EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0652

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba' Awla) tal-11 ta' April 2013.
Mindo Srl vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - Kompetizzjoni - Akkordju - Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum - Ħlas tal-multa mill-kodebitur in solidum - Interess ġuridiku - Oneru tal-prova.
Kawża C-652/11 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:229

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

11 ta’ April 2013 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordju — Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum — Ħlas tal-multa mill-kodebitur in solidum — Interess ġuridiku — Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C-652/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2011,

Mindo Srl, fi proċess ta’ stralċ ġudizzjarju, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn G. Mastrantonio, C. Osti u A. Prastaro, avukati,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan u L. Malferrari, bħala aġenti assistiti minn F. Ruggeri Laderchi u R. Nazzini, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn G. Arestis, President tal-Awla, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2012,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Mindo Srl (iktar ’il quddiem “Mindo”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-5 ta’ Ottubru 2011, Mindo Srl vs Il-Kummissjoni (T-19/06, Ġabra p. II-6795), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament parzjali u, sussidjarjament, għar-riformazzjoni tad-Deċiżjoni C (2005) 4012 finali tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja) (ĠU 2006 L 353, p. 45, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u sussidjarjament, għal talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

2

Mindo hija kumpannija Taljana, li preżentament tinsab fi proċess ta’ stralċ ġudizzjarju, li għandha bħala attività prinċipali tagħha l-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum. Oriġinarjament din kienet impriża ta’ familja li fl-1995 inxtrat minn sussidjarja ta’ Dimon Inc. Wara dak l-akkwist, l-isem kummerċjali tagħha sar Dimon Italia Srl. Fit-30 ta’ Settembru 2004, l-azzjonijiet tagħha ġew mibjugħa lil erba’ individwi li ma kellhom l-ebda rabta mal-grupp Dimon u l-isem kummerċjali tagħha sar Mindo. Fix-xahar ta’ Mejju tal-2005, Dimon Inc. ġiet amalgamata ma’ Standard Commercial Corporation biex b’hekk ġiet stabbilita entità ġdida msejħa Alliance One International Inc. (iktar ’il quddiem “AOI”).

3

Fid-19 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irċeviet talba għal immunità fil-qasam tal-multi mingħand wieħed mill-proċessuri tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja, jiġifieri Deltafina SpA.

4

Il-Kummissjoni rċeviet, fl-4 ta’ April 2002, mingħand Mindo, li dak iż-żmien kienet għadha msejħa Dimon Italia Srl, talba għal immunità fil-qasam tal-multi u, sussidjarjament, talba għal tnaqqis ta’ kull multa, kif ukoll, fit-8 ta’ April 2002, ċerti provi.

5

Fid-9 ta’ April 2002, il-Kummissjoni kkonfermat li kienet irċeviet kemm it-talba għal immunità fil-qasam tal-multi ta’ Mindo kif ukoll tat-talba tagħha għal tnaqqis ta’ kull multa. Hija infurmat lil din il-kumpannija bil-fatt li t-talba tagħha għal immunità ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

6

Fl-20 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li fiha hija kkonstatat li, matul il-perijodu ta’ bejn l-1995 u l-bidu tas-sena 2002, il-proċessuri tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, fosthom Mindo, involvew ruħhom f’diversi prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur wieħed u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE.

7

Il-Kummissjoni ppreċiżat partikolarment li, peress li l-grupp li kienet tifforma parti minnu Mindo matul il-perijodu ta’ ksur ma baqax jeżisti iktar wara l-amalgamazzjoni tiegħu mal-grupp Standard Commercial Corporation, AOI, bħala suċċessur ġuridiku ta’ dawk iż-żewġ gruppi, kien id-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata. Mindo, bħala suċċessur ġuridiku ta’ Dimon Italia Srl, kienet bl-istess mod destinatarja ta’ dik id-deċiżjoni.

8

Il-Kummissjoni ffissat l-ammont ta’ EUR 12.5 miljun bħala l-ammont tat-tluq tal-multa imposta fuq Mindo li hija żiedet b’25 % abbażi tan-natura gravi ħafna tal-ksur u b’60 % abbażi tal-perijodu tal-ksur ta’ sitt snin u erba’ xhur. Hija llimitat ir-responsabbiltà ta’ dik il-kumpannija għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha naxxenti mis-sena finanzjarja l-iktar riċenti. Il-Kummissjoni laqgħet it-talba għal tnaqqis tal-multa ta’ Mindo u naqqsitha b’50 % abbażi tal-kooperazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ffissat l-ammont finali ta’ EUR 10 miljun bħala l-ammont finali tal-multa imposta fuq Mindo u fuq AOI, fejn AOI kienet responsabbli għat-totalità ta’ dan l-ammont u Mindo kienet responsabbli in solidum limitatament għal EUR 3.99 miljun.

9

Fl-14 ta’ Frar 2006, AOI ħallset l-ammont sħiħ tal-multa li kienet ġiet imposta mill-Kummissjoni fuqha u fuq Mindo.

10

Fl-4 ta’ Lulju 2006, Mindo ġiet stralċjata, fatt li din qatt ma kkomunikat lill-Kummissjoni.

11

Fil-5 ta’ Marzu 2007, Mindo ressqet, skont l-Artikolu 161 tad-Digriet Irjali Nru 267, tas-16 ta’ Marzu 1942, li jirregola l-falliment, il-konkordat preventiv, l-amministrazzjoni kkontrollata u l-istralċ amministrattiv furzat, kif emendat (regio decreto 16 marzo 1942, no 267, recante disciplina del fallimento, del concordato preventivo, dell’amministrazione controllata e della liquidazione coatta amministrativa), kif emendata (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 81, tas-6 ta’ April 1942), talba sabiex tiddaħħal fil-proċedura ta’ konkordat preventiv b’ċessjoni tal-beni quddiem it-Tribunale ordinario di Roma, sezione fallimentare. Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Novembru 2007, dik il-qorti approvat il-konkordat preventiv propost minn Mindo.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

12

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Jannar 2006, Mindo talbet l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Mindo u, in solidum, fuq AOI.

13

Waqt is-seduta li saret fid-29 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni, wara li kisbet konjizzjoni, xi jiem qabel, tal-fatt li r-rikorrenti kienet fil-proċess ta’ stralċ ġudizzjarju mix-xahar ta’ Lulju tal-2006, sostniet, essenzjalment, li din tal-aħħar kienet tilfet l-interess ġuridiku tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali stiednet lil Mindo sabiex tipprovdiha bl-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha relatati ma’ kull ftehim li din kienet ikkonkludiet ma’ AOI marbut mal-ħlas tal-multa minn din tal-aħħar u l-possibbiltà li titressaq azzjoni għall-irkupru ta’ parti mill-multa mħallsa. Mindo wieġbet għal dik it-talba.

14

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2011, AOI rrispondiet għall-mistoqsijiet imressqa mill-Qorti Ġenerali billi indikat, essenzjalment, li hija kienet għadha ma ppreżentatx azzjoni għall-irkupru kontra Mindo, peress li hija kienet tippreferi tistenna l-eżitu tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

15

Qabel xejn, hija spjegat li, sabiex tadotta tali approċċ, hija wisq probabbli kienet obbligata titlob sentenza u ordni ta’ ħlas ibbażata fuq dik is-sentenza u li, f’każ ta’ annullament totali jew parzjali tal-multa hija kienet tkun marbuta li trodd lura lil Mindo s-somma rrimborsata bl-interessi, u li dan kien jirrendi l-proċedura kollha tqila, għalja u twila. Sussegwentement, AOI kkunsidrat li l-azzjoni tagħha ma kinitx preskritta u li ma kinitx ser tkun preskritta qabel it-tmiem tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Finalment, hija fakkret li l-eżistenza ta’ proċedura ta’ konkordat preventiv ma kinitx tipprekludi lil kreditur milli jirrikorri quddiem il-qrati kompetenti sabiex jikseb sentenza dikjaratorja kontra d-debitur li huwa s-suġġett tal-imsemmija proċedura u li jitlob ordni ta’ ħlas malli tingħata s-sentenza ta’ approvazzjoni.

16

Fi tmiem l-eżami taċ-ċirkustanzi tal-kawża u partikolarment tas-suġġett tat-talba l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li Mindo ma wrietx interess eżistenti u attwali għall-iżvolġiment tal-proċedura u kkunsidrat li, konsegwentement, ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors tagħha.

It-talbiet tal-partijiet

17

Permezz tal-appell tagħha, Mindo titlob l-annullament tas-sentenza appellata fl-intier tagħha, ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid tal-mertu u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

18

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li Mindo tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

19

Insostenn tal-appell tagħha, Mindo tinvoka żewġ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi klassifikat b’mod mhux eżatt is-sitwazzjoni tagħha u billi ddikjarat, b’konsegwenza ta’ dan, li hija ma kellha l-ebda interess ġuridiku. It-tieni aggravju, imressaq sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq ta’ AOI u ta’ Mindo.

20

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju huwa manifestament inammissibbli u li t-tieni aggravju huwa manifestament infondat.

Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju

21

Skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti legali mqajma speċifikament insostenn ta’ din it-talba (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, Ġabra p. I-1611, punt 121, u tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F (li kienet SID) vs Il-Kummissjoni, C-646/11 P, punt 51).

22

Għandu jiġi rrilevat li Mindo invokat żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali billi identifikat b’mod suffiċjentement preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punt 87 tagħha, u billi speċifikat ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija tikkunsidra li dawk l-elementi huma vvizzjati b’tali żbalji.

23

Għaldaqstant il-Kummissjoni ma għandhiex bażi fuq xiex teċepixxi l-inammissibbiltà tal-ewwel aggravju.

Fuq il-mertu tal-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

24

Fl-ewwel lok, Mindo ssostni li, billi ħallset l-ammont sħiħ tal-multa, AOI saret il-kreditriċi tagħha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2055 u l-Artikolu 1299 tal-Kodiċi Ċivili Taljan. Skont l-Artikolu 2946 tal-istess kodiċi, id-dritt ta’ AOI li titlob ir-rimbors mingħand Mindo huwa suġġett għat-terminu ta’ preskrizzjoni ordinarja ta’ għaxar snin. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkunsidrat, fil-punti 85 et seq tas-sentenza appellata, li l-annullament jew ir-riformazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżulta fl-ebda benefiċċju fil-konfront ta’ Mindo, peress li d-dritt ta’ AOI li titlob ir-rimbors tal-kreditu tagħha, jitnissel mill-jum tal-ħlas tal-multa u t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni li hija għandha għal dak l-għan huwa ta’ għaxar snin.

25

Fit-tieni lok, Mindo tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, billi kkonkludiet dwar in-nuqqas ta’ prova favur l-eżistenza ta’ kreditu ta’ AOI fil-konfront ta’ Mindo, kif ukoll favur il-possibbiltà jew l-intenzjoni ta’ AOI li tinbeda azzjoni għall-irkupru ta’ dak il-kreditu. Minn naħa, Mindo stabbiliet l-eżistenza tad-dejn tagħha ma’ AOI billi pproduċiet provi li jikkonċernaw id-Digriet Irjali Nru 267, tas-16 ta’ Marzu 1942, u d-dritt effettiv għal irkupru ta’ AOI fir-risposta tagħha għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti prodotti minn Mindo fuq it-talba tal-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, hija ma kinitx obbligata turi l-intenzjoni ta’ AOI li tirkupra l-kreditu, iżda biss id-dritt effettiv tagħha li tippreżenta azzjoni għal dak il-għan.

26

Fit-tielet lok, Mindo ssostni li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod skorrett l-oneru tal-prova billi bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li “ma kienx eskluż” li AOI kienet ħallset ukoll dik il-parti mill-multa imposta fuq Mindo sabiex issejjes is-sentenza tagħha. Mindo ippreċiżat, waqt is-seduta, li dik il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet timplika li hija ma kellha l-ebda mezz sabiex tiddefendi ruħha u li din kienet tikkostitwixxi inverżjoni tal-oneru tal-prova. L-evalwazzjoni globali mill-Qorti Ġenerali dwar l-assenza ta’ interess ġuridiku ta’ Mindo hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet spekulattivi li jagħmlu riferiment għall-intenzjoni ta’ AOI u għal ċirkustanzi oħra irrelevanti.

27

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tirrispondi li l-parti mill-multa imposta fuq Mindo tħallset kollha minn AOI, li, fid-data tal-għoti tas-sentenza appellata, kienet għadha ma ressqet l-ebda azzjoni sabiex tikseb ir-rimbors u li kien jeżisti ftehim sigriet bejn Mindo u AOI li jistabbilixxi li din tal-aħħar kellha tassumi r-responsabbiltà għall-aġir antikompetittiv ta’ Mindo.

28

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx l-argumentazzjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mad-dritt Taljan iżda fuq numru ta’ osservazzjonijiet fattwali li jmorru kontra l-proposta li tistabbilixxi li AOI kellha dritt li tressaq azzjoni għall-irkupru kontra Mindo. F’dak ir-rigward, hija ppreċiżat, waqt is-seduta li, fl-opinjoni tagħha, “f’sitwazzjoni normali” u fin-nuqqas ta’ kull arranġament ieħor, il-ħlas minn AOI tal-ammont tal-multa imposta fuq Mindo kien jirriżulta bħala konsegwenza, skont id-dritt Taljan viġenti, fit-tnissil, fir-rigward ta’ AOI, ta’ dritt għal azzjoni kontra Mindo sabiex tikseb ir-rimbors ta’ dik is-somma iżda li l-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq il-provi prodotti, ikkunsidrat li AOI u Mindo kienu kkonkludew ftehim, li bis-saħħa tiegħu AOI kienet tilfet id-dritt li tfittex lil Mindo għal dak l-iskop.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Jeħtieġ li jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u skont l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tkun turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ din tal-aħħar, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni, C-288/11 P, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Barra minn hekk, kemm lok li jiġi rrilevat li d-difett jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni turi l-ksur tal-forom sostanzjali u tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubblika li trid tiġi mqajjma ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et, C-265/97 P, Ġabra p. I-2061, punt 114, kif ukoll id-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2011, Deutsche Bahn vs UASI, C-45/11 P, punt 57).

31

Għandu jiġi kkonstatat li diversi konklużjonijiet tas-sentenza appellata huma vvizzjati b’tali insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

32

Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq AOI u fuq Mindo multa ta’ EUR 10 miljun, filwaqt li ġie speċifikat li Mindo kienet responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ EUR 3.99 miljun. Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 82 tas-sentenza appellata, AOI, fl-14 ta’ Frar 2006, ħallset l-ammont kollu tal-multa.

33

Il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li, b’mod konformi mal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, Mindo hija waħda mill-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u li hija kienet responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ EUR 3.99 miljun bħala multa.

34

Fil-punt 85 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li “l-annullament jew ir-riforma tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi mitluba [minn Mindo] ma jagħtuha ebda benefiċċju, peress li l-multa li ġiet imposta kontriha diġà tħallset totalment minn [AOI], il-kodebitriċi in solidum tagħha, u li din tal-aħħar […] ma ħaditx azzjoni kontra tagħha biex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tal-multa mħallsa, minkejja li għaddew iktar minn ħames snin minn meta sar dak il-ħlas”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li Mindo ma wrietx sal-grad rikjest mil-liġi li AOI kellha kreditu fil-konfront tagħha.

35

Madankollu, Mindo sostniet, f’dak ir-rigward, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-ħlas minn AOI tat-totalità tal-multa nissel fir-rigward ta’ AOI kreditu li jista’ jiġi sodisfatt minn Mindo bħala debitriċi in solidum ta’ parti mill-multa imposta mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ dawk iż-żewġ impriżi.

36

Barra minn hekk, jirriżulta mir-risposti ta’ Mindo għall-mistoqsijiet imressqa mill-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Jannar 2011, “li parti marbuta b’obbligazzjoni in solidum tista’, wara li tkun ħallset id-dejn kollu lill-kreditur, titlob mingħand debituri in solidum l-oħra r-rimbors tal-ammont tad-dejn imħallas f’isimhom”. Barra minn hekk, jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti prodotti skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-21 ta’ Frar 2011, li kien stabbilit bejn il-partijiet li d-dritt Taljan, relatat mal-kontribuzzjoni bejn il-partijiet responsabbli in solidum għal kreditu, jagħti lil AOI id-dritt li titlob lil Mindo tikkontribwixxi għall-ħlas tal-multa.

37

Issa, minkejja dik l-argumentazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-ħlas minn AOI tat-totalità tal-multa ma kienx suffiċjenti sabiex inissel fir-rigward ta’ AOI kreditu li seta’ jiġi sodisfatt minn Mindo bħala debitriċi in solidum tal-multa. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti motivazzjoni sal-grad rikjest mill-liġi inkonnessjoni ma’ dik l-evalwazzjoni.

38

Barra minn hekk, Mindo invokat diversi drabi quddiem il-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta mill-punt 72 tas-sentenza appellata u mill-atti tal-proċess, il-kwistjoni tal-preskrizzjoni tad-dritt għal azzjoni ta’ AOI u, b’mod partikolari, l-argument li AOI kellha, sa mid-data li fiha hija ħallset l-ammont sħiħ tal-multa li ġiet imposta mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawk iż-żewġ kumpanniji, id-dritt li teżerċita azzjoni fil-konfront ta’ Mindo li tkun tippermettilha li titlob mingħand din tal-aħħar kontribuzzjoni għall-parti tagħha mill-multa. Mindo sostniet li dak id-dritt isir preskritt biss fl-14 ta’ Frar 2016.

39

Issa, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tikkonferma f’dak ir-rigward li “kienu ddekorrew iktar minn ħames snin” mill-ħlas imwettaq minn AOI u li Mindo ma kinitx uriet sal-grad rikjest mil-liġi li AOI “dejjem kellha l-intenzjoni” li tirkupra dak id-dejn, mingħajr madankollu ma vverifikat jekk id-dritt ta’ AOI li teżerċita l-azzjoni inkwistjoni kienx preskritt jew le, anki meta Mindo invokat quddiemha d-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan relatati mal-preskrizzjoni ta’ għaxar snin tal-azzjoni ta’ kodebitur in solidum u li l-argumenti invokati f’dak ir-rigward kienu ppreżentati b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali li tadotta pożizzjoni.

40

F’dawk iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, minħabba li AOI kienet ħallset id-dejn ta’ Mindo, iżda mingħajr ma spjegat għaliex dak il-ħlas ma kienx suffiċjenti sabiex jagħti lok għal kreditu fir-rigward ta’ AOI, tikkonkludi, kif għamlet fil-punti 85 u 87 rispettivament tas-sentenza appellata, li l-annullament jew ir-riformazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kienu jagħtu lok għal ebda benefiċċju fir-rigward ta’ Mindo u li din tal-aħħar ma kinixt uriet sal-grad rikjest mil-liġi li AOI kellha kreditu fil-konfront tagħha.

41

Mill-elementi preċedenti jirriżulta li, billi naqset b’hekk li tirrspondi għal parti ċentrali mill-argumentazzjoni ta’ Mindo, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija imposta fuqha skont l-Artikolui 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għaliha skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

42

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li, anki jekk jiġi preżunt li AOI kellha kreditu fil-konfront ta’ Mindo, din tal-aħħar lanqas ma wriet sal-grad rikjest mil-liġi li AOI “dejjem kellha l-intenzjoni” li tirkupra l-kreditu tagħha.

43

Issa, mill-punt 71 tas-sentenza appellata jirriżulta li Mindo sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li, b’mod konformi mad-dritt Taljan fis-seħħ, hija setgħet tiġi ssuġġettata fil-futur għal azzjoni ta’ rkurpru ta’AOI. Fit-tweġibiet tagħha għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, fl-20 ta’ Mejju 2011, Mindo b’mod partikolari spjegat li, b’mod konformi mad-dritt Taljan, “it-titulari ta’ krediti mnissla qabel l-għoti tas-sentenza”, bħalma hija AOI, jistgħu, anki wara t-tmiem tal-eżekuzzjoni tal-konkordat preventiv, jiftħu kawża fil-konfront ta’ de Mindo bil-għan li jiksbu ordni ta’ ħlas, filwaqt li josservaw il-kwoti u t-termini stabbiliti fil-konkordat preventiv.

44

Għaldaqstant, sabiex tirrispondi għal dak l-argument, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tillimita ruħha sabiex tirrileva, kif fil-fatt għamlet, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li Mindo ma kienet ipproduċiet l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija klassifikat lil AOI bħala “kreditur preċedenti” jew dwar ir-raġunijiet li abbażi tagħhom din tal-aħħar ma pprovatx tavvanza l-kreditu tagħha.

45

Barra minn hekk, filwat li Mindo sostniet li AOI dejjem kellha l-intenzjoni li titlobha lura d-dejn, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx kont tal-argument, li rriżulta li kien determinanti f’dak ir-rigward għal Mindo u li kien jiddikjara, kif jirriżulta minn tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-20 ta’ Jannar 2006, il-konkordat preventiv kien jippermetti lill-impriża li tkun waqqfet il-ħlasijiet li tirregola d-dejn tagħha mal-kollettività tal-kredituri tagħha u li tkompli tmexxi l-attivitajiet tagħha.

46

Isegwi li l-motivazzjoni pprovduta mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma turix b’mod ċar u inekwivoku, tali li tippermetti partikolarment lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija kkunsidrat li Mindo ma kinitx uriet sal-grad rikjest mil-liġi li AOI kellha l-intenzjoni li tirkupra l-kreditu tagħha u li, konsegwentement, dik il-motivazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżit stabbilit mill-ġurisprudenza esposta fil-punt 48 tas-sentenza odjerna.

47

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li, anki jekk jiġi preżunt li AOI kellha kreditu fil-konfront ta’ Mindo, din tal-aħħar lanqas ma wriet sal-grad rikjest mil-liġi li AOI “dejjem kellha l-intenzjoni” li tirkupra l-kreditu tagħha.

48

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali rrikjediet lil Mindo tipproduċi l-prova tal-intenzjoni ta’ AOI li tirkupra l-kreditu tagħha. Dik l-eżiġenza tirriżulta wkoll mill-punt 91 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li Mindo ma kienet ipprovdiet l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li abbażi tagħhom AOI ma kinitx ipprovat tavvanza l-kreditu tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ konkordat u ma opponitx għal dan, minkejja l-fatt li tali kreditu seta’ eventwalment jinfluwenza d-deċiżjoni tal-kredituri l-oħrajn li jaderixxu mal-proposta tal-konkordat preventiv.

49

Issa, mis-sentenza appellata jirriżulta li, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2011 u b’risposta għall-mistoqsijiet bil-miktub imressqa mill-Qorti Ġenerali, AOI ddikjarat li hija kellha l-intenzjoni li taġixxi għall-irkupru fil-konfront ta’ Mindo, li l-azzjoni tagħha għal irkupru qatt ma kienet preskritta, u li għal dan il-għan, hija kienet qiegħda tistenna li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu ta’ dik il-kawża. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li dak id-dokument ma ġiex evalwat mill-Qorti Ġenerali.

50

Permezz ta’ dan, il-Qorti Ġenerali ssuġġettat l-interess ġuridiku ta’ Mindo għall-kundizzjoni li hija tipprova l-intenzjoni ta’ terz li jiftaħ kawża għall-irkupru tal-kreditu tiegħu. Konsegwentement, billi imponiet fuq Mindo l-oneru ta’ prova impossibli għaliha li tipproduċi bil-għan li din tal-aħħar tkun tista’ turi l-interess ġuridiku tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

51

Fid-dawl tas-suespost, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-konklużjoni misluta mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt 87 tas-sentenza kkontestata, hija msejsa fuq numru ta’ indizji riprodotti fil-punti 19, 21 u 22 tas-sentenza odjerna, li fid-dawl tagħhom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li “ma huwiex eskluż” li AOI assumiet il-ħlas tal-parti tal-multa imposta fuq Mindo jew li hija rrinunzjat li titlob ir-rimbors mingħandha.

52

Mis-sentenza appellata jirriżulta wkoll li l-Qorti Ġenerali rrikjediet lil Mindo li tipprovdilha l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha dwar kull ftehim li din tal-aħħar kienet ikkonkludiet ma’ AOI li jikkonċerna l-ħlas tal-multa minn din tal-aħħar u l-possibbiltà li din titlob ir-rimbors ta’ parti mill-multa mħallsa. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat hija stess, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li d-dokumenti pprovduti minn Mindo b’risposta għal dik it-talba ma kienu jinkludu l-ebda garanzija jew indennizz favur tagħha inkonnessjoni mal-multa eventwali li l-Kummissjoni imponiet fuqha.

53

L-espressjoni użata fil-punt 93 tas-sentenza appellata turi n-natura mhux konklużiva tal-imsemmija indizji u l-konstatazzjoni ta’ sempliċi probabbiltà. Issa, il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ interess ġuridiku fir-rigward tad-destinatarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuqu multa ma tistax tkun imsejsa fuq sempliċi suppożizzjonijiet, partikolarment meta l-Qorti Ġenerali tkun naqset milli tieħu kont b’mod suffiċjenti ta’ numru ta’ elementi invokati minn Mindo u li huma intiżi sabiex jitfgħu dawl differenti fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ jew sabiex juru li AOI dejjem tista’ tiftaħ kawża għal irkupru u tirkupra, tal-inqas, parti mill-kreditu tagħha.

54

Għaldaqstant, minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti u, min-naħa l-oħra, billi imponiet fuq Mindo l-oneru ta’ prova impossibli għaliha li tipproduċi, din tal-aħħar għandha raġun issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddikjarat li hija ma kellhiex interess ġuridiku.

55

Għaldaqstant, u mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat it-tieni aggravju, hemm lok li l-appell jintlaqa’ u li s-sentenza appellata tiġi annullata.

56

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni. Fdan il-każ, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

57

Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tiġi rrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta Ottubru 2011, Mindo vs Il-Kummissjoni (T-19/06), hija annullata.

 

2)

Il-kawża hija rrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq