Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0132

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2012.
    Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH vs Betriebsrat Bord der Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck.
    Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni — Ftehim kollettiv — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ ta’ kumpannija tal-ajru fl-iskeda tar-remunerazzjoni, tal-esperjenza professjonali miksuba fi ħdan kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi — Klawżola kuntrattwali.
    Kawża C-132/11.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:329

    7 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

    “Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni — Ftehim kollettiv — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ ta’ kumpannija tal-ajru fl-iskeda tar-remunerazzjoni, tal-esperjenza professjonali miksuba fi ħdan kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi — Klawżola kuntrattwali”

    Fil-Kawża C-132/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

    Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH

    vs

    Betriebsrat Bord der Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH, minn A. Grundei, avukat,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u J. Enegren, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Tyrolean Airways”) u l-Betriebsrat Bord der Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH (kunsill tax-xogħol ta’ din il-kumpannija tal-ajru, iktar ’il quddiem il-“Betriebsrat”), dwar l-interpretazzjoni tal-ftehim kollettiv applikabbli għall-membri tal-ekwipaġġ ta’ Tyrolean Airways, fil-verżjoni applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways”), u, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz maħduma ma’ żewġ sussidjarji oħra tal-grupp Austrian Airlines (iktar ’il quddiem il-“grupp”), jiġifieri Austrian Airlines AG (iktar ’il quddiem “Austrian Airlines”) u Lauda Air Luftfahrt Gesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Lauda Air”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    3

    L-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdu kif ġej:

    “L-Artikolu 1

    Skop

    L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    L-Artikolu 2

    Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni

    1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

    2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1

    [...]

    b)

    għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

    i)

    meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew, [...]

    [...]

    [...]”

    4

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78 intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

    a)

    il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

    [...]

    c)

    il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

    [...]”

    5

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprovdi:

    “Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

    Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

    a)

    l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

    b)

    L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

    [...]”

    6

    Skont l-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex “kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv [...] jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati”.

    Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka

    7

    Tyrolean Airways u Lauda Air huma żewġ sussidjarji ta’ Austrian Airlines, miżmuma 100 % minn din tal-aħħar.

    8

    L-amalgamazzjoni bejn Austrian Airlines u Lauda Air seħħet fuq il-bażi ta’ ftehim tal-imsieħba soċjali tal-2003. Minn dak iż-żmien, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tal-ekwipaġġ ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji huma rregolati bi ftehim kollettiv wieħed, li ma jipprovdix għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ impjieg maħduma preċedentement ma’ Tyrolean Airways.

    9

    Ir-relazzjonijiet ta’ impjieg bejn Tyrolean Airways u l-membri tal-ekwipaġġ tagħha huma koperti mill-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways.

    10

    Fl-Anness III ta’ dan il-ftehim kollettiv, intitolat “Determinazzjoni tal-pagi/skeda tal-kategoriji ta’ impjiegi”, il-punt 1, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi li l-membri tal-ekwipaġġ huwa kklassifikat fil-kategoriji A jew B. Il-punt 1(7) jippreċiża li “[l]-promozzjoni minn kategorija A għal kategorija B isseħħ wara l-għeluq ta’ tliet snin ta’ anzjanità, jiġifieri, preċiżament tliet snin wara r-reklutaġġ ta’ impjegat bħala membru tal-ekwipaġġ” (iktar ’il quddiem il-“klawżola kontenzjuża tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways”).

    11

    Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways ma jindikax jekk il-kelma “reklutaġġ” tirreferix għar-reklutaġġ minn Tyrolean Airways jew, b’mod iktar ġenerali, minn waħda mit-tliet kumpanniji tal-grupp. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan il-ftehim kollettiv jippreċiżaw biss li dan japplika għall-membri tal-ekwipaġġ ta’ Tyrolean Airways.

    12

    Il-punt 3 tal-Anness III tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways, intitolat “Tabelli tar-remunerazzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ”, jinkludi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu, tabella tar-remunerazzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ u tabella tar-remunerazzjoni speċifika għall-membri tal-ekwipaġġ li għandhom mill-inqas tliet snin esperjenza.

