Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62011CJ0288
Judgment of the Court (Eighth Chamber), 19 December 2012.#Mitteldeutsche Flughafen AG and Flughafen Leipzig-Halle GmbH v European Commission.#Appeal — State aids — Concept of ‘undertaking’ — Economic activity — Airport infrastructure construction — Runway.#Case C‑288/11 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2012.
Mitteldeutsche Flughafen AG et Flughafen Leipzig-Halle GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ ‘impriża’ — Attività ekonomika — Kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti — Runway għat-tlugħ u l-inżul tal-ajruplani.
Kawża C‑288/11 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2012.
Mitteldeutsche Flughafen AG et Flughafen Leipzig-Halle GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ ‘impriża’ — Attività ekonomika — Kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti — Runway għat-tlugħ u l-inżul tal-ajruplani.
Kawża C‑288/11 P.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:821
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
19 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )
“Appell — Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ ‘impriża’ — Attività ekonomika — Kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti — Runway għat-tlugħ u l-inżul tal-ajruplani”
Fil-Kawża C-288/11 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2011,
Mitteldeutsche Flughafen AG, stabbilita f’Leipzig (il-Ġermanja),
Flughafen Leipzig-Halle GmbH, stabbilita f’Leipzig,
irrappreżentati minn M. Núñez Müller u J. Dammann, avukati,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Martenczuk u T. Maxian Rusche, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,
Arbeitsgemeinschaft Deutscher Verkehrsflughäfen eV (ADV), irrappreżentata minn L. Giesberts u G. Kleve, avukati,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn E. Jarašiūnas (Relatur), President tal-Awla, A. Ó Caoimh u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Novembru 2012,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, Mitteldeutsche Flughafen AG (iktar ’il quddiem “MF”) u Flughafen Leipzig-Halle GmbH (iktar ’il quddiem “FLH”) qegħdin jitolbu l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni (T-443/08 u T-455/08, Ġabra p. II-1311, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, fil-Kawża T-455/08, minn naħa, annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Lulju 2008, dwar miżuri mill-Ġermanja għall-benefiċċju tad-DHL u tal-ajruport Leipzig/Halle (ĠU L 346, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn jistabbilixxi bħala EUR 350 miljun l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-intenzjoni tagħti lill-ajruport ta’ Leipzig-Halle għall-finijiet tal-kostruzzjoni ta’ runway ġdida orjentata lejn in-Nofsinhar u tal-infrastrutturi tal-ajruporti konnessi magħha u, min-naħa l-oħra, ċaħad il-kumplament tar-rikors. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża
2 |
Mill-punti 1 sa 12 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-ajruport ta’ Leipzig-Halle huwa operat minn FLH, li hija sussidjarja ta’ MF, li l-azzjonisti tagħha huma l-Land Sachsen u l-Land Sachsen-Anhalt kif ukoll l-ibliet ta’ Dresden (il-Ġermanja), Halle (il-Ġermanja) u Leipzig. Fl-4 ta’ Novembru 2004, MF iddeċidiet li tibni runway ġdida għat-tlugħ u għall-inżul tal-ajruplani (iktar ’il quddiem ir-“runway il-ġdida”), proġett li kellu jkun iffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital, fl-amomnt ta’ EUR 350 miljun, lil MF jew lil FLH mill-azzjonisti pubbliċi tagħhom. |
3 |
Il-grupp DHL (iktar ’il quddiem “DHL”), li jopera fis-settur tad-distribuzzjoni ta’ pakketti espress u li huwa miżmum 100 % minn Deutsche Post AG, iddeċieda, wara negozjati ma’ diversi ajruporti, li jittrasferixxi ċ-ċentru loġistiku Ewropew għall-ġarr bl-ajru tiegħu minn Brussell (il-Belġju) għal Leipzig-Halle b’effett mill-2008. Fil-21 ta’ Settembru 2005, FLH, MF u DHL Hub Leipzig GmbH (iktar ’il quddiem “DHL Hub Leipzig”) iffirmaw ftehim qafas li permezz tiegħu FLH kienet obbligata li tibni r-runway il-ġdid u li tonora impenji oħra matul il-perijodu ta’ validità ta’ dan il-ftehim, bħall-garanzija li DHL ser tkun tista’ topera mingħajr waqfien fuq din ir-runway u bħall-assigurazzjoni li minn tal-inqas 90 % tat-trasport bl-ajru mwettaq minn jew għal DHL ser ikun jista’ jitwettaq f’kull mument minn din ir-runway. |
4 |
Fil-21 ta’ Diċembru 2005, il-Land Sachsen ħarġet ittra ta’ impenn favur FLH u DHL Hub Leipzig (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ impenn”). Din l-ittra tiggarantixxi l-operat finanzjarju ta’ FLH matul il-perijodu ta’ validità tal-ftehim qafas u tobbliga lil Land Sachsen tikkumpensa lil DHL Hub Leipzig fil-każ li l-ajruport ta’ Leipzig-Halle ma jkunx jista’ jibqa’ jintuża kif previst. |
5 |
Fil-5 ta’ April 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inkonformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), innotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bil-ftehim qafas u bl-ittra ta’ impenn. |
6 |
Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Din il-proċedura kopriet il-ftehim qafas, l-ittra ta’ impenn kif ukoll il-kontribuzzjoni ta’ kapital. |
7 |
Fit-23 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Hija kkunsidrat, f’din id-deċiżjoni, li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni, inkonformità mal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ittra ta’ impenn u l-garanziji illimitati previsti fil-ftehim qafas kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni u talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tirkupra l-parti tal-għajnuna li kienet diġà tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ DHL taħt dawn il-garanziji. |
8 |
Kif jirriżulta mill-punti 62 u 67 tas-sentenza appellata, il-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet ingħatat qabel id-deċiżjoni kontenzjuża, kif ikkonfermat il-Kummissjoni matul is-seduta. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
9 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ottubru 2008, il-Freistaat Sachsen kif ukoll il-Land Sachsen-Anhalt, fil-Kawża T-443/08, u MF kif ukoll FLH, fil-Kawża T-455/08, ressqu rikorsi intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn il-Kummissjoni f’dan l-artikolu ddikjarat, minn naħa, li l-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Aritkolu 87(1) KE u, min-naħa l-oħra, li din l-għajnuna mill-Istat tammonta għal EUR 350 miljun. |
10 |
Permezz ta’ digrieti tat-30 ta’ Marzu 2009 u tal-24 ta’ Ġunju 2010, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, minn naħa, laqa’ t-talbiet għal intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ta’ Arbeitsgemeinschaft Deutscher Verkehrsflughäfen eV (ADV) (iktar ’il quddiem “ADV”) fiż-żewġ kawżi u, min-naħa l-oħra, iddeċieda li jgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali. |
11 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, MF u FLH, sostnuti minn ADV, qajmu tmien motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, it-tieni wieħed, fuq l-argument li FLH ma setgħetx tkun il-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat, it-tielet wieħed, fuq l-argument li FLH ma setgħetx tiġi kklassifikata fl-istess ħin bħala dik li tagħti u dik li tibbenefika minn għajnuna mill-Istat, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ projbizzjoni tar-retroattività, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġititmi u ta’ ugwaljanza, il-ħames wieħed, fuq ksur tad-dritt pimarju mil-Linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament ta’ ajruporti u l-għajnuna mill-Istat għall-bidu mogħtija lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU 2005, C 312, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2005”), is-sitt wieħed, imressaq b’mod sussidjarju, fuq difett proċedurali, is-seba’ wieħed, fuq ksur tat-tqassim tal-kompetenzi kif jirriżulta mit-Trattat KE u, it-tmien wieħed, fuq in-natura kontradittorja u fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti tal-ammont tal-għajnuna allegata. |
12 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għaqqdet il-Kawżi T-443/08 u T-455/08 għall-finijiet tas-sentenza, ċaħdet ir-rikors fl-ewwel kawża bħala inammissibbli u annullat, fit-tieni kawża, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn jistabbilixxi bħala EUR 350 miljun l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-intenzjoni tagħti lill-ajruport ta’ Leipzig-Halle għall-finijiet tal-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida u tal-infrastrutturi tal-ajruporti konnessi magħha, filwaqt li ċaħdet il-kumplament tar-rikors. |
13 |
Sabiex tiċħad l-ewwel motiv, li insostenn tiegħu l-appellanti, fil-Kawża T-455/08, kienu qegħdin isostnu b’mod partikolari li l-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, ma japplikax għall-ajruporti reġjonali fir-rigward tal-finanzjament tal-infrastrutturi tal-ajruporti, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett ikkunsidrat, għar-raġunijiet esposti fil-punti 87 sa 100 tas-sentenza appellata, li, sa fejn topera r-runway il-ġdida, FLH kienet teżerċita attività ekonomika, attività li minnha ma setgħetx tiġi separata l-attività ekonomika li tikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ din ir-runway. |
14 |
It-tieni nett, fil-punti 102 sa 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali warrbet l-argument imressaq mill-appellanti fis-sens li l-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida kienet tikkostitwixxi miżura li taqa’ taħt il-politika reġjonali, taħt il-politika ekonomika u taħt il-politika tat-trasport u li għalhekk il-Kummissjoni ma kellha ebda kontroll fuqha taħt ir-regoli tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat, u dan inkonformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [87 KE] u [88 KE] u tal-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni (ĠU 1994, C 350, p. 5, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-1994”). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat li s-settur tal-ajruporti kien għadda minn ċertu żvilupp, b’mod partikolari fir-rigward tal-organizzazzjoni u tas-sitwazzjoni ekonomika u kompetittiva tiegħu, u li l-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, Ġabra p. II-3929) u mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (C-82/01 P, Ġabra p. I-9297, iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi Aéroports de Paris”) kienet irrikonoxxiet, sa mis-sena 2000, li l-operaturi tal-ajruporti jeżerċitaw attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. |
15 |
Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 108 sa 116 tas-sentenza appellata, l-argumenti tal-appellanti dwar l-allegata natura separabbli tal-attivitajiet tal-kostruzzjoni u tal-operat ta’ infrastrutturi tal-ajurport. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali osservat, fl-ewwel lok, li l-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida kienet kundizzjoni preliminari meħtieġa għall-operat tagħha, fit-tieni lok, li l-entitajiet inkwistjoni kienu, f’dan il-każ, l-istess, fit-tielet lok, li, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-infrastruttura inkwistjoni kienet operata minn FLH għal finijiet kummerċjali u li għalhekk din l-infrastruttura setgħet tintuża għal dan l-iskop, il-Kummissjoni kienet ressqet biżżejjed provi sabiex tissostanzja r-rabta bejn il-kostruzzjoni u l-operat tar-runway il-ġdida u, fir-raba’ lok, li l-kostruzzjoni ta’ din ir-runway il-ġdida kienet attività li setgħet tintrabat direttament mal-operat tal-infrastrutturi tal-ajruporti u li l-fatt li attività ma titwettaqx minn operaturi privati jew il-fatt li din l-attività ma tkunx profittabbli ma kinux kriterji rilevanti sabiex ma tingħatax il-klassifikazzjoni bħala attività ekonomika. |
16 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali warrbet, fil-punti 117 sa 119 tas-sentenza appellata, l-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex idaħħlu inkwistjoni r-rilevanza tas-sentenza Aéroports de Paris qabel ma kkonkludiet, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Aritkolu 87(1) KE. |
17 |
Sabiex tiċħad ir-raba’ motiv imqajjem mill-appellanti fil-Kawża T-455/08 u bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ projbizzjoni tar-retroattività, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 157 sa 164 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li kienu qegħdin jallegaw l-appellanti, ma kinitx applikat il-Linji gwida tal-2005, iżda kienet implementat il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenzi Aéroports de Paris. Għaldaqstant, fil-punti 166 sa 172, 181 u 182 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-ilmenti marbuta mal-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza, kif ukoll il-ħames motiv imressaq f’dik il-kawża, ibbażat fuq ksur tad-dritt primarju mil-Linji gwida tal-2005. |
18 |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll, fil-punti 192 u 201 sa 209 tas-sentenza appellata, is-sitt motiv tal-appellanti fil-kawża msemmija, ibbażat fuq difett proċedurali, li fil-kuntest tiegħu kienu qegħdin isostnu, b’mod sussidjarju, li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kellha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll is-seba’ motiv li ppreżentaw fl-istess kawża, ibbażat fuq ksur tat-tqassim tal-kompetenzi kif jirriżulta mit-Trattat KE. |
19 |
Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tmien motiv tal-appellanti, invokat insostenn tar-rikors tagħhom fil-Kawża T-455/08 u bbażat fuq in-natura kontradittorja u fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti tal-ammont tal-għajnuna. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 230 tas-sentenza appellata, li l-ammont ta’ EUR 350 miljun, li kien jinsab fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, kien żbaljat fid-dawl tal-premessi ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn minn dawn l-istess premessi kien jirriżulta li l-ammonti li jkopru l-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u għalhekk kellhom jitnaqqsu mill-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ kapital. |
