Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0438

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Novembru 2012.
    Lagura Vermögensverwaltung GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Hafen.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
    Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikolu 220(2)(b) — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni — Aspettattivi leġittimi — Impossibbiltà li tiġi vverifikata l-eżattezza ta’ ċertifikat ta’ oriġini — Kunċett ta’ ‘ċertifikat ibbażat fuq preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur’ — Oneru tal-prova — Sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati.
    Kawża C‑438/11.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:703

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    8 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

    “Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikolu 220(2)(b) — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni — Aspettattivi leġittimi — Impossibbiltà li tiġi vverifikata l-eżattezza ta’ ċertifikat ta’ oriġini — Kunċett ta’ ‘ċertifikat ibbażat fuq preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur’ — Oneru tal-prova — Skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati”

    Fil-Kawża C-438/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Awwissu 2011, fil-proċedura

    Lagura Vermögensverwaltung GmbH

    vs

    Hauptzollamt Hamburg-Hafen,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Lagura Vermögensverwaltung GmbH, minn T. Lieber, avukat,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239, iktar ’il quddiem il-“kodiċi doganali”).

    2

    Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Ġermaniża Lagura Vermögensverwaltung GmbH (iktar ’il quddiem “Lagura”) u l-Hauptzollamt Hamburg-Hafen (uffiċċju prinċipali doganali tal-port ta’ Hambourg, iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”), fir-rigward tal-irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni imposti fuq din il-kumpannija għall-importazzjoni ta’ żraben fl-Unjoni Ewropea.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-kodiċi doganali

    3

    Il-kodiċi doganali tħassar permezz tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, p. 1), li ċerti dispożizzjonijiet tiegħu daħlu fis-seħħ mill-24 ta’ Ġunju 2008. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, din tibqa’ rregolata mir-regoli ddikjarati fil-kodiċi doganali.

    4

    L-Artikolu 220 tal-kodiċi doganali kien jipprovdi:

    “1.   Fejn l-ammont ta’ dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet […] jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). […]

    2.   [...] daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:

    [...]

    b)

    l-ammont ta’ dazju li ried jitħallas legalment ma ġiex imdaħħal fil-kontijiet minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet tad-dwana li ma satax raġjonevolment jiġi notat mill-persuna resposabbli għall-pagament, u li din ta’ l-aħħar min-naħa tagħha tkun aġixxiet in bona fede u tkun ħarset id-dispożizzjonijiet kollha preskritti fil-liġijiet fis-seħħ fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tad-dwana.

    Fejn l-istatus preferenzjali ta’ l-oġġetti huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ koperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, il-ħruġ ta’ ċertifikat minn dawn l-awtoritajiet, jekk jiġi pruvat li hu inkorrett, għandu jikkostitwixxi żball li ma satax raġjonevolment ikun notat fit-tifsira ta’ l-ewwel sotto-paragrafu.

    Il-ħruġ ta’ ċertifikat żbaljat ma għandux, iżda, jikkostitwixxi żball fejn iċ-ċertifikat ikun bażat fuq tagħrif inkorrett [preżentazzjoni inkorretta] tal-fatti provvdut mill-esportatur, minbarra fejn, partikolarment, jidher biċ-ċar illi l-awtoritajiet tal-ħruġ kienu konxji jew kellhom ikunu konxji li l-oġġetti ma ssodisfawx il-kondizzjonijiet preskritti għad-dritt ta’ trattament preferenzjali.

    Il-persuna responsabli għal dan tista’ ġġib il-bona fede tagħha bħala turija illi, matul il-perijodu taż-żmien ta’ l-operati msemmija tan-negozju tagħha, ħadet il-kura mistħoqqa sabiex tiżgura illi ġew imwettqa l-kondizzjonijiet kollha tat-trattament preferenzjali.

    [...]”

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93

    5

    L-Artikolu 94 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3) hekk kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1602/2000 tal-24 ta’ Lulju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 51), jipprovdi:

    “1.   Verifiki sussegwenti taċ-ċertifikati ta’ oriġini Formola A […] għandhom isiru każwalment jew kull meta l-awtoritajiet doganali fil-Komunità għandhom dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti, l-istatus ta’ oriġini tal-prodotti konċernati jew il-ħarsien tal-konidizzjonijiet l-oħra mitluba f’din it-taqsima.

    2.   Għall-iskopijiet ta’ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali fil-Komunità għandhom jibgħatu lura ċ-ċertifikat ta’ oriġini Formola A u l-fattura, jekk ingħatat, […] lill-awtoritajiet kompetenti tal-gvern fil-pajjiż esportatur benefiċjarju u jagħtu fejn hu xieraq, ir-raġunijiet ta’ l-inkjesta. Id-dokumenti kollha u l-informazzjoni miksuba li tissuġġerixxi li l-informazzjoni mogħtija dwar il-prova ta’ l-oriġini m’hijiex korretta għandhom jintbagħtu bħala appoġġ għat-talba għall-verifika.

    Jekk dawn l-awtoritajiet jaqtgħuha li jwaqqfu l-għotja tal-preferenzi ta’ tariffa […] waqt li jkunu qed jistennew ir-riżultati tal-verifika, ir-rilaxx tal-prodotti għandu jiġi offrut lill-importatur bil-miżuri kawtelatorji kollha li huma meqjusa meħtieġa.

    3.   Meta l-applikazzjoni għall-verifiki sussegwenti saret b’mod konformi mal-paragrafu 1, din il-verifika għandha ssir u r-riżultati għandhom jiġu mgħoddija lill-awtoritajiet doganali fil-Komunità […]. Ir-riżultati għandhom ikunu b’mod li jistabbilixxu jekk il-prova ta’ l-oriġini konċernata tapplikax għall-prodotti li fil-fatt ġew esportati u jekk dawn il-prodotti jistgħux jitqiesu bħala prodotti li oriġinaw fil-pajjiż benefiċjarju jew fil-Komunità.

    [...]”

    Ir-Regolament (KE) Nru 980/2005

    6

    L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 239M, p. 256), jipprovdi:

    “1.   L-iskema Komunitarja ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati […] għandha tapplika skond dan ir-Regolament mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2008.

    2.   Ir-Regolament jistabbilixxi:

    a)

    arranġament [skema] ġenerali;

    [...]”

    7

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jispeċifika li “[l]-pajjiżi benefiċjarji ta’ l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(2) huma elenkati fl-Anness I”. Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jinsab fost dawn il-pajjiżi u territorji benefiċjarji, elenkati f’dan l-Anness I.

    8

    Skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, “[d]azji ad valorem tat-Tariffa Doganali Komuni fuq prodotti elenkati fl-Anness II bħala prodotti sensittivi għandhom jitnaqqsu bi 3.5 punti perċentwali”. Iż-żraben, ikklassifikati bħala prodotti sensittivi, huma ċċitati fost il-prodotti, li jinsabu fl-Anness II ta’ dan l-istess regolament, li jibbenefikaw għaldaqstant mill-arranġament preferenzjali previst minnu.

    9

    Skont l-Anness I tar-Regolament Nru 980/2005, il-preferenzi tariffarji tneħħew għaż-żraben ġejjin minn Ċina.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    10

    Lagura importat żraben fl-Unjoni matul is-sena 2007. Bejn ix-xhur ta’ Frar u ta’ Settembru ta’ din is-sena, Lagura ppreżentat diversi dikjarazzjonijiet doganali bil-ħsieb tar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fi ħdan l-Unjoni. Sabiex jiċċertifikaw l-oriġini ta’ dawn, ġew mehmuża ċertifikati ta’ oriġini “formula A” mad-dikjarazzjonijiet doganali, li kienu jindikaw li huma kienu ġejjin minn Makaw u li kienu ġew prodotti mill-kumpanniji S. u V., li kellhom is-sede tagħhom f’dan l-istess reġjun. Fuq il-bażi ta’ dawn id-dokumenti, l-importazzjoni taż-żraben ġiet suġġetta biss, f’kull okkażjoni, għal rata preferenzjali ta’ dazju ta’ 3,5 % mill-Hauptzollamt.

    11

    Il-Hauptzollamt, malli rċieva l-informazzjoni li ċertu merkanzija li toriġina miċ-Ċina kienet ġiet indebitament iddikjarata bħala li ġejja minn Makaw sabiex jiġi evitat li jitħallas id-dazju fuq l-importazzjoni mhux preferenzjali, talab lill-awtoritajiet kompetenti tal-Makaw sabiex jagħmlu verifika sussegwenti skont l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2454/93, hekk kif emendat mir-Regolament Nru 1602/2000. Fil-kuntest ta’ dawn il-verifiki, l-imsemmija awtoritajiet kompetenti kkonfermaw li kienu ħarġu ċ-ċertifikati ta’ oriġini għall-merkanzija inkwistjoni, iżda ma kienux kapaċi jivverifikaw l-eżattezza tal-kontenut tal-imsemmija ċertifikati, għaliex il-kumpanniji indikati fihom bħala esportaturi kienu waqqfu l-produzzjoni tagħhom u kienu, għaldaqstant, għalqu. Madankollu, l-awtoritajiet ta’ Makaw ma invalidawx iċ-ċertifikati ta’ oriġini.

    12

    Peress li l-oriġini tal-merkanzija ma ġietx ikkonfermata matul il-verifiki sussegwenti, il-Hauptzollamt ikkunsidra li din kienet ta’ oriġini mhux magħrufa. Huwa talab, għalhekk, permezz ta’ tliet avviżi ta’ dazji fuq l-importazzjoni bid-data, rispettivament, tal-21, it-22 u l-25 ta’ Awwissu 2008, fuq il-bażi tal-Artikolu 220(1) tal-kodiċi doganali, id-differenza bejn id-dazji doganali kkalkolati skont ir-rata preferenzjali (3.5 %) u dawk ikkalkolati skont ir-rata mhux preferenzjali (7 %).

    13

    Wara li kkontestat, mingħajr suċċess, dan l-irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni, Lagura ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, u fih invokat b’mod partikolari l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif jirriżulta mill-Artikolu 220(2)(b) tal-kodiċi doganali.

    14

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi min għandu l-oneru tal-prova li ċ-ċertifikat ta’ oriġini ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni korretta jew mhux korretta tal-fatti mill-esportatur. Hija tindika, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services (C-293/04, Ġabra p. I-2263), li l-oneru huwa fuq il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa sabiex tipprova li ċ-ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet tal-Istat terz ġie bbażat fuq preżentazzjoni eżatta tal-fatti, minkejja r-regoli tradizzjonali ta’ tqassim tal-oneru tal-prova, skont liema dan l-oneru jaqa’ fuq l-awtoritajiet doganali li jixtiequ jinvokaw il-parti inizjali tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-kodiċi doganali. B’referenza għall-punt 43 tas-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li l-Unjoni ma tistax tbati l-konsegwenzi negattivi tal-aġir żbaljat tal-fornituri tal-importaturi, hija tistaqsi jekk l-oneru tal-prova għandux ikun fuq il-persuna responsabbli li tħallas it-taxxa biss fil-każ ta’ mġiba oġġezzjonabbli tal-esportatur.

    15

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiġifieri li l-awtoritajiet tal-Istat terz ma għandhomx iktar il-possibbiltà li jivverifikaw jekk iċ-ċertifikat maħruġ minnhom huwiex ibbażat fuq preżentazzjoni korretta tal-fatti, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għandha tiġi rrifjutata l-possibbiltà li tinvoka l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi skont it-tieni u t-tielet [paragrafu] tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali jekk iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-impossibbiltà li tiġi vverifikata l-korrettezza taċ-ċertifikat ta’ oriġini jaqgħu taħt il-kontroll tal-esportatur jew inkella t-trasferiment, mill-awtoritajiet doganali lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, tal-oneru tal-prova fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet [paragrafu] tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali jimplika biss, jew [pjuttost] li l kawża ta’ din l-impossibbiltà ma taqax taħt il-kontroll tal-awtoritajiet [tal-Istat] esportatur jew tikkonsisti f’negliġenza attribwibbli biss lill-esportatur?”

    Fuq id-domanda preliminari

    16

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 220(2)(b) tal-kodiċi doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat terz ma jistgħux jivverifikaw, matul verifika sussegwenti jekk iċ-ċertifikat ta’ oriġini “formula A” li huma ħarġu huwiex ibbażat fuq preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur, l-oneru tal-prova li dan iċ-ċertifikat ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur huwa fuq il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa biss meta din l-impossibbiltà tirriżulta minn negliġenza attribwibbli biss lill-esportatur jew ukoll meta l-kawża ta’ din l-impossibbiltà hija, mingħajr in-negliġenza min-naħa tiegħu, attribwibbli lill-esportatur jew ma hijiex attribwibbli lill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni.

    17

    B’mod preliminari, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-għan tal-verifika a posteriori huwa li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-oriġini indikata fiċ-ċertifikat ta’ oriġini “formula A” (ara, b’analoġija, dwar iċ-ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija EUR. 1, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 1993, Huygen etC-12/92, Ġabra p. I-6381, punt 16; tas-17 ta’ Lulju 1997, Pascoal & Filhos, C-97/95, Ġabra p. I-4209, punt 30; Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C-409/10, Ġabra p. I-13331, punt 43).

    18

    Madankollu, jekk verifika sussegwenti ma tippermettix li tiġi kkonfermata l-oriġini tal-merkanzija indikata fiċ-ċertifikat ta’ oriġini “formula A”, għandu jiġi konkluż li din il-merkanzija hija ta’ oriġini mhux magħrufa u li, għaldaqstant, iċ-ċertifikat ta’ oriġini u t-tariffa preferenzjali ġew mogħtija indebitament (ara, b’analoġija, is-sentenzi Huygen et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 u 18; tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood etC-153/94 u C-204/94, Ġabra p. I-2465, punt 16; Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, kif ukoll Afasia Knits Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

    19

    Għaldaqstant, meta l-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni jkunu ħarġu ċertifikati ta’ oriġini “formula A” inkorretti, dan il-ħruġ għandu, skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-imsemmi Artikolu 220(2)(b) jiġi kkunsidrat bħala żball imwettaq minn dawn l-awtoritajiet, sakemm ma jinstabx li dawn iċ-ċertifikati kienu ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni mhux korretta tal-fatti mill-esportatur. Jekk dawn iċ-ċertifikati jkunu ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz tal-esportatur, l-irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni għandu għalhekk iseħħ, ħlief jekk, b’mod partikolari, ikun evidenti li l-awtoritajiet li kienu ħarġu tali ċertifikati kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali (ara b’analoġija, is-sentenza Afasa Knits Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

    20

    Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-oneru tal-prova li ċ-ċertifikati kienu ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz min-naħa tal-esportaturi huwiex fuq il-Hauptzollamt jew jekk hijiex, bil-kontra, il-persuna responsabbli li tħallas it-taxxa, Lagura, li għandha tipprova li l-esportaturi ppreżentaw b’mod korrett il-fatti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Makaw.

    21

    Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, dwar tali tqassim tal-oneru tal-prova, li hija l-persuna taxxabbli li għandha turi li ċ-ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1, maħruġ mill-awtoritajiet ta’ Stat terz, kien ibbażat fuq preżentazzjoni eżatta tal-fatti mill-esportatur, meta, wara negliġenza imputabbli biss lill-esportatur, b’mod partikolari jekk dan ikun naqas mill-obbligu tiegħu, li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni applikabbli, ta’ konservazzjoni ta’ dokumenti probatorji matul mill-inqas tliet snin, l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jġibu huma nfushom il-prova neċessarja li ċ-ċertifikat EUR.1 kien ġie stabbilit fuq il-bażi tal-preżentazzjoni eżatta jew mhux eżatta tal-fatti minn dan l-esportatur (ara f’dan is-sens, is-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 46).

    22

    Tali rekwiżit, li jqiegħed fuq il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa l-oneru tal-prova li l-esportaturi ppreżentaw b’mod korrett il-fatti lill-awtoritajiet kompetenti, jikkostitwixxi deroga mir-regoli tradizzjonali ta’ tqassim tal-oneru tal-provi, skont liema huma, bħala regola ġenerali, l-awtoritajiet doganali li jixtiequ jinvokaw l-Artikolu 220(2)(b) tal-kodiċi doganali, sabiex jagħmlu l-irkupru a posteriori, li għandhom jipproduċu, insostenn tal-allegazzjoni tagħhom, il-prova li l-ħruġ ta’ ċertifikati żbaljati huwa dovut għal preżentazzjoni mhux eżatta tal-fatti mill-esportatur (ara s-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, punti 39 u 46).

    23

    Għandu jiġi eżaminat b’liema mod għandha tiġi applikata, għal ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-kodiċi doganali pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq.

    24

    Lagura ssostni li din l-interpretazzjoni ma hijiex applikabbli għal din il-kawża, b’tali mod li huma l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni li għandhom jipproduċu l-prova tan-nuqqas ta’ eżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-esportaturi li abbażi tagħhom ġew stabbiliti ċ-ċertifikati ta’ oriġini mhux korretti. Din il-pożizzjoni hija ġġustifikata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li, b’mod differenti mis-sitwazzjoni li kienet tipprevali fil-kawża prinċipali fis-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi identifikata, f’dan il-każ, kwalunkwe negliġenza attribwibbli lill-esportaturi biss li kienet wasslet għall-impossibbiltà, għall-awtoritajiet doganali, li jipproduċu l-prova li ċ-ċertifikat li huma ħarġu kien ġie stabbilit fuq il-bażi tal-preżentazzjoni eżatta jew mhux eżatta tal-fatti minn dan l-esportatur. Għaldaqstant, u b’mod iktar partikolari, l-esportaturi ma jistgħu jiġu akkużati bl-ebda nuqqas mill-obbligu tagħhom ta’ konservazzjoni ta’ dokumenti probatorji. Barra minn hekk, Lagura tenfasizza li, b’mod differenti mis-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Makaw ma invalidawx jew ma rtirawx iċ-ċertifikati ta’ oriġini f’dan il-każ.

    25

    Il-Gvern Ċek u dak Taljan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li hija l-persuna responsabbli li tħallas it-taxxa li għandha turi li ċ-ċertifikati kienu bbażati fuq preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur.

    26

    Huwa importanti li jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, peress li l-iskema preferenzjali ma kinitx stabbilita taħt ftehim ta’ skambju liberu bejn Stat terz u l-Unjoni, iżda unilateralment minn din tal-aħħar skont ir-Regolament Nru 980/2005.

    27

    Dan ir-regolament, b’mod differenti mill-ftehim ta’ skambju liberu inkwistjoni fis-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, ma jipprevedi l-ebda obbligu ta’ konservazzjoni ta’ dokumenti probatorji fuq l-esportatur minħabba l-impossibbiltà, tal-Unjoni, li timponi unilateralment obbligi fuq l-operaturi ekonomiċi ta’ Stat terz.

    28

    Għaldaqstant, fir-rigward tal-argument li l-oneru tal-prova ma huwiex, f’dan il-każ, fuq il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa peress li l-esportatur ma jista’ jiġi akkużat bl-ebda nuqqas mill-obbligu ta’ konservazzjoni ta’ dokumenti probatorji, hemm lok li jiġi kkonstatat li, peress li tali obbligu ma jeżistix fil-leġiżlazzjoni rilevanti f’dan il-każ, din ma setgħetx, evidentement, tinkiser.

    29

    Madankollu, in-nuqqas ta’ tali obbligu fuq l-esportatur ma jistax, fih innifsu, iwassal għal sitwazzjoni fejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun eżenti minn kull diliġenza jew meħlusa minn kull riskju marbut mal-verifika u mal-iffissar tal-oriġini tal-prodotti matul verifika sussegwenti.

    30

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, huma l-operaturi ekonomiċi li għandhom jadottaw, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kontrattwali tagħhom, il-miżuri neċessarji sabiex jipproteġu rwieħhom kontra r-riskju ta’ azzjoni ta’ rkurpu a posteriori (sentenza Pascoal & Filhos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60); digriet tad-9 ta’ Diċembru 1999, CPL Imperial 2 u Unifrigo vs Il-Kummissjoni, C-299/98 P, Ġabra p. I-8683, punt 38, kif ukoll is-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

    31

    B’mod partikolari, il-kisba mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, mill-parti kontraenti l-oħra, waqt jew wara l-konklużjoni tal-kuntratt, tal-prova kollha li jikkonfermaw li l-merkanzija ġejja mill-Istat benefiċjarju tas-skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati, inklużi dokumenti li jistabbilixxu din l-oriġini, tista’ tikkostitwixxi l-prevenzjoni kontra r-riskji ta’ azzjoni ta’ rkurpu a posteriori.

    32

    Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-fatt, għall-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni, li għandhom jipproduċu l-prova tan-nuqqas ta’ eżattezza tal-fatti ppreżentati mill-esportatur, iżda li jkunu fl-impossibbiltà li jagħmlu dan għaliex dan tal-aħħar waqqaf l-attivitajiet tiegħu, jista’ joħloq riskju ta’ mġiba inkonsistenti mal-għanijiet tas-skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati. Fil-fatt, anki jekk il-waqfa tal-produzzjoni tirrappreżenta, fil-prinċipju, deċiżjoni ekonomika normali, ma jistax jiġi eskluż li hija tkun tista’ madankollu tikkostitwixxi aġir inkorrett min-naħa tal-esportatur, intiż sabiex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati, billi tiġi użata minn dan l-esportatur bħala mezz biex tinħeba l-oriġini vera tal-merkanzija, li ġejja minn Stat li ma jibbenefikax minn skema preferenzjali.

    33

    Huwa stabbilit li l-Unjoni ma tistax tbati l-konsegwenzi negattivi tal-aġir żbaljat tal-fornituri tal-importaturi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pascoal & Filhos, punt 59, u Beemsterboer Coldstore Services, punt 43).

    34

    Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Makaw ma invalidawx iċ-ċertifikati ta’ oriġini inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, ċertament, huwa minnu li, fil-kuntest ta’ ftehim bejn l-Unjoni u Stati terzi, bħalma huwa ftehim ta’ assoċjazzjoni jew ta’ skambju liberu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva tista’ taħdem biss jekk l-amministrazzjoni doganali tal-Istat ta’ importazzjoni tirrikonoxxi l-evalwazzjonijiet magħmula legalment mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Les Rapides Savoyards et218/83, Ġabra p. 3105, punt 27; tad-9 ta’ Frar 2006, Sfakianakis, C-23/04 sa C-25/04, Ġabra p. I-1265, punt 23; tal-1 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-442/08, Ġabra p. I-6457, punt 72, kif ukoll Afasia Knits Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

    35

    Madankollu, jibqa’ l-fatt li n-neċessità, għall-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri, li jirrikonoxxu l-evalwazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni ma timmanifestax ruħha bl-istess mod meta l-iskema preferenzjali hija stabbilita mhux permezz ta’ ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni ma’ Stat terz fuq il-bażi ta’ obbligi reċiproċi, iżda permezz ta’ miżura awtonoma tal-Unjoni (sentenza Faroe Seafood et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

    36

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tas-skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati, stabbilita unilateralment mill-Unjoni, l-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni ma jistgħux jorbtu lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħhom tal-validità ta’ ċertifikati ta’ oriġini “formula A” meta, bħal f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni għad għandhom dubji dwar l-oriġini vera tal-merkanzija minkejja l-fatt li dawn iċ-ċertifikati ta’ oriġini ma ġewx invalidati.

    37

    Soluzzjoni kuntrarja, li ċċaħħad lill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, mibdija quddiem qorti ta’ dan l-istess Stat, mill-possibbiltà li tintalab il-prova li ċ-ċertifikat ta’ oriġini ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni mhux korretta jew korretta tal-fatti mill-esportatur, tippreġudika l-għan ta’ verifika sussegwenti li huwa, kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ din is-sentenza, li tiġi vverifikata fi stadju ulterjuri l-eżattezza tal-oriġini tal-merkanzija indikata fiċ-ċertifikat ta’ oriġini “formula A”.

    38

    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-oneru tal-prova li ċ-ċertifikat ta’ oriġini ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur jaqa’ fuq il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

    39

    Huwa minnu li l-fatt li jiġi impost tali oneru tal-prova fuq il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa jista’ jkun is-sors ta’ żvantaġġi għaliha, b’mod partikolari, meta hija importat, in bona fide, merkanzija mill-Istat benefiċjarju ta’ preferenzi tariffarji li fi stadju ulterjuri l-oriġini tagħha ġiet, minħabba dikjarazzjonijiet allegatament foloz tal-esportatur, ikkontestata matul verifika sussegwenti.

    40

    Madankollu, għandu jitfakkar li operatur ekonomiku notifikat u infurmat dwar l-istat tal-leġiżlazzjoni għandu, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-vantaġġi li jista’ jipprovdi l-kummerċ ta’ merkanzija li tista’ tibbenefika minn preferenzi tariffarji, jieħu inkunsiderazzjoni r-riskji inerenti tas-suq li huwa qed iqis u jaċċettahom bħala parti mir-riskji normali tal-kummerċ (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1980, Acampora, 827/79, Ġabra p. 3731, punt 8; Pascoal & Filhos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, kif ukoll id-digriet CPL Imperial 2 u Unifrigo vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’l fuq, punt 37).

    41

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 220(2)(b) tal-kodiċi doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat terz, minħabba li l-esportatur ikun waqqaf il-produzzjoni tiegħu, ma jkunux jistgħu jivverifikaw, waqt verifika sussegwenti, jekk iċ-ċertifikat ta’ oriġini “formula A” li huma ħarġu huwiex ibbażat fuq preżentazzjoni korretta tal-fatti minn dan l-esportatur, l-oneru tal-prova li dan iċ-ċertifikat ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur huwa fuq il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

    Fuq l-ispejjeż

    42

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, għandu jiġi interpretat f’dan is-sens li, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat terz, minħabba li l-esportatur ikun waqqaf il-produzzjoni tiegħu, ma jkunux jistgħu jivverifikaw, waqt verifika sussegwenti, jekk iċ-ċertifikat ta’ oriġini “formula A” li huma ħarġu huwiex ibbażat fuq preżentazzjoni korretta tal-fatti minn dan l-esportatur, l-oneru tal-prova li dan iċ-ċertifikat ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur huwa fuq il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq