Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0394

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-31 ta’ Jannar 2013.
Valeri Hariev Belov vs CHEZ Elektro Balgaria AD et.
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn la Komisia za zashtita ot diskriminatsia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 267 TFUE — Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Kawża C‑394/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:48

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

31 ta’ Jannar 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 267 TFUE — Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C-394/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Komisia za zashtita ot diskriminatsia (Il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

Valeri Hariev Belov

vs

CHEZ Elektro Balgaria AD,

Lidia Georgieva Dimitrova,

Roselina Dimitrova Kostova,

Kremena Stoyanova Stoyanova,

CHEZ Razpredelenie Balgaria AD,

Ivan Kovarzhchik,

Atanas Antonov Dandarov,

Irzhi Postolka,

Vladimir Marek,

Darzhavna Komisia po energiyno i vodno regulirane,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Arsen, fil-funzjoni tiegħu ta’ President tar-Raba’ Awla, J.-C. Bonichot, C. Toader, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal V.H. Belov, minn G. Chernicherska, avukat,

għal CHEZ Elektro Balgaria AD u CHEZ Razpredelenie Balgaria AD, minn A. Ganev u V. Bozhilov, avukati,

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Ivanov u D. Drambozova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(2) u (3), 3(1)(h) u 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211), tal-premessa 29 u tal-Artikoli 1 u 13(1) tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE (ĠU L 114, p. 64), tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, p. 55), kif ukoll tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura li għandha l-għan li tistabbilixxi jekk il-miżura li tikkonsisti fit-twaħħil, f’żewġ distretti fil-belt ta’ Montana (Il-Bulgarija) prinċipalment abitati minn membri tal-komunità Rom, tal-arloġġi tad-dawl intiżi sabiex ikejlu l-konsum tal-elettriku f’għoli ta’ seba’ metri ma’ arbli li jinsabu barra l-abitazzjonijiet żvantaġġati tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, u, f’każ ta’ risposta pożittiva, li jiġu ordnati t-twaqqif tal-imsemmija diskriminazzjoni u l-kundanna eventwali tal-awturi ta’ din tal-aħħar għall-ħlas ta’ multi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva 2000/43 jipprovdi:

“2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

a)

diskriminazzjoni diretta għandha tittieħed li tiġri fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, kienet jew tkun sejra tiġi ttrattata f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità;

b)

diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed li tiġri fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma’ persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoni, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa.

3.   Il-fastidju għandu jitqies bħala diskriminazzjoni fit-tifsira tal-paragrafu 1, meta tiġri kondotta mhux mixtieqa li jkollha x’taqsam ma’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità bl-għan jew bl-effett li tiġi disprezzata d-dinjità tal-persuna u l-ħolqien ta’ ambjent li jintimida, ostili, degradanti, umiljanti u offensiv. F’dan il-kuntest, il-kunċett tal-fastidju jista’ jiġi ddefinit skond il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.”

4

L-Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva 2000/43 jistabbilixxi:

“Fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, f’dak li għandu x’jaqsam mas-setturi pubbliċi u privati, inklużi l-korpi pubbliċi, f’relazzjoni ma’:

[...]

h)

l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provediment tagħhom li huma disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar.”

5

L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu dawn il-miżuri skond kif ikun meħtieġ, skond is-sistema ġudizzjarja nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw illi, fejn persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati għaliex ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista jiġi preżunt illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun ir-respondent li jrid jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.”

6

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp jew korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità. Dawn il-korpi jistgħu jagħmlu parti minn aġenziji mogħtija r-responsabbiltà fuq livell nazzjonali mid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem jew is-salvagwardjar tad-drittijiet ta’ l-individwi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-kompetenzi ta’ dawn il-korpi jinkludu:

mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-vittmi u ta’ l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet legali l-oħra referiti fl-Artikolu 7(2), li jipprovdu assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni fis-segwiment ta’ l-ilmenti tagħhom rigward id-diskriminazzjoni.

li jagħmlu taħriġ indipendenti li jirrigwarda d-diskriminazzjoni,

li jippublikaw rapporti indipendenti u jagħmlu rakkommandazzjonijiet dwar kull kwistjoni li jkollha x’taqsam ma’ din it-tip ta’ diskriminazzjoni.”

Id-dritt Bulgaru

7

Skont l-Artikolu 4 tal-liġi dwar il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni (Zakon za zatschtita ot diskriminatsia, iktar ’il quddiem iz-“ZZD”):

“(1)   Hija pprojbita kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq [...] l-appartenenza etnika [...]

(2)   Jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta kull trattament inqas favorevoli ta’ persuna abbażi tal-karatteristiċi msemmija fil-paragrafu 1 meta mqabbel mal-mod kif tiġi trattata, ġiet trattata jew ser tiġi trattata persuna oħra f’kundizzjonijiet li jixxiehbu jew simili.

(3)   Ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta l-persuna titpoġġa, abbażi tal-karatteristiċi msemmija fil-paragrafu 1, f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuni oħra permezz ta’ dispożizzjoni, kriterju jew ta’ prassi apparentement newtrali, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prassi ma jiġix jew ma tiġix iġġustifikat/a fid-dawl ta’ għan leġittimu u sakemm il-mezzi użati sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu adatti u neċessarji.”

