EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0005

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-21 ta’ Ġunju 2012.
Titus Alexander Jochen Donner.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
Moviment liberu tal-merkanzija — Proprjetà industrijali u kummerċjali — Bejgħ ta’ kopji ta’ xogħlijiet fi Stat Membru fejn id-drittijiet tal-awtur marbuta ma’ dawn ix-xogħlijiet ma humiex protetti — Trasport ta’ din il-merkanzija lejn Stat Membru ieħor fejn il-ksur tal-imsemmija drittijiet tal-awtur huwa ssanzjonat bid-dritt kriminali — Proċeduri kriminali kontra t-trasportatur għal kompliċità fid-distribuzzjoni illegali ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur.
Kawża C‑5/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:370

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

“Moviment liberu tal-merkanzija — Proprjetà industrijali u kummerċjali — Bejgħ ta’ kopji ta’ xogħlijiet fi Stat Membru fejn id-drittijiet tal-awtur marbuta ma’ dawn ix-xogħlijiet ma humiex protetti — Trasport ta’ din il-merkanzija lejn Stat Membru ieħor fejn il-ksur tal-imsemmija drittijiet tal-awtur huwa ssanzjonat bid-dritt kriminali — Proċeduri kriminali kontra t-trasportatur għal kompliċità fid-distribuzzjoni illegali ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur”

Fil-Kawża C-5/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Jannar 2011, fil-proċeduri kriminali kontra

Titus Alexander Jochen Donner,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Donner, minn E. Kempf, H.-C. Salger u S. Dittl, avukati,

għall-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof, minn R. Griesbaum, bħala aġent, assistit minn K. Lohse, Oberstaatsanwalt,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda kif ukoll G. Wilms u N. Obrovsky, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija quddiem il-Qrati Ġermaniżi kontra T. Donner, ikkundannat għal sentejn priġunerija sospiżi għal kompliċità fi sfruttament kummerċjali mingħajr awtorizzazzjoni ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), dwar id-Drittijiet tal-Awtur, adottat f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996 (iktar ’il quddiem it-“TDA”), ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

4

L-Artikolu 6 tat-TDA, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi:

“1.   Awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà.

2.   Dan it-Trattat ma għandux jaffetwa l-libertà tal-Partijiet Kontraenti li jiddeterminaw, jekk iridu, kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-eżawriment tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 wara l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà fix-xogħol oriġinali jew f’kopja tax-xogħol bl-awtorizzazzjoni ta’ l-awtur.”

5

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230) hija intiża, skont il-premessa 15 tagħha, b’mod partikolari sabiex timplementa ċerti obbligi li jirriżultaw mit-TDA.

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2.   Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ [proprjetà] fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

Id-dritt Ġermaniż

7

Il-Liġi, tad-9 ta’ Settembru 1965, dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Urheberrechtsgesetz, BGBl. I, p. 1273) kif emendata (iktar ’il quddiem l-“UrhG”, tittrasponi d-Direttiva 2001/29 fid-dritt Ġermaniż.

8

L-Artikolu 17(1) u (2) tal-UrhG, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi:

“(1)   Id-dritt ta’ distribuzzjoni huwa d-dritt li jiġi offrut lill-pubbliku jew li jitqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni x-xogħol oriġinali jew kopji tiegħu.

(2)   Meta xogħol oriġinali jew kopji tiegħu jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni b’bejgħ, bil-kunsens ta’ min għandu d-dritt ta’ distribuzzjoni, fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor li jagħmel parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, id-distribuzzjoni ulterjuri tagħhom hija legali, ħlief fir-rigward tal-kiri”.

9

Skont l-Artikolu 106 tal-UrhG, id-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet protetti mingħajr il-kunsens ta’ min għandu d-dritt fuqhom hija sanzjonabbli b’piena sa tliet snin priġunerija jew b’multa. L-Artikolu 108a tal-UrhG jistipula li, fil-każ fejn ksur ta’ dan l-Artikolu 106 jitwettaq għall-finijiet kummerċjali, is-sanzjoni tikkonsisti f’piena sa ħames snin priġunerija jew fi ħlas ta’ multa.;

10

L-Artikolu 27 tal-Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch) intitolat: “Kompliċità”, jipprovdi li huwa ssanzjonat bħala kompliċi min deliberatament jgħin lil terz sabiex dan tal-aħħar deliberatament iwettaq ksur.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

T. Donner, ċittadin Ġermaniż, li fiż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien amministratur ta’ In.Sp.Em. Srl (iktar ’il quddiem “Inspem”), kumpannija tat-trasport stabbilita f’Bologna (l-Italja), u prinċipalment kien jeżerċita l-attività tiegħu mir-residenza tiegħu fil-Ġermanja.

12

Inspem kienet tiżgura l-ġarr tal-merkanzija mibjugħa minn Dimensione Direct Sales Srl (iktar ’il quddiem “Dimensione”), kumpannija li ukoll kienet stabbilita f’Bologna u li s-sede tagħha kienet tinsab qrib dik tal-Inspem. Dimensione kienet toffri lill-klijenti residenti fil-Ġermanja, il-bejgħ ta’ riproduzzjonijiet ta’ biċċiet ta’ għamara tal-istil “Bauhaus” permezz ta’ reklami u supplimenti f’rivisti kif ukoll permezz ta’ ittri ta’ reklamar dirett lil ċerti indirizzi u permezz ta’ sit internet bil-lingwa Ġermaniża, mingħajr ma kellha l-liċenzji meħtieġa għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn l-oġġetti fil-Ġermanja. Primarjament, dawn ir-riproduzzjonijiet kienu jinkludu:

siġġijiet tal-“Aluminium Group” iddisinjati minn Charles u Ray Eames, b’liċenzja li nħarġet lil Vitra Collections AG;

il-“Lampa Wagenfeld” mfassla minn Wilhelm Wagenfeld, b’liċenzja li tappartjeni lil Tecnolumen GmbH & Co. KG.

sedili kkreati minn Le Corbusier, bid-detentriċi tal-liċenzja tkun Cassina SpA;

il-mejda tal-ġenb “Adjustable Table” u l-lampa “Tubelight” iddisinjati minn Eileen Gray, b’liċenzja f’idejn Classicon GmbH;

siġġijiet tal-istainless steel mingħajr is-saqajn ta’ wara, maħluqa minn Mart Stam, b’Thonet GmbH detentriċi tal-liċenzja.

13

Skont l-aċċertamenti tal-Landgericht München II, fil-Ġermanja dawn l-oġġetti huma protetti mid-drittijiet tal-awtur inkwantu xogħlijiet ta’ arti applikata. Min-naħa l-oħra, fl-Italja, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-15 ta’ Jannar 2008, dawn ma kinux jibbenefikaw minn protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jew il-protezzjoni li kienu jibbenefikaw minnha ma setgħetx tiġi invokata b’mod utli kontra terzi. Għalhekk, il-biċċiet ta’ għamara ddisinjati minn Eileen Gray ma kinux protetti minn drittijiet tal-awtur fl-Italja bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u l-25 ta’ April 2007, minħabba li dak iż-żmien f’dan l-Istat il-perijodu ta’ protezzjoni kien iqsar, peress li dan il-perijodu ġie mtawwal biss sa mis-26 ta’ April 2007. Il-biċċiet ta’ għamara l-oħra kienu protetti minn drittijiet tal-awtur fl-Italja matul il-perijodu inkwistjoni, iżda din il-protezzjoni ma setgħetx, skont il-ġurisprudenza Taljana, tkun invokata b’mod utli kontra terzi, f’kull każ mhux kontra l-manifatturi li rriproduċew, offrew għall-bejgħ u/jew ikkummerċjalizzaw il-kreazzjonijiet qabel id-19 ta’ April 2001.

14

Il-biċċiet ta’ għamara inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mibjugħa minn Dimensione, kienu maħżuna, bl-imballaġġ juri d-dettalji tax-xerrej, fil-maħżen ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kumpannija li jinsab f’Sterzing (l-Italja). Skont il-kundizzjonijet ġenerali tal-bejgħ, jekk il-klijenti li jirrisjedu l-Ġermanja ma jkunux jixtiequ jiġbru personalment il-merkanziji li jkunu ordnaw, u lanqas ma jaħtru kumpannija tat-trasport sabiex tagħmel dan, Dimensione kienet tissuġġerixxi li jikkuntattjaw lill-Inspem. Fil-kawża prinċipali, il-klijenti inkwistjoni kienu qabdu lill-Inspem sabiex tittrasporta l-biċċiet ta’ għamara mixtrija. Ix-xufiera tal-Inspem kienu għalhekk jiġbru l-oġġetti mill-maħżen ta’ Sterzing, u jħallsu lill-Dimensione l-prezz tal-bejgħ ta’ dawn l-oġġetti. Mal-kunsinna lill-klijenti fil-Ġermanja, Inspem kienet b’hekk titlobhom iħallsu l-prezz tal-merkanzija kkonsenjata flimkien mal-ispejjeż tat-trasport ta’ din tal-aħħar. Jekk il-klijenti ma kinux jaċċettaw il-merkanzija jew ma kinux iħallsu, Inspem kienet tibgħat lura l-merkanzija lil Dimensione, li kienet tirrimborsa lil Inspem il-prezz tal-bejgħ u l-ispejjez tat-trasport.

15

Skont il-Landgericht München II, T. Donner irrenda ruħu ħati ta’ kompliċità fl-isfruttament kummerċjali mingħajr awtorizzazzjoni ta’ xogħlijiet protetti minn drittijiet tal-awtur, bi ksur kemm tad-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 106 u 108a tal-UrhG kif ukoll tal-Artikolu 27 tal-Kodiċi Kriminali.

16

Dimensione allegatament iddistribwixxiet kopji ta’ xogħlijiet protetti fil-Ġermanja. Skont l-Artikolu 106 tal-UrhG, id-distribuzzjoni tirrikjedi t-trasferiment tal-proprjetà tal-oġġett mibjugħ kif ukoll it-trasferiment mill-venditur lejn ix-xerrej tas-setgħa li wieħed jiddisponi minn oġġett. Fil-kawża prinċipali, it-trasferiment tal-proprjetà mill-venditur lejn ix-xerrej kien seħħ fl-Italja, skont id-dritt Taljan, permezz tal-qbil tal-intenzjonijiet tal-partijiet u l-individwalizzazzjoni tal-oġġett mibjugħ, fil-maħżen ta’ Sterzing. Min-naħa l-oħra, it-trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi minn oġġett seħħ, bl-għajnuna ta’ T. Donner, biss mal-kunsinna lix-xerrej inkambju għall-pagament tal-prezz, fil-Ġermanja. Għalhekk, kien irrelevanti li jsir magħruf sa liema punt il-biċċiet ta’ għamara kienu jgawdu l-protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur fl-Italja. Il-Landgericht München II ippreċiżat li r-restrizzjoni fuq il-moviment liberu li tirriżulta mir-regoli nazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur hija ġġustifikata b’raġunijiet ta’ protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali.

17

T. Donner ikkontesta l-kundanna imposta fuqu permezz ta’ appell “fuq punt ta’ liġi” quddiem il-Bundesgerichtshof. Huwa jargumenta, fl-ewwel lok, li d-“distribuzzjoni lill-pubbliku” skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, u, b’konsegwenza, skont l-Artikolu 17 tal-UrhG, tippresupponi t-trasferiment tal-proprjetà tal-merkanzija, li, fil-kawża prinċipali, seħħet fl-Italja. It-trasferiment tal-pussess tal-merkanzija, jiġifieri s-setgħa de facto li wieħed jiddisponi mill-imsemmija merkanzija, ma huwex neċessarju f’dan ir-rigward. Huwa jsostni, fit-tieni lok, li kull sanzjoni imposta kontrih fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni differenti, tmur kontra l-moviment liberu tal-merkanzija, iggarantita bl-Artikolu 34 TFUE, minħabba li twassal għall-kompartimentalizzazzjoni artifiċjali u mhux ġustifikata tas-swieq. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, huwa jsostni li f’kull każ, il-kunsinna ta’ din il-merkanzija lit-trasportatur fl-Italja, li kien jiġbor din il-merkanzija f’isem klijenti speċifiċi, kienet tammonta għal trasferiment tal-pussess tagħha, u li, anke minn din il-perspettiva l-fatti rilevanti kienu seħħew fl-Italja.

18

Il-Bundesgerichtshof jaqbel mal-interpretazzjoni tal-Landgericht München II li tgħid li “distribuzzjoni lill-pubbliku” b’bejgħ fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 tippresupponi mhux biss it-trasferiment lil terzi tal-proprjetà tar-riproduzzjoni tax-xogħol protett minn drittijiet tal-awtur, iżda wkoll l-għoti tas-setgħa li jiddisponi effettivament minnha. Ir-riproduzzjoni ta’ xogħol, sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala ddistribwita lill-pubbliku, għandha toħroġ mill-isfera interna tal-impriża għall-isfera pubblika jew fis-swieq kummerċjali. Sakemm tali riproduzzjoni tibqa’ fi ħdan l-impriża li pproduċietha jew fl-istess grupp ta’ kumpanniji, din ma tistax titqies li ħarġet fil-pubbliku, peress li f’dan il-każ ma tkunx teżisti tranżazzjoni kummerċjali li tippresupponi relazzjoni vera ma’ barra. Din l-analiżi tal-Landgericht München II hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Bundesgerichtshof dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29.

19

Min-naħa l-oħra, il Bundesgerichtshof jikkunsidra li l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE jistgħu potenzjalment jikkostitwixxu ostakolu għall-konferma tal-kundanna ta’ T. Donner jekk l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt kriminali nazzjonali jkollha, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni mhux ġustifikata għall-moviment liberu tal-merkanzija.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 34 u 36 TFUE li jirregolaw il-moviment liberu tal-merkanzija għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu r-reat kriminali ta’ kompliċità fid-distribuzzjoni pprojbita ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt kriminali nazzjonali fejn, f’każ ta’ bejgħ transkonfinali ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur fil-Ġermanja

dan ix-xogħol jittieħed il-Ġermanja minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u s-setgħa de facto ta’ approprjazzjoni fuq dan ix-xogħol tiġi ttrasferita fil-Ġermanja,

iżda t-trasferiment tal-proprjetà jkun seħħ fl-Istat Membru l-ieħor fejn ma kienx hemm protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal dan ix-xogħol jew din il-protezzjoni ma kinitx infurzabbli?”

Fuq id-domanda preliminari

21

L-eżistenza, fit-territorju nazzjonali, ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku” b’bejgħ fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 hija, kif espressament rikonoxxut mill-qorti tar-rinviju, kundizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, matul is-seduta, wara talba li saritilhom mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ikkonċernati esprimew ruħhom fid-dettall dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett.

22

B’konsegwenza, għandu jiġi kkunsidrat li b’din it-talba l-qorti tar-rinviju qed essenzjalment tistaqsi, min-naħa, jekk f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, hemmx “distribuzzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 fit-territorju nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jekk l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jaġixxi kontra persuna fuq akkuża ta’ kompliċità fid-distribuzzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti minn drittijiet tal-awtur skont id-dritt kriminali nazzjonali fil-każ fejn kopji ta’ dawn ix-xogħlijiet jiġu ddistribwiti lill-pubbliku fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru fil-kuntest ta’ bejgħ, immirat speċifikament lejn il-pubbliku tal-imsemmi Stat, konkluż fi Stat Membru ieħor fejn dawn ix-xogħlijiet ma humiex protetti minn drittijiet tal-awtur jew fejn il-protezzjoni li jibbenefikaw minnha ma tistax tiġi invokata b’mod utli kontra terzi.

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29

23

Minħabba li d-Direttiva 2001/29 hija intiża li timplementa fl-Unjoni l-obbligi tagħha taħt, b’mod partikolari, it-TDA, u minħabba li t-testi tad-dritt tal-Unjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jiġu interpretati sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, il-kunċett ta’ “distribuzzjoni”, kif jinsab fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, għandu jkun interpretat b’konformità mal-Artikolu 6(1) tat-TDA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Peek & Cloppenburg, C-456/06, Ġabra, p. I-2731, punti 29 sa 32).

24

Il-kunċett ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku [...] b’bejgħ” kif jidher fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu, b’konsegwenza, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 44 sa 46 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, jinftiehem li għandu l-istess tifsira bħall-kliem “it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku [...] permezz tal-bejgħ” li jinsab fl-Artikolu 6(1) tat-TDA.

25

Kif jirrileva bl-istess mod l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kontenut tal-kunċett ta’ “distribuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu barra minn hekk jingħata interpretazzjoni awtonoma fid-dritt tal-Unjoni, li ma tistax tiddependi fuq il-liġi applikabbli għat-tranżazzjonijiet li fil-kuntest tagħhom isseħħ distribuzzjoni.

26

Għandu jiġi kkonstatat li d-distribuzzjoni lill-pubbliku hija kkaratterizzata minn serje ta’ attivitajiet li jkopru, minn tal-inqas, mill-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ sal-eżekuzzjoni tiegħu permezz tal-kunsinna lil membru tal-pubbliku. Għalhekk, fil-kuntest ta’ bejgħ transkonfinali, l-attivitajiet li jagħtu lok għal “distribuzzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, jistgħu jseħħu f’diversi Stati Membri. F’kuntest bħal dan, tali tranżazzjoni tista’ tippreġudika d-dritt esklużiv ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni ta’ kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku f’diversi Stati Membri.

27

Għalhekk, negozjant huwa responsabbli għal kull attività, imwettqa minnu stess jew f’ismu, li tagħti lok għal “distribuzzjoni lill-pubbliku” fi Stat Membru fejn l-oġġetti ddistribwiti huma protetti minn drittijiet tal-awtur. Bl-istess mod, huwa jista’ jinżamm responsabbli għal kull attività tal-istess natura mwettqa minn terz, meta l-imsemmi negozjant kien speċifikament immira lejn il-pubbliku tal-Istat ta’ destinazzjoni u ma setax ma jkunx jaf bl-azzjonijiet ta’ dan it-terz.

28

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kunsinna lil membru tal-pubbliku fi Stat Membru ieħor ma ssirx minn jew f’isem in-negozjant inkwistjoni, huma għalhekk il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, każ b’każ, jekk jeżistux indizji li jippermettu li jiġi konkluż li dan in-negozjant, minn naħa, effettivament immira lejn membri tal-pubbliku residenti fl-Istat Membru li fih twettqet attività li tat lok għal “distribuzzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 u, min-naħa l-oħra, ma setax ma jkunx jaf bl-azzjonijiet tat-terz inkwistjoni.

29

Fiċ-ċirkustanzi li taw lok għall-kawża prinċipali, elementi bħalma huma l-eżistenza ta’ sit internet bil-lingwa Ġermaniża, il-kontenut u s-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-materjal pubbliċitarju ta’ Dimensione u l-kooperazzjoni tagħha ma’ Inspem, inkwantu intrapriża li twettaq kunsinni lejn il-Ġermanja, jistgħu jikkostitwixxu indizji konkreti ta’ attività mmirata.

30

B’konsegwenza, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda magħmula għandha tkun li negozjant li jindirizza r-reklamar tiegħu lejn membri tal-pubbliku residenti fi Stat Membru speċifiku u li joħloq jew ipoġġi għad-dispożizzjoni tagħhom sistema ta’ kunsinna jew metodu ta’ ħlas speċifiċi, jew jippermetti li terz jagħmel dan, u għalhekk iqiegħed lill-imsemmija membri tal-pubbliku f’pożizzjoni li jistgħu jirċievu kunsinna ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti minn drittijiet tal-awtur f’dak l-istess Stat Membru, joħloq, fl-Istat Membru fejn isseħħ il-kunsinna, “distribuzzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29.

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE

31

Kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, il-projbizzjoni prevista mil-liġi nazzjonali u li hija sanzjonabbli bid-dritt kriminali nazzjonali f’ċirkustanzi bħal dawk li taw lok għall-kawża prinċipali, tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija, li bħala prinċipju jmur kontra l-Artikolu 34 TFUE.

32

Tali restrizzjoni tista’ madankollu tkun iġġustifikata, skont l-Artikolu 36 TFUE, minn raġunijiet ta’ protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali.

33

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrizulta li, jekk xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur jitqiegħed fis-suq ta’ Stat Membru mid-detentur ta’ dawn id-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu, tali ċirkustanza ċċaħħad lil dan tal-aħħar milli jopponi moviment liberu ta’ dan ix-xogħol fl-Unjoni. Madankollu, dan ma japplikax jekk jirriżulta li t-tqegħid fis-suq joħroġ mhux mill-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, iżda mill-iskadenza tad-drittijiet tiegħu fi Stat Membru partikolari. F’dan il-każ, sa fejn id-diskrepanza bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tat-tul ta’ protezzjoni tista’ toħloq restrizzjonijiet fil-kummerċ intern tal-Unjoni, dawn ir-restrizzjonijiet huma ġġustifikati skont l-Artikolu 36 TFUE kemm-il darba dawn jirriżultaw mid-differenza bejn is-sistemi legali u kemm-il darba din tkun inseparabbilment assoċjata mal-eżistenza nfisha tad-drittijiet esklużivi (ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 1989, EMI Electrola, 341/87, Ġabra, p. 79, punt 12).

34

Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw speċjalment f’ċirkustanzi bħal dawk li taw lok għall-kawża prinċipali, sa fejn id-disparità li tat lok għal restrizzjonijiet tal-moviment liberu tal-merkanzija ma tirriżultax minn diverġenzi bejn sistemi ġuridiċi fis-seħħ fl-Istati Membri differenti inkwistjoni iżda mill-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux, fil-prattika, jiġu invokati b’mod utli kontra terzi f’wieħed minn dawn l-Istati Membri. Ir-restrizzjoni imposta fuq negozjant stabbilit fi Stat Membru minħabba projbizzjoni, issanzjonat kriminalment, ta’ distribuzzjoni fi Stat Membru ieħor hija bbażata wkoll, f’din it-tip ta’ sitwazzjoni, mhux fuq azzjoni jew fuq il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet iżda fuq id-disparità, fid-diversi Stati Membri, tal-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awturi rispettivi.

35

Barra minn hekk, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali f’punti 67 sa 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-protezzjoni tad-dritt ta’ distribuzzjoni ma tistax, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, titqies li tagħti lok għal kompartimentalizzazzjoni sproporzjonata jew artifiċjali tas-swieq li tkun tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 1971, Deutsche Grammophon Gesellschaft, 78/70, Ġabra p. 487, punt 12; tal-20 ta’ Jannar 1981, Musik-Vertrieb membran u K-tel International, 55/80 u 57/80, Ġabra p. 147, punt 14, kif ukoll EMI Electrola, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8).

36

Effettivament, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kkunsidrata bħala neċessarja sabiex jiġi protett is-suġġett speċifiku tad-drittijiet tal-awtur, li fost l-oħrajn jagħtu d-dritt esklużiv ta’ sfruttament. Ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija li tirriżulta minn dan hija għalhekk iġġustifikata u proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali fejn l-akkużat intenzjonalment jew tal-inqas konsapevolment, implika ruħu f’attivitajiet li taw lok għal distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti, fit-territorju ta’ Stat Membru li fih id-drittijiet tal-awtur igawdu minn protezzjoni sħiħa, u b’hekk ippreġudika d-dritt esklużiv tad-detentur ta’ dawn id-drittijiet.

37

B’konsegwenza, ir-risposta għat-tieni parti tad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux lil Stat Membru milli jaġixxi kontra persuna fuq akkuża ta’ kompliċità fid-distribuzzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti minn drittijiet tal-awtur skont id-dritt kriminali nazzjonali fil-każ fejn kopji ta’ dawn ix-xogħlijiet jiġu ddistribwiti lill-pubbliku fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru fil-kuntest ta’ bejgħ, immirat speċifikament lejn il-pubbliku tal-imsemmi Stat, konkluż fi Stat Membru ieħor fejn dawn ix-xogħlijiet ma humiex protetti mid-drittijiet tal-awtur jew fejn il-protezzjoni li jibbenefikaw minnha ma tistax tiġi invokata b’mod utli kontra terzi.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Negozjant li jindirizza r-reklamar tiegħu lejn membri tal-pubbliku residenti fi Stat Membru speċifiku u li joħloq jew ipoġġi għad-dispożizzjoni tagħhom sistema ta’ kunsinna jew metodu ta’ ħlas speċifiċi, jew jippermetti li terz jagħmel dan, u għalhekk iqiegħed lill-imsemmija membri tal-pubbliku f’pożizzjoni li jistgħu jirċievu kunsinna ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti minn drittijiet tal-awtur f’dak l-istess Stat Membru, joħloq, fl-Istat Membru fejn isseħħ il-kunsinna, “distribuzzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni.

 

L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux lil Stat Membru milli jaġixxi kontra persuna fuq akkuża ta’ kompliċità fid-distribuzzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti minn drittijiet tal-awtur skont id-dritt kriminali nazzjonali fil-każ fejn kopji ta’ dawn ix-xogħlijiet jiġu ddistribwiti lill-pubbliku fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru fil-kuntest ta’ bejgħ, immirat speċifikament lejn il-pubbliku tal-imsemmi Stat, konkluż fi Stat Membru ieħor fejn dawn ix-xogħlijiet ma humiex protetti mid-drittijiet tal-awtur jew fejn il-protezzjoni li jibbenefikaw minnha ma tistax tiġi invokata b’mod utli kontra terzi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq