Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CJ0130

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Lulju 2012.
    Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Regolament (UE) Nru 1286/2009 — Miżuri restrittivi kontra persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama Bin Laden, man-netwerk ta’ Al-Qaida u mat-Taliban — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Għażla tal-bażi legali — Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE — Dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Pożizzjonijiet komuni u deċiżjonijiet PESK — Proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni.
    Kawża C-130/10.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:472

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    19 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

    “Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Regolament (UE) Nru 1286/2009 — Miżuri restrittivi kontra persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama Bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u mat-Taliban — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Għażla tal-bażi legali — Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE — Dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Pożizzjonijiet komuni u deċiżjonijiet PESK — Proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni”

    Fil-Kawża C-130/10,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fid-9 ta’ Marzu 2010,

    Il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn E. Perillo u K. Bradley, sussegwentement minn A. Auersperger Matić u U. Rösslein, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrent,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u R. Szostak, bħala aġenti,

    konvenut,

    sostnut minn:

    Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u E. Ruffer kif ukoll minn K. Najmanová, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u A. Adam, bħala aġenti,

    Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Boelaert u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Prechal, Presidenti tal-Awla, A. Rosas (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, E. Juhász, M. Berger, E. Jarašiūnas u C.G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2011,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1286/2009, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban (ĠU L 346, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Fis-16 ta’ Jannar 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem, il-“Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-Riżoluzzjoni 1390 (2002) li tistabbilixxi l-miżuri li l-Istati kollha għandhom jadottaw fir-rigward ta’ Usama bin Laden, tal-membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta’ persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati oħra. Din ir-riżoluzzjoni essenzjalment tipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tagħha, għaż-żamma ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, imposti fil-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà u 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) tal-imsemmi Kunsill. Skont il-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), dawn il-miżuri kellhom jerġgħu jiġu eżaminati mill-Kunsill tas-Sigurtà tnax-il xahar wara l-adozzjoni tagħhom, u fit-tmiem ta’ dan il-perijodu l-Kunsill kellu jiddeċiedi li jew jinżammu jew inkella jittejbu.

    3

    Peress li azzjoni tal-Komunità Ewropea kienet neċessarja sabiex tiġi implementata din l-aħħar riżoluzzjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fis-27 ta’ Mejju 2002, abbażi tal-Artikolu 15 UE, il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Usama bin Laden, tal-membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta’ persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati oħra, u li ħassret il-Pożizzjonijiet Komuni 96/746/PESK, 1999/727/PESK, 2001/154/PESK u 2001/771/PESK (ĠU L 139, p. 4). L-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402 jipprovdi, b’mod partikolari, għall-proroga tal-iffriżar tal-fondi u tal-assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra tal-individwi, gruppi, impriżi u entitajiet imsemmijin fil-lista stabbilita skont ir-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999) u 1333 (2000).

    4

    Fl-istess jum, ġie adottat, abbażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294). L-Anness I ta’ dan ir-regolament jinkludi lista ta’ persuni, entitajiet u gruppi li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar tal-fondi impost permezz tal-Artikolu 2 (iktar ’il quddiem, il-“lista”).

    5

    Ir-regolament ikkontestat ġie adottat mill-Kunsill fit-22 ta’ Diċembru 2009. Dan ir-regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 215(2) TFUE u jirreferi għal proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem, ir-“Rappreżentant Għoli”) u tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa jemenda r-Regolament Nru 881/2002 wara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351), billi jintroduċi proċedura ta’ elenkar li tiżgura li d-drittijiet fundamentali tad-difiża u, b’mod partikolari, id-dritt għal smigħ, jiġu rrispettati. Il-proċedura riveduta tistabbilixxi li l-persuna, l-entità, il-korp jew il-grupp li jidhru fil-lista għandhom jiġu informati bir-raġunijiet għalfejn huma ġew elenkati fiha skont l-istruzzjonijiet tal-kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà maħluq bir-Riżoluzzjoni 1267 (1999) (iktar ’il quddiem, il-“Kumitat tas-Sanzjonijiet”), biex jingħataw il-possibbiltà li jesprimu l-fehma tagħhom fuq dawn ir-raġunijiet.

    It-talbiet tal-partijiet

    6

    Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla r-regolament ikkontestat;

    iżżomm l-effetti tiegħu sal-adozzjoni ta’ regolament ġdid, u

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    7

    Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad it-talba bħala infondata, u

    tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    8

    B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Awwissu 2010, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni ġew ammessi bħala intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

    9

    B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 2010, ir-Renju tad-Danimarka tneħħa minn parti intervenjenti billi kien talab li jirtira l-intervent tiegħu.

    Fuq ir-rikors

    10

    Insostenn tar-rikors tiegħu għal annullament, il-Parlament jinvoka żewġ motivi. Bl-ewwel motiv, ippreżentat b’mod prinċipali, huwa jsostni li r-regolament ikkontestat huwa bbażat b’mod żbaljat fuq l-Artikolu 215 TFUE meta l-bażi legali xierqa hija l-Artikolu 75 TFUE. Bit-tieni motiv, ippreżentat sussidjarjament, huwa jsostni li l-kundizzjonijiet rigward l-użu tal-Artikolu 215 TFUE ma ġewx osservati.

    Fuq il-motiv prinċipali, ibbażat fuq l-għażla żbaljata tal-bażi legali

    L-argumenti tal-partijiet

    11

    Bl-ewwel motiv tiegħu, il-Parlament isostni li r-regolament ikkontestat ma setax jiġi bbażat b’mod validu fuq l-Artikolu 215 TFUE. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, u l-ewwel parti tirrigwarda l-iskop u l-kontenut ta’ dan ir-regolament u t-tieni parti s-sistema ġenerali tat-Trattati.

    – Fuq l-iskop u l-kontenut tar-regolament ikkontestat

    12

    Il-Parlament ifakkar li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-iskop u l-kontenut tal-att. Il-bażi legali tar-regolament ikkontestat għandha tkun, fid-dawl tal-kontenut u tal-iskop tagħha, l-istess bħal dik tar-Regolament Nru 881/2002, adottat abbażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE. Madankollu, billi dawn l-artikoli kienu tħassru jew saru inapplikabbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-bażi legali xierqa hija l-Artikolu 75 TFUE li jirrigwarda l-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-attivitajiet konnessi.

    13

    Fir-rigward tal-kontenut tiegħu, fil-parti l-kbira r-regolament ikkontestat sempliċement jifformula mill-ġdid jew jikkjarifika dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 881/2002 jew jiffaċilita l-applikazzjoni tagħhom, mingħajr ma jibdel bl-ebda mod in-natura tal-kontenut ta’ dan tal-aħħar. L-uniċi dispożizzjonijiet sostantivi ġenwinament ġodda huma dawk li jirrigwardaw il-proċedura tal-elenkar fil-lista. Ir-regolament ikkontestat għandu n-natura ta’ “qafas għal miżuri amministrattivi” fis-sens tal-Artikolu 75 TFUE sa fejn dan jemenda jew jikkompleta l-qafas leġiżlattiv għall-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ miżuri amministrattivi intiżi għall-iffriżar tal-fondi tal-partijiet ikkonċernati.

    14

    Ir-regolament ikkontestat huwa intiż, l-istess bħar-Regolament Nru 881/2002, biex jiġġieled kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, li jikkorrispondi mal-għanijiet tal-Artikolu 75 TFUE. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-punt 169 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li jgħid li l-iskop essenzjali u l-għan tar-regolament ikkontestat huwa li jiġi miġġieled it-terroriżmu internazzjonali, b’mod partikolari li jinqatgħu r-riżorsi finanzjarji tiegħu billi jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-persuni jew entitajiet issuspettati li huma involuti f’attivitajiet li huma marbuta miegħu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 199 tal-imsemmija sentenza, li l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (illum il-Qorti Ġenerali), skont liema l-imsemmi regolament kellu wieħed mill-għanijiet li jaqgħu taħt it-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona, fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, li jinkludu l-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (iktar ’il quddiem, il-“PESK”), tmur kontra l-kliem stess tal-Artikolu 308 KE.

    15

    Billi r-Regolament Nru 881/2002 ma huwiex intiż biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PESK, huwa diffiċli li wieħed jifhem kif jista’ jagħmel hekk ir-regolament ikkontestat, li ġie adottat biex jiżgura l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Il-Parlament jenfasizza li l-Kunsill jista’ jirrikorri għall-Artikolu 215 TFUE biss għal miżuri li jwettqu l-għanijiet tal-PESK u, b’mod iktar preċiż, meta deċiżjoni intiża biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din il-politika tkun tipprevedih.

    16

    Skont il-Parlament, il-pożizzjoni tal-Kunsill la tikkorrispondi mal-fatti u lanqas mar-realtà tal-affarijiet sa fejn din tibbaża fuq distinzjoni bejn, minn naħa, it-terroriżmu internazzjonali jew “estern” u, min-naħa l-oħra, it-terroriżmu “intern”. Biex tkun effettiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tkun ta’ natura internazzjonali. L-unika distinzjoni li hija possibbli li ssir f’dan il-kuntest hija dik bejn, minn naħa, il-miżuri nazzjonali kontra t-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, il-miżuri internazzjonali kontra dan il-fenomenu. Ma huwiex dejjem possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk attivitajiet terroristiċi u attivitajiet konnesi magħhom imwettqa fi ħdan l-Unjoni joħolqux theddida fi ħdanha jew barra minnha.

    17

    Il-Kunsill isostni, min-naħa l-oħra, li, fid-dawl tal-għanijiet u tal-kontenut tiegħu, ir-regolament ikkontestat jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati fuq l-azzjoni esterna tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, il-qasam tal-PESK. L-Artikolu 215 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għal din il-miżura.

    18

    L-imsemmi regolament, bħar-Regolament Nru 881/2022, huwa intiż biex jiġġieled kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-finanzjament tiegħu sabiex jiġu ppreżervati l-paċi u s-sigurtà fuq il-livell internazzjonali. Il-Kunsill ifakkar, f’dan ir-rigward, il-kliem tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) u tar-regolament ikkontestat, kif ukoll is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

    19

    Il-kontenut tar-regolament ikkontestat jikkorrispondi ma’ dan l-għan. L-Artikoli 7a u 7c li dan jintroduċi fir-Regolament Nru 881/2002 jikkonfermaw li dawn ir-regolamenti jimplementaw direttament id-deċiżjonijiet ta’ elenkar fil-lista adottati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u li jistabbilixxu sistema ta’ interazzjoni bejn dan il-kumitat, l-Unjoni kif ukoll il-persuni u l-entitajiet elenkati f’din il-lista.

    20

    Ir-Regolament Nru 881/2002 u r-regolament ikkontestat bl-ebda mod ma huma parti mid-dispożizzjonijiet intiżi biex jinħoloq spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. Huma jirregolaw kwistjonijiet li la huma relatati mal-kontrolli tal-fruntieri, la mas-sigurtà interna u lanqas mar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jew extraġudizzjarji.

    21

    Il-Kunsill isostni li t-Trattati, fil-verżjoni tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ma kienu jipprevedu l-ebda bażi legali speċifika li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ terroristi li jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà pubblika fl-Istati Membri, jiġifieri terroristi “interni”. L-uniċi bażijiet legali għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri restrittivi kienu l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE li huma applikati biss għal terroristi “esterni” fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

    22

    Mill-istruttura u mill-formulazzjoni tat-Trattati, kif emendati mit-Trattat ta’ Lisbona, jirriżulta li l-post fejn tinstab allegata theddida kif ukoll l-għanijiet politiċi ta’ persuna jew ta’ grupp elenkat fil-lista għandhom jiġu kkunsidrati biex tiġi deċiża l-bażi legali ta’ miżura restrittiva. L-Artikolu 75 TFUE diġà jipprovdi bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ terroristi “interni”, bħalma huma l-persuni u l-gruppi li l-ismijiet tagħhom, immarkat b’asterisk, huma elenkati fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217). Bil-kontra, jekk it-theddida tirrigwarda prinċipalment Stat terz wieħed jew diversi Stati terzi jew il-komunità internazzjonali b’mod ġenerali, l-Artikolu 215 TFUE huwa l-bażi legali xierqa. Ikun illegali għall-Unjoni li tadotta, abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE, li tirregola l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, miżura ta’ ffriżar ta’ assi li tikkontribwixxi għas-sigurtà ta’ Stat terz iżda li ma hijiex intiża biex tiżgura s-sigurtà interna.

    23

    Barra minn hekk, skont il-Kunsill, sostnut essenzjalment mir-Renju tal-Isvezja, l-argument tal-Parlament ma jikkunsidrax il-każijiet fejn l-Unjoni tfittex li tadotta jew timponi, fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, miżuri restrittivi oħra għajr l-iffriżar tal-assi, bħal projbizzjoni tal-ivvjaġġar, kontra persuni jew entitajiet assoċjati mat-terroriżmu “estern”.

    24

    Ir-Renju tal-Isvezja jippreċiża li l-pożizzjoni tal-Parlament għandha l-effett li l-implementazzjoni tas-sanzjonijiet adottati fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti kontra t-terroristi tibbaża fuq bażijiet legali differenti li jikkonċernaw diversi miżuri ta’ sanzjonijiet li huma parti mill-istess sistema waħda ta’ sanzjonijiet. Din ma setgħetx kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod partikolari minħabba l-fatt li sistema bħal din timplika l-applikazzjoni ta’ proċeduri deċiżjonali differenti fil-kuntest rispettivament tal-qasam tal-PESK u tal-politika interna tal-Unjoni.

    25

    Il-Kummissjoni tispjega li, meta tipproponi att li jagħmel emenda, hija tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet li servew ta’ bażi għall-adozzjoni tal-att inizjali. Għalhekk, il-proposta ta’ regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 881/2002, li l-Kummissjoni ppreżentat fit-22 ta’ April 2009 [COM(2009) 187 finali] semmiet l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE bħala bażijiet legali. Billi dik il-proposta kienet pendenti quddiem il-Kunsill fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni kellha teżamina l-konsegwenzi purament legali u tekniċi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward ta’ dan l-att. Hija waslet għall-konklużjoni, approvata mir-Rappreżentant Għoli, li l-Artikolu 215(2) TFUE jkopri l-aspetti kollha kkonċernati tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE. Dan l-approċċ jaqbel mal-konstatazzjonijiet magħmulin mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

    26

    Fir-rigward tal-effett ta’ din is-sentenza fuq il-kwistjoni tal-bażi legali, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni tal-Parlament li att ibbażat fuq l-Artikolu 308 KE ma jistax ikollu bħala għan il-PESK. F’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestatx il-fatt li l-Artikoli 60 KE u 301 KE kienu jikkostitwixxu l-bażijiet legali li ppermettew l-adozzjoni tal-miżuri Komunitarji li għandhom għan tal-PESK. Għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 881/2002, hija identifikat it-tieni għan Komunitarju sottostanti, marbut mal-funzjonament tas-suq komuni, biex tiġġustifika l-inklużjoni tal-Artikolu 308 KE bħala t-tielet bażi legali. Barra minn hekk, hija kkonfermat li t-Trattat KE kien jeħtieġ li din id-dispożizzjoni tiġi invokata biex jiġu imposti miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-każ ta’ nuqqas ta’ rabta mas-sistema regolatorja ta’ Stat terz.

    27

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikoli 215 TFUE u 75 TFUE ma jistgħux jintużaw flimkien bħala bażijiet legali għar-regolament ikkontestat. Huwa impossibbli li att jiġi bbażat fl-istess ħin fuq dawn iż-żewġ artikoli meta huma jistabbilixxu kundizzjonijiet differenti fir-rigward tal-proċedura u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluża l-applikazzjoni tal-Protokoll (Nru 21) fuq il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, kif ukoll il-Protokoll (Nru 22) fuq il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mal-istess Trattati. Hija ssostni li waħda mid-differenzi kruċjali bejn l-Artikoli 215 TFUE u 75 TFUE hija n-neċessità ta’ rabta ma’ deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK, adottati fl-interess tal-paċi u tas-sigurtà fuq il-livell internazzjonali, ikun xi jkun il-post ġeografiku preċiż u tkun xi tkun il-portata tat-theddida terroristika inkwistjoni. Meta miżuri restrittivi dwar it-terroriżmu jkollhom jiġu adottati skont it-Trattat FUE fit-teħid ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt il-PESK wara riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, l-Artikolu 215 TFUE huwa l-unika bażi legali possibbli.

    – Fuq is-sistema ġenerali tat-Trattati

    28

    Skont il-Parlament, is-sistema ġenerali u l-ispirtu tat-Trattati jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom. F’dan il-każ, huma jiġġustifikaw l-għażla tal-Artikolu 75 TFUE bħala bażi legali tar-regolament ikkontestat.

    29

    L-ewwel nett, ir-regolament ikkontestat huwa marbut mal-protezzjoni ta’ persuni u ta’ gruppi. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri dwar id-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew bl-approvazzjoni tal-Parlament biss. L-Artikolu 215(2) TFUE japplika biss għal dak li jirrigwarda miżuri li ma jqajmux, bl-istess intensità, kwistjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali.

    30

    It-tieni nett, l-Artikolu 75 TFUE jawtorizza lill-Unjoni tadotta miżuri li jirrigwardaw il-movimenti ta’ kapitali u ta’ ħlasijiet, b’għarfien tal-fatt li dawn il-miżuri jista’ jkollhom effett fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-kapitali u tal-provvista tas-servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fil-punt 229 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-“[miżuri restrittivi ta’ natura ekonomika], min-natura tagħhom, jippreżentaw konnessjoni mal-funzjonament tas-suq komuni”. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 881/2002 jirreferi huwa stess, fir-raba’ premessa tiegħu, għall-ħtieġa li tiġi evitata b’mod partikolari distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    31

    It-tielet nett, ir-regolament ikkontestat jirrigwarda t-twaqqif ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja. Huwa jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kriminalità, b’mod partikolari t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet ta’ dan l-ispazju, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 3(2) TUE.

    32

    Fl-aħħar nett, il-Parlament isemmi n-nuqqas ta’ konnessjoni bejn ir-regolament ikkontestat u l-PESK. Skont l-Artikolu 24(1) TUE, il-PESK hija suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi. L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli u dawn il-proċeduri barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom tmur kontra l-għanijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE u għandha l-effett li ċċaħħad lill-parlamenti nazzjonali mill-benefiċċju tal-protokolli fuq ir-rwol tagħhom u fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità kif ukoll iċċaħħad lill-Parlament mill-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

    33

    Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, il-Parlament jirreferi wkoll għall-punt 235 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ż-żieda tal-Artikolu 308 KE mal-bażi legali tar-Regolament Nru 881/2002 kienet iġġustifikata għaliex ippermettiet lill-Parlament jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali dwar il-miżuri inkwistjoni li jikkonċernaw speċifikament lil individwi filwaqt li, fil-kuntest tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, l-ebda rwol ma huwa previst għal din l-istituzzjoni.

    34

    Il-Parlament jikkonkludi li huwa kontra d-dritt tal-Unjoni li wieħed ikun jista’ jadotta miżuri li jkollhom effett dirett fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi u tal-gruppi, fuq is-suq intern u fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità, permezz ta’ proċedura li teskludi l-parteċipazzjoni tal-Parlament, meta l-proċedura leġiżlattiva ordinarja tapplika għall-adozzjoni tal-miżuri f’dawn l-oqsma. It-Trattat ta’ Lisbona jirrifletti r-rieda tal-Istati Membri li tiġi msaħħa n-natura demokratika tal-Unjoni. Huwa jikkostitwixxi risposta għal bżonn urġenti li jiġi stabbilit kontroll Parlamentari f’dak li jirrigwarda l-prattiċi ta’ elenkar. Ir-rikonoxximent tal-Artikolu 215(2) TFUE bħala bażi legali xierqa għall-miżuri bħar-regolament ikkontestat fil-prattika jispiċċa biex iċaħħad lill-Artikolu 75 TFUE minn ħafna mill-effettività tiegħu. Il-Parlament josserva wkoll li dan l-aħħar artikolu jikkostitwixxi bażi legali iktar speċifika mill-Artikolu 215 TFUE.

    35

    Min-naħa tiegħu, il-Kunsill isostni li l-argumenti ppreżentati mill-Parlament dwar is-sistema ġenerali tat-Trattati ma jikkostitwixxux kriterji rilevanti għad-determinazzjoni tal-bażi legali xierqa tar-regolament ikkontestat.

    36

    Il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet huma stabbiliti mit-Trattati u jvarjaw skont l-oqsma differenti ta’ azzjoni tal-Unjoni. L-argument sostnut mill-Parlament ifisser li huma l-proċeduri li jiddeterminaw l-għażla tal-bażi legali u mhux bil-maqlub. L-element varjabbli marbut mar-rwol tal-Parlament fil-proċedura huwa rilevanti biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Dan huwa l-każ fir-rigward ta’ miżura li fl-istess ħin għandha diversi għanijiet li huma marbutin flimkien b’mod indissoċjabli, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju għall-ieħor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa possibbli li jinstabu bażijiet legali differenti korrispondenti sakemm dawn ma jkunux inkompatibbli. Biex tiġi ddeterminata l-kompatibbiltà tagħhom, għandu jiġi evalwat jekk, meta dawn il-bażijiet legali jittieħdu flimkien, dan ikunx tali li jippreġudika d-drittijiet tal-Parlament. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-155/07, Ġabra p. I-8103).

    37

    Il-Kunsill jenfasizza li l-għażla tal-bażi legali għandha tibbaża fuq elementi oġġettivi, b’mod partikolari l-iskop u l-kontenut tal-att inkwistjoni. Dan il-prinċipju ġie kkonfermat fis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kienet semmiet, fil-punt 235 tal-imsemmija sentenza, li l-użu tal-Artikolu 308 KE kien jippermetti lill-Parlament li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali, xorta jibqa’ l-fatt li din l-osservazzjoni kienet ġiet ippreżentata biss biex tikkompleta l-motivazzjoni prinċipali tal-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq l-għanijiet tat-Trattat KE.

    38

    Barra minn hekk, l-argument tal-Parlament li l-Unjoni tista’ tadotta miżuri li jirrigwardaw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bl-involviment tiegħu biss jidher kontradett mill-Artikolu 215(3) TFUE, li jgħid li l-“atti previsti f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali”. Din id-dispożizzjoni tagħmilha ċara li att adottat skont l-artikolu msemmi jista’ jaffettwa d-drittijiet fundamentali.

    39

    Il-Kunsill isostni wkoll li l-Artikolu 215 TFUE għandu l-għan li jippermettilu jadotta miżuri direttament applikabbli għall-operaturi ekonomiċi. Din id-dispożizzjoni tikkontribwixxi biex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq komuni.

    40

    Fir-rigward tar-relazzjoni bejn ir-regolament ikkontestat u l-PESK, il-Kunsill isemmi t-theddida partikolari li tirrappreżenta Al-Qaida. Dan ir-regolament jikkostitwixxi l-qafas li fih l-Unjoni timplementa l-obbligi li għandha skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Ma jkunx irraġonevoli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà sabiex tiġi stabbilita l-bażi legali xierqa.

    41

    Fl-aħħar nett, il-Kunsill jenfasizza li t-Trattat ta’ Lisbona ma ppreġudikax id-delimitazzjoni bejn il-PESK u l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja. Bil-kontra, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 TUE ġiet enfasizzata l-importanza ta’ linja li tiddelimita b’mod ċar iż-żewġ oqsma. Għaldaqstant, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li r-regolament ikkontestat għandu għan li jirrigwarda l-PESK, l-Artikolu 215(2) TFUE ikun jikkostitwixxi l-unika bażi possibbli għall-adozzjoni tiegħu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    – Osservazzjonijiet preliminari

    42

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jwasslu għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Jekk l-eżami ta’ miżura juri li għandha żewġ għanijiet jew li għandha żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti tagħha huwa identifikabbli bħala prinċipali, filwaqt li l-ieħor ikun biss sekondarju, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Fir-rigward ta’ miżura li ssegwi fl-istess ħin diversi għanijiet jew li għandha diversi komponenti li huma marbutin flimkien b’mod indissoċjabbli, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju għall-ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta dispożizzjonijiet differenti tat-Trattat KE jkunu applikabbli, tali miżura għandha tkun ibbażata, b’mod eċċezzjonali, fuq il-bażijiet legali korrispondenti differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, b’mod partikolari fil-punti 17 sa 21 tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “Diossidu tat-titanju” (C-300/89, Ġabra p. I-2867), li r-rikors għal bażi legali doppja huwa eskluż meta l-proċeduri previsti minn kull waħda minn dawn il-bażijiet legali huma inkompatibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Minkejja li huwa fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza Diossidu tat-titanju, iċċitata iktar ’il fuq, inkompatibbiltà bejn din il-proċedura, prevista minn waħda miż-żewġ bażijiet legali inkwistjoni fl-imsemmija sentenza, u l-vot unanimu wara sempliċi konsultazzjoni tal-Parlament, previst mill-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu adottat, fil-ġurisprudenza ulterjuri tagħha, approċċ simili fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 KE msejħa ta’ “ko-deċiżjoni” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-178/03, Ġabra p. I-107, punti 58 u 59, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 76 sa 79). Tali approċċ jibqa’ validu, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

    47

    F’dan il-każ, jekk l-Artikolu 75 TFUE jipprovdi għall-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li timplika l-vot b’maġġoranza kwalifikata fi ħdan il-Kunsill u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament fil-proċedura, l-Artikolu 215(2) TFUE jimplika biss, min-naħa tiegħu, li l-Parlament jiġi informat. Barra minn hekk, bil-kontra tal-użu tal-Artikolu 75 TFUE, l-użu tal-Artikolu 215(2) TFUE jeżiġi l-eżistenza minn qabel ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt il-PESK, jiġifieri deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, li jipprovdi għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi bħal dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni. L-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni timplika, b’mod ġenerali, il-vot unanimu fi ħdan il-Kunsill li jiddeċiedi waħdu.

    48

    Differenzi bħal dawn huma tali li jirrendu inkompatibbli l-imsemmija proċeduri.

    49

    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, anki jekk jingħad li r-regolament ikkontestat għandu fl-istess ħin diversi għanijiet jew diversi komponenti li huma marbutin bejniethom b’mod indissoċjabbli, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju għall-ieħor, id-differenzi fil-proċeduri applikabbli skont l-Artikoli 75 TFUE u 215(2) TFUE jipprekludu l-possibbiltà li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu akkumulati waħda mal-oħra sabiex iservu bħala bażi legali doppja ta’ att bħar-regolament ikkontestat.

    – Fuq ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE u l-Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE

    50

    Il-partijiet jaqblu li l-bażi legali tar-regolament ikkontestat għandha, bħala regola ġenerali, tikkorrispondi għal dik tar-Regolament Nru 881/2002, adottat abbażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE.

    51

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, wara modifiki li saru fid-dritt primarju wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-kontenut tal-Artikolu 60 KE, rigward miżuri restrittivi f’dak li jikkonċerna l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ Stat terz jew ma’ diversi Stati terzi, huwa rifless fl-Artikolu 215 TFUE.

    52

    Fil-fatt, dan l-aħħar artikolu, inkluż fil-parti tat-Trattat FUE rigward l-azzjoni esterna tal-Unjoni, isemmi, bħall-Artikolu 301 KE, l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ Stat terz jew ma’ diversi Stati terzi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 301 KE u l-Artikolu 215(1) TFUE huma miktuba b’mod simili. Fir-rigward tal-Artikolu 60 KE, li kien applikabbli fil-każijiet previsti fl-Artikolu 301 KE u li kien jipprovdi għall-applikazzjoni tal-proċedura msemmija f’dan l-istess artikolu, l-Artikolu 215(1) TFUE jinkludi riferiment għar-relazzjonijiet finanzjarji sabiex ikopri l-oqsma msemmija qabel mill-imsemmi Artikolu 60.

    53

    Barra minn hekk, l-Artikolu 215(2) TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali, jiġifieri miżuri li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kienu jeżiġu l-inklużjoni wkoll tal-Artikolu 308 KE fil-bażi legali tagħhom jekk id-destinatarji tagħhom ma kellhom l-ebda rabta mas-sistema regolatorja ta’ Stat terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 216).

    54

    Fir-rigward tal-Artikolu 75 TFUE, il-kuntest u l-kontenut tiegħu huwa differenti minn dak tal-Artikoli 60 KE u 301 KE. Fil-fatt, l-Artikolu 75 TFUE ma jsemmix l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ Stat terz jew ma’ diversi Stati terzi. Inkluż fit-tielet parti tat-Trattat FUE rigward il-politiki u l-azzjonijiet interni tal-Unjoni, b’mod iktar preċiż fit-Titolu V ta’ din il-parti, intitolat “L-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”, dan l-artikolu jsemmi biss id-definizzjoni, għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-attivitajiet konnessi miegħu kif ukoll għall-ġlieda kontra dawn il-fenomeni, meta dan ikun mitlub mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 67 TFUE, ta’ qafas għal miżuri amministrattivi rigward il-movimenti tal-kapitali u tal-ħlasijiet.

    – Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 215 TFUE

    55

    Għandu jiġi eżaminat il-kliem tal-Artikolu 215 TFUE, il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għanijiet segwiti minnu, meta mqabbla ma’ dawk segwiti mill-Artikolu 75 TFUE, qabel ma jiġi stabbilit, fid-dawl tal-iskop u tal-kontenut tar-regolament ikkontestat, jekk l-Artikolu 215(2) TFUE jikkostitwixxix il-bażi legali xierqa tal-imsemmi regolament.

    56

    L-Artikolu 215 TFUE jinsab taħt it-Titolu IV, intitolat “Il-miżuri restrittivi”, tal-ħames parti tat-Trattat FUE rigward l-azzjoni esterna tal-Unjoni.

    57

    Il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu jirrigwarda l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ Stat terz jew ma’ diversi Stati terzi. F’dan il-kuntest, il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jirreferi għall-adozzjoni mill-Kunsill ta’ “miżuri restrittivi [...] kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali”, mingħajr ma jirreferi speċifikament għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u mingħajr ma jillimita l-imsemmija miżuri biss għall-miżuri li jikkonċernaw il-movimenti tal-kapitali u tal-ħlasijiet.

    58

    Barra minn hekk, b’mod differenti mill-Artikolu 75 TFUE, l-Artikolu 215(2) TFUE jipprovdi, kif isemma fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li huwa jista’ jintuża biss meta deċiżjoni li taqa’ taħt il-PESK tipprovdi għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali. L-Artikolu 75 TFUE jindika, min-naħa tiegħu, li huwa jista’ jintuża meta l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 67 TFUE jitolbuh, jiġifieri fil-kuntest tat-twettiq ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.

    59

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 197 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li ġie stabbilit pont bejn l-azzjonijiet tal-Komunità li jinvolvu miżuri ekonomiċi taħt l-Artikoli 60 KE u 301 KE u l-għanijiet tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona, fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, fosthom il-PESK. L-Artikolu 215 TFUE jipprovdi b’mod espliċitu għal tali pont, u dan ma huwiex il-każ fl-Artikolu 75 TFUE, li ma jistabbilixxi l-ebda rabta mad-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK.

    60

    Fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 215 TFUE ma jinkludi l-ebda indikazzjoni li miżuri intiżi għall-ġlieda kontra l-imsemmija terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, adottati kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali, ma jistgħux jikkostitwixxu l-miżuri restrittivi previsti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li, minkejja li la l-Artikolu 60 KE u lanqas l-Artikolu 301 KE ma jagħmlu riferiment espliċitu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkostitwixxu madankollu l-bażi legali għall-adozzjoni, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ta’ miżuri restrittivi intiża għall-ġlieda kontra dan il-fenomenu (ara, f’dan ir-rigward, il-miżuri inkwistjoni fis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq).

    61

    Jekk il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu tista’ ċertament tagħmel parti mill-għanijiet tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 3(2) TUE, l-għan intiż għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-finanzjament tiegħu sabiex tiġi ppreservata l-paċi u s-sigurtà fuq il-livell internazzjonali jikkorrispondi madankollu għall-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati rigward l-azzjoni esterna tal-Unjoni.

    62

    Fil-fatt, l-Artikolu 21(2)(c) TUE, li jaqa’ taħt il-Kapitolu 1, dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali rigward l-azzjoni esterna tal-Unjoni, tat-Titolu V tat-Trattat UE, jipprovdi li “[l]-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem sabiex tassigura grad għoli ta’ koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex [...] tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-PESK, għandu jiġi osservat li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(1) TUE, il-“kompetenza ta’ l-Unjoni f’materji ta’ [PESK] għandha tkopri l-oqsma kollha tal-politika estera u l-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà ta’ l-Unjoni, inkluż it-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni, li tista’ twassal għal difiża komuni”.

    63

    Meta t-terroriżmu jikkostitwixxi theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, l-azzjonijiet immexxija mill-Unjoni fil-kuntest tal-PESK kif ukoll il-miżuri adottati għall-applikazzjoni ta’ din il-politika fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-miżuri restrittivi fis-sens tal-Artikolu 215(2) TFUE jista’ jkollhom bħala għan il-ġlieda kontra l-imsemmi terroriżmu.

    64

    Din l-affermazzjoni hija kkorroborata, b’mod partikolari, mill-kontenut tal-Artikolu 43(1) TUE, li minnu jirriżulta li l-missjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni “jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż bl-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom”.

    65

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 215(2) TFUE huwa intiż sabiex jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ miżuri restrittivi, inklużi miżuri intiżi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali, adottati mill-Unjoni meta d-deċiżjoni li jiġu adottati l-imsemmija miżuri taqa’ taħt l-azzjoni ta’ din fil-kuntest tal-PESK.

    66

    Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn l-Artikoli 75 TFUE u 215(2) TFUE jaqgħu taħt politiki differenti tal-Unjoni Ewropea, li jsegwu għanijiet ċertament komplementari, imma li ma għandhomx l-istess kamp ta’ applikazzjoni, ma jidhirx li l-Artikolu 75 TFUE jista’ jitqies bħala bażi legali iktar speċifika mill-Artikolu 215(2) TFUE.

    – Fuq l-għan u l-kontenut tar-regolament ikkontestat

    67

    Ir-Regolament Nru 881/2002, emendat mir-regolament ikkontestat, jikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-punti 3 sa 5 ta’ din is-sentenza, wieħed mill-istrumenti li permezz tiegħu l-Unjoni implementat azzjoni deċiża fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà u intiża biex tippreżerva l-paċi u s-sigurtà internazzjonali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tal-preambolu tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002)], jiġifieri l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi fir-rigward ta’ persuni u entitajiet indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u li l-Unjoni sempliċement tirriproduċi l-lista tagħhom. Huwa stabbilit, f’dan ir-rigward, li t-terroriżmu li jimplika persuni u entitajiet marbuta ma’ Usama Bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u mat-Taliban huwa fenomenu ta’ dimensjoni internazzjonali.

    68

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fil-punti 169 u 184 tas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-iskop essenzjali u l-għan tar-Regolament Nru 881/2002 huma li jiġġieldu t-terroriżmu internazzjonali. Dan l-għan tar-Regolament Nru 881/2002 huwa mfakkar fil-11-il premessa tar-regolament ikkontestat, li tipprovdi li “[l-]iskop tar-Regolament […] Nru 881/2002 huwa li jipprevjeni r-reati terroristiċi, inkluż l-iffinanzjar tat-terroriżmu, sabiex jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali”.

    69

    Kif il-Parlament stess enfasizza, ir-regolament ikkontestat jillimita ruħu li jifformula mill-ġdid jew jikkjarifika dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 881/2002 jew li jiffaċilita l-applikazzjoni tagħhom, mingħajr ma jibdel bl-ebda mod il-kontenut ta’ dan tal-aħħar.

    70

    Mir-raba’ sad-disa’ premessa tar-regolament ikkontestat jirriżulta li dan jaqbel mal-approċċ tar-Regolament Nru 881/2002 u jikkompletah peress li għandu, b’mod iktar speċifiku, l-għan li jikkonċilja, skont is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali.

    71

    Għal dan il-għan, ir-regolament ikkontestat jistabbilixxi proċedura ta’ inklużjoni fil-lista li tiggarantixxi li d-drittijiet fundamentali tad-difiża, u b’mod partikolari dak għal smigħ, jiġu rrispettati. Flimkien mal-Pożizzjoni Komuni 2004/402, ir-Regolament Nru 881/2002 u r-regolament ikkontestat jistabbilixxu, għaldaqstant, sistema ta’ interazzjoni bejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet u l-Unjoni.

    72

    Minn dak li ntqal jirriżulta li, fid-dawl tal-għanijiet kif ukoll tal-kontenut tiegħu, ir-regolament ikkontestat huwa marbut ma’ deċiżjoni adottata mill-Unjoni fil-kuntest tal-PESK.

    73

    Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Parlament, l-inklużjoni tal-Artikolu 308 KE fil-bażi legali tar-Regolament Nru 881/2002 ma hijiex tali li tinvalida din il-konklużjoni. Jekk huwa minnu li att li jaqa’ taħt il-PESK ma setax ikollu bħala bażi waħdanija l-Artikolu 308 KE, jibqa’ l-fatt li dan l-artikolu seta’, kif ġie kkonstatat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, jikkompleta l-bażi legali ta’ att adottat abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE sabiex ikopri l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li d-destinatarji tagħhom huma persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali li ma għandhom l-ebda rabta mas-sistema regolatorja ta’ Stat terz. Tali bażi legali komplementari ma għadhiex meħtieġa minn meta l-Artikolu 215(2) TFUE jipprovdi b’mod espliċitu għall-possibbiltà li jiġu adottati, abbażi tiegħu, miżuri li għandhom tali destinatarji.

    74

    Barra minn hekk, l-argument tal-Parlament li ma huwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-ġlieda kontra t-terroriżmu “intern” u, min-naħa l-oħra, dik kontra t-terroriżmu “estern” ma jidhirx li jista’ jqiegħed f’dubju l-għażla tal-Artikolu 215(2) TFUE bħala bażi legali tar-regolament ikkontestat.

    75

    Fil-fatt, l-Artikolu 215(2) TFUE jipprovdi, kif jirriżulta mill-punt 65 ta’ din is-sentenza, il-bażi legali xierqa għall-adozzjoni, wara deċiżjoni meħuda fil-kuntest tal-PESK, ta’ miżuri restrittivi meħuda għall-applikazzjoni ta’ din il-politika fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet implikati f’atti ta’ terroriżmu.

    76

    F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li r-regolament ikkontestat jemenda r-Regolament Nru 881/2002, li jikkostitwixxi, kif ġie kkonstatat fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, wieħed mill-istrumenti li permezz tiegħu l-Unjoni implementat azzjoni deċiża fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà u intiża sabiex tippreżerva l-paċi u s-sigurtà fuq il-livell internazzjonali. Barra minn hekk, bħal ma tfakkar fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, ir-regolament ikkontestat, fid-dawl tal-għanijiet kif ukoll tal-kontenut tiegħu, huwa marbut ma’ deċiżjoni meħuda mill-Unjoni fil-kuntest tal-PESK.

    77

    Minbarra dan, jekk il-Parlament jikkontesta, fil-kuntest tat-tieni motiv, il-fatt li l-Pożizzjoni Komuni 2002/402 tista’ tikkorrispondi għal deċiżjoni li taqa’ taħt il-PESK fis-sens tal-Artikolu 215(2) TFUE, huwa madankollu ma qegħedx f’dubju l-fatt li din il-Pożizzjoni Komuni, peress li ppermettiet l-adozzjoni tar-Regolament Nru 881/2002 b’mod konformi mal-Artikoli 60 KE u 301 KE, setgħet validament tkun ibbażata fuq it-Titolu V tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri t-titolu tal-imsemmi trattat iddedikat għall-PESK.

    78

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-Artikolu 215(2) TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa ta’ miżuri, bħalma huma dawk inkwistjoni f’dan il-każ, li huma indirizzati għal destinatarji implikati f’atti ta’ terroriżmu li, fid-dawl tal-attivitajiet tagħhom fuq il-livell dinji u tad-dimensjoni internazzjonali tat-theddida li huma jirrappreżentaw, jaffettwaw essenzjalment l-azzjoni esterna tal-Unjoni.

    – Fuq l-impatt tal-għażla bejn l-Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE fuq il-prerogattivi tal-Parlament

    79

    Jekk huwa minnu li l-għażla bejn l-Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE inkwantu bażi legali tar-regolament ikkontestat għandha impatt fuq il-prerogattivi tal-Parlament sa fejn l-ewwel wieħed jipprovdi għall-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, filwaqt li, skont it-tieni artikolu, il-Parlament huwa biss informat, dan il-fatt ma jistax madankollu jiddetermina l-għażla tal-bażi legali.

    80

    Fil-fatt, kif jenfasizza l-Kunsill, ma humiex il-proċeduri li jiddefinixxu l-bażi legali ta’ att, iżda l-bażi legali ta’ att li tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar.

    81

    Huwa minnu li l-parteċipazzjoni tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv hija r-riflessjoni, fuq il-livell Komunitarju, ta’ prinċipju demokratiku fundamentali, li l-popli jipparteċipaw fl-eżerċizzju tas-setgħa permezz tal-intermedjarju ta’ assemblea rappreżentattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, Roquette Frères vs Il-Kunsill, 138/79, Ġabra p. 3333, punt 33, u Diossidu tat-titanju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

    82

    Madankollu, id-differenza bejn l-Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE rigward l-involviment tal-Parlament tirriżulta minn għażla magħmula mill-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona li jagħtu rwol iktar limitat lill-Parlament fir-rigward tal-azzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK.

    83

    Fir-rigward tal-argument tal-Parlament li huwa kontra d-dritt tal-Unjoni li wieħed ikun jista’ jadotta miżuri li jkollhom effett dirett fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi u tal-gruppi permezz ta’ proċedura li teskludi l-parteċipazzjoni tal-Parlament, għandu jiġi osservat li l-obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali huwa indirizzat, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, lill-istituzzjonijiet kollha, u lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont il-kliem kemm tal-Artikolu 75 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 215(2) TFUE, l-atti koperti minn dawn iż-żewġ artikoli jinkludu dispożizzjonijiet meħtieġa fil-qasam tal-garanziji legali.

    84

    Għaldaqstant, att, bħar-regolament ikkontestat, li jinkludi garanziji rigward ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jinsabu fil-lista jista’ jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE. L-argument bil-kontra li tali att jista’ jiġi adottat biss abbażi tal-Artikolu 75 TFUE ifisser, barra minn hekk, li l-Artikolu 215 TFUE titneħħielu ħafna mill-effettività tiegħu, meta l-obbligu ta’ konformità mad-drittijiet fundamentali huwa impost ukoll fuq l-att tal-Unjoni li jimplementaw riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 285, 299 u 326).

    85

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li r-regolament ikkontestat huwa ġustament ibbażat fuq l-Artikolu 215(2) TFUE.

    86

    Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet rigward l-użu tal-Artikolu 215 TFUE

    87

    Sa fejn ir-regolament ikkontestat seta’ validament jiġi bbażat fuq l-Artikolu 215 TFUE, għandhom jiġu evalwati l-argumenti ppreżentati mill-Parlament fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet rigward l-użu ta’ dan l-artikolu.

    L-argumenti tal-partijiet

    88

    It-tieni motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni rigward proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni u tal-Kummissjoni, u t-tieni parti fuq in-nuqqas ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt il-PESK meħuda qabel ir-regolament ikkontestat.

    – Fuq in-nuqqas ta’ proposta konformi mat-Trattati

    89

    Skont il-Parlament, meta ġie adottat ir-regolament ikkontestat, fit-22 ta’ Diċembru 2009, ma kienx hemm Kummissjoni li setgħet leġittimament tippreżenta proposta konġunta flimkien mar-Rappreżentant Għoli billi l-mandat tal-Kummissjoni maħtura fit-22 ta’ Novembru 2004 skada fil-31 ta’ Ottubru 2009 u l-Kummissjoni l-ġdida bdiet taħdem biss fl-10 ta’ Frar 2010. Anki jekk kien aċċettabbli, fl-interess tal-kontinwità tax-xogħol ta’ din l-istituzzjoni li l-Kummissjoni maħtura fix-xahar ta’ Novembru 2004 tkompli tagħmel ċerti ħidmiet, l-awtorità tagħha kienet tkun limitata għall-ġestjoni ta’ kwistjonijiet kurrenti, jiġifieri deċiżjonijiet ta’ rutina. Hija ma kinitx awtorizzata li tieħu inizjattiva politika ewlenija li temenda l-bażi legali ta’ att li kien ifisser it-telf min-naħa tiegħu tan-natura leġiżlattiva tiegħu u ta’ kull influwenza mill-Parlament u l-parlamenti nazzjonali.

    90

    Il-Parlament jikkunsidra li ma jistax jiġi sostnut li l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli kienet tikkostitwixxi sempliċi kontinwazzjoni tal-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni li aġixxiet waħedha fit-22 ta’ April 2009. Barra minn hekk, il-mod kif ġiet ippreżentata l-proposta ma kienx konformi mar-rwol u r-responsabbiltajiet tar-Rappreżentant Għoli, kif stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona. Ma huwiex konċepibbli li proposta konġunta meħtieġa skont l-Artikolu 215(2) TFUE tista’ tinbidel b’sempliċi approvazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, bi proposta tal-Kummissjoni diġà eżistenti, adottata minn din tal-aħħar qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli, bħala responsabbli tal-PESK, huwa obbligat li jimmotiva b’mod adegwat il-proposta konġunta ppreżentata.

    91

    Il-Kunsill isostni li meta l-mandat tal-Kummissjoni, mogħti fix-xahar ta’ Novembru 2004, skada fil-31 ta’ Ottubru 2009, din baqgħet tiffunzjona fl-istennija tal-ħatra ta’ Kummissjoni ġdida biex tiġi żgurata l-kontinwità meħtieġa tax-xogħol tal-istituzzjoni, kif inhu stabbilit fl-ewwel premessa tad-Deċiżjoni 2010/80/UE tal-Kunsill Ewropew, tad-9 ta’ Frar 2010, dwar il-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 38, p. 7). Il-Parlament baqa’, matul il-perijodu tranżitorju mill-1 ta’ Novembru 2009 sal-10 ta’ Frar 2010, jittratta mal-Kummissjoni daqslikieku kienet kompliet teżisti validament.

    92

    Il-Kunsill jenfasizza li r-regolament ikkontestat ġie adottat abbażi ta’ proposta ta’ regolament tat-22 ta’ April 2009 approvata mir-Rappreżentant Għoli fl-14 ta’ Diċembru 2009. Din il-proposta baqgħet valida wara l-iskadenza tal-mandat tal-Kummissjoni fil-31 ta’ Ottubru 2009. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona kellu bħala l-uniku effett li jemenda l-proċedura li tirregola l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

    93

    Il-Kunsill ifakkar li l-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill, fit-2 ta’ Diċembru 2009, Komunikazzjoni [COM(2009) 665 finali] fuq il-Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa, li kienet tinkludi lista indikattiva ta’ proposti pendenti li hija kienet ippreżentat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u indikat, għal kull proposta minn dawn, il-konsegwenzi marbutin ma’ dan id-dħul fis-seħħ. Il-proposta tar-Regolament tat-22 ta’ April 2009 kienet inkluża f’din il-lista akkumpanjata b’riferiment li jindika li l-bażi legali tagħha kienet inbidlet, mill-Artikoli ta’ qabel 60 KE, 301 KE u 308 KE għall-Artikolu 215 TFUE.

    94

    Anki jekk jiġi ammess li s-sitwazzjoni li fiha kienet il-Kummissjoni hija analoga għal dik prevista fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 246 TFUE, rigward ir-riżenja volontarja tal-membri kollha tal-Kummissjoni, il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li l-Kummissjoni qabżet il-qafas tal-ġestjoni tal-kwistjonijiet kurrenti. Fil-punt 96 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni (T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435), din tal-aħħar iddeċidiet li deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat adottata mill-Kummissjoni wara r-riżenja kollettiva tal-membri tagħha ma kinitx tikkostitwixxi inizjattiva politika ġdida li b’hekk tmur lil hinn mis-setgħat ta’ Kummissjoni limitata għall-ġestjoni ta’ kwistjonijiet kurrenti. Jekk din il-konklużjoni tgħodd għal deċiżjoni ġdida adottata mill-Kummissjoni matul il-perijodu kkunsidrat, hija a fortiori għandha tapplika fiċ-ċirkustanzi fejn proposta preeżistenti baqgħet pendenti. Barra minn dan, tqum il-kwistjoni jekk il-limitazzjoni għall-ġestjoni ta’ kwistjonijiet kurrenti prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 201 KE kinitx tapplika peress li l-Parlament ma kienx adotta l-mozzjoni ta’ ċensura fuq il-ġestjoni tal-Kummissjoni.

    95

    Skont il-Kunsill, il-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni kienet ġiet debitament ippreżentata. Dan approva, fl-14 ta’ Diċembru 2009, il-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta’ April 2009. Ma kien la neċessarju u lanqas possibbli li r-Rappreżentant Għoli jippreżenta espożizzjoni tal-motivi separata. Lanqas ma kien ikun possibbli li huwa jagħmel żidiet b’mod unilaterali mal-espożizzjoni tal-motivi li hemm fil-premessi ta’ din il-proposta.

    – Fuq in-nuqqas ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt il-PESK

    96

    Skont il-Parlament, ir-regolament ikkontestat ma fih l-ebda riferiment għal deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, minkejja li l-Artikolu 215 TFUE jipprovdi għal dan. Il-preambolu ta’ dan ir-regolament jirreferi għall-Pożizzjoni Komuni 2002/402, imma din ma tikkostitiwixxix deċiżjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Pożizzjoni komuni adottata qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ma tistax tiġi kkunsidrata bl-istess mod bħal tali deċiżjoni.

    97

    L-argumenti tal-Kunsill dwar iż-żamma tal-effetti legali tal-imsemmija pożizzjoni komuni skont il-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattati FUE, UE u KEEA, u skont dak li din l-istituzzjoni ssejjaħ il-“prinċipju ta’ kontinwità tal-atti” ma humiex rilevanti. Ma jeżisti l-ebda element f’dan il-protokoll, u lanqas ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxi li pożizzjoni komuni tista’ tieħu post deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE. Il-Kunsill jinjora wkoll il-fatt li tali deċiżjoni nfisha hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju minn parti li għandha locus standi u li l-Qorti tal-Ġustizzja stess tista’ saħansitra tipprojbixxi lill-Kunsill milli jadotta miżuri skont l-Artikolu 215 TFUE.

    98

    Il-Kunsill jenfasizza li r-Regolament Nru 881/2002, preċedut mill-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, jiddefinixxi d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri speċifiċi meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-iffriżar tal-fondi. Anki kieku ġie deċiż li dan ir-regolament jiġi emendat wara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, billi jiżdiedu dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-garanziji proċedurali, ma kienx meħtieġ li tiġi emendata l-Pożizzjoni Komuni 2002/402 u lanqas li tiġi adottata deċiżjoni ġdida PESK għal dan l-iskop. Fil-fatt, meta att li jaqa’ taħt il-PESK li jkun jeħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi jeżisti diġà, billi dan l-att ma jkunx ġie irrevokat, annullat jew emendat, ma jistax ikun meħtieġ li deċiżjoni ġdida li taqa’ taħt il-PESK tiġi adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE. Approċċ bħal dan jinjora l-prinċipju ta’ kontinwità tal-atti stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36).

    99

    Il-Kunsill isostni wkoll li ma jfissirx li peress li issa l-persuni u l-entitajiet elenkati jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-PESK li jimponu miżuri restrittivi kontrihom, kwalunkwe emenda ta’ regolament eżistenti għandha neċessarjament tiġi ppreċeduta bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida fil-kuntest tal-PESK.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    100

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-nuqqas ta’ proposta konformi mat-Trattati, huwa minnu li l-mandat tal-Kummissjoni skada fil-31 ta’ Ottubru 2009 u li din baqgħet fil-kariga sal-10 ta’ Frar 2010 sakemm tlesta l-proċess ta’ ħatra tal-Kummissjoni l-ġdida, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona. Ir-regolament ikkontestat ġie adottat bejn dawn iż-żewġ dati, jiġifieri fit-22 ta’ Diċembru 2009.

    101

    Madankollu, anki jekk jingħad li l-kompetenzi tal-Kummissjoni, wara l-iskadenza tal-mandat ta’ din fil-31 ta’ Ottubru 2009, kienu limitati għall-ġestjoni tal-kwistjonijiet kurrenti, l-imsemmija istituzzjoni setgħet twettaq emenda formali tal-proposta tagħha għal regolament tat-22 ta’ April 2009 f’dak li jirrigwarda l-bażi legali ta’ dan ir-regolament.

    102

    Kif tenfasizza l-Kummissjoni, tali eżerċizzju kien meħtieġ sabiex jippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni jkompli, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, bil-proċedura pendenti.

    103

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, f’dak li jikkonċerna l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni li għalihom ma kienx possibbli, fid-dawl tan-natura u tal-portata ta’ dawn l-atti, li tiġi sempliċement issostitwita l-bażi legali b’waħda ġdida, l-imsemmija proposti ġew, skont il-komunikazzjoni tat-2 ta’ Diċembru 2009, imsemmija fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, irtirati u kellhom jiġu ssostitwiti bi proposti ġodda.

    104

    Fir-rigward tal-argument tal-Parlament rigward il-ħtieġa ta’ proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-Rappreżentant Għoli approva uffiċjalment, fl-14 ta’ Diċembru 2009, il-proposta għal regolament tat-22 ta’ April 2009.

    105

    L-Artikolu 215 TFUE jeżiġi biss l-eżistenza ta’ proposta konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli, mingħajr ma jitlob li r-Rappreżentant Għoli jippreżenta espożizzjoni tal-motivi separata jew jikkompleta dik li tinsab fil-proposta tal-Kummissjoni.

    106

    F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, in-nuqqas ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt il-PESK, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ir-regolament ikkontestat setax jiġi adottat abbażi tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, li kienet il-bażi għar-Regolament Nru 881/2002.

    107

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36), l-effetti legali tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, adottati abbażi tat-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona huma ppreżervati sakemm dawk l-atti jiġu rrevokati, annullati jew emendati skont it-Trattati.

    108

    L-effetti legali tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402 ġew għaldaqstant ippreżervati wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona sakemm din tiġi rrevokata, annullata jew emendata.

    109

    Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li t-Trattat UE ma għadux jipprovdi għall-adozzjoni ta’ pożizzjonijiet komuni, imma ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK ma għandux l-effett li jirrendi ineżistenti l-pożizzjonijiet komuni adottati taħt it-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel it-Trattat ta’ Lisbona, għaliex kieku dan kien il-każ l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) jitneħħielu ħafna mill-effettività tiegħu.

    110

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-kuntest ġuridiku ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ atti legali ma huwiex identiku, il-pożizzjonijiet komuni li ma ġewx irrevokati, annullati jew emendati wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jistgħu jitqiesu li jikkorrispondu, għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 215 TFUE, mad-deċiżjonijiet adottati b’mod konformi mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE li jirreferi għalihom l-imsemmi artikolu.

    111

    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    112

    Peress li l-ebda wieħed mill-motivi invokati mill-Parlament insostenn tar-rikors tiegħu ma huwa fondat, hemm lok li l-imsemmi rikors jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    113

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kunsill. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tal-istess artikolu, l-intervenjenti f’din il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    3)

    Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq