Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62010CJ0262
Judgment of the Court (Third Chamber), 6 September 2012.#Döhler Neuenkirchen GmbH v Hauptzollamt Oldenburg.#Reference for a preliminary ruling from the Bundesfinanzhof.#Community Customs Code — Regulation (EEC) No 2913/92 — Article 204(1)(a) — Inward processing procedure — System of suspension — Incurrence of a customs debt — Non-fulfilment of an obligation to supply the bill of discharge within the prescribed period.#Case C 262/10.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012.
Döhler Neuenkirchen GmbH vs Hauptzollamt Oldenburg.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof.
Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikolu 204(1)(a) — Proċedura tal-ipproċessar tad-dħul — Sistema tas-sospensjoni — Tnissil ta’ dejn doganali — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ preżentazzjoni tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija fit-terminu previst.
Kawża C-262/10.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012.
Döhler Neuenkirchen GmbH vs Hauptzollamt Oldenburg.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof.
Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikolu 204(1)(a) — Proċedura tal-ipproċessar tad-dħul — Sistema tas-sospensjoni — Tnissil ta’ dejn doganali — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ preżentazzjoni tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija fit-terminu previst.
Kawża C-262/10.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:559
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
6 ta’ Settembru 2012 ( *1 )
“Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikolu 204(1)(a) — Proċedura tal-ipproċessar tad-dħul — Sistema tas-sospensjoni — Tnissil ta’ dejn doganali — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ preżentazzjoni tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija fit-terminu previst”
Fil-Kawża C-262/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura
Döhler Neuenkirchen GmbH
vs
Hauptzollamt Oldenburg,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur, sussegwentement A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ April 2011,
wara li rat id-digriet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tal-25 ta’ Ottubru 2011 u wara s-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Döhler Neuenkirchen GmbH, minn H. Bleier, avukat, |
— |
għall-Hauptzollamt Oldenburg, minn A. Gessler, Oberregierungsrätin, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u V. Štencel, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u B.-R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 204(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Döhler Neuenkirchen GmbH (iktar ’il quddiem “Döhler”) u l-Hauptzollamt Oldenburg (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) dwar dejn doganali fuq l-importazzjoni mitlub lil Döhler minħabba l-fatt li ġiet ippreżentata, quddiem l-uffiċċju ta’ sorveljanza doganali barra t-terminu stabbilit għal dan l-għan, polza għar-rilaxx tal-merkanzija fir-rigward ta’ merkanziji mqiegħda taħt il-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul fil-forma tas-sistema tas-sospensjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Kodiċi Doganali
3 |
Il-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul fil-forma tas-sistema tas-sospensjoni hija ddefinita fl-Artikolu 114(1)(a) tal-Kodiċi Doganali. Din is-sistema tippermetti li merkanziji mhux Komunitarji ddestinati sabiex jiġu esportati mill-ġdid barra mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea fil-forma ta’ prodotti kumpensatorji, jintużaw fl-imsemmi territorju f’operazzjoni tal-ipproċessar waħda jew iktar mingħajr ma dawn il-merkanziji jkunu suġġetti għad-dazji fuq l-importazzjoni u lanqas għall-miżuri ta’ politika kummerċjali. Skont l-Artikolu 114(2)(ċ) u (d), il-prodotti kumpensatorji [li jikkumpensaw għal xulxin] huma dawk il-prodotti kollha li jirriżultaw minn operazzjonijiet tal-ipproċessar, b’mod partikolari mill-ipproċessar ta’ merkanziji. |
4 |
L-Artikolu 89(1) tal-Kodiċi Doganali huwa fformulat kif ġej: “Arranġament sospensiv b’impatt ekonomiku għandu jitwettaq meta trattament jew użu ġdid approvat mid-dwana jiġi assenjat jew lill-merkanzija mqiegħda taħt dak l-arranġament jew lil prodotti li jikkumpensaw lil xulxin jew prodotti proċesatti mqiegħda taħtu.” |
5 |
L-Artikolu 118(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li: “1. L-awtoritajiet doganali għandhom jispeċifikaw il-perjodu li fih il-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin ikun jridu jiġu esportati jew esportati mill-ġdid jew assenjati trattament jew użu ieħor approvat mid-dwana. […] 2. Il-perjodu għandu jibda mid-data li fiha l-merkanzija mhux tal-Komunità jitpoġġew taħt il-proċedura ta’ l-ipproċessar tad-dħul. L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu żieda ta’ żmien jekk tiġi preżentata talba korrettement sostanzjata mid-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, jista’ jiġi deċiż illi l-perjodu li jibda matul xaħar kalendarju jew tliet xhur għandu jintemm fl-aħħar jum ta’ xahar kalendarju jew tliet xhur sussegwenti rispettivament.” |
6 |
It-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali, intitolat “Dejn Doganali”, fil-Kapitolu 2 tiegħu għandu d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-tnissil tad-dejn doganali. Dan il-kapitolu jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 201 sa 205 li jipprevedu l-fatti li jiġġeneraw dejn doganali fuq l-importazzjoni. |
7 |
L-Artikolu 204(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi: “1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
jew […] f’każijiet oħra barra dawk [relattivi għat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni] ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata. 2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors […] fil-mument meta l-obbligazzjoni li n-nuqqas ta’ l-eżekuzzjoni tagħha tagħti lok għad-dejn doganali ma tiġix issodisfata […].” |
Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni
8 |
Fit-2 ta’ Lulju 1993, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat-28 ta’ Frar 2007 (ĠU L 327M, p. 879, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”). |
9 |
L-Artikolu 496(m) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jiddefinixxi l-“perjodu ta’ skarigu [terminu għar-rilaxx]” bħala “iż-żmien li fih l-oġġetti jew il-prodotti għandhom ikunu ġew assenjati trattament jew użu permess ġdid approvat mid-dwana”. |
10 |
L-Artikolu 521 ta’ dan l-istess Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi: “1. Mhux iktar tard mill-iskadenza tal-perjodu ta’ skarigu [terminu għar-rilaxx], irrispettivament ta’ jekk l-aggregazzjoni skond l-Artikolu 118(2), it-tieni subparagrafu, tal-kodiċi [Doganali] tintużax jew le:
[…] Fejn ċirkostanzi speċjali hekk jirrekjedu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jestendu l-perjodu anke jekk dan ikun skada. 2. Id-dokument jew it-talba għandu jkun fiha l-partikolari li ġejjin, sa kemm ma jkunx stabbiliti mod ieħor mill-uffiċċju ta’ sorveljanza:
[…]
[…]
[…] 3. L-uffiċċju ta’ sorveljanza jista’ joħroġ id-dokument ta’ l-iskarigu [polza għar-rilaxx tal-merkanzija].” |
11 |
L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 546 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdu: “[Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali li jawtorizzaw l-użu tas-sistema] għandha tispeċifika jekk il-prodotti jew oġġetti li jikkumpensaw fl-istat mhux mibdul tagħhom jistgħux jiġu rilaxxati għal ċirkolazzjoni ħielsa mingħajr dikjarazzjoni doganali, mingħajr preġudizzju għall-miżuri projbittivi jew ristrettivi. F’dan il-każ huma għandhom jitqiesu li ġew rilaxxati għal ċirkolazzjoni ħielsa, jekk huma ma jkunux ġew assenjati trattament ta’ approvazzjoni doganali jew użu ma’ l-iskadenza tal-perjodu għal skariku [terminu għar-rilaxx].” Għall-finijiet ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 218(1) tal-Kodiċi [Doganali], id-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa għandha titqies li ġiet sottomessa u aċċettata u ingħatat ir-rilaxx fiż-żmien tal-preżentazzjoni tad-dokument ta’ l-iskariku [polza għar-rilaxx tal-merkanzija].” |
12 |
L-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li jinsab fil-Parti IV tiegħu li tirrigwarda d-dejn doganali, u iktar preċiżament taħt it-Titolu II ta’ din il-parti, intitolat “Ħolqien [Tnissil] tad-dejn”, jistipula: “In-nuqqasijiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala bla konsegwenzi reali fuq il-ħażna temporanja jew proċedura doganali fis-sens ta’ l-Artikolub204 (1) tal-Kodiċi [Doganali], sakemm:
[…]” |
13 |
Skont l-Artikolu 860 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, “[l]-awtoritajiet doganali għandhom iqisu li jkun inħoloq dejn doganali permezz ta’ l-Artikolu 204(1) tal-Kodiċi [Doganali] sakemm il-persuna li kieku tkun id-debitriċi ma tistabilixxix illi l-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 859 ikunu sodisfatti”. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 |
Matul l-ewwel trimestru tas-sena 2006, Döhler Neuenkirchen importat xi meraq tal-frott ikkonċentrat li hija pproċessat fil-kuntest tal-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul fil-forma ta’ sistema tas-sospensjoni, kif kienet tippermettilha tagħmel l-awtorizzazzjoni li nħarġitilha għal dan l-għan. Skont din l-awtorizzazzjoni, it-terminu għar-rilaxx ta’ din il-proċedura kien jiskadi fir-raba’ trimestru tal-kalendarju segwenti t-tqegħid tal-merkanzija mhux Komunitarja taħt din il-proċedura, jiġifieri fil-31 ta’ Marzu 2007. Mill-proċess jirriżulta wkoll li l-imsemmija awtorizzazzjoni kienet tippermetti lil Döhler sabiex tirrilaxxa merkanzija fl-istat mhux mibdul jew prodotti kumpensatorji għal ċirkulazzjoni ħielsa mingħajr dikjarazzjoni doganali. |
15 |
Minkejja li l-polza għar-rilaxx tal-merkanzija kellha tiġi ppreżentata fit-30 jum sussegwenti għall-proċedura doganali, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, mhux iktar tard mit-30 ta’ April 2007, Döhler naqset milli tagħmilha u injorat l-intimazzjoni tal-Hauptzollamt li ried din id-dikjarazzjoni għall-20 ta’ Ġunju 2007. |
16 |
Fin-nuqqas tal-imsemmija polza għar-rilaxx tal-merkanzija, fl-4 ta’ Lulju 2007 l-Hauptzollamt impona dazji fuq l-importazzjoni fuq il-merkanziji kollha importati li t-terminu għar-rilaxx għalihom kien skada fil-31 ta’ Marzu 2007, ekwivalenti għall-valur totali tagħhom, jiġifieri s-somma ta’ EUR 1 403 188.49. |
17 |
Fl-10 ta’ Lulju 2007, Döhler fl-aħħar ippreżentat il-polza tagħha għar-rilaxx tal-merkanzija fir-rigward tal-merkanziji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn uriet ammont ta’ dazji dovuti fuq l-importazzjoni ta’ EUR 217 338.39, li jikkorrispondi għal kwantità inferjuri, minn dik meqjusa mill-Hauptzollamt, ta’ merkanziji importati li ma ġewx esportati fit-termini mogħtija, jiġifieri qabel il-31 ta’ Marzu 2007. |
18 |
Döhler ikkontestat id-differenza bejn l-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni stabbilit mill-Hauptzollamt u dak li jirriżulta mill-polza għar-rilaxx tal-merkanzija tagħha u, wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha, hija ressqet kawża quddiem il-Finanzgericht Hamburg (Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) sabiex tikseb il-ħelsien mid-dazji li hija qieset li ma għandhiex tħallas. |
19 |
Il-Finanzgericht Hamburg ċaħdet l-azzjoni mressqa quddiemha, għaliex ikkunsidrat li, billi ma osservatx it-terminu stabbilit għall-preżentata tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija, Döhler ma kinitx wettqet l-obbligi tagħha, u dan nissel dejn doganali skont l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali. Din il-qorti kkunsidrat ukoll li l-preżentazzjoni tardiva tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala nuqqas li ma kellu l-ebda effett reali fuq il-funzjonament korrett tal-proċedura doganali kkonċernata fis-sens tal-aħħar parti tal-Artikolu 204(1) tal-Kodiċi Doganali, kif implementat bl-Artikolu 859(9) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. |
20 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti osservat, min-naħa l-waħda, li t-terminu għall-preżentata tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija ma setax jiġi estiż anki li kieku t-talba saret fil-ħin, għaliex ma kienx hemm ċirkustanzi speċjali li kienu jiġġustifikaw tali proroga, u, min-naħa l-oħra, li Döhler kienet ħatja ta’ negliġenza ċara peress li, bħala operatriċi ekonomika b’esperjenza fl-implementazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul, hija kienet taf bl-obbligu li tippreżenta l-poloz għar-rilaxx tal-merkanzija f’ċerti dati u li l-Hauptzollamt kienet ġibditilha l-attenzjoni għal dan ir-rekwiżit. |
21 |
Filwaqt li kkontestat iċ-ċaħda tar-rikors tagħha mill-Finanzgericht Hamburg, Döhler għaldaqstant ippreżentat appell għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesfinanzhof (Qorti Federali tal-Finanzi) fejn sostniet li l-proċedura doganali twettqet fil-31 ta’ Marzu 2007 u li kull nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu li kien seħħ wara dik id-data, bħall-preżentazzjoni tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija wara li kien għadda t-terminu, ma setax ikollu effett fuq il-proċedura doganali u, iktar u iktar, lanqas ma seta’ jnissel dejn doganali. |
22 |
Wara li eżaminat l-interpretazzjoni tal-Kodiċi Doganali irrakkomandata minn Döhler, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar it-tnissil ta’ dejn doganali f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża. Barra minn hekk, hija tenfasizza r-riskju tat-tnissil doppju ta’ dejn doganali għall-parti tal-merkanziji li ma jiġux esportati mill-ġdid, l-ewwel darba mal-iskadenza tat-terminu għar-rilaxx u t-tieni darba mal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija. |
23 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesfinanzhof, billi qieset li r-riżoluzzjoni tal-kawża mressqa quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Kodiċi Doganali, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 204(1)(a) tal-[Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi li għandhom jiġu eżegwiti biss wara t-twettiq tal-proċedura doganali rilevanti li tkun intużat, b’tali mod li meta merkanzija importata taħt il-proċedura ta’ proċessar tad-dħul fil-forma tas-sistema tas-sospensjoni tkun parzjalment esportata mill-ġdid fit-terminu previst, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li l-polza għar-rilaxx tal-merkanzija tiġi ppreżentata lill-uffiċċju responsabbli għas-sorveljanza fi żmien 30 jum mill-iskadenza tat-terminu għat-twettiq tal-proċedura [terminu għar-rilaxx] jagħti lok għall-ħolqien ta’ dejn doganali fir-rigward tal-kwantità kollha tal-merkanzija importata koperta mill-polza għar-rilaxx tal-merkanzija jekk ma jkunux sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 859(9) tar-[Regolament ta’ Implementazzjoni]?” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
24 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja assenjat din il-kawża lis-Seba’ Awla u nnotifikat lill-partijiet sabiex jattendu għal seduta li nżammet fit-13 ta’ April 2011. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li l-kawża għandha tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet. |
25 |
B’applikazzjoni tal-Artikolu 44(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-Seba’ Awla ddeċidiet, fit-22 ta’ Settembru 2011, li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi assenjata mill-ġdid lil kulleġġ ġudikanti kompost b’numru ikbar ta’ Mħallfin. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tassenja l-kawża mill-ġdid lit-Tielet Awla u li din għandha tiġi deċiża wara li tkun semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. |
26 |
B’digriet tal-25 ta’ Ottubru 2011, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali u n-notifika tal-partijiet sabiex jattendu għal seduta ġdida li hija ffissat għall-1 ta’ Diċembru 2011. |
27 |
L-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu matul is-seduta tat-8 ta’ Marzu 2012, u wara din ingħalqet il-proċedura orali. |
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali wara l-konklużjonijiet
28 |
B’ittra tad-9 ta’ Marzu 2012, Döhler talbet id-dritt li tkun tista’ tirreaġixxi bil-miktub għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jew għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Insostenn tat-talba tagħha, Döhler tindika n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-pożizzjoni adottata mill-Avukat Ġenerali u ssostni li l-konklużjonijiet ġew ippreżentati barra mill-proċedura orali li kienet ingħalqet fl-1 ta’ Diċembru 2011. |
29 |
Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jissottomettu osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (digriet tal-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 2). |
30 |
Fir-rigward tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tqis li ma għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-205/06, Ġabra p. I-1301, punt 13). |
31 |
F’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tagħti deċiżjoni, u peress li l-kawża ma teħtieġx li tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet, ma hemmx lok li tilqa’ t-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. |
32 |
Fir-rigward tal-argument ta’ Döhler li jgħid li l-konklużjonijiet ġew ippreżentati barra mill-proċedura orali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 59 tar-Regoli tal-Proċedura, minn naħa jipprevedi li l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta l-konklużjonijiet orali u motivati tiegħu qabel l-għeluq tal-proċedura orali u, min-naħa l-oħra jipprevedi li l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiddikjara l-għeluq tal-imsemmija proċedura wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet. F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-proċedura orali ma ngħalqitx qabel ma l-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu matul is-seduta tat-8 ta’ Marzu 2012. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-mod ta’ kif il-konklużjonijiet ġew ippreżentati f’din il-kawża ma nvolvew ebda ksur tar-regoli applikabbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
33 |
Konsegwentement, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hemm lok li t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali intiżi sabiex tiġi awtorizzata tissottometti xi osservazzjonijiet bil-miktub addizzjonali jew għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, jiġu miċħuda. |
Fuq id-domanda preliminari
34 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ksur tal-obbligu li tiġi ppreżentata l-polza għar-rilaxx tal-merkanzija lill-uffiċċju ta’ sorveljanza fi żmien 30 jum mill-iskadenza tat-terminu għat-twettiq tal-proċedura prevista fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 521(1) iwassalx għat-tnissil ta’ dejn doganali fir-rigward tal-merkanziji importati kollha koperti mill-polza għar-rilaxx tal-merkanzija, inklużi dawk li jiġu esportati mill-ġdid barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 859(9) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jitqiesu li ma ġewx sodisfatti. |
35 |
Skont l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, dejn doganali fuq l-importazzjoni jitnissel min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jokkorru, fir-rigward ta’ merkanziji suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, sakemm ma jiġix stabbilit li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma għandu ebda effett reali fuq il-funzjonament korrett ta’ din is-sistema. Bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li l-każijiet kollha li ma humiex koperti b’din l-eċċezzjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali. |
36 |
Döhler issostni li, fil-kawża prinċipali, il-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul ġiet rilaxxata, skont l-Artikolu 89(1) tal-Kodiċi Doganali, permezz tal-esportazzjoni mill-ġdid tal-merkanziji fil-forom u t-termini stabbiliti, u li l-benefiċċju ta’ din is-sistema ma jistax jiġi rtirat b’mod retroattiv permezz tat-tnissil ta’ dejn doganali minħabba li l-polza għar-rilaxx tal-merkanzija ma ġietx ippreżentata fit-terminu stabbilit. Għaldaqstant, skont Döhler, il-ksur tal-obbligu li tiġi ppreżentata l-polza għar-rilaxx tal-merkanzija, previst fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 521(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, ma jistax inissel dejn doganali sa fejn dan l-obbligu jokkorri wara r-rilaxx tal-proċedura doganali kkonċernata. |
37 |
Din il-pożizzjoni ma tistax tintlaqa’. |
38 |
Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tiegħu, fil-verżjonijiet tagħhom applikabbli għaż-żmien li fih seħħew il-fatti, ma tippermetti li jiġi stabbilit li, fir-rigward tal-effett ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq it-tnissil ta’ dejn doganali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali, hemm lok li ssir distinzjoni bejn obbligu li jokkorri qabel jew wara r-rilaxx tal-proċedura doganali kkonċernata jew bejn obbligu msejjaħ “prinċipali” u ieħor imsejjaħ “sekondarju”. |
39 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 204(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li dejn doganali jitnissel min-“nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu [...] mill-użu tal-proċedura doganali”, u għaldaqstant japplika għall-obbligi kollha li jirriżultaw mill-proċedura doganali kkonċernata. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 859(9) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprevedi b’mod espress li l-preżentazzjoni tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija wara t-terminu awtorizzat ma huwiex wieħed min-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu li jnisslu dejn doganali sa fejn ċerti kundizzjonijiet, li jinsabu fl-imsemmi artikolu, huma sodisfatti. |
40 |
Għandu jitfakkar li l-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul fil-forma tas-sistema tas-sospensjoni hija miżura eċċezzjonali intiża sabiex tiffaċilita t-twettiq ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi. Din is-sistema timplika l-preżenza, fit-territorju doganali tal-Unjoni, ta’ merkanziji mhux Komunitarji, li ġġib magħha r-riskju li dawn il-merkanziji jiġu integrati fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri, mingħajr ma jiġu żdoganati (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, DSV Road, C-234/09, Ġabra p. I-7333, punt 31). |
41 |
Peress li din is-sistema tinkludi riskju evidenti għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni u l-ġbir tad-dazji relattivi, il-benefiċjarji tagħha huma obbligati josservaw b’mod strett l-obbligi li jirriżultaw minnha. Bl-istess mod, għandha tingħata interpretazzjoni stretta tal-konsegwenzi fil-konfront tagħhom f’każ li ma josservawx l-obbligi tagħhom (ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Terex Equipment et, C-430/08 u 431/08, Ġabra p. I-321, punt 42). |
42 |
Għaldaqstant, hekk kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa permezz tar-rilaxx tal-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul abbażi tal-polza relatata miegħu li jiġi stabbilit id-destin definittiv tal-merkanziji importati, b’deroga mill-proċedura ġenerali. Għalhekk, il-polza hija dokument ċentrali fil-kuntest tal-funzjonament tal-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul fil-forma tas-sistema tas-sospensjoni, kif juru wkoll id-dettalji li għandhom jidhru fuqha skont l-Artikolu 521(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, u l-obbligu li din il-polza tiġi ppreżentata fit-30 jum sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu għar-rilaxx, kif previst fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 521(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, għandu importanza partikolari għas-sorveljanza doganali fil-kuntest ta’ din il-proċedura doganali. |
43 |
Konsegwentement, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, it-tnissil ta’ dejn doganali ma għandux in-natura ta’ sanzjoni, iżda għandu jitqies bħala l-konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb il-vantaġġ li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul fil-forma tas-sistema tas-sospensjoni ma ġewx sodisfatti kollha. Fil-fatt, din is-sistema timplika l-għoti ta’ vantaġġ ikkundizzjunat li ma jistax jingħata jekk il-kundizzjonijiet relattivi għalih ma jiġux osservati, liema fatt iwassal sabiex is-sospensjoni ma tkunx applikabbli u konsegwentement, jiġġustifika l-impożizzjoni tad-dazji doganali. |
44 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jistabbilixxi b’mod validu sistema li tirregola b’mod eżawrjenti n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu, fis-sens tal-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, li “m’għandhom ebda effett sinifikanti [reali] fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata” (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C-48/98, Ġabra p. I-7877, punt 43). Issa, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju fformulat id-domanda preliminari tagħha billi bbażat ruħha fuq l-ipoteżi li tgħid li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 859 ma humiex sodisfatti. |
45 |
Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li l-ksur ta’ obbligu, marbut mal-benefiċċju tal-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul fil-forma tas-sistema tas-sospensjoni, li għandu jitwettaq wara r-rilaxx tal-imsemmija proċedura doganali, li f’dan il-każ huwa l-obbligu li tiġi ppreżentata l-polza għar-rilaxx tal-merkanzija fit-terminu ta’ 30 jum stabbilit fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 521(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, inissel, għall-merkanziji kollha li għandhom jiġu rilaxxati, dejn doganali b’applikazzjoni tal-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali sa fejn il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 859(9) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ma humiex sodisfatti kollha. |
46 |
F’dak li jikkonċerna r-riskju invokat, mill-qorti tar-rinviju u Döhler, tat-tnissil ta’ dejn doganali doppju għall-merkanziji li ma humiex esportati mill-ġdid fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Unjoni doganali tipprekludi tassazzjoni doppja tal-istess merkanzija (sentenza tal-20 ta’ Settembru 1988, Kiwall, 252/87, Ġabra p. 4753, punt 11). |
47 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha li l-awtoritajiet doganali ma jnisslux it-tieni dejn doganali għall-merkanziji li fir-rigward tagħhom diġà tnissel dejn doganali abbażi ta’ fatt ġeneratur preċedenti. |
48 |
Fid-dawl ta’ dak kollu premess, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ksur tal-obbligu li tiġi ppreżentata l-polza għar-rilaxx tal-merkanzija lill-uffiċċju ta’ sorveljanza fit-30 jum mill-iskadenza tat-terminu għar-rilaxx, previst fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 521(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, iwassal għat-tnissil ta’ dejn doganali fir-rigward tal-merkanziji kollha importati li għandhom jiġu rilaxxati, inklużi dawk li ġew esportati mill-ġdid barra mit-territorju tal-Unjoni, sa fejn il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 859(9) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jitqiesu bħala li ma humiex sodisfatti. |
Fuq l-ispejjeż
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 204(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ksur tal-obbligu li tiġi ppreżentata l-polza għar-rilaxx tal-merkanzija lill-uffiċċju ta’ sorveljanza fit-30 jum mill-iskadenza tat-terminu għar-rilaxx, previst fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 521(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat-28 ta’ Frar 2007, iwassal għat-tnissil ta’ dejn doganali fir-rigward tal-merkanziji kollha importati li għandhom jiġu rilaxxati, inklużi dawk li ġew esportati mill-ġdid barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 859(9) tal-imsemmi Regolament Nru 2454/93 jitqiesu bħala li ma humiex sodisfatti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.