EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0249

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2012.
Hristo Byankov vs Glaven sekretar na Ministerstvo na vatreshnite raboti.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 27 — Miżura amministrattiva ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju nazzjonali minħabba n-nuqqas ta’ ħlas ta’ dejn inkors fil-konfront ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat — Prinċipju ta’ ċertezza legali fir-rigward ta’ atti amministrattivi li saru finali — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.
Kawża C-249/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:608

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )

“Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 27 — Miżura amministrattiva ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju nazzjonali minħabba n-nuqqas ta’ ħlas ta’ dejn inkors fil-konfront ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat — Prinċipju ta’ ċertezza legali fir-rigward ta’ atti amministrattivi li saru finali — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Fil-Kawża C-249/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

Hristo Byankov

vs

Glaven sekretar na Ministerstvo na vatreshnite raboti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President ta’ Awla, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh (Relatur), A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Tufvesson u V. Savov, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-Artikoli 27(1) u 31(1) u (3) tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn H. Byankov u l-Glaven sekretar na Ministerstvo na vatreshnite raboti (Segretarju Ġenerali tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni) dwar ir-rifjut ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura amministrattiva u t-tħassir ta’ miżura amministrattiva ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju minħabba n-nuqqas ta’ ħlas ta’ dejn privat.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

Il-premessa 31 tad-Direttiva 2004/38 tipprovdi li din tirrispetta d-drittijiet u l-liberatajiet fundamentali u tosserva l-prinċipji li huma rikonoxxuti mill-Karta.

4

Skont l-Artikolu 3(1), id-Direttiva 2004/38 tapplika biss għal ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu lejn, jew jirresjedu fi, Stat Membru barra minn dak li tiegħu huma ċittadini, u għall-membri tal-familja tagħhom li jkunu, jew jingħaqdu, magħhom.

5

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jipprovdi dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu [...] għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.”

6

L-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38, li jinsab fil-Kapitolu VI tal-imsemmija direttiva intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika” jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika [ordni pubblika], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.   Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubblika] jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

7

L-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/38, li jinsab fl-istess kapitolu, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprovdi li:

“1.   Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta’ kumpens fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubblika], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

[...]

3.   Il-proċeduri ta’ riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex disproporzjonata [...]

[...]”

8

L-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva li jifforma wkoll parti mill-imsemmi Kapitolu VI, jipprovdi dan li ġej:

“Persuni esklużi minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubblika] jew sigurtà pubblika [jew ta’ saħħa pubblika] jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għat-tneħħija ta’ l-ordni ta’ tkeċċija [tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju] wara perjodu raġonevoli, skond iċ-ċirkostanzi, u fi kwalunkwe każ wara tliet snin mill-infurzar ta’ l-aħħar ordni ta’ tkeċċija li ġiet adottata b’mod validu skond il-liġi tal-Komunità, billi jiġu ppreżentati argumenti biex jiġi stabbilit li kien hemm tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi li ġġustifikaw id-deċiżjoni li tordna l-esklużjoni [li tipprojbixxi d-dħul] tagħhom.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jilħaq deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni sa sitt xhur mill-preżentazzjoni tagħha.”

Il-leġiżlazzjoni Bulgara

9

L-Artikolu 23(2) tal-Liġi dwar id-dokumenti tal-identità Bulgari (Zakon za balgarskite litschni dokumenti, DV Nru 93, tal-11 ta’ Awwissu 1998), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (DV Nru 105, tat-22 ta’ Diċembru 2006, iktar ’il quddiem iz-“ZBLD”), jipprovdi li “[k]ull ċittadin Bulgaru għandu d-dritt li jitlaq mill-pajjiż b’karta tal-identità u li jirritorna lura biha mill-fruntieri interni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-każijiet previsti minn trattati internazzjonali”.

10

L-Artikolu 23(3) ikompli billi jippreċiża li “[d]-dritt imsemmi fil-paragrafu 2 jiġi limitat biss jekk il-liġi tipprevedi l-kuntrarju għal finijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tal-ordni pubbliku, tas-saħħa taċ-ċittadini jew tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ċittadini oħrajn”.

11

L-Artikolu 76(3) taz-ZBLD jipprovdi li:

“Ma jistax jiġi pprojbit li jitilqu mill-pajjiż u li jingħataw passaporti, kif ukoll dokumenti ta’ sostituzzjoni:

[...]

3.   [...] l-persuni li, fil-konfront ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi Bulgari jew barranin, ikollhom djun ta’ flus ta’ ammont kunsiderevoli li jkunu ġew ikkonstatati b’mod ġudizzjarju, sakemm il-patrimonju personali tagħhom ma jkoprix id-dejn jew sakemm ma jagħtux garanzija xierqa.”

12

Skont dispożizzjonijiet addizzjonali taz-ZBLD, ammont ta’ iktar minn BGN 5 000 huwa kkunsidrat bħala “kunsiderevoli” fis-sens tal-Artikolu 76(3) taz-ZBLD.

13

Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tħassret permezz tal-paragrafu 63(3) tal-Liġi li tirrigwarda emenda u żieda għal-Liġi dwar id-dokumenti tal-identità Bulgari (DV 82 tas-16 ta’ Ottubru 2009), li daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Ottubru 2009. Madankollu, il-leġiżlatur Bulgara ma pprevedix it-tħassir ex officio tal-miżuri amministrattivi koerżivi imposti abbażi tal-Artikolu 76(3) taz-ZBLD.

14

L-Artikolu 99 li jinsab fil-Kapitolu 7 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva (Administrativnoprotsesualen kodeks, iktar ’il quddiem l-“APK”), intitolat “Ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri għall-adozzjoni tal-atti amministrattivi, jipprovdi dan li ġej:

“Att amministrattiv individwali jew leġiżlattiv li sar definittiv ma kienx is-suġġett ta’ rikors jista’ jitħassar jew jitbiddel mill-awtorità amministrattiva li teżerċita l-funzjonijiet ta’ superjur ġerarkiku immedjat, u jekk l-att ma jkunx jista’ jiġi kkontestat amministrattivament, mill-awtorità li adottatu, meta:

1.

tkun inkisret b’mod sostantiv waħda mill-kundizzjonijiet tal-legalità tiegħu;

[...]

7.

ksur tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali], iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEBD”) ġie kkonstatat b’sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”

15

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 99(1) tal-APK jagħti s-setgħa lill-korp amministrattiv li jħassar att amministrattiv li jkun sar definittiv meta waħda mill-kundizzjonijiet tal-legalità tiegħu tkun inkisret b’mod sostantiv. Madankollu, skont l-Artikoli 100 u 102(1) tal-APK, din is-setgħa tista’ tiġi eżerċitata biss f’terminu ta’ xahar mid-data li fiha l-att ikkonċernat ikun ittieħed u fuq l-inizjattiva tal-korp amministrattiv li jkun adotta dan l-att, tal-prokuratur ikkonċernat jew tal-medjatur.

16

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 102(2) tal-APK, fil-każ previst fl-Artikolu 99(7) ta’ dan il-kodiċi, huwa possibbli li l-proċedura terġa’ tinfetaħ fuq it-talba tad-destinatarju ta’ miżura amministrattiva li, peress li ma kinitx is-suġġett ta’ rikors kontenzjuż, saret definittiva.

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-destinatarju ta’ tali miżura jista’ wkoll jippreżenta talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fl-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 99(2) sa (6) tal-APK.

18

Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-Artikolu 99(2) tal-APK isemmi b’mod partikolari l-ipoteżi ta’ provi bil-miktub ġodda.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur tad-Direttorat Reġjonali tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni tas-17 ta’ April 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2007”), H. Byankov, ċittadin Bulgaru, kien is-suġġett, skont l-Artikolu 76(3) taz-ZBLD, ta’ miżura amministrattiva koerżiva li tirrigwarda l-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju Bulgaru u ta’ ħruġ ta’ passaporti jew ta’ dokumenti ta’ identità ta’ sostituzzjoni (iktar ’il quddiem il-“projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju inkwisjtoni fil-kawża prinċipali”).

20

Id-deċiżjoni tal-2007 ittieħdet fuq it-talba ta’ marixxal ġudizzjarju minħabba dejn inkors fil-konfront ta’ persuna ġuridika rreġolata mid-dritt privat Bulgaru. Din id-deċiżjoni tindika li dan id-dejn, ta’ BGN 200 000 flimkien mal-ispejjeż u l-interessi huwa “kunsiderevoli”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet addizzjonali taz-ZBLD, u li H. Byankov ma pprovedix garanzija xierqa.

21

L-imsemmija deċiżjoni ma kinitx is-suġġett ta’ rikors kontenzjuż u ma kinitx saret definittiva.

22

Fis-6 ta’ Lulju 2010, jiġifieri iktar minn tliet snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2007, H. Byankov talab it-tħassir tal-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi invoka l-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-dritt tiegħu li jiċċaqlaq u li jgħix liberament fl-Unjoni. H. Byankov ibbaża ruħu wkoll fuq l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38, fuq is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa (C-33/07, Ġabra p. I-5157), kif ukoll fuq sentenza Nru 3009, tal-24 ta’ Marzu 2010, tal-Varhoven administrativen sad (Qorti Amministrattiva Suprema). Huwa sostna li l-miżura restrittiva li tista’ tiġi adottata skont l-Artikolu 76(3) taz-ZBLD ma tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ordni pubbliku”.

23

Il-Glaven sekretar na Ministerstvo na vatreshnite raboti, li lilu ntbagħtet it-talba ta’ H. Byankov, eżamina din it-talba bħala talba għal tħassir ta’ att amministrattiv li sar definittiv, proċedura rregolata mill-Artikolu 99 tal-APK.

24

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2010, din it-talba ġiet miċħuda minħabba li l-kundizzjonijiet legali meħtieġa mill-Artikolu 99 tal-APK għall-annullament ta’ “att amministrattiv stabbli” ma kinux sodisfatti. Fil-fatt, ebda wieħed mill-motivi ta’ tħassir previsti mill-Artikolu 99(2) sa (7), ipoteżijiet li fihom individwu jkun jista’ jippreżenta talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, ma kien ġie stabbilit. B’mod partikolari, peress li tikkonċerna persuna oħra li ma hijiex H. Byankov, is-sentenza tal-Varhoven administrativen sad imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza ma tikkostitwixxix prova bil-miktub ġdida fis-sens tal-Artikolu 99(2) tal-APK. Barra minn hekk, peress li l-motiv ta’ tħassir previst fl-Artikolu 99(1) tal-APK ma ġiex stabbilit, ebda talba ma tressqet fit-terminu previst minn persuna intitolata li tagħmel dan.

25

H. Byankov ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2010 u sabiex tiġi deċiża t-talba tiegħu għat-tħassir tad-deċiżjoni tal-2007.

26

Il-konvenut fil-kawża prinċipali ddeċieda li jiċħad ir-rikors ta’ H. Byankov, billi invoka l-legalità tal-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju fil-kawża prinċipali.

27

Skont il-qorti tar-rinviju, il-motivi tad-deċiżjoni tal-2007 ma jsemmu ebda raġuni ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubbliku jew ta’ saħħa pubbliku u ma jinkludux evalwazzjoni tal-aġir personali ta’ H. Byankov, u lanqas jesponu r-raġunijiet li jipprovaw li l-impożizzjoni tal-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju fil-kawża prinċipali tiffaċilita l-ħlas tas-somom ta’ flus inkwistjoni.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE, flimkien mal-Artikoli 20 [TFUE] u 21 TFUE, jeħtieġ li tiġi applikata dispożizzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti t-tħassir ta’ att amministrattiv li sar definittiv sabiex jintemm ksur ta’ dritt fundamentali stabbilit f’sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħad-dritt tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Istati Membri, li wkoll ġie rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, ukoll meta tali konstatazzjoni ta’ ksur tirriżulta minn interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu, anki jekk it-tħassir tal-att inkwistjoni huwa neċessarju sabiex jintemm l-imsemmi ksur?

2)

Isegwi li mill-Artikolu 31(1) u (3) tad-Direttiva 2004/38 li, meta Stat Membru stabbilixxa fid-dritt nazzjonali tiegħu, proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ att amministrattiv li jillimita d-dritt stabbilit mill-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità amministrattiva kompetenti għandha teżemina mill-ġdid l-att inkwistjoni, fuq talba tad-destinatarju tiegħu, u tevalwa l-legalità tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [...] dwar l-interpretazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, sabiex tiżgura li l-limitazzjoni imposta fuq l-imsemmi dritt ma hijiex sproporzjonata mill-mument tal-istabbiliment tal-att ta’ eżami mill-ġdid, meta, f’dan il-mument, l-att amminsitrattiv li impona l-limitazzjoni kien diġà sar definittiv?

3)

Id-dispożizzjonijiet tad-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-[Karta] u dawk tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38/KE [...] jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tippovdi l-istabbiliment ta’ limitazzjoni fuq id-dritt ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ta’ moviment liberu fl-[Unjoni], deċiżjoni meħuda sempliċement minħabba l-eżistenza, lejn persuna privata, jiġifieri kumpannija kummerċjali, ta’ dejn li jaqbeż il-limitu legali u li ma huwiex protett minn garanzija u li, flimkien ma’ proċedura ta’ eżekuzzjoni pendenti fid-dawl tal-irkupru tal-kreditu, u mingħajr ma tittieħdet inkunsiderazzjoni il-possibbiltà, prevista fid-dritt tal-Unjoni, li awtorità ta’ Stat Membru ieħor tista’ twettaq dan l-irkupru?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tielet domanda

29

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tippovdi l-impożizzjoni ta’ restrizzjoni fuq id-dritt ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ta’ moviment liberu fl-Unjoni sempliċement minħabba li huwa debitur, fil-konfront ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, għal dejn li jaqbeż il-limitu legali u li ma huwiex protett minn garanzija.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li sitwazzjoni bħal dik ta’ H. Byankov, li huwa impediet milli jivvaġġja, mit-territorju tal-Istat Membru lil huwa residenti fih, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, taqa’ taħt il-libertà li wieħed jiċċaqlaq jew li jgħix fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija permezz tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi Jipa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17; tas-17 ta’ Novembru 2011, Gaydorov, C-430/10, Ġabra p. I-11637, punti 24 sa 27, u Aladzhov, C-434/10, Ġabra p. I-11659, punti 24 sa 27).

31

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan id-dritt ta’ moviment liberu jinkludi kemm id-dritt għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jidħlu fi Stat Membru differenti li ma huwiex dak li minnu joriġinaw kif ukoll id-dritt li joħorġu minn dan tal-aħħar. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza, il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE jitilfu l-valur tagħhom li kieku l-Istat Membru ta’ oriġini seta’, mingħajr ġustifikazzjoni valida, jipprojbixxi liċ-ċittadini tiegħu milli joħorġu mit-territorju tiegħu sabiex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara s-sentenza Jipa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Barra minn hekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi espressament, mingħajr ma jeżiġi l-eżerċizzju minn qabel tal-imsemmi dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera, li kull ċittadin tal-Unjoni li għandu karta tal-identità valida jew passaport validu għandu d-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.

33

F’dan ir-rigward, ma humiex rilevanti l-fatti, enfasizzati fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-Artikolu 76(3) taz-ZBLD, li daħal fis-seħħ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni, ma huwiex intiż sabiex jitrasponi d-dritt tal-Unjoni, jew li l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 kien ġiet traspost fl-ordinament ġuridiku Bulgaru biss fir-rigward ta’ ċittadini tal-Istati Membri oħrajn minbarra r-Repubblika tal-Bulgarijia (ara, fuq dan l-aħħar punt, is-sentenza Aladzhov, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u32).

34

F’dan iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni ma huwiex inkundizzjonat, iżda jista’ jiġi suġġett għal limitazzjonijiet u għal kundizzjonijiet previsti mit-Trattat kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati sabiex jiġi applikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq Jipa, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Aladzhov, punt 28).

35

Dawn il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38, li jippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familji tagħhom minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika, jew ta’ saħħa pubblika. Skont din l-istess dispożizzjoni, dawn ir-raġunijiet ma jistgħux, madankollu, jiġu invokati “għal skopijiet ekonomiċi” (sentenza Aladzkov, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

36

Għaldaqstant, sabiex id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix miżura amministrattiva bħal dik ikkonċernata fil-kawża prinċipali, għandu b’mod partikolari jiġi stabbilit li din il-miżura ġiet adottata għal waħda mir-raġunijiet elenkati fil-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38 u bil-kundizzjoni li din ir-raġuni ma kinitx ġiet invokata għal skopijiet ekonomiċi.

37

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-kliem tat-tielet domanda jirriżulta li l-unika bażi tal-miżura amministrattiva kkonċernata fil-kawża prinċipali tibbaża fuq il-konstatazzjoni doppja tal-eżistenza ta’ dejn fil-konfront ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat u tal-inkapaċità tad-debitur li jiggarantixxi dan id-dejn permezz ta’ garanzija. L-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika ma humiex imsemmija.

38

Fuq dan il-punt, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-ipoteżi li tipprovdi li l-Artikolu 76(3) taz-ZBLD, u, konsegwentement, il-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, issegwi l-għan ta’ protezzjoni tal-kredituri.

39

Anki jekk jista’ jiġi validament ikkunsidrat li ċerta idea tal-preservazzjoni tal-ordni pubblika tenfasizza tali għan, ma jistax jiġi eskluż, mill-qari tad-deċiżjoni tar-rinviju, li il-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha għan esklużivament ekonomiku. L-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 27(1) tad-Direttiva 2004/38 teskludi espressament il-possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka raġunijiet marbutin mal-ordni pubbliku għal skopijiet ekonomiċi.

40

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikors għall-kunċett ta’ ordni pubblika jippresupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra l-inkwiet għall-ordni soċjali li kull ksur tal-liġi jinvolvi, ta’ theddiha reali, attwali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tal-kumpannija (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq Jipa, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Gaydarov, punt 33).

41

F’dan il-kuntest, id-derogi għall-moviment liberu tal-persuni li jistgħu jitqajjmu minn Stat Membru, jimplikaw b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, li, sabiex ikunu ġustifikati, miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat, u li ġustifikazzjonijiet mhux marbuta direttament mal-każ individwali inkwistjoni jew li għandhom x’jaqsmu ma’ raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali ma jistgħux jiġu kkunsidrati (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Jipa, punt 24 u Gaydarov, punt 34).

42

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni tal-2007 ma tinkludi ebda evalwazzjoni li tirrigwarda speċifikament l-aġir personali ta’ H. Byankov jew n-natura reali, attwali u gravi ta’ theddida li dan l-aġir jista’jippreżenta fir-rigward ta’ interess fundamentali tal-kumpannija Bulgara li ma huwa ddefinit fl-ebda parti tal-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja.

43

Barra minn hekk, mill-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura ristrettiva tad-dritt ta’ moviment liberu tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk, billi hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija ssegwi u billi tmur lill hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq, hija tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalita (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati Jipa, punt 20 u Gaydarov, punt 40).

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, ħlief għall-possibbiltà li titħallas is-somma mitluba jew li tingħata garanzija xierqa, il-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija assoluta, jiġifieri li hija ma hijiex suġġetta għal eċċezzjonijiet, għal limitu ta’ żmien, jew għal possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid perijodiku taċ-ċirkustanzi ta’ fatt jew ta’ liġi sottostanti għaliha. Għalhekk, sakemm tali projbizzjoni ma titneħħix, l-effetti legali tagħha għal persuna bħal H. Byankov jiġġeddu kontinwament u huma ta’ natura li jippersistu indefinittivament.

45

Min-naħa l-oħra, fid-dritt tal-Unjoni jeżistu regoli ġuridiċi ta’ natura li jipproteġu d-drittijiet tal-kredituri mingħajr ma tiġi neċessarjament limitata l-libertà ta’ moviment tad-debitur. Pereżempju, huwa biżżejjed li jiġi ċċitatat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li huwa barra minn hekk imsemmi mill-qorti tar-rinviju stess.

46

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal tħassib espress mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi kkunsidrati li, minħabba l-esklużjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38, ta’ derogi invokati għal skopijiet ekonomiċi, l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma joffrix livell ta’ protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà ta’ oħrajn, fil-każ tal-kredituri, li huwa għall-inqas ekwivalenti għal dak stabbilit skont il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

47

Barra minn hekk, kif il-qorti tar-rinviju rrilevat, essenzjalment, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-miżuri, bħall-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwardaw preġudizzju għad-dritt ta’ persuna li toħroġ mill-pajjiż tagħha għandhom b’mod partikolari jiġu suġġetti għal eżami mill-ġdid regolari, taħt il-piena li għandhom jiġu kkunsidrati bħala “sproporzjonati” fis-sens ta’ din l-istess ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentnzi Ignatov vs Il-Bulgarija, tat-2 ta’ Lulju 2009, Rikors Nru 50/02, punt 37, u Gochev vs Il-Bulgarija, tas-26 ta’ Novembru 2009, Rikors Nru 34383/03, punti 55 sa 57).

48

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi l-impożizzjoni ta’ limitazzjoni fuq id-dritt ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jiċċaqlaq liberament fl-Unjoni sempliċement minħabba li huwa debitur, fil-konfront ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, għal dejn li jaqbeż il-limitu legali u li ma huwiex protett minn garanzija.

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

Kunsiderazzjonijiet preliminari

49

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ġie ppreżentat quddiemha rikors intiz għall-annullament, minħabba allegat kunflitt mad-dritt tal-Unjoni, ta’ deċiżjoni amministrattiva li ċaħdet it-talba ppreżentata minn H. Byankov li jiftaħ mill-ġdid il-proċedura amministrattiva li waslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2007. Dan jirrigwarda għaldaqstant fil-kawża prinċipali li jiġi ddeterminat jekk din iċ-ċaħda hijiex konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

50

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tal-ewwel domanda tagħha, dwar ir-relazzjoni bejn, minn naħa, il-prinċipju taċ-ċertezza legali fir-rigward ta’ att amministrattiv li sar definittiv u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi bid-dritt tal-Unjoni. Din il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, (C-453/00, Ġabra), u parti mill-ġurisprudenza li li tirriżulta minnha. Hija tidher li tislet il-konklużjoni li tipprovdi li, essenzjalment, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjara effettiva jsib dejjem il-limiti tiegħu meta huwa jiffaċċja “regoli nazzjonali li jistabbilixxu l-prinċipju taċ-ċertezza legali fir-rigward ta’ atti amministrattivi”.

51

F’dan il-każ, ma hemmx lok madankollu li tittieħed pożizzjoni fuq l-iżviluppi esposti fuq dan il-punt fid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li, peress li d-deċiżjoni tal-2007 saret definittiva mingħajr ma kienet is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, is-sentenza iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex direttament rilevanti għall-finijet li jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, korp amministrattiv għandux jiftaħ mill-ġdid il-proċedura amministrattiva bil-għan tat-tħassir ta’ att amministrattiv bħad-deċiżjoni tal-2007 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor, C-392/04 u C-422/04, Ġabra p. I-8559, punti 53 u 54).

52

Huwa wkoll fil-kuntest espost fil-punt 49 ta’ din is-sentenza li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/38 jistax iservi bħala bażi għal obbligu ta’ eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

53

Dan l-Artikolu 31 huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familji tagħha aċċess għal azzjonijiet ġudizzjarji u, skont il-każ, amministrattivi sabiex jikkontestaw deċiżjonijiet li jillimitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fl-Istati Membri.

54

Dawn il-garanziji proċedurali meħtieġa mill-imsemmi Artikolu 31 huma intiżi sabiex japplikaw fil-mument tal-adozzjoni tal-miżuri li jillimitaw l-imsemmi dritt.

55

F’dan il-każ ma huwiex ikkontestat li H. Byankov kellu, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2007, rimedji legali li kienu jippermettulu li jikkontesta l-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li H. Byankov ma ppreżentax, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2007, rikors kontra din id-deċiżjoni, bil-konsegwenza li din saret definittiva.

56

Minn dan isegwi li l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/38 ma huwiex intiż sabiex japplika, bħala tali, għas-sitwazzjonijiet legali bħala dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tieni domanda.

57

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Krüger, C-334/95, Ġabra p. I-4517, punti 22 u 23, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C-243/09 Ġabra p. I-9849, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għal dawn l-iskopijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet, mill-elementi kollha li tkun ipprovditilha l-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, ir-regoli u l-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni b’kunsiderazzjoni għas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, b’mod partiklari, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, Ġabra p. 2347, punt 26; tat-23 ta’ Ottubru 2003, Inizan, C-56/01, Ġabra p. I-12403, punt 34, u Fuß, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

59

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Bulgaru, il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tal-att amministrattiv individwali definittiv li ma kienx is-suġġett ta’ rikors kontenzjuż ikkontestat tista’ tinfetaħ mill-ġdid b’mod eċċezzjonali għall-finijiet tat-tħassir jew tat-tibdil ta’ dan l-att fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti mill-Artikolu 99 tal-APK.

60

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 15, 23 u 24 ta’ din is-sentenza, it-talba ta’ H. Byandov intiża sabiex terġa’ tinfetaħ il-proċedura amministrattiva sabiex titħassar il-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet miċħuda minħabba li l-kundizzjonijiet legali meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 99 tal-APK ma kinux sodisfatti. B’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-paragrafu 1, ebda talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura amministrattiva ma kienet tressqet fit-terminu ta’ xahar mid-data tad-deċiżjoni tal-2007 minn persuna intitolata sabiex tagħmel dan, jiġifieri l-korp amministrattiv li adotta din id-deċiżjoni jew, skont il-każ, il-prokuratur medjatur.

61

Għaldaqstant, kif il-qorti tar-rinviju rrilevat, essenzjalment, bl-eċċezzjoni magħmula għall-possibbiltà li titħallas is-somma mitluba jew li tingħata garanzija xierqa, ebda possibbiltà li tirriżulta mid-dritt Bulgaru biss ma hija s’issa disponibbli għal H. Byandov għall-finijiet li jeżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li taw lok għall-projbizzjoni territorjali huwa suġġett għaliha, u dan minkejja l-fatt li, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għat-tielet domanda u li huwa aċċettat barra minn hekk fid-deċiżjoni tar-rinviju, tali projbizzjoni hija b’mod ċar kuntrarja għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38.

62

Barra minn hekk, il-korpi rilevanti tal-amministrazzjoni Bulgara, li huma suġġetti għall-obbligu li jirrispettaw is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, C-341/08, Ġabra p. I-47, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma għadhomx iktar f’pożizzjoni, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeżerċitaw il-possibbiltà tagħhom li jeżaminaw mill-ġdid il-każ ta’ H. Byankov fid-dawl, b’mod partikolari, tat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq. Din il-possibbiltà tista’ tiġi eżerċitata biss f’terminu ta’ xahar mid-data li fiha l-att ikkonċernat ġie adottat.

63

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) TFUE jagħtu lill-individwi drittijiet li huma jistgħu jinvokaw u li l-qrati nazzjonali għandhom jissalvagwardjaw (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C-413/99, Ġabra p. I-7091, punti 84 sa 86).

64

Barra minn hekk, skont, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilita fl-Artikolu 4(3) TFUE, huma l-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha, inklużi l-organi amministrattivi u ġudizzjarji, li għandhom jiżguraw l-osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Wall, C-91/08, Ġabra p. I-2815, punt 69).

65

Għaldaqstant il-kwistjoni li għandha tiġi deċiża f’dan il-każ tirrigwada jekk, sabiex jiġu jissalvagwardjati d-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li quddiemha jiġi ppreżentat rikors bħal dak ta’ H. Byankov tistax titwassal, fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ obbligu għall-awtorità ammnistrattiva li teżamina mill-ġdid u, skont il-każ, li tħassar projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza i-21 Germany u Arcor, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 sa 56).

66

F’dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li jinftiehem li l-ewwel u t-tieni domandi dwar, essenzjalment, jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni, għandux jiġi interpetat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-proċedura amministrattiva li waslet għall-adozzjoni ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, saret definittiva u li ma kinitx is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja ma tistax tinfetaħ mill-ġdid, fil-każ fejn din il-projbizzjoni tkun manifestament kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, ħlief taħt il-kundizzjonijiet bħal dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 99 tal-APK, u dan minkejja l-fatt li tali projbizzjoni tkompli tipproduċi effetti legali fir-rigward tad-destinatarju tagħha.

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi kif ifformulati mill-ġdid

67

Huwa minnu li mil-punti 30 sa 32 u 36 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-garanziji imposti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38 huma ta’ natura li japplikaw għall-projbizzjonijiet magħmula liċ-ċittadini tal-Unjoni li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru.

68

Madankollu, sabiex il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tkun possibbli fil-kuntest speċifiku tal-imsemmi Artikolu 32, jeħtieġ b’mod partikolari li l-miżura inkwistjoni tkun “ġiet adottata b’mod validu skond il-liġi tal-[Unjoni]”. Kif jirriżulta mir-risposta għat-tielet domanda, dan ma huwiex il-każ għal miżura bħal dik tad-deċiżjoni tal-2007. Għal din ir-raġuni, b’mod partikolari, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38 ma jistax jitqies bħala applikabbli, bħala tali, fil-kawża prinċipali.

69

Skont ġurisprudenza stabbilità, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola r-rimedji legali intiżi sabiex jiżguraw li d-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jiġu ssalvagwardjati (ara s-sentenza Wall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63), bil-kundizzjoni madankollu li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjoali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, dawn ma jirrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12; Peterbroeck, C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12; i-21 Germany u Arcor, iċċitata iktar’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE Építési C-378/10, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

F’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ekwivalenza, dan jitlob li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi, inklużi t-termini preskritti, japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C-63/08, Ġabra p. I-10467, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, punt 31).

71

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ma semmietx il-possibbiltà li l-kundizzjonijiet speċifiċi previsti għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 99(1) tal-APK jistgħu jvarjaw skont jekk il-motiv ta’ illegalità invokat kontra l-att ammnistrattiv li jkun sar definittiv ikunx ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni jew fuq ksur tad-dritt nazzjonali.

72

F’din il-kawża, il-kwistjoni li tqum b’mod iktar partikolari hija dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta mill-qorti tar-rinviju hijiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ effettività kif ukoll ta’ kooperazzjoni leali.

73

Fil-fatt, minn naħa, skont tali leġiżlazzjoni, id-destinatarji ta’ projbizzjonijiet ta’ ħruġ mit-territorju f’sitwazzjonijiet bħal dawk ta’ H. Byankov, sakemm ma jħallsux is-somom mitluba jew jipprovdu garanziji xierqa, qatt mhu ser ikollhom il-possibbiltà li jeżaminaw mill-ġdid il-każ tagħha, u dan minkejja l-illegalità manifesta tal-projbizzjonijiet territorjali miġjuba kontrihom għal perijodu illimitat.

74

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 13 u 15 ta’ din is-sentenza, minħabba n-nuqqas tat-tħassir ex officio, bħal ma rriżulta b’mod partikolari mis-sentenza Jipa, iċċitata iktar ’il fuq, tal-projbizzjonijiet ta’ ħruġ mit-territorju imposti abbażi tal-Artikolu 76(3) taz-ZBLD u tat-terminu ta’ xahar applikabbli fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 99(1) tal-APK, il-korpi amministrattivi rilevanti jqiesu li ma huma preklużi milli jippermettu eżami mill-ġdid f’sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dan anki jekk l-illegalità fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni kienet ġiet ikkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

75

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-każijiet li fihom tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali trendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mill-ordinament ġuridiku għandhom jiġu analizzati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fit-totalità tal-proċedura, tal-iżvolġiment u tal-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; tat-3 ta’ Settembru 2009, C-2/08, Ġabra p. I-7501, punt 27, u tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C-618/10, punt 49).

76

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li n-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali, bil-konsegwenza li d-dritt tal-Unoni ma jeħtieġx li korp amministrattiv jitqiegħed taħt obbligu, fil-prinċipju, li jiftaħ mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet tali natura definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C-2/06, Ġabra p. I-411, punt 38).

77

Madankollu hija ddeċidiet li, essenzjalment, ċirkustanzi partikolari jistgħu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, jimponu lil korp amministrattiv nazzjonali sabiex jeżamina mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva li saret definittiva sabiex, b’mod partikolari, jieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni rilevanti mogħtija sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Kempter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni partikolaritajiet tas-sitwazzjonijiet u tal-interessi inkwistjoni sabiex issib ekwilibru bejn ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u dak tal-legalità fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kühne & Heitz, punti 25 u 26; i-21 Germany u Arcor, punti 53, 63 u 64; Kempter, punti 46, 55 u 60, kif ukoll Fallimento Olimpiclub, punti 22, 26 u 31).

78

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi eżaminat b’mod iktar partikolari jekk, f’sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju tistax tiġi ġġustifikata sabiex jiġi ssalvagwardjat il-prinċipju ta’ ċertezza legali, fid-dawl tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għaċ-ċittadini tal-Unjoni li huma destinatarji ta’ projbizzjonijiet ta’ ħruġ mit-territorju bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza Fallimento Olimpiclub, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

79

Kif jirriżulta mir-risposta għat-tielet domanda u, b’mod partikolari, mill-punti 37, 42 u 44 ta’ din is-sentenza, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprovdix għal eżami mill-ġdid perijodiku, kompliet għal perijodu illimitat il-projbizzjonijiet ta’ ħruġ mit-territorju u, permezz tagħha, il-ksur tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 21(1) TFUE. F’tali kundizzjonijiet, tali projbizzjoni territorjali toħloq l-ostakolu għal-libertà li jiċċaqilqu u li jgħixu fit-territorju tal-Istati Membri mogħtija permezz tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa, C-348/96, Ġabra p.I-11, punt 18).

80

Barra minn hekk, permezz tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur tal-Unjoni obbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu l-possibbiltà għal eżami mill-ġdid ta’ miżuri ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju jew ta’ ħruġ minnu anki meta dawn il-miżuri ġew adottati b’mod validu fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u anki meta huma saru, bħad-deċiżjoni tal-2007, definittivi. Dan għandu, iktar u iktar, , ikun il-każ fir-rigward ta’ projbizzjonijiet territorjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma ġewx adottati b’mod validu fid-dawl tal-Unjoni u li joħolqu l-ostakolu tal-libertà stabbilita fl-Artikolu 21(1) TFUE. F’tali sitwazzjoni, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jeħtieġx neċessarjament li att li jimponi tali projbizzjoni jkompli jipproduċi effetti legali għal perijodu illimitat.

81

Fid-dawl ukoll tal-importanza li d-dritt primarju marbut mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottman, C-135/08, Ġabra p. I-1449, punti 43 u 56), għandu jiġi konkluż li, f’sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju, peress li timpedixxi ċittadini tal-Unjoni milli jinvokaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu bħal dak mogħti mill-Artikolu 21 TFUE, kontra projbizzjonijiet territorjali assoluti adottati għal perijodu illimitat u l-korpi amministrattivi milli jisiltu l-konsegwenzi ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonferma n-natura illegali, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, ta’ tali projbizzjonijiet, ma tistax tiġi raġonevolment iġġustifikata permezz tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u għaldaqstant għandha titqies, f’din il-miżura, bħala kuntrarja għall-prinċipju ta’ effettività u għall-Artikolu 4(3) TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 u 31).

82

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-proċedura amministrattiva li waslet għall-adozzjoni ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, saret definittiva u li ma kinitx is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja ma tistax tinfetaħ mill-ġdid, fil-każ fejn din il-projbizzjoni tkun manifestament kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, ħlief taħt il-kundizzjonijiet bħal dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 99 tal-APK, u dan minkejja l-fatt li tali projbizzjoni tkompli tipproduċi effetti legali fir-rigward tad-destinatarju tagħha.

Fuq l-ispejjeż

83

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi l-impożizzjoni ta’ limitazzjoni fuq id-dritt ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jiċċaqlaq liberament fl-Unjoni sempliċement minħabba li huwa debitur, fil-konfront ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, għal dejn li jaqbeż il-limitu legali u li ma huwiex protett minn garanzija.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-proċedura amministrattiva li waslet għall-adozzjoni ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, saret definittiva u li ma kinitx is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja ma tistax tinfetaħ mill-ġdid, fil-każ fejn din il-projbizzjoni tkun manifestament kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, ħlief taħt il-kundizzjonijiet bħal dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 99 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva (Administrativnoprotsesualen kodeks), u dan minkejja l-fatt li tali projbizzjoni tkompli tipproduċi effetti legali fir-rigward tad-destinatarju tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Fuq