EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CJ0300

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Ottubru 2012.
Vítor Hugo Marques Almeida vs Companhia de Seguros Fidelidade-Mundial SA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação de Guimarães.
Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Direttiva 72/166/KEE — Artikolu 3(1) — Direttiva 84/5/KEE — Artikolu 2(1) — Direttiva 90/232/KEE — Artikolu 1 — Dritt għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Responsabbiltà ċivili tal-assigurat — Kontribut tal-vittma għad-dannu — Limitazzjoni tad-dritt għal kumpens.
Kawża C-300/10.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:656

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )

“Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Direttiva 72/166/KEE — Artikolu 3(1) — Direttiva 84/5/KEE — Artikolu 2(1) — Direttiva 90/232/KEE — Artikolu 1 — Dritt għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Responsabbiltà ċivili tal-assigurat — Kontribut tal-vittma għad-dannu — Limitazzjoni tad-dritt għal kumpens”

Fil-Kawża C-300/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Relação de Guimarães (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura

Vítor Hugo Marques Almeida

vs

Companhia de Seguros Felidade-Mundial SA,

Jorge Manuel da Cunha Carvalheira,

Paulo Manuel Carvalheira,

Fundo de Garantia Automóvel,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen, A. Rosas, M. Berger, M. E. Jarašiūnas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), A. Prechal u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Mejju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal V. H. Marques Almeida, minn A. Novo, avukat,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u S. Nunes de Almeida, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u F. Wannek, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Guerra e Andrade, N. Yerrell u G. Braun, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”), tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3, iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”), kif ukoll tal-Artikoli 1 u 1a tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249, iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn V. H. Marques Almeida u Companhia de Seguros Felidade-Mundial SA (iktar ’il quddiem “Felidade-Mundial”), J. J. M. da Cunha Carvalheira, P. P. M. Carvalheira kif ukoll Fundo de Garantia Automóvel dwar il-kumpens min-naħa ta’ dawn tal-aħħar, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, għad-danni subiti minn V. H. Marques Almeida waqt inċident tat-traffiku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva:

“Kull Stat Membru għandu […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu [t]kun kopert[a] minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

4

L-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva jipprovdi li:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull dispożizzjoni statutorja jew kull klawżola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta’ l-assigurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3(1) ta[l-Ewwel Direttiva], li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew implikata għal dan; jew

persuni li ma jkollhomx liċenzja li tippermettilhom isuqu l-vettura kkonċernata, jew

persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura kkonċernata, għandha,

għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(1) ta[l-Ewwel Direttiva], titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident.

Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fl-ewwel inċiż tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom daħlu fil-vettura li kkaġunat id-danni jew il-korriment, meta l-assiguratur jista’ jipprova li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.

Stati Membri għandu jkollhom l-għażla — fil-każ ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom — li ma japplikawx id-dispożizzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu jekk u sakemm il-vittma tkun tista’ takkwista kumpens għall-ħsara li saritilha minn korp ta’ sigurtà soċjali.”

5

L-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva jipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) ta[t-Tieni Direttiva], l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) ta[l-Ewwel Direttiva] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura.

[...]”

6

Skont l-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva, introdott mid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 149, p. 14):

“L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) ta[l-Ewwel Direttiva] għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà mġarrba minn dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr mutur li, bħala konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skond il-liġi ċivili nazzjonali. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ danni.”

Id-dritt Portugiż

7

Skont l-Artikolu 503(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż:

“Kull persuna li effettivament issuq vettura bil-mutur u li tużaha għall-ħtiġijiet tagħha, anki jekk permezz ta’ persuna inkarigata minnha, hija responsabbli għad-danni li jirriżultaw mir-riskji konnessi mal-vettura nnifisha, kemm jekk tintuża u kemm jekk ma tkunx qed tintuża.”

8

L-Artikolu 504(1) ta’ dan il-kodiċi jistipula:

“Ir-responsabbiltà għad-danni kkawżati minn vetturi topera favur terzi, kif ukoll il-persuni passiġġieri.”

9

Skont l-Artikolu 505 tal-imsemmi kodiċi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 570, ir-responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 503(1) ma hijiex eskluża ħlief meta l-inċident ikun seħħ ħtija tal-vittma nnifisha jew ta’ terz, jew meta jkun seħħ minħabba forza maġġuri esterna għall-funzjonament tal-vettura.”

10

L-Artikolu 570 tal-istess kodiċi jipprovdi:

“1.   Meta l-vittma tkun, bi ħtija tagħha, ikkontribwiet għall-okkorrenza jew għall-aggravament tad-danni, il-qorti kompetenti għandha, fid-dawl tal-gravità tal-ħtija ta’ parti waħda jew l-oħra, u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha, tiddetermina jekk il-kumpens għandux jingħata kollu, jekk għandux jitnaqqas jew jekk għandux jiġi eskluż għal kollox.”

2.   Jekk ir-responsabbiltà tkun ibbażata fuq sempliċi preżunzjoni ta’ ħtija, il-ħtija tal-parti leża, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, teskludi l-obbligu li jingħata kumpens.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Fit-12 ta’ Ġunju 2004, vettura li V. H. Marques Almeida kien passiġġier fiha ħabtet ma’ vettura li tappartjeni għal J. M. da Cunha Carvalheira u misjuqa minn P. M. Carvalheira.

12

Waqt il-ħabta, V. H. Marques Almeida, li kien passiġġier fuq quddiem tal-vettura u li ma kienx libes iċ-ċinturin tas-sigurtà tiegħu, ġie mitfugħ kontra l-windskrin, u dan ikkaġunalu qtugħ fondi f’rasu u f’wiċċu.

13

Fid-data tal-ħabta, il-proprjetarju tal-vettura li kien jinsab fiha V. H. Marques Almeida kien kopert minn assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ din il-vettura ma’ Felidade-Mundial. Min-naħa l-oħra, ma kien hemm l-ebda polza ta’ assigurazzjoni li tkopri din ir-responsabbiltà għal dak li jikkonċerna l-vettura li tappartjeni għal J. M. da Cunha Carvalheira.

14

Wara dan l-inċident, V. H. Marques Almeida ppreżenta rikors quddiem il-qorti kompetenti Portugiża sabiex Felidade-Mundial, J. M. da Cunha Carvalheira u P. M. Carvalheira kif ukoll il-Fundo de Garantia Automóvel jiġu kkundannati in solidum għall-ħlas ta’ EUR 65 000 għad-danni li ġarrab waqt l-inċident kif ukoll għall-ammont li jrid iħallas għall-operazzjonijiet kirurġiċi li jrid jagħmel eventwalment.

15

Dan ir-rikors ġie miċħud fuq il-bażi tal-Artikolu 570 tal-Kodiċi Ċivili Portuġiż minħabba li d-danni mġarrba minn V. H. Marques Almeida huma dovuti għal ħtija tiegħu, jiġifieri li ma qafilx iċ-ċinturin tas-sigurtà tiegħu, bi ksur tal-Artikolu 82(1) tal-Kodiċi tat-Traffiku Portugiż.

16

V. H. Marques Almeida appella minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal da Relação de Guimarães.

17

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li skont il-parti l-kbira tal-ġurisprudenza nazzjonali, applikata mill-qorti tal-ewwel istanza, ir-responsabbiltà tal-persuna vittma ta’ inċident tat-traffiku fir-rigward tal-okkorrenza tad-danni li hija tkun ġarrbet huma, skont l-Artikoli 505 u 570 tal-Kodiċi Portugiż, tali li teskludi r-responsabbiltà oġġettiva ta’ dak li jkollu l-konrtoll effettiv tal-vettura inkwistjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 503(1) tal-imsemmi kodiċi.

18

Minn dan jirriżulta li f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, sa fejn ma jintwerix li s-sewwieqa tal-vetturi involuti fil-ħabta kellhom ħtija, filwaqt li jiġi stabbilit li l-ħtija tal-passiġġier vittma ħolqot id-danni li ġarrab, l-imsemmi passiġġier ma jistax jiġi kkumpensat fuq il-bażi tar-responsabbiltà oġġettiva msemmija fl-Artikolu 503(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż.

19

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, b’mod partikolari mis-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2005, Candolin et (C-537/03, Ġabra p. I-5745), u tad-19 ta’ April 2007, Farrell (C-356/05, Ġabra p. I-3067), li din tistinka sabiex tipproteġi speċjalment il-passiġġieri ta’ vetturi involuti f’inċidenti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx bħala applikabbli d-dispożizzjonijiet legali u kuntrattwali li, fi Stat Membru, jeliminaw l-obbligu li l-imsemmija passiġġieri jiġu kkumpensati f’ċerti ċirkustanzi, bi ksur tal-Ewwel, tat-Tieni u tat-it-Tielet Direttiva.

20

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal da Relação de Guimarães għandu dubbji dwar il-kompatibbiltà tas-sistema ta’ responsabbiltà ċivili, applikabbli fil-kawża prinċipali, mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal da Relação de Guimarães iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3(1) tal-[Ewwel Direttiva], 2(1) tat-[Tieni Direttiva] u 1 u 1a tat-[Tielet Direttiva] għandhom jiġi interpretati fis-sens li jipprekludu lid-dritt ċivili nazzjonali, b’mod partikolari permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 503(1), 504, 505 u 570 tal-Código Civil (Kodiċi Ċivili) milli jimponi li f’każ ta’ ħabta bejn żewġ vetturi, fejn il-fatt mhuwa imputabbli fuq l-ebda wieħed mis-sewwieqa minħabba tort, li tat lok għal danni fiżiċi lill-passiġġier ta’ waħda minn dawn il-karozzi (il-persuna ddanneġġjata li qed titlob kumpens), il-kumpens li dan il-passiġier jitlob jiġi rrifjutata jew limitat minħabba li l-imsemmi passiġġier kien ikkontribwixxa għall-ħolqien tad-danni, sa fejn fil-karozza kien bil-qegħda ħdejn ix-xufier, mingħajr ma libes iċ-ċinturin tas-sigurtà, kif rikjest mil-leġiżlazzjoni nazzjonali:

filwaqt li ntwera li meta ġrat il-ħabta bejn iż-żewġ vetturi involuti, minħabba din il-ħabta u minħabba li ma kienx liebes iċ-ċinturin tas-sigurtà, il-passiġġier ħabat rasu bil-qawwa mal-windskrin, tant li kissirha, u b’hekk kellu diversi qtugħ fondi f’rasu u f’wiċċu,

u fid-dawl tal-fatt li, peress li waħda mill-vetturi involuti ma kinitx koperta b’assigurazzjoni valida u effettiva ma’ xi assiguratur meta seħħ l-inċident, huma konvenuti fl-azzjoni, minbarra l-assiguratur tal-vettura l-oħra involuta, is-sid tal-vettura mingħajr assigurazzjoni, ix-xufier tagħha u l-Fundo de Garantia Automóvel [il-Fond ta’ Garanzija tal-Karozzi] li, sa fejn hija involuta responsabbiltà oġġettiva, jistgħu jkunu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-imsemmi kumpens?”

Fuq id-domanda preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

22

Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva ma huwiex applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali la ratione materiae u lanqas ratione temporis, hekk kif ġustament irrileva l-Gvern Ġermaniż. Fil-fatt, minn naħa, din id-dispożizzjoni hija intiża biss għad-dritt għal kumpens għad-danni subiti minn dawk li jkunu mexjin, iċ-ċiklisti u dawk kollha li jużaw it-triq mingħajr vettura bil-mutur. Issa, waqt il-ħabta li kkawżatlu d-danni subiti, V. H. Marques Almeida kien passiġġier f’vettura bil-mutur.

23

Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ddaħħlet fit-Tielet Direttiva mid-Direttiva 2005/14 li l-Artikolu 7 tagħha jipprovdi li hija kellha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fil-11 ta’ Ġunju 2005 u li l-Artikolu 6(1) tagħha jipprovdi li kellha tiġi trasposta sa mhux iktar tard mill-11 ta’ Ġunju 2007. Issa, l-inċident tat-traffiku li ta lok għall-kawża prinċipali seħħ fit-12 ta’ Ġunju 2004.

24

Konsegwentement, għandu jitqies li d-domanda preliminari tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) tal-Ewwel Direttiva, 2(1) tat-Tieni Direttiva u 1 tat-Tielet Direttiva.

Fuq id-domanda magħmula

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 3(1) tal-Ewwel Direttiva, 2(1) tat-Tieni Direttiva u 1 tat-Tielet Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li, f’każ ta’ ħabta bejn żewġ vetturi bil-mutur, li kkawżat danni fiżiċi lill-passiġġier ta’ waħda minn dawn il-vetturi, mingħajr ma l-ħtija tista’ tkun imputabbli lis-sewwieqa tal-imsemmija vetturi, jippermettu li tiġi limitata jew eskluża r-responsabbiltà ċivili tal-assigurati u, konsegwentement, il-kumpens ta’ dan il-passiġġier mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur fuq il-bażi tal-kontribut ta’ dan tal-aħħar għall-okkorrenza tal-imsemmija danni.

26

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-preambolu tal-Ewwel u tat-Tieni Direttivi juru li dawn jippruvaw, minn naħa, jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li jivvjaġġaw f’dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident (sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, Ruiz Bernáldez, C-129/94, Ġabra p. I-1829, punt 13; tal-14 ta’ Settembru 2000, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, C-348/98, Ġabra p. I-6711, punt 24; tas-17 ta’ Marzu 2011, Carvalho Ferreira Santos, C-484/09, Ġabra p. I-1821, punt 24, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, C-409/09, Ġabra p. I-4955, punt 23).

27

Għaldaqstant, l-Ewwel Direttiva, kif iċċarata u kkompletata mit-Tieni u t-Tielet Direttiva, timponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u tippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u t-terżi li jkunu sfaw vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, punt 27); Carvalho Ferreira Santos, punt 27, kif ukoll Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, punt 24).

28

Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ta’ danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda hija ddefinita u ggarantita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni waħda hija rregolata, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Carvalho Ferreira Santos, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, punt 25).

29

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-għan tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva, kif ukoll mill-kliem tagħhom jirriżulta li huma ma humiex intiżi sabiex jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar għadhom liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għal inċidenti li jirriżultaw mill-użu tal-vetturi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Carvalho Ferreira Santos, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, punt 26).

30

Madankollu, l-Istati Membru huma obbligati jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur applikabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tliet direttivi msemmija hawn fuq (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, punt 29; Farrell, punt 33; Carvalho Ferreira Santos, punt 34, kif ukoll Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, punt 27).

31

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għal inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi ma jistgħux iċaħħdu lill-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet direttivi mill-effettività tagħhom (sentenza Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

32

Hekk kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-direttivi jiġu mċaħħda minn din l-effettività jekk, fuq il-bażi tal-kontribut tal-vittma għall-okkorrenza tad-dannu, leġiżlazzjoni nazzjonali, definita fuq il-bażi ta’ kriterji ġenerali u astratti, jew iċċaħħad lill-vittma d-dritt li tiġi kkumpensata mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, jew tillimita tali dritt b’mod sproporzjonat. Għaldaqstant, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni individwali, dan id-dritt jista’ jiġi limitat (sentenza Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

33

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 2(1) tat-Tieni Direttiva u 1 tat-Tielet Direttiva jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li tippermetti li jiġi rrifjutat jew limitat b’mod sproporzjonat, fuq is-sempliċi bażi tal-kontribut ta’passiġġier għall-okkorrenza tad-dannu li ġarrab, id-dritt tal-imsemmi passiġġier li jiġi kkumpensat mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Candolin et, punt 35, kif ukoll Farrell, punt 35).

34

Madankollu, fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li b’differenza mill-fatti li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Candolin et kif ukoll Farrell, id-dritt għal kumpens tal-vittmi tal-inċident tat-traffiku huwa affettwat mhux minħabba limitazzjoni tal-kopertura tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur minn dispożizzjonijiet rigward l-assigurazzjoni iżda, bħall kawżi li wasslu għas-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq, Carvalho Ferreira Santos kif ukoll Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio minħabba s-sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili rigward l-inċidenti tat-traffiku.

35

Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża biss sabiex tiddetermina d-dritt tal-vittma, kif ukoll il-portata eventwali ta’ dan id-dritt, għal kumpens minħabba r-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Min-naħa l-oħra, hija ma hijiex tali li tillimita l-kopertura tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tiġi stabbilita fir-rigward ta’ assigurat.

36

Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikoli 503 u 504 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż jistabbilixxu responsabbiltà oġġettiva f’każ ta’ inċident tat-traffiku, iżda li, bla ħsara għall-Artikolu 570 ta’ dan il-kodiċi, ir-responsabbiltà għar-riskju prevista fl-Artikolu 503(1) tal-imsemmi kodiċi hija, skont l-Artikolu 505 tiegħu, eskluża biss meta l-inċident ikun imputabbli lill-vittma jew lil terz, jew meta jirriżulta minn każ ta’ forza maġġuri. L-Artikolu 570(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż jippreċiża li, meta l-ħtija tal-vittma tkun ikkontribwixxiet għall-okkorrenza jew għall-aggravament tad-danni, din il-persuna tista’ tiċċaħħad, skont l-evalwazzjoni min-naħa tal-qorti kompetenti tal-gravità ta’ din il-ħtija rispettiva u tal-konsegwenzi li jirriżultaw, mill-kumpens kollu jew minn parti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

37

Bil-kontra tal-kuntesti ġuridiċi rispettivi fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Candolin et kif ukoll Farrell, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali għalhekk ma għandhiex l-effett, f’każ li l-vittma ta’ inċident tat-traffiku tikkontribwixxi, f’dan il-każ passiġġier f’vettura involut f’tali inċident, għad-dannu sostnut minnha, li teskludi awtomatikament jew li tillimita b’mod sproporzjonat id-dritt ta’ din il-vittma għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li tkopri lis-sewwieq tal-vettura involuta fl-inċident (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Carvalho Ferreira Santos, punti 43 kif ukoll Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, punt 34).

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taffettwax il-garanzija, prevista mid-dritt tal-Unjoni, li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur, iddeterminata skont id-dritt nazzjonali applikabbli, tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Carvalho Ferreira Santos, punt 44, kif ukoll Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, punt 34).

39

Minn dan isegwi li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 3(1) tal-Ewwel Direttiva, 2(1) tat-Tieni Direttiva u 1 tat-Tielet Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li, f’każ ta’ ħabta bejn żewġ vetturi bil-mutur li kkawżat danni fiżiċi lill-passiġġier ta’ waħda minn dawn il-vetturi, mingħajr ma l-ħtija tista’ tkun imputabbli lis-sewwieqa tal-imsemmija vetturi, jippermettu li tiġi limitata jew eskluża r-responsabbiltà ċivili tal-assigurati.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, 2(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li, f’każ ta’ ħabta bejn żewġ vetturi bil-mutur li kkawżat danni fiżiċi lill-passiġġier ta’ waħda minn dawn il-vetturi, mingħajr ma l-ħtija tista’ tkun imputabbli lis-sewwieqa tal-imsemmija vetturi, jippermettu li tiġi limitata jew eskluża r-responsabbiltà ċivili tal-assigurati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Fuq