Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62011CJ0027
Judgment of the Court (Eighth Chamber), 7 June 2012.#Anton Vinkov v Nachalnik Administrativno-nakazatelna deynost.#Reference for a preliminary ruling from the Administrativen sad Sofia-grad.#Reference for a preliminary ruling — Non-recognition in national law of the right to a judicial remedy in respect of decisions imposing a financial penalty and the deduction of points for certain breaches of road traffic regulations — Purely internal situation — Inadmissibility of the reference.#Case C-27/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2012.
Anton Vinkov vs Nachalnik Administrativno-nakazatelna deynost.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Nuqqas ta’ rikonoxximent, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni pekunjarja kif ukoll it-tnaqqis ta’ punti mil-liċenzja tas-sewqan għal ċertu ksur tar-regoli tat-traffiku tat-triq — Sitwazzjoni purament interna — Inammissibbiltà tat-talba.
Kawża C-27/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2012.
Anton Vinkov vs Nachalnik Administrativno-nakazatelna deynost.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Nuqqas ta’ rikonoxximent, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni pekunjarja kif ukoll it-tnaqqis ta’ punti mil-liċenzja tas-sewqan għal ċertu ksur tar-regoli tat-traffiku tat-triq — Sitwazzjoni purament interna — Inammissibbiltà tat-talba.
Kawża C-27/11.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:326
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
7 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Nuqqas ta’ rikonoxximent, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni pekunjarja kif ukoll it-tnaqqis ta’ punti mil-liċenzja tas-sewqan għal ċertu ksur tar-regoli tat-traffiku tat-triq — Sitwazzjoni purament interna — Inammissibbiltà tat-talba”
Fil-Kawża C-27/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura
Anton Vinkov
vs
Nachalnik Administrativno-nakazatelna deynost,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u. E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A.. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u V. Savov, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata fi Strasbourg fit-22 ta’ Novembru 1984 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”), tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-Artikoli 67 TFUE, 82 TFUE u 91(1)(c) TFUE, tal-Konvenzjoni tas-17 ta’ Ġunju 1998, imfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea Dwar Skwalifiki tas-sewqan, li l-adozzjoni mill-Istati Membri ġiet rrakkomandata mill-Att tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar Skwalifiki tas-Sewqan”), tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni fi proċeduri kontra reati ta’ traffiku fit-triq u tal-infurzar ta’ penalitajiet finanzjarji imposti fir-rigward ta’ dawn, approvat fit-28 ta’ April 1999 mill-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 390, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Kooperazzjoni”), u tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, tal-24 ta’ Frar 2005, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (ĠU L 159M, 13.06.2006, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Vinkov, ċittadin Bulgaru, u Nachalnik Administrativno-nakazatelna deynost dwar deċiżjoni tal-pulizija tat-traffiku Bulgara li imponiet sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 20 kif ukoll tnaqqis ta’ punti mil-liċenzja tas-sewqan tiegħu. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Protokoll Nru 7
3 |
Fl-Artikolu 2 tiegħu, il-Protokoll Nru 7 jistabbilixxi d-dritt għal appell f’materji kriminali: “1. Kull min jinsab ħati ta’ reat kriminali minn xi tribunal ikollu d-dritt li dak is-sejbien ta’ ħtija jew dik is-sentenza jiġu rivisti minn tribunal ogħla. L-eserċizzju ta’ dan id-dritt, inklużi r-raġunijiet abbażi ta’ dak l-eserżizzju, għandhom ikunu regolati bil-liġi. 2. Dan id-dritt jista’ jkun suġġett għal eċċezzjonijiet dwar reati ta’ xorta minuri, skond ma jkunu preskritti bil-liġi […]” |
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Konvenzjoni dwar Skwalifiki tas-Sewqan
4 |
L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar Skwalifiki tas-Sewqan jipprevedi: “L-Istati Membri hawnhekk jidħlu li jikkooperaw, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, bil-għan li s-sewwieqa li jkunu ġew skwalifikati milli jsuqu fi Stat Membru għajr dak li fih huma jkunu normalment residenti ma jkunux jistgħu jaħarbu mill-effetti ta’ l-iskwalifika tagħhom meta dawn iħallu l-Istat ta’ fejn ikun twettaq ir-reat.” |
5 |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija konvenzjoni: “L-Istat fejn ikun twettaq il-ksur tar-regolamenti għandu mingħajr dewmien jinforma lill-Istat tar-residenza dwar kwalunkwe skwalifika mis-sewqan li tkun ġiet imposta għal ksur ta’ regolamenti minħabba l-imġieba msemmija fl-Anness.” |
6 |
Skont l-Artikolu 8(1) tal-istess konvenzjoni, din in-notifika għandha tkun akkumpanjata b’serje ta’ informazzjoni li tikkonċerna prinċipalment id-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Istat Membru fejn seħħ ir-reat u li fuq il-bażi tagħhom ikun ġie kkonstatat kif ukoll l-istat tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ skwalifika. |
7 |
Skont l-Artikolu 8(3): “Jekk l-informazzjoni mgħoddija [mill-Istat fejn ikun twettaq il-ksur u l-Istat ta’ residenza] tinstab li hija insuffiċjenti biex tittieħed deċiżjoni [ta’ skwalifika] skond din il-Konvenzjoni, partikolarment fejn, fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, ikun hemm dubju jekk il-persuna konċernata kellhiex l-opportunità biżżejjed li tiddefendi lilha nnifisha, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat tar-residenza għandhom jitolbu lill[-]awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat tar-reat biex dawn ifornu l-informazzjoni supplimentari meħtieġa mingħajr dewmien.” |
Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni
8 |
L-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni huwa fformulat kif ġej: “Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jagħtu lil xulxin koperazzjoni massima fi proċeduri kontra reati ta’ traffiku fit-triq u fir-rigward ta’ l-infurzar ta’ deċiżjonijiet f’dan ir-rigward skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.” |
9 |
L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi ftehim jipprovdi: “It-trasferiment ta’ l-infurzar ta’ deċiżjonijiet jista’ jintalab taħt dan il-Ftehim biss meta:
[...]
[…]” |
Id-Deċiżjoni Qafas
10 |
Skont l-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas, “deċiżjoni” tfisser, “deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ penali finanzjarja minn persuna fiżika jew ġuridika fejn id-deċiżjoni ttieħdet minn [...] qorti ta’ l-Istat emittenti fir-rigward ta’ reat kriminali skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti”. |
11 |
L-Artikolu 4(1) ta’ din l-istess deċiżjoni qafas tipprovdi li tali deċiżjoni li timponi sanzjoni “[t]ista’ [t]iġi trasmess[a] lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li fih għandha l-proprjetà jew id-dħul il-persuna fiżika jew ġuridika, li kontriha ttieħdet deċiżjoni, hija normalment residenti jew, fil-każ ta’ persuna ġuridika, għandha l-uffiċċju reġistrata tagħha”. |
12 |
L-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li d-deċiżjonijiet li huma bbażati fuq il-ksur tar-regoli tat-traffiku “jekk huma kastigabbli fl-Istat emittenti u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, skont l-istipulazzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jagħtu lok għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet”. |
13 |
Għal din il-finalità, l-Artikolu 20(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprovdi: “Kull Stat Membru jista’ jopponi r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat [UE][…]” |
Id-dritt Bulgaru
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
14 |
L-Artikolu 628(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi: “Meta l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-validità ta’ miżura adottata mill-organi tal-Unjoni Ewropea hija meħtieġa sabiex tiġi solvuta kwistjoni b’mod xieraq, il-qorti Bulgara għandha tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.” |
15 |
Skont l-Artikolu 629, il-qorti tal-aħħar istanza għandha tressaq talba għal deċiżjoni preliminari dwar interpretazzjoni meta din tkun meħtieġa sabiex tagħti deċiżjoni fil-kawża quddiemha. Jekk din tkun tirrigwarda talba għall-evalwazzjoni tal-validità, il-qrati kollha huma obbligati jressqu r-rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
Il-Liġi dwar it-traffiku tat-triq
16 |
L-Artikolu 157(4) tal-Liġi dwar it-traffiku tat-triq jipprovdi: “Is-sewwieq li jkunu tnaqqsulu l-punti kollha tiegħu jiġi skwalifikat milli jsuq u huwa obbligat irodd lura l-liċenzja tiegħu lid-dipartiment kompetenti tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni.” |
17 |
Skont l-Artikolu 157(5), il-persuna li tiġi skwalifikata milli ssuq tista’, sitt xhur wara li trodd lura l-liċenzja, tiġi awtorizzata tagħmel eżami sabiex tikseb mill-ġdid id-dritt li ssuq. |
18 |
L-Artikolu 171 tal-istess liġi jippreskrivi li, fost il-miżuri amministrattivi obbligatorji applikabbli fil-materja taż-żamma tas-sigurtà fit-toroq, hemm l-“irtirar tal-liċenzja tas-sewqan tal-persuna li ma tissodisfax l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 157(4)”. |
19 |
Skont l-Artikolu 189(5) tal-Liġi dwar it-traffiku tat-triq: “Id-deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni amministrattiva [“nakazatelni postanovleniya”] ta’ ammont inqas minn jew ekwivalenti għal [BGN] 50 ma jistgħux jiġu appellati.” |
Id-Digriet dwar il-liċenzja bil-punti
20 |
L-Artikolu 2(1) tad-Digriet Nru 13-1959, tas-27 ta’ Diċembru 2007, dwar id-determinazzjoni tan-numru massimu inizjali ta’ punti tal-liċenzja bil-punti ta’ sewwieqa ta’ vetturi bil-mutur, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet, il-proċedura u l-lista ta’ reati tat-traffiku li jagħtu lok għat-tnaqqis tagħhom, jipprovdi: “Mall-ħruġ inizjali ta’ liċenzja tas-sewqan għal vettura bil-mutur, it-titulari jirċievi bilanċ inizjali massimu ta’ 39 punt li jistgħu jitnaqqsu sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-reati taħt il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq li twettqu mit-titulari.” |
21 |
L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dan l-istess digriet huwa fformulat kif ġej: “1. Il-punti għandhom jitnaqqsu abbażi ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva [“nakazatelno postanovlenie”] b’mod definittiv. 2. Meta jiġu imposti sanzjonijiet għal reati amministrattivi elenkati f’[dan] id-digriet, id-deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva għandha tindika n-numru ta’ punti li jitneħħew u ta’ dawk li jibqgħu.” |
22 |
Skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi digriet: “Il-fatt li jiġi kkawżat inċident tat-traffiku intenzjonalment jew b’mod negliġenti jwassal għal tnaqqis addizzjonali ta’ 4 punti.” |
Il-Liġi dwar ir-reati u s-sanzjonijiet amministrattivi
23 |
L-Artikolu 63(1) u (2) tal-Liġi dwar ir-reati u s-sanzjonijiet amministrattivi (Zakon za administrativnite narusheniya i nakazaniya) jipprovdi: “1. Ir-Rayonen sad (qorti reġjonali), ppreseduta minn imħallef uniku, għandha teżamina l-mertu tal-kawża u tieħu deċiżjoni li tista’ tafferma, timmodifika jew teskludi d-deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva. Id-deċiżjoni hija suġġetta għal appell quddiem il-Administrativen sad [qorti amministrattiva] [...] 2. Fil-każijiet previsti mil-liġi, il-qorti tista’ tittermina l-proċedura permezz ta’ digriet [...] suġġett għal appell [...].” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
24 |
Waqt li kien qed jagħmel manuvra b’lura f’parkeġġ li jinsab f’Sofija (il-Bulgarija), A. Vinkov laqat vettura oħra. |
25 |
Wara dan l-inċident, huwa kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tan-Nachalnik Administrativno-nakazatelna deynost v otdel “Patna politsiya” na Stolichna direktsiya na vatreshnite raboti (Direttur tal-penalitajiet amministrattivi fid-dipartiment “Pulizija tat-Triq” fi ħdan id-Direttorat tal-Affarijiet Interni tar-Reġjun tal-belt kapitali), li kkonstata li huwa kien responsabbli għal “inċident mhux serju tat-traffiku” u imponielu multa li tammonta għal BGN 20 kif ukoll it-tnaqqis ta’ erba’ punti mil-liċenzja tas-sewqan tiegħu. |
26 |
A. Vinkov appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Sofiyski rayonen sad (qorti reġjonali ta’ Sofija), li ċaħdet l-appell permezz ta’ digriet li ddikjarah inammissibbli. Din il-qorti kkunsidrat li, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-każ, b’mod partikolari l-Artikolu 189(5) tal-Liġi dwar it-traffiku tat-triq, deċiżjoni li timponi sanzjoni finanzjarja ta’ inqas minn BGN 50 ma tistax tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. |
27 |
A. Vinkov ikkontesta dan id-digriet quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad li, skont l-Artikolu 63 tal-Liġi dwar it-traffiku tat-triq, hija l-qorti ta’ Kassazzjoni fil-kawżi li għandhom bħala suggett id-deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni amministrattiva. |
28 |
Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, l-imsemmija qorti tirrileva li, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kif interpretati mill-Varhoven administrativen sad (Qorti amministrattiva suprema), jirriżulta li l-appelli kontra d-deċiżjonijiet li jimponu s-sanzjoni ta’ tnaqqis ta’ punti mil-liċenzja tas-sewqan jistgħu jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku. Skont il-ġurisprudenza ta’ din l-aħħar qorti, il-leġiżlazzjoni Bulgara tiddefinixxi t-tnaqqis ta’ punti minn liċenzja tas-sewqan, mhux bħala sanzjoni amministrattiva awtonoma jew bħala miżura amministrattiva obbligatorja, iżda bħala miżura li għandha tiġi applikata awtomatikament mill-awtoritajiet tal-pulizija, li għandhom biss kompetenza limitata f’dan il-qasam. Għalhekk, id-deċiżjoni li tipprovdi tali sanzjoni, meħuda bħala riżultat ta’ ksur tar-regoli tat-traffiku, hija biss kontestabbli meta timponi wkoll sanzjoni pekunjarja ikbar minn BGN 50. |