It-talbiet tal-partijiet
20 |
MF u FLH, kif ukoll ADV, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
21 |
Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż marbuta mal-appell. |
Fuq l-appell
22 |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu ħames aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ projbizzjoni tar-retroattività, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 1(b)(v), 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tat-tqassim tal-kompetenzi kif jirriżulta mit-Trattat KE u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE
L-argumenti tal-partijiet
23 |
L-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kklassifikat il-finanzjament tal-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida bħala għajnuna mill-Istat billi kkunsidrat li FLH kellha titqies, f’dan ir-rigward, bħala impriża sa fejn din il-kostruzzjoni kienet attività ekonomika fis-sens tar-regoli dwar l-għajnua mill-Istat. |
24 |
Skont l-appellanti, għandha ssir distinzjoni bejn l-attività ta’ kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti u l-attività tal-operat ta’ dawn l-infrastrutturi. Għall-kuntrarju ta’ dak li teżiġi l-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx b’mod distint dawn l-attivitajiet u ppreżumiet li dawn ma setgħux jiġu separati filwaqt li, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, sempliċement ikkonstatat li r-runways għat-tlugħ u l-inżul ta’ ajruplani huma elementi “essenzjali” għall-attivitajiet ekonomiċi eżerċitati mill-operatur ta’ ajruport u li l-kostruzzjoni ta’ tali runways tippermettilu jeżerċita l-attività ekonomika prinċipali tiegħu. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk dawn l-attivitajiet setgħux jiġu distinti u injorat il-fatt li dawn l-attivitajiet jikkonċernaw atturi u setturi differenti. |
25 |
Skont l-appellanti, sabiex tiġi evalwata n-natura ekonomika ta’ attività, ftit huwa rilevanti li din l-attività tikkostitwixxi “kundizzjoni preliminari” għal attività oħra u ma kienx hemm lok li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet prinċipali u l-attivitajiet sekondarji tal-entità kkunsidrata, u dan sa fejn il-ġurisprudenza teżiġi li tali evalwazzjoni titwettaq fir-rigward ta’ kull attività eżerċitata minn din l-entità. |
26 |
Barra minn hekk, skont l-appellanti, id-distinzjoni bejn il-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastrutturi hija prinċipju fundamentali tal-prassi tal-Kummissjoni u tirriżulta, fir-rigward tal-ajruporti, mill-punt 12 tal-komunikazzjoni tal-1994, li ma ġietx annullata, iżda sempliċement ikkompletata permezz tal-Linji gwida tal-2005. Għaldaqstant, dejjem skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tapplika l-komunikazzjoni tal-1994, ladarba din ma kinitx kuntrarja għad-dritt primarju, u dan minħabba li t-Trattat KE ma jattribwixxi ebda kompetenza lill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-poltika tal-infrastrutturi. |
27 |
Barra minn hekk, fl-interpretazzjoni tad-dritt primarju, il-qrati tal-Unjoni b’ebda mod ma jimponu l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għall-miżuri dwar l-infrastrutturi tal-ajruporti u jqisu li dawn ir-regoli għandhom japplikaw biss fir-rigward tal-operat tal-ajruport. F’dan ir-rigward, l-appellanti jirreferu għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u għas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T-196/04, Ġabra p. II-3643), filwaqt li jenfasizzaw li l-fatti li wasslu għall-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi kienu jikkonċernaw l-attivitajiet ta’ ajruport internazzjonali kbir li s-sitwazzjoni tiegħu, mill-aspett ekonomiku, kienet kompletament opposta għal dik ta’ ajruport reġjonali bħal dak ta’ Leipzig-Halle. |
28 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-attività ta’ kostruzzjoni tal-infrastrutturi ma tkunx imwettqa minn operaturi privati ma kienx rilevanti ladarba l-eżistenza ta’ suq tippressupponi li l-attività inkwistjoni tista’ titwettaq, bħala prinċipju, minn tali operaturi. Il-Qorti Ġenerali sempliċement assumiet in-natura ekonomika tal-attività ta’ kostruzzjoni tar-runway il-ġdida mingħajr ma eżaminat l-argumenti mressqa sabiex tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ suq għal din l-attività u mingħajr ma eżaminat ir-realtà ekonomika. |
29 |
Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li tosserva l-Qorti Ġenerali fil-punt 94 tas-sentenza appellata, l-attività ta’ kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti ma jistax ikollha n-natura ta’ attività ekonomika fin-nuqqas ta’ perspettivi ta’ profittabbiltà peress li huwa impossibbli li l-ispejjeż tal-kostruzzjoni jiġu ttrasferiti fuq l-utenti permezz tat-tariffi tal-ajruport. Fil-fatt, l-investituri privati ma jistgħux jittrasferixxu kif iridu l-ispejjeż fuq l-utenti peress li dawn it-tariffi għandhom jiġu awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Land fejn ikun jinsab l-ajruport inkwistjoni li, min-naħa tagħhom, jibbażaw l-awtorizzazzjoni tagħhom fuq kriterji li ma għandhom ebda rabta mal-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-infrastrutturi tal-ajruporti. Għaldaqstant, il-kostruzzjoni ta’ tali infrastrutturi tagħmel parti mill-attivitajiet li dejjem ġew u li neċessarjament huma eżerċitati minn entitajiet pubbliċi. |
30 |
L-istess bħall-appellanti, ADV, li hija assoċjazzjoni ta’ impriżi li joperaw ajruporti Ġermaniżi, tqis li l-klassifikazzjoni tal-attività ta’ finanzjament jew ta’ kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti bħala attività ekonomika hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni. |
31 |
Skont ADV, distinzjoni funzjonali bejn il-kostruzzjoni u l-operat ta’ tali infrastrutturi hija neċessarja kemm legalment u kif ukoll fid-dawl tal-fatti. Hija tosserva, b’mod partikolari, li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida hija essenzjali għall-operat tal-ajruport u ma tistax titqies b’mod separat mill-operat hija wisq ġenerali u twassal sabiex jiġu kkunsidrati bħala ekonomiċi l-attivitajiet kollha li jikkundizzjonaw l-attività tal-operat ta’ ajruport, inklużi l-miżuri li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. |
32 |
Fil-prattika, ma jeżistix finanzjament privat tal-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti ġodda, tal-inqas fil-każ tal-ajruporti ta’ daqs żgħir u medju, u l-involviment ta’ impriżi privati huwa limitat għall-akkwist u għall-operat ta’ infrastrutturi diġà eżistenti jew mibnija mill-Istat. Minkejja l-iżvilupp fis-settur tal-ajruporti, ser jibqa’ impossibbli li l-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti li jiswew ħafna flus tiġi ffinanzjata mid-dħul mill-operat. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ profittabbiltà, ma jkunx hemm attività ekonomika. |
33 |
ADV issostni, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali żbaljat u aġixxiet b’mod kontradittorju, filwaqt li segwiet f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni, meta rreferiet għas-sentenzi Aéroports de Paris. Il-konklużjoni li n-natura ekonomika tal-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-ajruport tirriżulta min-natura ekonomika tal-operat ma tistax tiġi dedotta minn din il-ġurisprudenza. La l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma ġġustifikaw b’mod aċċettabbli, fid-dritt, ir-raġuni għaliex, għall-kuntrarju tal-komunikazzjoni tal-1994, il-finanzjament tal-kostruzzjoni ta’ ajruport għandu jkun suġġett għall-eżami tal-Kummissjoni. Fil-verità, il-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti hija element essenzjali tas-servizzi ta’ interess ġenerali, b’tali mod li din il-funzjoni tipikament taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. |
34 |
Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li t-teżi difiża mill-appellanti, fis-sens li l-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti tikkostitwixxi attività li għandha tiġi evalwata indipendentement mill-operat tal-ajruport, hija manifestament ineżatta. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, minn wara s-sentenza Aéroports de Paris, huwa paċifiku li t-tqegħid għad-dispożizzjoni bi ħlas ta’ installazzjonijiet ta’ ajruport jikkostitwixxi attività ekonomika li taqa’ taħt ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-installazzjonijiet użati mill-operatur tal-ajruport huma spejjeż ta’ investiment li normalment ikollha tbati impriża kummerċjali. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li FLH kienet impriża u li l-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida kienet tikkostitwixxi element li ma setax jiġi sseparat mill-attività ekonomika ta’ FLH. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
35 |
Insostenn tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti, sostnuti minn ADV, essenzjalment itennu l-argumenti li huma ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali, fis-sens li l-kostruzzjoni jew l-estensjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti ma jikkostitwixxux attività ekonomika li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’tali mod li l-finanzjament tagħhom permezz ta’ fondi pubbliċi ma jistax jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
36 |
Fil-kuntest tal-appell, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kisritx l-Artikolu 87(1) KE meta ddeċidiet li l-attività ta’ FLH, li topera l-ajruport ta’ Leipzig-Halle u li bbenefikat flimkien ma’ MF mill-kontribuzzjoni ta’ kapital intiża sabiex tiġi ffinanzjata l-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida, kellha, sa fejn tikkonċerna din il-kostruzzjoni, natura ekonomika u li għaldaqstant il-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li din il-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
37 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kif isostnu l-appellanti u ADV, il-komunikazzjoni tal-1994 tindika, fil-punt 12 tagħha, li t-“twettiq ta’ proġetti ta’ infrastrutturi (ajruporti, highways, pontijiet, etc.) jikkostitwixxi miżura ta’ politika ekonomika ġenerali li l-Kummissjoni ma tistax tikkontrolla taħt ir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
38 |
Sabiex tiċħad l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq din il-komunikazzjoni, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 104 sa 106 tas-sentenza appellata, dan li ġej:
|
39 |
Dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma fihomx żball ta’ liġi. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet obbligata, fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi prevalenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, li teżamina l-kontribuzzjoni ta’ kapital fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Artikolu 88 KE. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament, minn naħa, ċaħdet l-argumenti tal-appellanti dwar il-komunikazzjoni tal-1994 u, min-naħa l-oħra, eżaminat il-motiv imressaq quddiemha billi vverifikat b’mod konkret, fid-dawl ta’ dawn il-punti u mhux fid-dawl ta’ din il-komunikazzjoni, jekk il-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida kinitx tikkostitwixxi attività ekonomika. |
40 |
F’dan id-dawl, fir-rigward tan-natura inseparabbli, f’dan il-każ, tal-attivitajiet ta’ operat u ta’ kostruzzjoni li hija kkontestata mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li tikkostitwixxi attività ekonomika kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew ta’ servizzi f’suq partikolari (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C-49/07, Ġabra p. I-4863, punt 21), l-ewwel nett osservat, ġustament, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li FLH, fil-kuntest tal-operat tal-ajruport ta’ Leipzig-Halle, teżerċita attività ekonomika peress li toffri servizzi tal-ajruporti bi ħlas miskub, b’mod partikolari, mit-tariffi tal-ajurport (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78) fis-suq tas-servizzi tal-ajruporti reġjonali. Dwar dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li ma tistax tiġi kkontestata mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-eżistenza ta’ tali suq kienet, fil-każ ineżami, ipprovata mill-fatt li l-ajruport ta’ Leipzig-Halle kien jikkompeti ma’ ajruporti reġjonali oħra fir-rigward tal-għażla fejn kellu jiġi bbażat iċ-ċentru loġistiku Ewropew għall-ġarr bl-ajru ta’ DHL. |
41 |
It-tieni nett, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-operat tar-runway il-ġdida kellu jagħmel parti mill-attività ekonomika ta’ FLH peress li l-Kummissjoni kienet indikat, fil-premessa 177 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li din l-infrastruttura kellha tiġi operata għal finijiet kummerċjali minn FLH, li kellha timponi tariffi bħala korrispettiv għall-użu tagħha. Il-Qorti Ġenerali osservat li, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kontenzjuża, dawn it-tariffi kellhom jikkostitwixxu s-sors prinċipali ta’ dħul għall-finanzjament ta’ din ir-runway, li kellha tippermetti lil FLH tkabbar il-kapaċitajiet tagħha u l-attività ta’ operat tal-ajruport ta’ Leipzig-Halle. |
42 |
