72 tal-[L]iġi [...] tas-6 ta’ April 2010, li – bla ħsara għal każijiet elenkati b’mod eżawrjenti mil-liġi – tipprojbixxi b’mod ġenerali kull offerta konġunta għall-konsumatur jekk tal-inqas wieħed mill-elementi jikkostitwixxi servizz finanzjarju?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

17

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, bla ħsara għal każijiet elenkati b’mod eżawrjenti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tipprojbixxi b’mod ġenerali offerti konġunti proposti lill-konsumatur li tal-inqas wieħed mill-elementi tagħhom jikkostitwixxi servizz finanzjarju.

18

Kif jirriżulta mill-punt 50 tas-sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea (C-261/07 u C-299/07, Ġabra p. I-2949), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-offerti konġunti jikkostitwixxu atti kummerċjali li jaqgħu b’mod ċar fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u huma intiżi direttament għall-promozzjoni u għall-iżvilupp tal-bejgħ tiegħu, b’tali mod li dawn jikkostitwixxu prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u, għaldaqstant, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha

19

Minn dan isegwi li l-offerti konġunti li tal-inqas wieħed mill-elementi tagħhom huwa servizz finanzjarju, li huma suġġetti għall-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu wkoll prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u huma, għaldaqstant suġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-direttiva.

20

Għandu jitfakkar, sussegwentement, li d-Direttiva 2005/29 tagħmel armonizzazzjoni kompleta tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi fuq il-livell Komunitarju, b’tali mod li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw, kif jipprovdi espressament l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti mill-imsemmija direttiva, u dan lanqas sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (ara s-sentenza tal-15 tal-14 ta’ Jannar 2010, Warenhandelsgesellschaft, C-304/08, Ġabra p. I-217, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Madankollu, l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/78, intitolat “L-Ambitu ta’ l-Applikazzjoni” jistabbilixxi eċċezzjoni għall-għan ta’ armonizzazzjoni kompleta sa fejn jikkonċerna b’mod partikolari s-servizzi finanzjarji fis-sens tad-Direttiva 2002/65.

22

Mill-premessa 9 tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li, Is-servizzi finanzjarji u l-proprjetà immobbli, minħabba l-komplessità tagħhom u r-riskji serji inerenti, jeħtieġu rekwiżiti dettaljati, inklużi l-obbligi pożittivi tal-kummerċjanti. Huwa ddikjarat ukoll li, għal dak li jikkonċerna dawn is-servizzi, din id-direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tagħha sabiex jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.

23

“Servizz finanzjarju” fis-sens tad-Direttiva 2002/65 għandu jinftiehem bħala “kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas”. Il-Liġi tas-6 ta’ April 2010 tirrepeti l-istess definizzjoni fl-Artikolu 2(24) tagħha sabiex tindika s-servizzi finanzjarji. Minn dan isegwi li l-offerti konġunti li tal-inqas wieħed mill-elementi tagħhom huwa servizz finanzjarju, bħala dawk li huma s-suġġett ta’ projbizzjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29.

24

Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti iktar restrittivi jew iktar rigorużi minn dawk previsti mill-imsemmija direttiva għal dak li jikkonċerna s-servizzi finanzjarji.

25

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29 sempliċement jippermetti lill-Istati Membri li jadottaw regoli nazzjonali iktar stretti għal dak li jikkonċerna s-servizzi finanzjarji mingħajr ma jipprovdu iktar informazzjoni. Għaldaqstant huwa ma jimponi ebda limitu rigward il-grad ta’ restrizzjoni tar-regoli nazzjonali f’dan ir-rigward, u ma jipprovdix kriterji li jirrigwardaw il-grad ta’ komplessità jew ta’ riskju li għandhom jippreżentaw l-imsemmija servizzi sabiex ikunu s-suġġett ta’ regoli iktar stretti. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni lanqas jirriżulta li r-regoli nazzjonali iktar restrittivi jistgħu jikkonċernaw biss l-offerti konġunti li jikkonsistu f’diversi servizzi finanzjarji jew jikkonċernaw biss l-offerti konġunti li s-servizz finanzjarju tagħhom jikkostitwixxi l-element prinċipali.

26

Kuntrarjament għal dak li tallega Citroën, ma hemmx għaldaqstant lok li tiġi limitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29 għall-offerti konġunti komposti minn diversi servizzi finanzjarji jew għall-offerti konġunti li jinkludu servizz finanzjarju kumpless.

27

Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan segwit mill-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, il-premessa 9 tad-Direttiva 2005/29 tikkonferixxi espressament lill-Istati Membri l-possibblità li jadottaw miżuri iktar rigorużi għal dak li jikkonċerna s-servizzi finanzjarji sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. L-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija għaldaqstant li jħalli lill-Istati Membri nfushom is-setgħa li jevalwa n-natura restrittiv li huma jixtiequ jagħtu lil dawn il-miżuri u li jħallilhom f’dan ir-rigward marġni ta’ manuvra, li dan tal-aħħar jista’ jestendi sal-adozzjoni ta’ projbizzjoni.

28

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, bla ħsara għal każijiet elenkati b’mod eżawrjenti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tipprojbixxi b’mod ġenerali offerti konġunti proposti lill-konsumatur li tal-inqas wieħed mill-elementi tagħhom jikkostitwixxi servizz finanzjarju.

Fuq it-tieni domanda

29

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, bla ħsara għal każijiet elenkati b’mod eżawrjenti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tipprojbixxi b’mod ġenerali offerti konġunti proposti lill-konsumatur li tal-inqas wieħed mill-elementi tagħhom jikkostitwixxi servizz finanzjarju.

30

Rigward l-ammissibbiltà tat-tieni domanda, FvF tqis li din hija inammissibbli sa fejn, meta qasam partikolari ġie armonizzat fil-livell tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri nazzjonali f’dan qasam għandhom jiġi evalwati fid-dawl ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat TFUE.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li, ċertament, kull miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fir-rigward tad-dritt primarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C-322/01, Ġabra p. I-14887, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, kif ukoll jirriżulta mill-premessa 9 u mill-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprovdi speċifikament li, għal dak li jikkonċerna s-servizzi finanzjarji, id-direttiva ma tagħmilx armonizzazzjoni eżawrjenti u tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra, li għandu jiġi eżerċitat fir-rispett tat-Trattat.

32

Ċertament, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, skont il-formulazzjoni tagħha, tapplika mingħajr distinzjoni għall-operaturi Belġjani u għall-operaturi tal-Istati Membri l-oħra tista’, bħala regola ġenerali, taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat biss sa fejn tkun tapplika għal sitwazzjonijiet li jkollhom rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629, punt 40, kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2012, Duomo Gpa et, C-357/10 sa C-359/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż, f’dan il-każ, li impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn minbarra r-Renju tal-Belġju jkunu interessati li jipproponu f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, offerti konġunti li jinkludu tal-inqas element finanzjarju, bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali.

34

Konsegwentement, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-projbizzjoni ġenerali ta’ offerti konġunti, li tal-inqas wieħed mill-elementi tagħhom huwa servizz finanzjarju, tirrispettax l-Artikolu 56 TFUE.

35

Rigward il-fondatezza, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 56 TFUE ma tirrikjedix biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din tkun tali li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa b’mod legali jipprovdi servizzi analogi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et, C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 21, kif ukoll tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 22).

36

Projbizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u prevista fl-Artikolu 72(1) tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010, hija ta’ natura li trendi inqas attraenti l-provvista ta’ servizzi finanzjarji fit-territorju Belġjan għal impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, li jixtiequ jippreżentaw offerti konġunti li tal-inqas wieħed mill-elementi tagħhom huwa servizz finanzjarju. Dawn l-impriżi ma jistgħux fil-fatt jipproponu dawn l-offerti fis-suq Belġjan u jkunu barra minn hekk obbligati li jivverifikaw jekk dawn humiex konformi mad-dritt Belġjan, filwaqt li tali approċċ ma jkunx neċessarju għal Stat Membri oħrajn.

37

Skont ġurisprudenza stabbilita, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi aċċettata biss jekk l-għan tagħha jkun leġittimu u kompatibbli mat-Trattat u jkun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm, jekk dan ikun il-każ, hija tkun kapaċi tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tagħha u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jinkiseb (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C-341/05, Ġabra p. I-11767, punt 101 u ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, l-għan segwit mill-Artikolu 72 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 huwa li jiġu protetti l-interessi tal-konsumatur, kif jirriżulta barra minn hekk mit-titolu stess ta’ din il-liġi. Il-protezzjoni tal-konsumatur hija rrikonoxxuta mill-ġurisprudenza bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1982, Oosthoek’s Uitgeversmaatschappij, 286/81, Ġabra p. 4575, punt 16, kif ukoll tal-4 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 220/83, Ġabra p. 3663, punt 20).

39

Għal dak li jikkonċerna n-natura xierqa tal-Artikolu 72 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li s-servizzi finanzjarji huma ta’ natura kumplessa u jippreżentaw riskji speċifiċi li fir-rigward tagħhom il-konsumatur ma huwiex dejjem informat b’mod suffiċjenti. Min-naħa l-oħra, offerta konġunta hija fiha nfisha ta’ natura li toħloq min-naħa tal-konsumatur l-idea ta’ vantaġġ fil-prezz. Minn dan isegwi li offerta konġunta, li wieħed mill-element tagħha huwa servizz finanzjarju tippreżenta riskju ikbar ta’ nuqqas ta’ trasparenza għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet, il-prezz u l-kontenut eżatt tal-imsemmi servizz. Tali offerta tista’, għaldaqstant, twassal biex il-konsumaturi jieħdu żball rigward il-kontenut reali u l-karatteristiċi effettiva tal-offerta konġunta u li fl-istess ħin tkun qed iċċaħħadhom mill-possibbiltà li jipparaguna l-prezz u l-kwalità ta’ din l-offerta ma’ servizzi oħrajn korrispondenti minn operaturi ekonomiċi oħrajn.

40

F’dawn il-kundizzjonijiet, leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-offerti konġunti li jinkludi tal-inqas servizz finanzjarju huwa ta’ natura li jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-konsumatur.

41

Għal dak li jikkonċerna n-natura proporzjonata tar-restrizzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 72(2) tal-Liġi tal-6 ta’ April 2010 tippermetti eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ġenerali ta’ offerta konġunta li tal-inqas wieħed mill-elementi tagħhom jikkostitwixxi servizz finanzjarju. L-eżistenza ta’ dawn l-eċċezzjonijiet tindika li l-leġiżlatur Belġjan qies li, f’ċerti każijiet, ma kienx neċessarju li tipprovdi lill-konsumatur bi protezzjoni addizzjonali.

42

Minn dan isegwi li l-projbizzjoni ġenerali tal-offerti konġunti li tal-inqas wieħed mill-elementi tagħhom huwa servizz finanzjarju, kif previst fl-Artikolu 72 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur intiż mid-Direttiva 2005/29, u iktar speċifikament sabiex jiġu protetti l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, bla ħsara għal każijiet elenkati b’mod eżawrjenti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tipprojbixxi b’mod ġenerali offerti konġunti proposti lill-konsumatur li tal-inqas wieħed mill-elementi tagħhom huwa servizz finanzjarju.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar [Prattiki] Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22), u l-Artikolu 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, bla ħsara għal każijiet elenkati b’mod eżawrjenti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tipprojbixxi b’mod ġenerali offerti konġunti proposti lill-konsumatur li tal-inqas wieħed mill-elementi tagħhom huwa servizz finanzjarju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq