Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0124

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Lulju 2013.
AES-3C Maritza East 1 EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite, Plovdiv.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Plovdiv.
Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 168(a) u 176 — Dritt għal tnaqqis — Spejjeż li jirrigwardaw l-akkwist ta’ oġġetti u ta’ provvista servizzi intiżi għall-persunal — Persunal imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna taxxabbli li tinvoka d-dritt għal tnaqqis iżda impjegat minn persuna taxxabbli oħra.
Kawża C‑124/12.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:488

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 168(a) u 176 — Dritt għal tnaqqis — Spejjeż li jirrigwardaw l-akkwist ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi intiżi għall-persunal — Persunal imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna taxxabbli li tinvoka d-dritt għal tnaqqis iżda impjegat minn persuna taxxabbli oħra”

Fil-Kawża C-124/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Plovdiv (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2012, fil-proċedura

AES-3C Maritza East 1 EOOD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite, Plovdiv,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Berger, President tal-Awla, A. Borg Barthet u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal AES-3C Maritza East 1 EOOD, minn S. Garbolino, E. Evtimov u Y. Mateeva, avukati,

għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite, Plovdiv, minn V. Apostolov, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u C. Soulay, kif ukoll minn D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 168(a), u 176 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn AES-3C Maritza East 1 EOOD (iktar ’il quddiem “AES”), kumpannija stabbilita taħt id-dritt Bulgaru, u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite, Plovdiv (direttur tad-direttorat “Rikors u ġestjoni tal-eżekuzzjoni”, fl-amministrazzjoni ċentrali tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku fi Plovdiv, iktar ’il quddiem id-“Direktor”) dwar id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għall-akkwist ta’ oġġetti u servizzi differenti intiżi għal ħaddiema li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ AES minn kumpannija oħra.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112 jistabbilixxi li:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)

il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabbli oħra;

[...]”

4

L-Artikolu 176 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni [Ewropea], għandu jistabbilixxi n-nefqa li fir-rispett tagħha l-VAT m’għandhiex tkun tista’ titnaqqas. It-VAT fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun tista’ titnaqqas fir-rigward tan-nefqa li mhijiex strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.

Sa kemm id-disposizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu jidħlu fis–seħħ, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti skond il-liġijiet nazzjonali fl-1 ta’ Jannar 1979 jew, fil-każ ta’ l-Istati Membri li aderew għall-Komunità wara dik id-data, fid-data ta’ l-adeżjoni tagħhom.”

Id-dritt Bulgaru

5

Skont l-Artikolu 69(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Zakon za danak varhu dobavenata stoynost, DV Nru 63, tal-4 ta’ Awwissu 2006, iktar ’il quddiem iz-“ZDDS”), li daħlet fis-seħħ mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203).

“(1)   Meta l-oġġetti u s-servizzi jiġu użati għall-ħtiġijiet ta’ provvisti taxxabbli magħmula mill-persuna taxxabbli rreġistrata, din il-persuna tkun intitolata li tnaqqas:

1.

it-taxxa fuq l-oġġetti jew fuq is-servizzi li l-fornitur, meta dan tal-aħħar ikun persuna taxxabbli rreġistrata skont din il-liġi, jipprovdilha jew għandu jipprovdilha;

[...]”

6

L-Artikolu 70(1) u (3) taz-ZDDS jipprovdi b’mod partikolari:

“(1)   Anki jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 69 jew tal-Artikolu 74 jiġu sodisfatti, id-dritt li jitnaqqas kreditu ta’ taxxa ma jeżistix meta:

[...]

2.

l-oġġetti jew is-servizzi jkunu intiżi għal provvisti bla ħlas jew għall-attivitajiet li ma jkunux parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli;

[...]

“(3)   Il-paragrafu 1(2) ma għandux japplika għal:

1.

[...] ħwejjeġ speċjali, għal ħwejjeġ tax-xogħol, għal uniformijiet, ħwejjeġ uffiċjali u mezzi ta’ protezzjoni personali, imqiegħda għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas minn min iħaddem lill-impjegati tiegħu, inklużi dawk taħt il-kuntratt ta’ ġestjoni għall-finijiet tal-attività ekonomika tiegħu;

2.

trasport tal-impjegati, inkluż dawk taħt il-kuntratt ta’ ġestjoni bejn id-dar tagħhom u l-post tax-xogħol tagħhom - fiż-żewġ direzzjonijiet - kopert minn min iħaddem mingħajr ħlas għall-iskopijiet tal-attività ekonomika tiegħu;

[...]

7.

għat-trasport u l-akkomodazzjoni ta’ persuni mibgħuta fuq missjoni mill-persuna taxxabbli;

[...]”

7

Fil-verżjoni tagħha applikabbli qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni (DV Nru 153, tat-23 ta’ Diċembru 1998), iz-ZDDS fl-Artikolu 64(1) kienet tipprovdi:

“(1)   Il-persuna li tkun irċeviet il-kunsinna jew il-provvista jew l-importatur għandha d-dritt li tnaqqas kreditu tat-taxxa meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

[...]

5.

l-oġġett riċevut permezz ta’ importazzjoni jew l-oġġett jew is-servizz riċevut skont il-kunsinna jew il-provvista taxxabbli jkun ġie użat, huwa użata jew ser jintuża għall-iskopijiet ta’ kunsinni jew ta’ provvisti taxxabbli;

[...]”

8

L-Artikolu 65(1) ta’ din l-aħħar verżjoni taz-ZDDS kienet tipprovdi:

“Anki jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 64 jew fl-Artikolu 68 jiġu sodisfatti, id-dritt li jitnaqqas kreditu ta’ taxxa ma jeżistix meta:

1.

l-oġġetti jew is-servizz jkunu intiżi għal finijiet ta’ riċevimenti u ta’ rappreżentanza;

2.

ikun hemm l-akkwist ta’ mutur jew vettura bil-mutur li n-numru ta’ passiġġieri fiha, barra minn dak tas-sewwieq, ma jkunx iktar minn ħamsa, ħlief f’każijiet fejn il-persuna taxxabbli teżerċita attività bbażata fuq l-użu ta’ dak il-mutur jew ta’ dik il-vettura bil-mutur;

3.

[sħiħa – DV, Nru 100 tal-2005] l-oġġett jew is-servizz ikun intiż bħala appoġġ, għall-kumpens, għat-titjib u għall-operat tal-muturi u tal-vetturi bil-mutur fis-sens tal-punt 2;

4.

l-oġġetti jew is-servizz jintuża bil-ħsieb tat-twettiq tal-kunsinna jew tal-provvista eżenti fis-sens tal-Artikolu 33;

5.

l-oġġett jinżamm għall-benefiċċju tal-Istat jew il-bini jitwaqqa’ minħabba li jkun inbena illegalment.”

9

Skont l-Artikolu 1(1) tad-dispożizzjonijiet supplimentari tal-Kodiċi tax-Xogħol (Kodeks na truda, DV Nru 26, tal-1 ta’ April 1986, u DV Nru 27, tal-4 ta’ April 1986), fil-verżjoni applikabbli għal perijodu meta ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-kodiċi, “persuna li timpjega” għandha tinftiehem bħala “kull persuna naturali, persuna ġuridika jew entità dipendenti fuqha, kif ukoll kull entità oħra indipendenti fuq il-livell organizzattiv u ekonomiku, (impriża, istituzzjoni, organizzazzjoni, kooperattiva, operatur, stabbiliment, ditta familjari, kumpanija u oħrajn), li, b’mod indipendenti, tħaddem impjegati b’kuntratt ta’ xogħol, kif wkoll meta fir-rigward ta’ xogħol mid-dar, teleworking jew tat-trażmissjoni bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ kompitu ma’ impriża oħra”.

10

Il-liġi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (Zakon za zdravoslovni i bezopasni uslovia na trud, DV Nru 124, tat-23 ta’ Diċembru 1997), tipprovdi, fl-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet supplimentari tagħha, li l-kelma “persuna li timpjega” tikkorrispondi għall-kunċett iddeterminat mill-Artikolu 1(1) tad-dispożizzjonijiet supplimentari tal-kodiċi tax-xogħol, kif ukoll għal kull persuna li tassenja kompitu lil xi ħadd ieħor u li tassumi r-responsabbiltà kollha tal-impriża, tal-kooperattiva jew tal-organizzazzjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

AES għandha fil-pussess tagħha u topera ċentrali elettrika li, filwaqt li tinsab fit-territorju tal-komun ta’ Galabovo (il-Bulgarija), tinsab barra mil-limiti taż-żona abitata ta’ dan il-komun.

12

AES ma għandhiex persunal tagħha stess biex jieħu ħsieb l-operat tal-imsemmija ċentrali b’tali mod li hija obbligata tuża full time s-servizzi ta’ ħaddiema permezz ta’ kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal, konkluż mal-kumpannija AES Maritza East 1 Services EOOD (iktar ’il quddiem “AES Services”). Skont dan il-kuntratt, AES Services tagħżel u tirrekluta l-persunal neċessarju għall-attività ekonomika ta’ AES. Il-kuntratti ta’ xogħol jiġu konklużi bejn il-ħaddiema u AES Services u hija din tal-aħħar li tħallas lill-ħaddiema.

13

Il-ħaddiema inkwistjoni jitqiegħdu, minn hemm ’il quddiem, għad-dispożizzjoni ta’ AES. Skont il-kuntratt li jorbot AES ma’ AES Services, l-ewwel waħda tħallas lit-tieni remunerazzjoni għas-servizz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal. Din ir-remunerazzjoni tinkludi s-salarji u l-assigurazzjonijiet soċjali tal-ħaddiema. Il-ħwejjeġ tax-xogħol u l-mezzi ta’ protezzjoni personali tal-ħaddiema, kif ukoll is-servizz li jiggarantixxi t-trasport lejn u miċ-ċentrali elettrika u minn u lejn id-dar tal-imsemmija ħaddiema huwa pprovdut minn AES. L-ispejjeż ta’ dawn l-oġġetti u servizzi ma humiex inklużi fl-ammont tar-remunerazzjoni mħallas lil AES Services. Meta ħaddiem jintbagħat fuq missjoni, l-ispejjeż ta’ trasport u ta’ akkomodazzjoni jitħallsu wkoll minn AES.

14

Bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2008 u x-xahar ta’ Settembru 2010, AES ibbenefikat, min-naħa ta’ terzi, minn provvista li kellha bħala għan servizz ta’ trasport, tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħwejjeġ u ta’ mezzi ta’ protezzjoni personali, kif ukoll minn servizzi marbuta mal-missjonijiet imwettqa mill-ħaddiema.

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, sa fejn il-persuni li jaħdmu fiċ-ċentrali elettrika jgħixu fiż-żoni abitati li ma humiex milħuqa mit-trasport pubbliku, AES kienet iddeċidiet li tiggarantixxi hija stess is-servizz ta’ trasport skont il-ħinijiet li jikkorrispondu għall-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.

16

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi tax-xogħol u tal-liġi dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, AES għandha l-obbligu li tipprovdi l-ħwejjeġ tax-xogħol u l-mezzi ta’ protezzjoni lill-persuni li jaħdmu fiċ-ċentrali elettrika.

17

L-aġenzija tad-dħul irrifjutat it-tnaqqis tal-VAT fl-ammont ta’ BGN 218 377 fir-rigward tal-akkwist, minn AES, tas-servizzi ta’ trasport, tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħwejjeġ tax-xogħol u tal-mezzi ta’ protezzjoni personali, kif ukoll għall-ispejjeż magħmula fil-kuntest tal-missjonijiet, għaliex l-oġġetti u s-servizzi riċevuti kienu intiżi sabiex jiġu pprovduti mingħajr ħlas lill-impjegati ta’ AES Services. L-imsemmija aġenzija ma aċċettatx l-applikazzjoni tad-derogi għal din il-limitazzjoni tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, previsti fil-punti 1, 2 u 7 tal-Artikolu 70(3) taz-ZDDS, minħabba li AES ma hijiex meqjusa, skont id-dritt Bulgaru, bħala l-persuna li timpjega lill-impjegati. Fil-fatt, skont il-kodiċi tax-xogħol, il-persuna li tħaddem lil dawn tal-aħħar hija AES Services.

18

Peress li r-rikors amministrattiv ippreżentat kontra dan l-avviż ta’ stima ta’ taxxa ġie miċħud mid-Direktor, AES ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

19

Quddiem din il-qorti, AES sostniet li hija l-entità “ekonomika” li timpjega lill-ħaddiema, peress li hija tgawdi mix-xogħol tagħhom u peress li hija tbati l-ispejjeż marbuta magħhom sa fejn tħallas remunerazzjoni lill-AES Services. Barra minn hekk, AES għandha l-kwalità ta’ persuna li timpjega fis-sens tal-liġi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol peress li hija hi li għandha l-obbligu li tipprovdi l-ħwejjeġ tax-xogħol u li tiżgura l-kundizzjonijiet li jiggarantixxu s-sigurtà tal-ħaddiema. Id-Direktor, min-naħa tiegħu, tenna l-pożizzjoni stabbilita fl-avviż tar-rettifika tat-taxxa.

20

Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ottubru 1997, Fillibeck (C-258/95, Ġabra p. I-5577) ma tagħtix ir-risposta għall-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni mqajma fil-kawża prinċipali, peress li s-servizzi ta’ trasport inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza ma kinux ipprovduti lill-persunal mqiegħed għad-dispożizzjoni minn persuna taxxabbli oħra li ma hijiex dik li tinvoka d-dritt għal tnaqqis, iżda lill-impjegati tal-persuna taxxabbli stess.

21

Barra minn hekk din il-qorti tirrileva li, fil-verżjoni tagħha applikabbli sad-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni, iz-ZDDS ma kienx fiha limitazzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT bħal dik prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 70(1) ta’ dik il-liġi. Fil-fatt, fil-verżjoni applikabbli sal-1 ta’ Jannar 2007, l-Artikolu 65 taz-ZDDS kien fih lista eżawrjenti tal-limitazzjonijiet tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT u l-ebda minn dawn il-limitazzjonijiet ma kienet marbuta mad-destinazzjoni ta’ kunsinni jew provvista mingħajr ħlas.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Plovdiv iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Għandha tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mal-Artikolu 168(a), u mal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112/KE regola bħal dik prevista fl-Artikolu 70(1)(2) taz-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud), li tipprovdi li l-persuna taxxabbli ma għandiex tingħata d-dritt li tnaqqas il-VAT għal servizzi ta’ trasport, għal ħwejjeġ tax-xogħol u għal mezzi ta’ protezzjoni għall-ħaddiema u għal spejjeż għall-missjonijiet, minħabba li s-servizzi huma pprovduti mingħajr ħlas lil persuni fiżiċi li jaħdmu għall-persuna taxxabbli, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

a)

il-persuna taxxabbli ma kkonkludietx kuntratt mal-ħaddiema, iżda użat il-forza lavorattiva tagħhom permezz ta’ kuntratt ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal” konkluż ma’ persuna taxxabbli oħra li, min-naħa tagħha, hija l-impjegatur tal-ħaddiema;

b)

is-servizzi ta’ trasport ipprovduti huma użati għat-trasport, l’hemm u l’hawn, tal-ħaddiema minn punti ta’ ġbir speċjali f’diversi żoni residenzjali sal-post tax-xogħol tagħhom u ma jeżistix trasport pubbliku li jippermetti lill-ħaddiema jaslu sal-post tax-xogħol tagħhom;

ċ)

l-obbligu li jiġu pprovduti ħwejjeġ tax-xogħol u mezzi ta’ protezzjoni jirriżultaw mill-Kodeks na truda (Kodiċi industrijali) u miz-Zakon za zdravoslovni i bezopasni yslovia na trud (liġi dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol);

d)

fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport, tal-ħwejjeġ tax-xogħol, tal-mezzi ta’ protezzjoni u tal-ispejjeż tal-missjonijiet, it-tnaqqis tal-VAT ma jkunx ikkontestat li kieku dawn jiġu pprovduti jew imwettqa mill-impjegatur tal-ħaddiema. Madakollu, fil-każ inkwistjoni, dawn huma pprovduti minn persuna taxxabbli li ma hijiex l-impjegatur, iżda li tagħmel qliegħ mix-xogħol imwettaq u li hija responsabbli għall-ispejjeż relatati miegħu permezz ta’ kuntratt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal?

2)

L-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112/KE jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jintroduċu, fil-waqt tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea, kundizzjoni li tillimita l-eżerċizzju tad-dritt għall-kreditu ta’ taxxa bħal dik tal-Artikolu 70(1)(2) taz-[ZDDS], fir-rigward tal-“oġġetti jew is-servizzi (…) intiżi għal kunsinni jew servizzi pprovduti mingħajr ħlas”, filwaqt li din il-limitazzjoni ma hijiex prevista fil-verżjoni tal-liġi fis-seħħ fid-data tal-adeżjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, minn dan għandu jiġi dedott li l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti huma intiżi għal ‘kunsinni jew servizzi pprovduti mingħajr ħlas’’ meta dawn ikunu akkwistati għall-bżonnijiet tal-attività ekonomika, iżda li, minħabba n-natura tagħhom, l-użu tagħhom jirrikjedi li jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu fl-impriża tal-persuna taxxabbli?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

23

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-qorti tar-rinviju, l-ispejjeż sostnuti minn AES għall-akkwist ta’ oġġetti u servizzi, imsemmija fl-ewwel domanda, fil-prinċipju, jistgħu jitqiesu li huma parti mill-ispejjeż ġenerali marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi kollha ta’ AES, u li l-problema dwar it-tnaqqis tagħhom tqum minħabba l-fatt li, b’differenza mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li wasslet għas-sentenza Fillibeck, iċċitata iktar ’il fuq, il-persuna taxxabbli li tinvoka d-dritt għal tnaqqis ma għandhiex, skont id-dritt Bulgaru, il-kwalità ta’ persuna li timpjega persuni li jaħdmu fuq is-sit (tax-xogħol) tagħha, iżda hija biss il-“persuna li timpjega ekonomika”.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha essenzjalment tinftiehem bħala jekk l-Artikoli 168(a) u 176 tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabilixxi li persuna taxxabbli li ssostni spejjeż għal servizzi ta’ trasport, ta’ ħwejjeġ tax-xogħol, ta’ mezzi ta’ protezzjoni u ta’ missjonijiet ta’ persuni li jaħdmu għall-imsemmija persuna taxxabbli ma għandhiex dritt għal tnaqqis tal-VAT relatata ma’ dawn l-ispejjeż, minħabba li l-imsemmija persuni jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha minn entità oħra u ma jistgħux għalhekk jitqiesu, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, li huma membri tal-persunal tal-persuna taxxabbli, minkejja li l-imsemmija spejjeż jistgħu jitqiesu li huma marbuta b’mod dirett u immedjat mal-ispejjeż ġenerali marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi kollha ta’ din il-persuna taxxabbli.

25

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett għandu jitfakkar li d-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112 huwa parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u fil-prinċipju, ma jistax jiġi limitat. Jiġi eżerċitat immedjatament għat-taxxi kollha imposti fuq it-tranżazzjonijiet tal-input (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, SKF, C-29/08, Ġabra p. I-10413, punt 55).

26

Fil-fatt, is-sistema għat-tnaqqis hija intiża sabiex ittaffi kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Is-sistema komuni tal-VAT b’hekk tiggarantixxi n-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, ikunu xi jkunu l-għanijiet jew ir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li dawn ikunu, bħala prinċipju, xorta waħda suġġetti għall-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenza SKF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju, l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni partikolari tal-input u tranżazzjoni jew numru ta’ tranżazzjonijiet tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis hija neċessarja sabiex dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa jiġi rrikonoxxut fil-konfront tal-persuna taxxabbli u sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ dan id-dritt. Id-dritt għal tnaqqis tal-VAT imposta fuq l-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi ta’ input jippreżupponi li l-ispejjeż sostnuti għall-akkwist tagħhom huma parti mill-elementi kostituttivi tal-prezz tat-tranżazzjonijiet intaxxati ta’ output li jagħtu dritt għal tnaqqis (sentenza SKF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Madankollu dritt għal tnaqqis huwa aċċettat ukoll favur il-persuna taxxabbli, anki fin-nuqqas ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni partikolari tal-input u tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis, meta l-ispejjeż tas-servizzi inkwistjoni jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali ta’ din tal-aħħar u jkunu, bħala tali, elementi li jikkostitwixxu l-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi li din il-persuna tipprovdi. Dawn l-ispejjeż, għandhom, fil-fatt, rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika kollha tal-persuna taxxabbli (sentenza SKF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprduenza ċċitata).

29

Barra minn hekk jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) għandha tiġi interpretata fis-sens li t-trasport mingħajr ħlas għall-impjegati, iggarantit mill-persuna li timpjega bejn id-dar tagħhom u l-post tax-xogħol tagħhom, permezz ta’ vettura li tappartjeni lill-impriża, jissodisfa fil-prinċipju l-bżonnijiet privati tal-impjegati u għaldaqstant iservi għal finijiet mhux marbuta mal-impriża. Madankollu, meta l-eżiġenzi tal-impriża, fid-dawl ta’ ċerti ċirkustanzi partikolari, bħalma hi d-diffikultà li jintużaw mezzi oħra ta’ trasport xierqa u t-tibdil tal-post tax-xogħol, jimponu li t-trasport tal-impjegati għandu jiġi ggarantit mill-persuna li timpjega, din il-provvista ma tistax titqies li tkun saret għal finijiet li ma humiex marbuta mal-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fillibeck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

30

It-tieni nett, huwa importanti li jiġi eżaminat jekk il-fatt li persuna taxxabbli ma titqiesx, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li hija persuna li timpjega persuni li jaħdmu fl-impriża tiegħu, tistax tqiegħed fid-dubju l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn l-ispejjeż fuq l-input għax-xogħol ta’ dawn il-persuni u l-ispejjeż ġenerali marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-persuna taxxabbli.

31

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112 jissuġġetta l-eżistenza tad-dritt għat-tnaqqis biss għall-kundizzjoni li l-oġġetti u s-servizzi miksuba jkunu użati għall-bżonnjiet ta’ tranżazzjionijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli li tinvoka dan id-dritt. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25 sa 29 ta’ din is-sentenza, ir-rabta li għandha teżisti hija purament ta’ natura ekonomika.

32

Fil-kawża prinċipali, u kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li l-ispejjeż inkwistjoni jistgħu jitqiesu li għandhom rabta ekonomika mal-attivitajiet ekonomiċi kollha ta’ AES.

33

Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-persunal jista’ jibbenefika minn provvista ta’ servizzi mogħtija mill-persuna li timpjega iżda mwettqa fl-interess tal-impriża għandu jitqies li huwa aċċessorju għall-bżonnijiet tal-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fillibeck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

34

Madankollu, ir-risposta għad-domanda dwar jekk il-provvista, mingħajr ħlas, ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi lill-persuni li jaħdmu għall-persuni taxxabbli titwettaq għall-bżonnijiet tal-impriża ma huwiex il-konsegwenza tan-natura tar-relazzjoni ġuridika li teżisti bejn il-persuna taxxabbli u dawn il-persuni.

35

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 26 ta’ din is-sentenza, is-sistema komuni tal-VAT, permezz tas-sistema ta’ tnaqqis, tiggarantixxi n-newtralità fir-rigward tal-ħlas fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, ikunu xi jkunu l-għanijiet jew ir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li dawn ikunu, bħala prinċipju, xorta waħda suġġetti għall-VAT.

36

Madankollu, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT li ġġiegħel lill-persuna taxxabbli li jbati l-VAT marbuta mal-ispejjeż, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi huwa stabbilit, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-ispejjeż ġew sostnuti għall-bżonnijiet ta’ attività ekonomika li hija stess tkun suġġetta għall-VAT, minħabba li l-persuna taxxabbli ma hijiex persuna li timpjega, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-persuni li jaħdmu għall-impriża tiegħu u li l-imsemmija spejjeż ikunu ġew sostnuti għax-xogħol tagħhom.

37

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni li permezz tagħha, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna taxxabbli tista’ tibbenefika, skont l-Artikoli 168(a) u 176 tad-Direttiva 2006/112 ta’ dritt għal tnaqqis għall-ispejjeż sostnuti għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha hija wkoll l-iktar konformi mal-għanijiet tas-sistema tal-VAT biex tiggarantixxi ċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni korretta u sempliċi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, Cantor Fitzgerald International, C-108/99, Ġabra p. I-7257, punt 33).

38

Fil-fatt, billi tissepara d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq l-ispejjeż sostnuti għall-bżonnijiet tal-attività ekonomika ta’ persuna taxxabbli mir-rabta legali li torbot il-persuna taxxabbli u l-persuni li jaħdmu għall-impriża tagħha u li għax-xogħol tagħhom jkunu saru dawn l-ispejjeż, din l-interpretazzjoni tippermetti ġestjoni tas-sistema ta’ tnaqqis implementata mis-sistema komuni tal-VAT u tikkontribwixxi biex tiggarantixxi ġbir affidabbli u korrett tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2011, Stoppelkamp, C-421/10, Ġabra. p. I-9309, punt 34, u tas-26 ta’ Jannar 2012, ADV Allround, C-218/10, punt 31).

39

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula li l-Artikolu 168(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabilixxi li persuna taxxabbli li ssostni spejjeż għal servizzi ta’ trasport, ta’ ħwejjeġ tax-xogħol, ta’ mezzi ta’ protezzjoni u ta’ missjonijiet ta’ persuni li jaħdmu għal din il-persuna taxxabbli ma għandhiex dritt għal tnaqqis tal-VAT relatata ma’ dawn l-ispejjeż, minħabba li l-imsemmija persuni jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha minn entità oħra u ma jistgħux għalhekk jitqiesu, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, li jkunu membri tal-persunal tal-persuna taxxabbli, minkejja li l-imsemmia spejjeż jistgħu jitqiesu li huma marbuta b’mod dirett u immedjat mal-ispejjeż ġenerali marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-imsemmija persuna taxxabbli.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, fil-mument tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, Stat Membru jintroduċi limitazzjoni għad-dritt għat-tnaqqis skont dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tipprovdi l-esklużjoni tad-dritt għat-tnaqqis ta’ oġġetti u ta’ servizzi intiżi għal kunsinni jew għal provvisti mingħajr ħlas jew għal attivitajiet li ma jkunux parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, meta din l-esklużjoni ma kinitx prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ sad-data ta’ din l-adeżjoni.

41

Bil-għan li tingħata risposta għal din id-domanda, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat, sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tagħha fil-mument tal-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni, u sabiex jiġi stabbilit jekk din il-leġiżlazzjoni kellhiex bħala effett li twessa’, wara d-data ta’ din l-adeżjoni, il-kamp tal-esklużjonijiet eżistenti, taqax, bħala prinċipju, fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Magoora, C-414/07, Ġabra p. I-10921, punt 32).

42

Sussegwentement, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Madankollu, sabiex tingħata risposta effettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tagħtiha dawk l-indikazzjonijiet li hija tqis li huma neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Magoora, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

43

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112 fih klawżola ta’ “standstill” li tipprovdi, għall-Istati li jaderixxu mal-Unjoni, iż-żamma tal-esklużjonijiet nazzjonali mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT li kienu applikabbli qabel l-adeżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ampafrance u Sanofi, C-177/99 u C-181/99, Ġabra p. I-7013, punt 5). Madankollu, il-klawżola ta’ “standstill” prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 112 ma għandhiex bħala għan li tippermetti lil Stat Membru ġdid jemenda l-leġiżlazzjoni interna tiegħu fl-okkażjoni tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea f’sens li jbiegħed din il-leġiżlazzjoni mill-għanijiet ta’ din id-direttiva. Emenda f’dan is-sens tmur kontra l-ispirtu ta’ din il-klawżola (ara s-sentenza Magoora, iċċitata iktar ’il fuq , punt 39).

44

L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippermetti lill-Istati Membri, sakemm tiġi stabbilita mill-Kunsill is-sistema Komunitarja tal-esklużjonijiet tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, li jżommu kull regola tad-dritt nazzjonali li twassal għall-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis effettivament applikat mill-awtoritajiet pubbliċi fid-data meta s-Sitt Direttiva tkun daħlet fis-seħħ (sentenza Magoora, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

45

Għall-kuntrarju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali ma tikkostitwixxix deroga permessa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112 jekk hija jkollha bħala effett li twessa’, wara d-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru, il-kamp tal-esklużjonijiet eżistenti b’tali mod li titbiegħed mill-għan ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Magoora, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni, it-tħassir tad-dispożizzjonijiet interni u s-sostituzzjoni tagħhom, f’din l-istess data, minn dispożizzjonijiet interni oħra ma jippermettux, bħala tali, li jiġi preżunt li l-Istat Membru kkonċernat kiser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112, madankollu, bil-kundizzjoni li din is-sostituzzjoni ma tkunx wasslet għat-twessiegħ, minn dik id-data, tal-esklużjonijiet nazzjonali preċedenti.

47

Fil-kawża prinċipali, għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju, li, kif diġà tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, għandha l-ġurisdizzjoni li tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha, li tista’ tevalwa jekk l-emendi mdaħħla, mal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni, fid-dritt nazzjonali inkwistjoni kellhomx l-effett li jwessgħu, b’paragun mad-dispożizzjonijiet nazzjonali preċedenti, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-limitazzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud u li jxekklu l-akkwist ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jistgħu jitqiesu li għandhom rabta diretta u immedjata mal-ispejjeż ġenerali marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-persuna taxxabbli.

48

Madankollu, għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari stess, l-emenda mdaħħla fil-ZDDS fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni kellha bħala effett it-twessiegħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-limitazzjonijiet meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti qabel din l-adeżjoni, peress li l-ebda waħda minn dawn il-limitazzjonijiet li huma elenkati b’mod eżawrjenti miz-ZDDS fis-seħħ qabel l-adeżjoni inkwistjoni ma kienu marbuta mad-destinazzjoni tal-kunsinni jew tal-provvisti mingħajr ħlas, ħaġa li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, tmur kontra t-tieni subparagrfu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112.

49

Iċ-ċirkustanza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 72 tas-sentenza tagħha tas-16 ta’ Frar 2012, Eon Aset Menidjmunt (C-118/11), li l-Artikolu 70(1) taz-ZDDS ma jillimitax id-dritt għat-tnaqqis fis-sens tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112, bħala tali, ma hijiex tali li tikkontesta din il-konstatazzjoni.

50

Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, li Stat Membru ma jistax jirrifjuta lill-persuni taxxabbli tiegħu, li jkunu ddeċidew li jittrattaw investiment li jintuża kemm għal finijiet professjonali kif ukoll għal finijiet privati bħala beni ta’ impriża, it-tnaqqis integrali u immedjat tal-VAT fuq l-input dovuta fuq l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti, li għandhom dritt għalih skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

51

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-esklużjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u tal-effetti li jirriżultaw minnhom għall-persuni taxxabbli.

52

Issa, kif huwa stabbilit fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda magħmula, li għandha bħala effett li ċċaħħad lill-persuna taxxabbli mid-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud li tiġi imposta fuq l-ispejjeż li jistgħu jitqiesu li huma marbuta b’mod dirett u immedjat mal-ispejjeż ġenerali marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-imsemmija persuna taxxabbli.

53

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħha fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva 2006/112, bil-għan li jintlaħqu r-riżultati mixtieqa minn din tal-aħħar, billi tagħti preferenza lil dik l-interpretazzjoni tar-regoli nazzjonali li hija l-iktar konformi ma’ dan l-għan sabiex b’hekk tasal għal soluzzjoni kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 124) u billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax kull dispożizzjoni kuntrarja tal-liġi nazzjonali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 77).

54

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, fil-mument tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, Stat Membru jintroduċi limitazzjoni għad-dritt għat-tnaqqis skont dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tipprovdi l-esklużjoni tad-dritt għat-tnaqqis ta’ oġġetti u ta’ servizzi intiżi għal kunsinni jew provvisti mingħajr ħlas jew għal attivitajiet li ma jkunux parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, meta tali l-esklużjoni ma tkunx prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ sad-data ta’ din l-adeżjoni.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huwa possbbli, skont id-dritt tal-Unjoni. Fil-każ li tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, il-qorti nazzjonali għandha tiddeżisti milli tapplika dawn id-dispożizzjonijiet minħabba inkompattibbiltà mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112.

Fuq it-tielet domanda

55

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 168(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabilixxi li persuna taxxabbli li ssostni spejjeż għal servizzi ta’ trasport, ta’ ħwejjeġ tax-xogħol, ta’ mezzi ta’ protezzjoni u ta’ missjonijiet ta’ persuni li jaħdmu għal din il-persuna taxxabbli ma għandhiex dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud relatata ma’ dawn l-ispejjeż, minħabba li l-imsemmija persuni jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha minn entità oħra u ma jistgħux għalhekk jitqiesu, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, li jkunu membri tal-persunal tal-persuna taxxabbli, minkejja li l-imsemmija spejjeż jistgħu jitqiesu li huma marbuta b’mod dirett u immedjat mal-ispejjeż ġenerali marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-imsemmija persuna taxxabbli.

 

2)

It-tieni subparagrafu tal Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, fil-mument tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, Stat Membru jintroduċi limitazzjoni għad-dritt għat-tnaqqis skont dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tipprovdi l-esklużjoni tad-dritt għat-tnaqqis ta’ oġġetti u ta’ servizzi intiżi għal kunsinni jew provvisti mingħajr ħlas jew għal attivitajiet li ma jkunux parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, meta din l-esklużjoni ma tkunx prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ sad-data ta’ din l-adeżjoni.

 

3)

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huwa possbbli, skont id-dritt tal-Unjoni. Fil-każ li tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, il qorti nazzjonali għandha tiddeżisti milli tapplika dawn id-dispożizzjonijiet minħabba inkompattibbiltà mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Fuq