Ez a dokumentum az EUR-Lex webhelyről származik.
Dokumentum 62011CJ0100
Judgment of the Court (First Chamber) of 10 May 2012. # Helena Rubinstein SNC and L'Oréal SA v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM). # Appeal - Community trade mark - Regulation (EC) No 40/94 - Article 8(5) - Community word marks BOTOLIST and BOTOCYL - Community and national figurative and word marks BOTOX - Declaration of invalidity - Relative grounds for refusal - Damage to reputation. # Case C-100/11 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-10 ta' Mejju 2012.
Helena Rubinstein SNC u L'Oréal SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Appell - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikolu 8(5) - Trade marks Komunitarji verbali BOTOLIST u BOTOCYL - Trade marks figurattivi u verbali Komunitarji u nazzjonali BOTOX - Dikjarazzjoni ta’ invalidità - Raġunijiet relattivi għal rifjut - Preġudizzju għar-reputazzjoni.
Kawża C-100/11 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-10 ta' Mejju 2012.
Helena Rubinstein SNC u L'Oréal SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Appell - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikolu 8(5) - Trade marks Komunitarji verbali BOTOLIST u BOTOCYL - Trade marks figurattivi u verbali Komunitarji u nazzjonali BOTOX - Dikjarazzjoni ta’ invalidità - Raġunijiet relattivi għal rifjut - Preġudizzju għar-reputazzjoni.
Kawża C-100/11 P.
Határozatok Tára – Általános EBHT
Európai esetjogi azonosító: ECLI:EU:C:2012:285
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
10 ta’ Mejju 2012 ( *1 )
“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 8(5) — Trade marks Komunitarji verbali BOTOLIST u BOTOCYL — Trade marks figurattivi u verbali Komunitarji u nazzjonali BOTOX — Dikjarazzjoni ta’ invalidità — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Ħsara għar-reputazzjoni”
Fil-Kawża C-100/11 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2011,
Helena Rubinstein SNC, stabbilita f’Pariġi (Franza),
L’Oréal SA, stabbilita f’Pariġi (Franza),
irrappreżentati minn A. von Mühlendahl, avukat,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
Allergan Inc., stabbilita fi Irvine (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn F. Clark, barrister,
parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2012,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Frar 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħhom Helena Rubinstein SNC (iktar ’il quddiem “Helena Rubinstein”) u L’Oréal SA (iktar ’il quddiem “L’Oréal”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-16 ta’ Diċembru 2010, Rubinstein u L’Oréal vs UASI — Allergan (BOTOLIST u BOTOCYL) (T-345/08 u T-357/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata” li permezz tagħha din ċaħdet, fil-Kawża T-345/08, ir-rikors ippreżentat minn Helena Rubinstein u intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-28 ta’ Mejju 2008 (Każ R 863/2007-1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Allergan, Inc. u Helena Rubinstein SNC, u, fil-Kawża T-357/08, ir-rikors ippreżentat minn L’Oréal u intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-5 ta’ Ġunju 2008 (Każ R 865/2007-1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Allergan, Inc. u L’Oréal SA (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Novembru 2009. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti f’din il-kawża, din tibqa’ rregolata bir-Regolament 40/94. |
3 |
L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut”, jipprovdi fil-paragrafu (5) tiegħu: “[…] malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trademark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.” |
4 |
L-Artikolu 52(1)(a) ta’ dan ir-regolament intitolat “Raġunijiet relattivi ta’ invalidità”, jipprovdi li t-trade mark Komunitarja hija ddikjarata invalida fuq talba mressqa lill-UASI “meta jkun hemm trademark preċedenti kif msemmi fl-Artikolu 8(2) u l-kundizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu jkunu sodisfatti” |
5 |
L-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 intitolat “Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, jipprovdi fil-paragrafi (1) sa (3) tiegħu: “1. Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell dwar appelli. 2. Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter. 3. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata.” |
6 |
L-Artikolu 73 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu motivati u li dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq motivi li fir-rigward tagħhom il-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni. |
7 |
L-Artikolu 115(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprevedi li l-lingwi tal-UASI huma l-Ġermaniż, l-Ingliż, l-Ispanjol, il-Franċiż u t-Taljan. L-Artikolu 115(5) jipprovdi li n-notifika ta’ oppożizzjoni u t-talba għal revoka u għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom jitressqu f’waħda mil-lingwi tal-UASI. |
8 |
Skont ir-Regola 38(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189): “Meta il-provi li jsaħħu l-applikazzjoni ma jkunux ipreżentati bil-lingwa tal-proċedimenti għar-revoka jew invalidità, l-applikant għandu jippreżenta traduzzjoni ta’ dawk il-provi f’dik il-lingwa fi żmien xahrejn wara li dawn il-provi jkunu preżentati” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
9 |
Fis-6 ta’ Mejju 2002, Helena Rubinstein ippreżentat lill-UASI, skont ir-Regolament Nru 40/94, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “BOTOLIST” bħala trade mark Komunitarja. Fid-19 ta’ Lulju 2002 L’Oréal ippreżentat applikazzjoni simili fir-rigward tas-sinjal verbali “BOTOCYL”. |
10 |
Il-prodotti li għalihom ġew ippreżentati l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 3 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Fwejjaħ, ilma mfewwaħ għall-użu fuq il-ġilda; ġellijiet u melħ għall-banju u għad-doċċa mhux għal skopijiet mediċi; sapun tal-banju; deodoranti personali; kożmetiċi, b’mod partikolari kremijiet, ħalibijiet, lożjonijiet, ġellijiet u terer għall-wiċċ, għall-ġisem u għall-idejn; ħalibijet, ġellijiet u żjut għall-ismurija u ta’ wara x-xemx (kożmetiċi); prodotti tal-irtokk; xampuijiet; ġellijiet, muss, balzmi, u preparazzjonijiet fil-forma ta’ aerosol għall-qtugħ u l-kura tax-xagħar; sprej tax-xagħar; żebgħa tax-xagħar u prodotti għat-tneħħija tal-kulur tax-xagħar; prodotti sabiex imewġu u jinnoklaw ix-xagħar; żjut essenzjali.” |
11 |
It-trade marks Komunitarji BOTOLIST u BOTOCYL (iktar ’il quddiem, flimkien, it-“trade marks ikkontestati”) ġew rispettivament irreġistrati fl-14 ta’ Ottubru u fid-19 ta’ Novembru 2003. |
12 |
Fit-2 ta’ Frar 2005, Allergan Inc. (iktar ’il quddiem “Allergan”) ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati għall-prodotti msemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza. |
13 |
It-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu bbażati fuq l-eżistenza ta’ diversi trade marks preċedenti figurattivi u verbali, Komunitarji u nazzjonali, relatati mas-sinjal “BOTOX”, irreġistrati b’mod partikolari għal prodotti fil-klassi 5 skont il-Ftehim ta’ Nice imsemmi iktar ’il fuq u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti “Prodotti farmaċewtiċi għat-trattament ta’ mard newroloġiku, distrofija muskolari, mard ta’ muskoli bla striations, mard tas-sistema nervuża awtonoma, uġieħ ta’ rasijiet, tikmix, iperidrożi, korrimenti kkawżati mill-isports, paraliżi ċerebrali, spażmi, rogħda, u wġiegħ”. L-eqdem waħda minn dawn it-trade marks ġiet irreġistrata fit-12 ta’ April 1991 u l-iktar waħda reċenti fis-7 ta’ Awwissu 2003. |
14 |
Ir-raġunijiet invokati insostenn ta’ dawn it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) u mal-Artikolu 8(4) u (5) ta’ dan ir-regolament. |
15 |
B’deċiżjonijiet tat-28 ta’ Marzu u tal-4 ta’ April 2007, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet iż-żewġ talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
16 |
Fl-1 ta’ Ġunju 2007, Allergan ippreżentat appell lill-UASI kontra kull waħda miż-żewġ deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
17 |
Permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ dawn iż-żewġ appelli. Huwa b’mod partikolari kkunsidra li, għalkemm ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks ikkontestati u t-“trade mark preċedenti”, it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 4094 kienu fondati. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
18 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fit-22 ta’ Awwissu u fl-1 ta’ Settembru 2008, Helena Rubinstein u L’Oréal ippreżentaw rikorsi intiżi għall-annullament, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tal-UASI mogħtija fit-28 ta’ Mejju 2008 u, it-tieni nett, ta’ dik mogħtija fil-5 ta’ Ġunju 2008. |
19 |
Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2010, il-Kawżi T-345/08 u T-357/08 ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
20 |
Insostenn tar-rikorsi tagħhom, l-appellanti invokaw żewġ motivi identiċi f’kull waħda mill-kawżi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u t-tieni fuq dak tal-Artikolu 73 ta’ dan l-isess regolament. |
21 |
Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 38 sa 41 tas-sentenza kkontestata, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet preliminari, li t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu bbażati fuq l-eżistenza ta’ diversi trade marks Komunitarji u nazzjonali, figurattivi u verbali, relatati mas-sinjal “BOTOX”, il-biċċa l-kbira tagħhom irreġistrati qabel ma kienu ppreżentati l-applikazzjonijiet għat-trade marks BOTOLIST u BOTOCYL, rispettivament, fis-6 ta’ Mejju u fid-19 ta’ Lulju 2002. |
22 |
Il-Qorti Ġenerali osservat li l-Bord tal-Appell “adotta approċċ differenti minn dak segwit mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li kienet ibbażat id-deċiżjonijiet tagħha biss fuq ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 2015832 tas-sinjal figurattiv BOTOX, billi kkunsidra li r-reputazzjoni kienet inkisbet kemm fir-rigward tat-trade marks figurattivi kif ukoll fir-rigward tat-trade marks verbali BOTOX irreġistrati qabel is-6 ta’ Mejju 2002, kemm jekk dawn kienu Komunitarji kif ukoll jekk dawn kienu nazzjonali”. Skont il-Qorti Ġenerali dan l-approċċ tal-Bord tal-Appell jista’ jintwera mill-fatt li huwa ma rreferiex, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, għall-element figurattiv tat-trade mark Komunitarja BOTOX. |
23 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li l-eżami tagħha seta’ jkun limitat għaż-żewġ trade marks nazzjonali preċedenti rreġistrati fl-14 ta’ Diċembru 2000 fir-Renju Unit għat-trattament tat-tikmix u relatati mas-sinjal “BOTOX” (iktar ’il quddiem it-“trade marks preċedenti”, peress li dan kien it-territorju li fir-rigward tiegħu ġew prodotti l-iktar provi minn Allergan u sa fejn is-sempliċi fatt li raġuni relattiva għal rifjut hija kkonstatata fi Stat Membru huwa biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament 40/94. |
24 |
Għaldaqstant fil-punt 41 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddikjarat li hija kienet ser tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni humiex sodisfatti f’dan il-każ, jiġifieri, l-ewwel nett, “jekk dawn it-[trade marks preċedenti] għandhomx reputazzjoni fir-Renju Unit”, it-tieni nett, “jekk it-trade marks [ikkontestati] jixbhux dawn it-trade marks preċedenti” u, fl-aħħar, it-tielet nett, “jekk użu mingħajr raġuni valida tat-trade marks [ikkontestati] jiksibx vantaġġ inġust mill-karattru distinitv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew jikkawżalhom dannu”. Hija żżid li peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ waħda minnhom ikun biżżejjed sabiex irendi inapplikabbli id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. |
25 |
L-ewwel nett, fir-rigward tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, fil-punti 46 sa 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-diversi provi prodotti minn Allergan insostenn tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u tal-appelli quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri l-volum tal-bejgħ tal-prodotti kkummerċjalizzati bit-trade mark BOTOX mill-1999 sal-2003 f’erbatax-il Stat Membru, il-promozzjoni ta’ din it-trade mark f’artikli ppubblikati bl-Ingliż f’rivisti xjentifiċi fl-1999 u fl-2001, il-kopertura sinjifikanti fil-medja mill-2001 ta’ prodotti kkummerċjalizzati b’din it-trade mark, b’mod partikolari fl-istampa Ingliża, l-inklużjoni tal-kelma “BOTOX” f’diversi dizzjunarji bl-Ingliż, li jirrikonoxxu din il-kelma bħala trade mark, deċiżjoni tas-26 ta’ April 2005 tal-United Kindgdom Intellectual Proprery Office li tiddeċiedi fuq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark BOTOMASK fir-Renju Unit għal kożmetiċi u dikjarazzjoni ta’ direttur ta’ Allergan kif ukoll studju tas-suq imwettaq matul ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru tas-sena 2004 fir-Renju Unit. |
26 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ammissibbiltà tal-artikli tal-istampa redatti bl-Ingliż, li kienet ikkontestata mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali minħabba li dawn ġew ippubblikati sussegwentement għad-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għat-trade marks ikkontestati, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza li abbażi tagħha “għalkemm ir-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti għandha tiġi stabbbilita fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata, id-dokumenti li jikkonċernaw data sussegwenti għal din id-data ma jistgħux madankollu jiċċaħdu mill-valur probatorju jekk huma jippermettu li jinstiltu konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni kif kienet f’din l-istess data.” |
27 |
Bl-istess mod, fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti bbażati fuq l-inammissibbiltà tal-artikli ppubblikati fir-rivisti xjentifiċi u fl-istampa ġeneralistika minħabba li dawn ma kinux ġew tradotti bil-Franċiż, il-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-UASI. Hija qieset li l-eżistenza stess ta’ dawn l-artikli kienet tikkostitwixxi “element rilevanti sabiex tiġi stabbilita r-reputazzjoni [tat]-trade mark BOTOX mal-pubbliku ġenerali indipendentement mill-kontenut pożittiv jew negattiv [tagħhom]”. |
28 |
Fir-rigward tal-argument tal-appellanti bbażat fuq l-inammissibbiltà tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2005 tal-United Kindgom Intellectual Property Office, minħabba li din id-deċiżjoni kienet sussegwenti għad-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għat-trade marks ikkontestati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument billi rreferiet għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 tas-sentenza appellata. |
29 |
Fir-rigward ukoll tal-argument tal-appellanti bbażat fuq l-inammissibbiltà tad-dikjarazzjoni tad-direttur ta’ Allergan u tal-istudju tas-suq, minħabba li dawn kienu ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, fil-punt 62 ta’ din is-sentenza l-Qorti Ġenerali fakkret li, skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 “l-UASI jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati”, b’mod li l-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Hija ddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni espressa tal-Bord tal-Appell dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn il-provi, hija impliċitament, iżda neċessarjament, ikkonstatat li dawn kienu ammissibbli. |
30 |
Fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fid-dawl tal-provi kollha prodotti minn Allergan, il-Bord tal-Appell ma kienx kiser l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 billi kkunsidra li t-trade mark BOTOX kellha, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għat-trade marks ikkontestati, reputazzjoni fir-rigward tal-“prodotti farmaċewtiċi għat-trattament tat-tikmix” fir-Renju Unit. |
31 |
It-tieni nett, fir-rigward tax-xebh tat-trade marks inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 69 sa 79 tas-sentenza appellata, vverifikat jekk il-Bord tal-Appell wettaqx żball ta’ liġi billi qies li kien hemm livell ta’ xebh bejn it-trade marks preċedenti u t-trade marks ikkontestati, tali li l-pubbliku jistabbilixxi rabta bejn dawn it-trade marks. |
32 |
Essenzjalment il-Qorti Ġenerali kkonfermat ir-raġunament tal-Bord tal-Appell, li kien ħa inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni, il-fatt li l-prefiss “boto” huwa komuni bejnithom. Skontha, is-sillaba “bot” ma għandhiex tifsira partikolari u ma tirreferix għall-prinċipju attiv tal-prodott farmaċewtiku mibjugħ minn Allergan, jiġifieri t-tossina tal-botulinum, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti. Hija rrilevat ukoll li ebda raġuni ma kienet ġiet invokata sabiex jiġi mifhum għaliex din is-sillaba kellha tiġi ppreferuta mill-prefiss “boto” meħud inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell. |
33 |
Il-Qorti Ġenerali osservat li, anki fuq il-preżunzjoni li s-sinjal “BOTOX” jista’ jinqasam f’“bo” għal “botulinum” u f’“tox” għal “toxine”, b’riferiment għall-prinċipju attiv użat, dan is-sinjal ikun kiseb karattru distintiv, intrinsiku jew permezz tal-użu, għall-inqas fir-Renju Unit. |
34 |
Fil-punt 76 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li “d-daqs tas-sehem mis-suq ta’ BOTOX fir-Renju Unit, 74.3 % fl-2003, bħal-livell ta’ għarfien tat-trade mark ta’ 75 % fost il-pubbliku speċjalizzat imdorri għat-trattamenti farmaċewtiċi kontra t-tikmix, huwa biżżejjed sabiex tiġi ssostanzjata l-eżistenza ta’ livell kunsiderevoli ta’ rikonoxximent fis-suq”. |
35 |
Skont il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell kien korrett meta kkonstata li l-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni, għalkemm differenti, għaliex Allergan tikkummerċjalizza prodotti farmaċewtiċi għat-trattament tat-tikmix u l-appellanti prodotti kożmetiċi, kienu jikkonċernaw “setturi tas-suq relatati”. |
36 |
Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Bord tal-Appell kien korrett meta ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti jkun naturalment imwassal jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks ikkontestati u t-trade mark li għandha reputazzjoni BOTOX, anki qabel ma jassoċjaha mal-“botulinum”. |
37 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-użu tat-trade marks ikkontestati fuq it-trade marks preċedenti, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 81 tas-sentenza kkontestata, li hemm tliet tipi ta’ riskji distinti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, qabel kollox, l-użu ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mingħajr raġuni valida jista’ jkun ta’ dannu għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. Sussegwentement, dan l-użu jista’ jkun ta’ dannu wkoll għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Fl-aħħar, il-proprjetarju ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jikseb vantaġġ inġust, permezz tal-użu tat-trade mark tiegħu, mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Huwa biżżejjed li jeżisti wieħed minn dawn it-tliet tipi ta’ riskji sabiex l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 40/94 ikun applikabbli. |
38 |
Il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rrikonoxxiet, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien konċiż ħafna meta stabbilixxa l-effetti tal-użu tat-trade marks ikkontestati, madankollu rrilevat li r-raġuni mogħtija mill-Bord tal-Appell għal din l-inadegwatezza, jiġifieri l-fatt li l-pubbliku rilevanti neċessarjament jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti, kienet is-suġġett ta’ żviluppi sinjifikanti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u quddiem il-Qorti Ġenerali. |
39 |
Fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-argument ta’ Allergan li t-trade marks ikkontestati kellhom l-intenzjoni konkreta li jiksbu vantaġġ mill-karattru distintiv u mir-reputazzjoni ta’ BOTOX fil-qasam tat-trattament tat-tikmix, bl-effett li jiġi mnaqqas il-valur ta’ din it-trade mark”. Skont il-Qorti Ġenerali, dawn ir-riskji huma serji biżżejjed u mhux ipotetiċi biex jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-appellanti rrikonoxxew li, għalkemm il-prodotti tagħhom ma kienx fihom it-tossina tal-botulinum, huma xorta waħda kellhom l-intenzjoni li jiksbu vantaġġ mill-immaġni assoċjata ma’ dan il-prodott, inkluża fit-trade mark BOTOX, trade mark unika f’dan ir-rigward. |
40 |
Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv kollu kemm hu. |
41 |
Fir-rigward tat-tieni motiv, fil-punt 93 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bord tal-Appell indika fid-deċiżjonijiet ikkontestati l-motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum għal liema raġunijiet it-trade mark BOTOX għandha reputazzjoni. |
42 |
Fil-punt 94 tas-sentenza appellata hija qieset ukoll li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu jinkludu motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-effetti tal-użu mingħajr raġuni valida tat-trade marks ikkontestati, li għandu jippermetti lill-appellanti jkollhom l-informazzjoni kollha rilevanti sabiex jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali l-motivi kkonstatati mill-Bord tal-Appell. |
43 |
Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv kif ukoll ir-rikorsi kollha kemm huma. |
It-talbiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
44 |
Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
45 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja togħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż. |
Fuq l-appell
46 |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jressqu erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 52(1) u 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 115 tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mar-Regola 38(2) tar-Regolament Nru 2868/95. It-tielet u r-raba’ aggravji huma bbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikoli 63 u 73 tar-Regolament Nru 40/94. |
Fuq l-ewwel aggravju
47 |
L-ewwel aggravju huwa maqsuma f’erba’ partijiet |
Fuq l-ewwel parti
– L-argumenti tal-partijiet
48 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-eżami tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jista’ jsir fid-dawl ta’ żewġ trade marks preċedenti rreġistrati fir-Renju Unit li ma kinux jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Skont huma, il-Bord tal-Appell tal-UASI bbaża d-deċiżjonijiet tiegħu biss fuq it-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 2015832 komposta mis-sinjal figurattiv “BOTOX”. |
49 |
L-UASI u Allergan isostnu li l-ewwel parti tal-ewel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata, peress li l-Bord tal-Appell ma rreferiex espressament, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
50 |
Fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa minn Allergan, kienu bbażati fuq ir-reġistrazzjoni ta’ diversi trade marks Komunitarji, nazzjonali, figurattivi u verbali, relatati mas-sinjal “BOTOX”, il-biċċa l-kbira tagħhom irreġistrati qabel ma kienu ppreżentati l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati BOTOLIST u BOTOCYL, rispettivament, fis-6 ta’ Mejju u fid-19 ta’ Lulju 2002. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-punt 2 tad-deċiżjonijiet ikkontestati li jelenka dawn it-trade marks. |
51 |
Fil-punt 39 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell ma adottax l-approċċ tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li kienet ibbażat id-deċiżjonijiet tagħha biss fuq ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti Nru 2015832, u li huwa kkunsidra li r-reputazzjoni kienet inkisbet kemm fir-rigward tat-trade marks figurattivi kif ukoll fir-rigward tat-trade marks verbali BOTOX irreġistrati qabel is-6 ta’ Mejju 2002, kemm jekk dawn kienu Komunitarji kif ukoll jekk dawn kienu nazzjonali. Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li dan l-approċċ tal-Bord tal-Appell jista’ jintwera mill-fatt li huwa ma rreferiex, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, għall-element figurattiv tat-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 2015832. |
52 |
Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, il-Qorti Ġenerali setgħet leġittimament tillimita l-eżami tagħha għat-trade marks nazzjonali preċedenti rreġistrati fir-Renju Unit fl-14 ta’ Diċembru 2000 għat-trattament tat-tikmix, peress li dan kien it-territorju li fir-rigward tiegħu Allergan kienet ipproduċiet l-iktar provi. |
53 |
Hemm ukoll lok li jiġi kkonstatat li l-appellanti jillimitaw ruħhom jinvokaw b’mod ġenerali li l-Bord tal-Appell, bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, kien ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq l-unika trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti, mingħajr ma jressqu l-iċken argument ta’ natura li jsostni l-argumenti tagħhom. |
54 |
Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda. |
Fuq it-tieni parti
– L-argumenti tal-partijiet
55 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li t-trade marks preċedenti kellhom reputazzjoni. |
56 |
Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, filwaqt l-appellanti ma jikkontestawx l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, jiġifieri li l-pubbliku huwa kkostitwit mill-pubbliku ġenerali u mill-professjonisti tas-saħħa, huma jsostnu li hija madankollu ma wettqet ebda analiżi speċifika dwar l-eżistenza ta’ reputazzjoni ta’ dawn it-trade marks fost kull waħda miż-żewġ kategoriji ta’ persuni li jifformaw il-pubbliku rilevanti. |
57 |
Fir-rigward tat-territorju rilevanti, is-sentenza appellata ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar it-territorju li fih it-trade marks preċedenti kienu kkunsidrati li għandhom reputazzjoni. |
58 |
Fir-rigward tal-prova tar-reputazzjoni, l-appellanti jikkontestaw il-valur probatorju ta’ ċerti provi prodotti minn Allergan, jiġifieri l-volum tal-bejgħ tal-prodotti kkummerċjalizzati bit-trade mark BOTOX, inkluż fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-promozzjoni tat-trade mark BOTOX fir-rivisti xjentifiċi, imsemmija fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza. Fir-rigward tal-kopertura sinjifikanti fil-medja ta’ dawn il-prodotti, imsemmija fil-punti 50 sa 54 ta’ din is-sentenza, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat din il-prova sa fejn din ma kinitx issostanzjata bil-prova tad-distribuzzjoni, fir-Renju Unit, ta’ gazzetti jew rivisti li fihom ġew ippubblikati l-artikli dwar il-prodotti kkummerċjalizzati bit-trade mark BOTOX. Huma jqisu li l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata u relatata mal-inklużjoni tal-kelma “BOTOX” f’diversi dizzjunarji hija bbażata fuq distorsjoni tal-fatti. L-appellanti jqisu wkoll li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 60 sa 63 tas-sentenza appellata, wettqet żnaturament tal-provi fir-rigward tal-istudju tas-suq imwettaq matul ix-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2004 fir-Renju Unit. F’dan ir-rigward huma jikkontestaw ir-rilevanza ta’ dan l-istudju sa fejn dan ma jinkludix provi, li Allergan kellha tipproduċi, ta’ natura li jistabbilixxu rabta bejn l-informazzjoni li tinsab fih u s-sitwazzjoni eżistenti fid-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati. |
59 |
Fir-rigward tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2005 tal-United Kingdom Intellectual Property Office, l-appellanti jqisu li din il-prova kien imissha ġiet iddikjarata inammissibbli mill-Qorti Ġenerali, sa fejn din tikkonċerna kawża differenti li huma ma kienux parti fiha. |
60 |
L-UASI jqis li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. |
61 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-livell ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti fir-rigward ta’ kull waħda mill-kategoriji ta’ persuni li jifformaw il-pubbliku rilevanti, l-UASI jsostni li kull trade mark li għandha reputazzjoni fost il-pubbliku ġenerali għandha tiġi meqjusa li hija magħrufa mill-professjonisti. |
62 |
It-tieni nett, fir-rigward tat-territorju rilevanti, l-UASI jqis li l-Qorti Ġenerali, billi limitat l-eżami tagħha għaż-żewġ trade marks preċedenti rreġistrati fir-Renju Unit, indikat b’mod ċar li t-territorju rilevanti kien ir-Renju Unit. |
63 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-prova tar-reputazzjoni, l-UASI u Allergan isostnu li l-argumenti tal-appellanti f’dan ir-rigward huma, minn naħa, żbaljati, għaliex huma intiżi sabiex jikkontestaw il-valur probatorju ta’ kull waħda mill-provi, filwaqt li dawn il-provi għandhom jiġu evalwati flimkien, u min-naħa l-oħra, inammissibbli, għaliex dawn jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ fatt. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
64 |
L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-appellanti, ibbażat fuq allegat żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti fost iż-żewġ kategoriji ta’ persuni li jifformaw il-pubbliku rilevanti, huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. |
65 |
Fil-fatt mill-punti 48. 49 u 54 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat, bħala provi intiżi sabiex jistabbilixxu r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, il-promozzjoni tat-trade mark BOTOX imwettqa b’mod partikolari permezz tal-pubblikazzjoni ta’ artikli bl-Ingliż kemm f’rivisti xjentifiċi, li huma speċifikament intiżi għat-tobba, kif ukoll fl-istampa ġeneralistika. |
66 |
Sussegwentement, hekk kif l-UASI indika, jekk trade mark għandha reputazzjoni fost il-pubbliku ġenerali, din hija, fil-prinċipju, meqjusa li hija magħrufa mill-professjonisti. Għaldaqstant ma jistax jiġi validament sostnut li r-reputazzjoni tat-trade mark BOTOX, minħabba l-kopertura sinjifikanti fil-medja fost il-pubbliku in ġenerali tal-prodotti kkummerċjalizzati b’din it-trade mark jew l-inklużjoni tal-kelma “BOTOX” fid-dizzjunarji bl-Ingliż, setgħet ma tkunx magħrufa mill-professjonisti tas-saħħa. |
67 |
Għaldaqstant, peress li l-Qorti Ġenerali wettqet dawn il-konstatazzjonijiet, li minnhom jirriżulta li hija kkunsidrat kemm il-pubbliku ġenerali kif ukoll il-professjonisti tas-saħħa, hija ma wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li t-trade mark BOTOX kellha, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għat-trade marks ikkontestati, jiġifieri s-6 ta’ Mejju jew id-19 ta’ Lulju 2002, reputazzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-“prodotti farmaċewtiċi għat-trattament tat-tikmix” fir-rigward ta’ kull waħda mill-kategoriji li jifformaw il-pubbliku rilevanti. |
68 |
Għaldaqstant, l-argument li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda analiżi speċifika dwar jekk it-trade marks preċedenti kellhomx reputazzjoni fost kull waħda miż-żewġ kategoriji ta’ persuni li jifformaw il-pubbliku rilevanti għandu jiġi miċħud. |
69 |
It-tieni nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ indikazzjonijiet dwar it-territorju li fih it-trade marks preċedenti kienu kkunsidrati li kellhom reputazzjoni, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mill-fatt li l-Qorti Ġenerali limitat l-eżami tagħha għaż-żewġ trade marks nazzjonali rreġistrati fir-Renju Unit fl-14 ta’ Diċembru 2000 jista’ bla dubju ta’ xejn jiġi dedott li hija kkunsidrat li t-territorju rilevanti kien ir-Renju Unit. |
70 |
Min-naħa l-oħra, mid-diversi provi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, bħall-artikli tal-istampa redatti bl-Ingliż u ppubblikati f’rivisti xjentifiċi jew f’rivisti ta’ kuljum Ingliżi, l-inklużjoni tal-kelma “BOTOX” f’dizzjunarji bl-Ingliż, u d-deċiżjoni tal-United Kingdom Intellectual Property Office, jirriżulta li l-eżami tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti twettaq fid-dawl tat-territorju tar-Renju Unit kollu. |
71 |
Għaldaqstant, l-argument li l-Qori Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tad-delimitazzjoni tat-territorju rilevanti għandu jiġi miċħud. |
72 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-prova tar-reputazzjoni tat-trade mark BOTOX, hemm lok li qabel kollox jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet f’dan ir-rigward evalwazzjoni globali tal-provi prodotti minn Allergan. Issa, l-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex tiġi kkontestata l-prova ta’ din ir-reputazzjoni jikkonċernaw kull waħda minn dawn il-provi meħuda separatament. Għaldaqstant, hekk kif l-Avukat Ġenerali indika fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ xi wħud minn dawn l-argumenti mressqa mill-appellanti, dan mhux neċessarjament jinvalida l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, peress li jkun għadu jrid jiġi ddeterminat il-valur, fl-evalwazzjoni globali tal-Qorti Ġenerali, tal-prova li għandha tiġi skartata. Issa ebda argument f’dan is-sens ma tressaq mill-appellanti fil-kuntest tal-appell. |
73 |
B’kont ta’ dan meħud, sa fejn l-appellanti jikkontestaw il-valur probatorju tal-provi, bħall-volum tal-bejgħ tal-prodotti kkummerċjalizzati bit-trade mark BOTOX kif ukoll il-promozzjoni ta’ din it-trade mark f’rivisti xjentifiċi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dawn l-argumenti huma fir-realtà jridu jiksbu evalwazzjoni ġdida ta’ dawn il-provi quddiem il-Qorti Ġenerali. |
74 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza la li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, meta dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u meta l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli proċedurali applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi prodotti quddiemha. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI, C-304/06 P, Ġabra. p. I-3297, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
75 |
Minn dan jirriżulta li peress li ebda żnaturament ma ġie allegat f’dan il-każ, l-argument tal-appellanti intiż sabiex jiġi kkontestat il-valur probatorju ta’ ċerti provi għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
76 |
Sa fejn l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi relatati mal-sinjifikanza tal-kopertura fil-medja tal-prodotti kkummerċjalizzati bit-trade mark BOTOX u mal-istudju tas-suq imwettaq matul ix-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2004 fir-Renju Unit u li hija bbażat l-evalwazzjoni tagħha dwar l-inklużjoni tal-kelma “BOTOX” f’diversi dizzjunarji fuq żnaturament tal-fatti, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li jinvokaw żnaturament ta’ dawn il-provi jew distorsjoni tal-fatti, l-appellanti jillimitaw ruħhom jikkontestaw ir-rilevanza tagħhom permezz ta’ affermazzjonijiet ġenerali u mhux issostanzjati u intiżi, fir-realtà, sabiex tinkiseb evalwazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-provi mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
77 |
Issa, hekk jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif imfakkra fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, dawn l-argumenti għandhom jiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
78 |
Fl-aħħar, fir-rigward tal-inammissibbiltà allegata mill-appellanti tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2005 tal-United Kingdom Intellectual Property Office sa fejn din tikkonċerna kawża differenti, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni jikkostitwixxu, fihom infushom, fatt li jista’, jekk ikun rilevanti, jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali esklużiva tagħha fir-rigward tal-fatti sabiex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti fir-Renju Unit. Barra minn hekk, l-appellanti ma ressqu ebda argument tali li tiġi kkontestata l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni la quddiem l-UASI u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, hekk kif jirriżulta mill-punt 58 tas-sentenza appellata. |
79 |
Għaldaqstant l-argument tal-appellanti bbażat fuq allegata inammissibbiltà tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2005 tal-United Kingdom Intellectual Property Office għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
80 |
Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. |
Fuq it-tielet parti
– L-argumenti tal-partijiet
81 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonfermat l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks preċedenti BOTOX u t-trade marks ikkontestati fuq il-bażi tal-element komuni “bot” jew “boto”, sa fejn dan l-element komuni huwa deskrittiv jew ġeneriku inkwantu dan jirreferi għat-“tossina tal-botulinum”. Tali rabta ma għandhiex tiġi stabbilita peress li l-applikant għal trade mark għandu jkun awtorizzat jinkludi fit-trade mark tiegħu tali element deskrittiv. |
82 |
Skont l-UASI u Allergan, din it-tielet parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li din tikkonċerna kwistjoni ta’ fatt suġġetta għall-evalwazzjoni esklużiva tal-Qorti Ġenerali. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
83 |
Sa fejn, permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jridu jikkontestaw l-analiżi li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 70 sa 73 tas-sentenza appellata, sabiex tistabbilixxi li l-prefiss “bot” jew “boto” ma huwiex deskrittiv, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali evalwazzjoni hija ta’ natura fattwali. |
84 |
Issa, kif jirriżulta mill-Artikoli 256 TFUE u 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi u, għalhekk, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li ġew ippreżentati lilha. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2003, O’Hannrachain vs Il-Parlament, C-121/01 P, Ġabra p. I-5539, punt 35; kif ukoll tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, C-431/07 P, Ġabra p. I-2665, punt 137). |
85 |
Peress li ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi prodotti lill-Qorti Ġenerali ma ġie allegat fir-rigward tal-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 70 sa 73 tas-sentenza appellata, hemm lok li din it-tielet parti tiġi miċħuda bħala inammissibbli sa fejn din hija intiża sabiex tikkontesta din l-evalwazzjoni. |
86 |
Min-naħa l-oħra, permezz ta’ din il-parti, l-appellanti jallegaw ukoll li l-applikant għal trade mark għandu jkun jista’ jinkludi, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, element li jifforma parti mit-trade mark preċedenti ta’ terz, sa fejn dan l-element komuni għandu karattru deskrittiv. Għandu jiġi kkonstatat li tali argumentazzjoni tqajjem kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
87 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li din l-argumentazzjoni hija bbażata fuq il-premessa li l-element komuni “bot” jew “boto” huwa deskrittiv. |
88 |
Issa, minn naħa, mill-punti 70 sa 73 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li l-prefiss “bot” jew “boto” ma huwiex deskrittiv. Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-punti 83 sa 85 ta’ din is-sentenza, l-argumenti invokati mill-appellanti intiżi sabiex tiġi kkontestata din l-evalwazzjoni ma jistgħux jiġu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
89 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju sa fejn l-appellanti jallegaw li huma għandhom id-dritt li jinkludu, fit-trade marks ikkontestati, element komuni għal trade mark preċedenti, inkwantu dan l-element għandu karattru deskrittiv, hija ineffettiva. |
90 |
Minn dan li ntqal jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda. |
Fuq ir-raba’ parti
– L-argumenti tal-partijiet
91 |
Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat ir-riskju ta’ dannu lir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti bħala pprovata. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li t-trade marks ikkontestati jippruvaw attwalment jiksbu vantaġġ mill-karattru distintiv u mir-reputazzjoni miksuba mit-trade marks preċedenti BOTOX fil-qasam tat-trattament tat-tikmix ma hija ssostanzjata b’ebda prova. Huma jsostnu wkoll li, għalkemm it-trade marks ikkontestati setgħu inkludew riferiment għat-tossina tal-botulinum, huma ma kellhomx l-intenzjoni, lanqas xtaqu jew riedu jiġu assoċjati mat-trade mark BOTOX li hija rreġistrata għal prodotti farmaċewtiċi mogħtija biss fuq riċetta medika. |
92 |
Skont l-UASI u Allergan, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Fil-fatt, ir-rabta bejn it-trade marks preċedenti u t-trade marks ikkontestati tista’ twassal għal abbuż mir-reptuazzjoni tat-trade marks preċedenti sa fejn din tissuġġerixxi li l-prodotti kożmetiċi tal-appellanti għandhom effett li jista’ jiġi mqabbel ma’ dak miksub bil-prodott BOTOX. Dan ikollu bħala effett li jnaqqs il-valur tat-trade marks preċedenti. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
93 |
Għandu jiġi mfakkar li, sabiex jibbenefika mill-protezzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jipprova li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġisrazzjoni jikseb vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li dan jikkawżalhom dannu. Għal dan il-għan, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat juri l-eżistenza ta’ ħsara effettiva u attwali għat-trade mark tiegħu skont l-Artikolu 8(5). Fil-fatt, meta jista’ jiġi dedott li ser tiġri ħsara bħal din mill-użu li l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti jista’ jagħmel mit-trade mark tiegħu, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat jistenna li din effettivament isseħħ sabiex ikun jista’ jipprojbixxi l-imsemmi użu. Il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu madankollu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li hemm riskju serju li ħsara bħal din isseħħ fil-futur (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C-252/07, Ġabra p. I-8823, punti 37 u 38). |
94 |
Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu tas-sinjal jiksibx vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C-487/07, Ġabra p. I-5185, punt 44). |
95 |
Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta fil-punt 82 tas-sentenza appellata hija qieset li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat juri l-eżistenza ta’ ħsara effettiva u attwali għat-trade mark tiegħu, iżda għandu jipproduċi elementi li jippermettu li jiġi konkluż prima facie riskju futur mhux ipotetiku ta’ vantaġġ inġust jew ta’ dannu u li tali konklużjoni tista’ tiġi stabbilita b’mod partikolari abbażi ta’ deduzzjonijiet loġiċi li jirriżultaw minn analiżi tar-riskji u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prattiki abitwali fis-settur kummerċjali rilevanti kif ukoll iċ-ċirkustanzi l-oħra kollha tal-każ. |
96 |
Hemm ukoll lok li jiġi kkonstatat li kien fl-aħħar tal-analiżi tad-diversi elementi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm rabta bejn it-trade marks preċedenti u t-trade marks ikkontestati. Għaldaqstant hija kkonstatat, b’mod partikolari, fil-punti 70 sa 72 tas-sentenza appellata, li l-prefiss “boto” kien komuni għat-trade marks inkwistjoni u ma setax jitqies bħala abbrevjazzjoni ta’ “botulinus” jew ta’ “botulinum”, fil-punti 73 u 74 ta’ din is-sentenza, li s-sinjal “BOTOX” kien kiseb karattru distintiv, fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, l-importanza tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u fil-punt 78 tal-istess sentenza, il-fatt li l-prodotti kkonċernati jaqgħu taħt is-“setturi ta’ trade marks relatati”. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ukoll li l-pubbliku rilevanti jistabbilixxi din ir-rabta anki qabel ma jassoċja t-trade marks ikkontestati mal-“botulinum”. Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li, matul is-seduta, l-appellanti kienu rrikonoxxew li, anki jekk il-prodotti tagħhom ma kienx fihom it-tossina tal-botulinum, huma xorta waħda riedu jiksbu vantaġġ mill-imaġni li kienet assoċjata ma’ dan il-prodott, li tinsab fit-trade mark BOTOX. |
97 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa fi tmiem evalwazzjoni globali tal-elementi rilevanti tal-każ inkwistjoni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li t-trade marks inkwistjoni riedu jiksbu vantaġġ mill-karattru distintiv u mir-reputazzjoni miksuba mit-trade marks preċedenti BOTOX. Għaldaqstant, l-argument tal-appellanti li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ intenzjoni parassitika ma hijiex issostanzjata b’ebda prova ma huwiex fondat. |
98 |
Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti li, anki jekk it-trade marks ikkontestati jkun eventwalment fihom riferiment għat-tossina tal-botulinum, dawn ma kinux intiżi sabiex jiġu assoċjati mat-trade mark BOTOX. Fil-fatt, dan l-argument huwa intiż sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-prefiss “boto” ma huwiex deskrittiv u ma jistax jitqies bħala riferiment għat-tossina tal-botulinum u li fuqha hija bbażata l-konstatazzjoni tagħha li tinsab fil-punt 88 tas-sentenza appellata. Issa, peress li tali evalwazzjoni hija ta’ natura fattwali, din ma tistax tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza. |
99 |
Minn dan jirriżulta li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
100 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 115 tar-Regolament Nru 40/94 u r-Regola 38(2) tar-Regolament Nru 2868/95, minħabba li hija ċaħdet il-motiv intiż kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tiddikjara ammissibbli l-artikli tal-istampa redatti bl-Ingliż, filwaqt li dawn kellhom jiġu tradotti fil-lingwa tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell jiġifieri l-Franċiż. |
101 |
L-UASI sostnut minn Allergan iqis li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat, sa fejn ir-Regola 38(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li tikkonċerna l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma tipprevedix sanzjoni jekk il-persuna li tkun qegħda titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ma tippreżentax traduzzjoni, fil-lingwa tal-proċedimenti, tal-provi prodotti insostnenn tat-talba tagħha. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
102 |
Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-regola li l-provi prodotti insostenn tal-oppożizzjoni jew tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom ikunu prodotti fil-lingwa tal-proċedimenti jew għandhom ikollhom magħhom traduzzjoni f’din il-lingwa hija ġġustifikata mill-bżonn li jiġi osservat il-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-proċedimenti inter partes [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2004, GE Betz vs UASI — Atofina Chemicals (BIOMATE), T-107/02, Ġabra p. II-1845, punt 72, u tas-6 ta’ Novembru 2007, SAEME vs UASI — Racke (REVIAN’s), T-407/05, Ġabra p. II-4385, punt 35]. |
103 |
F’dan il-każ, ma jistax jitqies li n-nuqqas ta’ traduzzjoni tal-artikli tal-istampa prodotti bl-Ingliż ippreġudika l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, sa fejn dawn setgħu jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali l-valur probatorju ta’ dawn l-artikli, peress li huma jaċċettaw, fil-punt 112 tal-appell tagħhom, li fehmu l-kontenut tagħhom u peress li l-Ingliż kien il-lingwa tal-kawża tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. |
104 |
Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-appellanti, la quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u lanqas quddiem il-Bord tal-Appell, ma ressqu oġġezzjoni jew kontestazzjoni dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi prodotti bl-Ingliż u li huma inklużi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade marks ikkontestati. |
105 |
Għalhekk, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq ir-raba’ aggravju
106 |
Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ir-raba’ aggravju għandu jiġi ttrattat qabel it-tielet wieħed. |
L-argumenti tal-partijiet
107 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 billi ċaħdet il-motiv tagħhom ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati fir-rigward tal-konklużjoni li t-trade marks preċedenti BOTOX kellhom reputazzjoni kif ukoll li kien hemm riskju ta’ dannu għalihom. |
108 |
L-UASI jsostni li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn l-appellanti jillimitaw ruħhom jirriproduċu l-motiv li huma diġà invokaw quddiem il-Qorti Ġenerali. |
109 |
F’kull każ, skont l-UASI u Allergan, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat sa fejn il-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat jimmotiva espressament l-evalwazzjonijiet tiegħu dwar il-valur ta’ kull prova li ġiet prodotta lilu u lanqas li jissostanzja l-motivazzjoni tiegħu b’fatti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
110 |
Qabel kollox hemm lok li jiġi rrilevat li, billi jallegaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 billi ċaħdet il-motiv tagħhom dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-appellanti qed jikkontestaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul l-appell. Fil-fatt jekk appellant ma setax jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, dan l-appell jitneħħilu parti mill-iskop tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, Ġabra p. I-2125, punt 17, u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Editions Albert René vs UASI (MOBILIX/OBELIX), C-16/06 P, Ġabra p. I-10053, punt 110). Ir-raba’ aggravju huwa għaldaqstant ammissibbli. |
111 |
Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar, hekk kif indikat korrettament il-Qorti Ġenerali fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-UASI msemmi fl-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 4094 għandu l-għan doppju li, minn naħa, jippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni. |
112 |
Tali obbligu jista’ jiġi sodisfatt mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata risposta espressa u b’mod eżawrjenti għall-argumenti kollha mressqa minn rikorrent. |
113 |
F’dan il-każ, fil-punt 93 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Bord tal-Appell kien espona, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-raġunijiet li għalihom it-trade mark BOTOX kellha reputazzjoni. F’dan ir-rigward hija indikat li dawn “ir-raġunijiet fil-fatt jirriżultaw kemm mis-sunt tal-fatti rilevanti għall-analiżi kif ukoll mill-analiżi ġuridika fiha nnifisha mwettqa mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjonijiet ikkontestati”. |
114 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ddettaljati mressqa mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, miġbura fil-qosor fil-punt 27 tas-sentenza appellata, bil-għan li jiġi kkontestat il-valur probatorju tad-diversi provi tar-reputazzjoni ta’ din it-trade mark jew tal-ammissibbiltà tagħhom juru li l-appellanti kellhom l-opportunità jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom. |
115 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiċħad il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati fir-rigward tal-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark BOTOX. |
116 |
Fir-rigward tal-motivazzjoni relatata mar-riskju ta’ dannu kkawżat lit-trade marks preċedenti, għalkemm il-Qorti Ġenerali ċertament irrilevat li din kienet konċiża, hija madankollu kkunsidrat li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu jinkludu l-motivi li jippermettu li jiġi stabbilit li, permezz tat-trade marks ikkontestati, l-appellanti riedu jiksbu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-punti 42 sa 44 tad-deċiżjoni Helena Rubinstein u 43 sa 45 tad-deċiżjoni L’Oréal, li huma rripetuti fil-punt 86 tas-sentenza appellata. Hija żiedet li l-appellanti kellhom l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex ikunu jistgħu jikkontestaw din il-motivazzjoni fil-kuntest tar-rikors tagħhom quddiemha. |
117 |
Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti jillimitaw ruħhom isostnu, b’mod perentorju, li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex motivati f’dan ir-rigward, mingħajr madankollu ma jressqu l-iċken argument insostenn tal-allegazzjoni tagħhom jew juru kif dan l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni ppreġudika l-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni tagħhom. |
118 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi ċaħdet il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati fir-rigward tar-riskju ta’ dannu kkawżat lit-trade marks preċedenti. |
119 |
Minn dan jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
120 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenrali kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. |
121 |
Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali, fl-analiżi tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, minn naħa, ħadet inkunsiderazzjoni trade marks differenti minn dawk ikkunsidrati mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u mill-Bord tal-Appell u, min-naħa l-oħra, wettqet eżami speċifiku tal-provi prodotti minn Allergan, fin-nuqqas ta’ kull analiżi tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward. |
122 |
Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-istess aggravju, l-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li, b’mod żbaljat, ikkunsidrat provi tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti BOTOX prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell u li l-ammissibbiltà tagħhom kienet ġiet ikkontestata mill-appellanti, jiġifieri dikjarazzjoni ta’ direttur ta’ Allergan u studju tas-suq. Il-Bord tal-Appell ma ħax dawn il-provi inkunsiderazzjoni, peress li huwa bbaża ruħu biss fuq ir-reklamar indirett u fuq kopertura sinjifikanti fil-medja. |
123 |
L-UASI, sostnut minn Allergan, isostni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat, minħabba li l-Qorti Ġenerali ma eċċedietx il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. |
124 |
Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, huwa jfakkar li l-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat jimmotiva b’mod espress l-evalwazzjonijiet tiegħu dwar il-valur ta’ kull prova prodotta lilu. Il-Qorti Ġenerali sempliċement ittrattat kull wieħed mill-argumenti mressqa mill-appellanti fir-rikors tagħhom. |
125 |
Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, hemm lok li ssir il-preżunzjoni li l-Bord tal-Appell qies id-dikjarazzjoni tad-direttur ta’ Allergan u l-istudju tas-suq bħala provi ammissibbli, peress li, kieku huwa kien qies li dawn il-provi kienu prodotti tard, huwa kien ikollu espressament jieħu pożizzjoni fuq l-ammissibbiltà tagħhom, skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
126 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, hemm lok li jiġi miċħud, għar-raġunijiet msemmija fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha fuq trade marks preċedenti differenti, jiġifieri ż-żewġ trade marks nazzjonali rreġistrati fir-Renju Unit, minn dawk aċċettati mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u mill-Bord tal-Appell. |
127 |
Fir-rigward tal-ilment dwar l-eżami speċifiku mill-Qorti Ġenerali ta’ kull prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti prodotta minn Allergan, minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq il-premessa li l-Bord tal-Appell ma wettaqx analiżi individwali ta’ tali provi, li min-naħa tagħha hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex motivati fir-rigward tal-valur probatorju ta’ kull prova. Issa, hekk kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’ aggravju, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma motivati biżżejjed fir-rigward tal-konstatazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u għaldaqstant il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat jimmotiva b’mod espress l-evalwazzjonjiet tiegħu dwar il-valur probatorju ta’ kull prova. |
128 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn l-appellanti kkontestaw kull prova mil-lat tal-valur probatorju tagħha u/jew tal-ammissibbiltà tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet imwassla teżamina l-argumenti tal-appellanti u twieġeb għalihom. Għaldaqstant huwa wara analiżi ta’ dawn il-provi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinux ivvizzjati bi żball ta’ liġi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu. Għaldaqsant din il-parti għandha tiġi miċħuda. |
129 |
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tielet aggravju, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti jillimitaw ruħhom jallegaw li l-Bord tal-Apell bbaża ruħu biss fuq ir-reklamar indirett u fuq kampanja intensa tal-medja sabiex jistabbilixxi r-reputazzjoni tat-trade mark BOTOX. Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont il-Bord tal-Appell, ir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark tirriżulta l-iktar mir-reklamar indirett tal-prodott mill-medja. Billi uża l-kelma “l-iktar” , il-Bord tal-Appell iffavorixxa l-prova probatorja relatata mal-kampanja intensa tal-medja mibdija fil-bidu tas-snin 2000 bil-għan li jistabbilixxi r-reputazzjoni tat-trade mark BOTOX mingħajr madankollu ma jeskludi provi oħra prodotti minn Allergan. |
130 |
Minn dan jirriżulta li l-appellanti ma ressqu ebda argument li jikkontesta l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni tad-direttur ta’ Allergan u l-istudju tas-suq bħala provi tar-reputazzjoni tat-trade mark BOTOX. Għall-kuntrarju, hekk kif jirriżulta mill-punti 44 u 45 tar-rikorsi ppreżentati lill-Qorti Ġenerali, l-appellanti sostnew quddiemha li dawn il-provi kienu b’mod żbaljat ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell. |
131 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u għaldaqstant it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
132 |
Għaldaqstant it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
133 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud, fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
134 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Helena Rubinstein u L’Oréal tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.