8

L-Artikolu 9 taz-ZZD jipprovdi li “[f]il-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni mid-diskriminazzjoni, meta parti tiddikjara li hija kienet vittma ta’ diskriminazzjoni u tistabbilixxi fatti li jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm diskriminazzjoni, il-parti konvenuta għandha tistabbilixxi li ma kienx hemm ksur tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament”.

9

L-Artikolu 37 taz-ZZD jiddikjara li “[m]a huwiex permess li tiġi rrifjutata l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi, li jiġu pprovduti oġġetti jew servizzi ta’ kwalità inferjuri jew taħt kundizzjonijiet inqas favorevoli abbażi tal-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 4(1)”.

10

Il-paragrafu 1 tad-“dispożizzjonijiet addizzjonali” taz-ZZD jiddefinixxi “trattament sfavorevoli” bħala “kull att, aġir jew omissjoni li jkunu jippreġudikaw direttament jew indirettament d-drittijiet jew l-interessi leġittimi”.

11

Barra minn hekk, iz-ZZD tinkludi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-Komisia za zashtita ot diskriminatsia (Il-Kummissjoni għad-difiża mid-diskriminazzjoni, iktar ’il quddiem, il-“KZD”), li għandhom l-għan, partikolarment, li jippreċiżaw il-kompożizzjoni, il-missjonijiet u l-metodu tal-funzjonament ta’ din l-entità.

12

F’dak ir-rigward, l-Artikolu 47 taz-ZZD jipprovdi:

“Il-[KZD] għandha:

1.

tikkonstata l-ksur ta’ din il-liġi jew ta’ liġijiet oħra li jirregolaw l-ugwaljanza fit-trattament u tiddetermina l-awtur tal-ksur u l-persuna kkonċernata;

2.

tordna l-prevenzjoni u l-waqfien mill-ksur u l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni inizjali;

3.

tapplika s-sanzjonijiet previsti u tieħu l-miżuri amministrattivi ta’ infurzar;

4.

tagħti istruzzjonijiet vinkolanti li jikkonċernaw l-osservanza tal-imsemmija liġi jew ta’ liġijiet oħra li jirregolaw l-ugwaljanza fit-trattament;

5.

tippreżenta rikorsi kontra l-atti amministrattivi adottati bi ksur ta’ din il-liġi jew liġijiet oħra li jirregolaw l-ugwaljanza fit-trattament, tiftaħ kawżi u tintervjeni bħala parti interessata fil-kawżi miftuħa skont din il-liġi jew liġijiet oħra li jirregolaw l-ugwaljanza fit-trattament;

6.

tressaq proposti u rakkomandazzjonijet lil korpi statali u komunali għall-prevenzjoni ta’ prassi diskriminatorji u għall-annullament tal-atti tagħhom adottati bi ksur ta’ din il-liġi u ta’ liġijiet oħra li jirregolaw l-ugwaljanza fit-trattament;

7.

iżżomm reġistru pubbliku tad-deċiżjonijiet tagħha li daħlu fis-seħħ u tal-instruzzjonijiet vinkolanti tagħha;

8.

tagħti pariri li jirrigwardaw il-konformità tal-abbozzi ta’ atti leġiżlattivi mal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni mid-diskriminazzjoni u tirrakkomanda li jiġu adottati, li jitħassru, li jiġu emendati, jew kompletati atti leġiżlattivi;

9.

tipprovdi għajnuna indipendenti lil vittmi ta’ diskrminazzjoni meta dawn jippreżentaw il-kawżi;

10.

twettaq studji indipendenti li jikkonċernaw id-diskriminazzjoni;

11.

tippubblika rapporti indipendenti u tressaq rakkomandazzjonijiet fuq il-kwistjonijiet kollha marbuta mad-diskriminazzjoni;

12.

teżerċita kompetenzi oħra previsti fir-regolament li jirregola l-organizzazzjoni u l-attività tagħha.”

13

L-Artikolu 48 taz-ZZD jipprovdi:

“(1)   Il-[KZD] għandha teżamina u tiddeċiedi l-każijiet mressqa quddiemha fil-kompożizzjonijiet ġudikanti ddeterminata mill-president tagħha.

(2)   Il-president tal-[KZD] jiddetermina l-kompożizzjonijiet permanenti li jkunu jispeċjalizzaw fid-diskriminazzjoni:

1.

ibbażata fuq l-etniċità u r-razza;

2.

ibbażata fuq is-sess;

3.

ibbażata fuq karatteristiċi oħra msemmija fl-Artikolu 4(1).

[...]”

14

Skont l-Artikolu 50 taz-ZZD:

“Il-proċeduri quddiem il-[KZD] jiġu ppreżentati:

1.

permezz ta’ rikors mill-persuni kkonċernati;

2.

fuq inizjattiva tal-[KZD];

3.

fuq ilmenti minn persuni fiżiċi u ġuridiċi jew minn entitajiet statali u komunali.”

15

L-Artikolu 54 taz-ZZD jiddikjara:

“Ġaladarba tiġi ppreżentata proċedura, il-president tal-[KZD] għandu jassenja l-każ lil kompożizzjoni ġudikanti partikolari, li għandha taħtar relatur mill-membri tagħha.”

16

L-Artikolu 55 taz-ZZD jipprevedi:

“(1)   Ir-relatur għandu jiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni, li matulha huwa għandu jiġbor il-provi bil-miktub neċessarji bil-għan li jiġu ċċarati b’mod komplet iċ-ċirkustanzi tal-kawża, billi jirreferi għal dipartimenti tal-impjegati u għal esperti esterni.

(2)   Kull persuna, entità statali u kull kollettività territorjali għandhom jikooperaw mal-[KZD] matul l-investigazzjoni u huma obbligati li jipprovdu l-informazzjoni u l-atti mitluba, kif ukoll li jipproduċu l-ispjegazzjonijiet neċessarji.

[...]”

17

L-Artikolu 65 taz-ZZD jipprovdi:

“Filwaqt li tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-kompożizzjoni ġudikanti għandha:

1.

tiddetermina l-ksur imwettaq;

2.

tiddetermina l-awtur tal-ksur u l-persuna kkonċernata;

3.

tiddetermina t-tip u l-portata tas-sanzjoni;

4.

tordna miżuri amministrattivi ta’ infurzar;

5.

tikkonstata li ma kienx hemm ksur tal-liġi u tiċħad ir-rikors.”

18

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 68 taz-ZZD:

“Id-deċiżjonijiet tal-[KZD] jistgħu jiġu appellati, b’mod konformi mal-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva, f’terminu ta’ erbatax-il ġurnata min-notifika lill-partijiet interessati.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Fl-1998 u fl-1999, xi kumpanniji statali tad-distribuzzjoni tal-elettriku poġġew f’ċertu numru ta’ distretti urbani Bulgari li għandhom il-karatteristika li huma magħrufa li huma prinċipalment abitati minn membri tal-komunità Rom, arloġġi li huma maħsuba li jkejlu l-konsum tal-elettriku fl-għoli ta’ seba’ metri ma’ arbli li jinsabu barra l-abitazzjonijiet żvantaġġati.

20

Tali miżura ġiet adottata partikolarment fir-rigward tad-distretti “Ogosta” u “Kosharnik” fil-belt ta’ Montana (Il-Bulgarija) li hemm qbil li jibqgħu, attwalment, abitati minn membri tal-komunità Rom (iktar ’il quddiem, il-“miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

21

L-attivitajiet ta’ provvista u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku relatati ma’ dawn iż-żewġ distretti maż-żmien ittieħdu, wara l-privatizzazzjoni tas-settur tal-enerġija, partikolarment minn CHEZ Elektro Balgaria AD (iktar ’il quddiem, “CEB”), kumpannija li tipprovdi l-elettriku, u CHEZ Razpredelenie Balgaria AD (iktar ’il quddiem “CRB”), kumpannija proprjetarja tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

22

L-Artikolu 27 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti tal-użu tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku ta’ CRB (iktar ’il quddiem “il-kundizzjonijiet ġenerali CRB”) jiddikjaraw, fil-paragrafu 1 tagħhom, li “[l]-istrumenti tal-kejl kummerċjali, inklużi l-istallazzjonijiet ta’ ġestjoni tat-tariffi għandhom jiġu pprovduti b’tali mod li l-konsumatur ikun jista’ jara l-konsum tiegħu”. Madankollu l-paragrafu 2 ta’ dan l-istess Artikolu 27 jipprovdi li, “[jekk], sabiex tiġi ppreservata l-ħajja u s-saħħa taċ-ċittadini u l-oġġetti, il-kwalità tal-elettriku, il-kontinwità tal-provvista, kif ukoll is-sigurtà u l-affidabbiltà tas-sistema tal-provvista tal-elettriku, l-istrumenti tal-kejl kummerċjali jiġu stallati f’postijiet fejn l-aċċess għalihom ikun diffiċli, l-impriża tad-distribuzzjoni tal-elettriku hija obbligata li tiżgura bi spejjeż tagħha l-possibbiltà ta’ kontroll viżwali fi żmien tlett ijiem minn talba bil-miktub tal-konsumatur”.

23

V.H. Belov, li jippreżenta ruħu bħala Rom, jgħix fid-distrett “Ogosta”. Peress li kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, kemm fir-rigward tiegħu kif ukoll fir-rigward ta’ persuni oħra ta’ oriġini Rom li jikkonsmaw l-elettriku fl-imsemmi distrett u f’dak bl-isem “Kosharnik”, diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika pprojbita mill-Artikolu 37 taz-ZZD, il-persuna kkonċernata ressqet quddiem il-KZD talba, li magħha hemm mehmuża ittra ta’ protesta ffirmata minn numru ta’ abitanti oħra tal-imsemmi distrett, maħsuba sabiex tikseb mill-KZD ordni sabiex CEB twaqqaf dik il-miżura u timponi s-sanzjonijiet li tipprevedi z-ZZD.

24

Għalhekk, il-KZD kkunsidrat li l-azzjoni ppreżentata minn V.H. Belov tikkostitwixxi kemm rikors u kemm ilment fis-sens tal-punti 1 u 3 rispettivament tal-Artikolu 50 taz-ZZD. Bħala abitanti tad-distrett “Ogosta” kkonċernat mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata qiegħda taġixxi għall-interessi personali tagħha u għandha l-kwalità ta’ rikorrenti fil-proċedura u, sa fejn hija taġixxi għall-interessi ta’ abitanti oħra ta’ dan l-istess distrett u dak bl-isem “Kosharnik”, hija għandha l-kwalità ta’ lanjant.

