Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0097

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Rabaʼ Awla) tal-24 taʼ Mejju 2012.
    Amia SpA, fi stralċ vs Provincia Regionale di Palermo.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Palermo.
    Ambjent — Rimi taʼ skart fʼlandfill — Direttiva 1999/31/KE — Taxxa speċjali għar-rimi taʼ skart solidu — Issuġġettar tal-operatur taʼ landfill għal din it-taxxa — Spejjeż tal-operat taʼ landfill — Direttiva 2000/35/KE — Interessi moratorji — Obbligi tal-qorti nazzjonali.
    Kawża C-97/11.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:306

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    24 ta’ Mejju 2012 ( *1 )

    “Ambjent — Rimi ta’ skart f’landfill — Direttiva 1999/31/KE — Taxxa speċjali għar-rimi ta’ skart solidu — Issuġġettar tal-operatur ta’ landfill għal din it-taxxa — Spejjeż tal-operat ta’ landfill — Direttiva 2000/35/KE — Interessi moratorji — Obbligi tal-qorti nazzjonali”

    Fil-Kawża C-97/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Palermo (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Frar 2011, fil-proċedura

    Amia SpA, kumpannija fi stralċ

    vs

    Provincia Regionale di Palermo,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Marghelis u A. Aresu, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tas-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Pontina Ambiente (C-172/08, Ġabra p. I-1175), il-qorti tar-rinviju tistax tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li hija tqis imorru kontra l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/31”), kif ukoll l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Amia SpA, kumpannija fi stralċ (iktar ’il quddiem “Amia”) u l-Provincia Regionale di Palermo rigward avviż għal ħlas ta’ taxxa speċjali għar-rimi ta’ skart solidu.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 jipprovdi:

    “L-Istati Membri jridu jieħdu mżuri biex jiżguraw l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u l-operazzjoni [l-operat] tas-sit ta’ terraferma [landfill], inkluża kemm jista’ jkun possibbli l-ispiża tas-sigurtá finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha riferuta fl-Artikolu 8(a)(iv), u l-ispejjeż stmati ta’ l-għeluq u l-kura ta’ wara tas-sit għal perijodu ta’ għall-inqas 30 sena jridu jkunu koperti mill-prezz li jrid jintalab biex jitħallas mill-operatur għar-rimi ta’ kull tip ta’ skart f’dak is-sit. Bla ħsara għall-ħtiġijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE, tas-7 ta’ Ġunju 1990, fuq il-libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni fuq l-ambjent [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 402)] l-Istati Membri jridu jiżguraw trasparenza fil-kollezzjoni [ġbir] u użu ta’ kull informazzjoni ta’ spejjeż neċessarja.”

    4

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/35 jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom japplikaw għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal tranżazzjonijiet kummerċjali.

    5

    Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/35, “transazzjonijiet kummerċjali” tfisser tranżazzjonijiet bejn impriżi jew bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-provvista ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi taħt ħlas.

    6

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/35, intitolat “Imgħax fil-każ ta’ ħlas tard”, jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitħallsu interessi fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas u li dawn jistgħu jintalbu mill-kreditur, li jkun wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu u li ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, ħlief fil-każ li d-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien.

    Il-leġiżlazzjoni Taljana

    7

    Il-Liġi Nru 549, tat-28 ta’ Diċembru 1995, dwar miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 1995, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 549/95”), tistabbilixxi taxxa speċjali għar-rimi ta’ skart solidu sabiex tippromwovi tnaqqis fl-ammont ta’ skart prodott, kif ukoll l-irkupru ta’ skart, ta’ materja prima u ta’ enerġija.

    8

    Skont l-Artikolu 3(25) tal-Liġi Nru 549/95, il-fatt li jagħti lok għal din it-taxxa huwa r-rimi ta’ skart solidu f’landfill.

    9

    Mill-Artikolu 3(26) tal-Liġi Nru 549/95 jirriżulta li l-persuna taxxabbli f’dan is-sens hija l-operatur tal-impriża ta’ ħażna finali li għandu l-obbligu li jgħaddi din l-istess taxxa lill-awtorità li tarmi l-iskart fil-landfill.

    10

    L-Artikolu 3(27) tal-Liġi Nru 549/95 jipprovdi li l-imsemmija taxxa hija dovuta lir-reġjuni.

    11

    L-Artikolu 3(30) tal-Liġi Nru 549/95 jipprovdi li l-operatur ta’ landfill għandu jħallas it-taxxa lir-reġjun li fih tinsab il-landfill. Dan il-ħlas għandu jsir matul ix-xahar li jibda jgħodd mill-iskadenza tat-trimestru annwali li matulu jkun sar id-depożitu.

    12

    L-Artikolu 3(31) tal-Liġi Nru 549/95 jipprovdi li huma imposti sanzjonijiet pekunjarji fuq l-operatur ta’ landfill fil-każ li l-operazzjonijiet ta’ rimi ma jiġux irreġistrati jew jiġu rreġistrati b’mod żbaljat u fin-nuqqas ta’ ħlas jew ħlas tardiv tat-taxxa.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13

    Amia topera landfill li tinsab f’Palermo, fil-lokalità ta’ Bellolampo, fejn hija involuta f’attivitajiet ta’ eliminazzjoni ta’ skart iddepożitat b’mod perijodiku mill-awtoritajiet lokali.

    14

    Skont il-Liġi Nru 549/95 u l-liġi reġjonali għall-implementazzjoni, kull tliet xhur, Amia għandha tħallas lil Provincia Regionale di Palermo taxxa speċjali għar-rimi ta’ skart solidu f’landfill, u għandha tgħaddi din it-taxxa fuq l-awtoritajiet lokali li jieħdu l-iskart tagħhom fil-landfill.

    15

    Amia ħallset biss parzjalment it-taxxa relatata mal-ewwel u mat-tieni trimestri 2007 u ma ħallsitx it-taxxa relatata mat-tielet u mar-raba’ trimestri tal-istess sena. Din is-sitwazzjoni wasslet lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jibagħtulha avviż għal ħlas, bil-għan li tinġabar it-taxxa mhux imħallsa li tammonta għal EUR 3 574 205.19 flimkien mal-interessi, kif ukoll multa ugwali għal 30 % tal-ammont ta’ din it-taxxa.

    16

    Fit-22 ta’ Marzu 2010, Amia ppreżentat quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Palermo rikors kontra dan l-avviż għal ħlas.

    17

    Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-ħlas tardiv tat-taxxa fil-kawża prinċipali huwa marbut fil-qrib mad-dewmien fir-rimbors tat-taxxa inkwistjoni lill-operatur tal-landfill min-naħa tal-awtoritajiet li jiddepożitaw skart fil-landfill. Skont il-qorti tar-rinviju, il-Liġi Nru 549/95 tistabbilixxi taxxa għar-rimi ta’ skart f’landfill u tiffissa t-termini għall-irkupru tagħha mill-operatur ta’ landfill, mingħajr madankollu ma tipprovdi għar-rimbors tat-taxxa lil dan l-operatur mill-awtorità li tagħmel id-depożitu, fi żmien raġjonevoli, u mingħajr ma tipprovdi proċedura effettiva sabiex jinkiseb l-imsemmi rimbors. Il-qorti tar-rinviju żżid li l-Liġi Nru 549/95 ma tipprovdix il-possibbiltà għall-operatur ta’ landfill li jdur kontra dawk li jiddepożitaw l-iskart għar-rimbors tas-sanzjoni amministrattiva imposta għal dewmien fil-ħlas tal-imsemmija taxxa.

    18

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Commissione tributaria di Palermo ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Fid-dawl tas-sentenza [Pontina Ambiente, iċċitata iktar ’il fuq], huwa possibbli li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-paragrafi 26 u 31 tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 549 […] billi dawn imorru kontra l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31, kif ukoll li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-paragrafi 26 u 31 tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 549 […] billi dawn imorru kontra l-Artikoli 1 [sa] 3 tad-Direttiva 2000/35?”

    Fuq id-domanda preliminari

    19

    Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fid-dawl tas-sentenza Pontina Ambiente, iċċitata iktar ’il fuq, għandhomx jitħallew mhux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali tat-tip bħal dawk inkwistjoni, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din is-sentenza sabiex l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu jistgħu jitqiesu bħala konformi mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 u mal-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2000/35 ma humiex sodisfatti.

    Fuq l-ammissibbiltà

    20

    Il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari. Minn naħa, ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali sa fejn il-qorti tar-rinviju ma hijiex kompetenti sabiex tisma’ l-proċedimenti għal rimedju mressqa mill-operatur tal-landfill kontra l-awtoritajiet li poġġew l-iskart fil-landfill. Dan il-gvern jindika li, skont il-leġiżlazzjoni Taljana, huma l-qrati amministrattivi li huma kompetenti sabiex jisimgħu tali proċedimenti. Min-naħa l-oħra, id-domanda preliminari saret mingħajr ma ġie eżaminat minn qabel jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Pontina Ambiente, iċċitata iktar ’il fuq, kinux effettivament sodisfatti fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, jekk strumenti ġuridiċi xierqa kinux jeżistu diġà b’mod ġenerali fid-dritt Taljan.

    21

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni tar-rinviju, li tinkludi espożizzjoni suffiċjenti tal-fatti tal-kawża kif ukoll tad-dritt nazzjonali applikabbli, jirriżulta li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li hija kompetenti sabiex tevalwa l-ħtieġa tar-rinviju, hija manifestament marbuta mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

    22

    Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala ammissibbli, peress li l-eventwali kwistjonijiet rigward il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju sabiex tisma’ proċedimenti għal rimedju kontra awtorità lokali u l-eżistenza, fid-dritt Taljan, ta’ strumenti ġuridiċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Pontina Ambiente, iċċitata iktar ’il fuq, imqajma mill-Gvern Taljan, ma humiex rilevanti għall-ammissibbiltà ta’ din id-domanda.

    Fuq il-mertu

    23

    Fis-sentenza Pontina Ambiente, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta lill-operatur ta’ landfill għal taxxa li għandha tiġi rimborsata lilu mill-awtorità lokali li tarmi skart fil-landfill, u li tipprevedi sanzjonijiet kontrih fil-każ ta’ ħlas tardiv ta’ din it-taxxa, madankollu bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tkun akkumpanjata minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw li r-rimbors tal-imsemmija taxxa jseħħ effettivament u fi żmien qasir u li l-ispejjeż kollha marbutin mal-irkupru u, b’mod partikolari, l-ispejjeż li jirriżultaw minn dewmien fil-ħlas tas-somom dovuti f’dan is-sens mill-imsemmija awtorità lokali lil dan l-operatur, inklużi kwalunkwe sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq dan tal-aħħar minħabba dan id-dewmien, jiġu mgħoddija fil-prezz li għandha tħallas din l-awtorità lill-imsemmi operatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

    24

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-istess sentenza, li l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2000/35 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-somom dovuti lill-operatur ta’ sit ta’ landfill minn awtorità lokali li tkun irmiet l-iskart fil-landfill, bħal dawk dovuti bħala rimbors ta’ taxxa, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u li l-Istati Membri għandhom għaldaqstant jiżguraw, skont l-Artikolu 3 tagħha, li dan l-operatur ikun jista’ jitlob il-ħlas ta’ interessi fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas ta’ dawn is-somom mill-awtorità lokali.

    25

    Skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 549/95 jidhru, mill-formulazzjoni u mill-applikazzjoni konkreta tagħhom, inkompatibbli mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 kif ukoll mal-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2000/35.

    26

    Il-Gvern Taljan isostni, min-naħa tiegħu, li l-leġiżlazzjoni Taljana tinkludi strumenti ġuridiċi li jippermettu l-ksib f’terminu raġjonevoli tar-rimbors, mill-awtoritajiet lokali li jużaw il-landfill, tal-ispejjeż kollha inkorsi mill-operatur ta’ landfill. Huwa jindika, b’mod partikolari, li dan tal-aħħar jista’ jibda proċedimenti għal rimedju quddiem il-qorti amministrattiva li għandha kompetenza esklużiva għas-smigħ ta’ tali proċedimenti.

    27

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn din tmur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandhiex titħalla mhux applikata tqum biss jekk jirriżulta li l-ebda interpretazzjoni konformi ta’ din id-dispożizzjoni ma hija possibbli (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C-282/10, punt 23).

    28

    Hija ġurisprudenza stabbilita li, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minn din tal-aħħar u, b’hekk, f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiggarantixxu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni Ewropea meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom (Dominguez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara s-sentenza Dominguez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Għaldaqstant, qabel ma jitħallew mhux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali f’kawża bħal dik prinċipali, il-qorti nazzjonali għandha tara, fid-dawl mhux biss tal-imsemmija dispożizzjonijiet iżda wkoll tad-dritt intern kollu u, billi tapplika medoti ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minn dan id-dritt, jekk hija tistax tasal għal interpretazzjoni tal-imsemmi dritt nazzjonali li tkun konformi mat-test u mal-għan tad-direttiva inkwistjoni.

    31

    Għaldaqstant, f’dan il-każ, qabel ma tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi Nru 549/95, il-qorti tar-rinviju għandha fl-ewwel lok tara, fid-dawl tad-dritt intern kollu, kemm sostantiv kif ukoll proċedurali, jekk hija tistax tasal għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tkun konformi mat-test u mal-għan tad-Direttivi 1999/31 u 2000/35.

    32

    Fil-każ li tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 u l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2000/35 jipproduċux effett dirett u, jekk ikun il-każ, jekk Amia tistax tinvoka dan fil-konfront tal-Provincia Regionale di Palermo.

    33

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru, meta dan ikun naqas li jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza Dominguez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    F’dan il-każ, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 jissodisfa dawn il-kriterji peress li jimponi fuq l-Istati Membri, f’termini li ma humiex ekwivoki, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi l-ebda kundizzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regola li huwa jistabbilixxi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teżiġi li għandhom jittieħdu miżuri mill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-prezz mitlub għar-rimi ta’ skart f’landfill jiġi ffissat b’mod li jkopri kull spiża marbuta mal-bidu u mal-operat ta’ landfill (sentenza Pontina Ambiente, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

    35

    Minkejja li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 ma jimponi l-ebda metodu preċiż rigward il-finanzjament tal-ispejjeż tal-landfills fuq l-Istati Membri, dan il-fatt ma jaffettwax in-natura preċiża u inkundizzjonata tal-obbligu stabbilit minn dan l-artikolu.

    36

    Rigward l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2000/35, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/35 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitħallsu interessi fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas u li dawn jistgħu jintalbu mill-kreditur, li jkun wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu u li ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, ħlief fil-każ li d-debitur ma jkunx responsabbli għal dan id-dewmien.

    37

    Dan l-obbligu impost fuq l-Istati Membri huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex joħloq effett dirett. Peress li s-somom dovuti lill-operatur ta’ sit ta’ landfill minn awtorità lokali li tkun irmiet skart fil-landfill, bħal dawk dovuti bħala rimbors ta’ taxxa, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/35, dan l-operatur jista’ jitlob il-ħlas ta’ interessi fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas tal-imsemmija somom dovuti minn din l-awtorità lokali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pontina Ambiente, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

    38

    Peress li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 u l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2000/35 jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jipproduċu effett dirett, l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri għandhom josservawhom, jiġifieri mhux biss il-qrati nazzjonali, iżda wkoll kull korp amministrattiv, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, u dawn l-awtoritajiet huma marbuta li japplikawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, Ġabra p. 1839, punti 30 sa 33, kif ukoll dik tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C-243/09, Ġabra p. I-9849, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    B’dan il-mod, fost l-entitajiet li jistgħu jiġu invokati kontrihom id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett hija inkluża awtorità bħal dik tal-Provincia Regionale di Palermo.

    40

    Minn dan jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 u l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2000/35 jistgħu jiġu invokati minn Amia quddiem il-qorti tar-rinviju kontra l-Provincia Regionale di Palermo.

    41

    Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju, jekk ma huwiex possibbli li tingħata interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, li għandha tħalli mhux applikata, fil-kawża prinċipali, kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 u l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2000/35.

    42

    Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali:

    hija l-qorti tar-rinviju li għandha, qabel ma tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi Nru 549/95, fl-ewwel lok tara, fid-dawl tad-dritt intern kollu, kemm sostantiv kif ukoll proċedurali, jekk hija tistax tasal għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tippermetti li tiġi solvuta l-kawża prinċipali b’mod konformi mat-test u mal-għan tad-Direttivi 1999/31 u 2000/35,

    jekk tali interpretazzjoni ma hijiex possibbli, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tħalli mhux applikata, fil-kawża prinċipali, kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 u l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2000/35.

    Fuq l-ispejjeż

    43

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali:

     

    hija l-qorti tar-rinviju li għandha, qabel ma tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi Nru 549/95, tat-28 ta’ Diċembru 1995, dwar miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi, fl-ewwel lok tara, fid-dawl tad-dritt intern kollu, kemm sostantiv kif ukoll proċedurali, jekk hija tistax tasal għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tippermetti li tiġi solvuta l-kawża prinċipali b’mod konformi mat-test u mal-għan tad-Direttivi tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003, u 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali,

     

    jekk tali interpretazzjoni ma hijiex possibbli, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tħalli mhux applikata, fil-kawża prinċipali, kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31, kif emendata bir-Regolament Nru 1882/2003, u l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2000/35.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Fuq