Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0487

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012.
Laimonis Treimanis vs Valsts ieņēmumu dienests.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa.
Regolament (KEE) Nru 918/83 — Artikoli 1(2)(c), 2 u 7(1) — Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni ta’ proprjetà personali — Kunċett ta’ ‘proprjetà intiża għall-bżonnijiet tal-familja’ — Vettura bil-mutur importata fit-territorju tal-Unjoni — Vettura użata minn membru tal-familja tal-proprjetarju li jkun wettaq l-importazzjoni.
Kawża C-487/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:556

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

“Regolament (KEE) Nru 918/83 — Artikoli 1(2)(c), 2 u 7(1) — Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni ta’ proprjetà personali — Kunċett ta’ ‘proprjetà intiża għall-bżonnijiet tal-familja’ — Vettura bil-mutur importata fit-territorju tal-Unjoni — Vettura użata minn membru tal-familja tal-proprjetarju li jkun wettaq l-importazzjoni”

Fil-Kawża C-487/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Settembru 2011, fil-proċedura

Laimonis Treimanis

vs

Valsts ieņēmumu dienests,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn U. Lõhmus, President tas-Sitt Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, A. Rosas, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Valsts ieņēmumu dienests, minn N. Jezdakova, bħala aġent,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u D. Pelše, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. De Stefano, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(2)(c), 2 u 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet minn dazju doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 419, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn L. Treimanis u l-Valsts ieņēmumu dienests (amministrazzjoni fiskali Latvjana, iktar ’il quddiem il-“VID”), rigward dazji fuq l-importazzjoni relatati ma’ vettura bil-mutur importata fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-ewwel tliet premessi tar-regolament jipprovdu:

“Billi, fl-assenza ta’ miżura speċifika ta’ deroga adottata skond id-dispożizzjonijiet tat-trattat, dazji tat-tariffa tad-dwana komuni huma applikabbli għall-ħwejjeġ kollha imporati fil-komunità; billi l-istess huwa veru fil-każ ta’ imposti agrikoli u kull dritt fuq l-importazzjoni ieħor impost taħt il-politika agrikola komuni jew l-arranġamenti speċifiċi applikabbli għal ċerti ħwejjeġ li jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli;

Billi, iżda, f’ċerti ċirkostanzi definiti sew, fejn bis-saħħa ta’ kondizzjonijiet speċjali taħt liema merkanzija tiġi impurtata l-bżonn użwali li tiġi protetta l-ekonomija huwa nieqes, tassazzjoni bħal din mhiex ġustifikata;

Billi, huwa mixtieq li ċirkostanzi bħal dawn għandhom isiru arranġamenti, kif saru tradizzjonalment fil-biċċa l-kbira ta’ sistemi ta’ regoli doganali, li merkanzija titħalla tgawdi eżenzjoni mill-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni li normalment jkunu soġġetti għalihom”.

4

L-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament huwa miktub kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

c)

“Propjetà personali” tfisser kull propjetà intiża għall-użu personali tal-persuni involuti jew sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-familja tagħhom.

Dawn li gejjin, b’mod partikolari, għandhom jikkostitwixxu “propjetà personali”:

affarijiet tad-dar,

ċikli u muturi, karozzi privati u t-trailers tagħhom, caravans tal-kamping, pleasure craft u ajruplani privati.

Provisti tad-dar xierqa għall-ħtiġijiet normali ta’ familja, annimali domestiċi u annimali tas-sarġ, kif ukoll l-istrumenti li jinġarru ta’ l-arti applikati jew liberali, meħtieġa mill-persuna interessata għall-użu fis-sengħa jew professjoni tagħha, għandhom jikkostitwixxu ukoll “propjetà personali”. Propjetà personali ma tistax tkun tali li tista’ tindika, min-natura jew kwantità tagħha, li qed tiġi impurtata għal skopijiet kummerċjali”.

5

L-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikoli 3 sa 10, propjetà personali importata minn persuni naturali li qegħdin jittrasferixxu l-post ta’ residenza normali tagħhom minn pajjiż terz għat-territorju doganali tal-[Unjoni] għandha tiddaħħal mingħajr dazji fuq l-importazzjoni.”

6

L-Artikolu 3 tar-Regolament jipprovdi:

“L-eżenzjoni għandha tkun illimitata għal propjetà personali li:

a)

Ħlief f’każijiet speċjali ġustifikati miċ-ċirkostanzi, kienet fil-pussess ta’ u, fil-każ ta’ affarijiet mhux konsumabbli, użati mill-persuna involuta fil-post ta’ residenza normali preċedenti għal minimu ta’ sitt xhur qabel id-data li fiha tieqaf milli jkollha l-post ta’ residenza normali f’pajjiż terz minn fejn telqet;

b)

hi maħsuba biex tintuża għall-istess għan fil-post ta’ residenza normali ġdid.

Kif ukoll, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-eżenzjoni bil-kondizzjoni li tali propjetà tkun ġiet mgħobbija jew fil-pajjiż ta’ l-oriġini jew fil-pajjiż tat-tluq, bid-drittijiet doganali u/jew fiskali li għalihom hija normalment soġġetta.”

7

L-Artikolu 7 tar-Regolament jipprovdi:

“1.   Sakemm jiskadu 12-il xahar mid-data minn meta jiġi aċċettat id-dħul għal ċirkolazzjoni ħielsa, propjetà personali li ġiet ammessa mingħajr dazju ma tistax tiġi mislufa, mogħtija bħala garanzija, mikrija jew trasferita, kemm għal prezz kif ukoll b’xejn, mingħajr ma jkunu notifikati minn qabel l-awtoritajiet kompetenti.

2.   Kull self, għotja bħala garanzija jew trasferiment qabel tmiem il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jfisser pagament tad-dazji fuq l-importazzjoni relevanti fuq il-propjetà konċernata, bir-rata li tapplika fid-data ta’ self bħal dan, għotja bħala garanzija, kirja jew trasferiment, abbażi tat-tip ta’ propjetà u l-valur doganali aċċertat jew aċċettat f’dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

L. Treimanis kien jgħix ma’ ibnu fl-Istati Uniti. Matul is-sena 2007, huma ddeċidew li jistabbilixxu ruħhom fil-Latvja f’abitazzjoni li L. Treimanis kien proprjetarju tagħha. Fid-19 ta’ Marzu 2007, inkwantu proprjetarju, huwa importa vettura bil-mutur mingħajr dazji fuq l-importazzjoni, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament. Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ fl-istess jum jindika li L. Treimanis huwa l-proprjetarju ta’ din il-vettura,iżda li huwa ibnu li jżommha.

9

Fis-17 ta’ Diċembru 2007, l-uffiċċju reġjonali doganali ta’ Riga tal-VID adotta deċiżjoni li permezz tagħha L. Treimanis ġie mitlub iħallas is-somma ta’ LVL 2 257.64 bħala dazju fuq l-importazzjoni, taxxa fuq il-valur miżjud u multa. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni tad-direttur tal-VID tad-9 ta’ Mejju 2008. Dan qies li peress li L. Treimanis ma kienx osserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament, il-vettura bil-mutur inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li kienet intiża għall-bżonnijiet tal-familja komposta minn L. Treimanis u ibnu. Fil-fatt, skont l-informazzjoni li tinsab fir-reġistru tal-popolazzjoni, għalkemm it-tifel ta’ L. Treimanis kien domiċiljat f’Riga, huwa kien qed jistudja f’Talinn (l-Estonja), ma kienx jaħdem u kien dipendenti fuq missieru. Barra minn hekk, id-domiċilju ddikjarat ta’ L. Treimanis dejjem jinsab fl-Istati Uniti, fejn huwa kien jirrisjedi mill-ħarifa tas-sena 2007. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-direttur tal-VID iddeduċa li L. Treimanis u ibnu ma kinux jgħixu flimkien u li din il-vettura ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li ġiet importata għall-bżonnijiet tal-familja.

10

L. Treimanis ippreżenta rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2008 quddiem l-Administratīvā rajona tiesa. Huwa sostna li d-direttur tal-VID kien indebitament irrestrinġa l-kontenut tal-kunċett ta’ “familja”, li jfisser ġestjoni komuni u jinkludi l-obbligu għall-ġenituri li jieħdu ħsieb uliedhom. Barra minn hekk, huwa sostna li kien jeżisti bejnu u bejn ibnu mhux kuntratt ta’ self għal użu, iżda sempliċi mandat, fejn ibnu kien awtorizzat li jaġixxi fl-interess ta’ missieru u l-vettura bil-mutur ma kinitx iddestinata sabiex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ ibnu. Ir-relazzjonijiet li jżomm ma’ ibnu għandhom għalhekk jiġu evalwati fil-kuntest tal-familja.

11

Id-direttur tal-VID afferma li L. Treimanis kien ittrasferixxa din il-vettura lil ibnu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ “self għal użu”, u, minħabba dan il-fatt, dan tal-aħħar jidher bħala l-persuna li żżomm din il-vettura fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

12

Peress illi l-Administratīvā rajona tiesa għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ, il-vettura bil-mutur importata għandhiex tiġi kkunsidrata bħala proprjetà użata għall-bżonnijiet tal-familja ta’ L. Treimanis u ta’ ibnu jew bħala oġġett ta’ self fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 7(1) tar-Regolament [...] jipprojbixxi lill-proprjetarju ta’ vettura personali importata minn Stat terz fit-territorju tal-Unjoni Ewropea li jagħti l-imsemmija vettura, għall-finijiet tal-użu tagħha bla ħlas, lil membru tal-familja tiegħu li jkun effettivament ittrasferixxa r-residenza tiegħu minn Stat terz lejn l-Unjoni Ewropea u li kien jgħix mal-proprjetarju tal-vettura fl-istess dar fl-Istat terz qabel l-importazzjoni tal-vettura fl-Unjoni Ewropea, meta l-proprjetarju tal-vettura jirrisjedi prinċipalment f’dan l-Istat terz wara l-importazzjoni tal-imsemmija vettura fl-Unjoni Ewropea?”

Fuq id-domanda preliminari

13

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikoli 2 u 7(1) tar-Regolament għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta’ vettura bil-mutur għal użu privat, li ttrasferixxa r-“residenza normali” tiegħu minn Stat terz lejn Stat Membru tal-Unjoni u li jkun importa din il-vettura minn dan l-Istat terz lejn dan l-Istat Membru jistax jibbenefika minn eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni meta din il-vettura tintuża bla ħlas fit-territorju tal-Unjoni minn membru tal-familja tiegħu li kien jgħix miegħu fi ħdan l-istess dar f’dan l-Istat terz, filwaqt li dan il-proprjetarju jkompli jirrisjedi prinċipalment f’dan l-aħħar Stat wara din l-importazzjoni.

14

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk il-vettura bil-mutur inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u, it-tieni nett, li jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikunx hemm telf tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni, b’mod li jkun impost il-ħlas ta’ dawn tal-aħħar.

15

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-importazzjoni mingħajr dazji, ir-Regolament jagħti l-kundizzjonijiet relatati mal-importatur u man-natura tal-proprjetà importata.

16

Fir-rigward tal-importatur, l-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi li, sabiex jiddaħħal mingħajr dazji fuq l-importazzjoni, il-proprjetà għandha tiġi importata minn persuna fiżika li tittrasferixxi r-residenza normali tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni.

17

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-proprjetarju tal-vettura bil-mutur inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunx effettivament ittrasferixxa r-“residenza normali” tiegħu fil-Latvja. Minn qari tad-deċiżjoni tar-rinviju, ma huwiex fil-fatt possibbli li jiġi stabbilit jekk L. Treimanis jirrisjedi effettivament fil-Latvja jew jirrisjedi ta’ spiss f’dan l-Istat. Fil-fatt, fil-punt 8 ta’ din id-deċiżjoni, huwa ppreċiżat, minn naħa, li, matul is-sena 2007, L. Treimanis kien iċċaqlaq ma’ ibnu sabiex jistabbilixxi ruħu fil-Latvja u, min-naħa l-oħra, li d-domiċilju ddikjarat tiegħu kien dejjem jinsab fl-Istati Uniti fejn huwa kien jirrisjedi prinċipalment meta d-deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2008 kienet ġiet adottata.

18

Fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li L. Treimanis ma ttrasferiex ir-“residenza normali [...] għat-territorju doganali [tal-Unjoni]” fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament, il-qorti tar-rinviju għandha tikkonkludi li l-vettura bil-mutur ikkonċernata ma setgħetx tiġi importata b’eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni. Fl-ipoteżi kuntrarja, għandu jitfittex jekk il-kundizzjonijiet dwar in-natura tal-proprjetà importata humiex issodisfatti.

19

Fir-rigward tan-natura tal-proprjetà importata b’eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni, l-Artikolu 2 tar-Regolament jippreċiża li din hija proprjetà personali. L-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament jiddefinixxi l-proprjetà personali bħala “proprjetà intiża għall-użu personali tal-persuni involuti jew sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-familja tagħhom”. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-vetturi bil-mutur għal użu privat jidħlu f’din il-kategorija.

20

Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-vettura importata tintuża minn iben l-importatur, u minn dan jirriżulta li din il-vettura ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija intiża għall-użu personali tal-importatur.

21

Għandu għalhekk jiġi mistoqsi jekk vettura bil-mutur bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġiet importata mill-proprjetarju tagħha, iżda li hija użata minn iben dan tal-aħħar, tistax tiġi kkunsidrata bħala “propjetà intiża għall-bżonnijiet tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament.

22

L-Artikolu 1 tar-Regolament ma jagħtix definizzjoni ta’ x’għandu jinftiehem bi “proprjetà intiża għall-bżonnijiet tal-familja”. F’dan ir-rigward, jirriżulta mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju u kemm mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma jkollhom ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom ikollhom interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11, tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43, u tas-17 ta’ Marzu 2005, Feron, C-170/03, Ġabra p. I-2299, punt 26).

23

Isegwi li l-kunċett ta’ “proprjetà intiża għall-bżonnijiet tal-familja” msemmi fl-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu.

24

Għall-finijiet ta’ din l-interpretazzjoni, għandhom jitfakkru l-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni waqt l-adozzjoni tar-Regolament. Dawn jikkonsistu li jiffaċilitaw, minn naħa, l-istabbiliment tar-residenza l-ġdida fl-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, ix-xogħol tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri.

25

It-tieni premessa tal-preambolu tar-Regolament tippreċiża li t-tassazzjoni tal-merkanzija fuq l-importazzjoni “f’ċerti ċirkostanzi definiti sew, fejn bis-saħħa ta’ kondizzjonijiet speċjali taħt liema merkanzija tiġi impurtata l-bżonn użwali li tiġi protetta l-ekonomija huwa nieqes, tassazzjoni bħal din mhiex ġustifikata”.

26

Bl-istess mod, skont l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar proposta tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet minn dazju doganali (ĠU 1980, C 72, p. 20), għandu “jiġi stabbilit b’mod ċar li dawn huma problemi li jmissu l-ħajja tal-persuni jew tal-familji u li ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod restrittiv. Minbarra dan, il-proprjetà hija eżentata hija importatiaf’kundizzjonijiet tali li ma tistax tikkompeti realment mal-produzzjonijiet Komunitarji simili u lanqas tista’ tippreġudika r-riżorsi fiskali tal-Istati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

27

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament, huma kkunsidrati bħala importazzjonijiet mingħajr natura kummerċjali l-importazzjonijiet li jirrigwardaw esklużivament il-merkanzija rriżervata għall-użu personali jew tal-familja tal-vjaġġaturi (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog, C-99/00, Ġabra p. I-4839, punt 25). Bl-istess mod, skont l-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament, huwa qabel kollox essenzjali li l-proprjetà personali ma twassalx min-natura jew mill-kwantità tagħha, għal kwalunkwe preokkupazzjoni ta’ natura kummerċjali (sentenza Feron, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

28

Minbarra dan, l-għanijiet tar-regolament ikunu iktar diffiċli li jintlaħqu jekk proprjetà personali li ma hijiex importata għal għanijiet kummerċjali tiġi intaxxata mal-importazzjoni, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, iċċitata iktar ’il fuq.

29

Konsegwentement, l-eżenzjoni mid-dazji hija ammessi għal proprjetà importata li l-użu tagħha huwa marbut fil-qrib mal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati u tal-familji tagħhom u ma hija relatata b’ebda mod ma’ element kummerċjali. Il-kunċett ta’ “proprjetà intiża għall-bżonnijiet tal-familja” għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

30

Sa fejn jirriżulta mill-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament li vettura bil-mutur għal użu privat tikkostitwixxi proprjetà personali, għandu jiġi stabbilit jekk tali vettura, meta hija użata minn membru tal-familja tal-importatur, tistax tiġi kkwalifikata bħala proprjetà intiża għall-użu tal-familja tiegħu.

31

Ma jidhirx, fir-rigward tal-prinċipji esposti fil-punti 24 sa 29 ta’ din is-sentenza, li l-użu ta’ tali proprjetà minn membru tal-familja tal-importatur jista’ jiġi kkunsidrat bħala magħmul għal għanijiet kummerċjali.

32

Madankollu, huwa neċessarju li jiġi ppreċiżat dak li jiġi kopert mill-kunċett ta’ “membru tal-familja” tal-importatur.

33

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 1(f)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 335), jiddefinixxi l-“membru tal-familja” bħala “kwalunkwe persuna definita jew magħrufa bħala membru tal-familja jew iddisinjat bħala membru ta’ dar bil-leġislazzjoni taħt liema benefiċċji huma pprovduti [...] madanakollu, l-imsemmija leġislazzjonijiet iqisu bħala membru ta’ familja jew membru ta’ dar biss persuna li tgħix taħt l-istess saqaf bħall-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha jew student, din il-kondizzjoni tkun ikkunsidrata sodisfatta jekk il-persuna inkwestjoni tkun prinċipalment dipendenti fuq dik il-persuna [...]”.

34

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) jiddefinixxi bħala “membru tal-familja” b’mod partikolari “id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti [...]”.

35

Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ “proprjetà intiża għall-bżonnijiet tal-familja”, meta persuna tkun importat proprjetà, il-membru tal-familja tagħha li juża din il-proprjetà jista’ jiġi ddefinit bħala persuna li tgħix taħt l-istess saqaf bħall-importatur jew li hija fil-parti l-kbira dipendenti fuqu.

36

Minn dawn l-elementi jirriżulta li vettura bil-mutur għal użu privat, meta tintuża minn membru tal-familja tal-importatur, jiġifieri minn persuna li tgħix taħt l-istess saqaf bħalu jew fil-parti l-kbira hija dipendenti fuqu, tista’ tiġi kkwalifikata bħala “proprjetà intiża għall-bżonnijiet tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, il-membru tal-familja tal-importatur ikkonċernat jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

37

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni jekk l-użu ta’ vettura bil-mutur għal użu privat bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax iwassal għat-telf tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu għandu bħala għan li jissanzjona, permezz tat-telf tal-benefiċċju tal-eżenzjoni, it-tranżazzjonijiet li għandhom bħala konsegwenza li l-proprjetà personali ma tintużax mill-proprjetarju tiegħu peress li ġiet jew ittrasferita, jew mikrija, mislufa jew mirhuna f’terminu ta’ tnax-il xahar wara l-importazzjoni tagħha. Peress li l-proprjetà importata ma tkunx ġiet użata għall-użu personali tal-importatur jew għall-bżonnijiet tal-familija tiegħu, hija ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazji marbuta ma’ dan l-użu.

38

Is-sitwazzjoni rregolata minn dan l-Artikolu 7(1) hija differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha l-proprjetà kkonċernata jintuża minn membru tal-familja tal-importatur għall-bżonnijiet tal-familja, fil-kundizzjonijiet esposti fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, sa fejn, f’din l-aħħar sitwazzjoni, l-importatur inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkunx irrinunzja għall-użu tal-proprjetà tiegħu favur il-bżonnijiet tal-familja u dan, indipendentement mill-kwalifika legali li jista’ jkollu t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din il-proprjetà favur membru tal-familja ta’ dan l-importatur. Għalhekk, meta vettura bil-mutur għal użu privat, importata b’eżenzjoni mid-dazji, tintuża minn membru tal-familja tal-importatur, jiġifieri minn persuna li tgħix taħt l-istess saqaf bħalu jew li huwa fil-parti l-kbira dipendenti fuqu, il-benefiċċju tal-eżenzjoni ma jintilifx mill-fatt ta’ dan l-użu.

39

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li d-domanda magħmula għandha tiġi rispsota li l-Artikoli 2 u 7(1) tar-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li tista’ tiġi importata b’eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni vettura bil-mutur għal użu privat importata minn Stat terz fit-territorju doganali tal-Unjoni bil-kundizzjoni li l-importatur ikun effettivament ittrasferixxa r-residenza normali tiegħu fit-territorju doganali tal-Unjoni, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali. Il-vettura bil-mutur użata bla ħlas minn membru tal-familja ta’ dan l-importatur, jiġifieri persuna li tgħix taħt l-istess saqaf bħalu jew fil-parti l-kbira hija dipendenti fuqu, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, hija kkunsidrata bħala intiża għall-bżonnijiet tal-familja tal-importatur, u dan l-użu ma jipprekludix il-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 2 u 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet minn dazju doganali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li tista’ tiġi importata b’eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni vettura bil-mutur għal użu privat importata minn Stat terz fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea bil-kundizzjoni li l-importatur ikun effettivament ittrasferixxa r-residenza normali tiegħu fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali. Il-vettura bil-mutur użata bla ħlas minn membru tal-familja ta’ dan l-importatur, jiġifieri persuna li tgħix taħt l-istess saqaf bħalu jew fil-parti l-kbira hija dipendenti fuqu, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, hija kkunsidrata bħala intiża għall-bżonnijiet tal-familja tal-importatur, u dan l-użu ma jipprekludix il-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Fuq