Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0270

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-30 ta’ Mejju 2013.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2006/24/KE — Żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 260 TFUE — Sanzjonijiet pekunjarji — Impożizzjoni ta’ somma f’daqqa.
Kawża C‑270/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:339

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

30 ta’ Mejju 2013 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2006/24/KE — Żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika — Senteza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata ksur — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 260 TFUE — Sanzjonijiet pekunjarji — Impożizzjoni ta’ somma f’daqqa”

Fil-Kawża C‑270/11,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Tufvesson u D. Maidani kif ukoll minn F. Coudert, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus (Relatur), M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Jannar 2013,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi ma ħax il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2010, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-185/09), dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni fid-dritt intern tiegħu tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54), kif ukoll billi ma adottatx, fit-terminu stabbilit, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-imsemmija direttiva, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja jħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, penalità ta’ EUR 40 947.20 għal kuljum, għal kull ġurnata li matulha ma jkunux ittieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, mill-ġurnata ta’ meta ngħatat is-sentenza sal-ġurnata tal-eżekuzzjoni tagħha;

tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja jħallas lill-Kummissjoni, fuq l-istess kont, somma f’daqqa ta’ EUR 9 597 kuljum, għal kull ġurnata li matulha ma jkunux ittieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, mill-ġurnata ta’ meta ngħatat din l-aħħar sentenza sal-ġurnata meta tingħata din is-sentenza jew, jekk din id-data hija qabel, sa meta jkunu ttieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, u

tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

2

Il-premessa 22 tad-Direttiva 2006/24 tipprovdi:

“Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem ’il-Karta’]. B’mod partikolari, din id-Direttiva, flimkien mad-[Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514) tfittex li tiżgura konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-komunikazzjonijiet taċ-ċittadini u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, kif affermati fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.”

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/24 jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward taż-żamma ta’ ċerta data ġenerata jew proċessata minnhom, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal data dwar it-traffiku u data dwar il-lok kemm dwar entitajiet ġuridiċi kif ukoll dwar persuni fiżiċi u għad-data relatata meħtieġa sabiex ikun identifikat l-abbonat jew l-utent reġistrat. Ma għandhiex tapplika għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluża informazzjoni konsultata bl-użu ta’ network ta’ komunikazzjoni elettronika.”

4

L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru 2007. Huma għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   Sal-15 ta’ Marzu 2009, kull Stat Membru jista’ jipproroga l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għaż-żamma ta’ komunikazzjonijiet ta’ data relatata ma’ l-aċċess ta’ l-Internet, tat-telefonija bl-Internet u ta’ l-email bl-Internet. Kwalunkwe Stat Membru li jkollu l-ħsieb li jagħmel użu minn dan il-paragrafu għandu, ma’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, javża lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal dan l-iskop permezz ta’ dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja

5

Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi ma adottax, fit-terminu previst, il-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad‑Direttiva 2006/24/KE, ir-Renju tal-Isvezja naqas mill-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

Il-proċedura prekontenzjuża

6

Fit-28 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Isvezja sabiex jippreżentalha l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-miżuri adottati sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, f’terminu ta’ xahrejn mid-data ta’ reċezzjoni tal-ittra ta’ intimazzjoni.

7

Permezz tal-ittri tas-27 ta’ Awwissu u tat-23 ta’ Novembru 2010 kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2011, l-awtoritajiet Svediżi rrispondew għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni billi kkomunikaw lill-Kummissjoni l-istat ta’ progress tal-proċess ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva 2006/24 u, b’mod partikolari, informawha li l-abbozz ta’ liġi f’dan is-sens kien intbagħat lill-parlament Svediż fit-8 ta’ Diċembru 2010 u li t-trattament tiegħu fil-parlament kien previst għat-tieni nofs tax-xahar ta’ Marzu 2011.

8

Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Marzu 2011, ir-Renju tal-Isvezja informa lill-Kummissjoni li fis-16 ta’ Marzu 2011, l-imsemmi parlament kien iddeċieda li jirrinvija l-adozzjoni tal-imsemmi abbozz b’sena. Din id-deċiżjoni ġiet adottata minn 1/6 tal-membri tal-parlament, skont proċedura kostituzzjonali partikolari. Skont dan l-Istat Membru, wara li tkun għaddiet sena, il-kummissjoni parlamentari responsabbli għall-fajl ser tiddepożita quddiem il-parlament proposta ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24 fid-dritt nazzjonali.

9

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Kummissjoni filwaqt li kkunsidrat li r-Renju tal-Isvezja ma kienx ħa l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

L-iżviluppi li saru matul dawn il-proċeduri

10

Ir-Renju tal-Isvezja, minn naħa, informa lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2012, li l-parlament Svediż kien adotta, fil-21 ta’ Marzu 2012, il-proposta tal-gvern dwar it-traspożizzjoni, fl-ordinament ġuridiku intern tagħha, tad-Direttiva 2006/24, li d-dħul fis-seħħ tagħha kien previst għall-1 ta’ Mejju 2012 u, min-naħa l-oħra, ikkomunika, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2012, il-miżuri li jittrasponu l-imsemmija direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddikjarat, fis-7 ta’ Ġunju 2012, li kienet ser tirtira parzjalment ir-rikors tagħha għal dak li jikkonċerna l-multa ta’ EUR 40 947.20 kuljum. Madankollu, hija żammet it-talbiet tagħha fir-rigward tal-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-ammont tagħha.

11

F’dak li jikkonċerna l-ispejjeż, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-irtirar tagħha fir-rigward tal-kap tat-talba għall-kundanna tar-Renju tal-Isvezja għall-ħlas ta’ multa li rriżultat mill-aġir adottat minn dan l-Istat Membru wara l-egħluq tal-proċedura bil-miktub, huwa l-imsemmi Istat Membru li għandu jbati l-ispejjeż marbuta ma’ dan l-aspett tal-kawża.

12

Fir-risposta tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja jikkontesta, minn naħa, it-talba tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u, min-naħa l-oħra, l-ammont tagħha. Dan l-Istat Membru jikkontesta wkoll it-talba tal-Kummissjoni dwar l-ispejjeż u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil kull parti tħallas l-ispejjeż rispettivi.

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

L-argumenti tal-partijiet

13

Fir-rigward tan-nuqqas allegat, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 261(1) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq xi obbligazzjoni taħt it-Trattat FUE, dan l-Istat Membru jkun marbut li jieħu l-miżuri kollha sabiex jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward tat-terminu li fih għandha sseħħ l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza, il-Kummissjoni tippreċiża li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, l-ħtieġa ta’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea teżiġi li din l-eżekuzzjoni tibda immedjatament u tintemm fl-iqsar żmien possibbli.

14

Ir-Renju tal-Isvezja jaqbel li ma adottax il-miżuri inkwistjoni fit-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni tat-28 ta’ Ġunju 2010 sabiex tikkonforma mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

15

Skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru kkonċernat ma adottax il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tagħti lil dak l-Istat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu filwaqt li jindika l-ammont tas-somma f’daqqa jew tal-multa li għandha titħallas mill-imsemmi Stat u li hija tqis adatta għaċ-ċirkustanzi.

16

F’dan ir-rigward, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(1) TFUE hija dik ta’ meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont din id-dispożizzjoni (sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, punt 67, u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑374/11, punt 19).

17

Matul il-proċedura, ir-Renju tal-Isvezja indika li l-konformità tad-dritt nazzjonali tiegħu mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitat iktar ’il fuq, saret b’mod partikolari permezz tal-abbozz tal-gvern dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24, li d-dħul fis-seħħ tiegħu kien ġie stabbilit għall-1 ta’ Mejju 2012.

18

Għalhekk, huwa paċifiku li, wara l-perijodu ta’ xahrejn wara li r-Renju tal-Isvezja rċieva l-ittra ta’ intimazzjoni msemmija fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, jiġifieri t-28 ta’ Awwissu 2010, dan l-Istat Membru ma kienx, fi kwalunkwe każ, adotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq.

19

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260 TFUE.

Fuq is-somma f’daqqa

L-argumenti tal-partijiet

20

Għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005 Il-Kummissjoni vs Franza (C-304/02, Ġabra p. I-6263) kif ukoll fuq il-komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implementazzjoni tal-Artikolu 228 KE” [SEC (2005) 1658], kif magħmula mill-komunikazzjoni tal-20 ta’ Lulju 2010, intitolata, “Implementazzjoni tal-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea – Aġġornament tal-informazzjoni użata għall-kalkolu tas-somom f’daqqa u tal-multi li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur” [SEK (2010) 923/3, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-2010”]. Skont il-Kummissjoni, l-iffissar ta’ penali finanzjarji għandu jkun ibbażat fuq il-gravità tal-ksur, fuq it-tul tiegħu u fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-penali sabiex tiġi evitata r-reċidività.

21

Fir-rigward, qabel xejn, tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ssostni li hija tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li kienu s-suġġett tal-ksur, l-effetti ta’ dan il-ksur fuq l-interessi ġenerali u individwali kif ukoll l-aġir tal-Istat konvenut.

22

F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-importanza tal-imsemmija dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li n-nuqqas ta’ implementazzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu partikolarment gravi għaliex dan jikkonċerna n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva li fiha dispożizzjonijiet ta’ importanza kbira għall-fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet elettroniċi. Dawn id-dispożizzjonijiet jiżguraw, fost l-oħrajn, minn naħa, qafas ġuridiku ekwilibrat li jiggarantixxi l-funzjonament tas-suq intern filwaqt li jara li l-awtoritajiet tal-infurzar ikunu jistgħu jużaw data relevanti sabiex jiġġieldu kontra l-kriminalità kbira u, min-naħa l-oħra, li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini jkunu rrispettati.

23

It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li l-konsegwenzi tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u individwali huma partikolarment gravi sa fejn in-nuqqas ta’ traspożizzjoni mir-Renju tal-Isvezja tad-Direttiva 2006/24 ħoloq dannu finanzjarju għal impriżi stabbiliti fl-Unjoni kollha u għall-Istati Membri l-oħra. Dan in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta vantaġġ kompetittiv lill-operaturi privati ta’ telekomunikazzjoni Svediżi, li ma huma obbligati la li jżommu data li l-kompetituri tagħhom fi Stati Membri oħra għandhom iżommu u lanqas li jinvestu f’ħaddiema jew f’materjali intiżi sabiex ifornu data lill-awtoritajiet.

24

It-tielet nett, fir-rigward tal-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas inkwistjoni huwa stabbilit b’mod ċar mill-fatt li r-Renju tal-Isvezja la adotta u lanqas innotifika l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni fit-terminu stabbilit, jiġifieri mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru 2007. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-Istat Membru qatt qabel ma kien naqas milli jeżegwixxi sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE.

25

Fid-dawl tal-elementi u taċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tipproponi li tapplika koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10, fuq skala ta’ minn 1 sa 20.

26

Sussegwentement, fir-rigward tal-kriterju dwar it-tul tal-ksur, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija fl-4 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni ssostni li kienu għaddew total ta’ 426 ġurnata bejn l-imsemmija sentenza u s-6 ta’ April 2011, il-ġurnata tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-ftuħ ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju tal-Isvezja.

27

Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-ħtieġa ta’ penali dissważiva ta’ natura li tiġi evitata r-reċidività, il-Kummissjoni stabbilixxiet skont il-komunikazzjoni tal-2010, il-fattur “n”, ibbażat fuq il-kapaċità ta’ ħlas tar-Renju tal-Isvezja kif ukoll in-numru ta’ voti li dan għandu fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, għal 4.57.

28

Konsegwentement, il-Kummissjoni tispjega, fir-rikors tagħha, li l-ammont tas-somma f’daqqa mitlub, jiġifieri EUR 9 597 għal kull ġurnata ta’ ksur, jirriżulta, skont il-kriterji previsti mill-komunikazzjoni ta-2010, mill-multiplikazzjoni tal-ammont tas-somma f’daqqa bażika (EUR 210 kuljum) għall-koeffiċjent ta’ gravità tal-ksur stabbilit għal 10 u għall-fattur “n” li tela’ għal 4.57. L-ammont totali hekk miksub għalhekk huwa ta’ EUR 4 088 322 għal 426 ġurnata ta’ ksur.

29

Fir-risposta tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja jsostni, prinċipalment, li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni hija wisq rigoruża, kemm mill-perspettiva tal-gravità kif ukoll tal-ħtieġa tal-effett dissważiv. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità daqshekk għoli bħal 10 għall-ksur inkwistjoni.

30

F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni, minn naħa, li d-Direttiva 2006/24 ma hijiex daqshekk importanti għall-funzjonament tas-suq intern kif isostni l-Kummissjoni. Din id-direttiva tinvolvi biss armonizzazzjoni marġinali tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam. Fil-fatt, l-obbligu impost fuq l-operaturi li jżommu data jvarja skont l-Istati Membri filwaqt li għandhom is-setgħa li jilleġiżlaw fil-qasam tal-aċċess tal-awtoritajiet għad-data dwar it-traffiku tal-komunikazzjonijiet jew fil-qasam tat-tqassim tal-ispejjeż taż-żamma li jkollhom l-operaturi. Barra minn hekk, skont ir-Renju tal-Isvezja, fid-dritt tal-Unjoni diġà jeżistu regoli li jippermettu, f’ċerti kundizzjonijiet, iż-żamma ta’ data dwar it-traffiku tal-komunikazzjonijiet fid-dawl tal-ġlieda kontra l-kriminalità, b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika.

31

Minn naħa, il-Kummissjoni ma wrietx li n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva mir-Renju tal-Isvezja kellu l-konsegwenzi għall-interessi ġenerali u individwali li hija ssostni. Barra minn hekk, ir-regoli li huma attwalment fis-seħħ fid-dritt Svediż jippermettu ġustament li jiġu evitati dawn l-effetti billi hija ggarantita d-disponibbiltà ta’ data għall-finijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ ksur gravi.

32

Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, tikkonċerna biss nuqqas parzjali ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2006/24. F’dan is-sens, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li huwa uża l-fakultà li jħalli l-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, li l-applikazzjoni tagħha tiġi differita sal-15 ta’ Marzu 2009 f’dak li jikkonċerna l-aċċess għall-internet, l-email u l-telefonija permezz tal-internet. Għalhekk, skont hu, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, hija biss dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva li għalihom ma kienx possibbli li jsir rinviju tal-iskadenza stabbilita għall-15 ta’ Settembru 2007.

33

Barra minn hekk, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li huwa qatt ma naqas milli jeżegwixxi sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE. Barra minn hekk, huwa jenfasizza li huwa jagħti importanza kbira lill-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali. Huwa jkompli li, bħala ġustifikazzjoni għad-dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, hemm il-fatt li kellu jaffronta dibattitu politiku kbir dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24 fid-dritt intern tiegħu u li l-implementazzjoni tal-miżuri li teħtieġ l-imsemmija traspożizzjoni qajmet problemi fuq il-livell tal-proċedura leġiżlattiva kif ukoll tal-għażliet diffiċli sabiex jopera, li jimplika l-ibbilanċjar tal-protezzjoni tal-ħajja privata u l-ħtieġa ta’ ġlieda effettiva kontra l-kriminalità.

34

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni, qabel xejn, li anki jekk id-Direttiva 2006/24 ma għandhiex l-għan li tilħaq armonizzazzjoni sħiħa, minn dan ma jistax jiġi konkluż li din id-direttiva ma kellhiex konsegwenzi fuq is-suq intern jew fuq interessi privati u pubbliċi. Id-differenzi fl-implementazzjoni tal-imsemmija direttiva fl-Istati Membri ma jnaqqsu xejn mill-importanza tal-obbligu ta’ żamma ta’ data ta’ komunikazzjoni stabbilit minnha.

35

Sussegwentement, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni diġà eżistenti u li jirreferi għaliha r-Renju tal-Isvezja, b’mod partikolari d-direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika, il-Kummissjoni tindika li din ma tistabbilixxix obbligu applikabbli fl-Unjoni kollha li tinżamm ċerta data dwar it-traffiku matul perijodu definittiv.

36

Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti invokati mill-Istat Membru konvenut, il-Kummissjoni ssostni li, anki fl-ipoteżi fejn ir-Renju tal-Isvezja kellu ċerta data għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, dan ma huwiex ir-riżultat tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, peress li d-disponibbiltà ta’ din id-data hija totalment dipendenti minn deċiżjonijiet kummerċjali meħuda mid-diversi operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet.

37

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ta’ dan l-Istat Membru dwar il-fatt li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, jikkonċerna biss parti mid-Direttiva 2006/24, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm l-Istati Membri setgħu, skont l-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, jirrinvijaw l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ żamma sal-15 ta’ Marzu 2009, dan ma jfissirx li l-imsemmija Stati Membri kienu awtorizzati ma jiħdux l-iċken miżura dwar l-obbligu tagħhom ta’ żamma tad-data previst f’din id-dispożizzjoni qabel il-15 ta’ Marzu 2009. Konsegwentement, dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq.

38

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Istat Membru konvenut dwar id-diffikultajiet interni marbuta mal-proċedura leġiżlattiva, il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li dawn id-diffikultajiet interni ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ksur imwettaq.

39

Fir-rigward tad-diffikultajiet ta’ natura interna, dan l-Istat Membru jsostni li huwa invokahom mhux biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24, iżda sabiex jistabbilixxi li t-traspożizzjoni, f’dan il-każ, kienet ikkaratterizzata minn diffikultajiet li normalment f’dan il-punt ma humiex normali li ma jistgħux jiġu attribwiti għall-approċċ u l-aġir normali tar-Renju tal-Isvezja meta dan ikollu jimplementa direttivi u jikkonforma mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan l-Istat Membru jinsisti wkoll fuq il-fatt li l-proċedura leġiżlattiva msemmija iktar ’il fuq hija applikabbli biss fil-każijiet eċċezzjonali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa għandha, f’kull każ, tibqa’ ssir skont l-elementi rilevanti kollha li jkollhom x’jaqsmu kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċeduri mibdija abbażi tal-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, din tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali penali jew le (sentenzi ċċitata iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 141, u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 47).

41

Għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, il-linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mibdija mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja, C-369/07, Ġabra p. I-5703, punt 112).

42

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-prinċipju stess tal-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa, skont l-Artikolu 260 TFUE, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju huwa bbażat essenzjalment fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ikun kompla għal żmien twil wara s-sentenza li kienet inizjalment ikkonstatatu (ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-121/07, Ġabra p. I-9159, punt 58).

43

F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2006/24, li tfittex, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, li tiggarantixxi d-disponibbiltà tad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-finijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ ksur gravi, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet ikkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatat ma’ din id-direttiva, huwa suxxettibbli li jimmina l-interessi privati u pubbliċi kkonċernati. Barra minn hekk, sa fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa akkużat bih ir-Renju tal-Isvezja dam iktar minn sentejn sa mid-data meta ngħatat din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li dan kompla għaddej għal perijodu kunsiderevoli wara din id-data.

44

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hemm lok, f’dan il-każ, li jiġi impost fuq ir-Renju tal-Isvezja, il-ħlas ta’ somma f’daqqa.

45

It-tieni nett, fir-rigward tal-ammont tas-somma f’daqqa, huwa importanti li jitfakkar li huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxih b’tali mod li s-somma f’daqqa tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 146, u Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 143).

46

Fost il-fatturi kollha rilevanti f’dan ir-rigward, jinsabu b’mod partikolari elementi bħall-gravità tal-ksur u l-perijodu li matulu n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jkun akkużat bih l-Istat Membru jkun ippersista mis-sentenza li kkonstatatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 144).

47

Fl-ewwel lok, u fir-rigward tal-gravità tal-ksur fir-rigward tal-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni miksura, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2006/24 timmira l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li l-leġiżlatur tal-Unjoni isegwi l-għan li jipproteġi l-funzjonament tajjeb tiegħu billi jadotta regoli armonizzati fil-qasam taż-żamma tad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, L-Irlanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-301/06, Ġabra p. I-593, punt 72).

48

Permezz tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li twettaq, id-Direttiva 2006/24 tfittex, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, li tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ din id-data għall-finijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ ksur gravi, kif inhuma ddefiniti għal kull Stat Membru fid-dritt intern tiegħu. Barra minn hekk, mill-premessa 22 ta’ din id-direttiva jirriżulta li hija intiża sabiex tiżgura konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-komunikazzjonijiet taċ-ċittadini u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, kif stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

49

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi trasposta tali direttiva jirriskja li jxekkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għalhekk għandu ċertu grad ta’ gravità u dan indipendentement mil-livell ta’ armonizzazzjoni mwettaq mid-Direttiva 2006/24.

50

Fir-rigward tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, fuq l-interessi privati u pubbliċi, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni kif imfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li mill-punti 6.1 u 6.2 tar-rapport tal-Kummissjoni[COM (2011) 225 finali], tat-18 ta’ April 2011, intitolat “Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Rapport ta’ evalwazzjoni dwar id-direttiva dwar iż-żamma ta’ data (Direttiva 2006/24/KE)” [COM(2011) 225 final], jirriżulta li l-imsemmija direttiva ma laħqitx għal kollox l-għan tagħha li tistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali għall-operaturi tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kellha turi l-allegat preġudizzju għall-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq is-suq intern tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, li hija ma għamlitx.

51

Barra minn hekk, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-Renju tal-Isvezja li jgħid li diġà jeżistu, fid-dritt tal-Unjoni, regoli li jippermettu, f’ċerti kundizzjonijiet, iż-żamma ta’ data dwar it-traffiku ta’ komunikazzjonijiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità u li r-regoli attwalment fis-seħħ fid-dritt Svediż ippermettew li jiġu evitati konsegwenzi għall-interessi ġenerali u individwali allegati mill-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-imsemmija regoli ma jissodisfawx l-eżiġenzi li jirriżultaw mid-Direttiva 2006/24, peress li, f’każ kuntrarju, ma kienx ikun hemm lok li jiġi kkonstatat, kontra dan l-Istat Membru, nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tiegħu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24 fid-dritt intern.

52

Fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Isvezja bbażat fuq il-fatt li s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, tikkonċerna biss in-nuqqas ta’ implementazzjoni parzjali tad-Direttiva 2006/24, dan huwa infondat.

53

Fil-fatt, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat u ddeċidiet li, billi ma adottatx, fit-terminu stabbilit, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2006/24, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva. L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24 jippermetti lill-Istati Membri jirrinvijaw l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ żamma tad-data ta’ komunikazzjoni sal-15 ta’ Marzu 2009, iżda mhux it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, li kellha ssir qabel il-15 ta’ Settembru 2007.

54

Fir-rigward tal-aġir adottat mir-Renju tal-Isvezja fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2006/24, il-ġustifikazzjonijiet invokati minn dan l-Istat f’dan ir-rigward, li jipprovdu li d-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza kien dovut għal diffikultajiet interni straordinarji marbuta mal-proċess leġiżlattiv u mad-dibattitu politiku kbir dwar it-traspożizzjoni ma jistgħux jintlaqgħu. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ripetutament, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiċi jew ċirkustanzi tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-407/09, Ġabra p. I-2467, punt 36). L-istess japplika għal deċiżjoni bħal dik tal-parlament Svediż ta’ dan l-Istat Membru, li jsir riferiment għalih fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, li jirrinvija b’sena l-adozzjoni tal-abbozz ta’ liġi sabiex jittrasponi din id-direttiva.

55

Għaldaqstant, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti l-fatt li r-Renju tal-Isvezja qatt qabel ma kien naqas milli jeżegwixxi sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE.

56

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, it-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors, għandu jitfakkar li għalkemm l-Artikolu 260 TFUE ma jispeċifikax it-terminu għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza, madankollu huwa paċifiku li l-implementazzjoni tal-eżekuzzjoni għandha tinbeda mill-ewwel u li għandha twassal għar-riżultati mixtieqa fl-iqsar żmien possibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

57

F’din il-kawża, għandu jiġi rilevat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dam kważi 27 xahar mid-data ta’ meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri l-4 ta’ Frar 2010, sad-data meta r-Renju tal-Isvezja ikkonforma l-leġiżlazzjoni tiegħu kompletament mal-imsemmija sentenza, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2012.

58

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa akkużat bih ir-Renju tal-Isvezja dam għaddej matul perijodu ta’ żmien sinjifikattiv sa mid-data meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq.

59

Fid-dawl tal-elementi li jippreċedu u b’mod partikolari tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 47 sa 59 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi tistabbilixxi għal EUR 3 miljun l-ammont tas-somma f’daqqa li r-Renju tal-Isvezja għandu jħallas.

60

Għalhekk ir-Renju tal-Isvezja għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 3 miljuni.

Fuq l-ispejjeż

61

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Ir-Renju tal-Isvezja tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma ħax il-miżuri neċessarji meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2010, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑185/09), dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni fid-dritt intern tiegħu tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/24, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, kif ukoll billi ma adottax, fit-terminu stabbilit, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-imsemmija direttiva, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260 TFUE.

 

2)

Ir-Renju tal-Isvezja huwa kkundannat iħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea” somma f’daqqa ta’ EUR 3 miljun.

 

3)

Ir-Renju tal-Isvezja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

Fuq