Fl-aħħar nett, fil-punti 95 sa 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx hemm lok li l-attività li tikkonsisti fil-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida tiġi separata mill-użu sussegwenti ta’ din ir-runway, filwaqt li osservat, b’mod partikolari, fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl tan-natura u tal-iskop tagħha, il-kostruzzjoni ta’ din ir-runway ma kinitx taqa’, bħala tali, taħt il-prerogattivi tal-awtorità pubblika, ħaġa li l-appellanti barra minn hekk ma kinux invokaw b’mod espliċitu. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, sabiex laqgħat il-motiv ta’ annullament ibbażat fuq in-natura kontradittorja u fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti tal-ammont tal-għajnuna, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 225 u 226 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ammettiet, fil-premessi 182 u 183 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li ċerti spejjeż ikkonċernati mill-kontribuzzjoni ta’ kapital kienu jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet pubbliċi, jiġifieri l-ispejjeż marbuta mal-funzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ bon ordni, mal-miżuri ta’ protezzjoni kontra n-nirien u mal-miżuri ta’ sigurtà pubblika, mas-sigurtà tal-operat, mas-servizz meteoroloġiku Ġermaniż kif ukoll mas-servizz tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, u għalhekk ma setgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat. |
43 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jidher li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta essenzjalment iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li l-kostruzzjoni tar-runway il-ġdid minn FLH kienet tikkostitwixxi attività ekonomika u li, għaldaqstant, il-kontribuzzjoni ta’ kapital, bla ħsara għall-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet pubbliċi li kellhom jitnaqqsu mill-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. |
44 |
Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, sostnuti minn ADV, jidher li, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk il-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida setgħetx tiġi kklassifikata mill-Kummissjoni bħala attività ekonomika, il-Qorti Ġenerali, inkonformità mal-ġurisprudenza tagħha (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C-364/92, Ġabra p. I-43, punt 19; tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75, u MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25), wettqet eżami ta’ din l-attività u stħarrġet x’kienet in-natura tagħha. B’hekk, hija ma ppreżumietx iżda stabbiliet, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti u mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li din l-attività ma setgħetx tiġi separata mill-operat, minn FLH, tal-infrastrutturi tal-ajruporti, li tikkostitwixxi attività ekonomika, u dan sa fejn, barra minn hekk, il-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida ma hijiex marbuta, bħala tali, minħabba n-natura jew l-għan tagħha, mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tal-awtorità pubblika. |
45 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra mqajma mill-appellanti u ADV. |
46 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jitwarrab l-argument li l-kostruzzjoni tal-infrastrutturi tal-ajruporti u l-operat tal-ajruport jikkonċernaw atturi u setturi differenti sa fejn, fi kwalunkwe każ, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod sovren fil-punt 111 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ġiet ikkontestata fl-istadju ta’ dan l-appell, l-entitajiet ikkonċernati kienu, f’dan il-każ, l-istess. |
47 |
It-tieni nett, ftit huwa importanti li l-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 96, 110 u 111 rispettivament tas-sentenza appellata, li r-“runways huma elementi essenzjali għall-attivitajiet ekonomiċi mmexxija minn operatur ta’ ajruport”, li l-“bini ta’ runway huwa marbut mal-attività ekonomika prinċipali ta’ ajruport” u li l-“bini u l-estensjoni tar-runway huma kundizzjonijiet preliminari għat-tħaddim tagħha”. Huwa minnu li dawn il-kunsiderazzjonijiet, minħabba n-natura ġenerali tagħhom u minħabba l-fatt li jistgħu japplikaw ukoll għal ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tal-awtorità pubblika, ma humiex adegwati sabiex tiġi stabbilita n-natura ekonomika ta’ attività partikolari ta’ kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhom ebda impatt fuq il-fondatezza legali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali esposti fil-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza, li minnhom jirriżulta li, fil-każ ineżami, il-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida kienet tikkostitwixxi attività ekonomika. |
48 |
It-tielet nett, bi tweġiba għal dak li sostniet ADV fis-sens li l-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti hija element essenzjali tas-servizzi ta’ interess ġenerali u tikkostitwixxi għalhekk tipikament funzjoni pubblika, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li lanqas l-appellanti stess ma kienu qegħdin isostnu b’mod espliċitu li l-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida kienet taqa’, bħala tali, taħt il-prerogattivi tal-awtorità pubblika. |
49 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-attività ta’ kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti ma setgħetx tiġi żgurata minn operaturi privati peress li ma hemmx suq għal din it-tip ta’ attività minħabba l-assenza ta’ perspettivi ta’ profittabbiltà, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument billi osservat, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li mill-konstatazzjonijiet preċedenti tagħha kien jirriżulta li l-kostruzzjoni tar-runway il-ġdida kienet attività li setgħet tintrabat direttament mal-operat tal-ajruport, li huwa attività ekonomika. Peress li kienet stabbiliet dan, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex għalfejn tistħarreġ jekk kienx hemm suq speċifiku għall-attività ta’ kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti. |
50 |
Barra minn hekk, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, barra minn hekk, li l-fatt li attività ma tkunx żgurata minn operaturi privati jew il-fatt li ma tkunx profittabbli ma kinux kriterji rilevanti għall-finijiet ta’ jekk għandhiex tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika jew le. Fil-fatt, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 88 u 89 tas-sentenza appellata, skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, il-kunċett ta’ impriża, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi attività ekonomika kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75; MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 22, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, C-113/07 P, Ġabra p. I-2207, punt 69). Minn dan jirriżulta li l-kwistjoni ta’ jekk attività għandhiex natura ekonomika jew le, la tiddependi mill-istatus privat jew pubbliku tal-entità li teżerċitaha u lanqas mill-profittabbiltà ta’ din l-attività. |
51 |
Barra minn hekk, sabiex tingħata tweġiba għall-argumenti invokati f’dan il-kuntest mill-appellanti dwar l-ammont tat-tariffi tal-ajurporti, għandu jitfakkar li, kif ġie osservat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, f’dan il-każ il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li t-tariffi tal-ajruporti għandhom jikkostitwixxu s-sors prinċipali ta’ dħul għall-finanzjament tar-runway il-ġdida, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Din il-konstatazzjoni fattwali, li minnha jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, l-ispejjeż tal-kostruzzjoni ta’ din ir-runway ser jiġu ttrasferiti parzjalment fuq l-utenti, ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ li jkun hemm żnaturament tal-fatti jew tal-provi, li ma ġiex allegat f’dan il-każ, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, Ġabra p. I-10515, punt 97, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ projbizzjoni tar-retroattività, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali
L-argumenti tal-partijiet
53 |
L-appellanti, sostnuti minn ADV, iqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma applikatx il-Linji gwida tal-2005. Skonthom, peress li l-Kummissjoni kienet applikat de facto dawn il-linji gwida, il-Qorti Ġenerali, billi rrifjutat li tirrikonoxxi dan, kisret il-prinċipji ta’ projbizzjoni tar-retroattività, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. |
54 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ewwel wieħed minn dawn il-prinċipji, huma jsostnu li d-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni ta’ kapital favur FLH kienet adottata fi żmien meta kienet tapplika esklużivament il-komunikazzjoni tal-1994. Kien biss fl-aħħar tas-sena 2005 li kien hemm bidla fil-politika tal-Kummissjoni, liema istituzzjoni ma annullatx din il-komunikazzjoni iżda kkompletatha bil-Linji gwida tal-2005. Dawn tal-aħħar jeskludu b’mod espliċitu kull applikazzjoni retroattiva. |
55 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, l-appellanti jsostnu li, għall-kuntrarju tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali esposti fil-punt 167 tas-sentenza appellata, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2004 dwar il-kostruzzjoni u l-finanzjament tar-runway il-ġdida, la kien hemm prassi deċiżjonali li tinjora l-komunikazzjoni tal-1994 u lanqas ma kien hemm ġurisprudenza li tapplika r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament tal-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti, b’tali mod li l-bidla f’daqqa fl-approċċ tal-Kummissjoni ma kinitx prevedibbli. |
56 |
Fil-fatt, analiżi tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-miżura ta’ finanzjament ta’ infrastrutturi tal-ajruporti tikkonferma li, qabel il-pubblikazzjoni tal-Linji gwida tal-2005, din l-istituzzjoni ma kienet ħadet ebda deċiżjoni f’dan is-sens. Qabel din il-pubblikazzjoni, il-Kummissjoni kienet ittrattat b’mod espliċitu dawn il-miżuri bħala miżuri ġenerali ta’ politika ekonomika li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u dan anki wara li ngħataw is-sentenzi Aéroports de Paris. Kien biss fid-deċiżjonijiet tagħha tad-19 ta’ Jannar 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat N 644i/2002 (il-Ġermanja — Kostruzzjoni u żvilupp ta’ ajruporti reġjonali) u tal-20 ta’ April 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat N 355/2004 dwar l-ajruport ta’ Anvers li l-Kummissjoni kkunsidrat għall-ewwel darba li tapplika dawn ir-regoli għall-kostruzzjoni u għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi tal-ajruporti, filwaqt li fakkret li bħala prinċipju dawn ir-regoli ma humiex applikabbli. Madankollu, jekk jitqies li kienu rilevanti, dawn id-deċiżjonijiet ma setgħux jiddisturbaw l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati peress li ma kinux ġew ippubblikati kompletament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea iżda kienu ppubblikati biss sussegwentement fuq is-sit internet tal-Kummissjoni fil-lingwa tal-proċedura biss. |
57 |
Skont l-appellanti, f’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali rreferiet, b’mod żbaljat, l-ewwel nett, għas-sentenzi Aéroports de Paris u Ryanair vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, li kienu jikkonċernaw biss l-operat ta’ tali infrastrutturi, it-tieni nett, għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2001, dwar l-għajnuna mill-Istat N 58/2000 (l-Italja — Promozzjoni tas-sistema tal-ajruport fil-Piemonte, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2001”), li b’ebda mod ma qajmet dubju dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri ta’ finanzjament ta’ infrastrutturi tal-ajruporti bħala miżuri ta’ politika ġenerali, u, fl-aħħar nett, għan-notifika magħmula mill-Gvern Ġermaniż tal-għajnuna mill-Istat N 644i/2002, li ma kinitx tikkonċerna miżura individwali iżda skema ta’ għajnuna. Issa, l-Istati Membri ħafna drabi jinnotifikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom għal finijiet ta’ ċertezza legali, anki meta jqisu li din il-leġiżlazzjoni ma tkun tinkludi ebda għajnuna. |
58 |
Matul is-seduta, l-appellanti żiedu li s-sentenzi Aéroports de Paris u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2001 kienu ppubblikati biss b’mod limitat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li dawn ma kinux disponibbli bil-lingwa Ġermaniża fuq is-sit internet tal-Kummissjoni u li l-komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jkunux ippubblikati. |
59 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-argumenti li huma invokaw fil-konfront tal-legalità tal-Linji gwida tal-2005. Issa, minbarra l-fatt li huma kuntrarji għad-dritt primarju sa fejn jikklassifikaw il-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruporti bħala attività ekonomika, dawn il-linji gwida huma intrinsikament kontradittorji sa fejn jikkonfermaw il-komunikazzjoni tal-1994 filwaqt li ma humiex konformi magħha u għalhekk jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
60 |
Il-Kummissjoni tirribatti dawn l-argumenti kollha li, fil-fehma tagħha, jistgħu jiġu megħluba permezz ta’ sempliċi qari tad-deċiżjoni kontenzjuża, li minnu jirriżulta li din id-deċiżjoni tibbaża ruħha, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna, fuq l-Artikolu 87(1) KE, kif interpretat fis-sentenzi Aéroports de Paris, u mhux fuq il-Linji gwida tal-2005. Il-Kummissjoni tindika li, fid-dawl tal-kjarifika mogħtija minn dawn is-sentenzi fir-rigward tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, li huwa kunċett legali oġġettiv, hija ma setgħetx tibqa’ tapplika l-punt 12 tal-komunikazzjoni tal-1994 mingħajr ma tikser l-Artikolu 87(1) KE. |
61 |
Barra minn hekk, fid-dawl tas-sentenzi Aéroports de Paris u tal-prassi deċiżjonali li segwiet dawn is-sentenzi, ma kienx għad baqa’, skont il-Kummissjoni, raġuni leġittima sabiex wieħed jaħseb, fi tmiem is-sena 2004, li l-finanzjament mill-Istat ta’ runway għat-tlugħ u l-inżul ta’ ajruplani f’ajruport ma seta’ f’ebda każ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, il-Linji gwida tal-2005 ma kinux applikati u għalhekk il-parti tal-aggravju dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali hija manifestament nieqsa minn suġġett. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
62 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tar-retroattività, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 157 sa 160 tas-sentenza appellata, dan li ġej:
|
63 |
Fil-punt 161 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk osservat li l-indikazzjoni, li tinsab fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, fid-dawl tal-iżviluppi fis-settur tal-ajruporti, il-Kummissjoni kienet, fil-Linji gwida tal-2005, “estendiet” l-approċċ segwit fis-sentenzi Aéroports de Paris għall-ajruporti ta’ kull tip, ma kinitx tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet applikat dawn il-linji gwida fil-każ ineżami. Filwaqt li kkonstatat, fil-punti 162 u 163 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni lanqas ma kienet applikat il-Linji gwida tal-2005 fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-kriterji tal-vantaġġ ekonomiku u tal-imputabbiltà lill-Istat, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 164 tal-istess sentenza, li, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni ma kinitx applikat il-Linji gwida tal-2005. Hija għaldaqstant ċaħdet l-ilment. |
64 |
B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat essenzjalment, għar-raġunijiet esposti fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni, b’mod validu, ma mxietx mal-komunikazzjoni tal-1994. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstat essenzjalment li l-Kummissjoni lanqas ma kienet applikat il-Linji gwida tal-2005 sabiex tikklassifika l-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat iżda kienet evalwat din il-kontribuzzjoni billi bbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet li kienet siltet mis-sentenzi Aéroports de Paris fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. |
65 |
Għaldaqstant, kien ukoll ġustament li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argumenti mressqa mill-appellanti fir-rigward tal-legalità tal-Linji gwida tal-2005, filwaqt li, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat bħala ineffettivi l-ilmenti fir-rigward ta’ dawn il-linji gwida. |
66 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilmenti dwar il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-ilmenti fil-punt 166 tas-sentenza appellata minħabba li kienu bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-Linji gwida tal-2005 kienu ġew applikati retroattivament. Fil-punt 167 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat ukoll dan li ġej: “Fi kwalunkwe każ, dawn l-ilmenti jidhru infondati. Fil-fatt, il-ġurisprudenza [Aéroports de Paris], li minnha jirriżulta li t-tħaddim ta’ ajruport jikkostitwixxi attività ekonomika, tmur lura għas-sena 2000. Barra minn hekk, is-sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, [iċċitata iktar ’il fuq] li kienet tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ qabel il-Linji gwida tal-2005, ikkonfermat il-ġurisprudenza [Aéroports de Paris] fil-kuntest tat-tħaddim ta’ ajruport reġjonali. Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [tat-13 ta’ Marzu 2001], jirriżulta li f’din id-data, il-Kummissjoni ma kinitx teskludi li miżura favur l-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-ajruporti reġjonali tista’ possibbilment tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, li għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, kienet tikkonċerna wkoll il-finanzjament ta’ infrastrutturi tal-ajruporti, il-Kummissjoni essenzjalment qieset, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 17, li jekk il-miżura inkwistjoni kellha titqies bħala għajnuna mill-Istat, hija tkun kompatibbli mas-suq komuni bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw, fis-sena 2002, l-għajnuna mill-Istat N 644i/2002, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali bħalma jsostnu r-rikorrenti [...], dan sar minħabba li huma raw il-possibblità li l-miżuri inkwistjoni, li kellhom l-għan li jtejbu l-infrastruttura tal-ajruport reġjonali, setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-imsemmija għajnuna, il-Kummissjoni essenzjalment indikat lill-awtoritajiet Ġermaniżi, fit-30 ta’ Ġunju 2003, billi rreferiet għall-ġurisprudenza [Aéroports de Paris], li ma kienx hemm ċertezza li “l-għajnuna għall-bini u għall-iżvilupp ta’ ajruporti reġjonali tista’ tkun [...] ikkunsidrata bħala miżura ġenerali dwar l-infrastrutturi rilevanti għall-finijiet tal-għajnuna mill-Istat”. |
67 |
F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, kif il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat fil-punt 166 tas-sentenza appellata, l-argumenti tal-appellanti fir-rigward ta’ dawn l-ilmenti huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni applikat b’mod retroattiv il-Linji gwida tal-2005. Kien għalhekk ġustament li l-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-ilmenti fil-punt 169 tas-sentenza appellata. |
68 |
Mill-bqija, sa fejn huma intiżi li jikkontestaw il-punt 167 tas-sentenza appellata, dawn l-istess argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi sa fejn jikkonċernaw raġunijiet superfluwi tas-sentenza appellata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Bougues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, C-431/07 P, Ġabra p. I-2665, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat. |
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 1(b)(v), 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999
L-argumenti tal-partijiet
70 |
Skont l-appellanti, sostnuti minn ADV, jekk il-kontribuzzjoni ta’ kapital titqies bħala għajnuna mill-Istat, din għandha fi kwalunkwe każ tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti minħabba li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li jiġi estiż l-ajruport ta’ Leipzig-Halle matul is-sena 2004, ma kienx jeżisti suq, l-ajruporti reġjonali ma kinux jeżerċitaw attività ekonomika u ma kinux jikkompetu ma’ ajruporti oħra. Għalhekk, il-miżura inkwistjoni saret għajnuna biss minħabba l-iżvilupp sussegwenti fis-suq tal-ajruporti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet il-motiv imqajjem f’dan ir-rigward bħala wieħed sussidjarju. |
71 |
Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa manifestament infondat. Minn naħa, il-kundizzjonijiet tas-suq diġà kienu nbidlu radikalment fiż-żmien meta ngħatat il-kontribuzzjoni ta’ kapital, b’tali mod li din il-kontribuzzjoni kellha titqies bħala għajnuna ġdida. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 1(b)(v), 17 u 18 tar-Regolament Nru 659/1999 japplikaw biss għall-iskema ta’ għajnuna. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
72 |
Għandu jiġi osservat li, fil-punti 191 sa 193 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li esponiet ir-raġunijiet għalfejn fil-fehma tagħha l-kontribuzzjoni ta’ kapital inkwistjoni kienet ingħatat fi żmien meta l-Kummissjoni kienet diġà indikat li kienet tikkunsidra li tali finanzjament seta’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, esponiet dan li ġej:
|
73 |
Issa, permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti b’ebda mod ma jsostnu li dan ir-raġunament huwa vvizzjat bi żball jew żbalji ta’ liġi jew bi żnaturament tal-fatti, iżda sempliċement jikkontestaw, billi jtennu essenzjalment l-argumenti diġà mqajma fl-ewwel istanza, l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 191 tas-sentenza appellata, filwaqt li jsostnu li ma kienx hemm suq fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li jiġi estiż l-ajruport Leipzig-Halle matul is-sena 2004. |
74 |
Minn dan isegwi li l-appellanti, fil-verità, qegħdin jipprovaw, permezz ta’ dawn l-argumenti, jiksbu eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll tal-evalwazzjoni tal-fatti magħmula minnha fis-sentenza appellata, eżami mill-ġdid li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 ta’ din is-sentenza u s-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punti 34 u 35, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C-76/01 P, Ġabra p. I-10091, punti 46 u 47). |
75 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tat-tqassim tal-kompetenzi kif jirriżulta mit-Trattat KE
L-argumenti tal-partijiet
76 |
L-appellanti, sostnuti minn ADV, isostni li, meta kkunsidrat, fil-punt 203 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx marret oltre l-kompetenzi tagħha meta kklassifikat il-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Skonthom, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li d-deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi ta’ trasport tikkostitwixxi deċiżjoni fil-qasam tal-ippjanar tal-artijiet, adottata fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt pubbliku tal-Istat Membru. Billi tissuġġetta l-finanzjament ta’ estensjonijiet ta’ infrastrutturi għad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali jagħti lill-Kummissjoni kompetenzi li jillimitaw il-prerogattivi tal-Istati Membri fil-qasam tal-ippjanar tal-artijiet. Dan imur ukoll kontra l-prinċipju ta’ sussidjarjetà. |
77 |
Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-Artikolu 88 KE jawtorizzaha, u saħansitra jobbligaha, teżamina u tikkontrolla l-għajnuna mill-Istat u li l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħha. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, l-argumenti tal-appellanti ma għandhom ebda bażi. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
78 |
Mill-eżami tal-ewwel aggravju jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod validu li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali lanqas ma vvizzjat is-senteza tagħha bi żball ta’ liġi meta, fil-punti 203 sa 205 tas-sentenza appellata, iddikjarat, sabiex tiċħad il-motiv imqajjem quddiemha, ibbażat fuq ksur tat-tqassim tal-kompetenzi kif jirriżulta mit-Trattat KE, dan li ġej: “203. F’dan il-każ, fir-rigward [...] tal-ilment li l-Kummissjoni injorat il-kompetenzi tal-Istati Membri, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni qieset li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Għaldaqstant, hija ma setgħetx tinjora l-kompetenzi tal-Istati Membri f’dawn ir-rigward. 204. Għal dak li jirrigwada l-allegazzjoni li l-politika reġjonali u ekonomika, li jagħmel parti minnha l-iżvilupp tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk dan kien il-każ, dan il-fatt ma jistax ikollu bħala konsegwenza li l-Kummissjoni tiċċaħħad mis-setgħa tagħha ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat li huma mogħti lilha mill-Artikoli 87 KE u 88 K, fil-każ fejn il-finanzjamenti mogħtija fil-kuntest tal-imsemmija politika jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. 205. Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi stħarriġ aħjar minn dak li jista’ jitwettaq fil-livell nazzjonali, kif meħtieġ mill-Artikolu 5(2) KE, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma huwiex rilevanti, peress li huwa stabbilit li, bis-saħħa tat-Trattat KE, il-Kummissjoni kellha s-setgħa tistħarreġ il-miżura inkwistjoni f’dan il-każ, billi tirrigwarda għajnuna mill-Istat.” |
79 |
Fil-fatt, peress li kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat ġustament li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali setgħet legalment tasal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni kienet eżerċitat, fir-rigward ta’ din il-miżura, il-kontroll mogħti lilha mill-Artikolu 88 KE u għalhekk ma kinitx marret oltre l-kompetenzi tagħha u, għaldaqstant, lanqas ma marret oltre l-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni. Barra minn hekk, peress li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1992, Lornoy et, C-17/91, Ġabra p. I-6523, punt 30, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C-237/04, Ġabra p. I-2843, punt 23), il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx tikser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. |
80 |
Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi
L-argumenti tal-partijiet
81 |
L-appellanti, sostnuti minn ADV, jilmentaw li s-sentenza appellata fiha numru ta’ lakuni sa fejn il-Qorti Ġenerali tippreżumi l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika billi tirreferi biss għad-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma teżmina l-argumenti fis-sens kuntrarju mressqa minnhom u mingħajr ma teżamina r-realtà ekonomika. |
82 |
Il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod iddettaljat l-argumenti bbażati fuq allegat ksur tal-Artikolu 87(1) KE. Għaldaqstant, skontha, il-Qorti Ġenerali ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
83 |
Għandu jitfakkar li l-obbligu li s-sentenzi jkunu mmotivati jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u taħt l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ dik il-qorti, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutshce Telekom vs Il-Kummissjoni, C-280/08 P, Ġabra p. I-9555, punti 135 u 136). |
84 |
Il-Qorti Ġenerali ssodisfatt dan ir-rekwiżit billi esponiet b’mod ċar u inekwivoku, fil-punti 87 sa 121 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li wasluha sabiex tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti u sabiex tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. |
85 |
Peress li għaldaqstant il-ħames u l-aħħar aggravju ma huwiex fondat, hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud u, għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-appell. |
Fuq l-ispejjeż
86 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfu, dawn għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għall-ispejjeż tal-Kummissjoni, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
87 |
Skont l-Artikolu 184(4) tal-istess Regoli tal-Proċedura, ADV, intervenjenti li pparteċipat fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.