    13

    Il-punt 2.2 tal-ftehim kollettiv dwar il-membri tal-ekwipaġġ tal-Austrian Airlines jistipula:

    “Fil-każ ta’ promozzjoni f’kategorija ta’ impjiegi superjuri, il-klassifikazzjoni ssir:

    [...]

    2.2.

    fil-każ ta’ membri tal-ekwipaġġ

    2.2.1.

    mill-kategorija ta’ impjiegi ta’ membru tal-ekwipaġġ junior mhux iċċertifikat għall-kategorija ta’ impjiegi ta’ membru tal-ekwipaġġ junior iċċertifikat.

    Il-bidla fil-kategorija sseħħ wara kisba b’suċċess ta’ eżami li jiċċertifika, iżda mhux qabel tliet snin ta’ anzjanità. L-impjegat huwa għalhekk ikklassifikat fir-raba’ sena ta’ anzjanità, b’ċertifikat.”

    14

    Il-kuntratti ta’ xogħol tal-membri tal-ekwipaġġ ta’ Tyrolean Airways normalment jinkludu, fil-punt 8 tagħhom, il-klawżola li ġejja:

    “Id-data tad-dħul fis-servizz, meta tkun rilevanti għall-applikazzjoni ta’ xi regola jew dritt, għandha tfisser id-data tad-dħul fis-servizz ma’ Tyrolean Airways.”

    15

    Mill-fajl jirriżulta li l-membri tal-ekwipaġġ għandhom isegwu kors ta’ taħriġ ta’ bejn sitta u tmien ġimgħat qabel ma jaħdmu fuq l-ewwel titjira tagħhom. Il-kors ta’ taħriġ jinkludi parti ġenerali u parti speċjalizzata, skont it-tip ta’ ajruplan li fuqu ser jiġi assenjat il-membru tal-persunal. Meta membru tal-ekwipaġġ kien diġà impjegat minn kumpannija oħra tal-grupp f’kariga identika, il-perijodu ta’ taħriġ jitnaqqas għal erba’ ġimgħat. L-għan ta’ dan il-kors ta’ taħriġ iqsar huwa li jħarreġ lill-membri tal-ekwipaġġ għall-karatteristiċi speċifiċi tal-ajruplani użati mill-kumpannija.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    16

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2010 quddiem il-Landesgericht Innsbruck, il-Betriebsrat talab sabiex jiġi deċiż li l-membri tal-ekwipaġġ impjegati minn Tyrolean Airways u li, skont il-punt 3.5 tal-Anness III tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways, kisbu esperjenza ta’ perijodu totali ta’ mill-inqas tliet snin bħala membri tal-ekwipaġġ ta’ Tyrolean Airways u/jew ta’ Austrian Airlines jew ta’ Lauda Air, għandhom jiġu kklassifikati fil-kategorija ta’ impjiegi B.

    17

    Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2010, il-qorti tar-rinviju laqgħet dan ir-rikors u kkunsidrat li l-punt 1.7 tal-Anness III ta’ dan il-ftehim kollettiv għandu jiġi interpretat fis-sens li: “[l]-promozzjoni mill-kategorija A għall-kategorija B isseħħ wara l-għeluq ta’ tliet snin ta’ anzjanità fi ħdan il-grupp, jiġifieri, preċiżament tliet snin wara r-reklutaġġ bħala membru tal-ekwipaġġ fi ħdan il-grupp”.

    18

    Adita fl-appell minn Tyrolean Airways, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kompetenzi u l-għarfien li l-membri tal-ekwipaġġ kisbu mat-tliet kumpanniji tal-ajru li jiffirmaw parti mill-grupp huma materjalment identiċi. Skont din il-qorti, l-attivitajiet eżerċitati mill-membri tal-ekwipaġġ fi ħdan dawn il-kumpanniji huma kważi identiċi. Dawn jiddistingwu ruħhom biss mill-fatt li l-postazzjoni tal-kċina tvarja skont l-ajruplan użat, kif ukoll b’differenzi żgħar, dovuti għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull ajruplan, f’dak li jikkonċerna l-manuvri li għandhom jiġi segwiti fl-ajru mill-membri tal-ekwipaġġ.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-klawżola kontenzjuża tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways u, għalhekk, il-klawżola li normalment tidher fil-punt 8 tal-kuntratti ta’ xogħol tal-ekwipaġġ ta’ Tyrolean Airways, jikkostitwixxu diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, minħabba l-fatt li dawn jistabbilixxu differenza skont l-età li biha l-membri tal-ekwipaġġ kisbu l-kompetenzi u l-għarfien meħtieġ minn Tyrolean Airways. Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konsegwenzi ġuridiċi tan-nuqqas ta’ osservanza tad-drittijiet fundamentali huma ddefiniti mid-dritt nazzjonali, madankollu, billi tagħmel parallel ma’ każijiet relatati ma’ ftehim antikompetittivi, il-qorti tar-rinviju tara l-possibbiltà ta’ raġuni assoluta ta’ nullità.

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Innsbruck iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Id-dritt tal-Unjoni, skont kif attwalment fis-seħħ, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 21 tal-[Karta] (flimkien mal-Artikolu 6(1) TUE), il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (Artikolu 6(3) TUE) ta’ [nondiskriminazzjoni] bbażata fuq l-età u l-Artikoli 1, 2, u 6 tad-Direttiva [2000/78/KE], jipprekludi li dispożizzjoni nazzjonali ta’ ftehim kollettiv li tiddiskrimina indirettament l-ixjeħ ħaddiema billi tieħu biss inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fil-kategoriji ta’ impjieg[i] previsti mill-ftehim kollettiv [ta’ Tyrolean Airways] u, konsegwentement, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tas-salarju, il-kompetenzi u l-għarfien li kisbu bħala membri tal-ekwipaġġ ta’ kumpannija tal-ajru partikolari, bl-esklużjoni ta’ kompetenzi u għarfien sostanzjalment identiċi li dawn l-istess persuni kisbu mingħand kumpannija tal-ajru oħra li tappartjeni mal-istess grupp ta’ impriżi? Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll, skont il-każ, għall-kuntratti ta’ xogħol li ġew konklużi qabel l-1 ta’ Diċembru 2009?

    2)

    Qorti nazzjonali tista’, b’analoġija mal-kawża [tal-5 ta’ Frar 2004] Rieser Internationale Transporte (C-157/02, Ġabra p. I-1477) u mas-soluzzjoni li ngħatat mill-ġurisprudenza fir-rigward ta’ ftehim antikompetittiv fil-kawża [tal-25 ta’ Novembru 1971] Béguelin Import (22/71, Ġabra p. 949), tqis klawżola ta’ kuntratt individwali li tikser indirettament l-Artikolu 21 tal-[Karta], il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ [nondiskriminazzjoni] bbażata fuq l-età u/jew l-Artikoli 1, 2, u 6 tad Direttiva [2000/78/KE] bħala li hija parzjalment nulla minħabba l-effett orizzontali dirett tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni u ma tapplikax tali klawżola?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    21

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li tieħu inkunsiderazzjoni biss, għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni fil-kategoriji ta’ impjiegi prevista minn din tal-aħħar’ u, għalhekk, tad-determinazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni, l-esperjenza professjonali miksuba bħala membru tal-ekwipaġġ ta’ kumpannija tal-ajru speċifika, bl-esklużjoni tal-esperjenza materjalment identika miksuba ma’ kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi.

    22

    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, meta jadottaw miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu fl-osservanza ta’ din id-direttiva (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C-447/09, Ġabra p. I-8003, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-Direttiva 2000/78.

    24

    Il-klawżola kontenzjuża tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways tipprovdi li l-promozzjoni mill-kategorija ta’ impjiegi A għall-kategorija ta’ impjiegi B tinkiseb wara tliet snin ta’ anzjanità miksuba. Għalhekk, din id-dispożizzjoni taffettwa d-determinazzjoni tal-kategorija ta’ impjiegi li fiha ġew ikklassifikati l-impjegati meta ġew irreklutati ma’ din il-kumpannija. Din taffettwa wkoll, b’konsegwenza, ir-remunerazzjoni tagħhom. Għalhekk, regola ta’ din it-tip għandha tiġi kkunsidrata bħala li tistabbilixxi regoli li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għax-xogħol, ta’ reklutaġġ u ta’ remunerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2000/78.

    25

    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2000/78 tapplika għal sitwazzjoni bħal dik li tat lok għall-kawża prinċipali.

    26

    Fil-kawża prinċipali, il-Betriebsrat sostna li f’każ ta’ reklutaġġ minn Tyrolean Airways il-membri tal-ekwipaġġ tal-kumpanniji kkonċernati li diġà għandhom diversi snin ta’ esperjenza professjonali mal-grupp jinżlu fil-grad għall-kategorija ta’ impjiegi A.

    27

    L-ewwel domanda donnha hija msejsa fuq il-premessa li tgħid li diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tista’ tirriżulta mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, abbażi tal-klawżola kontenzjuża tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways, ta’ perijodi ta’ servizz maħduma ma kumpanniji l-oħra tal-grupp.

    28

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, għall-finijiet tagħha, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età tirriżulta meta dispożizzjoni, kriterju jew prassi li jidhru newtrali jistgħu jpoġġu f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ lil persuni ta’ età partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħra, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prassi ma humiex oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u sakemm il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-iskop ma jkunux xierqa u neċessarji.

    29

    Issa, għalkemm dispożizzjoni bħal dik li l-kontenut tagħha huwa espost fil-punt 22 ta’ din is-sentenza tista’ tagħti lok għal differenza fit-trattament skont id-data ta’ reklutaġġ mill-persuna li timpjega kkonċernata, madankollu din id-differenza la hija, direttament jew indirettament, ibbażata fuq l-età u lanqas fuq ċirkustanza marbuta mal-età. Effettivament, hija l-esperjenza eventwalment miksuba minn membru tal-ekwipaġġ fi ħdan kumpannija oħra fl-istess grupp ta’ impriżi li ma titteħidx inkunsiderazzjoni waqt il-klassifikazzjoni, u dan indipendentement mill-età ta’ dan il-membru tal-ekwipaġġ fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk ibbażata fuq kriterju li la huwa indisassoċjabilment (ara, a contrario, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C-499/08, Ġabra p. I-9343, punt 23) u lanqas indirettament marbut mal-età tal-impjegati, anki jekk ma huwiex eskluż li l-applikazzjoni tal-kriterju kontenzjuż jista’, f’ċerti każijiet partikolari, jkollha bħala konsegwenza għall-membri tal-ekwipaġġ ikkonċernati, li l-promozzjoni mill-kategorija ta’ impjiegi A għall-kategorija ta’ impjiegi B tingħata f’età iktar avvanzata minn dik tal-membri li kisbu esperjenza ekwivalenti fi ħdan Tyrolean Airways.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-klawżola kontenzjuża tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways toħloq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

    31

    Mill-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fil-kategoriji ta’ impjiegi previsti minn dan tal-aħħar u, għalhekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ remunerazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni biss l-esperjenza professjonali miksuba bħala membru tal-ekwipaġġ ta’ kumpannija tal-ajru speċifika, bl-esklużjoni tal-esperjenza materjalment identika miksuba fi ħdan kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi.

    Fuq it-tieni domanda

    32

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    33

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fil-kategoriji ta’ impjiegi previsti minn dan tal-aħħar u, għalhekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ remunerazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni biss l-esperjenza professjonali miksuba bħala membru tal-ekwipaġġ ta’ kumpannija tal-ajru speċifika, bl-esklużjoni tal-esperjenza materjalment identika miksuba fi ħdan kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq