EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0470

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-19 ta’ Lulju 2012.
SIA Garkalns vs Rīgas dome.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts.
Artikolu 49 KE — Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Ugwaljanza fit-trattament — Obbligu ta’ trasparenza — Logħob tal-ażżard — Casinos, swali tal-logħob u swali tat-tombla — Obbligu li jinkiseb kunsens preliminari tal-muniċipalità tal-post tal-istabbiliment — Setgħa diskrezzjonali — Ksur sostanzjali tal-interessi tal-Istat u tal-abitanti tat-territorju amministrattiv ikkonċernat — Ġustifikazzjonijiet — Proporzjonalità.
Kawża C-470/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:505

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Artikolu 49 KE — Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Ugwaljanza fit-trattament — Obbligu ta’ trasparenza — Logħob tal-ażżard — Casinos, swali tal-logħob u swali tat-tombla — Obbligu li jinkiseb kunsens preliminari tal-muniċipalità tal-post tal-istabbiliment — Setgħa diskrezzjonali — Ksur sostanzjali tal-interessi tal-Istat u tal-abitanti tat-territorju amministrattiv ikkonċernat — Ġustifikazzjonijiet — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-470/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja), permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Settembru 2011, fil-proċeduri

SIA Garkalns

vs

Rīgas dome,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Kalniņš u I. Rogalski, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SIA Garkalns (iktar ’il quddiem “Garkalns”), li s-sede tagħha jinsab fil-Latvja u Rīgas Dome (Il-Kunsill tal-belt ta’ Riga), li qed jaġixxi għal Rīgas pilsētas pašvaldības (awtoritajiet muniċipali ta’ Riga, iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet muniċipali”), dwar ir-rifjut minn dawn tal-aħħar li jawtorizzaw il-ftuħ minn Garkalns ta’ sala tal-logħob tal-ażżard f’ċentru kummerċjali f’Riga.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3

L-Artikolu 26(1) tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard u l-lotteriji (azartspēļu un izložu likums, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-logħob tal-ażżard”) jipprevedi li l-ftuħ ta’ casino, ta’ sala ta’ logħob jew ta’ sala tat-tombla huwa suġġett għal awtorizzazzjoni partikolari. Tali awtorizzazzjonijiet jingħataw lil kumpanniji li jkunu kisbu awtorizzazzjoni ġenerali sabiex jorganizzaw logħob permezz ta’ magni tal-logħob, ta’ ruletts, ta’ karti u ta’ dadi, jew ta’ logħob tat-tombla.

4

Skont l-Artikolu 26(2) tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard, l-organizzatur tal-logħob tal-ażżard li jixtieq jikseb awtorizzazjoni partikolari għall-ftuħ ta’ casino, ta’ sala tal-logħob jew ta’ sala tat-tombla, għandu jissottometti lill-Ispettorat tal-lotteriji u tal-logħob tal-ażżard (Izložu un azartspēļu uzraudzības inspekcija) applikazzjoni li magħha għandu jannetti diversi dokumenti, inkluż permess, maħruġ mill-awtoritajiet muniċipali kompetenti, li jinfetaħ tali stabbiliment u li jiġi organizzat hemmhekk il-logħob tal-ażżard inkwistjoni.

5

L-Artikolu 41(2) ta’ din il-liġi jipprekludi li jiġi organizzat il-logħob tal-ażżard:

“1)

f’bini tal-amministrazzjoni pubblika;

2)

fi knejjes u f’postijiet jew f’postijiet ta’ qima;

3)

fi stabbilimenti ta’ kura jew ta’ tagħlim;

4)

f’farmaċiji, fi stabbilimenti tal-posta jew fi stabbilimenti ta’ kreditu;

5)

f’postijiet fejn jinżammu avvenimenti pubbliċi, matul l-iżvolġiment ta’ dawn l-avvenimenti, minbarra l-organizzazzjoni ta’ mħatri;

6)

f’postijiet fejn ġie awtorizzat suq skont il-proċedura stabbilita;

7)

fi ħwienet, fi stabbilimenti kulturali, fi stazzjonijiet tal-ferrovija jew tal-linja, f’ajruporti jew f’portijiet, minbarra fi swali tal-logħob jew fi swali ta’ mħatri, li fir-rigward tagħhom ġiet allokata żona magħluqa li l-aċċess għaliha jsir biss minn barra, permezz ta’ entratura separata;

8)

f’bars jew kafés, minbarra l-organizzazzjoni ta’ mħatri;

9)

f’residenzi universitarji, f’akkomodazzjoni ta’ ħaddiema u f’postijiet simili;

10)

f’postijiet ta’ abitazzjoni, fejn l-aċċess minn entratura huwa l-istess bħall-aċċess għall-postijiet fejn huwa organizzat il-logħob tal-ażżard.”

6

L-Artikolu 42(3) tal-imsemmija liġi jippreċiża li, fil-każ ta’ proposta li jiġi organizzat logħob tal-ażżard f’postijiet li ma humiex imsemmija fir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 41(2) ta’ din l-istess liġi, il-kunsill tal-awtoritajiet muniċipali għandu jiddeċiedi każ b’każ, u jeżamina jekk l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard fil-post maħsub timplikax “ksur sostanzjali għall-interessi tal-Istat u tal-abitanti tat-territorju amministrattiv ikkonċernat”.

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

Garkalns talbet lill-awtoritajiet muniċipali awtorizzazzjoni sabiex tiftaħ sala tal-logħob tal-ażżard f’ċentru kummerċjali li jinsab fit-territorju tal-belt ta’ Riga. Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2006, ir-Rīgas dome irrifjutat li tagħtih tali awtorizzazzjoni, billi qieset li tali ftuħ jippreġudika sostanzjalment l-interessi tal-abitanti tal-muniċipalità.

8

Garkalns ressqet rikors quddiem l-administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva reġjonali). Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2008, din il-qorti rrifjutat ir-rikors.

9

Permezz tas-sentenza tat-13 ta’ April 2010, l-appell minn din is-sentenza quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva tal-appell) ġie miċħud ukoll.

10

Din l-aħħar qorti fil-fatt ikkunsidrat li l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard fil-post maħsub ma kienx biss tali li jippreġudika l-interessi tal-abitanti tad-distrett, iżda wkoll tal-abitanti ta’ distretti oħra, peress li ċ-ċentru kummerċjali, li kien jiġbed ħafna nies, kien jinsab viċin triq prinċipali. Għalhekk, is-sit propost kien jinsab, minn naħa, viċin ħafna ta’ kumpless residenzjali u, min-naħa l-oħra, f’distanza ta’ 500 metru minn stabbiliment ta’ tagħlim sekondarju. Skont din il-qorti, ir-ratio tar-rifjut tal-awtoritajiet muniċipali kien għalhekk immotivat mit-tħassib li jiġi evitat li l-pubbliku jitħajjar jagħżel il-logħob tal-ażżard minflok possibbiltajiet oħra sabiex jimla’ l-ħin liberu.

11

Garkalns introduċiet appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra s-sentenza mogħtija mill-Administratīvā apgabaltiesa. Hija sostniet, fost l-oħrajn, li din l-aħħar qorti interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 42(3) tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard.

12

Insostenn tal-appell tagħha, Garkalns, filwaqt li rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Sporting Exchange, tat-3 ta’ Ġunju 2010 (C-203/08, Ġabra p. I-4695, punti 50 u 51) b’mod partikolari sostniet li, jekk Stat Membru jrid jimponi livell ta’ protezzjoni neċessarja fis-settur tal-logħob tal-ażżard, il-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu madankollu ma għandux jippreġudika l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għalhekk, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u magħrufa minn qabel.

13

Ir-Rīgas dome issostni li l-appell għandu jiġi miċħud u tosserva li d-deċiżjoni kkontestata hija konformi mal-prassi tal-awtoritajiet muniċipali li ma joħorġux awtorizzazzjoni sabiex inaqqsu n-numru ta’ stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard f’Riga.

14

Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-kliem impreċiż tal-Artikolu 42(3) tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard jista’ jikser il-prinċipju tal-ugwaljanza tat-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, iżda tistaqsi jekk tali dispożizzjoni legali hijiex neċessarja sabiex tiġi rikonoxxuta ċerta diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali fl-applikazzjoni tas-sistema dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard kif ukoll fil-pjanifikazzjoni tal-iżvilupp territorjali u soċjali tal-awtoritajiet muniċipali, li ma hijiex possibbli jekk kriterji iżjed riġidi kienu stabbiliti fil-liġi.

15

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Augstākās tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 49 KE u l-obbligu ta’ trasparenza li huwa assoċjat miegħu għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-użu, f’liġi li ġiet ippromulgata b’mod pubbliku u minn qabel, ta’ kunċett legali indeterminat bħal ‘preġudizzju [ksur] sostanz[j]ali għall-interessi tal-Istat u taċ-ċittadini tat-territorju amministrattivi ikkonċernat’, kunċett li l-kontenut tiegħu għandu, f’kull każ ta’ applikazzjoni individwali, jiġi ddeterminat permezz ta’ linji gwida ta’ interpretazzjoni, iżda li fl-istess ħin jippermetti ċerta flessibbiltà fl-evalwazzjoni tal-preġudizzju għal-libertà, huwa kompatibbli mar-restrizzjonijiet ammissib[b]li għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

16

Il-Gvern tal-Latvja jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati għal Stat Membru wieħed. Skont dan il-Gvern, fin-nuqqas ta’ element transkonfinali, id-domanda magħmula hija ipotetika u ma għandha l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha r-responsabbiltà li tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 24).

18

Minn dan isegwi li l-kwistjonijiet dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629, punt 36).

19

Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-proċeduri preżenti, fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju tiddeskrivi, b’mod suffiċjenti, il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali u l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad-domanda magħmula.

20

F’dan il-każ, huwa paċifiku li Garkalns hija impriża Latvjana, li nħolqot fil-Latvja, u li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati għal dan l-Istat Membru biss. Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta ta’ din tal-aħħar tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju anki f’tali ċirkustanzi, b’mod partikolari, fis-sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali jimponi li ċittadin nazzjonali jgawdi mill-istess drittijiet li dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jislet mid-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Duomo Gpa et, C-357/10 sa C-359/10, punt 28).

21

Barra minn hekk, filwaqt li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini Latvjani u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, tista’ tirriżulta biss minn dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE inkwantu din tapplika għal sitwazzjonijiet li għandhom rabta mal-iskambji bejn Stati Membri, imkien ma huwa eskluż li ċittadini stabbiliti fl-Istati Membri barra r-Repubblika tal-Latvja kienu jew ikunu interessati li jiftħu swali tal-logħob tal-ażżard fit-territorju Latvjan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

Fuq l-identifikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni

23

Il-Gvern Latvjan esprima dubji dwar ir-rilevanza tar-riferiment fid-domandi preliminari għall-Artikolu 49 KE, u jsostni li huwa biss l-Artikolu 43 KE li jista’ japplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-attivitajiet fejn l-utenti huma awtorizzati jipparteċipaw, bi ħlas, f’logħob jew f’imħatri tal-flus jikkostitwixxu attivitajiet ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoß et, C-316/07, C-358/07, C-359/07, C-360/07, C-409/07 u C-410/07, Ġabra p. I-8069, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Għaldaqstant, servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 KE, ħlief jekk ikun applikabbli l-Artikolu 43 KE.

26

Fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, għandu jiġi ddeterminat jekk l-operatur ekonomiku huwiex stabbilit jew le fl-Istat Membru li fih huwa joffri s-servizz inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 22). Meta dan ikun stabbilit fl-Istat Membru li fih huwa joffri dan is-servizz, huwa jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, kif iddefinit fl-Artikolu 43 KE. Meta, min-naħa l-oħra, l-operatur ekonomiku ma jkunx stabbilit fl-Istat Membru destinatarju, huwa jkun fornitur transkonfinali li jaqa’ taħt il-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi previst fl-Artikolu 49 KE (ara s-sentenza Duomo Gpa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ stabbiliment jimplika li l-operatur joffri s-servizzi tiegħu, b’mod stabbli u kontinwu, minn stabbiliment fl-Istat Membru destinatarju. Min-naħa l-oħra, huma “[provvisti ta’] servizzi” fis-sens tal-Artikolu 49 KE, il-provvisti kollha li ma humiex offruti b’mod stabbli u kontinwu, minn stabbiliment fl-Istat Membru destinatarju (ara sentenza Duomo Gpa et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE ma tippermetti li jiġi ddeterminat, b’mod astratt, it-tul jew il-frekwenza li abbażi tagħha l-provvista ta’ servizz jew ta’ ċertu tip ta’ servizz ma tistax tibqa’ titqies bħala provvista ta’ servizzi, b’mod li l-kunċett ta’ “servizz” fis-sens tat-Trattat jista’ jkopri servizzi ta’ natura differenti ħafna, inkluż servizzi li l-provvista tagħhom hija mifruxa fuq perijodu estiż, saħansitra fuq numru ta’ snin (ara sentenza Duomo Gpa et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Minn dak li ntqal jirriżulta li dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, fil-prinċipju, taqa’ taħt il-kamp tal-applikazzjoni kemm tal-Artikolu 43 KE kif ukoll tal-Artikolu 49 KE.

30

Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, li huwa bbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali (sentenza Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt l-Artikolu 43 KE jew l-Artikolu 49 KE.

32

Peress li l-qorti tar-rinviju fformulat id-domanda preliminari abbażi tal-Artikolu 49 KE, għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dan l-artikolu.

Fuq il-mertu

33

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonferixxi lill-awtoritajiet nazzjonali setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni billi tawtorizzahom jirrifjutaw awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ casino, ta’ sala tal-logħob jew ta’ sala tat-tombla, abbażi ta’ “ksur sostanzjali għall-interessi tal-Istat jew tal-abitanti tat-territorju amministrattiv ikkonċernat”.

34

Preliminarjament, għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-eżerċizzju ta’ attivitajiet fis-settur tal-logħob tal-ażżard fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni preliminari tal-awtoritajiet amministrattivi, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 42).

35

Fil-każ ineżami, għandu madankollu jiġi eżaminat jekk tali restrizzjoni tistax tiġi aċċettata bħala miżura derogatorja, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, kif previst espressament fl-Artikoli 45 KE u 46 KE, applikabbli għal dan il-qasam bis-saħħa tal-Artikolu 55 KE, jew iġġustifikata, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55 u digriet tat-28 ta’ Ottubru 2010, Bejan, C-102/10, punt 44).

36

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard hija waħda mill-oqsma li fihom hemm diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa, f’dawn l-oqsma, skont il-firxa ta’ valuri partikolari għalih, ir-rekwiżiti li teżiġi l-protezzjoni tal-interessi inkwistjoni (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Għaldaqstant, ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom u għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju. Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq biss jekk verament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 sa 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-qasam partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali jibbenefikaw minn setgħa diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ordni soċjali u, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza tagħha jiġu osservati, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa jekk, fil-kuntest tal-għanijiet leġittimi li huwa jfittex, huwiex neċessarju li jipprekludi totalment jew parzjalment l-attivitajiet marbuta mal-logħob tal-ażżard jew mal-imħatri, jew biss li jillimitahom u li jipprevedi għal dan il-għan regoli ta’ kontroll xi ftit jew wisq stretti (ara, f’dan is-sens, sentenzi Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group C-46/08, Ġabra p. I-8149, punt 46).

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-restrizzjonijiet għall-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni mill-frodi u mill-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob (ara, f’dan is-sens, iċċitat iktar ’il fuq, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li l-għan mixtieq mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-interessi tal-abitanti lokali kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi potenzjali mir-riskji marbuta mal-logħob tal-ażżard, huwa ta’ natura li jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

41

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi vverifikat jekk ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi mir-riskji marbuta mal-logħob tal-ażżard u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq tali għan.

42

Barra minn hekk, sabiex tosserva l-prinċipju tal-ugwaljanza tat-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, sistema ta’ awtorizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet sabiex din ma tintużax b’mod arbitrarju (ara, f’dan is-sens, sentenza Sporting Exchange, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

43

Sabiex ikun hemm kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, huwa barra minn hekk neċessarju li l-awtoritajiet kompetenti jibbażaw kull waħda mid-deċiżjonijiet tagħhom fuq raġunament li huwa aċċessibbli għall-pubbliku, filwaqt li jindikaw b’mod preċiż ir-raġunijiet li għalihom, skont il-każ, tali awtorizzazzjoni ġiet irrifjutata.

44

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, fid-dawl tar-regoli konkreti għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva kkonċernata, li din tal-aħħar tissodisfa ġenwinament il-ħsieb li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ logħob u li jiġu llimitati l-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, sentenza Carmen Media Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, billi tagħti l-possibbiltà li tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ sala tal-logħob tal-ażżard abbażi ta’ ksur sostanzjali tal-interessi tal-Istat u tal-abitanti tat-territorju amministrattiv ikkonċernat, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkonferixxi lill-awtoritajiet amministrattivi diskrezzjoni wiesgħa fl-evalwazzjoni, b’mod partikolari, tal-interessi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija intiża li tipproteġi.

46

Setgħa diskrezzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi ġġustifikata jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali stess ikollha l-għan li tissodisfa ġenwinament il-ħsieb li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ logħob u li jiġu llimitati l-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku, jew li tiżgura li l-abitanti jgħixu fil-paċi jew anki, b’mod ġenerali, li tiżgura l-ordni pubbliku billi tirrikonoxxi għal dan il-għan ċerta diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali fl-applikazzjoni tas-sistema marbuta mal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard.

47

Sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika b’mod partikolari li l-Istat jeżerċita kontroll strett fuq l-attivitajiet marbuta mal-logħob tal-ażżard, li r-rifjut tal-awtoritajiet nazzjonali li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ stabbilimenti ġodda ta’ dan it-tip jissodisfa ġenwinament l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi allegat u li l-kriterju tal-“ksur sostanzjali tal-interessi tal-Istat u tal-abitanti tat-territorju amministrattiv ikkonċernat” huwa applikat b’mod mhux diskriminatorju.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonferixxi lill-awtoritajiet nazzjonali setgħa diskrezzjonali wiesgħa billi tagħtihom il-possibbiltà li jirrifjutaw awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ casino, ta’ sala tal-logħob jew ta’ sala tat-tombla, abbażi ta’ “ksur sostanzjali għall-interessi tal-Istat u tal-abitanti tat-territorju amministrattiv ikkonċernat” sakemm tali leġiżlazzjoni jkollha ġenwinament l-għan li tnaqqas l-opportunitajiet ta’ logħob u li tillimita l-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku jew li tiżgura l-ordni pubbliku u sakemm is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti hija eżerċitata b’mod trasparenti, li tippermetti kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, liema kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonferixxi lill-awtoritajiet nazzjonali setgħa diskrezzjonali wiesgħa billi tagħtihom il-possibbiltà li jirrifjutaw awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ casino, ta’ sala tal-logħob jew ta’ sala tat-tombla, abbażi ta’ “ksur sostanzjali għall-interessi tal-Istat u tal-abitanti tat-territorju amministrattiv ikkonċernat” sakemm tali leġiżlazzjoni jkollha ġenwinament l-għan li tnaqqas l-opportunitajiet ta’ logħob u li tillimita l-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku jew li tiżgura l-ordni pubbliku u sakemm is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti hija eżerċitata b’mod trasparenti, li tippermetti kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, liema kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Fuq