Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CC0216

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2012.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 92/12/KEE — Dazji tas-sisa — Prodotti tat-tabakk akkwistati fi Stat Membru u ttrasportati lejn Stat Membru ieħor — Kriterji ta’ evalwazzjoni esklużivament kwantitattivi — Artikolu 34 TFUE — Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni.
Kawża C‑216/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:819

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PEDRO CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2012 ( 1 )

Kawża C-216/11

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Franċiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 92/12/KEE — Artikoli 8 u 9 — Prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa — Prodotti tat-tabakk akkwistati fi Stat Membru u ttrasportati lejn ieħor — Kriterji għall-evalwazzjoni tal-limiti għat-trasport ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 34 TFUE — Relazzjoni bejn libertà fundamentali u dritt sussidjarju — Invokazzjoni suċċessiva tad-dritt sussidjarju u ta’ libertà fundamentali”

1. 

F’dan ir-rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li r-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha skont, l-ewwel nett, l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12/KEE ( 2 ), dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, u, it-tieni nett, skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ir-Repubblika Franċiża titlob li jiġi miċħud ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni.

2. 

Din il-kawża tqajjem kwistjoni interessanti li tirrigwarda, b’mod ġenerali, ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fejn jiġu invokati suċċessivament dispożizzjonijiet tad-dritt sussidjarju u libertajiet fundamentali. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Franċiża kisret kemm l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12 kif ukoll il-libertà ta’ moviment tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 34 TFUE. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt sussidjarju adottat b’applikazzjoni tal-libertajiet ta’ moviment jissostitwixxi proċeduralment lil dawn tal-aħħar u, fil-prinċipju, isir l-uniku parametru ta’ evalwazzjoni. Il-fatt li l-ilment tal-Kummissjoni huwa fformulat fil-kuntest ta’ rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu joħloq problema proċedurali, li ser nindirizza f’dawn il-konklużjonijiet, li ma hijiex nieqsa minn ċerta diffikultà.

I – Il-kuntest regolatorju

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE jipprovdu skont kif ġej:

“Artikolu 34

Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri.

[…]

Artikolu 36

Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 34 u 35 inklużi m’għandhomx jeskludu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet dwar l-importazzjoni, esportazzjoni jew transitu meta dawn ikunu ġustifikati abbażi ta’ moralità pubblika, ordni pubbliku, sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni jew ta’ annimali, jew il-preservazzjoni tal-pjanti, il-protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali.”

4.

Id-Direttiva 92/12 tarmonizza r-reġim ta’ żamma, ta’ moviment u ta’ kontroll tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, b’mod partikolari t-tabakk u x-xarbiet alkoħoliċi.

5.

Fis-seba’ premessa tal-preambolu tad-direttiva, huwa ddikjarat li “biex jiġi stabbilit li l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jinżammux għal għanijiet privati iżda għal dawk kummerċjali, l-Istati Membri għandhom jagħtu każ ta’ numru ta’ kriterji”.

6.

Il-kriterji msemmija f’dik il-premessa jinsabu fl-Artikoli 8 u 9 tad-direttiva, li jipprovdu skont kif ġej:

“Artikolu 8

Fir-rigward ta’ prodotti akkwistati minn individwi privati għall-użu proprju tagħhom u trasportati minnhom, il-prinċipju li jirregola s-suq intern jipprovdi li d-dazju tas-sisa għandu jkun dovut fl-Istat membru li fih ikunu ġew akkwistati.

Artikolu 9

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 6, 7 u 8, id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fejn il-prodotti [rilaxxati] għall-konsum fi Stat Membru jkunu miżmuma għal għanijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor.

F’dan il-każ, id-dazju għandu jkun dovut fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun l-prodotti u għandu jkun dovut mid-detentur tal-prodotti.

2.   Biex jistabbilixxu li l-prodotti riferiti fl-Artikolu 8 huma maħsuba għal għanijiet kummerċjali, l-Istati Membri għandhom jagħtu kont [jikkunsidraw], inter alia ta’ dan li ġej:

l-istatus kummerċjali tad-detentur tal-prodotti u r-raġunijiet tiegħu għalfejn ikun qed iżommhom,

il-post fejn ikunu jinsabu l-prodotti jew, fejn xieraq, il-mod ta’ trasport użat,

kull dokument li jirrelata mal-prodotti,

in-natura tal-prodotti,

il-kwantità tal-prodotti.

Għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni tal-ħames indent [inċiż] ta’ l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-livelli ta’ gwida, unikament bħala forma ta’ evidenza. Dawn il-livelli ta’ gwida, m’għandhomx ikunu anqas minn:

a)

Prodotti tat-tabakk

sigaretti: 800 wieħed

cigarillos (sigarri li ma jiżnux aktar minn 3 g kull wieħed): 400 wieħed

sigarri: 200 wieħed

tabakk tat-tipjip: 1,0 [1.0] kilogramma

[…]”

7.

Id-Direttiva 92/12 ġiet irrevokata u ssostitwita mid-Direttiva 2008/118/KE b’effett mil-1 ta’ April 2010. It-terminu previst fl-opinjoni mmotivata tal-Kummissjoni skada fit-23 ta’ Jannar 2010. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, il-liġi li għandha tiġi interpretata hija d-Direttiva 92/12, li l-kontenut tagħha, għandu jingħad, ma huwiex wisq differenti fir-rigward tal-kriterji li jiddeterminaw il-konsum personali.

B – Id-dritt nazzjonali

8.

Għall-għanijiet ta’ din il-proċedura, il-code général des impôts, (Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, iktar ’il quddiem il-“CGI”) fih diversi dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni tad-dazju tas-sisa għal ċerti prodotti, inkluż it-tabakk, li fosthom għandhom jiġu enfasizzati dawn li ġejjin:

“Artikolu 302 D

1.

Ikun hemm l-obbligu li titħallas it-taxxa: […]

4o

Mingħajr preġudizzju għal dak li jipprovdi l-punt 9 tal-Artikolu 458 u tal-Artikoli 575 G u 575 H, meta tiġi kkonstatata ż-żamma, fi Franza, ta’ alkoħol, ta’ xarbiet alkoħoliċi u ta’ tabakk immanifatturat għal għanijiet kummerċjali li għalihom id-detentur ma jistax juri, permezz ta’ ċertifikat, ta’ fattura jew ta’ irċevuta, skont il-każ, li qegħdin jiċċirkolaw taħt reġim li jissospendi t-taxxa jew li t-taxxa tħallset fi Franza jew ġiet iggarantita hemmhekk skont l-Artikolu 302 U.

Sabiex jiġi stabbilit li dawk il-prodotti huma miżmuma fi Franza għal finijiet kummerċjali, l-amministrazzjoni tieħu f’kunsiderazzjoni l-elementi segwenti:

a.

L-attività professjonali tad-detentur tal-prodotti;

b.

Il-post fejn ikun jinsabu dawk il-prodotti, il-mod ta’ trasport użat jew id-dokumenti relatati ma’ dawk il-prodotti;

c.

In-natura ta’ dawk il-prodotti;

d.

Il-kwantitajiet ta’ dawk il-prodotti, b’mod partikolari meta dawn ikunu superjuri għal-livelli limiti indikattivi ffissati mill-punt 2 tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/12 […].

[…]”.

Artikolu 575 G

“It-tabakk immanifatturat ma jistax jiċċirkola wara l-bejgħ tiegħu bl-imnut, fi kwantità ta’ iktar minn 1 kilogramma, mingħajr id-dokument imsemmi fl-Artikolu II tal-Artikolu 302 M”.

Artikolu 575 H

“Bl-eċċezzjoni tal-fornituri tal-imħażen, tad-debituri fil-punti tal-bejgħ, il-persuni speċifikati fil-punt 3 tal-Artikolu 565, ix-xerrejja-bejjiegħa msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 568 jew, fil-kwantitajiet iffissati b’digriet tal-ministru responsabbli għall-baġit, il-bejjiegħa msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dak l-artikolu, ħadd ma jista’ jżomm f’imħażen, f’postijiet kummerċjali jew abbord mezzi ta’ trasport iktar minn 2 kilogrammi ta’ tabakk immanifatturat.”

9.

Mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni mmotivata, fuq is-sit tal-internet tal-Ministeru tal-Finanzi Franċiż kien hemm bosta informazzjoni prattika intiża għax-xerrejja tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li jeżerċitaw il-moviment liberu bejn Franza u l-Istati Membri l-oħrajn. Skont dak li jingħad fir-rikors tal-Kummissjoni, l-informazzjoni pprovduta mill-Ministeru tal-Finanzi tinkludi dan li ġej:

“Informazzjoni ġenerali

Qabel ma tmur minn post għall-ieħor fi ħdan il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, jekk tagħmel xirjiet irriżervati għal użu personali, ma għandekx għalfejn timla d-dikjarazzjoni u lanqas tħallas dazji jew taxxi mat-tluq jew mar-ritorn tiegħek fi Franza.

Għandek tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) direttament fil-pajjiż fejn tagħmel ix-xirjiet tiegħek u bir-rata fis-seħħ hemmhekk. Jekk tixtri xarbiet alkoħoliċi u tabakk, il-leġiżlazzjoni Komunitarja tipprovdi livelli limiti indikattivi fir-rigward ta’ xirjiet minn individwi.

Lil hinn mil-livelli limiti tat-tabakk u tal-alkoħol, li huma speċifikati iktar ’il quddiem, u skont kriterji oħrajn, ix-xirja tiegħek tista’ titqies bħala kummerċjali mis-servizzi tad-dwana Franċiżi. Għaldaqstant, għandek tħallas id-diversi dazji u taxxi applikabbli fi Franza, għal kull wieħed minn dawk il-prodotti. Dawk il-livelli limiti japplikaw ukoll meta toħroġ minn Franza, lejn Stat ieħor tal-Unjoni Ewropea.

Tabakk

B’applikazzjoni tal-Artikoli 575 G u 575 H tal-code général des impôts, emendati mil-liġi dwar il-finanzjament tas-sigurtà soċjali għall-2006, id-dispożizzjonijiet segwenti japplikaw sa mill-1 ta’ Jannar 2006 għax-xiri ta’ tabakk, li jsir minn individwi, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, ħlief għall-għaxar Stati Membri l-ġodda.

Tista’ ġġorr 5 kartuni ta’ sigaretti (jew 1 kg tabakk) mingħajr ma jkollok dokumenti ta’ moviment.

Attenzjoni: Dan il-livell limitu japplika għal kull mezz ta’ trasport individwali jew għal kull persuna ta’ iktar minn 17-il sena f’każ ta’ użu ta’ trasport kollettiv (li għandu jinftiehem bħala kwalunkwe trasport b’iktar minn 9 persuni ttrasportati, inkluż ix-xufier).

Minn 6 sa 10 kartuni, ikollok tippreżenta ċertifikat issimplifikat (ĊI). Fin-nuqqas ta’ ĊI, il-vjaġġatur li ssirlu tfittxija jista’ jeħel penali u jiġi kkonfiskat it-tabakk. L-individwu jista’ jirrinunzja għall-merkanzija. F’dak il-każ, ma jeħel ebda penali.

Sabiex jikseb dak id-dokument, huwa biżżejjed li jippreżenta ruħu fl-ewwel uffiċċju doganali fi Franza, wara l-fruntiera.

Fi kwalunkwe każ, huwa pprojbit li jiddaħħlu iktar minn 10 kartuni ta’ sigaretti (jew 2 kg ta’ tabakk). Il-persuna li tiġi mfittxija teħel is-sanzjonijiet (konfiska tat-tabakk u penali) imsemmija hawn fuq.

Għall-mezzi ta’ trasport kollettiv (ajruplan, bastiment, xarabank, ferrovija), dawn japplikaw individwalment għal kull passiġġier.”

II – Il-proċedura prekontenzjuża

10.

Fl-20 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Franċiża ittra ta’ talba ta’ informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet u l-prattiki amministrattivi fil-qasam tal-importazzjoni tat-tabakk minn Stati Membri oħrajn. Fir-rigward tal-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni bagħtitilhom, fit-23 ta’ Ottubru 2007, ittra ta’ intimazzjoni fejn hija allegat li l-Istat Membru kkonċernat kiser l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12, kif ukoll dak li qabel kien l-Artikolu 28 KE (attwalment l-Artikolu 34 TFUE).

11.

Wara t-talba għal informazzjoni addizzjonali, mibgħuta lill-awtoritajiet Franċiżi fl-4 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni ħarġet, fit-23 ta’ Novembru 2009, opinjoni motivata fejn talbet lir-Repubblika Franċiża sabiex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tadatta l-leġiżlazzjoni u l-prattiki interni tagħha fi żmien xahrejn mid-data meta tirċievi l-ittra. Sussegwentement, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi organizzaw żewġ laqgħat bil-għan li jiffissaw skeda għall-proċeduri ta’ adattament tal-leġiżlazzjoni u tal-prattiki Franċiżi għad-dritt tal-Unjoni. B’ittra datata 15 ta’ Lulju 2010, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ dispożizzjonijiet li jemendaw is-sistema nazzjonali sabiex iġibuha totalment konformi mad-dritt tal-Unjoni.

12.

F’Novembru 2010, abbozz tal-liġi dwar il-finanzi li jemenda d-dispożizzjonijiet ikkontestati mill-Kummissjoni ġie ppreżentat lill-Assemblea Nazzjonali. Madankollu, fil-21 ta’ Diċembru ta’ dik l-istess sena, l-Assemblea Nazzjonali ċaħdet l-abbozz ta’ liġi, sabiex b’hekk ħalliet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li l-legalità tagħhom kienet ikkontestata mill-Kummissjoni.

13.

Fid-dawl tal-fatt li l-abbozz ta’ liġi ġie miċħud mill-Assemblea Nazzjonali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

III – Fuq ir-rikors

A – L-argumenti tal-partijiet

14.

Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li r-Repubblika Franċiża kisret l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12. Insostenn tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ssostni:

li l-leġiżlazzjoni Franċiża timponi, b’mod żbaljat, kriterji oġġettivi u assoluti sabiex tiddetermina jekk it-tabakk mixtri fi Stat Membru ieħor huwiex għal użu personali jew kummerċjali;

li, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, il-kriterju oġġettiv u assolut japplika għall-ammont sħiħ ta’ prodotti mixtrija u mhux għal kull tip ta’ prodott ikkunsidrat individwalment;

li, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, f’każ fejn il-persuna kkonċernata tivvjaġġa minn pajjiż għall-ieħor b’vettura, il-kriterju oġġettiv japplika għall-vettura u mhux għall-persuna kkunsidrata individwalment;

li kemm-il darba jkun sodisfatt il-kriterju u l-użu jitqies bħala kummerċjali, il-leġiżlazzjoni Franċiża tipprevedi sanzjonijiet sproporzjonati, inkwantu teżisti konfiska “sistematika” meta l-kwantità ta’ tabakk taqbeż iż-żewġ kilogrammi għal kull vettura. L-uniku każ fejn dik il-miżura ma tiġix applikata huwa meta jkun hemm “bona fide”, kunċett li, skont il-Kummissjoni, ma huwiex iddefinit mil-leġiżlazzjoni domestika u joħloq inċertezza ġuridika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika wkoll ir-reġim ta’ “rinunzja” tal-merkanzija, peress li fil-fehma tagħha d-differenza bejnu u bejn is-setgħat ta’ konfiska ma hijiex assolutament ċara.

15.

Il-Kummissjoni ssostni, it-tieni nett, li r-Repubblika Franċiża kisret l-Artikolu 34 TFUE, billi pprovdiet li l-kwantitajiet ta’ iktar minn żewġ kilogrammi ta’ tabakk, jew għaxar kartuni ta’ sigaretti, huma awtomatikament suġġetti għas-sisa, irrispettivament minn jekk jintweriex li huma intiżi għal użu personali. Insostenn ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tenfasizza prinċipalment il-fatt li, għalkemm jagħmel riferiment għaż-żamma ta’ tabakk irrispettivament mill-post minn fejn jinxtara, l-Artikolu 575H CGI għandu l-effett li jagħmel iktar diffiċli x-xiri ta’ tabakk minn Stati Membri oħrajn u, għaldaqstant, jirrestrinġi l-moviment liberu tal-merkanzija. Bħala prova, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kontrolli relatati mal-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni jirrigwardaw speċifikament ix-xirjiet transkonfinali. Bl-istess mod, dejjem skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi lanqas ma ħbew il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrigwardawx ix-xiri ta’ prodotti tat-tabakk fit-territorju Franċiż, iżda x-xiri fi Stati Membri oħrajn, bil-għan li jtemmu dak li huma kkwalifikaw bħala “turiżmu fiskali”.

16.

Skont il-Gvern Franċiż, u b’risposta għall-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni, is-sistema interna u l-prattika amministrattiva b’ebda mod ma jiksru d-Direttiva 92/12, għar-raġunijiet segwenti:

l-Artikoli 575 G u H ma jirregolawx id-dazji tas-sisa fuq it-tabakk, iżda ż-żamma ta’ tabakk. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ikkritikati mill-Kummissjoni ma jaqgħux taħt id-Direttiva 92/12 u ma jistgħux jiġu interpretati fid-dawl tagħha;

għalkemm id-Direttiva 92/12 tapplika għad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħrajn bħall-attività professjonali tax-xerrej, il-mod ta’ trasport użat jew in-natura tal-prodott. Il-fatt li l-prattika amministrattiva tuża biss kriterju wieħed ma jmurx kontra l-kompatibbiltà tal-Artikoli 575 G u H mad-Direttiva 92/12;

għal dak li għandu x’jaqsam mal-kriterju relatat mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-prodotti kollha miżmuma mill-persuna u mhux ma’ kull tip ta’ prodott ikkunsidrat individwalment, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/12 ma jgħid xejn f’dan ir-rigward. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni dwar dan il-punt, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Franċiża tikser dak l-artikolu;

fir-rigward tan-natura sproporzjonata tal-leġiżlazzjoni, il-Gvern Franċiż jafferma li s-sanzjonijiet ma japplikawx “sistematikament” u jikkunsidra li ma humiex sproporzjonati.

17.

Il-Gvern Franċiż jikkontesta wkoll it-tieni lment, rigward in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Artikolu 34 TFUE, u jippreżenta dawn l-argumenti f’dan ir-rigward:

għalkemm il-Gvern Franċiż jirrikonoxxi b’mod ċar li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 575 H hija restrizzjoni kwantitattiva tal-importazzjoni, huwa madankollu jsostni li din hija miżura ġġustifikata peress li l-objettiv tagħha huwa l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, kif jipprovdi l-Artikolu 36 TFUE;

il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, kif prevista mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, ma toħloqx differenza fit-trattament arbitrarja u ma hijiex miżura sproporzjonata.

B – Analiżi

1. Fuq l-ewwel ilment, dwar ksur tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12

18.

L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12 jistabbilixxu eċċezzjoni bil-għan li jiġu eżentati mill-ħlas tad-dazju tas-sisa l-persuni li jixtru “għall-użu proprju tagħhom” prodotti suġġetti għal dan id-dazju. L-Artikolu 9 jelenka diversi kriterji li l-Istati Membri “għandhom [jikkunsidraw], inter alia”, jiġifieri l-isatus kummerċjali, il-post fejn jinsabu l-prodotti, il-mod ta’ trasport użat, in-natura tal-prodotti u l-kwantità tagħhom.

19.

Fir-rigward ta’ dan l-aħħar kriterju, li jittratta dwar il-kwantità, dan l-artikolu jipprovdi li l-Istati jistgħu “jistabbilixxu l-livelli ta’ gwida, unikament bħala forma ta’ evidenza”. Sussegwentement, huma elenkati, għal kull tip ta’ tabakk, il-kwantitajiet minimi li l-Istati Membri għandhom josservaw jekk jużaw kriterju kwantitattiv bħala element ta’ prova.

20.

B’mod definittiv, id-Direttiva 92/12 armonizzat il-kriterji ta’ evalwazzjoni li l-Istati Membri għandhom jużaw sabiex jiddeterminaw jekk ix-xiri ta’ oġġett suġġett għad-dazju tas-sisa huwiex intiż għal użu personali jew għal użu kummerċjali B’hekk, għalkemm huwa ċar li d-direttiva hija strument ta’ armonizzazzjoni li tħalli setgħa diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ( 3 ) kellha l-okkażjoni li tenfasizza f’diversi okkażjonijiet, huwa wkoll ċert li dawn il-limiti jistgħu xi kultant jittrasformaw ruħhom f’obbligi ( 4 ). Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jevalwaw jekk prodott huwiex intiż għal skop jew ieħor, iżda din l-evalwazzjoni għandha ssir fi ħdan il-qafas stabbilit mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/12. Dan il-qafas jiddelimita l-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istat għaliex jimponi fuqu, kategorikament u b’mod strett, diversi limiti li ma għandhomx jinqabżu.

21.

L-ewwel limitu kategoriku u strett huwa l-obbligu li jitqiesu diversi kriterji sabiex jiġi ddeterminat l-użu tal-prodott. L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 92/12 huwa ferm ċar f’dan ir-rigward, inkwantu jipprovdi li l-Istati Membri “għandhom [jikkunsidraw], inter alia” il-punti msemmija hawn fuq ( 5 ). Kull dispożizzjoni jew prattika nazzjonali li, pereżempju, tieħu f’kunsiderazzjoni biss kriterju kwantittativ tmur lil hinn mill-qafas stabbilit mill-Artikolu 9(2).

22.

It-tieni limitu kategoriku u strett jidher fid-dikjarazzjoni tal-livelli indikattivi applikabbli għall-kriterju kwantitattiv. Fuq dan il-punt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 92/12 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu livelli kwantitattivi indikattivi, iżda jispeċifika li dan huwa “unikament bħala forma ta’ evidenza”. Għaldaqstant, jekk Stat Membru ma jħallix lill-persuna kkonċernata tippreżenta l-provi li jikkorroboraw il-verżjoni tagħha, kontra dak li jista’ jindika l-kriterju użat legalment, huwa jkun qed imur ukoll kontra l-Artikolu 9(2).

23.

Sussegwentement, it-tielet kriterju kategoriku u strett jirriżulta minn qari sistematiku u teleoloġiku tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12, inkwantu dawn jimponu fuq l-Istati Membri, jekk jużaw kriterju kwantitattiv, il-livelli limiti sabiex jiġi kkunsidrat li l-użu huwa kummerċjali. Dawk il-livelli limiti huma elenkati fl-Artikolu 9(2) u huma diviżi u suddiviżi skont il-prodott (prodotti tat-tabakk u xarbiet alkoħoliċi, u s-subkategoriji rispettivi tagħhom). Il-livelli limiti kwantitattivi ma jagħmlux riferiment espress għad-detentur tal-prodotti, iżda huwa ċar li meta ssemmi, pereżempju, livell limitu ta’ 800 sigarett, id-direttiva tirreferi għal numru ta’ sigaretti għal kull persuna. Dik l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kontenut tal-Artikolu 8 li jirreferi għall-prodotti mixtrija “minn individwi privati”. Bl-istess mod, l-Artikolu 9(1) tad-direttiva jippreċiża min hija l-persuna suġġetta għad-dazju tas-sisa meta l-prodotti jkunu għal użu kummerċjali, jiġifieri d-“detentur tal-prodotti”. Għaldaqstant, il-livelli limiti elenkati f’dik id-dispożizzjoni tad-direttiva huma applikabbli għal kull detentur, fi kliem ieħor, dawn huma kriterji minimi applikabbli għal kull persuna individwalment.

24.

Finalment, ir-raba’ u l-aħħar limitu kategoriku u strett jirriżulta mill-elenku ta’ kategoriji ta’ prodotti u mill-iffissar tal-livelli limiti kwantitattivi. L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 92/12 jiffissa l-livelli limiti għal kull kategorija ta’ prodotti, u fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk, dawk il-limiti jikkonċernaw is-sigaretti, is-sigarillos, is-sigarri u t-tabakk għat-tipjip. Kull kategorija għandha l-livell limitu kwantitattiv tagħha. Għalkemm id-Direttiva 92/12 ma tiddikjarax dan espressament, interpretazzjoni sistemika fl-istess sens bħal dik li saret fir-rigward tal-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet għandha twassalna biex napplikaw dawk il-limiti għal kull kategorija ta’ prodotti. B’hekk, persuna tista’ tkun fil-pussess ta’ 799 sigarett u ta’ 399 sigarillo mingħajr ma n-numru totali ta’ prodotti jwassal għall-konklużjoni li dawn huma maħsuba għal użu kummerċjali. Għaldaqstant, u bħala rikapitulazzjoni, il-livelli limiti kwantitattivi japplikaw għal kull persuna u għal kull kategorija ta’ prodott.

25.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa ċar li l-leġiżlazzjoni u l-prattika tar-Repubblika Franċiża ma josservawx il-kriterji ddefiniti mid-Direttiva 92/12.

26.

Fl-ewwel lok, l-argument imqajjem mir-Repubblika Franċiża li l-Artikoli 575 G u 575 H CGI ma humiex dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dazju tas-sisa fuq it-tabakk, iżda r-regoli dwar iż-żamma tat-tabakk, ma jreġix meta tinqara d-Direttiva 92/12. Hu x’inhu l-objettiv iddikjarat formalment mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis kemm il-kontenut kif ukoll l-effetti tagħha, peress li, kif ġie spjegat, din hija l-bażi ġuridika ta’ attività amministrattiva implementata mill-Gvern Franċiż. Barra minn hekk, l-Artikolu 575 H CGI ma jistabbilixxix kriterju ġdid, iżda livell limitu kwantitattiv, ta’ 2 kilogrammi ta’ tabakk immanifatturat għal kull mezz ta’ trasport, li meta jinqabeż ikollha titħallas is-sisa. Għaldaqstant, il-CGI jinkludi b’mod ċar dispożizzjonijiet essenzjali li jirregolaw is-sisa fuq it-tabakk, liema taxxa ġiet armonizzata bid-Direttiva 92/12.

27.

Ir-Repubblika Franċiża ssostni, it-tieni nett, li hija tista’ tuża kriterju wieħed sabiex tiddetermina d-destinazzjoni tal-prodotti mixtrija. Madankollu, kif intwera fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 9(2), li l-kontenut tiegħu huwa ferm ċar, jipprovdi li l-Istati Membri “għandhom [jikkunsidraw], inter alia” diversi elementi, fosthom l-istatus kummerċjali tad-detentur tal-prodott, in-natura tiegħu u l-kwantità tiegħu ( 6 ). Sistema nazzjonali, bħas-sistema Franċiża, li l-uniku kriterju tagħha għad-determinazzjoni tad-destinazzjoni tax-xirja jkun kwantitattiv b’mod ċar ma josservax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 92/12. Ir-Repubblika Franċiża ammettiet f’diversi okkażjonijiet li, fil-prattika, l-awtoritajiet amministrativi Franċiżi jużaw kriterju wieħed biss, il-kriterju kwantitattiv. Kif diġà ammettiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza kkonsolidata tagħha, il-prattiki aministrattivi li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, anki jekk ikunu implementati fil-kuntest ta’ qafas nazzjonali formalment konformi mad-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxu element suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 7 ). Inkwantu r-Repubblika Franċiża ammettiet l-eżistenza ta’ prattika amministrattiva inkompatibbli mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 92/12, hemm lok li jiġi miċħud it-tieni motiv imqajjem mill-konvenuta.

28.

It-tielet nett, ir-Repubblika Franċiża tiddefendi sistema ta’ kalkolu bbażata fuq il-mod ta’ trasport użat (u mhux fuq id-detentur individwali ta’ prodott) u fuq kwantità globali ta’ prodott skont il-piż (u mhux numru ta’ unitajiet ta’ kull tip ta’ prodott). Fil-punti 23 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena enfasizzajt, fid-dawl ta’ interpretazzjoni litterali u sistematika tad-Direttiva 92/12, li din kienet introduċiet livelli limiti għal kull persuna u għal kull kategorija ta’ prodott, preċiżament sabiex twaqqaf l-applikazzjoni ta’ kriterji nazzjonali li jkollhom l-effett li jirrestrinġu b’mod eċċessiv il-moviment liberu tal-merkanzija, f’dan il-każ it-tabakk u x-xarbiet alkoħoliċi. Il-fatt li kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-prattika amministrattiva jieħdu inkunsiderazzjoni kriterju bbażat fuq in-numru għal kull vettura u mhux biss għal kull persuna, kif ukoll fuq il-piż totali tal-prodott u mhux fuq in-numru ta’ unitajiet ta’ kull kategorija, huwa inkompatibbli mal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12.

29.

Fir-rigward tar-reġim ta’ sanzjoni, biżżejjed li tiġi enfasizzata l-illegalità tad-dispożizzjonijiet li l-applikabbiltà tagħhom hija ggarantita mis-sanzjonijiet sabiex naslu għall-konklużjoni li, billi adottat ir-reġim ta’ sanzjoni msemmi hawn fuq, ir-Repubblika Franċiża kisret ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12.

30.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni huwa fondat.

2. Fuq it-tieni lment, dwar ksur tal-Artikolu 34 TFUE

31.

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li, billi adottat dispożizzjoni bħall-Artikolu 575 H CGI u billi applikatha b’tali mod li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-merkanzija, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 34 TFUE. Għalkemm id-dispożizzjoni Franċiża msemmija hawn fuq tirrigwarda ż-żamma ta’ tabakk irrispettivament mill-post minn fejn ikun inxtara, il-Kummissjoni tikkunsidra li din għandha l-effett li tagħmel iktar diffiċli x-xiri ta’ tabakk fi Stati Membri oħrajn u li, għaldaqstant, tirrestrinġi l-moviment liberu tal-merkanzija. Bħala prova, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward ta’ dik id-dispożizzjoni jirrigwardaw speċifikament ix-xirjiet transkonfinali bejn Franza u l-Istati Membri ġirien.

32.

Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Franċiża ma tiċħadx li l-miżuri inkwistjoni huma restrittivi, iżda tikkunsidra li huwa applikabbli l-Artikolu 36 TFUE u, b’mod partikolari, il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Skont l-Istat konvenut, peress li l-miżuri huma konformi mal-objettiv ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, dawn ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni arbitrarja u ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-objettiv immirat.

33.

Kif għadni kif semmejt, wara l-ilment dwar nuqqas ta’ twettiq mir-Repubblika Franċiża tal-obbligi tagħha skont id-direttiva, f’dan it-tieni lment, il-Kummissjoni ssostni li hemm ksur tal-Artikolu 34 TFUE. Waqt li l-ewwel ilment jikkonċerna numru ferm kbir ta’ dispożizzjonijiet u ta’ prattiki amministrattivi, it-tieni wieħed jikkonċerna biss waħda minn dawk ir-regoli, l-Artikolu 575 H CGI, u xi wħud mill-prattiki amministrattivi msemmija hawn fuq.

34.

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tippreżumi li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 91/12 u l-Artikolu 34 TFUE jistgħu jiġu invokati suċċessivament, ta’ mill-inqas fir-rigward tal-elementi tas-suġġett tar-rikors fejn jiltaqgħu ż-żewġ ilmenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Madankollu, u kif ser nispjega iktar ’il quddiem, dan l-approċċ iqajjem diffikultajiet kbar.

35.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq livell Komunitarju, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux f’dak tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju” ( 8 ). Fi kliem ieħor, il-konsegwenza li l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni hija speċi ta’ sostituzzjoni jew “attrazzjoni” proċedurali; b’hekk, għall-għanijiet tas-soluzzjoni ta’ kawża, l-att ta’ dritt sussidjarju tal-Unjoni jissostitwixxi lit-Trattat bħala parametru neċessarju biex tinqata’ kawża. Loġikament, dak l-effett jinħoloq biss meta l-att leġiżlattiv tal-Unjoni jkun jirregola qasam b’mod eżawrjenti, kemm jekk b’mod ġenerali għal settur sħiħ, jew inkella speċifikament u fir-rigward ta’ aspetti partikolari.

36.

B’hekk, u għar-raġunijiet li ser jissemmew iktar ’il quddiem, għandu jiġi enfasizzat li l-effett ta’ “sostituzzjoni” huwa strettament proċedurali, peress li f’każ ta’ koeżistenza ta’ dispożizzjonijiet, it-Trattat u d-direttiva jżommu bis-sħiħ il-validità u l-applikabbiltà ġenerali tagħhom.

37.

Madankollu, it-termini li fihom il-ġurisprudenza tittratta dwar ir-relazzjoni bejn il-libertajiet fundamentali u l-atti leġiżlattivi ta’ dritt sussidjarju mhux dejjem kienu ċari daqs kemm wieħed seta’ jixtieq. L-ewwel approċċ kien juri li din hija relazzjoni bbażata fuq l-applikabbiltà, b’mod li l-eżistenza ta’ att leġiżlattiv ta’ dritt sussidjarju timponi li ma tiġix applikata l-libertà fundamentali prevista fit-Trattat. Dan jidher li huwa kkonfermat minn ċerti espressjonijiet użati mill-Qorti tal-Ġustizzja li jindikaw li jeżisti kriterju sostantiv li jiddetermina l-applikabbiltà tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ atti leġiżlattivi li japplikaw il-libertajiet u r-regoli tat-Trattat dwar dawn ( 9 ).

38.

Madankollu dan ma huwiex il-każ, u ma jistax ikun f’ebda każ.

39.

Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni proċedurali f’kawża bħal din ma tistax tiġi kkunsidrata f’termini ta’ “applikabbiltà” għaliex kieku jkun hemm speċi ta’ ġerarkija bil-maqlub fis-sistema ta’ sorsi tal-Unjoni. Il-leġiżlazzjoni sussidjarja tal-Unjoni ma jistax ikollha l-effett li teskludi l-“applikazzjoni” tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat.

40.

Bl-istess mod, l-esklużjoni tal-applikazzjoni tad-dritt primarju, li tidher li tirriżulta minn ċerti formulazzjonijiet, bħal dawk imsemmija hawn fuq, tmur kompletament kontra l-istħarriġ tal-validità ta’ atti leġiżlattivi tad-dritt sussidjarju fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. L-atti li japplikaw libertajiet fundamentali, inklużi l-atti ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti, dejjem jappoġġjaw, fil-kuntest xieraq, eżami tal-kompatibbiltà formali u sostantiva tagħhom mat-Trattati, inklużi l-libertajiet fundamentali. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet, “il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi u tal-miżuri b’effett ekwivalenti tapplika mhux biss għall-miżuri nazzjonali, iżda wkoll għall-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet [tal-Unjoni]” ( 10 ), inkluż, b’mod ċar, id-direttivi ta’ armonizzazzjoni.

41.

Bl-istess mod, dan l-allegat effett ta’ esklużjoni tal-applikazzjoni jmur ukoll kontra r-rekwiżit li jeħtieġ li d-dritt sussidjarju jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt primarju. Dan ir-rekwiżit, li huwa l-frott tan-natura mhux biss vinkolanti iżda wkoll ispiranti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt primarju, b’mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi kull tentattiv li tiġi miċħuda l-applikabbiltà tal-libertajiet ta’ moviment.

42.

Fi kliem ieħor, għalkemm il-ġurisprudenza tista’ toffri xi indizzji li jistgħu juru li hemm speċi ta’ esklużjoni jew ta’ sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dritt primarju, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-każ li għandna quddiemna, il-fenomenu ta’ sostituzzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu bid-dritt sussidjarju jseħħ biss mill-aspett strettament proċedurali.

43.

Effettivament, meta jimplementa libertà ta’ moviment permezz tad-dritt sussidjarju, il-leġiżlatur ikun qiegħed joħloq bilanċ bejn l-interessi tal-Istati Membri, tal-individwi kkonċernati u l-objettivi ta’ integrazzjoni. B’hekk, ir-regola ta’ dritt sussidjarju tiddelimita, f’termini leġiżlattivi, il-qafas ġuridiku ta’ suq speċifiku ta’ dimensjoni Ewropea. Ma huwiex il-każ li regola ta’ dritt sussidjarju tneħħi l-libertà, iżda sempliċement li hija tittrasponi fil-kuntest ġuridiku ta’ suq speċifiku r-rekwiżiti li jirriżultaw mil-libertà ggarantita mit-Trattat. Għaldaqstant, ir-regola ta’ dritt sussidjarju hija preżunta mhux biss li hija konformi mat-Trattat, iżda wkoll li hija leali għall-objettivi tal-integrazzjoni applikati għal suq speċifiku. Din bl-ebda mod ma teskludi l-applikabbiltà, għaliex ir-regola ta’ dritt sussidjarju, kif għadni kif spjegajt, tibqa’ strettament suġġetta għall-kontenut tat-Trattati, inklużi l-libertajiet fundamentali.

44.

L-effett li r-regola ta’ dritt sussidjarju tipproduċi fuq il-libertà b’hekk huwa ta’ sostituzzjoni proċedurali, għaliex il-libertà tieqaf tkun pertinenti biss għall-għanijiet sabiex jiġi “evalwat” jekk ċerta miżura nazzjonali hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’hekk il-verb “tevalwa” jidher regolarment fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan l-effett ( 11 ), u jirrifletti b’mod ċar il-fatt li s-sostituzzjoni tal-libertà bl-att leġiżlattiv ta’ dritt sussidjarju hija ta’ natura proċedurali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddikjarax li l-libertà ma tapplikax għall-każ konkret, iżda għall-kuntrarju tikkonstata li ma huwiex neċessarju li ssir evalwazzjoni f’dan ir-rigward sabiex tiġi solvuta l-kawża, kemm jekk dan ikun, kif ser nuri, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari jew ta’ rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

45.

Fil-kawża Parfumeriefabrik 4711 ( 12 ), korp ġudizzjarju nazzjonali staqsa lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali ma’ direttiva ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti u l-Artikolu 34 TFUE. Waqt li kkonstatat li dik id-direttiva kienet applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li “ma kienx neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu [34 TFUE] mitluba mill-qorti nazzjonali” ( 13 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konstatazzjoni fil-kawża Daimler Chrysler ( 14 ), li hija wkoll proċedura preliminari, billi ddikjarat fid-dispożittiv tas-sentenza, wara li kkonfermat li r-regolament kien applikabbli, li “[ma kienx] neċessarju li jiġi wkoll ivverifikat separatament jekk tali miżura nazzjonali [kinitx] konformi ma’ l-Artikoli 34 u 36 [TFUE]”  ( 15 ).

46.

Fi kliem ieħor, fil-kuntest ta’ domanda preliminari, meta jkun ġie kkonstatat li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tmur kontra d-dritt sussidjarju tal-Unjoni, huwa inutli li wieħed imur iktar lil hinn. Fir-rigward tal-kompetenza tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ u “għandha tillimita ruħha” għall-interpretazzjoni tal-att leġiżlattiv ta’ implementazzjoni ( 16 ). Din hija limitazzjoni fil-livell proċedurali intiża li tirrestrinġi s-setgħat diskrezzjonali tal-korp ġudizzjarju, fil-fatt, kif enfasizzajt, f’każ bħal dak f’din il-kawża, peress li l-libertà u l-att leġiżlattiv ta’ implementazzjoni jeżistu flimkien bl-istess mod u r-relazzjoni ġerarkika bejniethom ma tinbidilx. Il-funzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tintemm bil-konstatazzjoni tal-allegat ksur tal-att leġiżlattiv ta’ implementazzjoni.

47.

Fil-kuntest ta’ rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja adattat il-formulazzjoni sabiex tenfasizza iktar in-natura proċedurali tas-sostituzzjoni. B’hekk, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ( 17 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-eżistenza ta’ ksur ta’ att leġiżlattiv ta’ implementazzjoni “[teskludi] l-eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-Artikolu [34 TFUE]” ( 18 ). Dan l-aċċenn għall-“eżami” tal-motiv b’hekk jikkonferma li din hija limitazzjoni li tirrigwarda esklużivament il-kamp ġudizzjarju tal-kawża, iżda mhux il-mertu.

48.

B’mod definittiv, min jinvoka suċċessivament ksur ta’ att ta’ dritt sussidjarju u ta’ libertà fundamentali għandu l-oneru li juri li l-miżura nazzjonali kkontestata ma taqax esklużivament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi att, iżda taqa’ wkoll taħt qasam ieħor li fuqu hija pproġettata l-libertà fundamentali. Inkella, il-korp ġudizzjarju jkollu “jillimita ruħu” li jevalwa l-miżura nazzjonali, kif teżiġi l-Qorti tal-Ġustizzja, “fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux dawk tad-dritt primarju”.

49.

Jekk issa nikkonċentraw fuq iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, għandu jiġi enfasizzat qabel kollox li d-Direttiva 92/12 wettqet armonizzazzjoni minima tal-qasam fiskali, billi ffissat, madankollu, ċerti limiti li ma jistgħux jinqabżu għall-Istati Membri. Inkwantu dawn il-limiti jiddelimitaw spazju li fih l-Istati Membri huma pprojbiti li jaġixxu, huma jistgħu jitqiesu bħala aspetti partikolari ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti. Dan huwa l-każ tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12 u, b’mod partikolari, tal-elementi deskritti fil-punti 21 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, peress li jimponu strettament it-termini li fihom għandu jiġi evalwat jekk iż-żamma tat-tabakk jaqax taħt użu kummerċjali jew privat. Fuq din il-kwistjoni, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jidher li l-Istati Membri ma jistgħux jimplementaw kriterji oġġettivi li jżommu lill-individwu milli jġib il-prova kuntrarja. Bl-istess mod, dawn il-kriterji għandhom japplikaw għal kull persuna u fir-rigward, meta jkunu jikkonsistu fi kriterji kwantitattivi, tal-livelli limiti elenkati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9(2).

50.

Għaldaqstant, u meta r-Repubblika Franċiża tkun kisret, kif issuġġerejt fil-punti 26 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti tad-Direttiva 92/12, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk hemmx ukoll ksur tal-Artikolu 34 TFUE, inkwantu din hija dispożizzjoni, fir-rigward tal-fatti u tal-miżuri analizzati speċifikament f’din il-proċedura, issostitwita mill-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12.

51.

Effettivament, fis-sottomissjonijiet bil-miktub kollha li ppreżentat f’din il-kawża, il-Kummissjoni sempliċement enfasizzat l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 575 H u tal-prattiki amministrattivi nazzjonali mal-Artikolu 34 TFUE. L-iskop ta’ dan it-tieni lment jikkoinċidi ma’ dak tal-ewwel, iżda r-rikorrenti f’ebda mument ma ġġustifikat sa fejn l-aġir ikkritikat joħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/12. Inkwantu l-Artikoli 8 u 9 iwettqu armonizzazzjoni eżawrjenti tal-qasam, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina t-tieni lment biss fis-sens li tara jekk hemmx aġir Franċiż li jmur lil hinn mill-kamp materjali tal-imsemmija direttiva. Issa, il-Kummissjoni ma ressqet ebda prova li turi li l-aġir tar-Repubblika Franċiża ma kienx jaqa’ taħt id-Direttiva 92/12, u li b’hekk kien soġġett għall-Artikolu 34 TFUE.

52.

Konsegwentement, l-invokazzjoni tat-Trattat f’kuntest fejn ikun hemm dak li jiena nsejjaħ sostituzzjoni proċedurali ma tistax ma twassalx għaċ-ċaħda tat-tieni lment ta’ dan ir-rikors. Fi kliem ieħor, il-fatt li jiġi invokat it-Trattat bħala motiv awtonomu iżda suċċessiv ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma jistax jitqies mod ieħor għajr bħala kawża ta’ ċaħda. B’mod definittiv, permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni qajmet f’dik il-proċedura allegat ksur superfluwu u li ma jistax ikun kriterju indipendenti għall-evalwazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jikkostitwixxu s-suġġett ta’ din il-kawża.

53.

Għaldaqstant, u b’mod konformi mal-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad it-tieni lment.

IV – Spejjeż

54.

B’mod konformi mal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ir-rikors jintlaqa’ parzjalment, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

V – Konklużjoni

55.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi skont kif ġej:

1.

Tikkonstata li, billi adottat il-miżuri msemmija fl-Artikoli 575 G u 575 H tal-code général des impôts, u billi stabbilixxiet prattika amministrattiva kkonsolidata li tistipula li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jużaw biss kriterju kwantitattiv biex jiddeterminaw l-użu ta’ tabakk, iffissat għal kull vettura u b’kategoriji globali ta’ prodotti u mhux għal kull persuna jew għal kategoriji speċifiċi ta’ prodotti, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti.

2.

Tiċħad it-tieni lment.

3.

Tordna li l-partijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-25 ta’ Frar 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179), irrevokata mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 9, p. 12).

( 3 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2006, Heintz van Landewijck (C-494/04, Ġabra p. I-5381, punt 41) u tat-13 ta’ Diċembru 2007, BATIG (C-374/06, Ġabra p. I-11271, punt 38).

( 4 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Afton Chemical (C-517/07, Ġabra p. I-10427, punti 36 u 37) u tas-17 ta’ Ġunju 2010, British American Tobacco (Germany) (C-550/08, Ġabra p. I-5515, punt 38).

( 5 ) Enfasi miżjuda minni.

( 6 ) Enfasi miżjuda minni.

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C-197/96, Ġabra p. I-1489, punt 14); tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-358/98, Ġabra p. I-1255, punt 17); u tal-10 ta’ Marzu 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-33/03, Ġabra p. I-1865, punt 25).

( 8 ) Din il-formulazzjoni, li hija diġà impliċita fil-ġurisprudenza, tidher espliċitament fis-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage (C-37/92, Ġabra p. I-4947, punt 9) u hija kkonsolidata f’għadd kbir ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler (C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 32); tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C-322/01, Ġabra p. I-14887, punt 64); u tal-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger (C-309/02, Ġabra p. I-11763, punt 53).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-319/05, punt 35), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li meta miżura nazzjonali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva, din “ma tistax, fi kwalunkwe każ, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-kummerċ intrakomunitarju pprojbita bl-Artikolu 28 KE” (enfasi miżjuda minni).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland (15/83, Ġabra p. 2171, punt 15); tad-9 ta’ Awwissu 1994, Meyhui (C-51/93, Ġabra p. I-3879, punt 11); u tal-25 ta’ Ġunju 1997, Kieffer u Thill (C-114/96, Ġabra p. I-3629, punt 27).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi DaimlerChrysler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tal-24 ta’ Ottubru 2002, Linhart u Biffl (C-99/01, Ġabra p. I-9375, punt 18); tat-23 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-221/00, Ġabra p. I-1007, punt 42); u, tal-istess jum bħas-sentenza preċedenti, Sterbenz u Haug (Kawżi magħquda C-421/00, C-426/00 u C-16/01, Ġabra p. I-1065, punt 24).

( 12 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 1989 (C-150/88, Ġabra p. 3891).

( 13 ) Ibidem, punt 28.

( 14 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq.

( 15 ) Ibidem, punt 46. F’dan is-sens, b’riferiment għall-fatt li ma huwiex neċessarju li tittieħed deċiżjoni, ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 83).

( 16 ) Espressjoni użata, b’mod partikolari, fis-sentenzi Linhart u Biffl, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21; Sternbenz u Haug, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26; tal-24 ta’ Jannar 2008, Roby Profumi, (C-257/06, Ġabra p. I-189, punt 15); u tal-1 ta’ Ottubru 2009, HSBC Holdings u Vidacos Nominees (C-569/07, Ġabra p. I-9047, punt 27).

( 17 ) Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-463/01, Ġabra p. I-11705).

( 18 ) Punt 36.

Fuq