EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0401

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ April 2013.
Blanka Soukupová vs Ministerstvo zemědělství.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud.
Agrikoltura — FAEGG — Regolament (KE) Nru 1257/1999 — Appoġġ għall-iżvilupp rurali — Appoġġ għal irtirar kmieni — Persuna li tittrasferixxi li għandha tal-inqas 55 sena, mingħajr ma tkun laħqet l-età ta’ rtirar fil-mument tat-trasferiment — Kunċett ta’ ‘età ta’ rtirar’ — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi età ta’ rtirar li tvarja skont is-sess kif ukoll, għan-nisa, skont in-numru ta’ tfal imrobbija — Prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.
Kawża C‑401/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:223

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ April 2013 ( *1 )

“Agrikoltura — FAEGG — Regolament (KE) Nru 1257/1999 — Appoġġ għall-iżvilupp rurali — Appoġġ għal irtirar kmieni — Persuna li tittrasferixxi li għandha tal-anqas 55 sena, mingħajr ma tkun laħqet l-età ta’ irtirar fil-mument tat-trasferiment — Kunċett ta’ ‘età ta’ irtirar’ — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi età ta’ irtirar li tvarja skont is-sess kif ukoll, għan-nisa, skont in-numru ta’ tfal imrobbija — Prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni”

Fil-Kawża C-401/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

Blanka Soukopová

vs

Ministerstvo zemědělství,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala l-President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, G. Arestis (Relatur), J. Malenovský u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Soukupová, minn J. Tomášek, advokát,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u G. von Rintelen kif ukoll minn Z. Malůšková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391), kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Soukupová, bidwija, u l-Ministerstvo zemědělství (il-Ministeru tal-Agrikoltura Ċek), dwar iċ-ċaħda tat-talba tagħha għall-parteċipazzjoni fl-iskema ta’ appoġġ fit-trasferiment antiċipat ta’ impriża agrikola.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215) jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tgħodd għal:

a)

l-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji li ġejjin:

[…]

anzjanità,

[…]

b)

assistenza soċjali, sal-punt li hija maħsuba li żżid jew tieħu l-post ta’ l-iskemi msemmija f’(a).”

4

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jeskludu mill-għan tagħha:

a)

l-iffissar ta’ età tal-pensjoni sabiex jingħataw pensjonijiet ta’ l-anzjanità u rtirar u l-konsegwenzi li jistgħu jiġu minnhom għall-benefiċċji l-oħra;

b)

il-vantaġġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ skemi tal-pensjoni tax-xjuħ [xjuħija] mogħtija lill dawk il-persuni li rabbew t-tfal; il-ksib ta’ drittijiet għal benefiċċji wara perijodi ta’ waqfien mix-xogħol minħabba it-trobbija tat-tfal;

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom minn żmien għall-ieħor jeżaminaw il-kwistjonijiet li tħallew barra skont il-paragrafu 1 u jaċċertaw, fid-dawl ta’ l-iżviluppi soċjali fil-kwistjoni konċernata, jekk hemmx ġustifikazzjoni biex jinżammu l-eskluzzjonijiet konċernati.”

5

Il-premessa 23 tar-Regolament Nru 1257/1999 tistabbilixxi li “[l-]irtirar kmieni mix-xogħol tal-biedja għandu jkun inkuraġġit sabiex tittejjeb il-vijabbiltà ta’ oqsma agrikoli”.

6

Skont il-premessa 40 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari għandhom jiġu sostnuti l-miżuri intiżi sabiex titneħħa l-inugwaljanza u sabiex tkun imħeġġa l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għall-irgiel u n-nisa.

7

Il-ħdax-il inċiż tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-appoġġ għal żvilupp rurali, li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet tal-biedja u l-konverżjoni tagħhom, jistgħu jikkonċernaw it-tneħħija tal-inugwaljanza u tal-promozzjoni ta’ opportunitajiet ugwali għall-irgiel u n-nisa, b’mod partikolari billi jingħata appoġġ lil proġetti mibdija u implementati min-nisa.

8

Taħt il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1257/1999, intitolat “Irtirar kmieni”, l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Sostenn [appoġġ] għal irtirar kmieni mill-biedja tista’ tikkontribwixxi għal dawn l-oġġettivi:

biex jipprovdi dħul għal bdiewa anzjani li jiddeċiedu li jieqfu mill-biedja,

biex jinkoraġġixxi t-tibdil ta’ dawn il-bdiewa anzjani minnn bdiewa li jkunu jistgħu itejbu, fejn meħtieġ, il-vijabbiltà ekonomika tal-kumplament tal-oqsma agrikoli,

li jassenja mill-ġdid l-art għal użu mhux agrikolu meta din ma tkunx tista’ tkun maħduma skont il-kondizzjonijiet sodisfaċenti tal-vijabbiltà ekonomika.”

9

L-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Dak li jittrasferixxi l-azjenda għandu:

iwaqqaf l-attività kollha kummerċjali definittivament; hu jista’, b’danakollu, ikompli b’xogħol tal-biedja li ma jkunx kummerċjali jew li jżomm l-użu tal-bini,

ma jkunx ta’ anqas minn 55 sena imma ma jkunx għadu laħaq l-età ta’ irtirar fiż-żmien tat-trasferiment, u

ikun ipprattika l-biedja l-10 snin ta’ qabel it-trasferiment.”

10

L-Artikolu 12(2) tal-istess regolament jistabbilixi:

“Id-durata ta’ l-irtirar kmieni m’għandhiex teċċedi il-perijodu totali ta’ 15-il sena għal dak li jittrasferixxi u 10 snin għal ħaddiem tal-biedja. M’għandhiex tkompli aktar wara l-għeluq tal-75 sena ta’ dak li jittrasferixxi u ma tmurx aktar mill-età normali ta’ l-irtirar tal-ħaddiem.

Fil-każ ta’ dak li jittrasferixxi l-pensjoni normali ta’ l-irtirar għandha titħallas mill-Istat Membru, sostenn [appoġġ] għal irtirar kmieni għandu jingħata bħala suppliment billi jitqies l-ammont tal-pensjoni nazzjonali ta’ l-irtirar.”

Il-leġiżlazzjoni Ċeka

11

Skont ir-Regolament Nru 1257/1999, fis-26 ta’ Jannar 2005, ir-Repubblika Ċeka adottat, id-digriet governattiv Nru 69/2005, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tas-sussidju rigward il-waqfien kmieni ta’ attività agrikola minn imprenditur agrikolu (nařízení vlády č. 69/2005 Sb., o stanovení podmínek pro poskytování dotace v souvislosti s předčasným ukončením provozování zemědělské činnosti zemědělského podnikatele). Skont l-Artikolu 1(1), dan id-digriet governattiv għandu l-għan li jagħti sussidji fil-kuntest tal-programm għall-appoġġ tal-waqfien kmieni ta’ attivitajiet agrikoli minn imprenditur agrikolu.

12

Skont l-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi digriet governattiv, il-parteċipazzjoni għal dan il-programm hija suġġetta għall-kundizzjoni li, fil-ġurnata meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa jkun diġà laħaq l-età ta’ mill-inqas 55 u fil-ġurnata li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa ma jkunx laħaq l-età mitluba li tintitolah għal pensjoni tal-irtirar.

13

L-Artikolu 32(1) u (2) tal-Liġi Nru 155/1995, dwar l-assigurazzjoni tal-pensjoni (zákon č. 155/1995 Sb., o důchodovém pojištění), fil-verżjoni tagħha applikabbli għal-kawża prinċipali, li jirreferi għalih l-imsemmi Artikolu 3(1)(b) kien jipprovdi:

“(1)   L-età tal-irtirar hija

a)

60 sena għall-irġiel,

b)

għan-nisa

1.

sa 53 sena jekk rabbew tal-inqas 5 itfal,

2.

sa 54 sena jekk rabbew tal-inqas 3 jew 4 itfal,

3.

sa 55 sena jekk rabbew 2 itfal,

4.

sa 56 sena jekk rabbew tifel wieħed, jew

5.

sa 57 sena jekk il-persuni assigurati jkun laħqu din l-età sal-31 ta’ Diċembru 1995.

(2)   Fil-każ ta’ persuni assigurati li jilħqu l-limiti ta’ età stabbiliti fil-paragrafu 1 matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1996 sal-31 ta’ Diċembru 2012, l-età tal-irtirar hija ddeterminata billi jiżdied għax-xahar li matulu l-persuna assigurata tkun laħqet dan il-limitu, xahrejn għall-irġiel, u erba’ xhur għan-nisa, għal kull sena ċivili, anki jekk mibdija, għall-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1995 sad-data fejn il-limiti ta’ età stabbiliti fil-paragrafu 1 jintlaħqu, u hija kkunsidrata bħala l-età tal-irtirar l-età milħuqa matul ix-xahar hekk determinat fid-data li ċ-ċifra tagħha tikkorrispondi għad-data tat-twelid tal-persuna assigurata; jekk ix-xahar hekk iddeterminat ma jkunx jinkludi tali ġurnata, tiġi kkunsidrata bħala l-età tal-irtirar l-età milħuqa fl-aħħar ġurnata tax-xahar hekk iddeterminat.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

B. Soukupová hija bidwija mwielda fl-24 ta’ Jannar 1947 u li rabbiet żewġt itfal. Fl-24 ta’ Mejju 2004, hija laħqet l-età li tagħtiha dritt għal pensjoni ta’ rtirar, skont l-Artikolu 32(1) u (2) tal-Liġi Nru 155/1995.

15

Fit-3 ta’ Ottubru 2006, B. Soukupová ressqet, għand il-Fond Statali għall-Intervent Agrikolu, talba għal parteċipazzjoni fl-iskema ta’ appoġġ fl-irtirar kmieni ta’ bdiewa mix-xogħol tal-biedja.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006, din it-talba ġiet miċħuda, skont l-Artikolu 3(1)(b) tad-digriet governattiv Nru 69/2005, minħabba li, fid-data meta tressqet din it-talba, B. Soukupová kienet laħqet l-età meħtieġa sabiex ikollha d-dritt għall-pensjoni tal-irtirar.

17

B. Soukupová ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Ministerstvo zemědělství (il-Ministeru tal-Agrikoltura), li ċaħdu permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ April 2007.

18

B. Soukupová kkontestat din l-aħħar deċiżjoni billi ressqet rikors quddiem il-Městský soud v Praze (il-qorti muniċipali ta’ Praga). F’dan ir-rikors, hija sostniet li l-Artikolu 3(1)(b) tad-digriet governattiv Nru 69/2005 kien jikkontradiċi t-tielet inċiż tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, peress li dan ir-regolament isemmi l-“l-eta’ ta’ irtirar”, filwaqt li l-imsemmi digriet gorvernattiv isemmi “l-età mitluba li tintitolah għal pensjoni tal-irtirar”. Filwaqt li invokat in-natura diskriminatorja tal-kundizzjoni prevista f’dan l-Artikolu 3 minħabba li l-età meħtieġa għad-dritt għal pensjoni ta’ rtirar, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3, hija stabbilita b’mod differenti għall-irġiel u għan-nisa u li, barra minn hekk, tvarja għan-nisa skont in-numru ta’ tfal imrobbija, B. Soukupová talbet interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “l-eta’ ta’ irtirar”, fis-sens tal-imsemmi regolament, li ma tkunx diskriminatorja fil-konfronti ta’ ċerti applikanti. Fil-fatt, hija tirreleva li, skont il-leġiżlazzjoni Ċeka, in-nisa li rabbew l-ikbar numru ta’ tfal jibbenefikaw oġġettivament minn terminu iqsar sabiex iressqu talba ta’ parteċipazzjoni għall-imsemmija skema ta’ appoġġ għat-trasferiment antiċipat minn dak li jibbenefikaw minnu l-irġiel jew in-nisa li rabbew inqas tfal.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2009, il-Městský soud v Praze annullat l-imsemmija deċiżjoni tal-Ministerstvo zemědělství, billi kkunsidrat li ma kinitx teżisti raġuni leġittima li tippermetti li tkun iġġustifikata distinzjoni bejn bidwi raġel u bidwi mara f’dak li jikkonċerna s-sussidji agrikoli. Għaldaqstant, din eskludiet kull interpretazzjoni suxxettibbli li twassal għal differenzi fit-trattament mhux ġustifikati bejn l-applikanti. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li l-limitu ta’ età li jippermetti l-parteċipazzjoni għall-iskema ta’ appoġġ fit-trasferiment antiċipat tal-attività agrikola ta’ imprenditur agrikolu għandha tiġi kkunsidrata l-età normali ta’ irtirar, iddeterminata bl-istess mod għall-applikanti kollha.

20

Il-Ministerstvo zemědělství appella minn din is-sentenza quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-qorti amministrattiva suprema). Fl-appell tiegħu, il-ministeru sostna li r-Regolament Nru 1257/1999 ma jipprovdix dispożizzjonijiet preċiżi f’dak li jikkonċerna l-limitu ta’ età inferjuri tal-applikanti. Huwa sostna li l-epressjonijiet “età ta’ irtirar”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, u l-“l-età mitluba li tintitolah għal pensjoni tal-irtirar”, fis-sens tal-Artikolu 32 tal-Liġi Nru 155/1995, kellhom xebh sinjifikanti. L-imsemmi ministeru sostna li, għall-finijiet tad-determinazzjoni b’mod preċiż u oġġettiv tal-età normali ta’ rtirar, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11, kien ġie deċiż li din l-età tiġi ddefinita, fl-ordinament ġuridiku intern, skont l-imsemmi Artikolu 32. Il-Ministerstvo zemědělství rreleva wkoll li metodu ta’ ffissar tal-età normali ta’ rtirar identiku kien ġie stabbilit fid-dokument tal-iskema intitolat “Pjan orizzontali ta’ żvilupp rurali tar-Repubblika Ċeka għall-perijodu 2004-2006”, li ġie approvat kemm mill-Gvern ta’ dan l-Istat Membru, permezz tad-Deċiżjoni Nru 671, tad-9 ta’ Lulju 2003, kif ukoll mill-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2004 CZ 06G DO 001, tat-3 ta’ Settembru 2004.

21

Peress li kellha dubji fir-rigward tad-dritt ta’ B. Soukupová li tipparteċipa għall-iskema ta’ appoġġ għat-trasferiment antiċipat ta’ attività ta’ impriża agrikola, prevista mid-digriet governattiv Nru 69/2005, u peress li qieset neċessarju li tingħata, f’dan ir-rigward, risposta f’dak li jikkonċerna kemm l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “età ta’ irtirar”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, kif ukoll fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix li ssir distinzjoni, fl-evalwazzjoni ta’ talba għall-parteċipazzjoni f’din l-iskema, bejn l-applikanti, skont is-sess tagħhom u skont kemm rabbew tfal, in-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Nistgħu ninterpretaw il-kunċett ta’ ‘età ta’ l-irtirar’, imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 1257/1999], bħala ‘l-età neċessarja sabiex jinkiseb id-dritt għall-pensjoni tax-xjuħ’ tal-applikant konkret skont id-dritt nazzjonali?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-fatt li ‘l-età ta’ l-irtirar’ fil-mument tat-trasferiment tal-attività agrikola, tiġi ddeterminata b’mod differenti għall-applikanti individwali skont is-sess tagħhom u n-numru tat-tfal li rabbew, huwa konformi mad-dritt u mal-prinċipji ġenerali tal-Unjoni Ewropea?

3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv, liema kriterji għandha tikkunsidra l-qorti nazzjonali meta tinterpreta l-kunċett ta’ ‘l-età ta’ l-irtirar’ fiż-żmien tat-trasferiment ta’ attività agrikola taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 1257/1999]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

22

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u mal-prinċipji ġenerali tagħha ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni li, skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ rtirar tal-Istat Membru kkonċernat dwar l-età mitluba li tintitolah għal pensjoni tal-irtirar, “età ta’ irtirar” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, tiġi ddeterminata b’mod differenti skont is-sess tal-applikant tal-għajnuna għall-għajnuna għall-irtirar kmieni mill-agrikoltura u, fir-rigward tal-applikanti nisa, skont in-numru ta’ tfal imrobbija mill-persuna kkonċernata.

23

F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jiġi rrelevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, il-mekkaniżmu ta’ għajnuna għall-irtirar kmieni mill-agrikoltura, fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandu l-għan li jikkontribwixxi, b’mod partikolari, sabiex joffri dħul lill-bdiewa ta’ ċertu età li jiddeċiedu li jittrasferixxu l-attività agrikola u sabiex tiġi nkoraġġuta s-sostituzzjoni ta’ dawn il-ħaddiema xjuħ bi bdiewa li jistgħu jtejbu, skont il-każ, il-vijabbiltà ekonomika tal-attivitajiet li jibqa’. Dan l-aħħar għan jinsab ukoll fil-premessa 23 ta’ dan ir-regolament.

24

Minn dan isegwi li din l-għajnuna għall-irtirar kmieni tikkostitwixxi inċentiv ekonomiku intiż sabiex iħeġġeġ lill-bdiewa xjuħ jittrasferixxu definittivament l-attività agrikola tagħhom iktar kmieni milli kieku kienu jagħmlu f’ċirkustanzi normali u, għalhekk, sabiex tiġi ffaċilitata t-trasformazzjoni strutturali tas-settur agrikolu, sabiex tiġi ggarantita aħjar il-vijabbiltà tal-attivitajiet agrikoli.

25

Għandu jiġi kkonstatat li, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-appoġġ għall-irtirar kmieni mill-agrikoltura previst mir-Regolament Nru 1257/1999 jikkostitwixxi strument tal-Politika Agrikola Komuni, iffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG), li huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-vijabbiltà tal-attivitajiet agrikoli, u mhux ta’ benefiċċju ta’ sigurtà soċjali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7.

26

F’dawn il-kundizzjonijiet, għalkemm, ċertament, l-iffissar tal-“età ta’ irtirar” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1257/1999 jaqa’, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni mid-dritt tal-Unjoni, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, dawn l-Istati ma jistgħux jibbenefikaw mid-differenza ta’ trattament li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 79/7 jawtorizzahom iżommu fil-qasam tal-iffissar tal-età ta’ irtirar fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi kkunsidrat, minħabba dan ir-referiment għal kunċett mhux armonizzat, bħala li kien awtorizzat mill-imsemmija Stati, fl-implementazzjoni tal-imsemmi regolament, sabiex jadotta miżuri li jiksru l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll id-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-540/03, Ġabra p. I-5769, punti 22 u 23).

27

Barra minn hekk, għandu jiġi rrelevat li l-premessa 40 tar-Regolament Nru 1257/1999 tirrakkomanda li jiġu appoġġjati l-miżuri intiżi li jneħħu l-inugwaljanzi u sabiex tiġi nkoraġġuta l-ugwljanza tal-opportunitajiet għall-irġiel u n-nisa. Għaldaqstant, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, fil-kuntest tal-appoġġ għall-irtirar kmieni mill-agrikoltura mogħti abbażi tal-imsemmi regolament, huwa importanti li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament bejn in-nisa u l-irġiel u, għaldaqstant, li tiġi pprojbita kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

28

Konsegwentement, fl-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1257/1999, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li josservaw il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbiliti fl-Artikoli 20, 21(1) u 23 tal-imsemmija Karta.

29

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jeħtieġu li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et, C-354/95, Ġabra p. I-4559, punt 61; tal-11 ta’ Novembru 2010, Grootes, C-152/09, Ġabra p. I-11285, punt 66; kif ukoll tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Achats et, C-236/09, Ġabra p. I-773, punt 28).

30

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-bdiewa xjuħ nisa u rġiel huma f’sitwazzjonijiet paragunabbli fir-rigward tal-għan intiż mill-appoġġ għall-irtirar kmieni previst fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, li huwa intiż sabiex iħeġġeġ lil dawn il-bdiewa, indipendentement mis-sess tagħhom u min-numru ta’ tfal li rabbew, li jittrasferixxu definittiament l-attivitajiet agrikoli tagħhom b’mod prematur, sabiex tiġi ggarantita b’mod aħjar il-vijabbiltà tagħhom, kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza. L-imsemmija bdiewa, kemm irġiel kif ukoll nisa, jistgħu jitolbu tali appoġġ, sakemm, kif jeżiġi l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, ikunu ttasferixxew definittivament kull attività agrikola b’finijiet kummerċjali wara li jkunu eżerċitaw din l-attività matul l-aħħar għaxar snin qabel it-trasferiment u għandhom tal-inqas 55 sena, mingħajr ma jkunu laħqu l-età ta’ rtirar normali fil-mument tal-imsemmi trasferiment.

31

F’dawn il-kundizzjonijiet huwa kontra d-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tagħha ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni li l-imsemmija sitwazzjonijiet jiġu trattati b’mod differenti, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, minħabba l-fatt li, skont id-dispożizzjonijiet tal-iskema nazzjonali ta’ rtirar tal-Istat Membru kkonċernat, l-“età ta’ rtirar” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1), tar-Regolament Nru 1257/1999, hija stabbilita b’mod differenti skont is-sess tal-applikant għall-appoġġ għall-irtirar kmieni mill-agrikoltura u fir-rigward tal-applikanti nisa, skont in-numru ta’ tfal li tkun rabbiet il-persuna kkonċernata.

32

Fil-fatt, dan id-dritt u dawn il-prinċipji jinkisru jekk jiġi aċċettat li jkunu trattati b’mod sfavorevoli u mhux oġġettivament iġġustifikat l-applikanti għal dan l-appoġġ għall-irtirar kmieni li jaqgħu, minħabba s-sess tagħhom u, fir-rigward tal-applikanti nisa, minħabba n-numru ta’ tfal li rabbew, taħt kategorija ta’ bdiewa li għalihom din l-età, stabbilita mill-imsemmija dispożizzjonijiet tal-iskema nazzjonali tintlaħaq iktar kmieni milli mill-applikanti li jaqgħu taħt kategorija oħra ta’ bdiewa. F’dan il-każ, l-applikanti li jaqgħu taħt din it-tieni kategorija għandhom terminu itwal sabiex iressqu t-talba tagħhom għall-appoġġ, b’mod li huma privileġġjati, mingħajr raġuni oġġettiva, meta mqabbla ma’ dawk li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija, li huma suġġetti, għal talba tal-istess natura, għal kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal dan l-appoġġ iktar restrittivi.

33

Fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha l-effett li persuna, bħal B. Soukupová, li titrasferixxi l-attività agrikola tagħha f’età li taqa’ bejn l-età normali ta’ rtirar iddeterminata minn din il-leġiżlazzjoni skont is-sess tagħha kif ukoll skont in-numru ta’ tfal li rabbiet u l-età normali ta’ rtirar stabbilita mill-imsemmija leġiżlazzjoni għall-bdiewa rġiel, ma tistax tibbenefika mill-appoġġ għall-irtirar kmieni u jkollha d-drittijiet tagħha limitati sabiex tirċievi, għall-bqija ta’ ħajjitha, pensjoni ta’ rtirar ta’ livell inferjuri għall-imsemmi appoġġ, meta bidwi raġel li jittrasferixxi l-attività agrikola fl-istess età bħall-imsemmija persuna jista’, hu, jibbenefika minn tali appoġġ għal tul totali għal ħmistax-il sena jew sakemm jagħlaq 75 sena skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1257/1999, wara tnaqqis tal-pensjoni ta’ rtirar imħallsa mill-Istat Membru kkonċernat.

34

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Ċek u dak Pollakk, differenza fit-trattament, bħal dik li tagħmel il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata. Fil-fatt, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għanijiet tat-trasformazzjoni strutturali tas-settur agrikolu intiżi mill-appoġġ għall-irtirar kmieni mill-bidja mogħti abbażi tar-Regolament Nru 1257/1999 jistgħu manifestament jintlaħqu mingħajr ma l-Istati Membri jirrikorru għal trattament diskriminatorju.

35

Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C-18/95, Ġabra p. I-345, punt 57, u tat-22 ta’ Ġunju 2011, Landtová, C-399/09, Ġabra p. I-5573, punt 51). Il-persuna żvantaġġata għandha titqiegħed fl-istess sitwazzjoni bħall-persuna li tibbenefika mill-vantaġġ inkwistjoni.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċendenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u mal-prinċipji ġenerali tagħha ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni li, skont dispożizzjonijiet tal-iskema nazzjonali ta’ irtirar tal-Istat Membru kkonċernat relatati mal-età neċessarja għal dritt għal pensjoni ta’ rtirar, l-“età ta’ irtirar”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, tiġi ddeterminata b’mod differenti skont is-sess tal-applikant għall-appoġġ għall-irtirar kmieni mill-agrikoltura u, fir-rigward tal-applikanti nisa, skont in-numru ta’ tfal imrobbija mill-persuna kkonċernata.

Fuq it-tielet domanda

37

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u mal-prinċipji ġenerali tagħha ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni li, skont dispożizzjonijiet tal-iskema nazzjonali ta’ rtirar tal-Istat Membru kkonċernat relatati mal-età neċessarja għal dritt għal pensjoni ta’ rtirar, l-“età ta’ rtirar”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti, tiġi ddeterminata b’mod differenti skont is-sess tal-applikant għall-appoġġ għall-irtirar kmieni mill-agrikoltura u, fir-rigward tal-applikanti nisa, skont in-numru ta’ tfal imrobbija mill-persuna kkonċernata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Fuq