Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0152

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2012.
Johann Odar vs Baxter Deutschland GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht München.
Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78/KE — Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u fuq diżabbiltà — Allowance ta’ tkeċċija — Pjan soċjali li jipprevedi t-tnaqqis tal-ammont tal-allowance ta’ tkeċċija mħallsa lill-ħaddiema b’diżabbiltà.
Kawża C-152/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:772

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )

“Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78/KE — Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u fuq diżabbiltà — Allowance ta’ tkeċċija — Pjan soċjali li jipprevedi t-tnaqqis tal-ammont tal-allowance ta’ tkeċċija mħallsa lill-ħaddiema b’diżabbiltà”

Fil-Kawża C-152/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeitsgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

Johann Odar

vs

Baxter Deutschland GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Rosas, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ April 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal J. Odar, minn S. Saller u B. Renkl, avukati,

għal Baxter Deutschland GmbH, minn C. Grundmann, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Odar u l-persuna li kienet timpjegah preċedentement, Baxter Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Baxter”) rigward l-ammont tal-allowance ta’ tkeċċija li huwa rċieva skont il-pjan ta’ previdenza soċjali (iktar ’il quddiem il-“PPS”), konkluż bejn din il-kumpannija u l-kunsill tax-xogħol tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 8, 11, 12 u 15 tad-Direttiva 2000/78 huma redatti kif ġej:

“(8)

Il-Linji Gwida ta’ l-Impjieg għall-2000 miftehma mill-Kunsill Ewropew f’Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999 emfasizzaw il-bżonn li jiġi promoss suq tax-xogħol favorevoli għall-integrazzjoni soċjali permezz tal-formolazzjoni ta’ għadd ta’ linji politiċi koerenti bl-iskop li jikkumbattu diskriminazzjoni kontra gruppi bħal ta’ persuni b’diżabilità. Jenfasizzaw wkoll il-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lis-sostenn ta’ ħaddiema anzjani, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol.

[…]

(11)

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)

B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti fil-Komunità kollha. [...]

[…]

(15)

L-aprezzament tal-fatti li minnhom wieħed jippreżumi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi ġudizzjarji nazzjonali jew oħrajn kompetenti, skond ir-regoli tal-liġi jew il-prattika nazzjonali. Dawn ir-regoli jistgħu jipprovdu, b’mod partikolari illi d-diskriminazzjoni indiretta tiġi stabbilita b’kull mezz inkluż dak abbażi tal-prova statistika.”

4

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-imsemmija direttiva “[l]-iskop [...] [tagħha] huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

5

L-Artikolu 2 tal-istess direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

ii)

fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

7

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

[…]”

8

L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

a)

kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti;

b)

kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv […]”

Id-dritt Ġermaniż

Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

9

Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż bil-liġi ġenerali dwar l-ugwaljanza fit-trattament (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz), tal-14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”). Din il-liġi tipprovdi fl-Artikolu 1, intitolat “Liġi Objettiv”:

“Din il-liġi għandha l-għan li timpedixxi jew li telimina kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġni etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.”

10

L-Artikolu 10 tal-AGG, intitolat “Trattament differenti permissibbli abbażi tal-età”, jipprovdi:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 8, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età hija awtorizzata wkoll meta hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu. Il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan għandhom ikunu xierqa u neċessarji. Dawn id-differenzi ta’ trattament jistgħu b’mod partikolari jinkludu:

[…]

6.   Differenzi fil-benefiċċji mħallsa fil-kuntest ta’ pjanijiet soċjali, skont it-tifsira tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-impriżi [Betriebsverfassungsgesetz], meta l-partijiet ikunu stabbilixxew regoli differenzjati ta’ allowances li huma mfassla abbażi tal-età jew it-tul ta’ snin ta’ servizz u li jagħmlu enfasi fuq il-possibbiltajiet tal-persuni kkonċernati li jsibu impjieg fis-suq tax-xogħol, li jiddependu essenzjalment fuq l-età, jew jekk il-partijiet ikunu eskludew mill-benefiċċji tal-pjan soċjali ħaddiema li huma finanzjament koperti għax huma intitolati għal pensjoni, wara li jirċievu allowances tal-qgħad meta jkunu applikabbli.”

11

Il-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-impriżi, fil-verżjoni tagħha tal-25 ta’ Settembru 2001 (BGBl. 2001 I, p. 2518), teħtieġ, fl-Artikoli 111 sa 113 tagħha, l-adozzjoni ta’ miżuri sabiex jitnaqqsu l-effetti negattivi fuq il-ħaddiema ta’ operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni ta’ impriża. Il-persuni li jħaddmu u l-kunsilli tax-xogħol għandhom l-obbligu li jikkonkludu pjanijiet soċjali għal dan il-għan.

12

L-Artikolu 112 tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-impriżi, intitolat “Ftehim dwar it-tibdiliet strutturali fl-impriża u pjan soċjali” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk id-direzzjoni u l-kunsill tax-xogħol jaslu għal ftehim għall-ekwilibriju tal-interessi fir-rigward ta’ bidla strutturali maħsuba fl-impriża, il-ftehim huwa redatt bil-miktub u jiġi ffirmat miż-żewġ partijiet. L-istess japplika fil-każ ta’ ftehim li jippermetti li jiġu kkumpensati jew jitnaqqsu l-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għall-impjegati bit-tibdil maħsub fl-impriża (pjan soċjali). Il-pjan soċjali jipproduċi l-effett ta’ ftehim ta’ impriża […]”

13

Skont l-Artikolu 127 tal-kodiċi soċjali, li jinsab fit-Titolu III tiegħu, il-ħlas ta’ allowances normali ta’ qgħad iseħħ għal żmien limitat, stabbilit skont l-età tal-ħaddiem u t-tul ta’ kontribuzzjonijiet tiegħu. Ħaddiem għandu dritt għal allowance tal-qgħad li tikkorrispondi għal 12-il xahar salarju qabel l-età ta’ 50 sena mwettqa, għal 15-il xahar wara l-età ta’ 50 sena mwettqa, għal 18-il xahar wara l-età ta’ 55 sena wettqa u għal 24-il xahar mill-età ta’ 58 sena mwettqa.

Il-pjan ta’ previdenza soċjali u l-pjan soċjali komplementari

14

Baxter ikkonkludiet, fit-30 ta’ April 2004, PPS mal-kumitat ċentrali ta’ din l-impriża. Il-punti 1.1 sa 1.5 tal-Artikolu 6(1) ta’ dan il-pjan huma miktuba kif ġej:

“1.   Allowances imħallsa fil-każ fejn tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol (minbarra l-każijiet ta’ ‘rtirar antiċipat’)

1.1

Il-ħaddiema tal-impriża li għalihom, minkejja l-isforzi kollha magħmula, ma jistax jiġi offert impjieg aċċettabbli fl-impriża Baxter [stabbilita fil-] Ġermanja, fejn ma huwiex possibbli li jkun hemm rexissjoni prematura tal-kuntratt ta’ xogħol skont l-Artikolu 5 u li jitilqu l-impriża (kemm minħabba li huma jkunu tkeċċew għal raġuni ekonomika, kemm minħabba li tkun intemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom bi ftehim komuni bejn l-impriża u l-ħaddiem) jirċievu allowance ta’ tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol li l-ammont gross tagħħa qabel it-taxxa huwa kkalkolat f’EUR, skont il-formula li ġej:

Allowance = fattur tal-età × numru ta’ snin fl-impriża × remunerazzjoni gross fix-xahar [iktar ’il quddiem il-‘formula standard’]

1.2

Tabella skont il-fattur tal-età

Età

Fattur tal-età

Età

Fattur tal-età

Età

Fattur tal-età

Età

Fattur tal-età

Età

Fattur tal-età

18

0.35

28

0.60

38

1.05

48

1.30

58

1.70

19

0.35

29

0.60

39

1.05

49

1.35

59

1.50

20

0.35

30

0.70

40

1.10

50

1.40

60

1.30

21

0.35

31

0.70

41

1.10

51

1.45

61

1.10

22

0.40

32

0.80

42

1.15

52

1.50

62

0.90

23

0.40

33

0.80

43

1.15

53

1.55

63

0.60

24

0.40

34

0.90

44

1.20

54

1.60

64

0.30

25

0.40

35

0.90

45

1.20

55

1.65

 

 

26

0.50

36

1.00

46

1.25

56

1.70

 

 

27

0.50

37

1.00

47

1.25

57

1.70

 

 

[…]

1.5

Għall-ħaddiema li qabżu l-età ta’ 54 sena u li tkeċċew għal raġuni ekonomika u peress li għar-relazzjoni ta’ xogħol li tkun intemmet bi ftehim komuni bejn l-impriża u l-ħaddiem, il-kumpens ikkalkolat skont il-punt 1.1 tal-Artikolu 6(1) huwa pparagunat mal-kalkolu li ġej:

numru ta’ xhur qabel l-ewwel data possibbili ta’ bidu tal-irtirar × 0.85 × remunerazzjoni gross fix-xahar [iktar ’il quddiem il-“formula alternattiva”]

Jekk l-ammont tal-allowance li jirriżulta mill-[formula standard] kellu jkun ikbar mis-somma li tirriżulta mill-[formula alternattiva], hija s-somma l-inqas kbira li titħallas. Din is-somma ma għandhiex madankollu tkun inqas minn nofs l-allowance ikkalkolata skont [il-formula standard].

Jekk ir-riżultat tal-[formola alternattiva] huwa ugwali għal żero, hemm lok li titħallas nofs l-allowance ikkalkolata skont il-[‘formula standard’]”.

15

Fit-13 ta’ Marzu 2008, Baxter ikkonkludiet mal-kunsill tax-xogħol tal-grupp pjan soċjali komplementari (iktar ’il quddiem il-“PSK”). L-Artikolu 7 ta’ dan il-pjan, li jikkonċerna l-allowances, huwa redatt kif ġej:

“Il-ħaddiema li jaqgħu taħt il-preżenti [PPS] u li l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jintemm minħabba bidliet fl-impriża jirċievu l-benefiċċji li ġejjin:

7.1   Allowance: Il-ħaddiema jirċievu allowance unika li tirriżulta mill-Artikolu 6(1) tal-[PPS].

7.2   Kjarifika: Fir-rigward tal-paragrafu 6(1.5) tal-[PPS]i, il-partijiet jaqblu dwar il-kjarifika li ġejja. Bl-iżjed bidu bikri possibbli tal-irtirar tfisser id-data li fiha l-ħaddiem jista’ jieħu l-pensjoni tax-xjuħija, anki jekk din hija pensjoni bi tnaqqis abbażi tal-fatt li ttieħdet kmieni.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, J. Odar, huwa ċittadin Awstrijak li twieled fl-1950. Huwa miżżewweġ, għandu żewġt itfal dipendenti u ġie rikonoxxut li għandu diżabbiltà serja, peress li r-rata ta’ invalidità tiegħu hija ta’ 50 %. J. Odar okkupa impjieg mis-17 ta’ April 1979 ma’ Baxeter jew mal-kumpannija li Baxter issostitwixxiet, fl-aħħar lok bħala responsabbli tal-marketing.

17

Baxter temmmet ir-relazzjoni ta’ xogħol ma’ J. Odar b’ittra tal-25 ta’ April 2008 u pproponietlu li jsegwi din ir-relazzjoni ta’ xogħol fis-sit ta’ München-Unterschleißheim (il-Ġermanja). J. Odar aċċetta din il-proposta u sussegwentement iddeċieda li jirriżenja fil-31 ta’ Diċembru 2009 wara li l-partijiet kienu qablu li din ir-riżenja ma kinitx ser tnaqqas id-dritt għal allowance tiegħu.

18

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, J. Odar isostni fir-rigward tal-iskema Ġermaniża ta’ assigurazzjoni għall-irtirar li għandu dritt għal pensjoni tax-xjuħija ordinarja fl-età ta’ 65 sena, jiġifieri mill-1 ta’ Awwissu 2015, kif ukoll dritt għall-benefiċċju ta’ pensjoni għal diżabbiltà serja fl-età ta’ 60 sena mwettqa, jiġifieri milll-1 ta’ Awwissu 2010.

19

Baxter ħallset lil J. Odar allowance skont il-PPS għal ammont gross ta’ EUR 308 253.31. Skont il-formula standard, l-allowance li tista’ titħallas lilu titla’ sa EUR 616 506.63 gross. Filwaqt li bbażat ruħha, skont il-formula alternattiva, fuq l-ipotesi ta’ bidu tal-irtirar fl-ewwel data possibbli, jiġifieri l-1 ta’ Awwissu 2010, Baxter ikkalkolat kumpens li kien ta’ EUR 197 199.09 gross. Hija għalhekk ħallsitu l-ammont minimu ggarantit, li jikkorrispondi għal nofs ta’ EUR 616 506.63.

20

B’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2010. J. Odar ippreżenta rikors quddiem l-Arbeitsgericht München Huwa talab lil din tal-aħħar li tikkundanna lil Baxter li tħallsu allowance addizzjonali għal ammont gross ta’ EUR 271 988.22. Din is-somma tikkorrispondi mad-differenza bejn l-allowance li tħallset lilu u s-somma li huwa kien jirċievi, bl-istess anzjanità fl-impriża, kieku huwa kellu l-età ta’ 54 sena meta r-relazzjoni tiegħu magħha kienet intemmet. J. Odar iqis li l-kalkolu tal-allowance previst mill-PPS jiżvantaġġah minħabba l-età u d-diżabbiltà tiegħu.

21

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2000/78 tal-punt 6 tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG u tar-regola li tinsab fil-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS. Hija tirrileva li, jekk l-ewwel minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet nazzjonali ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, ma tapplikax, hemm lok li jintlaqa’ r-rikors imsemmi ppreżentat quddiemha minn J. Odar. Fil-fatt, ir-regola li tinsab fit-tieni dispożizzjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq regola inkompatibbli ma’ din l-istess direttiva.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeitsgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li trattament differenti [differenza fit-trattament] ibbażat fuq l-età jista’ jkun legali meta, fil-kuntest tas-sistema tas-sigurtà soċjali [previdenza soċjali] partikolari ta’ impriża, l-imsieħba soċjali eskludew mill-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, ħaddiema li għandhom sigurtà finanzjarja għar-raġuni li huma għandhom dritt għal pensjoni tax-xjuħija, jekk ikun il-każ, wara li jkunu rċevew benefiċċji tal-qgħad, hija kuntrarja għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stipulata fl-Artikoli 1 u 16 tad-Direttiva [2000/78/KE], jew tali diskriminazzjoni hija ġġustifikata skont it-[tieni subparagrafu] tal-paragrafu (a) tal-Artikolu 6(1) [ta’ din id-direttiva]?

2)

Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi trattament differenti bbażat fuq l-età [t]ista’ [t]kun legali meta, fil-kuntest tas-sistema tas-sigurtà soċjali partikolari ta’ impriża, l-imsieħba soċjali eskludew mill-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, ħaddiema li għandhom sigurtà finanzjarja għar-raġuni li huma għandhom dritt għal pensjoni tax-xjuħija, jekk ikun il-każ, wara li jkunu rċevew benefiċċji tal-qgħad, hija kuntrarja għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-disabbiltà, stipulata fl-Artikoli 1 u 16 tad-Direttiva [2000/78]?

3)

Dispożizzjoni nazzjonali li taqa’ taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali partikolari ta’ impriża [Regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża ] li għall-ħaddiema tal-imsemmija impriża, li għandhom età iktar minn 54 sena u mkeċċija għal raġunijiet ekonomiċi, [jipprevedu] kalkolu tal-ammont tal-kumpens tagħhom, skont l-eqreb data possibbli għall-irtirar, kuntrarjament għall-metodu ta’ kalkolu tas-soltu li jieħu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni t-tul fis-servizz tal-impriża, jekk il-kumpens imħallas huwa inqas, tallinqas bin-nofs tal-kumpens [allowance] normali, hija kuntrarja għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, kif stipulata fl-Artikoli 1 u 16 tad-Direttiva [2000/78] jew tali diskriminazzjoni hija ġġustifikata skont it-[tieni subparagrafu] tal-paragrafu (a) tal-Artikolu 6(1) [ta’ din id-direttiva]?

4)

Dispożizzjoni nazzjonali li taqa’ taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali partikolari ta’ impriża [Regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża ] li għall-ħaddiema tal-imsemmija impriża, li għandhom età iktar minn 54 sena u mkeċċija għal raġunijiet ekonomiċi, [jipprevedu] kalkolu tal-ammont tal-kumpens tagħhom, skont l-eqreb data possibbli għall-irtirar, kuntrarjament għall-metodu ta’ kalkolu tas-soltu li jieħu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni t-tul fis-servizz tal-impriża, jekk il-kumpens [allowance] imħallas huwa inqas, tallinqas bin-nofs tal-kumpens normali, u li tieħu inkunsiderazzjoni għal dan il-metodu l-ieħor tal-kalkolu, pensjoni ta’ rtirar imħallsa minħabba disabbiltà, hija kuntrarja għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-disabbiltà, stipulata fl-Artikoli 1 u 16 tad-Direttiva [2000/78]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel żewġ domandi

23

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2(6) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età tista’ tkun leġittima meta, fil-kuntest tal-iskema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża, l-imsieħba soċjali jkunu eskludew mill-benefiċċji tal-pjan soċjali ħaddiema li għandhom kopertura ekonomika għar-raġuni li huma għandhom dritt għall-ħlas ta’ pensjoni tax-xjuħija, jekk ikun il-każ wara li jkunu rċevew allowances tal-qgħad.

24

F’dan ir-rigward, għandha l-ewwel nett titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali, li dik il-qorti hija responsabbli li tiddefinixxi, u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ l-eżattezza, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 27; tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C-599/10, punt 15, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE Építési kft, C-378/10, punt 18).

25

Għandu jiġi kkonstatat li dan huwa preċiżament il-każ.

26

Fil-fatt, l-ewwel żewġ domandi huma bbażati fuq il-premessa, li tinsab fil-punt 6 tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AFF, li l-imsieħba soċjali jiskludu mill-benefiċċji tal-pjan soċjali ħaddiema li għandhom kopertura ekonomika għar-raġuni li huma għandhom dritt għall-ħlas ta’ pensjoni ta’ rtirar, jekk ikun il-każ wara li jkunu rċevew allowances tal-qgħad.

27

Issa, xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jindika li l-kawża prinċipali tikkonċerna tali ipoteżi. Bil-kontra, il-qorti tar-rinviju rrilevat li, bid-differenza tal-possibbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni tal-AGG, il-PPS ma jippermettix l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-allowance għal tkeċċija tal-ħaddiema li waslu biex jirtiraw u lanqas ma tipprovdi t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt tal-ħaddiem għall-allowances tal-qgħad. Hekk kif jirriżulta mil-proċess, J. Odar irċieva allowance ta’ tkeċċija, iżda din ġiet imnaqqsa skont il-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS, moqri flimkien mal-punt 7.2 tal-Artikolu 7 tal-PSK, li ġie kkontestat permezz tar-rikors tiegħu quddiem din il-qorti.

28

Jidher għalhekk b’mod manifest li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-punt 6 tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG mad-Direttiva 2000/78 tippreżenta natura astratta u purament ipotetika fir-rigward tas-suġġett tal-kawża prinċipali.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingaħta risposta għall-ewwel u t-tieni domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tielet domanda

30

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2(2) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża li jipprevedu, għall-ħaddiema tagħha li għandhom iktar minn età ta’ 54 sena u li jitkeċċew minħabba raġuni ekonomika, li l-ammont tal-allowance li għalih huma għandhom dritt jiġi kkalkolat skont l-ewwel data possibbli ta’ bidu tal-irtirar, kuntrarjament għall-metodu standard ta’ kalkolu, li jipprovdi li tali allowance hija bbażata b’mod partikolari fuq l-anzjanità fl-impriża, b’mod li l-allowance imħallsa lil dawn il-ħaddiema hija inqas mill-allowance li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-metodu standard għalkemm tal-inqas nofs huwa nofs dan tal-aħħar.

31

Fir-rigward, l-ewwel lok, tal-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta kemm mit-titolu u mill-premessi kif ukoll mill-kontenut u mill-għan ta’ din id-direttiva li din hija intiża sabiex tistabbilixxi kuntest ġenerali sabiex tiżgura għal kull persuna l-ugwaljanza fit-trattament “fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol”, billi toffrilha protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva, li fosthom hemm l-età.

32

B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din id-direttiva tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi” f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

33

Billi jipprovdi t-tnaqqis tal-ammont tal-allowance ta’ tkeċċija tal-ħaddiema li għandhom età iktar minn 54 sena, il-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija ta’ dawn il-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. Għalhekk, tali dispożizzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

34

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jadottaw miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu fl-osservanza ta’ din id-direttiva (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C-447/09, Ġabra p. I-8003, punt 48, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2012, Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt, C-132/11, punt 22).

35

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali fihomx differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, hemm lok li jiġi rrilevat li l-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS għandu bħala effett, fir-rigward tal-ħaddiema li jkunu qabżu l-età ta’ 54 sena u li jkunu tkeċċew minħabba raġuni ekonomika u li fil-każ tagħhom tkun intemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol permezz ta’ ftehim komuni bejn l-impriża u l-ħaddiem, li l-allowance ikkalkolata skont il-formula standard hija pparagunata ma’ dik miksuba skont il-formula alternattiva. L-iżgħar ammont jingħata lill-ħaddiem ikkonċernat, fejn dan madankollu għandu l-garanzija li jirċievi ammont li jikkorrispondi ma’ nofs dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-formula standard.

36

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, lil J. Odar tħallas ammont ta’ EUR 308 357.10 li jikkorrispondi ma’ nofs l-allowance li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-formula standard. Jekk huwa kellu 54 sena meta tkeċċa, J. Odar għandu dritt, jekk l-elementi l-oħra jibqgħu l-istess, għal allowance li titla’ għal EUR 580 357.10. Il-fatt li għandu età iktar minn 54 sena għalhekk wassal għall-applikazzjoni tal-metodu komparattiv u l-ħlas ta’ ammont inqas minn dak li huwa kellu d-dritt li jitlob kieku ma qabiżx din l-età. Jidher għalhekk li l-metodu ta’ kalkolu previst mill-PPS f’każ ta’ tkeċċija għal raġuni ekonomika jikkostitwixxi differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq l-età.

37

Għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Din id-dispożizzjoni tipprovdi fil-fatt li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni meta hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minn għan leġittimu, b’mod partikolari minn għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, u li l-mezzi sabiex jitwettaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji.

38

Fir-rigward tal-għan tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tosserva li t-termini tal-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS ma jipprovdu ebda informazzjoni dwar l-għanijiet segwiti. Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta madankollu li dawn tal-aħħar jiġu konfużi mal-għan tar-regola li tinsab fil-punt 6 tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG. Hekk kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, ir-regoli magħżula fil-kuntest tal-pjan soċjali mill-imsieħba soċjali għandhom ikunu ta’ natura li jippromwovu effettivament l-għan imsemmi ta’ din id-dispożizzjoni tal-AGG u li ma jkunux ta’ ħsara b’mod sproporzjonat għall-interessi tal-gruppi ta’ età żvantaġġati.

39

Skont l-Artikolu 112 tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-impriżi, fil-verżjoni tagħha tal-25 ta’ Settembru 2001, is-sens u l-għan ta’ pjan soċjali huwa li jikkumpensa jew inaqqas il-konsegwenzi tal-bidliet strutturali fl-impriża kkonċernata. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż ippreċiża f’dan ir-rigward li l-allowances imħallsa skont pjan ta’ previdenza soċjali ma humiex intiżi speċifikament sabiex jiffaċilitaw l-inserzjoni mill-ġdid fil-ħajja professjonali.

40

Differenzazzjoni bbażata fuq l-età tal-allowances imħallsa skont pjan ta’ previdenza soċjali ssegwi għan ibbażat fuq il-konstatazzjoni li, peress li dawn huma żvantaġġi ekonomiċi għall-futur, ċerti impjegati li ma humiex ikkonfrontati ma’ tali żvantaġġi li jirriżultaw mit-telf tal-impjieg tagħhom, jew li huma jiġu kkonfrontati inqas meta pparagunati ma’ oħrajn, jistgħu b’mod ġenerali jiġu esklużi minn dawn id-drittijiet.

41

Il-Gvern Ġermaniż jirrileva f’dan ir-rigward li pjan soċjali għandu jipprevedi tqassim tal-mezzi limitati b’mod li huwa jkun jista’ jissodisfa l-“funzjoni ta’ tranżizzjoni” tiegħu fir-rigward tal-ħaddiema kollha u mhux biss dawk fosthom li għandhom l-iktar età. Tali pjan ma jistax bħala prinċipju jwassal sabiex jipperikola s-sopravivenza tal-impriża jew tal-impjiegi li jibqgħu. Il-punt 6 tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tal-AGG jippermetti wkoll li jiġu limitati l-possibbiltajiet ta’ abbuż li jikkonsistu, għal ħaddiem, li jibbenefika minn allowance iddestinata għas-sostenn tat-tfittxija ta’ impjieg ġdid filwaqt li huwa jkun wasal biex jirtira.

42

Din id-dispożizzjoni nazzjonali għalhekk għandha bħala għan l-għoti ta’ kumpens għall-futur, il-protezzjoni ta’ ħaddiema iżgħar u l-għajnuna għall-inserzjoni professjonali mill-ġdid tagħhom, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità ta’ tqassim ġust tal-mezzi finanzjarji limitati ta’ pjan soċjali.

43

Tali għanijiet jistgħu jiġġustifikaw, bħala deroga għall-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età, differenzi fit-trattament marbuta, b’mod partikolari, ma’ “l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali [...] l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età [...] sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

44

Minbarra dan, għandu jitqies li huwa leġittimu l-għan li jiġi evitat li allowance ta’ tkeċċija ma tkunx ta’ benefiċċju għal persuni li ma jfittxux impjieg ġdid, iżda jirċievu dħul ta’ sostituzzjoni li jieħu l-forma ta’ pensjoni tax-xjuħija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C-499/08, Ġabra p. I-9343, punt 44).

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi ammess li għanijiet bħal dawk segwiti mill-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS għandhom, bħala prinċipju, jitqiesu li huma ta’ natura li jiġġustifikaw “objettivament u raġonevolment”, “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali”, hekk kif jipprovdi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

46

Għad irid jiġi vverifikat jekk il-miżuri implementati biex jitwettqu dawn l-għanijiet humiex xierqa u neċessarji u jekk ma jeċċedux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

47

Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Istati Membri u, skont il-każ, l-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fil-qasam ta’ politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni ta’ miżuri li jistgħu jwettquh (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Hörnfeldt, C-141/11, punt 32).

48

Fir-rigward tan-natura xierqa tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-PPS u tal-PSK, hemm lok li jiġi rrilevat li t-tnaqqis tal-ammont tal-allowance ta’ tkeċċija mogħti lill-ħaddiema li, fid-data tat-tkeċċija tagħhom, jibbenefikaw minn kopertura ekonomika li ma tidhirx irraġonevoli fir-rigward tal-għan ta’ tali pjanijiet soċjali, jikkonsisti sabiex tingħata protezzjoni iktar sinjifikattiva lill-ħaddiema li għalihom it-tranżizzjoni lejn impjieg ġdid jirriżulta delikat minħabba l-mezzi finanzjarji limitati tagħhom.

49

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li dispożizzjoni bħall-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS ma tidhirx manifestament mhux xierqa sabiex tilħaq l-għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg bħal dik segwita mil-leġiżlatur Ġermaniż.

50

F’dak li jikkonċerna n-natura neċessarja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hemm lok, ċertament, li jiġi rrilevat li l-punt 7.2 tal-Artikolu 7 tal-PSK jipprovdi li l-ewwel data possibbli ta’ bidu tal-irtirar, fis-sens tal-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS, tikkorrispondi mad-data li fiha l-ħaddiem jista’ jitlob il-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija, anki jekk hija pensjoni li tinkludi tnaqqis tad-drittijiet minħabba l-fatt li hija ġiet attivata b’mod antiċipat.

51

Madankollu, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-PPS jipprevedi biss it-tnaqqis tal-ammont tal-allowance ta’ tkeċċija mogħtija lil dawn il-ħaddiema.

52

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-punt 1.5 tal-Artikolu 6 tal-PPS jipprovdi li l-allowance mogħtija lill-ħaddiem ikkonċernat tikkorrispondi mal-ammont, ikkalkolat skont il-formula standard jew skont il-formula alternattiva, li huwa l-inqas għoli, fejn il-benefiċjarju għandu madankollu l-garanzija li l-ammont li ser jiġi effettivament imħallas lilu ser ikun tal-inqas ugwali għal nofs dak miksub skont il-formula standard. Minbarra dan, hekk kif jirriżulta mit-tabella riprodotta fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, il-fattur tal-età, li jikkostitwixxi wieħed mill-koeffiċjenti tal-formula standard u tal-formula alternattiva, jiżdied progressivament sa mill-età ta’ 18 sena (0.35), sa dik ta’ 57 sena (1.70). Huwa biss ta’ 59 sena li dan il-fattur jibda jonqos (1.50) sabiex jilħaq ir-rata minima tiegħu fl-età ta’ 64 sena (0.30). Min-naħa l-oħra, hekk kif jipprovdi t-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk l-applikazzjoni tal-formula alternattiva twassal għal riżultat ugwali għal żero, il-ħaddiem ikkonċernat ikollu dritt għall-ħlas ta’ allowance ugwali għal nofs dak ikkalkolat skont il-formula standard.

53

Fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS huwa r-riżultat ta’ ftehim innegozjat bejn ir-rappreżentanti tal-impjegati u dawk li jħaddmu li eżerċitaw għalhekk id-dritt tagħhom ta’ negozjar kollettiv rikonoxxut bħala dritt fundamentali. Il-fatt li l-imsieħba soċjali jitħallew jiddefinixxu bilanċ bejn l-interessi rispettivi tagħhom joffri flessibbiltà kunsiderevoli, peress li kull waħda mill-partijiet tista’, skont il-każ, tittermina l-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C-45/09, Ġabra p. I-9391, punt 67).

54

Fir-rigward ta’ dak li ntqal, it-tielet domanda għandha tiġi risposta li l-Artikoli 2(2) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża li jipprevedu, għall-ħaddiema ta’ età iktar minn 54 sena u li jitkeċċew minħabba raġuni ekonomika, li l-ammont tal-allowance li għaliha għandhom dritt jiġi kkalkolat skont l-ewwel data possibbli ta’ bidu tal-irtirar, kuntrarjament għall-metodu standard ta’ kalkolu, li skont dan tali allowance hija bbażata b’mod partikolari fuq l-anzjanità fl-impriża, b’mod li l-allowance imħallsa lil dawn il-ħaddiema hija inferjuri mill-allowance li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-metodu standard għalkemm hija tal-inqas nofs din tal-aħħar.

Fuq ir-raba ’ domanda

55

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża, li jipprevedu, għall-ħaddiema li għandhom età iktar minn 54 sena u li tkeċċew għal raġuni ekonomika, li l-ammont tal-allowance li għaliha għandhom dritt huwa kkalkolat skont l-ewwel data possibbli ta’ bidu tal-irtirar, kuntrarjament għall-metodu standard ta’ kalkolu, skont liema tali allowance hija bbażata b’mod partikolari fuq l-anzjanità fl-impriża, b’mod li l-allowance imħallsa hija inqas mill-allowance li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-metodu standard għalkemm hija tal-inqas ugwali għal nofs din tal-aħħar, u li tieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-implementazzjoni ta’ dan il-metodu ieħor ta’ kalkolu, il-possibbiltà li persuna tirċievi pensjoni ta’ rtirar antiċipata mħallsa minħabba diżabbiltà.

56

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni jekk il-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS, moqri flimkien mal-punt 7.2 tal-Artikolu 7 tal-PSK, fihx differenza fit-trattament ibbażata fuq id-diżabbiltà fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ammont tal-allowance ta’ tkeċċija mħallsa lill-impjegat ikkonċernat huwa mnaqqas, skont il-punt 7.2 ta’ dan l-Artikolu 7, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ewwel data possibbli ta’ bidu tal-irtirar. Issa, l-ammissjoni għall-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ rtirar hija suġġetta għal kundizzjoni ta’ età minima u din l-età hija differenti għall-persuni li għandhom diżabbiltà serja.

57

Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, l-ewwel element tal-metodu ta’ kalkolu skont il-formula alternattiva huwa dejjem inferjuri, fil-każ ta’ ħaddiem b’diżabbiltà serja, għal dak applikabbli għal ħaddiem li ma għandux diżabbiltà li għandu l-istess età. F’dan il-każ, il-fatt li dan il-kalkolu huwa bbażat, b’mod apparentement newtru, fuq l-età fil-bidu tal-irtirar għandu bħala riżultat li l-ħaddiema b’diżabbiltà serja, li jibbenefikaw mill-possibbiltà ta’ bidu tal-irtirar f’età iżgħar, jiġifieri 60 sena u mhux 63 sena bħalma huwa l-każ għall-ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà, jirċievu allowance ta’ tkeċċija għal ammont inqas, u dan minħabba d-diżabbiltà serja tagħhom.

58

Hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ta’ J. Odar u bħalma ammettiet Baxter waqt is-seduta, l-ammont tal-allowance ta’ tkeċċija li huwa kien jirċievi, jekk huwa ma jbatix minn diżabbiltà serja, huwa ta’ EUR 570 839.47.

59

Isegwi li l-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS, moqri flimkien mal-punt 7.2 tal-Artikolu 7 tal-PSK, li l-applikazzjoni tiegħu għandha bħala effett li l-ammont ta’ allowance ta’ tkeċċija mħallas lil ħaddiem b’diżabbiltà serja huwa inqas minn dak li jirċievi ħaddiem li ma għandux diżabbiltà, iwassal għal differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq il-kriterju tad-diżabbiltà fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

60

Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest bħal dak irregolat mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħaddiema li jbatu minn diżabbiltà serja u li jinsabu f’kategorija ta’ età li toqrob lejn l-irtirar jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, ma’ dik tal-ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà li jappartjenu għall-istess kategorija ta’ età. Il-Gvern Ġermaniż fil-fatt isostni li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ bidu oġġettivament differenti f’dak li jikkonċerna d-dritt tagħhom li jirċievu pensjoni.

61

Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-ħaddiema li jappartjenu f’kategorija ta’ età li toqrob lejn l-irtirar jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ ħaddiema oħra kkonċernati mill-pjan soċjali peress illi r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom ma’ min jimpjegahom tieqaf għall-istess raġuni u fl-istess kundizzjonijiet.

62

Fil-fatt, il-vantaġġ soċjali mogħti lill-ħaddiema b’diżabbiltà serja, li jikkonsisti li jkunu jistgħu jitolbu pensjoni tal-irtirar minn età li hija tlett snin inqas minn dik stabbilita għall-ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà, ma jistax iqegħedhom f’sitwazzjoni speċifika meta pparagunati ma’ dawn il-ħaddiema.

63

Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament eżistenti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema hijiex oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu, jekk il-miżuri implementati biex dan jitwettaq humiex xierqa u jekk jaqbżux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit mil-leġiżlatur Ġermaniż.

64

F’dan ir-rigward, minn naħa, kien diġà kkonstatat, fil-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza, li għanijiet bħal dawk segwiti mill-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS għandhom, bħala prinċipju, jitqiesu li huma ta’ natura li jiġġustifikaw “objettivamet u raġonevolment”, “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali” hekk kif jipprovdi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, tali dispożizzjoni nazzjonali ma tidhirx manifestament mhux xierqa sabiex tilħaq l-għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg bħal dik segwita mil-leġiżlatur Ġermaniż.

65

Sabiex jiġi eżaminat jekk il-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS, moqri flimkien mal-punt 7.2 tal-Artikolu 7 tal-PSK, jeċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti, din id-dispożizzjoni għandha tiġi sostitwita fil-kuntest li fih hija tinsab u li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dannu li hija tista’ toħloq lill-persuni intiżi.

66

Baxter u l-Gvern Ġermaniż essenzjalment isostnu li t-tnaqqis tal-ammont tal-allowance ta’ tkeċċija li jirċievi J. Odar huwa ġġustifikat mill-vantaġġ mogħti lill-ħaddiema li għandhom diżabbiltà serja, li jikkonsisti li jkunu jistgħu jitolbu pensjoni ta’ rtirar minn età inqas minn tlett snin dik stabbilita għall-ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà.

67

Dan ir-raġunament ma jistax madankollu jiġi aċċettat. Fil-fatt, minn naħa, hemm diskriminazzjoni abbażi tad-diżabbiltà meta l-miżura inkwistjoni ma hijiex iġġustifikata minn fatturi oġġettivi li ma humiex relatati ma’ tali diskriminazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Jørgensen, C-226/98, Ġabra p. I-2447, punt 29; tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C-4/02 u C-5/02, Ġabra p. I-12575, punt 67, kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wippel, C-313/02, Ġabra p. I-9483, punt 43). Min-naħa l-oħra, tali raġunament iwassal sabiex tiġi kompromessa l-effettività tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu dan il-vantaġġ, fejn il-ġustifikazzjoni hija, b’mod ġenerali, li jittieħed kunsiderazzjoni tad-diffikultajiet u tar-riskji partikolari li jiltaqgħu magħhom il-ħaddiema li jbatu minn diżabbiltà serja.

68

Jidher għalhekk li l-imsieħba soċjali, billi jsegwu l-għan leġittimu ta’ tqassim ekwu tal-mezzi finanzjarji limitati allokati għal pjan soċjali u proporzjonali mal-bżonnijiet tal-ħaddiema kkonċernati, naqsu li jieħdu kunsiderazzjoni ta’ elementi rilevanti li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-ħaddiema b’diżabbiltà serja.

69

Huma fil-fatt injoraw kemm ir-riskju li jgħaddu minnu l-persuni li jbatu minn diżabbiltà serja, li jiltaqgħu b’mod ġenerali ma’ iktar diffikultajiet mill-ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà sabiex jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, kif ukoll tal-fatt li dan ir-riskju jiżdied iktar ma dawn joqorbu lejn l-età tal-irtirar. Issa, dawn il-persuni għandhom bżonnijiet speċifiċi marbuta kemm mal-protezzjoni li titlob is-sitwazzjoni tagħhom kif ukoll man-neċessità li tiġi maħsuba l-possibbiltà ta’ aggravazzjoni eventwali tagħha. Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li l-persuni li jbatu minn diżabbiltà serja jiġu esposti għal bżonnijiet finanzjarji fissi marbuta mad-diżabbiltà tagħhom u/jew li, meta jixjieħu, dawn il-bżonnijiet finanzjarji jiżdiedu.

70

Isegwi li, meta tasal għall-ħlas ta’ allowance ta’ tkeċċija għal raġuni ekonomika lil ħaddiem b’diżabbiltà serja għal ammont inqas minn dak li jirċievi ħaddiem li ma għandux diżabbiltà, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala effett li tipproduċi ħsara eċċessiva għall-interessi leġittimi tal-ħaddiema b’diżabbiltà serja u teċċedi għalhekk dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika soċjali mfittxija mil-leġiżlatur Ġermaniż.

71

Għalhekk, id-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-punt 1.5 tal-Artikolu 6(1) tal-PPS ma tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78.

72

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ir-raba’ domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża li jipprevedu, għall-ħaddiema tagħha li għandhom età iktar minn 54 sena u li jitkeċċew minħabba raġuni ekonomika, li l-ammont tal-allowance li għaliha huma għandhom dritt jiġi kkalkolat skont l-ewwel data possibbli ta’ bidu tal-irtirar, kuntrarjament għall-metodu standard ta’ kalkolu, skont liema tali allowance hija bbażata b’mod partikolari fuq l-anzjanità fl-impriża, b’mod li l-allowance imħallsa hija inqas mill-allowance li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-metodu standard għalkemm hija tal-inqas ugwali għal nofs din tal-aħħar, u li jieħdu inkunsiderazzjoni, waqt l-implementazzjoni ta’ dan il-metodu l-ieħor, il-possibbiltà li ħaddiem jirċievi pensjoni ta’ rtirar antiċipat imħallsa minħabba diżabbiltà.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 2(6) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża li jipprevedu, għall-ħaddiema li għandhom età iktar minn 54 sena u li jitkeċċew minħabba raġuni ekonomika, li l-ammont tal-allowance li għaliha għandhom dritt jiġi kkalkolat skont l-ewwel data possibbli ta’ bidu tal-irtirar, kuntrarjament għall-metodu standard ta’ kalkolu, li skont dan tali allowance hija bbażata b’mod partikolari fuq l-anzjanità fl-impriża, b’mod li l-allowance imħallsa hija inferjuri mill-allowance li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-metodu standard għalkemm hija tal-inqas nofs din tal-aħħar.

 

2)

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża li jipprevedu, għall-ħaddiema tagħha li għandhom età iktar minn 54 sena u li jitkeċċew minħabba raġuni ekonomika, li l-ammont tal-allowance li għaliha huma għandhom dritt jiġi kkalkolat skont l-ewwel data possibbli ta’ bidu tal-irtirar, kuntrarjament għall-metodu standard ta’ kalkolu, skont liema tali allowance hija bbażata b’mod partikolari fuq l-anzjanità fl-impriża, b’mod li l-allowance imħallsa hija inqas mill-allowance li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-metodu standard għalkemm hija tal-inqas ugwali għal nofs din tal-aħħar, u li jieħdu inkunsiderazzjoni, waqt l-implementazzjoni ta’ dan il-metodu l-ieħor ta’ kalkolu, il-possibbiltà li ħaddiem jirċievi pensjoni ta’ rtirar antiċipat imħallsa minħabba diżabbiltà.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq