Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CC0065

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 21 ta' Marzu 2013.
Leidseplein Beheer BV u Hendrikus de Vries vs Red Bull GmbH u Red Bull Nederland BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - il-Pajjizi l-Baxxi.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Trade marks - Direttiva 89/104/KEE - Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark - Trade mark li għandha reputazzjoni - Protezzjoni estiża għal prodotti jew għal servizzi li ma humiex simili - Użu minn terz mingħajr raġuni valida ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark li għandha reputazzjoni - Kunċett ta’ ‘raġuni valida’.
Kawża C-65/12.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:196

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-21 ta’ Marzu 2013 ( 1 )

Kawża C‑65/12

Leidseplein Beheer BV

H.J.M. de Vries

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Direttiva 2008/95/KE — Dritt tat-trade marks — Drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata — Trade mark li għandha reputazzjoni — Użu minn terz, mingħajr raġuni valida u b’mod żleali, ta’ sinjal identiku jew li jixbah lit-trade mark li għandha reputazzjoni — Kunċett ta’ raġuni valida”

I – Introduzzjoni

1.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-proprjetarji tat-trade marks li għandhom reputazzjoni d-dritt li jimpedixxu lil terzi milli jagħmlu użu minn sinjali li jixxiebhu meta l-użu tas-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.

2.

Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ċerti aspetti tar-raġuni valida li jista’ jkun hemm fir-rigward ta’ reklamar fuq l-internet abbażi ta’ kliem prinċipali (keyword advertising) ( 2 ), għandu issa jiġi deċiż sa fejn l-użu li jsir in bona fide ta’ sinjal qabel il-preżentata ta’ trade mark li tixbhu li sussegwentement tikseb reputazzjoni, jista’ jikkostitwixxi raġuni valida tal-użu attwali ta’ dan is-sinjal. Fil-fatt, H.J.M. de Vries u l-impriża tiegħu, il-kumpannija Leidseplein Beheer BV, kienu ilhom jużaw l-immaġni ta’ buldokk flimkien mal-kelmiet “the bulldog” ferm qabel l-ewwel preżentata tat-trade marks ta’ Red Bull. Il-partijiet ma jaqblux dwar jekk Red Bull tistax timpedixxi l-użu ta’ dan is-sinjal għal xarba enerġetika.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar it-trade marks ( 3 ) jistabbilixxi d-drittijiet li għandhom il-proprjetarji kollha ta’ trade marks:

“It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

(a)

kwalunkwe sinjal li jkun identiku għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata;

(b)

kwalunkwe sinjal fejn, minħabba l-identità, jew similarità, tiegħu għat-trade mark u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.”

4.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks jirregola d-drittijiet mogħtija wkoll lill-proprjetarji ta’ trade marks li għandhom reputazzjoni:

“Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistipula li l-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ kwalunkwe sinjal […] simili, għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li ma jkunux simili għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata, fejn ta’ l-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.”

B – Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

5.

Id-dritt tat-trade marks fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa stabbilit bil-Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni jew mudelli), iffirmata f’Den Haag, fil-25 ta’ Frar 2005 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Benelux”). Huwa l-Artikolu 2.20(1)(c) ta’ din il-konvenzjoni li jikkorrispondi għall-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks.

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

6.

Red Bull hija l-proprjetarja tat-trade mark verbali/figurattiva Red Bull Krating-Daeng, li ġiet irreġistrata fil-11 ta’ Lulju 1983 għall-klassi 32 (xarbiet mingħajr alkoħol). Il-prodott l-iktar magħruf ta’ din l-impriża hija x-xarba enerġetika li ġġib l-istess isem.

7.

H.J.M. de Vries huwa l-proprjetarju tat-trade mark verbali/figurattiva THE BULLDOG, li ġiet irreġistrata fl-14 ta’ Lulju 1983 għall-klassi 32 (xarbiet mingħajr alkoħol), hija wkoll, kif ukoll ta’ trade marks simili iktar reċenti. Huwa ilu juża dan is-sinjal (ferm) qabel ma Red Bull ippreżentat it-trade mark tagħha fl-1983 għal “servizzi ‘horeca’ li fil-kuntest tagħhom kienu jinbiegħu xi xarbiet” u għal diversi attivitajiet ta’ promozzjoni kummerċjali, jiġifieri, skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu stess, mill-1975 b’mod partikolari għal dawk rikonoxxuti bħala “coffeeshops”, imma anki kafetteriji, lukanda, impriża li tikri r-roti u, mill-1997, għal xarba enerġetika. Jidher li l-kumpannija Leidseplein Beheer BV hija l-impriża li permezz tagħha H.J.M. de Vries jeżerċita dawn l-attivitajiet.

8.

Red Bull tixtieq b’mod partikolari timpedixxi lil H.J.M. de Vries milli jipproduċi u jikkummerċjalizza xarbiet enerġetiċi f’ippakkjar li fuqu jkun hemm is-sinjal BULLDOG jew sinjal ieħor li jinkludi l-element verbali “bull” jew sinjali oħrajn li jistgħu, minħabba x-xebh tagħhom, jikkawżaw konfużjoni mat-trade marks ta’ Red Bull.

9.

Fl-ewwel istanza, quddiem ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Amsterdam), H.J.M. de Vries rebaħ il-kawża; fl-appell, quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam), il-kawża rebħitha Red Bull. Issa hija l-Hoge Raad der Nederlanden li għandha quddiemha appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn H.J.M. de Vries.

10.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ix-xebh bejn iż-żewġ sinjali għadu ma ġiex evalwat b’mod suffiċjenti. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat li teżisti possibbiltà ta’ konfużjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk H.J.M. de Vries riedx ikollu sehem mid-dħul mill-bejgħ ta’ diversi biljuni realizzati minn Red Bull bix-xarbiet enerġetiċi u jekk, minn fuq dahar it-trade mark li għandha reputazzjoni ta’ din tal-aħħar, ħax vantaġġ żleali mir-reputazzjoni tagħha ( 4 ).

11.

Il-Hoge Raad der Nederlanden, min-naħa l-oħra, għandha xi dubji dwar jekk il-fatt li jkun sar użu mis-sinjal qabel il-preżentata tat-trade mark jistax jikkostitwixxi raġuni valida. Għaldaqstant, hija qed tagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [dwar it-trade marks] għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ wkoll ikun hemm raġuni valida, skont din id-dispożizzjoni, meta s-sinjal identiku jew simili għat-trade mark b’reputazzjoni jkun diġà ntuża in bona fide mit-terz jew mit-terzi inkwistjoni, qabel ma din it-trade mark tkun ġiet irreġistrata [ippreżentata]?”

12.

Il-partijiet għall-proċedura fil-kawża prinċipali, il-kumpannija Leidseplein Beheer BV u H.J.M. de Vries kif ukoll il-kumpannija Red Bull GmbH, flimkien mar-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ħlief għar-Repubblika Taljana, huma lkoll ipparteċipaw fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2013.

IV – Id-dritt

A – Fuq il-kuntest tad-domanda preliminari

13.

Qabel xejn, fir-rigward tal-applikabbiltà tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks, hija ġurisprudenza stabbilita li anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu b’mod espliċitu biss għall-każ fejn isir użu minn sinjal identiku jew li jixbah lil trade mark li għandha reputazzjoni għal prodotti jew għal servizzi li ma jkunux jixbhu lil dawk li għalihom din it-trade mark tkun ġiet irreġistrata, il-protezzjoni stabbilita fihom tapplika, iktar u iktar, anki fir-rigward tal-użu ta’ sinjal identiku jew li jixbah lil trade mark li għandha reputazzjoni għal prodotti jew għal servizzi li jkunu identiċi jew li jkunu jixbhu lil dawk li għalihom l-imsemmija trade mark tkun ġiet irreġistrata ( 5 ). B’hekk, dawn huma applikabbli anki fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna prodotti identiċi, jiġifieri xarbiet enerġetiċi.

14.

Sussegwentement, fir-rigward tal-portata tal-protezzjoni mogħtija lit-trade marks li għandhom reputazzjoni, mid-diċitura tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks jirriżulta li l-proprjetarji ta’ dawn it-trade marks għandu jkollhom id-dritt li jimpedixxu l-użu minn terzi, fil-kummerċ, ta’ sinjali identiċi jew li jixbhuhom, mingħajr il-kunsens tagħhom u mingħajr raġuni valida, meta dan l-użu jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni ta’ dawn it-trade marks. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt mill-proprjetarju tat-trade mark li għandha reputazzjoni ma jippreżumix l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku kkonċernat ( 6 ).

15.

Id-danni li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks jiżgura l-protezzjoni minnhom huma, l-ewwel nett, id-dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark (“tidjif”), it-tieni nett, id-dannu lir-reputazzjoni ta’ dik it-trade mark (“titbigħ”) u, it-tielet nett, il-vantaġġ żleali mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark (“parassitiżmu”), fejn wieħed biss minn dawn id-danni huwa suffiċjenti sabiex tkun applikabbli r-regola stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni ( 7 ).

16.

Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, il-Gerechtshof, li kienet qed tiddeċiedi fuq l-appell, ikkunsidrat li dan kien każ ta’ “vantaġġ inġust meħud mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark” jew “parassitiżmu”. Dan id-dannu għad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark ma huwiex marbut mad-dannu subit mit-trade mark, iżda mal-vantaġġ miksub minn terzi mill-użu tas-sinjal identiku jew li jixbah lit-trade mark. Dan jinkludi b’mod partikolari l-każijiet fejn, minħabba trasferiment tal-immaġni tat-trade mark jew tal-karatteristiċi tagħha lejn prodotti koperti mis-sinjal identiku jew li jixbaha, ikun hemm użu manifest minn fuq dahar trade mark li għandha reputazzjoni ( 8 ).

17.

Il-Hoge Raad der Nederlanden issospendiet b’mod provviżorju l-proċeduri deċiżjonali dwar l-aggravju li jirrigwarda dan il-punt imressaq minn H.J.M. de Vries insostenn tal-appell tiegħu sabiex tistaqsi qabel xejn lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ikunx hemm ukoll raġuni valida, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks, meta s-sinjal identiku jew li jixbah lit-trade mark li għandha reputazzjoni jkun diġà ntuża in bona fide mit-terz jew mit-terzi inkwistjoni, qabel ma din it-trade mark tkun ġiet ippreżentata.

B – Fuq l-argument ta’ Red Bull

18.

F’dan ir-rigward, Red Bull issostni li jkun hemm raġuni valida biss jekk l-utent tas-sinjal ikollu bżonn juża preċiżament dak is-sinjal b’tali mod li, minkejja d-dannu kkawżat lill-proprjetarju tat-trade mark b’dak l-użu, wieħed ma jistax jeżiġi li l-utent jastjeni minn dan l-użu. Fi kliem ieħor: għandu jkun hemm raġuni imperattiva li teskludi kwalunkwe possibbiltà li l-użu kkontestat jiġi rrinunzjat. Red Bull tibbaża l-opinjoni tagħha fuq sentenza tal-Qorti Ġenerali ( 9 ), fuq deċiżjoni ta’ bord tal-appell tal-UASI ( 10 ) u fuq il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Benelux ( 11 ).

C – Fuq id-diċitura tad-dispożizzjoni inkwistjoni

19.

Huwa possibbli li l-analiżi restrittiva ta’ Red Bull tidher iktar fondata fid-dawl tal-verżjoni Olandiża tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks milli ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħrajn. Fil-verżjoni Olandiża, ma huwiex it-terminu “rechtvaardige reden” (ġustifikazzjoni) li jintuża imma “geldige reden” (raġuni valida). Din il-verżjoni tista’ anki kważi tinftiehem fis-sens li l-utent għandu jkollu dritt konkret biex juża s-sinjal, pereżempju minħabba kunjom jew trade mark preċedenti.

20.

It-terminu Ġermaniż “rechtfertigender Grund”, imma anki t-termini korrispondenti bil-Franċiż – “juste motif” – u bl-Ingliż – “due cause” – jistgħu, min-naħa l-oħra, jinftiehmu wkoll fis-sens li ma huwiex meħtieġ li r-raġuni għall-użu tas-sinjal jkollha natura imperattiva. Skont din l-interpretazzjoni, huwa suffiċjenti li l-utent ikollu interess leġittimu li jipprevali fuq l-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark li għandha reputazzjoni.

21.

Prima facie, jidher li ma hemm l-ebda raġuni għaliex l-użu preċedenti ta’ sinjal ma jkunux jista’ jagħti lill-utent interess leġittimu li jista’ jipprevali.

22.

Madankollu, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi. Fil-każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 12 ).

D – Fuq l-istruttura tad-Direttiva dwar it-trade marks

23.

Insostenn tal-opinjoni tagħha, Red Bull tinvoka tabilħaqq l-istruttura tad-Direttiva dwar it-trade marks u t-traspożizzjoni tagħha fil-Konvenzjoni Benelux. L-opinjoni tagħha hija bbażata b’mod partikolari fuq ir-regoli dwar il-protezzjoni tat-trade marks imsejħa tal-użu, jiġifieri trade marks li ma jkunux irreġistrati u jkunu protetti biss skont l-użu li jsir minnhom.

24.

Id-Direttiva dwar it-trade marks, fl-Artikolu 4(4)(c) tagħha, tawtorizza lill-Istati Membri biex jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark fil-każ li diġà jkunu jeżistu drittijiet għal trade mark mhux irreġistrata u fejn dik it-trade mark mhux irreġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha d-dritt li jimpedixxi l-użu ta’ trade mark sussegwenti. L-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jippermetti wkoll li l-Istati Membri jirrikonoxxu drittijiet preċedenti b’portata lokali. Kif jirriżulta wkoll mill-premessa 5 tad-Direttiva dwar it-trade marks, l-Istati Membri b’hekk jistgħu jirrikonoxxu u jipproteġu trade marks mhux irreġistrati, imma ma humiex obbligati jagħmlu dan.

25.

Il-Konvenzjoni Benelux ma adottat l-ebda waħda minn dawn il-possibbiltajiet. Skont id-dispożizzjonijiet tagħha, trade mark tinkiseb biss bir-reġistrazzjoni u mhux bis-sempliċi użu. Skont Red Bull, l-unika miżura korrettiva li teżisti f’sistema li tirrikonoxxi biss ir-reġistrazzjoni huwa li tiġi ssanzjonata trade mark ippreżentata in mala fide, kif jipprevedi l-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva dwar it-trade marks. Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra hija wkoll li f’din ix-xorta ta’ sistema, l-użu li jsir, in bona fide, tas-sinjal qabel il-preżentata tat-trade mark ma jistax jikkostitwixxi raġuni valida għall-finijiet tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks.

26.

Skont din il-linja ta’ argumentazzjoni, ir-rikonoxximent tal-użu li jkun sar in bona fide tas-sinjal qabel il-preżentata tat-trade mark li għandha reputazzjoni bħala li jista’ jikkostitwixxi raġuni valida fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks fl-aħħar mill-aħħar ikollu indirettament l-effett li jipproteġi t-trade marks mhux irreġistrati.

27.

Din l-analiżi ma hijiex konvinċenti. Ir-rikonoxximent bħala raġuni valida possibbli ma jfissirx li l-persuna li tkun użat sinjal mingħajr ma tkun irreġistratu tista’ tagħmel użu mid-drittijiet ta’ protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju ta’ trade mark, u lanqas li minn dan ir-rikonoxximent jirriżulta li din ir-raġuni valida tkun applikabbli fil-każijiet kollha.

28.

Barra minn hekk, l-użu ta’ sinjal li forsi jkun ibbażat fuq raġuni valida fil-kuntest tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks abbażi tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva dejjem jista’ jiġi impedit jekk ikun hemm possibbiltà ta’ konfużjoni, billi mbagħad ikun hemm ir-riskju li l-konsumaturi jiġu mqarrqa.

29.

Huwa minnu li Red Bull topponi għal din il-kunsiderazzjoni tal-aħħar l-argument li l-kamp tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks huwa usa’ minn dak abbażi tal-Artikolu 5(1); imma lanqas dan l-argument ma huwa konvinċenti. Fil-fatt, dawn iż-żewġ drittijiet għandhom funzjonijiet differenti. L-Artikolu 5(2) għandu biss l-għan li jipproteġi lill-proprjetarju tat-trade mark, filwaqt li l-Artikolu 5(1) għandu wkoll l-għan li jipproteġi lill-konsumaturi minn kwalunkwe qerq. Minħabba f’hekk, il-protezzjoni tat-trade marks ordinarji tista’ tkun applikabbli f’każijiet fejn il-protezzjoni ta’ trade marks li għandhom reputazzjoni ma tkunx involuta u bil-kontra.

30.

Għandu jingħad ukoll li l-istruttura tad-Direttiva dwar it-trade marks tista’ tkun affettwata minn lat ieħor, jiġifieri fir-rigward tar-raġuni relattiva għal rifjut tal-eżistenza ta’ trade mark li għandha reputazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(3) u (4)(a). Dawn id-dispożizzjonijiet fil-fatt jagħmlu użu minn diċitura identika għal dik tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva. Madankollu, billi s-sinjal inkwistjoni f’din il-kawża diġà kien irreġistrat qabel ma Red Bull saret trade mark li għandha reputazzjoni, ma hemmx għalfejn jiġu indirizzati l-konsegwenzi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks li se nipproponi iktar ’il quddiem jista’ jkollha għar-reġistrazzjoni tat-trade marks.

31.

Konsegwentement, l-istruttura tad-Direttiva lanqas ma teżiġi li jiġi adottat l-approċċ restrittiv issuġġerit minn Red Bull.

E – Fuq l-ibbilanċjar meħtieġ

32.

Għaldaqstant, ma huwiex sorprendenti li fis-sentenza Interflora u Interflora British Unit reċenti tagħha, li l-Hoge Raad der Nederlanden qed tinvoka wkoll sabiex tispjega n-neċessità ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma interpretatx il-kunċett ta’ “raġuni valida” bħala li jindika raġuni imperattiva. Dik il-kawża kienet tikkonċerna reklamar ippubblikat fuq l-internet abbażi ta’ kelma prinċipali li kienet tikkorrispondi għal trade mark li għandha reputazzjoni. Dak ir-reklamar kien qed jipproponi alternattiva fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark li għandha reputazzjoni, mingħajr madankollu ma kien qed joffri sempliċi imitazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark, mingħajr tidjif jew titbigħ u barra minn hekk mingħajr ma kien qed jagħmel dannu lill-funzjonijiet tal-imsemmija trade mark. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali użu jifforma parti, bħala prinċipju, minn kompetizzjoni b’saħħitha u leali fis-settur tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni u b’hekk hemm lok għal “raġuni valida” fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks ( 13 ).

33.

Ċertament jista’ jgħin sabiex ikun hemm kompetizzjoni b’saħħitha u leali mal-proprjetarju ta’ trade mark li għandha reputazzjoni li dik it-trade mark tintuża bħala kelma prinċipali għar-reklamar fuq l-internet. Reklamar bħal dan madankollu ma huwiex prerekwiżit, assolutament neċessarju, ta’ din il-kompetizzjoni.

34.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Interflora u Interflora British Unit tagħha, ma bbażatx ruħha fuq in-nuqqas ta’ alternattivi għall-użu ta’ trade marks li għandhom reputazzjoni bħala kelmiet prinċipali. Anzi, id-deċiżjoni tagħha hija bbażata fuq ibbilanċjar tad-dannu lit-trade mark, min-naħa l-waħda, u ta’ interessi oħrajn, b’mod partikolari l-libertà tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra.

35.

Barra minn hekk, eżerċizzju ta’ bbilanċjar huwa wkoll eqreb għal-loġika tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li d-Direttiva hija intiża, b’mod ġenerali, sabiex tibbilanċja, minn naħa, l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark li jħares il-funzjoni essenzjali ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, l-interessi ta’ operaturi oħra ekonomiċi li jiddisponu minn sinjali li jistgħu jidentifikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom ( 14 ).

36.

Eżerċizzju ta’ bbilanċjar huwa wkoll konformi mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks. Fil-fatt, il-proprjetarju ta’ trade mark li għandha reputazzjoni ma jistax jimpedixxi kull użu tat-trade mark jew ta’ sinjali li jixbhuha, imma biss użu mingħajr raġuni valida li jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark. F’dan il-kuntest, il-vantaġġ żleali jew il-preġudizzju żleali huma marbuta mill-qrib man-nuqqas ta’ raġuni valida. Fil-fatt, meta l-użu tas-sinjal ikun iġġustifikat, klassifikazzjoni negattiva bħala żleali tiġi ġeneralment ipprojbita ( 15 ).

37.

Għaldaqstant, jidher opportun li l-verifika tar-raġuni valida tinkludi eżami dwar jekk l-użu tas-sinjal jiħux vantaġġ żleali mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark. Dan jeħtieġ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni ( 16 ).

38.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-intensità tar-reputazzjoni u l-grad ta’ karattru distintiv tat-trade mark, fuq il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kif ukoll fuq in-natura u l-grad ta’ xebh tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Fir-rigward tal-intensità tar-reputazzjoni u tal-grad ta’ karattru distintiv tat-trade mark, hija ddikjarat li iktar ma l-karattru distintiv u r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark ikunu kbar, iktar tkun faċilment ammessa l-eżistenza ta’ dannu. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, iktar mal-evokazzjoni tat-trade mark mis-sinjal tkun immedjata u b’saħħitha, iktar ikun kbir ir-riskju li l-użu attwali jew futur tas-sinjal jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark ( 17 ).

39.

Fil-kuntest tal-eżami tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn huma prodotti identiċi u li rabta mat-trade mark li għandha reputazzjoni b’saħħitha ħafna għal dawn il-prodotti tista’ tidher partikolarment evidenti. Is-sinjali madankollu ma humiex identiċi imma jikkoinċidu biss fil-kelma “bull”, li fis-sinjal ta’ H.J.M. de Vries tikkostitwixxi biss parti mill-kelma “bulldog” u hija assoċjata ma’ immaġni għalkollox differenti.

40.

Il-karatteristika essenzjali ta’ vantaġġ żleali madankollu hija l-fatt li, permezz tal-użu ta’ sinjal li jixbah lil trade mark li għandha reputazzjoni, terz jipprova japprofitta minn fuq dahar din it-trade mark li għandha reputazzjoni sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex juża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju u mingħajr ma jkollu juża r-riżorsi tiegħu stess għal dan il-għan, l-isforz kummerċjali li wettaq il-proprjetarju tat-trade mark sabiex joħloq u jżomm l-immaġni ta’ din it-trade mark ( 18 ).

41.

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-fatt li s-sinjal THE BULLDOG ilu rreġistrat mill-1983 bħala trade mark għal xarbiet mingħajr alkoħol jista’ jkun importanti. Huwa minnu li t-trade mark Red Bull tippreċedih b’xi ftit jiem, imma huwa dubjuż kemm dak iż-żmien din diġà kellha reputazzjoni. Konsegwentement, H.J.M. de Vries jista’ fil-prinċipju jinvoka għal din it-trade mark il-prinċipju tal-protezzjoni tad-drittijiet miksuba, rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni ( 19 ) sabiex jiġġustifika l-użu tagħha għal xarba enerġetika mingħajr alkoħol. L-użu ta’ dritt eżistenti ma jistax, fil-prinċipju, ikun żleali u inġustifikat minħabba li trade mark oħra sussegwentement tikseb reputazzjoni u li l-kamp tal-protezzjoni tagħha jikkoinċidi minħabba f’hekk mal-kamp tal-protezzjoni ta’ trade marks eżistenti.

42.

Madankollu, għandu jiġi ammess li H.J.M. de Vries ma huwiex qiegħed isostni li għamel użu minn din it-trade mark għal xarbiet enerġetiċi qabel l-1997. Il-Hoge Raad der Nederlanden lanqas ma tidher, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, li indirizzat l-effetti ta’ din it-trade mark. Anzi, hija bbażat ruħha fuq il-fatt li t-trade mark intużat għal attivitajiet ekonomiċi oħrajn fis-settur tal-lukandi, tar-restoranti u tal-kafeteriji.

43.

Madankollu, anki użu bħal dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jkunu se jiġu bbilanċjati l-interessi. Fil-fatt, dan l-użu jikkostitwixxi sforz proprju ta’ terz, li allura ma jistax jiġi akkużat iktar li qed iwettaq attività parassitarja mingħajr ma qed jagħmel sforzi huwa wkoll. Anzi, huwa possibbli li l-użu li diġà sar mis-sinjal ta wkoll li dan tal-aħħar setgħa ta’ attrazzjoni, reputazzjoni u prestiġju, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala interessi leġittimi tat-terz. Sa ċertu punt, l-istess jista’ jingħad jekk is-sinjal intuża wara l-preżentata tat-trade mark, imma qabel ma din tkun kisbet reputazzjoni. Ma hemmx lok li fil-kuntest ta’ din il-kawża tiġi deċiża l-kwistjoni tal-importanza li għandu l-użu li jkun sar minn sinjal wara li t-trade mark tkun kisbet reputazzjoni.

44.

Minħabba li l-użu li jkun sar minn sinjal fl-imgħoddi jista’ jagħti lil dan tal-aħħar setgħa ta’ attrazzjoni, reputazzjoni u prestiġju, l-użu attwali tiegħu jista’ wkoll ikun tali li jissodisfa l-funzjoni oriġinali tat-trade mark u jikkontribwixxi b’hekk biex il-konsumaturi jingħataw informazzjoni aħjar. B’hekk huwa possibbli li, f’dan il-każ, ikun hemm probabbiltà ikbar li għall-inqas il-konsumaturi ta’ Amsterdam ikunu jistgħu jistabbilixxu rabta bejn is-sinjal THE BULLDOG u impriża partikolari milli huwa l-każ għall-ismijiet “de Vries” jew “Leidseplein Beheer” jew isem għalkollox ġdid.

45.

Dan l-interess leġittimu fl-użu ta’ sinjal li diġà ntuża fl-imgħoddi lanqas ma jiġi newtralizzat mill-fatt li huwa possibbli li H.J.M. de Vries beda jikkummerċjalizza xarbiet enerġetiċi biss wara li Red Bull kisbet suċċess kbir b’dan il-prodott. Id-dritt tat-trade marks ma għandux l-għan li jimpedixxi lil ċerti impriżi milli jipparteċipaw fil-kompetizzjoni f’ċerti swieq. Anzi, kif turi s-sentenza Interflora u Interflora British Unit, din il-kompetizzjoni fis-suq intern hija saħansitra mixtieqa ( 20 ). Issa, fil-kuntest ta’ din il-kompetizzjoni, l-impriżi għandhom – anki jekk b’possibbiltà ta’ konfużjoni – fil-prinċipju jkollhom id-dritt li jużaw is-sinjali li bihom saru magħrufa fis-suq.

46.

B’hekk, l-eżempju ċċitat minn Red Bull, ta’ ħanut tal-kotba stabbilit li jġib l-isem “Green Apple” u li beda jbigħ kompjuters b’dan l-isem, ma jistax jiġi analizzat awtomatikament bħala ksur tad-drittijiet tat-trade mark li għandha reputazzjoni Apple.

47.

Madankollu, kif tosserva sewwa ħafna l-Kummissjoni, huwa dejjem possibbli li tittieħed azzjoni kontra ċerti forom ta’ użu ta’ sinjali li diġà ntużaw fl-imgħoddi, fil-każ li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, madankollu huma jkunu tali li, mingħajr raġuni valida, jieħdu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudikaw, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark. Dan, pereżempju, jista’ jkun il-każ jekk il-preżentazzjoni tas-sinjal tagħti impressjoni lill-konsumatur ta’ xebh partikolari mat-trade mark li għandha reputazzjoni.

48.

Il-qorti nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull wieħed minn dawn il-fatturi meta tiġi biex teżamina jekk l-użu ta’ sinjal jiħux vantaġġ żleali u mingħajr raġuni valida mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark li għandha reputazzjoni.

V – Konklużjoni

49.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari kif ġej:

“Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk, bl-użu ta’ sinjal li jixbah lil trade mark li għandha reputazzjoni, terz jiħux vantaġġ żleali u mingħajr raġuni valida mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, il-fatt li diġà kien juża dak is-sinjal, in bona fide, għal prodotti jew għal servizzi oħrajn qabel ma t-trade mark li għandha reputazzjoni ġiet ippreżentata jew kisbet ir-reputazzjoni tagħha, jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni favur l-imsemmi terz.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C-323/09, Ġabra p. I-8625, punt 91).

( 3 ) It-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi għall-Ewwel Direttiva tal-Kunsill [89/104/KEE], tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92). Madankollu, hija d-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25), li hija applikabbli; fuq il-mertu, madankollu, ma hemmx distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din tal-aħħar u dawk tad-Direttiva 89/104.

( 4 ) Punt 3.10.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 5 ) Sentenzi tad-9 ta’ Jannar 2003, Davidoff (C-292/00, Ġabra p. I-389, punt 30); tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C-236/08 sa C-238/08, Ġabra p. I-2417, punt 48), u Interflora u Interflora British Unit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 68).

( 6 ) Sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et (C-487/07, Ġabra p. I-5185, punt 36), u Interflora u Interflora British Unit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 70 et seq).

( 7 ) Sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation (C-252/07, Ġabra p. I-8823, punti 27 et seq); L’Oréal et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 38 u 42), u Interflora u Interflora British Unit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 70 et seq).

( 8 ) Sentenzi L’Oréal et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 41), u Interflora u Interflora British Unit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 74).

( 9 ) Sentenza tal-25 ta’ Marzu 2009, L’Oréal vs UASI – Spa Monopole (SPALINE) (T‑21/07, punt 43).

( 10 ) Deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-10 ta’ Novembru 2010 (OStCaR/OSCAR) (R 1797/2008‑2, punt 63).

( 11 ) Sentenza tal-1 ta’ Marzu 1975, Bols vs Colgate Palmolive (Claeryn/Klarein) (GRUR International 1975, p. 399, 401).

( 12 ) Sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1967, van der Vecht (19/67, Ġabra p. 462, 473); tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, Ġabra p. 1999, punti 13 u 14); tal-14 ta’ Ġunju 2007, Euro Tex (C-56/06, Ġabra p. I-4859, punt 27), u tal-21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication (C-426/05, Ġabra p. I-685, punt 25).

( 13 ) Sentenza Interflora u Interflora British Unit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 91).

( 14 ) Sentenzi tas-27 ta’ April 2006, Levi Strauss (C-145/05, Ġabra p. I-3703, punt 29), u tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C-482/09, Ġabra p. I-8701, punt 34).

( 15 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi ppreżentati fl-10 ta’ Frar 2009 fil-kawża L’Oréal et (C-487/07, Ġabra p. I-5185, punti 105 et seq); F. Hacker, “§ 14 – Ausschließliches Recht – Sonderschutz der bekannten Marke”, fi Ströbele/Hacker, Markengesetz-Kommentar, id-disa’ edizzjoni., Carl-Heymanns-Verlag, Köln 2009, p. 925, punt 323, K.‑H. Fezer, Markenrecht, ir-raba’ edizzjoni., München 2009, § 14, p. 1167, punt 814.

( 16 ) Sentenzi Intel Corporation (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 68) u L’Oréal et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 44).

( 17 ) Sentenzi Intel Corporation (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 67 sa 69) u L’Oréal et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 44).

( 18 ) Sentenzi L’Oréal et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 49); Google France u Google (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 102), u Interflora u Interflora British Unit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 89).

( 19 ) Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011, Flos (C-168/09, Ġabra p. I-181, punt 50).

( 20 ) Sentenza Interflora u Interflora British Unit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 91). Ara wkoll, l-Artikolu 3(3) TUE dwar il-ħolqien ta’ suq intern, il-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni u s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C-496/09, Ġabra p. I-11483, punt 60).

Fuq