29 |
Madankollu, l-Administrativen sad Sofia-grad tenfasizza li, skont l-Artikolu 157(4) tal-Liġi dwar it-traffiku tat-triq, l-irtirar tal-punti kollha mil-liċenzja, li jista’ jirriżulta mill-akkumulazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ tnaqqis li ma humiex suġġetti għal appell, is-sewwieq huwa awtomatikament skwalifikat mis-sewqan u jkollu jirritorna l-liċenzja tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti. |
30 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, li jistabbilixxu b’mod partikolari l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji (iktar ’il quddiem il-“prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku”), kif ukoll dawk fil-qasam tat-trasport jipprekludux in-nuqqas ta’ rikonoxximent, skont id-dritt Bulgaru, ta’ dritt ta’ appell kontra tali deċiżjonijiet ta’ tnaqqis ta’ punti mil-liċenzja tas-sewqan. |
31 |
L-imsemmija qorti tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati nazzjonali u d-duttrina Bulgara, id-deċiżjonijiet amministrattivi li jimponu sanzjoni tat-tip inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kkunsidrati bħala deċiżjonijiet ġudizzjarji. Fil-fatt, anki jekk ma jagħmlux parti mis-sistema ġudizzjarja, il-korpi li jadottaw tali deċiżjonijiet jeżerċitaw funzjoni ġudizzjarja. |
32 |
Fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 6(1) tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni u l-Artikolu 8(3) tal-Konvenzjoni dwar Skwalifiki tas-Sewqan, jipprovdu l-possibbiltà għal Stat Membru li jirrifjuta li jirrikonoxxi sentenzi ta’ Stat Membru ieħor li tissanzjona ksur tar-regoli tat-traffiku meta, f’dan l-Istat, ma jkun hemm ebda dritt ta’ appell. |
33 |
L-Administrativen sad Sofia-grad tenfasizza li dan il-ftehim u din il-konvenzjoni ma japplikawx fil-Bulgarija peress li l-imsemmi ftehim ma huwiex fost l-atti tal-acquis ta’ Schengen li jorbot lir-Repubblika tal-Bulgarija u li l-imsemmija konvenzjoni għadha ma daħlitx fis-seħħ. Madankollu, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom jitqiesu li jesprimu regola ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali u għandhom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikunu applikabbli fir-rigward ta’ deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C-286/90, Ġabra p. I-6019). |
34 |
L-Administrativen sad Sofia-grad tfakkar, barra minn hekk, li d-Deċiżjoni Qafas tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 20(1) tagħha, il-possibbiltà li ma jiġux irrikonoxxuti deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet li għalihom mhux previst dritt għall-appell quddiem qorti li għandha prinċipalment kompetenza f’materji kriminali. Għalhekk, peress li l-leġiżlazzjoni Bulgara inkwistjoni tidderoga, skont il-qorti tar-rinviju, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, din il-qorti tistaqsi jekk tali deroga hijiex aċċettabbli u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk għandhiex tiġi interpretata b’mod restrittiv. |
35 |
Fir-rigward tal-kompetenza tagħha sabiex tressaq domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni qafas, l-Administrativen sad Sofia-grad tenfasizza li, fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tal-aħħar istanza. Hija tqis li, għalkemm ir-Repubblika tal-Bulgarija għadha ma ppreżentatx dikjarazzjoni espliċita ta’ aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ deċiżjonijiet preliminari, skont l-Artikolu 35(2) TUE, l-Artikolu 628 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Lulju 2007, li jistabbilixxi l-kompetenza tal-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza sabiex iressqu talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi interpretat bħala aċċettazzjoni impliċita tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tal-imsemmi Artikolu 35 TUE. |
36 |
Fir-rigward tar-regoli tat-Trattat FUE dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-Artikoli 67(1) TFUE u 82(1) TFUE jirriżulta li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali jista’ biss japplika għar-rispett tad-drittijiet fundamentali u b’hekk tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u kif ukoll fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). |
37 |
F’dan ir-rigward, l-Administrativen sad Sofia-grad tfakkar li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenza tagħha Öztürk vs Il-Ġermanja tal-21 ta’ Frar 1984 (Serje A Nru 73), iddeċidiet li l-Artikolu 6 tal-KEDB ma jipprekludix id-dekriminalizzazzjoni ta’ reati żgħar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda s-sanzjonijiet marbuta magħhom jaqgħu fl-ambitu ta’ dan l-artikolu meta jżommu n-natura punittiva tagħhom. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li tista’ ċertament tiġi applikata l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ appell taħt l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll Nru 7, fir-rigward tas-sanzjonijiet applikabbli għal reati minuri tar-regoli tat-traffiku, iżda li, skont id-dritt Bulgaru, ebda kriterju ma jista’ jikkaratterizza reat bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala “minuri”. Fil-fatt, skont l-Artikolu 189(5) tal-Liġi dwar it-traffiku tat-triq, l-uniku kriterju sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva tistax titqies li tikkonċerna reat gravi u tkun ikkontestata huwa l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja imposta. Madankollu, dan il-kriterju ma jiħux inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi legali tat-tnaqqis tal-punti mil-liċenzja tas-sewqan, li jista’ jwassal għall-iskwalifika tad-dritt tas-sewqan. |
38 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-politika komuni tat-trasport. Hija tirrileva li, filwaqt li dan huwa qasam ta’ kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u li r-regoli ta’ proċedura kriminali, bħal dawk relatati mas-sanzjonijiet għall-ksur tar-regoli tat-traffiku fit-toroq, jaqgħu, fil-prinċipju, fil-kompetenza tal-Istati Membri, id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi, sa fejn dan jikkostitwixxi ostakolu għal moviment liberu, l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet sproporzjonati għall-gravità tal-ksur. |
39 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
40 |
Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli67 TFUE, 82 TFUE, u 91(1)(ċ) TFUE kif ukoll il-leġiżlazzjoni sekondarja fil-qasam tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik applikabbli fil-Bulgarija, li ma tirrikonoxxix id-dritt ta’ appell kontra deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tat-traffiku, ikkwalifikati bħala “minuri”, anki meta dawn id-deċiżjonijiet jimponu mhux biss sanzjoni pekunjarja ta’ ammont żgħir, iżda wkoll it-tnaqqis ta’ punti mil-liċenzja tas-sewqan. |
41 |
Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob interpretazzjoni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma indirizzati biss għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-ebda waħda minnhom ma tikkonċerna s-sistema tas-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-regoli tat-traffiku tat-triq, dawn ma humiex applikabbli fil-kawża prinċipali. |
42 |
Fil-fatt, l-Artikolu 67 TFUE jiftaħ il-Kapitolu 1, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali” tat-Titolu V tat-Trattat FUE dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan l-artikolu jistabbilixxi l-għan, l-iskop u r-regoli bażiċi tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni intiżi għar-realizzazzjoni sħiħa tal-imsemmi spazju. L-Artikolu 82 TFUE, li jidher taħt l-istess titolu, Kapitolu 4, dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, jipprovdi wkoll miżuri li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jadotta għall-kisba ta’ kooperazzjoni globali bejn l-Istati Membri fil-qasam kriminali u jistabbilixxi r-regola li tipprovdi li din il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. |
43 |
Fir-rigward tal-Artikolu 91 TFUE, li jinsab fit-Titolu VI tat-Trattat FUE, dwar it-trasport, dan jistabbilixxi, fil-paragrafu 1, il-miżuri li għandhom jieħdu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-istabbiliment ta’ politika komuni tat-trasport. Huwa ma jistabbilixxi l-ebda regola dwar sanzjoni għal ksur tar-regoli tat-traffiku tat-triq. |
44 |
Madankollu, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għal domanda preliminari meta l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u meta l-imsemmija regoli ma jkunux applikabbli fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C-567/07, Ġabra p. I-9021, punt 43, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Omalet, C-245/09, Ġabra p. I-13771, punt 11). |
45 |
Għalhekk, peress li d-domandi preliminari huma bbażati fuq l-Artikoli 67 TFUE, 82 TFUE u 91(1)(ċ) TFUE, dawn għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
46 |
Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni sekondarja, il-qorti tar-rinviju, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, tirreferi għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni, għall-Konvenzjoni dwar Skwalifiki tas-Sewqan kif ukoll għad-Deċiżjoni Qafas. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dawn l-atti għandhom il-bażi legali tagħhom fit-Titolu VI tat-Trattat UE, fil-verżjoni li tippreċedi t-Trattat ta’ Lisbona. |
48 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 35(1) u (2) UE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi preliminarjament dwar l-interpretazzjoni ta’ deċiżjonijiet qafas, ta’ deċiżjonijiet kif ukoll ta’ konvenzjonijiet stabbiliti skont l-imsemmi Titolu VI sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx għamel dikjarazzjoni li huwa jaċċetta l-imsemmija ġurisdizzjoni. |
49 |
Huwa paċifiku, f’dan ir-rigward, li r-Repubblika tal-Bulgarija ma għamlitx dikjarazzjoni bħal din. Barra minn hekk, dispożizzjoni interna, bħall-Artikolu 628(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, imsemmija mill-qorti tar-rinviju u li barra minn hekk, sempliċement tillimita ruħha li ttenni essenzjalment it-termini tal-Artikolu 267 TFUE, f’ebda każ ma tista’ titqies li hija ekwivalenti għal tali dikjarazzjoni. |
50 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 10 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattat FUE, jirriżulta li, fir-rigward ta’ atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-imsemmi Titolu VI tat-Trattat UE, fil-verżjoni fis-seħħ qabel l-imsemmija data, ma jinbidlux matul perijodu ta’ ħames snin wara din l-istess data, anki meta dawn ikunu ġew aċċettati skont l-Artikolu 35(2) ta’ dan l-aħħar Trattat. |
51 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għad-deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju sa fejn din tkun tikkonċerna l-Ftehim ta’ kooperazzjoni, il-Konvenzjoni dwar Skwalifiki tas-Sewqan u d-Deċiżjoni Qafas. |
52 |
Fir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tirreferi wkoll għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor dwar il-ksur tar-regoli tat-traffiku tat-triq sabiex tikkonkludi li, fil-fehma tagħha, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tirrikonoxxix id-dritt ta’ appell kontra deċiżjoni dwar tnaqqis ta’ punti mil-liċenzja tas-sewqan. |
53 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali prinċipju ma jistax, anki ipotetikament, jirrigwarda proċeduri ta’ natura transkonfinali, ibbażati fuq ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza fi Stat Membru minbarra dak fejn tkun ingħatat. |
54 |
F’dan il-każ, il-kawża prinċipali hija purament interna. Fil-fatt, din tikkonċerna persuna li toqgħod fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija u li kkontestat id-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru ssanzjonawha wara inċident tat-traffiku li seħħ f’dan l-istess Stat Membru. Għalhekk, interpretazzjoni tal-imsemmi prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku hija kompletament irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. |
55 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix regoli tad-dritt Bulgaru inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn jinvolvu ksur tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB kif ukoll l-Artikolu 47 u 48 tal-Karta. |
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali huma vinkolanti fuq l-Istati Membri fil-każijiet kollha fejn huma mitluba japplikaw id-dritt tal-Unjoni (ara d-digrieti tat-12 ta’ Novembru 2010, Asparuhov Estov et, C-339/10, Ġabra p. I-11465, punt 13, u tal-1 ta’ Marzu 2011, Chartry, C-457/09, Ġabra p. I-819, punt 25, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2011, Boncea et, C-483/11 u C-484/11, punt 29). |
57 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni biss u, skont l-Artikolu 6(1) TUE, li jagħti lill-Karta l-istess saħħa legali daqs dik tat-Trattati, din ma tistabbilixxi ebda kompetenza ġdida għall-Unjoni. |
58 |
Għalhekk, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li joħorġu b’mod partikolari mill-Karta (ara, f’dan is-sens, sentenzi tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C-299/95, Ġabra p. I-2629, punt 15, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C-256/11, Ġabra p. I-11315, punt 72). |
59 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija miżura ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li għandha konnessjoni oħra ma’ dan id-dritt. Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari sa fejn hija bbażata fuq id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv ma hijiex stabbilita (ara digrieti ċċitati iktar ’il fuq, Asparuhov Estov et, punt 14; Chartry, punti 25 u 26, kif ukoll Boncea et, punt 34). |
60 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
61 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Diċembru 2010 (Kawża C-27/11), hija inammissibbli. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.