Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62011CJ0028
Judgment of the Court (Third Chamber), 6 September 2012.#Eurogate Distribution GmbH v Hauptzollamt Hamburg-Stadt.#Reference for a preliminary ruling from the Finanzgericht Hamburg.#Community Customs Code – Regulation (EEC) No 2913/92 – Article 204(1)(a) – Customs warehousing procedure – Customs debt incurred through non-fulfilment of an obligation – Delayed entry in stock records of information concerning the removal of goods from a customs warehouse.#Case C‑28/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012.
Eurogate Distribution GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Stadt.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikolu 204(1)(a) — Proċedura tal-ħażna doganali — Tnissil tad-dejn doganali minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu — Iskrizzjoni tardiva fir-reġistri tal-ħażna ta’ informazzjoni relatata mat-tneħħija tal-merkanzija mill-maħżen doganali.
Kawża C-28/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012.
Eurogate Distribution GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Stadt.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikolu 204(1)(a) — Proċedura tal-ħażna doganali — Tnissil tad-dejn doganali minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu — Iskrizzjoni tardiva fir-reġistri tal-ħażna ta’ informazzjoni relatata mat-tneħħija tal-merkanzija mill-maħżen doganali.
Kawża C-28/11.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:533
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
6 ta’ Settembru 2012 ( *1 )
“Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikolu 204(1)(a) — Proċedura tal-ħażna doganali — Tnissil tad-dejn doganali minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu — Iskrizzjoni tardiva fir-reġistri tal-ħażna ta’ informazzjoni relatata mat-tneħħija tal-merkanzija mill-maħżen doganali”
Fil-Kawża C-28/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura
Eurogate Distribution GmbH
vs
Hauptzollamt Hamburg-Stadt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Eurogate Distribution GmbH, minn U. Schrömbges u H. Bleier, avukat, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello stato, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u B.-R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 204(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). |
2 |
Dik it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Eurogate Distribution GmbH (iktar ’il quddiem “Eurogate”) u Hauptzollamt Hamburg-Stadt (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) dwar dejn doganali fuq l-importazzjoni attribwit lil Eurogate minħabba l-iskrizzjoni tardiva fir-reġistri tal-ħażna ta’ informazzjoni relatata mat-tneħħija tal-merkanzija mill-maħżen doganali. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Kodiċi Doganali
3 |
Il-proċedura tal-ħażna doganali hija proċedura sospensiva u proċedura doganali ekonomika fis-sens tal-Artikolu 84(1)(a) u (b), tal-Kodiċi Doganali. Il-proċedura tal-ħażna doganali hija rregolata mid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu IV, Kapitolu 2, Taqsima 3, punt A, tal-Kodiċi Doganali kif ukoll mid-dispożizzjonijiet partikolari tal-punt Ċ, intitolat “Imħażen doganali”, tal-istess taqsima. L-Artikolu 89 ta’ dak il-kodiċi jinkludi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-clearance tal-proċeduri sospensivi. L-Artikoli 98 u 99 tal-imsemmi kodiċi jipprovdu definizzjonijiet relatati mal-ħażna doganali. L-Artikolu 105 tal-istess kodiċi jipprovdi għall-obbligu taż-żamma ta’ reġistri tal-ħażna fil-kuntest tal-proċedura tal-ħażna doganali. |
4 |
L-Artikolu 89(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi: “Arranġament sospensiv b’impatt ekonomiku għandu jitwettaq meta trattament jew użu ġdid approvat mid-dwana jiġi assenjat jew lill-merkanzija mqiegħda taħt dak l-arranġament jew lil prodotti li jikkumpensaw lil xulxin jew prodotti proċesatti mqiegħda taħtu.” |
5 |
L-Artikoli 98 sa 99 ta’ dak il-kodiċi jipprovdu dan li ġej: “Artikolu 98 1. Il-proċedura ta’ magażinaġġ doganali għandha tippermetti l-ħażna f’maħżen doganali ta’:
[…] Artikolu 99 Maħżen doganali jista’ jkun maħżen pubbliku jew inkella maħżen privat. L-espressjonijiet li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:
Il-persuna responsabbli mill-maħżen hija l-persuna awtorizzata sabiex tiġġestixxi l-maħżen doganali. Id-depożitant għandu jkun il-persuna marbuta bid-dikjarazzjoni li tqiegħed l-merkanzija taħt il-proċedura tal-magażinaġġ doganali jew li lilha ġew trasferiti d-drittijiet u l-obbigazzjoni ta’ dik il-persuna.” |
6 |
L-Artikolu 105(1) tal-Kodiċi jipprovdi li: “Il-persuna nominata mill-awtoritajiet doganali għandha żżomm dokumenti tal-ħażniet tal-merkanzija kollha mqiegħda taħt il-proċedura magażinaġġ doganali f’forma approvata minn dawk l-awtoritajiet. […]” |
7 |
It-titolu VII tal-Kodiċi Doganali, intitolat “Dejn doganali” jinkludi, fil-Kapitolu 2 tiegħu, id-dispożizzjonijiet dwar it-tnissil tad-dejn doganali. Dak il-kapitolu jinkludi, b’mod partikolari, l-artikoli 201 sa 205 li jipprevedu l-fatti li jagħtu lok għal dejn doganali fuq l-importazzjoni. |
8 |
L-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi: “1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
[…] f’każijiet oħra barra dawk [relatati mat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni] ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata. 2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors jew fil-mument meta l-obbligazzjoni li n-nuqqas ta’ l-eżekuzzjoni tagħha tagħti lok għad-dejn doganali ma tiġix issodisfata jew fil-mument meta l-merkanziji jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali involuta fejn jiġi stabbilit sussegwentement li kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt l-imsemmija proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta’ dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta’ l-użu finali tal-merkanziji ma ġietx fil-fatt issodisfata. 3. Id-debitur għandu jkun il-persuna li tkun meħtieġa, skond iċ-ċirkostanzi, jew li tesegwixxi l-obbligazzjonijiet li joħorġu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqegħdu, jew li tħares il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura”. |
Ir-Regolament ta ’ Implementazzjoni
9 |
Skont l-Artikoli 247 u 247a tal-Kodiċi Doganali, il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ dak il-kodiċi għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni Ewropea assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Għal dan l-għan din tal-aħħar adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/2006, tat-18 ta’ Marzu 2006 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 15, p. 118, iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ implementazzjoni”). |
10 |
L-Artikoli 529 u 530 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jinkludu dispożizzjonijiet dwar iż-żamma tar-reġistri tal-ħażna fil-maħżen doganali. |
11 |
L-Artikolu 529(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Ir-rekords tal-ħażna għandhom f’kull żmien juru l-ħażniet kurrenti ta’ l-oġġetti li għadhom taħt arranġamenti ta’ magazzinaġġ doganali. Fiż-żmienijiet preskritti mill-awtoritajiet doganali, il-persuna li tieħu ħsieb il-maħżen għandha tiddepożita lista ta’ l-imsemmija ħażna fl-uffiċċju ta’ sorveljanza.” |
12 |
L-Artikolu 530(3) tal-imsemmi regolament jiddikjara: “Daħla fir-rekords tal-ħażna relatata ma skarigu ta’ l-arranġamenti għandha l-aktar tard iseħħ meta l-oġġetti jħallu l-maħżen doganali jew il-faċilitajiet tal-ħażna tad-detentur”. |
13 |
L-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi: “In-nuqqasijiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala bla konsegwenzi reali fuq il-ħażna temporanja jew proċedura doganali fis-sens ta’ l-Artikolu 204 (1) tal-Kodiċi [Doganali], sakemm:
|
14 |
Skont l-Artikolu 860 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, “[l]-awtoritajiet doganali għandhom iqisu li jkun inħoloq dejn doganali permezz ta’ l-Artikolu 204(1) tal-Kodiċi [Doganali] sakemm il-persuna li kieku tkun id-debitriċi ma tistabilixxix illi l-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 859 ikunu sodisfatti”. |
Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
15 |
Eurogate ġiet awtorizzata tamministra maħżen doganali privat sa mill-2006. Ir-reġistri tal-ħażna dwar dak il-maħżen tinżamm, skont l-awtorizzazzjoni, għall-użu ta’ programm tal-informatika. |
16 |
Bħala l-persuna responsabbli mill-maħżen, Eurogate introduċiet fil-maħżen doganali privat tagħha merkanzija mhux Komunitarja li toriġina minn klijenti tagħha sabiex jintbagħtu barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Mat-tneħħija tal-imsemmija merkanzija mill-maħżen doganali, ġew stabbiliti dikjarazzjonijiet doganali għall-esportazzjoni mill-ġdid tagħhom. |
17 |
Fl-okkażjoni ta’ kontroll doganali tal-31 ta’ Jannar 2007, ġie kkonstatat li l-ħruġ tal-merkanzija inkwistjoni ġie iskritt biss fir-reġistri tal-ħażna fit-terminu ta’ bejn 11 u 126 jum, jiġifieri data wisq tardiva skont l-Artikolu 105(1) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikoli 529(1) u 530(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. |
18 |
Permezz ta’ avviż tal-1 ta’ Lulju 2008, il-Hauptzollamt talbet id-dazju fuq l-importazzjoni fir-rigward tal-merkanzija iskritta tard fir-reġistri tal-ħażna. Eurogate ikkontestat dak l-avviż. |
19 |
Wara maħfra ta’ parti mill-imsemmija dazji, mogħtija permezz ta’ avviż tal-11 ta’ Awwissu 2009, il-Hauptzollamt, fir-rigward tal-bqija tad-dazji, permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2009, ċaħdet bħala infondat l-ilment ta’ Eurogate, minħabba li l-iskrizzjonijiet tardivi fir-reġistri tal-ħażna kellhom jiġu kkunsidrati bħala ksur tal-obbligi imposti fuqha fil-kuntest tal-proċedura tal-ħażna doganali u li, konsegwentement, dan in-nuqqas nissel dejn doganali fuq il-bażi tal-Artikolu 204(1) tal-Kodiċi Doganali. F’dak ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li negliġenza manifesta min-naħa ta’ Eurogate ma tippermettix il-kunsiderazzjoni li l-imsemmi ksur ma kellu l-ebda inċidenza fuq il-funzjonament korrett tal-proċedura doganali kkunsidrata. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ma jistgħux jiġu sodisfatti. |
20 |
Eurogate Distribution għalhekk ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg (it-tribunal tal-finanzi ta’ Hamburg) sabiex tikseb l-annullament tal-avviż għall-ħlas tat-taxxa tal-1 ta’ Lulju 2008, kif emendat bl-avviż tal-11 ta’ Awwissu 2009 u kkonfermat bid-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2009, billi sostniet b’mod partikolari li l-iskrizzjonijiet tardivi tal-ħruġ mill-maħżen doganali fir-reġistri tal-ħażna ma kinux jikkostitwixxu ksur tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, sa fejn dan l-obbligu ta’ iskrizzjoni, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 105 tal-Kodiċi Doganali u tal-Artikolu 530(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, għandu jiġi eżegwit biss wara l-clearance tal-proċedura tal-ħażna doganali. |
21 |
Il-Hauptzollamt irrispondiet għal dak l-argument li l-iskrizzjoni fir-reġistri tal-ħażna ma tikkostitwixxix obbligu applikabbli wara l-clearance tal-proċedura doganali kkunsidrata. Għall-kuntrarju, l-imsemmija iskrizzjoni għandha titwettaq matul il-proċedura tal-ħażna doganali jew fil-mument stess tal-clearance tal-imsemmija proċedura. Skont il-Hauptzollamt, il-clearance tal-proċedura tal-ħażna doganali avverat ruħha biss, fil-każ ineżami, wara l-ħruġ tal-merkanzija mhux Komunitarja bir-rilaxx tagħha għall-proċedura ta’ tranżitu bħala destinazzjoni doganali ġdida. |
22 |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-interpretazzjoni li l-ksur tal-obbligu ta’ iskrizzjoni immedjata tal-ħruġ ta’ merkanzija fir-reġistri tal-ħażna joħloq dejn doganali tqajjem dubji. |
23 |
F’dak ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li jekk tiġi segwita l-opinjoni ta’ ċerti universitajiet Ġermaniżi li jibbażaw ruħhom fuq it-termini tal-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, jista’ jiġi deċiż li, f’dan il-każ, il-ksur tal-obbligu ta’ iskrizzjoni immedjata tal-ħruġ tal-merkanzija fir-reġistri tal-ħażna jseħħ “matul” l-użu tal-proċedura doganali kkunsidrata u ma jiġix “ikkawżat” mill-imsemmi użu, u b’hekk ma jkun tnissel l-ebda dejn doganali. Barra minn hekk, sa fejn il-merkanzija diġà ingħatat destinazzjoni doganali ġdida u sa fejn il-ksur ta’ dak l-obbligu għaldaqstant ma jaffettwax l-istatus tal-merkanzija, hija tistaqsi jekk jistax iktar jitnissel dejn doganali u jekk ċertu ksur tal-imsemmija proċedura għandux jiġi ssanzjonat b’mod differenti. |
24 |
Peress li kienet tal-opinjoni li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha kienet tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin: “L-Artikolu 204(1)(a) [tal-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ merkanzija mhux Komunitarja mqiegħda taħt il-proċedura tal-ħażna doganali u li tkun ngħatat destinazzjoni doganali ġdida fi tmiem din il-proċedura, il-ksur tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-ħruġ tal-merkanzija mill-maħżen tad-dwana fil-programm tal-informatika previst b’mod immedjat mat-tmiem tal-proċedura tal-ħażna doganali — u mhux f’data sostanzjalment iktar tard — inissel dejn doganali għall-merkanzija kkonċernata?” |
Fuq id-domanda preliminari
25 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ merkanzija mhux Komunitarja, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ iskrizzjoni immedjata fir-reġistri tal-ħażna pprovduti għal dan l-għan tal-ħruġ tal-merkanzija minn maħżen doganali, anki meta din tal-aħħar tkun ġiet esportata mill-ġdid waqt il-clearance tal-proċedura tal-ħażna doganali, inissel dejn doganali għall-imsemmija merkanzija. |
26 |
Skont l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi, li jirriżultaw fir-rigward ta’ merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, inissel dejn doganali fuq l-importazzjoni. |
27 |
Hemm lok li jitfakkar li l-proċedura tal-ħażna doganali tippermetti il-ħażna f’maħżen ta’ merkanziji mhux Komunitarji b’sospensjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni għal dawk il-merkanziji. Dawn tal-aħħar, jekk ikun jinsabu materjalment fit-territorju doganali tal-Unjoni, huma madankollu kkunsidrati bħala merkanziji mhux Komunitarji. Il-benefiċċju ta’ tali proċedura huwa marbut mal-osservanza ta’ ċerti obbligi li jippermettu lill-awtoritajiet doganali li jiksbu konoxxenza tal-istat tal-istokk fi kwalunkwe mument, kif previst mill-Artikolu 529(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Fost dawk l-obbligi, l-obbligu taż-żamma ta’ reġistri tal-ħażna tal-merkanziji taħt il-proċedura tal-ħażna doganali, previst fl-Artikolu 105 tal-Kodiċi Doganali, huwa kkunsidrat bħala obbligu essenzjali marbut ma’ dik il-proċedura (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011, Groupe Limagrain Holding, C-402/10, Ġabra p. I-10827, punti 33 u 37). Nuqqas fir-rigward tal-obbligu ta’ iskrizzjoni mingħajr dewmien fir-reġistri tal-ħażna pprovduti għal dan l-għan tal-ħruġ ta’ merkanziji mill-maħżen ikun jippreġudika s-sorveljanza doganali. |
28 |
Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-preżenza, fit-territorju doganali tal-Unjoni, ta’ merkanziji mhux Komunitarji tinvolvi r-riskju li dawn il-merkanziji jispiċċaw jiġu integrati, mingħajr ma jiġu żdoganati, fiċ-ċirku ekonomiku tal-Istati Membri, risjku li, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali jikkontribwixxi sabiex jiġi evitat (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Skatteministeriet vs DSV Road A/S, C-234/09, Ġabra p. I-7329, punt 31). |
29 |
F’dan il-każ, l-awtorizzazzjoni mogħtija lil Eurogate għall-ġestjoni ta’ maħżen doganali privat kienet suġġetta għall-kundizzjoni taż-żamma ta’ reġistri tal-ħażna tal-merkanzija kollha ssuġġettata għall-proċedura tal-ħażna doganali. Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li Eurogate rreġistrat b’mod tardiv f’dawk ir-reġistri il-ħruġ tal-merkanziji li ġew, barra minn hekk, esportati mill-ġdid b’mod regolari. |
30 |
Eurogate tikkunsidra li n-nuqqas inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax inissel dejn doganali fid-dawl tal-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali peress li l-obbligu li ma ġiex sodisfatt japplika wara l-clearance tal-proċedura doganali kkunsidrata u li huwa ma jikkostitwixxix obbligu sostanzjali marbut mal-proċedura tal-ħażna doganali, b’tali mod li n-nuqqas tiegħu ma huwa xejn ħlief sempliċi irregolarità doganali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma kinitx għadha saret clearance tal-proċedura tal-ħażna doganali fil-mument meta Eurogate kellha l-obbligu li tirreġistra fir-reġistri tal-ħażna pprovduti għal dan l-għan, il-ħruġ tal-merkanziji mill-maħżen. |
31 |
F’dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ebda dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali u tar-regolament ta’ implementazzjoni tiegħu ma tippermetti li jiġi stabbilit li hemm lok, fir-rigward tal-effett tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu fuq it-tnissil ta’ dejn doganali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali, li ssir distinzjoni bejn obbligu li għandu jitwettaq qabel il-clearance tal-proċedura doganali kkonċernata u obbligu li għandu jitwettaq wara tali clearance, jew anki bejn obbligu msejjaħ prinċipali u ieħor imsejjaħ sekondarju (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Döhler Neuenkirchen, C-262/10, punt 38). |
32 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu tal-ħlas tad-dazji doganali f’tali każ ma jikkostitwixxix sanzjoni amministrattiva, fiskali jew kriminali, iżda sempliċi konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet ta’ kisba tal-vantaġġ li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċedura tal-ħażna doganali, li tirrendi inapplikabbli s-sospensjoni u tiġġustifika, konsegwentement, l-impożizzjoni ta’ dazji doganali. Fil-fatt, dik il-proċedura timplika l-għoti ta’ vantaġġ kundizzjonali li ma jistax jingħata jekk ma jkunux ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet marbuta miegħu. |
33 |
Barra minn hekk, l-iskrizzjoni tardiva fir-reġistri tal-ħażna ma tifformax parti mil-lista eżawrjenti, inkluża fl-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, ta’ nuqqasijiet li għandhom jistgħu jitqiesu bħala mingħajr konsegwenza reali fuq il-funzjonament korrett tal-proċedura doganali kkunsidrata. |
34 |
F’dak ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jistabbilixxi b’mod validu sistema li tirregola b’mod eżawrjenti n-nuqqasijiet, fis-sens tal-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, li “[huma] bla konsegwenzi reali fuq il-ħażna temporanja jew fuq il-proċedura doganali [kkunsidrata]” (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C-48/98, Ġabra p. I-7877, punt 43). |
35 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ merkanzija mhux Komunitarja, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ iskrizzjoni fir-reġistri tal-ħażna pprovduti għal dan l-għan, tal-ħruġ tal-merkanzija minn maħżen doganali, u dan sa mhux iktar tard minn dak il-ħruġ, inissel dejn doganali għall-imsemmija merkanzija, anki jekk din tkun ġiet esportata mill-ġdid. |
Fuq l-ispejjeż
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 204(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ merkanzija mhux Komunitarja, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ iskrizzjoni fir-reġistri tal-ħażna pprovduti għal dan l-għan, tal-ħruġ tal-merkanzija minn maħżen doganali, u dan sa mhux iktar tard minn dak il-ħruġ, inissel dejn doganali għall-imsemmija merkanzija, anki jekk din tkun ġiet esportata mill-ġdid. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.