Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CC0564

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 26 ta' Jannar 2012.
Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung vs Pfeifer & Langen KG.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesverwaltungsgericht - il-Ġermanja.
Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 - Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Artikoli 3 u 4 - Miżuri amministrattivi - Irkupru ta’ vantaġġi indebiti - Interessi kompensatorji u moratorji dovuti skont id-dritt nazzjonali - Applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 għall-irkupru ta’ dawn l-interessi moratorji - Dies a quo tal-preskrizzjoni - Kunċett ta’ ‛sospensjoni’ - Kunċett ta’ ‛interruzzjoni’.
Kawża C-564/10.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:38

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2012 ( 1 )

Kawża C-564/10

Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung

vs

Pfeifer & Langen Kommanditgesellschaft

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja)]

“Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Terminu ta’ preskrizzjoni għall-krediti tal-interessi dovuti skont id-dritt nazzjonali flimkien mar-rimbors ta’ ammonti indebitament miksuba — Interpretazzjoni u applikabbiltà tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95”

1. 

Permezz tad-domanda preliminari preżenti, il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali) (il-Ġermanja) tistaqsi jekk il-krediti tal-interesssi li jirriżultaw minn irregolarità kif iddefinita fir-Regolament Nru 2988/95 ( 2 ) humiex irregolati minn dan ir-regolament jew inkella mid-dritt nazzjonali.

Il-kuntest ġuridiku

L-Artikolu 325 TFUE

2.

Skont l-Artikolu 325 TFUE, l-Istati Membri għandhom dover ġenerali li jiġġieldu l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea

3.

Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi numru ta’ regoli ġenerali relatati mal-kontrolli, mal-miżuri amministrattivi u mas-sanzjonijiet f’dak li jirrigwarda irregolaritajiet relatati mad-dritt tal-UE fejn tkun ingħatat l-għajnuna lill-benefiċjarji skont il-linji politiċi tal-UE ( 3 ). Qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, ma kienux jeżistu regoli komuni li jiddefinixxu irregolaritajiet bħal dawn ( 4 ).

4.

It-tielet premessa tal-Preambolu tgħid li “[...] atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità [tal-Komunitajiet] għandhom [...] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha”. Ir-raba’ premessa tgħid li hemm bżonn ta’ sett ta’ regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politiki tal-Komunità biex tiġi miġġielda l-frodi mwettqa kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunità.

5.

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

“Irregolarità għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata”.

6.

L-Artikolu 2 jipprovdi li l-verifiki amministrattivi, il-miżuri u s-sanzjonijiet għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. In-natura u l-iskop tal-miżuri amministrattivi u tas-sanzjonijiet jiġu ddeterminati mid-dritt Komunitarju fid-dawl tan-natura tal-irregolarità u ta’ kemm din tkun serja, tal-vantaġġ mogħti jew miksub u l-livell ta’ responsabbiltà. Bla ħsara għal-liġi applikabbli tal-Komunità, il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-verifiki Komunitarji, tal-miżuri u tas-sanzjonijiet jiġu rregolati mil-liġijiet nazzjonali ( 5 ).

7.

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

1.   “Il-perjodu tal-limitazzjoni [It-terminu ta’ preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità [...] tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu [terminu] iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazzjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

It-terminu tal-limitazzjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att tal-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam mal-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu [ta’ preskrizzjoni] għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

[…]

2.   Il-perjodu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena [s-sanzjoni] amministrattiva għandu jkun ta’ tliet snin. Dan għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali.

Każijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibbiltà li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament”.

8.

L-Artikolu 4 jistipula:

“1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett [indebitament]:

permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett [indebitament],

[...]

2.   L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

[…]

4.   Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali [sanzjonijiet]”.

9.

L-Artikolu 5 jipprovdi għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ fejn l-irregolaritajiet ikunu intenzjonati jew ikkawżati minn negliġenza.

Ir-regoli applikabbli biex jiġu ddeterminati l-perijodi, id-dati u t-termini

10.

Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 ( 6 ) jistabbilixxi regoli ġenerali uniformi li jiddeterminaw il-perijodi, id-dati u t-termini fir-rigward ta’ atti adotatti mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni.

L-iffinanzjar tal-Politika Agrikola Komuni

11.

L-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 ( 7 ) waqqaf il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (iktar ’il quddiem il-“FAEGG”) bħala parti mill-baġit tal-Komunità. L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament kien jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li t-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEGG ikunu fil-fatt twettqu u li jkunu twettqu b’mod korrett, li jipprevjenu l-irregolaritajiet, u li jirkupraw dawk is-somom mitlufa minħabba irregolarità jew negliġenza.

12.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 ( 8 ) introduċa regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 729/70. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 595/91, l-Istati Membri huma marbuta jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-irregolaritajiet li kienu s-suġġett tal-ewwel konstatazzjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji. L-Artikolu 7(1) kien jipprovdi li meta r-regoli stabbiliti ma jkunux ġew “miksura b’mod sinifikanti”, l-Istati Membri setgħu jżommu 20 % minn kull ammont irkuprat.

13.

L-Artikolu 32(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 ( 9 ) huwa applikabbli b’effett mis-16 ta’ Ottubru 2006 ’il quddiem f’dak li jirrigwarda każijiet innotifikati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 595/91 li fir-rigward tagħhom ikunu għadhom ma ġewx irkuprati l-flus kollha sa dik id-data ( 10 ). Dan jgħid: “Is-somom irkuprati wara li tkun seħħet irregolarità jew negliġenza u l-interess fuqhom għandhom jingħataw lill-aġenzija tal-ħlas u jiġu mniżżlin fil-kontijiet minnha bħala dħul assenjat lill-FAEG fix-xahar li fih attwalment jiġu rċevuti l-flus” ( 11 ).

Is-settur taz-zokkor

14.

L-UE hija fost l-akbar produtturi taz-zokkor fid-dinja ( 12 ). L-organizzazzjoni tas-suq komuni fis-settur taz-zokkor tipprovdi għajnuna finanzjarja biss fir-rigward ta’ zokkor prodott li jaqa’ f’ċerti kwoti (zokkor A u B). Iz-zokkor prodott ’il fuq mill-kwoti ta’ produzzjoni A u B għandu jew jinħażen biex ikun jista’ jintuża bħala parti mill-kwota A tas-sena ta’ wara jew inkella mibjugħ barra l-UE fis-suq dinji u mingħajr sussidju fuq l-esportazzjoni. Għalhekk, impriża li taqbeż il-kwoti tal-produzzjoni jkollha taħżen dak iz-zokkor ladarba ma tkunx tixtieq tesportah.

15.

Għalhekk, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81 ( 13 ) ipprovda għal sistema ta’ kumpens għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ħażna taz-zokkor għal kwalunkwe sena tas-suq

—Skont ir-regolamenti fis-seħħ f’dak iż-żmien, is-sena tas-suq taz-zokkor kienet tibda fl-1 ta’ Lulju u tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.

. L-Istati Membri kellhom jimponu taxxa biex ikunu jistgħu jiffinanzjaw dik l-iskema u jirrimborsaw l-ispejjeż tal-ħażna soffruti ( 14 ).

16.

It-tielet premessa tal-Preambolu tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1358/77 ( 15 ) kienet tipprovdi li r-rimborsi totali magħmula għandhom ikunu ugwali għat-taxxi totali imposti.

17.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1358/77 kien jipprovdi li l-ispejjeż tal-ħażna għaz-zokkor għandhom jiġu rrimborsati mill-Istati Membri. Skont l-Artikolu 4 r-rimbors kien ibbażat fuq id-dikjarazzjonijiet mensili tal-kwantitajiet maħżuna. L-għan tal-Artikoli 6 u 7 kien li l-iskema ta’ kumpens tkun tiffinanzja lilha nnifisha.

18.

Is-17-il premessa tal-Preambolu tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1998/78 ( 16 ) tgħid li l-manifatturi għandhom iroddu lura dawk ir-rimborsi li ma humiex intitolati għalihom.

19.

L-Artikolu 13 jipprovdi li l-persuni intitolati għar-rimbors għandhom, sa mhux iżjed tard mill-15-il jum ta’ kull xahar, jikkomunikaw lill-Istat Membru kkonċernat id-dettalji tal-ħażna li għalih ikun qed jintalab ir-rimbors. Skont l-Artikolu 14(1), meta z-zokkor eliġibbli għar-rimbors jinħażen flimkien ma’ zokkor li ma huwiex eliġibbli, l-Istat Membru għandu jqiegħed iz-zokkor inkwistjoni taħt il-kontroll tad-dwana jew inkella taħt kontroll amministrattiv li joffri salvagwardji ekwivalenti.

20.

L-Artikolu 15 jipprovdi li sal-20 jum ta’ kull xahar l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, għal kull persuna intitolata, l-ammont totali tar-rimborsi u l-ammont totali tat-taxxa. Fil-każ ta’ diskrepanzi l-Artikolu 16 jipprovdi għal aġġustament li jsir b’mod retrospettiv.

Id-dritt nazzjonali

21.

Il-Paragrafu 14(1) tal-Marktorganisationsgesetz (il-liġi dwar l-organizzazzjoni tas-swieq) jistipula li, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’att legali tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, it-talbiet għar-rimbors ta’ benefiċċji speċjali, bħalma hija t-tpaċija tal-ispejjeż tal-ħażna, għandhom ikunu suġġetti għal interessi b’rata ta’ 3 % iktar mir-rata tal-iskont kurrenti tal-Bundesbank Ġermaniż mid-data li fihom jibdew jgħoddu.

22.

Skont il-Paragrafi 197 u 201 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“BGB”), fil-verżjoni applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2001, talba għall-arretrati tal-interessi kienet tiġi preskritta wara erba’ snin minn tmiem is-sena li fiha jkun irriżulta d-dritt għall-interessi. Skont il-Paragrafu 195 tal-BGB, fil-verżjoni applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2002, dan it-terminu tqassar għal tliet snin. L-effett tal-Paragrafu 229(6) tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (Liġi Introduttorja għall-Kodiċi Ċivili Ġermaniż) huwa li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin li kien jeżisti qabel għandu jkompli jgħodd fir-rigward ta’ interessi dovuti għas-snin 1999 u 2000.

23.

Il-qorti nazzjonali tispjega li, skont id-dritt Ġermaniż, għalkemm il-krediti tal-interessi huma anċillari għal talba prinċipali, f’kull sens ieħor dawn huma awtonomi. Dan ifisser li, sa fejn jikkonċerna t-termini ta’ preskrizzjoni, dawn ma jistgħux jiġu invokati ladarba t-talba prinċipali tkun ġiet preskritta, iżda madankollu dawn iseħħu indipendentement u l-preskrizzjoni tagħhom tista’ tirriżulta indipendentement.

24.

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li jistgħu jinqalgħu xi problemi meta d-dritt nazzjonali jipprovdi li l-interessi jistgħu jintalbu biss fir-rigward tal-perijodu ta’ wara li tkun ġiet ippenalizzata irregolarità, f’liema każ dawn jistgħu jkunu preskritti qabel ma jinħoloq id-dritt għalihom.

25.

Skont il-Paragrafu 53(1) tal-Verwaltungsverfahrensgesetz (liġi dwar il-proċedura amministrattiva, iktar ’il quddiem il-“VwVfG”), att amministrattiv adottat biex tiġi stabbilita jew implementata talba ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku tissospendi t-terminu ta’ preskrizzjoni ( 17 ) fir-rigward ta’ dik it-talba sakemm l-att amministrattiv isir finali jew sa sitt xhur wara li dan ikun ġie konkluż mod ieħor.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

26.

Fis-snin tas-suq taz-zokkor 1994/95, 1995/96 u 1996/97, Pfeifer & Langen KG (iktar ’il quddiem “Pfeifer”) ippreżentat applikazzjoni kull xahar biex tiġi rrimborsata għall-ispejjeż tal-ħażna taz-zokkor, applikazzjonijiet li sussegwentement intlaqgħu.

27.

Wara li saret investigazzjoni, il-Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung (Uffiċju Federali għall-Agrikoltura u l-Ikel, iktar ’il quddiem il-“Bundesanstalt”) ħa deċiżjonijiet li permezz tagħhom Pfeifer intalbet trodd lura l-ispejjeż tal-ħażna rrimborsati għal dawk is-snin minħabba li kienet kisbet vantaġġ indebitu abbażi ta’ irregolarità. Fl-applikazzjonijiet tagħha Pfeifer kienet iddikjarat kwantitajiet ikbar milli kellha ta’ zokkor li fir-rigward tagħhom setgħu jiġu rrimborsati l-ispejjeż tal-ħażna.

28.

Il-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali jikkonċernaw, l-ewwel nett, rikors relatat mal-ispejjeż tal-ħażna rrimborsati (iktar ’il quddiem is-“somma prinċipali”), u t-tieni nett, kreditu tal-interessi fuq is-somma prinċipali (iktar ’il quddiem id-“dejn tal-interessi”) ( 18 ).

29.

F’dak li jirrigwarda s-somma prinċipali, il-Bundesanstalt ħareġ tliet deċiżjonijiet fit-30 ta’ Jannar 2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet prinċipali”), fejn qal li s-somom mitluba lura għandhom jgħoddu bl-interessi mid-data li fiha dawn is-somom kienu nkisbu. L-ammont tal-interessi ġie ddeterminat f’deċiżjonijiet sussegwenti.

30.

Pfeifer appellat mid-deċiżjonijiet prinċipali. Fl-10 ta’ Ottubru 2006 il-Bundesanstalt ċaħad il-kontestazzjoni ta’ Pfeifer fuq il-mertu tagħha, iżda ddeċieda li jnaqqas l-ammont tas-somma prinċipali. Pfeifer ressqet kawża biex tikkontesta d-deċiżjoni li biha l-Bundesanstalt ċaħad l-appell tagħha.

31.

Pfeifer ħallset is-somma prinċipali ta’ EUR 469 941.12 fil-15 ta’ Novembru 2006.

32.

Il-Bundesanstalt imbagħad ta deċiżjoni oħra fit-13 ta’ April 2007, li biha ntalbu EUR 298 650.93 f’interessi fuq is-somma prinċipali (iktar ’il quddiem “l-ewwel deċiżjoni dwar l-interessi”).

33.

Pfeifer ikkontestat dik id-deċiżjoni. B’mod partikolari oġġezzjonat għall-kreditu tal-interessi ta’ EUR 119 984.27 għas-snin 1999 sa 2002, għar-raġuni li dan ġie preskritt.

34.

Minbarra dan, Pfeifer issostni li l-kreditu tal-interessi tal-Bundesanstalt ġie preskritt saħansitra qabel ma ttieħdet l-ewwel deċiżjoni dwar l-interessi (iktar ’il quddiem il-“kwistjoni dwar il-preskrizzjoni”). Hija tqis li l-interessi kienu dovuti biss fir-rigward tal-perijodu ta’ wara t-13 ta’ April 2007 ( 19 ).

35.

Fit-22 ta’ Ottubru 2007, il-Bundesanstalt ħareġ verżjoni rriveduta tad-deċiżjoni f’dak li jirrigwarda d-dejn tal-interessi (iktar ’il quddiem “it-tieni deċiżjoni dwar l-interessi”). Huwa aċċetta li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin li kien applikabbli għal dan id-dejn kien ifisser li l-kreditu tal-interessi għas-snin 1997 u 1998 ġie preskritt fid-data li fiha ttieħdu d-deċiżjonijiet prinċipali.

36.

Madankollu, il-Bundesanstalt jidhirlu li d-deċiżjonijiet prinċipali kellhom l-effett li jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni relatat mal-kreditu tal-interessi. Għalhekk fil-fehma tiegħu l-interessi li bdew jgħoddu mill-1 ta’ Jannar 1999 (EUR 237 644.17) ma ġewx preskritti.

37.

Fl-14 ta’ Novembru 2007 Pfeifer ressqet kawża quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (Qorti Amministrattiva ta’ Köln) biex titlob l-annullament tat-tieni deċiżjoni dwar l-interessi sa fejn din kienet tikkonċerna l-interessi għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 2002 (EUR 119 984.27). Pfeifer ħallset id-dejn tal-interessi għas-snin ta’ wara.

38.

Permezz tas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2009, il-Verwaltungsgericht annullat it-tieni deċiżjoni dwar l-interessi fir-rigward tal-valur ikkontestat. Hija sostniet li l-kwistjoni dwar il-preskrizzjoni kienet irrelevanti. Hija kkunsidrat li t-talba fir-rigward tal-interessi kienet ibbażata fuq il-paragrafu 14 tal-Marktorganisationsgesetz ( 20 ). Skont din id-dispożizzjoni, l-interessi fuq il-krediti relatati mar-rimbors ta’ benefiċċji speċjali huma dovuti sa “mid-data tal-ħolqien tal-krediti”. Madankollu, il-kreditu inkwistjoni ma nħoloqx qabel ma ġew ikkomunikati d-deċiżjonijiet prinċipali, tant li ma kien jeżisti ebda obbligu li jitħallsu l-interessi għall-perijodi preċedenti.

39.

Il-Bundesanstalt appella lill-Bundesverwaltungsgericht fuq punt ta’ dritt. Huwa sostna li d-deċiżjonijiet prinċipali rrevokaw l-għoti tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ħażna b’effett retrospettiv, b’tali mod li Pfeifer kienet obbligata tħallas l-interessi fuq is-somom imħallsa żejda mid-data li fiha hija kienet irċeviethom.

40.

Il-Bundesverwaltungsgericht għamlet id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

L-Artikolu 3 tar-[Regolament Nru 2988/95] japplika wkoll għat-terminu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] ta’ krediti ta’ interessi dovuti skont id-dritt nazzjonali b’żieda mar-rimbors tal-vantaġġ miksub fuq il-bażi ta’ irregolarità?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv:

2.

It-tqabbil tat-termini meħtieġ skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament [Nru 2988/95] jipprevedi biss it-tul tat-terminu jew għandu jinkludi wkoll dispożizzjonijet nazzjonali li jipposponu l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu, mingħajr il-ħtieġa ta’ ċirkustanzi oħra, għat-tmiem tas-sena kalendarja li matulha jinħoloq il-kreditu (tal-interessi)?

3.

It-terminu ta’ limitazzjoni, inkluż dak għal krediti tal-interessi, jibda jiddekorri mill-mument li fih issir irregolarità jew, rispettivament, mill-waqfien tal-irregolarità kontinwa jew ripetuta, anki meta l-krediti tal-interessi jirrigwardaw biss perijodi sussegwenti u, għalhekk, jinħolqu biss iktar tard? Fil-każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ limitazzjoni huwa wkoll pospost taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Nru 2988/95], fir-rigward ta’ krediti tal-interessi, sal-mument tat-tmiem tal-irregolarità?

4.

F’liema mument jieqaf [jispiċċa] l-effett ta’ interruzzjoni ta’ att tal-awtorità kompetenti skont it-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Nru 2988/95], li fuq il-bażi tiegħu ġie kkonstatat il-kreditu inkwistjoni (f’dan il-każ, il-kreditu tal-interessi)?”

41.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Pfeifer, mill-Bundesanstalt u mill-Kummissjoni. Pfeifer u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tas-17 ta’ Novembru 2011.

Evalwazzjoni

L-ewwel domanda

42.

Fl-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwiex applikabbli wkoll għall-krediti tal-interessi taħt id-dritt nazzjonali, apparti milli għall-irkupru tas-somma prinċipali.

Kunsiderazzjonijiet preliminari

43.

L-iskop tar-Regolament Nru 2988/95 huwa li jistabbilixxi regoli ġenerali biex ikunu jistgħu jiġu skoperti u ssanzjonati l-irregolaritajiet. F’dan il-kuntest, ir-regoli li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni huma wkoll ta’ natura ġenerali. L-għan tal-leġiżlatur kien li jiddetermina, permezz tar-regoli ġenerali ta’ preskrizzjoni, terminu minimu li għandu jiġi applikat fl-Istati Membri kollha, kif ukoll li jelimina l-possibbiltà li jiġu rkuprati somom li jkunu nkisbu indebitament mill-baġit tal-UE wara li jkunu skadew erba’ snin minn meta tkun twettqet l-irregolarità ( 21 ).

44.

Għalhekk, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi “regoli ġenerali [...] relatati ma’ verifiki omoġenji u ma’ miżuri amministrattivi u ma’ pieni [sanzjonijiet] dwar irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi Komunitarja” ( 22 ).

45.

L-Artikolu 2(1) jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti kontrolli, miżuri u sanzjonijiet amministrattivi biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju. L-Artikolu 2(3) jipprovdi li huwa d-dritt Komunitarju li għandu jiddetermina n-natura u l-iskop ta’ miżuri bħal dawn.

46.

Minħabba l-fatt li r-Regolament Nru 2988/95 huwa miżura ġenerali, l-Artikolu 2(4) jipprovdi li, suġġett għad-dritt Komunitarju, il-proċeduri għall-applikazzjoni ta’ kontrolli, ta’ miżuri u ta’ sanzjonijiet għandhom jiġu rregolati mil-liġijiet tal-Istati Membri. Għalhekk, minħabba li ma hemmx dispożizzjoni speċifika fir-Regolament Nru 2988/95, huwa neċessarju li wieħed l-ewwel iħares lejn ir-regoli settorjali rilevanti tal-UE u mbagħad lejn id-dritt nazzjonali.

47.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni li tiddetermina t-terminu minimu li għandu jiġi applikat fl-Istati Membri kollha ( 23 ). Dan jistipula li r-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal terminu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li r-riferiment għar-“regoli settorjali” fl-Artikolu 3(1) huwa riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE pjuttost milli għal-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 24 ).

48.

Fil-kwistjoni preżenti, huwa t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(1) li huwa applikabbli għas-somma prinċipali, minħabba li ma teżisti ebda dispożizzjoni settorjali li tistabilixxi terminu fir-rigward tal-irkupru tal-ispejjeż tal-ħażna taz-zokkor li jkunu ġew indebitament irrimborsati.

49.

L-Artikolu 4(1) jipprovdi li l-miżuri amministrattivi relatati ma’ irregolarità għandhom jinvolvu l-irtirar tal-vantaġġ indebitament miksub permezz ta’ obbligu ta’ ħlas jew ta’ ħlas lura tal-ammonti dovuti jew indebitament miksuba. L-Artikolu 4(2) ikompli biex jipprovdi: “L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa” (enfasi miżjuda). Dan huwa l-uniku riferiment espliċitu għall-interessi fir-Regolament Nru 2988/95.

50.

Fil-kawża preżenti, it-talba prinċipali — għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ħażna fir-rigward ta’ zokkor li jkun qabeż il-kwoti tal-produzzjoni — tikkonċerna miżura amministrattiva imposta taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95 (pjuttost milli sanzjoni amministrattiva kif stipulat fl-Artikolu 5). Is-suġġett tal-proċeduri li wasslu għar-rinviju preżenti huwa krediti tal-interessi li jirriżultaw mit-talba prinċipali.

51.

B’mod ġenerali, il-krediti tal-interessi jinħolqu biss meta jkun hemm talba għal somma prinċipali. Għalhekk, kawża biex jinġabru l-interessi normalment tkun anċillari għall-kawża prinċipali biex jiġi rkuprat dejn ( 25 ). Il-fatti misjuba mill-qorti nazzjonali u l-ispjegazzjoni tagħha tar-regoli nazzjonali juru li fil-fatt dan huwa tabilħaqq il-każ hawnhekk.

52.

Mill-kliem tal-Artikolu 4(2) jirriżulta ċar li l-impożizzjoni tal-ħlas tal-interessi hija miżura li tista’ tittieħed konġuntament mal-irtirar tal-vantaġġ indebitament miksub. Għalhekk jidhirli li d-dejn tal-interessi huwa meqjus bħala anċillari għas-somma prinċipali għall-iskopijiet tar-Regolament Nru 2988/95. Dan id-dejn ma jiffurmax parti mill-vantaġġ innifsu indebitament miskub.

Analiżi

53.

Minħabba li fit-test ma jsir ebda riferiment, espliċitu jew impliċitu, għal proċeduri fir-rigward tal-interessi, talba anċillari għall-interessi għandha taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95?

54.

Bħall-qorti tar-rinviju, il-Bundesanstalt jidhirlu li anki jekk l-irkupru tal-interessi huwa rregolat mid-dritt tal-UE, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 jikkonċerna biss is-somom prinċipali li jsiru dovuti minħabba li tkun twettqet irregolarità, iżjed milli talbiet anċillari għall-interessi.

55.

Pfeifer issostni, l-ewwel nett, li ma teżisti ebda dispożizzjoni ċara tal-UE li tirregola d-dejn tal-interessi, it-tieni nett, li l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, li mill-istruttura u mill-kliem tat-tieni paragrafu tiegħu jirriżulta li l-interessi ma humiex parti mis-somma prinċipali li tikkostitwixxi s-suġġett tat-talba għar-restituzzjoni, it-tielet nett, li l-Artikolu 4 ma jiddependix fuq l-Artikolu 3 u, fl-aħħar nett, li d-dejn tal-interessi huwa anċillari għas-somma prinċipali u għalhekk għandu jkun is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet separati f’dak li jirrigwarda t-termini ta’ preskrizzjoni.

56.

Il-Kummissjoni tqis li d-dejn tal-interessi jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95. L-Artikolu 4 tar-Regolament 2988/95 jimponi miżuri amministrattivi biex jiġi rtirat il-vantaġġ indebitament miksub. Id-dejn tal-interessi jiġi rkuprat meta jiġu applikati dawn il-miżuri. L-Artikolu 3 għalhekk impliċitament jistabbilixxi terminu ta’ erba’ snin li fih jistgħu jiġu rkuprati l-interessi, li jibda jiddekorri minn meta tkun ġiet kommessa l-irregolarità. Il-Kummissjoni tkompli ssostni li r-Regolament Nru 2988/95 japplika sabiex jiġi żgurat li d-dejn tal-interessi ma jiġix ittrattat bħala ħaġa indipendenti mis-somma prinċipali skont id-dritt nazzjonali. Għalhekk, ir-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi li l-kreditu tal-interessi ma jiġix preskritt qabel ma jagħlaq it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin li huwa applikabbli meta tkun ġiet kommessa l-irregolarità (bla ħsara għal xi perijodi ta’ interruzzjoni).

57.

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-qorti tar-rinviju, il-Bundesanstalt u l-Kummissjoni jidhrilhom li l-ġbir tad-dejn tal-interessi nnifsu jaqa’ taħt id-dritt tal-UE. F’dan ir-rigward it-tnejn li huma jinvokaw l-Artiklu 32(1) tar-Regolament Nru 1290/2005.

58.

Skont il-Kummissjoni, biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-UE, huwa neċessarju li jkun hemm regola ġenerali fil-livell tal-UE li tkun tapplika fl-Istati Membri kollha u li tistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni minimu li fih ikun jista’ jinġabar id-dejn tal-interessi. L-interessi huma ta’ benefiċċju għall-baġit tal-UE u huma ta’ natura kumpensatorja minħabba li jirrapreżentaw il-ħsara li jsofri l-baġit sakemm is-somom prinċipali jkunu għadhom ma tħallsux.

59.

Il-Bundesanstalt jikkunsidra li fl-Artikolu 3(1) ma hemmx dispożizzjoni speċifika fir-rigward tal-krediti tal-interessi. Għalhekk, dawn it-talbiet jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit f’dan l-artikolu u huma rregolati mid-dritt nazzjonali.

60.

Pfeifer issostni li l-iskop li għalih jiġu imposti l-interessi huwa li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni pjuttost milli biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-UE.

61.

Il-ġbir tal-interessi jaqa’ fi ħdan l-għanijiet tar-Regolament Nru 2988/95?

62.

L-iskop tar-Regolament Nru 2988/95 huwa mfisser f’termini wiesgħa fil-Preambolu. It-tielet premessa tgħid li: “[…] atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità [tal-Komunitajiet] għandhom [...] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha”. Ir-raba’ premessa tikkonferma li l-għan tal-leġiżlazzjoni huwa li tiġġieled il-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet ( 26 ).

63.

Jidhirli li l-iskop innifsu wara l-ġbir tal-interessi għandu effett fuq jekk l-impożizzjoni ta’ dawn l-interessi taqax fi ħdan l-għanijiet tar-Regolament Nru 2988/95.

64.

L-iskop huwa doppju. L-ewwel nett, huwa jikkumpensa lil dik il-parti li ma setgħatx tagħmel użu mill-flus inkwistjoni. L-interessi jirrappreżentaw il-valur fiż-żmien tal-flus miksuba minn Pfeifer bħala ħlas żejjed. It-tieni nett, huwa jelimina kull vantaġġ li Pfeifer, bħala l-benefiċjarja ta’ ħlas żejjed miksub b’riżultat tal-irregolarità, tista’ tgawdi li kieku dan il-ħlas żejjed ma kienx suġġett għall-interessi.

65.

Fil-fehma tiegħi dan ir-rwol doppju huwa kompletament konsistenti mal-għanijiet tar-Regolament Nru 2988/95.

66.

Sussegwentement jidhirli li, f’dak li jirrigwarda l-kliem u l-istruttura tar-Regolament Nru 2988/95, minkejja l-assenza ta’ riferiment espliċitu fl-Artikolu 3, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin stabbilit f’din id-dispożizzjoni għandu jkun applikabbli wkoll għall-interessi.

67.

Minħabba li l-krediti tal-interessi huma (ġeneralment) anċillari għat-talba għall-irkupru tal-vantaġġ indebitament miksub, ma jkunx il-punt tat-tluq ovvju li wieħed jinterpreta t-test tar-Regolament Nru 2988/95 fis-sens li d-dejn tal-interessi għandu jaqa’ kompletament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

68.

Il-kelma ġenerali “proċeduri” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1), li jistipula: “Il-perjodu tal-limitazzjoni [it-terminu ta’ preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità [...] tkun ġiet kommessa”, ma hijiex ikkwalifikata bi kliem li jissuġġerixxi li din tapplika biss għal tip partikolari ta’ krediti, ngħidu aħna krediti relatati mas-somma prinċipali. Għalhekk jidhirli li “proċeduri” għandha tinftiehem li qed tirreferi kemm għall-azzjonijiet biex tiġi rkuprata s-somma prinċipali (il-vantaġġ indebitament miksub) kif ukoll għal talba għall-interessi anċillari meta dan ikun previst fid-dritt nazzjonali. Ir-raġunijiet segwenti jsostnu din il-fehma. L-ewwel nett, fil-kuntest tar-Regolament Nru 2988/95 il-kelma “proċeduri” tirreferi b’mod ġeneriku għal azzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti biex jirribattu l-irregolarità. It-tieni nett, azzjoni anċillari għall-interessi tifforma parti minn dan l-għan ġenerali. L-iskop tal-azzjoni anċillari (l-impożizzjoni tal-interessi) huwa li jiġi rkuprat kumpens f’isem il-baġit tal-UE fir-rigward tal-użu maż-żmien ta’ fondi li jkunu ġew indebitament miskuba.

69.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-Istati Membri jaġixxu f’isem il-baġit tal-UE meta dawn ikunu qed jirkupraw somom indebitament miksuba permezz ta’ irregolarità ( 27 ). Bl-istess mod, meta jibdew proċeduri għal talba anċillari għall-interessi f’dan il-kuntest l-Istati Membri jkunu qiegħdin iressqu azzjoni f’isem il-baġit tal-UE.

70.

Ir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju hija żbaljata meta taħseb li jekk id-dritt nazzjonali jipprovdi għall-impożizzjoni ta’ interessi, id-dħul kollu ġġenerat minn din l-azzjoni jmur fil-baġit tal-Istat Membru pjuttost milli f’dak tal-Unjoni Ewropea.

71.

Huwa veru li s-sistema ta’ kumpens għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ħażna hija maħsuba biex tiffinanzja lilha nnifisha iżjed milli biex isservi ta’ sors ta’ dħul għall-baġit tal-UE ( 28 ). Madankollu, is-somom indebitament imħallsa li jiġu rkuprati, jiġu kkreditati lill-baġit Komunitarju (bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jżommu 20 % minn dawk is-somom); u, sa fejn it-talbiet anċillari għall-interessi jkunu previsti fid-dritt nazzjonali, l-interessi kollha rkuprati wkoll jiġu kkreditati lill-baġit Komunitarju ( 29 ). B’hekk, l-irkupru kemm tas-somma prinċipali kif ukoll tal-interessi jaqa’ fl-ambitu tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

72.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni raġunata tar-Regolament Nru 2988/95 twassal għall-konklużjoni li d-dejn tal-interessi, li jista’ jinħoloq biss meta jkun hemm somma prinċipali ma’ xhiex jintrabat, huwa wkoll kopert mir-Regolament, u għalhekk jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3(1).

73.

Għalhekk, meta jkun inkiseb vantaġġ indebitu permezz ta’ irregolarità, il-perijodu ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jirregola t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-krediti tal-interessi skont id-dritt nazzjonali.

It-tieni, it-tielet u r-raba ’ domandi

Osservazzjonijiet preliminari

74.

Interpretazzjoni bħal din toħloq problema immedjata u diffiċli: kif għandu jiġi applikat ir-Regolament Nru 2988/95 fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti u ddettaljati dwar krediti anċillari għall-interessi?

75.

Hawnhekk, il-kumplament tad-domandi li għamlet il-qorti tar-rinviju huma konnessi mill-qrib, minħabba li jirrigwardaw kwistjonijiet speċifiċi dwar il-mod li bih it-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fir-Regolament Nru 2988/95 jista’ jiġi applikat għal dawn il-krediti tal-interessi.

76.

Huwa ċar li meta wieħed ikun qed jikkunsidra li japplika t-terminu ta’ preskrizzjoni jkun kruċjali li jidentifika l-punt li fih jibda jiddekorri dan it-terminu. Madankollu, ir-Regolament Nru 2988/95 ma jagħmel ebda provvediment speċifiku dwar l-interessi f’dan ir-rigward. Lanqas ma jagħmel provvediment dwar ir-rata tal-interessi jew kif din għandha tiġi kkalkolata.

77.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, li fl-assenza ta’ miżuri tal-UE, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jirriżolvi l-kwistjonijiet anċillari kollha li jirrigwardaw ir-rimbors tal-ammonti indebitament imposti, inkluż ir-rata tal-interessi u d-data li minnha din ir-rata għandha tibda’ tgħodd ( 30 ). Fil-fatt, fil-każ ta’ proċeduri għall-irkupru ta’ vantaġġ indebitu li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 2988/95, kull talba għall-interessi għandha neċessarjament issir skont id-dritt nazzjonali, minħabba li l-interessi jistgħu jiġu imposti biss meta dan ikun ipprovdut fid-dritt nazzjonali ( 31 ).

78.

Kull regola nazzjonali għandha tiġi applikata b’mod konformi mal-obbligi ġenerali tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 325(1) TFUE, li jiġġieldu l-frodi u l-attivitajiet illegali kollha li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE. Għalhekk, ir-regoli nazzjonali li jaffettwaw il-mod kif għandu jiġi applikat it-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(1) (bħal pereżempju l-punt li fih jibda jiddekorri) għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali ( 32 ). Minbarra dan, ir-regoli nazzjonali ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk relatati ma’ talbiet domestiċi simili (il-prinċipju ta’ ewkivalenza) u ma għandhomx ikunu strutturati b’tali mod li fil-prattika jkun impossibbli jew diffiċli ħafna li wieħed jottjeni kumpens (il-prinċipju ta’ effettività) ( 33 ).

79.

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Awdituri”) reċentement ippubblikat rapport speċjali intitolat “Recovery of undue payments made under the common agricultural policy” ( 34 ). Dan ir-rapport jgħid li l-applikazzjoni tal-interessi għal dejn li jirriżulta minn xi irregolarità għadha ma ġietx kompletament armonizzata, u li l-biċċa l-kbira tal-miżuri (bħal ma hija dik dwar ir-rata li biha jiġu kkalkolati l-interessi) jaqgħu fl-ambitu tad-dritt nazzjonali ( 35 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Awdituri tirrakkomanda li jiġu introdotti regoli espliċiti fil-livell tal-UE biex ikunu jistgħu jinġabru d-djun tal-interessi biex l-interessi finanzjarji tal-UE jiġu mħarsa b’mod effettiv.

80.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ilha mill-1970 li rrikonoxxiet li r-regoli li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni fil-proċeduri għandhom jiġu ffissati bil-quddiem u għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali ( 36 ).

81.

Bħala loġika ta’ proċedura, ir-regoli li jistabbilixxu terminu ta’ preskrizzjoni għandhom jiffurmaw parti minn pakkett ta’ miżuri li jinkludi t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni, il-kriterji li fuqhom tiġi stabbilita d-data li fiha jibda jiddekorri ż-żmien, dawk il-ġrajjiet li għandhom l-effett li jinterrompu jew jissospendu t-terminu ta’ preskrizzjoni u r-rata jew ir-rati tal-interessi applikabbli. Meta jkun qed jiġi mħejji pakkett bħal dan għandu jittieħed kont tal-interessi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-operaturi ekonomiċi, kif ukoll tar-rwol ta’ sorveljanza li għandha l-Kummissjoni biex tħares l-interessi finanzjarji tal-UE.

82.

Wasalt għall-konklużjoni li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jista’ jinftiehem li qed jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin fir-rigward tal-krediti tal-interessi ( 37 ). Madankollu, ma jagħmilx sens li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprova toħloq “sistema ta’ preskrizzjoni” kompleta fir-rigward tal-interessi billi taqra ċertu kliem fit-test li evidentement ma jinsabx hemmhekk. Li tagħmel dan ikun inkonsistenti mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Il-leġiżlatura tal-UE forsi jogħġobha tikkunsidra jekk għandhiex bżonn tadotta regoli armonizzati ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin biex jinġabru l-interessi. Fis-sitwazzjoni preżenti ma jeżistu ebda regoli tal-UE bħal dawn.

It-tieni domanda

83.

Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, waqt id-determinazzjoni tat-tul ta’ terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, huwiex neċessarju li jittieħed kont ta’ fatturi bħalma huma l-posponiment tal-mument li fih jibda jiddekorri t-terminu.

84.

Il-qorti nazzjonali jidhrilha li s-snin 1999 u 2000 biss huma rilevanti fir-rigward tat-tieni domanda. Hija tal-fehma li s-snin 2001 u 2002 jaqgħu fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali emendati li jirrigwardaw id-dejn tal-interessi li għalihom huwa applikabbli terminu ta’ preskrizzjoni iqsar ta’ tliet snin ( 38 ). Madankollu, is-snin 1999 u 2000 għandhom jiġu rregolati direttament mir-Regolament Nru 2988/95, li jipprovdi għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin ( 39 ).

85.

Il-qorti nazzjonali tispjega li, jekk ir-Regolament Nru 2988/95 ikun applikabbli għall-interessi dovuti għall-1999, dik il-parti tat-talba li tirrigwarda l-perijodu mill-1 sat-30 ta’ Jannar 1999 ġiet preskritta minħabba li l-interessi setgħu jintalbu biss wara li jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet prinċipali, jiġifieri wara t-30 ta’ Jannar 2003 ( 40 ). Madankollu, li kieku din is-sitwazzjoni kellha tiġi rregolata mid-dritt nazzjonali, it-terminu ta’ preskrizzjoni kien ikun jeskludi ż-żmien ta’ qabel il-31 ta’ Diċembru 1999 minħabba li, skont ir-regola nazzjonali, il-mument li fih jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi pospost għall-aħħar tas-sena kalendarja li fiha tkun saret it-talba ( 41 ).

86.

Iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali huma tal-opinjoni li, f’kull paragun mat-terminu ta’ erba’ snin stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, huwa neċessarju li jittieħed kont ta’ fatturi oħra apparti t-tul speċifikat tat-terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali.

87.

Il-Kummissjoni tgħid li r-Regolament Nru 2988/95 ma jipprovdix dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kalkolu tat-termini u tal-limiti ta’ żmien. Għalhekk, b’analoġija għandu jkun applikabbli l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1182/71, moqri flimkien mar-Regolament Nru 2988/95. Fl-aħħar nett, meta jkunu qed jiġu pparagunati t-termini ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-krediti tal-interessi għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(3), kull terminu li jkun itwal minn erba’ snin għandu jissodisfa r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali.

88.

Naqbel mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-fatt li peress li r-Regolament Nru 2988/95 ma jipprovdix għall-mod li bih għandhom jiġu kkalkolati t-termini, għandu ikun applikabbli r-Regolament Nru 1182/71.

89.

Ir-regoli nazzjonali li jipposponu l-mument li fih jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-aħħar tas-sena kalendarja li fiha jinħoloq id-dritt, huma applikabbli konġuntament mat-terminu ta’ erba’ snin stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95?

90.

Mir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda jirriżulta li nqis li t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-krediti tal-interessi huwa ta’ erba’ snin kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Minbarra dan, minħabba li din id-dispożizzjoni hija direttament applikabbli, għandu neċessarjament jirriżulta li terminu iqsar ta’ tliet snin huwa inkompatibbli mar-Regolament ( 42 ).

91.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina kif dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin direttament applikabbli, għandu jiffunzjona fir-rigward tal-krediti tal-interessi għas-snin 2000 u 2001.

92.

Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, biex ikunu jistgħu jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-UE, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 jagħti lill-Istati Membri marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni biex jiffissaw termini ta’ preskrizzjoni itwal f’każijiet ta’ irregolarità ( 43 ).

93.

Id-dispożizzjonijiet adottati u applikati mill-Istati Membri biex jiġġieldu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea għandhom xorta waħda josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE f’dan il-kuntest. B’mod partikolari, ir-regoli li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni għandhom jaqdu l-funzjoni li jiżguraw iċ-ċertezza legali ( 44 ).

94.

Għalhekk, għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, ir-regoli nazzjonali li jestendu t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jkun qed isir paragun mat-terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali ta’ erba’ snin stabbilit fl-Artikolu 3(1), biex ikun jista’ jiġi ddeterminat it-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-krediti tal-interessi.

It-tielet domanda

95.

It-tielet domanda tal-qorti nazzjonali hija maqsuma f’żewġ partijiet.

96.

Fl-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-krediti tal-interessi jibdiex jiddekorri minn meta tkun ġiet kommessa l-irregolarità [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95], jew minn meta tieqaf irregolarità kontinwa jew ripetuta [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1)]; u kif dan jiġi affettwat jekk il-krediti tal-interessi skont id-dritt nazzjonali jseħħu f’data iżjed tard, ngħidu aħna wara li jkunu ġew iddeterminati l-proċeduri relatati mal-irregolarità.

97.

Pfeifer issostni li t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-interessi jibda jiddekorri minn meta l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu t-talba għad-dejn prinċipali. Skont il-Bundesanstalt huwa d-dritt nazzjonali li jirregola f’liema punt jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-krediti tal-interessi. Il-Kummissjoni ssostni li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri minn meta tiġi kommessa l-irregolarità.

98.

Mir-risposta bil-miktub tal-Bundesanstalt għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja nifhem li fil-kawża prinċipali ma hemmx qbil bejn il-partijiet dwar in-natura tal-irregolarità — kemm jekk din tkun kontinwa kif ukoll jekk tkun ripetuta. Għalhekk il-qorti tar-rinviju għadha ma ddeterminatx jekk l-irregolarità taqax taħt l-ewwel jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1).

99.

Għalhekk jidhirli li qabel ma jkun jista’ jiġi aċċertat meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-kreditu tal-interessi, għandha tiġi riżolta din il-kwistjoni.

100.

Fis-sentenza Vonk Dairy Products BV ( 45 ) il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li meta operatur Komunitarju jikseb vantaġġi ekonomiċi permezz ta’ grupp ta’ tranżazzjonijiet simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, tkun qed tiġi kommessa irregolarità kontinwa jew ripetuta. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, billi tapplika dan il-kriterju, jekk kienx hemm aġir li jikkostitwixxi irregolarità fir-rigward tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali quddiemha ( 46 ).

101.

Sa fejn jirrigwarda l-punt li fih jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, il-kliem tal-Artikolu 3(1) [li jirreferi għal meta ġiet kommessa l-irregolarità prevista fl-Artikolu 1(1)] jiffoka fuq l-irregolarità nnifisha iżjed milli fuq xi talba anċillari għall-interessi. Ma hemm xejn li jindika l-punt li fih jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tad-dejn tal-interessi. Nixtieq inżid ngħid li mhux dejjem huwa possibbli li wieħed jikkwantifika s-somma prinċipali (jiġifieri, il-vantaġġ indebitament miksub) fil-ħin li fiħ tkun ġiet kommessa l-irregolarità ( 47 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa wkoll impossibbli li wieħed jikkwantifika l-krediti tal-interessi anċillari.

102.

Fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita fid-dritt tal-UE, din il-kwistjoni għandha tiġi rregolata mid-dritt nazzjonali. Li kieku l-leġiżlatura tal-UE dehrilha li kellu jiġi armonizzat il-punt li fih jibdew jiddekorru l-krediti tal-interessi kienet tagħmel dak li huwa meħtieġ biex tilħaq dan l-għan.

103.

Għalhekk il-qorti nazzjonali għandha l-ewwel nett tistabbilixxi jekk hux qed jiġi applikat l-ewwel jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1). Imbagħad għandha tapplika r-regoli nazzjonali biex tiddetermina f’liema punt jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-interessi. Dawn ir-regoli għandhom, sa fejn ma jkunx possibbli li l-kreditu tal-interessi jiġi ddeterminat qabel ma tiġi stabbilita s-somma prinċipali, jiġu applikati b’tali mod li jittieħed kont tan-natura anċillari tal-krediti tal-interessi.

104.

Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi meta għandu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-krediti tal-interessi f’dawk il-każijiet fejn ikun hemm irregolarità kontinwa jew ripetuta [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1)].

105.

Il-Kummissjoni jidhrilha li t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward ta’ krediti tal-interessi jibda jiddekorri qabel ma jieqfu l-irregolaritajiet u li jiġi pospost sakemm tieqaf l-irregolarità kontinwa jew ripetuta.

106.

Ir-risposta tiegħi għall-ewwel parti tat-tielet domanda tapplika mutatis mutandis għall-ġbir tal-interessi fir-rigward ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti. Jidhirli li r-Regolament Nru 2988/95 ma jispeċifikax meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-krediti tal-interessi. Għalhekk l-Istati Membri jirriżervaw il-possibbiltà li japplikaw ir-regoli nazzjonali biex jiddeterminaw meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward ta’ dawn il-krediti.

Ir-raba’ domanda

107.

Permezz tal-aħħar domanda tagħha l-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf sa liema punt id-deċiżjonijiet prinċipali u l-iddeterminar tal-obbligu tal-ħlas tal-interessi (tat-30 ta’ Jannar 2003) jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

108.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-deċiżjonijiet prinċipali jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni kemm f’dak li jirrigwarda s-somma prinċipali kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-kreditu tal-interessi. Wara li ttieħdu d-deċiżjonijiet prinċipali beda jiddekorri terminu ta’ preskrizzjoni ġdid, li skada fil-31 ta’ Jannar 2007. Għalhekk, il-kreditu tal-interessi suppost ġie preskritt qabel ma ttieħdet l-ewwel deċiżjoni dwar l-interessi fit-13 ta’ April 2007 ( 48 ).

109.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju jidhrilha li d-deċiżjonijiet prinċipali stabbilixxew ukoll id-dejn tal-interessi nnifsu. Għalhekk tistaqsi jekk proċeduri ġudizzjarji (jew investigazzjoni) pendenti relatati mas-somma prinċipali jistgħux jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-kreditu tal-interessi.

110.

Il-Bundesanstalt jissottometti li sakemm il-proċeduri li jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti jibqgħu s-suġġett ta’ tilwima, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibqa sospiż.

111.

Pfeifer tagħmel distinzjoni bejn is-somma prinċipali u d-dejn tal-interessi. Hija jidhrilha li huma biss id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti dwar id-dejn tal-interessi li jistgħu jikkostitwixxu atti li jinterrompu l-preskrizzjoni fir-rigward ta’ dan id-dejn. Id-deċiżjonijiet tat-30 ta’ Jannar 2003 koprew is-somma prinċipali biss. Għalhekk ma setgħux jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dejn tal-interessi għall-iskopijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95. Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ wħud mill-interessi dovuti, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin kien diġà skada qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-interessi.

112.

Il-Kummissjoni tinterpreta l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 (li jgħid li l-perijodu li fih għandha tiġi implementata d-deċiżjoni li tiddetermina s-sanzjoni amministrattiva għandu jkun ta’ tliet snin) fis-sens li japplika, b’analoġija, għal miżuri amministrattivi ( 49 ), ladarba l-awtoritajiet kompetenti jkunu kkomunikaw deċiżjoni dwar l-irtirar ta’ vantaġġ miksub indebitament. Il-Kummissjoni tkompli ssostni li l-kwistjoni dwar l-interruzzjoni jew is-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni għandha tiġi rregolata mid-dritt nazzjonali.

113.

Jidhirli li l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tista’ tiġi interpretata biss fis-sens li qiegħda tirreferi lura għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1). Għalhekk dan il-perijodu ta’ erba’ snin, meta jkun japplika, jista’ jiġi interrot biss minn atti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1).

114.

L-atti ta’ awtorità kompetenti, relatati ma’ investigazzjoni jew ma’ proċeduri legali fir-rigward ta’ azzjoni prinċipali, li jiġu nnotifikati lil debitur, ukoll jinterrompu l-proċeduri relatati ma’ talba anċillari għall-interessi?

115.

Ninnota li l-Bundesanstalt ċaħad l-ewwel appell ta’ Pfeifer kontra d-deċiżjonijiet prinċipali, iżda li minkejja dan, b’deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2006, naqqas l-ammont tas-somma prinċipali dovuta ( 50 ). Din id-deċiżjoni kienet att ta’ awtorità kompetenti, innotifikata lill-persuna inkwistjoni, relatata mal-investigazzjoni jew mal-proċeduri legali li jirrigwardaw l-irregolarità, fi ħdan it-tifsira tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

116.

It-terminu ta’ preskrizzjoni jerġa’ jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih ( 51 ). Għalhekk it-terminu ta’ preskrizzjoni relatat mas-somom prinċipali beda jiddekorri mill-ġdid wara li ttieħdet dik id-deċiżjoni. Minħabba l-fatt li d-dejn tal-interessi huwa anċillari, l-effett ta’ interruzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-10 ta’ Ottubru 2006 fir-rigward tas-somom prinċipali jkun, bħala prinċipju, jaffettwa wkoll it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-kreditu tal-interessi. Madankollu, il-qorti nazzjonali għad jonqosha tiddetermina jekk l-irregolarità fil-kawża preżenti kinitx kontinwa jew ripetuta ( 52 ); u din id-determinazzjoni hija element essenzjali biex ikun jista’ jiġi stabbilit kif id-deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2006 taffettwa t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-kreditu tal-interessi. Ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tavvanza iżjed fir-rigward ta’ dan il-punt.

117.

Il-qorti nazzjonali tkompli biex tgħid li d-deċiżjonijiet prinċipali li huma s-suġġett ta’ proċeduri legali (minħabba l-kontestazzjoni ta’ Pfeifer) għadhom ma sarux finali u infurzabbli. Fuq dan l-isfond il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf meta jieqaf il-perijodu interruttiv għall-iskopijiet tar-Regolament Nru 2988/95.

118.

Il-punt tat-tluq biex wieħed ikun jista’ jirrispondi għad-domanda tal-qorti nazzjonali, huwa għal darb’oħra, in-natura anċillari tal-krediti tal-interessi ( 53 ).

119.

Meta jinbdew il-proċeduri legali li jikkontestaw id-deċiżjonijiet prinċipali (li jsostnu l-kreditu tal-interessi), l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux ikunu jafu jekk jeżistix dejn tal-interessi qabel ma jiġu konklużi dawn il-proċeduri. F’dawn iċ-ċirkustanzi hija d-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jiddefendu l-azzjoni li tikkostitwixxi “att notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam mal-proċeduri legali dwar l-irregolarità” fi ħdan it-tifsira tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1).

120.

Ladarba jiġu konklużi l-proċeduri legali, u jekk jirriżulta li għad hemm dejn, l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jinnotifikaw lid-debitur (billi jew jikkonfermaw il-kreditu tagħhom jew billi jirrevedu l-ammont fid-dawl tal-ġudizzju finali). Huwa f’dan il-punt biss li kreditu tal-interessi anċillari jsir ċert.

121.

Għalhekk, għall-iskopijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1), proċeduri legali li jikkonċernaw id-deċiżjoni prinċipali jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni għal kull kreditu tal-interessi anċillari jekk dan ikun diġà beda jiddekorri.

122.

It-termini ta’ preskrizzjoni għandhom ukoll jiggarantixxu ċ-ċertezza legali ( 54 ). Huwa biss wara li jintemmu l-proċeduri legali (jew l-investigazzjonijiet uffiċjali) li l-partijiet rispettivi — l-operatur ekonomiku u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti — jistgħu jsiru jafu, l-ewwel nett, jekk jeżistix dejn, u t-tieni nett li, b’konsegwenza ta’ dan, beda jiddekorri ż-żmien li fih tista’ titressaq azzjoni fir-rigward tal-krediti tal-interessi anċillari skont id-dritt nazzjonali ( 55 ).

123.

Għalhekk jidhirli li għall-iskopijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa interrott sakemm tingħata deċiżjoni finali fir-rigward ta’ proċeduri legali fejn ikunu qed jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet prinċipali, f’ċirkustanzi fejn dawn id-deċiżjonijiet jiddeterminaw jekk jeżistix obbligu għall-ħlas tal-interessi nnifishom.

Konklużjoni

124.

Għaldaqstant, jien tal-opinjoni li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht għandha tkun kif ġej:

“1.

Fejn ikun inkiseb vantaġġ indebitu permezz ta’ irregolarità, il-perijodu ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, jirregola t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-kreditu tal-interessi skont id-dritt nazzjonali.

2.

Għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, ir-regoli nazzjonali li jestendu t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jkun qed isir paragun mat-terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali ta’ erba’ snin stabbilit fl-Artikolu 3(1), biex ikun jista’ jiġi ddeterminat it-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-krediti tal-interessi.

3.

Minħabba li r-Regolament Nru 2988/95 ma jispeċifikax meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-krediti tal-interessi fil-każ ta’ irregolaritajiet li jaqgħu jew taħt l-ewwel jew taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1), għalhekk, l-Istati Membri għandhom jirriżervaw il-possibbiltà li japplikaw ir-regoli nazzjonali biex jiddeterminaw meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni għal dawn il-krediti.

4.

Għall-iskopijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa interrott sakemm tingħata deċiżjoni finali fir-rigward ta’ proċeduri legali fejn ikunu qed jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet prinċipali, f’ċirkustanzi fejn dawn id-deċiżjonijiet jiddeterminaw jekk jeżistix obbligu għall-ħlas tal-interessi nnifishom.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom), tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

( 3 ) Jien użajt il-frażi “il-Komunità Ewropea” (jew “il-Komunitajiet”) kull fejn irreferejt għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jużaw dawk il-frażijiet: inkella ser nirreferi għal “l-UE” jew “l-Unjoni Ewropea”.

( 4 ) L-Artikolu 1(1).

( 5 ) L-Artikolu 2 paragrafi (1), (3) u (4).

( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71, tat-3 ta’ Ġunju 1971, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 51).

( 7 ) Regolament tal-Kunsill KEE Nru 729/70, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU 1970 L 94, p. 13), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/95, tat-22 ta’ Mejju 1995 (ĠU 1995 L 125, p. 1). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414) issostitwit mir-Regolament Nru 729/70 fir-rigward tal-infiq effettwat mill-1 ta’ Jannar 2000.

( 8 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91, tal-4 ta’ Marzu 1991, dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom ta’ flus imħallsa ħażin [indebitament] b’konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tagħrif f’dan il-qasam u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 283/72 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 171).

( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005 L 286M, p. 1). Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika agrikola komuni (iktar ’il quddiem il-“PAK”), l-Artikolu 2 jistabbilixxi Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (iktar ’il quddiem il-“FAEG”), taħt il-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

( 10 ) It-tieni inċiż tat-tielet pragrafu tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1290/2005.

( 11 ) L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 595/91 tħassar bl-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1290/2005. Skont l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 l-Istati Membri jistgħu jżommu 20 % tal-ammonti rkuprati bħala “spejjeż ta’ rkupru” ħlief f’dawk il-każijiet fejn ikun hemm irregolarità jew negliġenza li tista’ tiġi attribwita lill-awtoritajiet amministrattivi jew lil korpi oħra uffiċjali tagħhom.

( 12 ) “The common organisation of the market in sugar” ippubblikat mid-Direttorat tal-Agrikoltura tal-Kummissjoni Ewropea (AGRI/63362/2004); ara wkoll www.fao.org, “Food outlook global market analysis sugar November 2008”.

( 13 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta’ Ġunju 1981, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU 1981 L 177, p. 4), li ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999, tat-13 ta’ Settembru 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU 1999 L 252, p. 1). Attwalment huwa applikabbli r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1).

( 14 ) L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1785/81.

( 15 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1358/77, tal-20 ta’ Ġunju 1977, li jippreskrivi regoli ġenerali sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż tal-ħażna taz-zokkor u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 750/68 (ĠU 1977 L 156, p. 4), imħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, tad-19 ta’ Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 3, p. 64).

( 16 ) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1998/78, tat-18 ta’ Awwissu 1978, li jippreskrivi regoli ġenerali sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż tal-ħażna taz-zokkor (ĠU 1978 L 231, p. 5).

( 17 ) Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tuża t-terminu “hemmen” li l-aħjar traduzzjoni tiegħu għall-Ingliż hija “suspend”. Madankollu l-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 tuża “interrupted” (il-verżjoni Franċiża “est interrompue”, dik Ġermaniża “wird […]unterbrochen”). Fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet ser nuża t-termini “jissospendi” u “jinterrompi” b’mod interkambjabbli.

( 18 ) Ġew ippreżentati talbiet għas-snin tas-suq 1988 sa 1997 quddiem il-qrati nazzjonali. Madankollu, is-snin tas-suq 1994/95, 1995/96 u 1996/97 biss huma s-suġġett tat-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari.

( 19 ) Punt 111 iktar ’l isfel.

( 20 ) Punt 21 iktar ’il fuq.

( 21 ) Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading (C-201/10 u C-202/10, Ġabra p. I-3545, punt 24).

( 22 ) Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et (C-278/07 u C-280/07, Ġabra p. I-457, punt 20).

( 23 ) Ibidem, punt 27.

( 24 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Corman (C-131/10 Ġabra p. I-14199, punt 41).

( 25 ) Wieħed jista’ jara eċċezzjoni għal dan fis-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (Kawżi magħquda C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727), li kienu jirrigwardaw talba għad-danni u/jew restituzzjoni tal-valur tal-użu ta’ flus imħallsa bħala ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fuq il-kumpanniji (“advance corporation tax”, iktar ’il quddiem l-“ACT”) lill-Kummissarji tat-Taxxi Interni skont sistema ta’ taxxa li sussegwentement instabet li hija diskriminatorja mill-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk li tmur kontra d-dritt tal-UE. F’dawn iċ-ċirkustanzi tassew partikolari, fejn l-iżvantaġġ soffrut ma kienx il-fatt li kellha titħallas taxxa dovuta iżda li din it-taxxa kellha titħallas bil-quddiem, is-“suġġett stess tal-azzjoni fil-kawżi prinċipali” kien fir-realtà t-talba għall-interessi biex jiġi kkumpensat l-iżvantaġġ relatat mad-dħul u mal-ħruġ ta’ flus (punt 87).

( 26 ) Sentenza Corman, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 36).

( 27 ) Sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 29).

( 28 ) Punti 16 u 17 iktar ’il fuq.

( 29 ) Ara l-punti 11 sa 13 iktar ’il fuq, li jispjegaw l-istorja leġiżlattiva fid-dettall.

( 30 ) Sentenza Metallgesellschaft, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 86).

( 31 ) L-Artikolu 4(2). Huwa konċepibbli li d-dritt tal-UE li jirregola settur partikolari jista’ jiġi strutturat b’tali mod li jipprovdi speċifikatament għall-irkupru tal-interessi fuq somom ewlenin li jkunu ġew imħallsa indebitament. Madankollu, hawnhekk dan ma huwiex il-każ.

( 32 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks and Spencer (C-62/00 Ġabra p. I-6325, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll il-punt 80 iktar ’il quddiem.

( 33 ) Sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C-445/06 Ġabra I-2119, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Rapport speċjali Nru 8/2011 li jinsab fis-sit internet www.eca.europa.eu.

( 35 ) Ara l-paragrafu 33 tar-rapport speċjali Nru 8/2011.

( 36 ) Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni (41/69 Ġabra p. 661, punti 19 u 20).

( 37 ) Punt 73 iktar ’il fuq.

( 38 ) Punt 22 iktar ’il fuq.

( 39 ) Punt 7 iktar ’il fuq.

( 40 ) Punt 29 iktar ’il fuq.

( 41 ) Punt 22 iktar ’il fuq.

( 42 ) Sentenzi Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 27 u 28) u Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 24).

( 43 ) Sentenza Corman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 54).

( 44 ) Sentenza Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 30 u 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Vonk Dairy Products BV (C-279/05 Ġabra I-239, punt 41).

( 46 ) Punt 43 tas-sentenza Vonk Dairy Products, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46).

( 47 ) Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, irregolarità tfisser ksur tad-dritt Komunitarju minn operatur ekonomiku. Madankollu, mhux kull ksur ta’ dan it-tip immedjatament jirriżulta f’talbiet kwantifikabbli f’dak il-punt li jkun twettaq. Ara pereżempju s-sentenza, tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ministre de l’Intérieur, de l’Outre-mer et des Collectivités territoriales vs Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre (C-465/10, Ġabra p. I-14081, implementazzjoni irregolari ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi).

( 48 ) Punt 34 iktar ’il fuq.

( 49 ) Punt 7 iktar ’il fuq.

( 50 ) Punt 30 iktar ’il fuq.

( 51 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium (C-367/09, Ġabra p. I-10761, punt 67).

( 52 ) Ara l-punt 99 iktar ’il fuq.

( 53 ) Ara l-punt 51 iktar ’il fuq.

( 54 ) Sentenza SGS Belgium (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 68).

( 55 ) Punti 80 sa 82 iktar ’il fuq.

Fuq