25

Sussegwentement, ġew ukoll inklużi fil-proċedura mill-KZD, CRB, fil-kwalità tagħha ta’ proprjetarja tal-arloġġi elettroniċi, kif ukoll id-Darzhavna Komisia po energiyno i vodno regulirane (il-kummissjoni għar-regolazzjoni tal-ilma u tal-enerġija) bħala awtorità li approvat il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ CRB. Dan jgħodd ukoll għal diversi persuni fiżiċi li, fil-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti legali ta’ CEB u CRB, jistgħu jiġu mmultati f’każ li jinstab li saret diskriminazzjoni.

26

Quddiem il-KZD, CRB issostni, qabel xejn, li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni partikolarment peress li din tapplika mingħajr distinzjoni għall-abitanti kollha tad-distretti kkonċernati u li l-ebda liġi ma tipprovdi għal dritt jew interess leġittimu tal-utent li jikkonsulta l-kejl tal-arloġġ tiegħu.

27

Sussegwentement, CRB tallega li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma pproduċiex il-prova tal-fatti li jippermettu li jiġi konkluż li kienet teżisti tali diskriminazzjoni kif dan huwa meħtieġ mill-Artikolu 9 taz-ZZD.

28

Fl-aħħar, skont CRB, l-istabbiliment tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandha l-ebda konnessjoni mal-appartenenza etnika tal-konsumaturi taż-żewġ distretti inkwistjoni. Barra minn hekk, din hija ġġustifikata mill-għanijiet li jiġu evitati degradazzjonijiet tal-infrastruttura u l-approprjazzjonijiet illegali tal-elettriku ta’ natura li jipperikolaw, partikolarment, il-ħajja u s-saħħa taċ-ċittadini, is-sigurtà, il-proprjetà u l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku, kif ukoll l-ispejjeż addizzjonali li jistgħu jirriżultaw għall-konsumaturi l-oħra.

29

Fir-rigward tal-Artikolu 27(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ CRB, il-KZD tirrileva li, f’każ ta’ talba mill-konsumatur intiża, kif tipprovdi din id-dispożizzjoni, sabiex jinkiseb li jitwettaq kontroll viżwali tal-kejl tal-arloġġi, CRB hija obbligata li tipprovdi, fi żmien tlett ijiem, pjattaforma li tippermetti l-aċċess għall-arloġġi. Madankollu, f’każ bħal dan, il-konsumatur ma jistax jara l-kejl huwa stess, iżda dan għandu jiġi kkomunikat lilu mill-persuni awtorizzati li jużaw il-pjattaforma. Barra minn hekk, din il-miżura ma tat lok għal ebda każ konkret ta’ applikazzjoni.

30

Min-naħa tagħha, il-possibbiltà prevista fil-punt 16 tal-Artikolu 17 ta’ dawn l-istess kundizzjonijiet ġenerali li tikkonsisti fl-istallazzjoni ta’ arloġġ fl-abitazzjoni tal-konsumatur timplika l-ħlas ta’ imposta u, anki f’tali każ, l-arloġġ prinċipali jibqa’ mwaħħal barra l-abitazzjoni f’għoli ta’ seba’ metri.

31

Il-KZD hija tal-opinjoni li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-appartenenza etnika, fis-sens tal-Artikoli 4(3) u 37 taz-ZZD.

32

Filwaqt li rrilevat li d-dispożizzjonijiet taz-ZZD ġew adottati partikolarment għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/43, il-KZD ikkunsidrat madankollu li sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, hija meħtieġa interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

33

F’dan ir-rigward, hija tirreleva, partikolarment, li l-Artikolu 4(2) u (3) taz-ZZD, moqri flimkien mal-punt 7 tal-paragrafu 1 tad-dispożizzjonijiet addizzjonali għaz-ZZD, kif interpretat mill-Varhoven administrativen sad (Qorti amministrattiva suprema), jimplika, li sabiex ikun hemm diskriminazzjoni, irid ikun ġie ppreġudikat dritt jew interess leġittimu protett mil-liġi. Issa, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għall-arloġġ elettroniku tiegħu sabiex jikkonsultah. Il-KZD tistaqsi jekk tali interpretazzjoni hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/43.

34

Barra minn hekk, il-KZD tirrileva, li għalkemm l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 ġie traspost kważi b’mod letterali fl-Artikolu 9 taz-ZZD, il-verżjoni bil-lingwa Bulgara tal-imsemmi Artikolu 8(1), huwa differenti minn verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-verżjoni bil-lingwa Bulgara tal-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi li għandhom jiġu stabbiliti mill-vittma l-fatti li jippermettu li jiġi “konkluż” li teżisti diskriminazzjoni, filwaqt li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ dan tal-aħħar jirreferu għal fatti li jippermettu li tiġi “preżunta” tali eżistenza. Barra minn hekk, il-Varhoven administrativen sad applikat l-Artikolu 9 taz-ZZD bħala regola ġenerali ta’ prova klassika sħiħa u kompleta, billi kkunsidrat, partikolarment, li, fid-dawl tal-fatt li d-distretti “Ogosta” u “Kosharnik” ma humiex abitati unikament minn persuni rom u b’kont meħud tal-fatt li l-motivi tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex ibbażati fuq l-appartenenza etnika tal-persuni kkonċernati minn din tal-aħħar, ma kienx ġie stabbilit li kienet teżisti diskriminazzjoni.

35

Fl-aħħar, il-Varhoven adminsitrativen sad iddeċidiet li, fi kwalunkwe każ, miżuri bħall-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma neċessarji u ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet leġittimi segwiti. Issa, il-KZD għandha dubji dwar il-fondatezza ta’ tali analiżi.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-KZD iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kawża preżenti taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2000/43] [Artikolu 3(1)(h)]?

2)

Xi jfissru l-frażijiet ‘[i]ttrattata inqas favorevolment’ fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) [2(2)(a)] tad-Direttiva 2000/43, u ‘jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku [speċifiku] fi żvantaġġ partikolari’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)[(b)] tad-Direttiva 2000/43?

a)

sabiex trattament inqas favorevoli jiġi kkwalifikat bħala diskriminazzjoni diretta, huwa assolutament meħtieġ li jkun iktar sfavorevoli u li jaffettwa direttament jew indirettament id-drittijiet jew l-interessi espressament stabbiliti mil-liġi, jew dan għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda kull forma ta’ aġir (attitudni), fis-sens l-iktar wiesa’ tal-kelma, li jkun inqas vantaġġuż meta mqabbel ma’ aġir f’sitwazzjoni paragunabbli?

b)

sabiex il-fatt li wieħed jitqiegħed f’sitwazzjoni partikolari li tkun żvantaġġuża jiġi kkwalifikat bħala diskriminazzjoni indiretta, huwa wkoll meħtieġ li dan jaffettwa direttament jew indirettament id-drittijiet jew l-interessi espressament stabbiliti mil-liġi, jew dan għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda, f’sens iktar wiesa’, kull forma ta’ tqegħid f’sitwazzjoni partikolari li tkun sfavorevoli jew żvantaġġuża?

3)

[F]id-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, jekk, sabiex jitqies li hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/43, hemm bżonn li jkun hemm trattament inqas favorevoli jew saħansitra li wieħed jitqiegħed f’sitwazzjoni partikolari li tkun żvantaġġuża li taffettwa direttament jew indirettament dritt jew interess stabbilit mil-liġi, allura

a)

id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, [tad]-Direttiva [2006/32/KE] (premessa 29, Artikolu 1, Artikolu 13(1)), [tad]-Direttiva [2003/54/KE] (Artikolu 3(5)), [tad]-Direttiva 2009/72/KE (Artikolu 3(7) jagħtu lill-utent finali tal-elettriku dritt jew interess li jivverifika regolarment it-tagħrif indikat fl-arloġġ tad-dawl li jista’ jiġi invokat quddiem qorti fi proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali,

u

b)

jawtorizzaw leġiżlazzjoni nazzjonali jew prassi amministrattiva, approvata mill-kummissjoni nazzjonali tar-regolament [regolatorja nazzjonali] tas-swieq tal-enerġija u tal-ilma, li tħalli lill-impriżi li jiddistribwixxu l-elettriku l-libertà li jwaħħlu l-arloġġi tad-dawl f’postijiet diffiċilment aċċessibbli jew inaċċessibbli, u b’hekk iwaqqfu lill-konsumaturi milli jikkontrollaw u milli jsegwu personalment u regolarment it-tagħrif indikat fl-arloġġ tad-dawl?

4)

[F]id-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, jekk, sabiex jitqies li hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ma hemmx bżonn li jkun hemm ksur dirett jew indirett ta’ dritt jew ta’ interess stabbilit mil-liġi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/43

a)

jawtorizzaw leġiżlazzjoni nazzjonali u ġurisprudenza, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprovdu li, sabiex trattament jiġi kkwalifikat bħala diskriminatorju, hemm bżonn li dan ikun iktar sfavorevoli u li t-tqegħid f’sitwazzjoni iktar żvantaġġuża jaffettwa direttament jew indirettament id-drittijiet jew l-interessi stabbiliti mil-liġi,

b)

u, fil-każ li dawn ma jawtorizzawx dan, il-qorti nazzjonali għandha tara li tħallihom inapplikabbli fil-kawża mressqa quddiemha u tapplika d-definizzjonijiet stabbiliti fid-direttiva?

5)

Kif għandha tiġi interpretata d-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43?

a)

Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-vittma tipproduċi l-prova fattwali li kategor[ik]ament, indubbjament u ċertament tippermetti li jiġi konkluż li hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, jew huwa biżżejjed li l-fatti jagħtu lok għal diskriminazzjoni suspetta jew preżunta?

b)

Il-fatt li a) l-arloġġi tad-dawl jitqiegħdu fuq arbli tal-elettriku fit-triq u jinsabu f’għoli li huwa inaċċessibbli għall-konsumaturi li jikkontrollow b’għajnejhom l-ammonti tagħhom, u dan biss f’żewġ distretti tal-belt magħrufa bħala d-distretti Romm, bl-eċċezzjonijiet magħrufa f’ċerti partijiet ta’ dawn id-distretti, u li b) fid-distretti kollha l-oħra tal-belt, l-arloġġi tad-dawl jitqiegħdu f’għoli differenti, aċċessibbli għall-finijiet ta’ kontroll okulari (bejn wieħed u ieħor 1.7m), u spiss jinsabu fil-proprjetà tal-utent jew fuq barra tal-bini jew ukoll fil-konfini viċin, huwa ta’ natura li jbiddel [jinverti] l-oneru tal-prova, u li dan jitqiegħed taħt ir-responsabbiltà tal-konvenuta?

ċ)

Bdil [Inversjoni] fl-oneru tal-prova, sabiex dan jitqiegħed taħt ir-responsabbiltà tal-konvenuta huwa eskluż a) minħabba li, fiż-żewġ distretti tal-belt magħrufa bħala distretti Romm, ma jgħixux fihom biss Romm, iżda wkoll persuni ta’ oriġini etnika oħra, b) skont il-proporzjoni ta’ persuni, mhux l-abitanti kollha ta’ dawn iż-żewġ distretti jqisu lilhom nfushom bħala Romm, u ċ) minħabba li l-impriża ta’ distribuzzjoni tal-elettriku qieset, għal raġunijiet magħrufa sew, li f’dawn iż-żewġ distretti l-arloġġi tad-dawl kellhom jitwaħħlu fl-għoli ta’ 7 m?

6)

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domanda 5:

a)

ir-regoli li jirriżultaw mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jeżiġu s-suppożizzjoni/il-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, u l-fatti inkwistjoni jbiddlu l-oneru tal-prova, sabiex dan jitqiegħed taħt ir-responsabbiltà tal-konvenuta, u liema forma ta’ diskriminazzjoni tista’ tiġi preżunta minn dawn il-fatti (diretta, indiretta u/jew fastidju) ;

b)

id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/43 jippermettu li tiġi ġġustifikata diskriminazzjoni diretta u/jew fastidju meta jiġi segwit interess leġittimu li juża mezzi meħtieġa u xierqa għal dan il-għan?

ċ)

f’din il-kawża, fid-dawl tal-interessi leġittimi sostnuti mill-kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, il-miżura applikata fiż-żewġ distretti inkwistjoni tista’ tkun ġustifikata, meta:

l-miżura inkwistjoni tapplika b’mod kollettiv, irrispettivament mill-fatt li l-utent ikkonċernat ħallas jew ma ħallasx il-fatturi ta’ distribuzzjoni u ta’ provvista ta’ elettriku tiegħu u irrispettivament mill-fatt li l-utent ikkonċernat ikun wettaq xi ksur ikun liema jkun (tbagħbis fl-arloġġ tad-dawl, konnessjoni irregolari u/jew użu ħażin/konsum tal-elettriku mingħajr ma dan jiġi kkalkolat u mħallas, jew kwalunkwe ksur ieħor għan-netwerk li jikser jew iqiegħed f’periklu s-sigurtà, il-kwalità, il-kontinwità, u ċ-ċertezza tat-tħaddim tiegħu),

li għal kull ksur simili, il-leġiżlazzjoni u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ distribuzzjoni jipprovdu sanzjonijiet [reponsabbiltà], inklużi sanzjonijiet ċivili, amministrattiva u kriminali,

li l-klawżola stabbilita fl-Artikolu 27(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt, li tipprovdi li, fuq talba bil-miktub tal-utent, l-impriża ta’ distribuzzjoni għandha tiżgura l-possibbiltà li wettaq kontroll okulari tat-tagħrif indikat fl-arloġġ tad-dawl, ma tippermettix realment lill-utent jikkontrolla personalment u regolament l-imsemmi tagħrif,

li huwa possibbli li l-arloġġ tad-dawl jitwaħħal fid-dar tal-utent fuq il-bażi ta’ talba bil-miktub, u permezz tal-ħlas ta’ tariffa,

li l-miżura inkwistjoni tirreferi, b’mod distint u manifest, għal aġir skorrett tal-utent, tkun xi tkun il-forma, minħabba n-natura magħrufa sew, skont il-kumpannija ta’ distribuzzjoni, tar-raġunijiet għall-implementazzjoni tagħha,

li jeżistu metodi oħra u mezzi tekniċi oħra sabiex jiġi prekluż it-tbagħbis fl-arloġġi tad-dawl,

li, skont id-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentant legali tal-kumpannija ta’ distribuzzjoni, miżura simili, implementata fid-distretti Romm f’ belt oħra, ma kinitx realment effikaċi sabiex il-ksur jiġi evitat,

u li installazzjoni tal-elettriku (trasformatur) mibni f’wieħed minn dawn id-distretti jidher li ma għandhux attrezzaturi [mezzi] ta’ sigurtà u arloġġi tad-dawl?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju, il-KZD tesponi r-raġunijiet li abbażi tagħhom hija tikkunsidra li għandha n-natura ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni Ewropea jikkunsidraw ukoll li l-KZD għandha tali natura u li għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjoni fuq id-domandi preliminari li tressqu quddiemha minn din l-entità. Għall-kuntrarju, CEB u CRB għandhom dubju fuq dan is-suġġett u jsostnu, fl-ewwel lok, li l-KZD ma għandhiex ġurisdizzjoni obbligatorja, fit-tieni lok, li din l-entità ma toffrix garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-indipendenza tagħha, u, fit-tielet lok, li l-proċedura pendenti quddiem l-imsemmija entità ma hijiex intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja.

38

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar, preliminarjament, li skont ġurisprudenza kostanti, sabiex jiġi evalwat jekk l-entità li qed tagħmel ir-rinviju għandhiex karatteristiċi ta’ “qorti” skont l-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li hija rregolata biss mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis numru ta’ fatturi, bħall-kwistjoni ta’ jekk l-entità hijiex stabbilita mil-liġi, il-permanenza tagħha, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tagħha, in-natura kontenzjuża tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-entità, tar-regoli ta’ dritt, kif ukoll l-indipendenza tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Miles et, C-196/09, Ġabra p. I-5105, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali jistgħu jirrikorru għall-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk kawża tkun pendenti quddiemhom u jekk ikunu mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura li l-iskop tagħha huwa li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et C-53/03, Ġabra p. I-4609, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Il-kwistjoni jekk entità tistax tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha tiġi deċiża abbażi ta’ kriterji li jikkonċernaw kemm il-kostituzzjoni kif ukoll il-funzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, entità nazzjonali tista’ tiġi kkwalifikata bħala “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, meta twettaq funzjonijiet ġudizzjarji imma mhux meta teżerċita funzjonijiet ta’ natura amministrattiva. (ara, partikolarment, id-digriet tas-26 ta’ Novembru 1999, ANAS, C-192/98, Ġabra p. I-8583, punt 22).

41

Isegwi li, sabiex jiġi stabbilit jekk entità nazzjonali, li l-liġi tkun fdata b’funzjonijiet ta’ natura differenti, għandhiex tiġi kkwalifikata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, huwa neċessarju li jiġi vverifikat liema hija n-natura speċifika tal-funzjonijiet li hija tkun qiegħda teżerċita fil-kuntest legali partikolari fejn issir it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara d-digriet ANAS, iċċitat iktar ’il fuq, punt 23).

42

Għaldaqstant, fir-rigward tal-kawża preżenti, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm il-KZD ġiet mitluba, partikolarment bħala entità inkarigata li tippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament imsemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43, sabiex teżerċita funzjonijiet li ma humiex ta’ natura ġudizzjarja, f’dan il-każ huwa fid-dawl tal-funzjonijiet eżerċitati mill-KZD fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għal din it-talba għal domanda preliminari, li hemm lok li jiġi vverifikat jekk dik l-entità tistax jew le tiġi kkunsidrata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

43

F’dak ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 50 taz-ZZD li l-proċeduri miġjuba quddiem it-taqsima tal-KZD li pproċediet bir-rinviju preżenti għal deċiżjoni preliminari jistgħu joriġinaw jew minn rikors tal-persuna li tikkunsidra li kienet vittma ta’ diskriminazzjoni, skont il-punt 1 ta’ din id-dispożizzjoni, jew minn ilment ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew ta’ entitajiet statali jew komunali, kif previst mill-punt 3 ta’ dan l-istess artikolu 50, jew, finalment, minn inizjattiva li toriġina mill-KZD stess, b’mod konformi mal-punt 2 tal-imsemmi artikolu.

44

F’dan il-każ, jirriżulta mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-KZD kif esposti fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li din l-entità ġiet ippreżentata b’talba minn V.H. Belov abbażi kemm tal-punt 1 tal-Artikolu 50 taz-ZZD, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna kkonċernata direttament mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll tal-punt 3 tal-Artikolu 50 taz-ZZD, sa fejn huwa jippretendi li jaġixxi wkoll għall-interessi ta’ abitanti oħra taż-żewġ distretti milquta mill-imsemmija miżura.

45

Huwa partikolarment b’kunsiderazzjoni tal-funzjonijiet li l-KZD hija mitluba teżerċita abbażi ta’ tali talba ppreżentata li jeħtieġ, f’dan il-każ, li jiġi evalwat jekk l-imsemmija entità għandhiex tiġi kkwalifikata bħala “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

46

F’dak ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li diversi ċirkustanzi, fosthom dawk invokati minn CEB u CRB, huma ta’ natura li jpoġġu f’dubju l-fatt jekk il-proċedura ġestita fil-kawża prinċipali abbażi tal-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 50 taz-ZZD kinitx maħsuba li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza.

47

Fl-ewwel lok, mill-punt 2 tal-Artikolu 50 taz-ZZD jirriżulta li proċedura analoga għall-proċedura li tat lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari setgħet, inkonnessjoni mal-istess fatti, faċilment tiġi implementata mill-KZD filwaqt li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess. Issa, jidher, fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li, indipendentement mill-kundizzjonijiet li fihom għalhekk din l-entità ġiet adita abbażi tal-imsemmi Artikolu 50, jiġifieri, permezz ta’ rikors, fuq ilment jew ex officio, l-imsemmi entità hija mitluba li tiġġestixxi proċedura essenzjalment simili li fil-kuntest tagħha hija jkollha partikolarment setgħat ta’ investigazzjoni estiżi bil-għan li tiġbor il-provi neċessarji sabiex jiġu ċċarati ċ-ċirkustanzi tal-kawża. Barra minn hekk, ir-riżultati li huma maħsuba li jwasslu għalihom il-proċeduri b’hekk mibdija permezz ta’ rikors, ta’ lment jew ex officio, huma, fihom infushom, simili, jiġifieri ordni sabiex titwaqqaf id-diskriminazzjoni li tkun ikkonstatata u kundanna eventwali tal-awturi ta’ din tal-aħħar għall-ħlas tal-multi.

48

Fit-tieni lok, huwa stabbilit li l-KZD tista’, kif wara kollox għamlet fil-kuntest ta’ din il-kawża, issejjaħ b’mod awtoritarju fil-proċedura persuni oħra minbarra dawk imsemmija b’isimhom mill-parti li tkun ippreżentat it-talba permezz ta’ rikors jew ta’ lment, partikolarment meta l-KZD tikkunsidra li l-imsemmija partijiet jistgħu jkunu responsabbli għad-diskriminazzjoni allegata mir-rikorrent/lanjant u/jew jiġu kkundannati għal multa abbażi ta’ dan.

49

Fit-tielet lok, huwa stabbilit ukoll, abbażi tal-informazzjoni prodotta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, meta jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-KZD adottata wara li tkun ġiet adita bit-talba abbażi tal-Artikolu 50 taz-ZZD, dik l-entità jkollha l-kwalità ta’ konvenuta quddiem il-qorti amministrattiva li tiġi mitluba tiddeċiedi l-imsemmi rikors. Barra minn hekk, f’każ li d-deċiżjoni tal-KZD tiġi suġġetta għal annullament mill-qorti amministrattiva hekk adita, din l-entità tista’ tippreżenta appell kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ annullament quddiem il-Varhoven administrativen sad.

50

Fir-raba’ lok, jidher li jirriżulta wkoll mill-kodiċi tal-proċedura amministrattiva, kif dan ġie allegat matul is-seduta minn CEB u CRB u kkonfermat minn V.H. Belov, li, f’każ ta’ rikors għalhekk dirett kontra deċiżjoni tal-KZD mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa possibbli li din l-entità tħassar din id-deċiżjoni, bil-kundizzjoni li jkun hemm qbil min-naħa tal-parti li tibbenefika mill-imsemmija deċiżjoni.

51

Dawn iċ-ċirkustanzi flimkien jwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni li l-KZD ġiet mitluba tagħti fi tmiem proċedura wara li l-imsemmija entità ġiet adita abbażi tal-Artikolu 50 taz-ZZD, u partikolarment tal-punti 1 u 3 ta’ dak l-artikolu, essenzjalment tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ natura ammistrattiva u li ma hijiex ta’ natura ġudizzjarja fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-kunċett ta’ “qorti” li huwa stabbilit fl-Artikolu 267 TFUE.

52

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li, peress li tali deċiżjoni tal-KZD hija, kif ġie rrilevat, suxxettibbli għal rikors quddiem qorti amministrattiva li d-deċiżjoni tagħha hija fiha nnifisha suxxettibbli għal appell quddiem il-Varhoven administrativen sad, l-eżistenza tal-imsemmija rimedji ġudizzjarji jippermettu li tiġi żgurata l-effettività tal-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u, f’dan il-każ, partikolarment tad-Direttiva 2000/43, li l-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat hija intiża li tiżgura. Fil-fatt, skont l-imsemmi Artikolu 267 TFUE, tali qrati nazzjonali għandhom il-fakultà u huma, fejn xieraq, obbligati li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari meta dawn ikunu jeħtieġu deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew dwar il-validità tad-dritt tal-Unjoni sabiex jagħtu s-sentenza tagħhom.

53

Madankollu jeħtieġ li jiġi rrilevat li sar riferiment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għad-deċiżjonijiet tal-Varhoven kasatsionen sad (il-qorti suprema ta’ kassazzjoni) tat-22 ta’ Jannar 2009 u tal-Varhoven administrativen sad tas-27 ta’ Ottubru 2010, li minnhom jirriżulta li z-ZZD pprovdiet għal żewġ proċeduri alternattivi u awtonomi li jippermettu lil persuna li, bħal V.H. Belov, li tkun tikkunsidra ruħha bħala vittma ta’ trattament diskriminatorju, li titlob it-twaqqif tiegħu. Minbarra l-possibbiltà li jiftaħ proċedura ta’ natura amministrattiva, bħal dik pendenti quddiem il-KZD fil-kawża prinċipali abbażi tal-Artikolu 50 taz-ZZD, il-persuna kkonċernata fil-fatt għandha wkoll il-possibbiltà li tressaq il-każ tagħha quddiem ir-rayonen sad (tribunal tad-distrett) li jiddeċiedi kwistjonijiet fil-qasam ċivili bil-għan li tikseb tali twaqqif kif ukoll ir-riżarċiment tad-danni eventwali.

54

Peress li l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 51 ta’ din is-sentenza hija suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li meta l-KZD tintalab teżerċita funzjoni bħal dik imposta fuqha fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-imsemmija entità ma jkollhiex in-natura ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-KZD tissodisfax il-kriterji l-oħra li jippermettu li jiġi evalwat jekk entità ta’ rinviju għandhiex tali natura u għaldaqstant lanqas li tingħata deċiżjoni fuq l-għanijiet l-oġġezzjonijiet l-oħra fformulati mis-CEB u s-CRB f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, RTL Belgium, C-517/09, Ġabra p. I-14093, punt 48).

55

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni fuq id-domandi preliminari mressqa mill-KZD.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-Komisia za zashtita ot diskriminatsia fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju tad-19 ta’ Lulju 2011.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Fuq