Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CJ0378

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012.
    VALE Építési kft.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Legfelsőbb Bíróság.
    Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività — Tibdil transkonfinali — Rifjut ta’ iskrizzjoni fir-reġistru.
    Kawża C-378/10.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:440

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    12 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

    “Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività — Tibdil transkonfinali — Rifjut ta’ iskrizzjoni fir-reġistru”

    Fil-Kawża C-378/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Legfelsőbb Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2010, li wasslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Lulju 2010, fil-kuntest ta’ talba għal iskrizzjoni fir-reġistru tal-kumpannija mressqa minn

    VALE Építési kft

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President ta’ Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Settembru 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal VALE Építési Kft., minn P. Metzinger, ügyvéd,

    għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, K. Szíjjártó u K. Veres, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

    għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn M. Collins, SC, B. Doherty, BL, u J. Buttimore, BL, kif ukoll minn L. Williams,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway u H. Walker, bħala aġenti, assistiti minn M. K. Beal, barrister,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u A. Sipos, kif ukoll minn K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

    għall-Awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA, minn X. Lewis u F. Simonetti, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE tressqet fil-kuntest ta’ kawża dwar tibdil transkonfinali ta’ kumpannija rregolata mid-dritt Taljan f’kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż.

    Id-dritt nazzjonali

    2

    Il-Liġi Nru V tal-2006, dwar l-informazzjoni relatata mal-kumpanniji, il-proċedura ġudizzjarja tar-reġistrazzjoni tal-kumpanniji u t-tqegħid fi stralċ volontarju (A cégnyilvánosságról, a bírósági cégeljárásról és a végelszámolásról szóló 2006. évi V. törvény) tipprovdi fl-Artikolu 25 tagħha:

    “1)

    Skont kif meħtieġ, ir-reġistru tal-kumpanniji għandu jinkludi, għall-kumpanniji kollha:

    […]

    g)

    l-isem tal-kumpannija u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-predeċessura jew tal-predeċessuri fid-dritt, u tas-suċċessura jew tas-suċċessuri fid-dritt tal-kumpannija, u, fil-każ fejn il-kumpannija ddeċidiet dwar it-tibdil tagħha, id-data li hija stabbiliet għaliha,

    […]”

    3

    L-Artikolu 57(4) ta’ din il-liġi jipprovdi:

    “Il-qorti tal-kumpanniji li fil-qasam territorjali tagħha tinsab is-sede tal-predeċessura fid-dritt għandha tiddeċiedi fuq it-talba għal bidla fil-forma tal-kumpannija. Il-qorti għandha tipproċedi għat-tħassir tal-predeċessura, billi tindika s-suċċessura fid-dritt tagħha, u tniżżel is-suċċessura fir-reġistru. Il-qorti għandha tiddeċiedi jekk hemmx lok li d-dokumenti tal-kumpannija jiġu kkomunikati lill-qorti tal-kumpanniji li fil-qasam territorjali tagħha tinsab is-sede tas-suċċessura.”

    4

    Il-Liġi Nru IV tal-2006, dwar il-kumpanniji kummerċjali (A gazdasági társaságokról szóló 2006. évi IV. törvény; iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali”), tipprevedi fl-Artikolu 69(1) tagħha:

    “Bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja ta’ din il-liġi, ir-regoli li jirregolaw il-kostituzzjoni tal-kumpanniji kummerċjali huma applikabbli f’każ ta’ tibdil ta’ kumpannija kummerċjali. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi fil-qasam tat-tibdil li jinsabu fost ir-regoli speċifiċi għal kull forma ta’ kumpannija, huma wkoll applikabbli.”

    5

    Skont l-Artikolu 71 ta’ din il-liġi:

    “1)

    Bla ħsara għal stipulazzjoni kuntrarja fl-istatut tal-kumpannija, il-korp suprem tal-kumpannija kummerċjali għandu jieħu deċiżjoni fir-rigward tat-tibdil f’żewġ fażijiet […]

    2)

    […] [F]l-ewwel fażi, il-korp jevalwa, abbażi ta’ proposta mid-diriġenti eżekuttivi — wara konsultazzjoni mal-kumitat ta’ sorveljanzja, jekk il-kumpannija kummerċjali għandha tali kumitat -, jekk is-soċji (azzjonisti) tal-kumpannija japprovawx l-intenzjoni li din tiġi mibdula, wara huwa jiddeċiedi fuq il-forma ġuridika tal-kumpannija li tirriżulta mit-tibdil u jidentifika s-soċji (l-azzjonisti) tal-kumpannija li jixtiequ jsiru soċji (azzjonisti) ta’ din tal-aħħar.

    3)

    Jekk l-intenzjoni ta’ tibdil tal-kumpannija kummerċjali hija approvata mill-maġġoranza tas-soċji (azzjonisti) meħtieġa għall-forma ta’ kumpannija inkwistjoni, il-korp suprem għandu jiddetermina d-data ta’ referenza għall-karti tal-bilanċ tagħha, jaħtar kontabilist iċċertifikat u jafda lid-diriġenti eżekuttivi tal-kumpannija l-kompitu li jħejju l-abbozzi tal-karti tal-bilanċ u l-abbozzi tal-inventarji relatati mal-attiv, kif ukoll id-dokumenti l-oħra kollha neċessarji sabiex tittieħed id-deċiżjoni ta’ tibdil, kemm jekk huma meħtieġa mil-liġi jew determinati mill-korp suprem.

    4)

    Id-diriġenti eżekuttivi għandhom jippreparaw l-abbozzi tal-karti tal-bilanċ u tal-inventarji tal-attiv tal-kumpannija kummerċjali li għandha tiġi mibdula, l-abbozzi tal-karti tal-bilanċ u tal-inventarji tal-attiv (inizjali) tal-kumpannija li tirriżulta mit-tibdil, l-abbozz tal-istatut relatat magħha, kif ukoll abbozz tal-arranġamenti mal-persuni li ma jixtiequx isiru soċji (azzjonisti) tal-kumpannija li tkun irriżultat mit-tibdil.

    [...]”

    6

    L-Artikolu 73 tal-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-tfassil tal-abbozz tal-karta tal-bilanċ u dwar il-verifika tiegħu mill-kontabilisti ċertifikati indipendenti u l-Artikolu 74 ta’ din il-liġi jikkonċerna l-adozzjoni, mill-kumpannija, tal-abbozz tal-karta tal-bilanċ kif ukoll it-tqassim tal-kapital fil-kumpannija l-ġdida.

    7

    Skont l-Artikolu 75 tal-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali, il-korpi ta’ rappreżentanza tal-persunal tal-kumpannija kummerċjali għadhom ikunu informati bid-deċiżjoni ta’ tibdil tagħha, li għandha tidher f’żewġ edizzjonijiet suċċessivi tal-Bullettin tal-kumpanniji, li jinkludu, b’mod partikolari, avviż lill-kredituri.

    8

    Skont l-Artikolu 76(2) ta’ din il-liġi, il-kredituri li l-krediti tagħhom ma jistgħux jiġu infurzati kontra l-kumpannija li qed tinbidel li tnisslu qabel mad-deċiżjoni ta’ tibdil ġiet ikkomunikata l-ewwel darba jistgħu jitolbu lil din il-kumpannija tagħti garanzija ekwivalenti għall-ammont tal-krediti tagħhom.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    VALE Costruzioni Srl (kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Taljan , iktar ’il quddiem “VALE Costruzioni”), ikkostitwita b’att tas-27 ta’ Settembru 2000, kienet tniżżlet fir-reġistru tal-kumpanniji ta’ Ruma (l-Italja) fis-16 ta’ Novembru 2000. Fit-3 ta’ Frar 2006, hija talbet li titħassar minn dan ir-reġistru filwaqt li indikat l-intenzjoni tagħha li tittrasferixxi s-sede tagħha u l-attività tagħha fl-Ungerija, u li twaqqaf l-attività tagħha fl-Italja. Skont din it-talba, l-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru f’Ruma pproċediet għat-tħassir ta’ din il-kumpannija fit-13 ta’ Frar 2006. Kif jirriżulta mill-proċess, fir-reġistru, taħt it-titolu “Tħassir u trasferiment tas-sede”, tniżżel li “l-kumpannija ċċaqalqet l-Ungerija”.

    10

    Peress li l-kumpannija kkostitwita oriġinarjament fl-Italja skont id-dritt Taljan kienet iddeċidiet li tittrasferixxi s-sede tagħha fl-Ungerija u li topera hemmhekk skont id-dritt Ungeriż, fl-14 ta’ Novembru 2006, id-direttur ta’ Vale Costruzione u persuna fiżika oħra approvaw l-istatuti ta’ Vale Építési Kft. (kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ungeriż, iktar ’il quddiem “VALE Építési”) bil-għan li din titniżżel fir-reġistru tal-kumpanniji fl-Ungerija. Barra min hekk, il-kapital sar disponibbli sal-estent meħtieġ, skont il-liġi Ungeriża, għall-iskrizzjoni fir-reġistru.

    11

    Fid-19 ta’ Jannar 2007, ir-rappreżentant ta’ VALE Építési ressaq talba quddiem il-Fővárosi Bíróság (Qorti ta’ Budapest, l-Ungerija) fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ cégbíróság (Qorti Kummerċjali) sabiex il-kumpannija tiġi rreġistrata skont id-dritt Ungeriż. Fit-talba tiegħu, huwa indika lil VALE Costruzioni bħala predeċessura fid-dritt ta’ VALE Építési.

    12

    Il-Fővárosi Bíróság, hija hu tiddeċiedi fil-kapaċità tagħha ta’ qorti kummerċjali fl-ewwel istanza, ċaħdet it-talba għal reġistrazzjoni. Fit-tieni istanza, il-Fővárosi Ítélőtábla (Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Budapest), adita minn VALE Építési, ikkonfermat dan id-digriet ta’ ċaħda. Skont din il-qorti, kumpannija kkostitwita u rreġistrata fl-Italja ma tistax, skont ir-regoli Ungeriżi applikabbli għall-kumpanniji, tittrasferixxi s-sede tagħha fl-Ungerija u ma tistax tiġi rreġistrata hemmhekk fil-forma mitluba. Skont din il-qorti, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ungeriż fis-seħħ, fir-reġistru tal-kumpanniji jistgħu jidhru biss id-dettalji enumerati fl-Artikoli 24 sa 29 tal-Liġi Nru V tal-2006 u, għaldaqstant, ma huwiex possibbli li tiġi indikata bħala predeċessura fid-dritt kumpannija li ma hijiex Ungeriża.

    13

    VALE Építési ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Legfelsőbb Bíróság (Qorti Suprema), sabiex tikseb l-annullament tad-digriet ta’ ċaħda u sabiex tiġi ordnata l-iskrizzjoni tagħha fir-reġistru tal-kumpanniji. Hija ssostni li d-digriet ikkontestat jikser id-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE.

    14

    F’dan ir-rigward, hija tirrileva li dan id-digriet jonqos milli jirrikonoxxi d-differenza fundamentali bejn, minn naħa, it-tibdil internazzjonali tas-sede ta’ kumpannija mingħajr bidla fid-dritt nazzjonali applikabbli u, min-naħa l-oħra, it-tibdil internazzjonali ta’ kumpannija. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C-210/06, Ġabra p. I-9641), manifestament irrikonoxxiet din id-differenza.

    15

    Il-qorti tar-rinviju kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Fővárosi itélőtábla u tirrileva li t-trasferiment tas-sede ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika Taljana, b’rikostituzzjoni tal-kumpannija skont id-dritt Ungeriż u bl-indikazzjoni tal-kumpannija oriġinali Taljana, kif titlob VALE Építési, ma jistax jiġi meqjus, fid-dritt Ungeriż, bħala tibdil, peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-tibdil japplikaw biss għal sitwazzjonijiet nazzjonali. Madankollu, hija tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-libertà ta’ stabbiliment, filwaqt li tenfasizza li l-każ inkwistjoni huwa differenti mill-kawża li tat lok għas-sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, inkwantu dan il-każ jikkonċerna trasferiment ta’ sede ta’ kumpannija b’bidla fid-dritt nazzjonali applikabbli biż-żamma tal-personalità ġuridika, jiġifieri tibdil transkonfinali.

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Legfelsőbb Bíróság iddeċidiet illi tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikoli [49 TFUE u 54 TFUE] meta kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor (l-Istat ta’ oriġini) titrasferixxi s-sede tagħha hemmhekk, filwaqt li kienet ġiet imħassra — għal din ir-raġuni — mir-reġistru tal-kumpanniji tal-Istat Membru ta’ oriġini, meta l-azzjonisti tal-kumpannija japprovaw l-att kostituttiv il-ġdid redatt skont id-dritt tal-Istat ospitanti u meta l-kumpannija titlob ir-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-kumpanniji tal-Istat Membru ospitanti skont id-dritt tiegħu?

    2)

    Jekk l-ewwel domanda kellha tiġi risposta fl-affermattiv, l-Artikoli [49 TFUE u 54 TFUE] għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi ta’ Stat Membru (ospitanti) li tiċħad lil kumpannija regolament stabbilita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor (ta’ oriġini) id-dritt li tittrasferixxi s-sede tagħha fl-Istat ospitanti u li hemmhekk tkompli l-attività tagħha skont id-dritt ta’ dan l-Istat?

    3)

    Huwa importanti, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, li tittieħed inkunsiderazzjoni r-raġuni li għaliha l-Istat Membru ospitanti jiċħad lill-kumpannija li tagħmel l-applikazzjoni, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru, u iktar partikolarment

    il-fatt li l-kumpannija li tagħmel l-applikazzjoni ssemmi l-kumpannija stabbilita fl-Istat Membru ta’ oriġni, u mħassra mir-reġistru tal-kumpanniji tiegħu, bħala predeċessura fid-dritt fl-att kostituttiv tagħha irċevut fl-Isat ospitanti u titlob li din il-predeċessura tkun imsemmija fir-reġistru tal-kumpanniji tal-Istat ospitanti bħala l-predeċessura proprju tagħha fid-dritt?

    il-kwistjoni dwar jekk, f’każ ta’ tibdil internazzjonali intra-Komunitarju, l-Istat ospitanti għandux l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni, meta jeżamina applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ kumpannija, l-att tal-Istat Membru ta’ oriġini li bih il-fatt tat-trasferiment tas-sede ġie mniżżel fir-reġistru tal-kumpanniji ta’ dan l-Istat Membru, u, jekk huwa għandu jieħu dan inkunsiderazzjoni, sa fejn?

    4)

    L-Istat Membru ospitanti jista’ jeżamina applikazzjoni għal reġistrazzjoni introdotta f’dan l-Istat minn kumpannija li twettaq tibdil internazzjonali intra-Komunitarju billi japplika r-regoli tad-dritt nazzjonali tiegħu dwar it-tibdil tal-kumpanniji fuq livell nazzjonali, jiġifieri billi jeħtieġ mill-kumpannija li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li d-dritt nazzjonali tiegħu jimponi f’każ ta’ tibdil nazzjonali (pereżempju, il-preparazzjoni ta’ karta tal-bilanċ u ta’ inventarju tal-attivi) jew l-Artikoli [49 TFUE u 54 TFUE] jobbligaw lil dan l-Istat jagħmel distinzjoni bejn tibdil internazzjonali intra-Komunitarju u tibdil fuq livell nazzjonali u, jekk dan huwa l-każ, sa fejn?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    17

    Il-Gvern tar-Renju Unit jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fl-intier tiegħu billi jsostni li d-domandi preliminari huma ta’ natura ipotetika. Fil-fatt dawn id-domandi jikkonċernaw każ ta’ tibdil transkonfinali filwaqt li, abbażi tal-fatti li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, hemm lok li jiġi konkluż li l-operazzjoni inkwistjoni ma tikkorrispondix għal tali tibdil transkonfinali. L-Awtorità ta’ sorveljanza EFTA tqis li t-tielet u r-raba’ domandi huma inammissibbli minħabba li l-kuntest ġuridiku ma huwiex speċifikat b’mod suffiċjentement iddettaljat sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli.

    18

    Għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fl-intier tiegħu, jew tat-tielet u tar-raba’ domandi, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li abbażi tagħha d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li dik il-qorti hija responsabbli li tiddefinixxi, u li l-eżatezza tiegħu ma hijiex kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    Issa, f’dan il-każ, id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE f’kawża reali li tikkonċerna l-iskrizzjoni ta’ VALE Építési fir-reġistru tal-kumpanniji. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala tibdil transkonfinali ta’ kumpannija ma tidhirx li hija irrilevanti peress li mill-proċess jirriżulta li l-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji f’Ruma pproċediet għat-tħassir ta’ VALE COSTRUZIONI billi niżżlet fir-reġistru, taħt it-titolu “Tħassir u trasferiment tas-sede”, li “l-kumpannija ċċaqalqet l-Ungerija”.

    20

    Għal din l-istess raġuni, fid-dawl ta’ separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u din il-qorti, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddikjara l-estinzjoni ta’ VALE Costruzioni minħabba t-tħassir tagħha mir-reġistru tal-kumpanniji f’Ruma. F’dan iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni mitluba ma tistax titqies bħala li ma hijiex relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

    21

    Fl-aħħar, id-deċiżjoni tar-rinviju tiddeskrivi b’mod suffiċjenti l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, u b’hekk tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tifhem is-sens u l-iskop tad-domandi preliminari sabiex hija tkun tista’ tirrispondihom b’mod utli.

    22

    Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll id-diversi domandi tagħha għandhom jitqiesu bħala ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    Fuq l-ewwel żewġ domandi

    23

    Permezz ta’ dawn l-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi għall-kumpanniji rregolati mid-dritt nazzjonali l-possibbiltà li jinbidlu ma tippermettix it-tibdil ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor f’kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali permezz tal-kostituzzjoni ta’ din tal-aħħar.

    – Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE

    24

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali leġiżlazzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 19 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, SEVIC Systems (C-411/03, Ġabra p. I-10805), iddeċidiet li l-operazzjonijiet ta’ tibdil ta’ kumpanniji, bħala regola ġenerali, jaqgħu taħt attivitajiet ekonomiċi li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-libertà ta’ stabbiliment.

    25

    Issa, il-Gvern Ungeriż u Ġermaniż, l-Irlanda kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit isostnu li tali leġiżlazzjoni ma taqax taħt l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE minħabba li tibdil transkonfinali, bid-differenza tal-amalgamazzjoni transkonfinali inkwistjoni fis-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, iwassal għall-kostituzzjoni ta’ kumpannija fl-Istat Membru ospitanti.

    26

    Argument bħal dan ma jistax jiġi aċċettat.

    27

    Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, kumpannija maħluqa skont ordinament ġuridiku nazzjonali tista’ teżisti biss permezz tal-liġi nazzjonali li tiddetermina l-kostituzzjoni u l-funzjonament tagħha (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust, 81/87, Ġabra p. 5483, punt 19, u Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104).

    28

    Bl-istess mod, huwa paċifiku li, skont l-Artikolu 54 TFUE, fin-nuqqas ta’ definizzjoni uniformi mogħtija mid-dritt tal-Unjoni dwar il-kumpanniji li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt ta’ stabbiliment abbażi ta’ kriterju wieħed ta’ rabta li jiddetermina d-dritt nazzjonali applikabbli għal kumpannija, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 49 TFUE japplikax għal kumpannija li tinvoka l-libertà fundamentali stabbilita minn dan l-artikolu tikkostitwixxi kwistjoni preliminari li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, tista’ tingħata risposta biss mid-dritt nazzjonali applikabbli. (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, Ġabra p. I-12273, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Fl-aħħar, Stat Membru għaldaqstant igawdi inkontestabbilment mis-setgħa li jiddefinixxi kemm l-element ta’ rabta meħtieġ minn kumpannija sabiex din tkun tista’ titqies bħala kkostitwita skont id-dritt nazzjonali tiegħu u tista’, għalhekk, tibbenefika mid-dritt ta’ stabbiliment kif ukoll dak meħtieġ sabiex dan l-istatus sussegwentement jinżamm (sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Cartesio, punt 110, u National Grid Indus, punt 27).

    30

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu eventwali, skont l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE, li jiġi permess tibdil transkonfinali la jippreġudika s-setgħa msemmija fil-punt preċedenti tal-Istat Membru ospitanti u lanqas id-determinazzjoni, minnu, tar-regoli li jirregolaw il-kostituzzjoni u l-funzjonament tal-kumpannija li tirriżulta minn tibdil transkonfinali.

    31

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, tali kumpannija hija neċessarjament irregolata biss mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li jirregola l-element ta’ rabta meħtieġ kif ukoll il-kostituzzjoni u l-funzjonament tagħha.

    32

    Għaldaqstant l-espressjoni “sa fejn permess minn din il-liġi”, li tinsab fl-aħħar tal-punt 112 tas-sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tinftiehem bħala li hija intiża sabiex tneħħi, mill-bidu nett, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti dwar it-tibdil ta’ kumpanniji mill-iskop tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, iżda bħala li tirrifletti s-sempliċi kunsiderazzjoni li kumpannija maħluqa skont ordinament ġuridiku nazzjonali teżisti biss abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li “tippermetti” l-kostituzzjoni tal-kumpannija, jekk il-kundizzjonijiet imposti f’dan ir-rigward huma sodisfatti.

    33

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi għall-kumpanniji nazzjonali l-possibbiltà li jinbidlu, ma tippermettix it-tibdil ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE.

    – Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u fuq l-eventwali ġustifikazzjoni tagħha

    34

    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ stabbiliment, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, jimplika l-eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ installazzjoni stabbli fl-Istat Membru ospitanti għal żmien indeterminat. Konsegwentement din tippresupponi installazzjoni reali tal-kumpannija kkonċernata f’ dan l-Istat Membru ospitanti u l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika effettiva fih (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dan il-każ, il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma rrilevawx elementi li juru li l-attivitajiet ta’ VALE Építési ser jibqgħu fl-Italja u li hija ma għandhiex l-intenzjoni li tistabbilixxi realment ruħha fl-Ungerija, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    36

    Għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi biss it-tibdil ta’ kumpannija li diġà għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru kkonċernat, din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi trattament differenti bejn kumpanniji skont in-natura nazzjonali jew transkonfinali tat-tibdil, li hija ta’ natura li tiskoraġġixxi lill-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stati Membri oħra milli jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita mit-Trattat u, għaldaqstant, tikkostitwixxi restrizzjoni skont l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 23).

    37

    Fir-rigward tal-eventwali ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni inkwistjoni, huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 27 tas-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, irrikonoxxiet li l-amalgamazzjonijiet transkonfinali jqajmu problemi speċifiċi, fatt li japplika wkoll għat-tibdil transkonfinali. Fil-fatt, tali tibdil jippresupponi l-applikazzjoni konsekuttiva ta’ żewġ drittijiet nazzjonali.

    38

    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament skont in-natura transkonfinali jew nazzjonali tat-tibdil ma tistax tiġi ġġustifikata min-nuqqas ta’ regoli ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, anki jekk tali regoli huma ċertament utli sabiex jiġi ffaċilitat it-tibdil transkonfinali, l-eżistenza tagħhom ma tistax issir kundizzjoni minn qabel għall-implementazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE (ara, fir-rigward tal-amalgamazzjonijiet transkonfinali, is-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

    39

    Fir-rigward ta’ ġustifikazzjoni minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bħall-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tas-soċji minoritarji u tal-impjegati, kif ukoll iż-żamma tal-effiċjenza tal-kontrolli fiskali u tal-onestà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, huwa paċifiku li tali raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw miżura li tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment bil-kundizzjoni li tali miżura restrittiva hija adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dawn jintlaħqu (ara, is-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 29).

    40

    Issa, f’dan il-każ, tali ġustifikazzjoni ma teżistix. Fil-fatt, id-dritt Ungeriż jirrifjuta, b’mod ġenerali, it-tibdil transkonfinali, fatt li għandu bħala riżultat li jimpedixxi t-twettiq ta’ tali operazzjonijiet, anki meta l-interessi msemmija fil-punt preċedenti ma humiex mhedda, F’kull każ, tali regola tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi sabiex jipproteġu l-imsemmija interessi (ara, fir-rigward tal-amalgamazzjonijiet transkonfinali, is-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi tkun li l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi għal kumpanniji rregolati mid-dritt nazzjonali l-possibbiltà li jinbidlu, ma tippermettix, b’mod ġenerali, it-tibdil ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor f’kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali permezz tal-kostituzzjoni ta’ din tal-aħħar.

    Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

    42

    Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhomx jiġu interpretati, fil-kuntest ta’ tibdil transkonfinali, fis-sens li l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt jiddetermina d-dritt nazzjonali rilevanti għal tali operazzjoni u għaldaqstant japplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu dwar it-tibdil nazzjonali li jirregolaw il-kostituzzjoni u l-funzjonament ta’ kumpannija, bħar-rekwiżiti dwar il-preparazzjoni ta’ karta tal-bilanċ u ta’ inventarju tal-attiv. B’mod iktar partikolari, hija tipprova ssir taf jekk l-Istat Membru ospitanti jistax jirrifjuta, għat-tibdil transkonfinali, l-indikazzjoni tal-“predeċessura fid-dritt”, peress li tali indikazzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji hija prevista għat-tibdil nazzjonali, u jekk u sa fejn dan huwa obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-oriġini waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-kumpannija.

    43

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li peress li d-dritt sekondarju tal-Unjoni ma jipprevedix, fl-istat attwali tiegħu, regoli speċifiċi li jirregolaw it-tibdil transkonfinali, id-dispożizzjonijiet li jippermettu l-implementazzjoni ta’ tali operazzjoni jistgħu jinsabu biss fid-dritt nazzjonali, jiġifieri dak tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-kumpannija li qed tipprova tinbidel u dak tal-Istat Membru ospitanti li fih il-kumpannija li tirriżulta minn dan it-tibdil tkun irreġistrata.

    44

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-implementazzjoni ta’ tibdil transkonfinali teħtieġ l-applikazzjoni konsekuttiva ta’ żewġ drittijiet nazzjonali għal din l-operazzjoni ġuridika.

    45

    It-tieni nett, għalkemm regoli speċifiċi li jistgħu jissostitwixxu dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jiġu inferuti mill-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma hijiex eżenti minn kull stħarriġ fid-dawl ta’ dawn l-artikoli.

    46

    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mir-risposta mogħtija lill-ewwel żewġ domandi, l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE jobbligaw lil Stat Membru, li jipprevedi għal kumpanniji rregolati mid-dritt nazzjonali l-possibbiltà li jinbidlu, jagħti l-istess possibbiltà lill-kumpanniji rregolati mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor u li jippruvaw jinbidlu f’kumpanniji rregolati mid-dritt nazzjonali tal-ewwel Stat Membru.

    47

    Għaldaqstant, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir b’osservanza ta’ dan l-obbligu skont l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE.

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’diversi oqsma, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, il-metodi proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, dawn ma jirrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-irkupru ta’ pagamenti indebiti, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, IN. CO. GE.’90 et, C-10/97 sa C-22/97, Ġabra p. I-6307, punt 25; fir-rigward tad-dritt amministrattiv, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 28; fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C-445/06, Ġabra p. I-2119, punt 31, kif ukoll, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ attestazzjoni għall-finijiet ta’ benefiċċju fiskali, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, Ġabra p. I-5669, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata.).

    49

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-loġika li fuqha hija bbażata din il-ġurisprudenza hija wkoll valida fil-kuntest ġuridiku preżenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, bħal f’din il-ġurisprudenza, il-parti fil-kawża għandha dritt mogħti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, f’dan il-każ, id-dritt li twettaq tibdil transkonfinali, li l-implementazzjoni tiegħu tiddependi, fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni, fuq l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-determinazzjoni, mill-Istat Membru ospitanti, tad-dritt nazzjonali applikabbli li jippermetti l-implementazzjoni ta’ tibdil transkonfinali ma tistax, fih innifisha, tikkontesta l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE.

    51

    Fil-fatt, huwa paċifiku li tibdil transkonfinali jwassal, fl-Istat Membru ospitanti, għall-kostituzzjoni ta’ kumpannija skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru. Issa, kumpannija maħluqa skont ordinament ġuridiku nazzjonali tista’ teżisti biss permezz tal-liġi nazzjonali li tiddetermina l-kostituzzjoni u l-funzjonament tagħha (ara s-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq Daily Mail and General Trust, punt 19, u Cartesio, punt 104).

    52

    Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma tistax tiġi kkontestata l-applikazzjoni, mill-Ungerija, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha dwar tibdil nazzjonali li jirregolaw il-kostituzzjoni u l-funzjonament ta’ kumpannija, bħar-rekwiżiti relatati mal-preparazzjoni ta’ karta tal-bilanċ u ta’ inventraju tal-attiv.

    53

    It-tielet nett, għandhom jiġu spjegati, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-implementazzjoni tal-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligi li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li jinkwadraw l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

    54

    Fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hemm lok li jiġi rrilevat li, bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, Stat Membru ma huwiex obbligat jittratta operazzjonijiet transkonfinali b’mod iktar favorevoli minn operazzjonijiet interni. Dan il-prinċipju jimplika biss li l-metodi proċedurali tad-dritt nazzjonali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika.

    55

    Għaldaqstant, jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi, fil-kuntest ta’ tibdil nazzjonali, kontinwità ġuridika u ekonomika stretta bejn il-kumpannija predeċessura li talbet it-tibdil u l-kumpannija suċċessura mibdula, tali rekwiżit jista’ wkoll jiġi impost fil-kuntest ta’ tibdil transkonfinali.

    56

    Madankollu, ir-rifjut mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jindikaw fir-reġistru tal-kumpanniji, fl-okkażjoni ta’ tibdil transkonfinali, il-kumpannija tal-Istat Membru ta’ oriġini bħala “predeċessura fid-dritt” tal-kumpannija mibdula ma huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ekwivalwenza jekk issir tali indikazzjoni tal-kumpannija predeċessura fl-okkażjoni tat-tibdil nazzjonali. Għal dan il-għan għandu jiġi rrilevat li l-indikazzjoni ta’ “predeċessura fid-dritt” fir-reġistru tal-kumpanniji tista’, indipendentement minn natura nazzjonali jew transkonfinali tat-tibdil, tkun partikolarment utli sabiex jiġu informati l-kredituri tal-kumpannija li nbidlet. Barra minn hekk, il-Gvern Ungeriż ma jressaq ebda raġuni li tiġġustifika li tali indikazzjoni hija rriżervata għat-tibdil nazzjonali.

    57

    Għaldaqstant, ir-rifjut li fuq ir-reġistru tal-kumpanniji Ungeriż VALE Costruzioni tiġi indikata bħala l-“predeċessura fid-dritt” huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

    58

    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ effettività, tqum, f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar x’rilevanza għandu l-Istat Membru ospitanti jagħti, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ talba għal reġistrazzjoni, lid-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din il-kwistjoni hija relatata mal-eżami, li l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom jagħmlu, dwar jekk VALE Costruzioni ma għadhiex irregolata mid-dritt Taljan, skont il-kundizzjonijiet previsti minn dan tal-aħħar, filwaqt li żammet il-personalità ġuridika tagħha li għaldaqstant tippermettilha tinbidel f’kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż.

    59

    Għalkemm dan l-eżami jikkostitwixxi r-rabta indispensabbli bejn il-proċedura ta’ reġistrazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini u dik fl-Istat Membru osipitanti, xorta jibqa’ l-fatt li, fin-nuqqas ta’ regoli ta’ dritt tal-Unjoni, il-proċedura ta’ reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti hija rregolata mid-dritt ta’ dan tal-aħħar li għaldaqstant jiddetermina wkoll, bħala regola ġenerali, il-provi li għandhom jiġu prodotti mill-kumpannija li titlob li tinbidel li juru li l-kundizzjonijiet kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u meħtieġa mill-Istat Membru ta’ oriġini f’dan ir-rigward huma sodisfatti.

    60

    Issa, tali prattika tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jirrifjutaw, b’mod ġenerali, li jieħdu inkunsiderazzjoni dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, toħloq riskju li tirrendi impossibbli, għall-kumpannija li qed titlob li tinbidel, li turi li hija effettivament ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti tal-Istat Membru ta’ oriġini u b’hekk tqiegħed f’perikolu t-twettiq tat-tibdil transkonfinali li hija bdiet.

    61

    Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti huma obbligati, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ effettività, jieħdu debitament inkunsiderazzjoni, waqt l-eżami ta’ talba għal reġistrazzjoni ta’ kumpannija, id-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini li juru li din il-kumpannija effettivament osservat il-kundizzjonijiet tiegħu, sakemm dawn huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    62

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda tkun li l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati, fil-kuntest ta’ tibdil transkonfinali ta’ kumpannija, fis-sens li l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt jiddetermina d-dritt nazzjonali rilevanti għal tali operazzjoni u għaldaqstant japplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu dwar it-tibdil nazzjonali li jirregolaw il-kostituzzjoni u l-funzjonament ta’ kumpannija, bħar-rekwiżiti dwar il-preparazzjoni ta’ karta tal-bilanċ u ta’ inventarju tal-attiv. Madankollu, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività rispettivament jipprekludu, li l-Istat Membru ospitanti

    jirrifjuta, għal tibdil transkonfinali, l-indikazzjoni tal-kumpannija li talbet it-tibdil bħala “predeċessura fid-dritt” jekk tali indikazzjoni tal-kumpannija predeċessura fir-reġistru tal-kumpanniji hija prevista għat-tibdil nazzjonali u

    jirrifjuta li jieħu debitament inkunsiderazzjoni d-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-kumpannija.

    Fuq l-ispejjeż

    63

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi għal kumpanniji rregolati mid-dritt nazzjonali l-possibbiltà li jinbidlu, ma tippermettix, b’mod ġenerali, it-tibdil ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor f’kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali permezz tal-kostituzzjoni ta’ din tal-aħħar.

     

    2)

    l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati, fil-kuntest ta’ tibdil transkonfinali ta’ kumpannija, fis-sens li l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt jiddetermina d-dritt nazzjonali rilevanti għal tali operazzjoni u għaldaqstant japplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu dwar it-tibdil nazzjonali li jirregolaw il-kostituzzjoni u l-funzjonament ta’ kumpannija, bħar-rekwiżiti dwar il-preparazzjoni ta’ karta tal-bilanċ u ta’ inventarju tal-attiv. Madankollu, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività rispettivament jipprekludu, li l-Istat Membru ospitanti

    jirrifjuta, għal tibdil transkonfinali, l-indikazzjoni tal-kumpannija li talbet it-tibdil bħala “predeċessura fid-dritt” jekk tali indikazzjoni tal-kumpannija predeċessura fir-reġistru tal-kumpanniji hija prevista għat-tibdil nazzjonali u

    jirrifjuta li jieħu debitament inkunsiderazzjoni d-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-kumpannija.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Fuq