Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62011CJ0053
Judgment of the Court (Second Chamber) of 19 January 2012. # Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) v Nike International Ltd. # Appeal - Community trade mark - Regulation (EC) No 40/94 - Article 58 - Regulation (EC) No 2868/95 - Rules 49 and 50 - Word mark R10 - Opposition - Assignment - Admissibility of an appeal - Concept of ‘person entitled to appeal’ - Applicability of the OHIM Guidelines. # Case C-53/11 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-19 ta' Jannar 2012.
l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) vs Nike International Ltd.
Appell - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikolu 58 - Regolament (KE) Nru 2868/95 - Regoli 49 u 50 - Trade mark verbali R10 - Oppożizzjoni - Trasferiment - Ammissibbiltà tar-rikors - Kunċett ta’ ‘persuna awtorizzata sabiex tippreżenta rikors’ - Applikabbiltà tad-Direttivi tal-UASI.
Kawża C-53/11 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-19 ta' Jannar 2012.
l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) vs Nike International Ltd.
Appell - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikolu 58 - Regolament (KE) Nru 2868/95 - Regoli 49 u 50 - Trade mark verbali R10 - Oppożizzjoni - Trasferiment - Ammissibbiltà tar-rikors - Kunċett ta’ ‘persuna awtorizzata sabiex tippreżenta rikors’ - Applikabbiltà tad-Direttivi tal-UASI.
Kawża C-53/11 P.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:27
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
19 ta’ Jannar 2012 ( *1 )
“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 58 — Regolament (KE) Nru 2868/95 — Regoli 49 u 50 — Trade mark verbali R10 — Oppożizzjoni — Trasferiment — Ammissibbiltà tal-appell — Kunċett ta’ ‘persuna li hija intitolata li tappella’ — Applikabbiltà tad-Direttivi tal-UASI”
Fil-Kawża C-53/11 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-3 ta’ Frar 2011,
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,
rikorrent,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Nike International Ltd, stabbilita f’Beaverton (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn M. de Justo Bailey, avukat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Aurelio Muñoz Molina, residenti f’Petrer (Spanja),
intervenjent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2011,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Bl-appell tiegħu, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Novembru 2010, Nike International vs UASI — Muñoz Molina (R10) (T-137/09, Ġabra p. II-5433, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din laqgħet ir-rikors ta’ Nike International Ltd (iktar ’il quddiem “Nike”) intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-21 ta’ Jannar 2009 (Każ R 551/2008-1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li tiddikjara inammissibbli l-oppożizzjoni mressqa minn Nike, abbażi ta’ sinjal nazzjonali mhux irreġistrat, jiġifieri “R10”, kontra r-reġistrazzjoni, minn Aurelio Muñoz Molina, tal-istess sinjal bħala trade mark Komunitarja. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE) Nru 40/94
2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Madankollu, fid-dawl tad-data meta tressqet l-oppożizzjoni li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, il-kawża preżenti hija rregolata mir-Regolament Nru 40/94, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 386, p. 14, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”). |
3 |
L-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jirrigwarda d-deċiżjonijiet suġġetti għal appell, jipprovdi: “Għandu jkun hemm dritt ta’ appell minn deċiżjonijiet ta’ l-eżaminaturi, tad-Diviżjonijiet ta’ l-Opposizzjoni, ta’ l-Amministrazzjoni ta’ Trade Marks u Diviżjonijiet Legali u Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni. Dan għandu jkollu effett sospensiv.” |
4 |
L-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament intitolat “Il-persuni li huma intitolati li jappellaw u li jkunu partijiet fi proċedimenti ta’ appell”, jipprovdi: “Kull parti fi proċedimenti li tiġi milquta b’mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista’ tappella. Il-partijiet l-oħrajn kollha fl-istess proċedimenti għandhom ikunu partijiet fil-proċedimenti ta’ l-appell bi dritt.” |
5 |
L-Artikolu 59 tal-istess regolament, intitolat “Terminu u forma ta’ l-appell”, jipprovdi: “Għandha tiġi preżentata notifika ta’ l-appell bil-miktub lill-Uffiċċju fi żmien xagħrejn wara id-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. In-notifika għandha titqies li ġiet preżentata biss meta l-miżata ta’ l-appell ikun ġie mħallas. Fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni, għandha tiġi preżentata dikjarazzjoni bil-miktub fejn jissemmew il-raġunijiet ta’ l-appell.” |
6 |
L-Artikolu 73 tal-imsemmi regolament intitolat “Stqarrija tar-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet huma bbażati”, jipprovdi: “Id-deċiżjonijiet ta’ l-Uffiċċju għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.” |
7 |
L-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess”, jipprovdi:
|
Ir-Regolament (KE) Nru 2868/95
8 |
Ir-Regola 31 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287M, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2868/95”), intitolata “Trasferiment”, tipprovdi fil-paragrafi 1, 2, 5 u 6 tagħha:
[…]
|
9 |
It-Titolu X tar-Regolament Nru 2868/95, intitolat “Appelli”, jibda bir-Regola 48, intitolata “X’għandu jkun fih l-avviż tal-appell”, li tipprovdi:
|
10 |
Ir-Regola 49 li tinsab fl-istess Titolu, intitolata “Rifjut tal-appell bħala inammissibbli”, tipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tagħha:
|
11 |
Ir-Regola 50 tar-Regolament Nru 2868/95, intitolata “Eżami ta’ appelli”, tipprovdi fil-paragrafu 1 tagħha: “Sakemm ma jkunx provdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ħa d-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-appell għandu japplika għal proċedimenti ta’ appell mutatis mutandis. […] Fejn l-appell isir kontra deċiżjoni ta’ Divizjoni ta’ Oppożizzjoni, il-Bord għandu jillimita l-eżami ta’ l-appell għall-fatti u evidenza ppreżentata fi ħdan il-limiti ta’ żmien stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni ta’ Oppożizzjoni skond ir-Regolament [Nru 40/94] u dawn ir-Regoli, sakemm il-Bord ma jikkunsidrax li fatti u evidenza supplimentari jew addizzjonali għandu jittieħed kont tagħhom skond l-Artikolu 74 (2) tar-Regolament [Nru 40/94].” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
12 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 9 tas-sentenza appellata b’dan il-mod:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata
13 |
B’att ippreżentat fis-6 ta’ April 2009, Nike ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż, b’mod partikolari, sabiex jiġi ddikjarat ammissibbli l-appell tagħha quddiem l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI. |
14 |
Insostenn tiegħu, Nike invokat erba’ motivi. |
15 |
Il-Qorti Ġenerali, filwaqt li ċaħdet l-ewwel u t-tielet motivi u mingħajr ma eżaminat ir-raba’ motiv, laqgħet it-tieni motiv, sa fejn dan tal-aħħar kien jirrigwarda d-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, din annullat id-deċiżjoni msemmija. |
16 |
Bit-tieni motiv tagħha, Nike osservat li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata, minn naħa, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq interpretazzjoni tal-kuntratt ta’ trasferiment li Nike ma setgħetx tippreżenta osservazzjonijiet fuqu u, min-naħa l-oħra, bi ksur, b’mod partikolari, tar-Regola 31(6) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95, peress li Nike ma kellhiex il-possibbiltà li tirranġa l-irregolaritajiet li jikkonċernaw il-prova tat-trasferiment tad-dritt preċedenti invokat. |
17 |
Fil-punti 22 sa 24 u 26 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI kien ikkunsidra li Nike ma setgħetx tipprovdi prova li hija kienet il-proprjetarja tad-dritt preċedenti invokat u li, konsegwentement, hija ma kinitx ipprovdiet prova tal-istat tagħha bħala parti fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni b’tali mod li ma kinitx intitolata tappella mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, fin-nuqqas ta’ liġi dwar il-prova tat-trasferiment tad-dritt nazzjonali preċedenti invokat insostenn ta’ oppożizzjoni, il-linji gwida dwar il-proċedimenti quddiem l-UASI (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-UASI”) — li bħala prinċipju dan għandu l-obbligu li josserva — huma ispirati, f’dan ir-rigward, mir-Regola 31(6) tar-Regolament Nru 2868/95. Għaldaqstant, dawn il-linji gwida, fit-“Taqsima 1: Kwistjonijiet [proċedurali]” tat-“Taqsima Ċ: [Linji Gwida dwar il-proċedimenti ta’] Oppożizzjoni” tagħhom, fil-punt E, VIII, 1.3.1, jipprovdu li jekk il-proprjetarju l-ġdid tad-dritt nazzjonali preċedenti “jinforma lill-[UASI] bit-trasferiment, iżda ma jipprovdix provi (suffiċjenti) ta’ dan it-trasferiment, il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni għandhom jiġu sospiżi u l-proprjetarju l-ġdid għandu terminu ta’ xahrejn sabiex jipprovdi l-prova tat-trasferiment”. |
18 |
Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li din it-traspożizzjoni tar-Regola 31(6) tar-Regolament Nru 2868/95 għat-trasferiment ta’ trade marks nazzjonali, fir-rigward tat-trasferiment, b’mod partikolari, ta’ trade marks Komunitarji, ma tistax tiġi kkontestata peress li, fil-każ fejn id-dritt nazzjonali ma jipprovdix proċedura għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment tal-proprjetà ta’ trade marks irreġistrati, l-eżami li jitwettaq sabiex jiġi vverifikat li t-trasferiment tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni effettivament seħħ huwa, essenzjalment, l-istess bħal dak li jwettaq id-dipartiment kompetenti tal-UASI sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet ta’ trasferiment li jikkonċernaw it-trade marks Komunitarji. Barra minn hekk, anki jekk din il-proċedura tirrigwarda b’mod espliċitu t-trade marks nazzjonali rreġistrati, b’analoġija, din għandha tiġi applikata, skont il-Qorti Ġenerali, għat-trasferiment tat-trade marks nazzjonali li ma humiex irreġistrati, peress li t-tip ta’ eżami li għandu jitwettaq mill-UASI huwa identiku. |
19 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 25 u 26 tas-sentenza appellata, li, b’mod konformi mar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-proċedimenti ta’ appell, iżda li, bi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 2868/95 u tal-linji gwida tal-UASI, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ma tax lil Nike l-oppurtunità li tressaq provi addizzjonali dwar it-trasferiment tad-dritt nazzjonali preċedenti invokat. |
20 |
B’risposta għall-argument tal-UASI li Nike talbet sabiex tissostitwixxi ruħha minflok l-opponent oriġinali quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI biss wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 27 tas-sentenza appellata li, anki jekk jitqies li din it-talba ma tistax tiġi aċċettata, jew anki tista’ tiġi injorata, dan il-fatt ma jistax iċaħħad lill-persuna li tagħmel it-trasferiment mid-dritt li tippreżenta appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt, bħala l-proprjetarju tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni, il-persuna li tagħmel it-trasferiment għandha neċessarjament il-locus standi sabiex tikkontesta d-deċiżjoni li ttemm il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk għamlitx talba għal sostituzzjoni quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI u jekk talba bħal din hijiex ammissibbli. Skont il-Qorti Ġenerali, għalkemm il-Bord tal-Appell tal-UASI għandu ċertament l-obbligu li jiżgura li l-persuna li tagħmel it-trasferiment hija l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, huwa għandu jwettaq dan l-eżami fl-osservanza tar-regoli proċedurali applikabbli, fosthom il-linji gwida tal-UASI. |
21 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li l-argument tal-UASI bbażat fuq il-fatt li Nike ma pprovdiet l-ebda prova li turi t-trasferiment favur tagħha tad-dritt preċedenti invokat insostenn tal-oppożizzjoni ma setax jintlaqa’, għaliex l-ilment imqajjem minn Nike kien preċiżament intiż sabiex isostni li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI kellu jippermetti lil Nike li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-provi prodotti, jew li tirrimedja għall-insuffiċjenza tal-imsemmija provi. |
22 |
Finalment, fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-UASI li jgħid li l-ksur imwettaq mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li dan ma għandu ebda impatt fuq il-kontenut tagħha, minħabba li l-oppożizzjoni għandha, f’kull każ, tiġi miċħuda għar-raġuni li l-opponent oriġinali kien naqas milli jressaq provi tal-eżistenza tad-dritt preċedenti invokat insostenn tal-oppożizzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi kkontestat li deċiżjoni li tiċħad l-appell bħala inammissibbli ma għandhiex l-istess kontenut bħal deċiżjoni fuq il-mertu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tikkontrolla direttament il-legalità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni permezz ta’ eżami tal-argumenti mhux ikkunsidrati mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, sabiex tivverifika jekk il-ksur tar-regoli proċedurali mwettaq minn dan tal-aħħar setax ikollu impatt fuq iċ-ċħid finali tal-oppożizzjoni. |
23 |
Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li hija kienet qiegħda tilqa’ t-tieni motiv mingħajr ma kien neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-drittijiet tad-difiża ta’ Nike, ikkunsidrati independentement mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 2868/95 u tal-linji gwida tal-UASI, inkisrux. |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
24 |
Bl-appell tiegħu, l-UASI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
25 |
Fir-risposta tagħha, Nike titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
26 |
Insostenn tal-appell tiegħu, l-UASI jinvoka żewġ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tar-Regola 49 tar-Regolament Nru 2868/95 kif ukoll tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94 u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-linji gwida tal-UASI kif ukoll tar-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95. |
27 |
Dawn iż-żewġ aggravji għandhom jiġu kkunsidrati flimkien. |
L-argumenti tal-partijiet
28 |
Bl-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiegħu, l-UASI josserva li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma applikatx għall-proċedimenti ta’ appell la r-Regola 49 tar-Regolament Nru 2868/95 u lanqas l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94, fuq liema dispożizzjonijiet hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. |
29 |
Skont l-UASI, Nike kellha tiġġustifika l-istatus tagħha bħala parti quddiem l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI billi tressaq il-prova li l-opponent inizjali kien ittrasferilha d-dritt nazzjonali preċedenti li fuqu kienet ibbażata l-oppożizzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata tindika li d-dokumenti ppreżentati quddiem dan il-Bord tal-Appell ma jipprovawx li Nike kienet il-proprjetarja ta’ dan id-dritt, għaliex il-kuntratt ta’ trasferiment, ippreżentat minn Nike, jipprova biss li din tal-aħħar kienet akkwistat trade marks Komunitarji u mhux it-trade mark nazzjonali mhux irreġistrata li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuqha. |
30 |
Fis-sentenza appellata, kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat lakuna legali li pprovat timla permezz ta’ analoġiji suċċessivi li kellhom l-effett li jinjoraw ir-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95, applikabbli f’dan il-każ, u li obbligat lill-Bord tal-Appell tal-UASI li japplika l-linji gwida tal-UASI u, għalhekk, dispożizzjonijiet totalment barranin għall-każ inkwistjoni. |
31 |
B’mod konformi mal-imsemmija Regola 49(1), l-irregolaritajiet marbuta mal-ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 57 sa 59 tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu rrimedjati qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri f’terminu ta’ erba’ xhur min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata. |
32 |
Barra minn hekk, peress li, skont il-paragrafu 2 tal-istess regola, terminu sabiex jiġu rimedjati eventwali irregolaritajiet jingħata lill-appellant biss jekk il-Bord tal-Appell tal-UASI jikkonstata li l-appell ma jissodisfax dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 40/94 jew tar-Regolament Nru 2868/95, u b’mod partikolari dawk stabbiliti fir-Regola 48(1)(a) u (b) ta’ dan l-aħħar Regolament, ir-Regola 49 tal-imsemmi regolament jipprekludi l-għoti, mill-Bord tal-Appell tal-UASI, ta’ terminu biex jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94. Fid-dawl tal-fatt li Nike ma ġġustifikatx l-istatus tagħha bħala parti fil-proċedimenti fit-terminu ta’ erba’ xhur stabbilit fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-Regolament, id-deċiżjoni kkontestata ddikjarat ġustament li l-appell ta’ Nike kien inammissibbli abbażi tar-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94. |
33 |
Barra minn hekk, meta ma kkonċediex terminu sabiex tiġi rrimedjata l-inammissibbiltà tal-appell ta’ Nike, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ma wettaq, skont l-UASI ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Nike peress li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, l-evalwazzjoni tal-fatti tikkonċerna l-att deċiżjonali stess. Issa, id-dritt għal smigħ jestendi għall-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta. Peress li Nike stess ippreżentat id-dokumenti inkwistjoni quddiem l-UASI, din kellha l-possibbiltà li tesprimi ruħha fir-rigward tar-rilevanza tagħhom. |
34 |
Bit-tieni parti tal-ewwel aggravju tiegħu, l-UASI josserva li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fis-sentenza appellata billi ma ppronunzjatx ruħha dwar l-applikabbiltà għall-proċedimenti tal-appell tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll tar-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95. |
35 |
Fir-rigward tal-ewwel aggravju, Nike tqis li kien ġustament li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI kien kiser ir-Regola 50 tar-Regolament Nru 2868/95 kif ukoll l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 meta ċaħħadha mill-opportunità li tressaq provi supplimentari li jistgħu jipprovaw it-trasferiment favuriha tad-dritt preċedenti invokat. Fil-fatt, skont l-imsemmi Artikolu 73, deċiżjoni tal-UASI ma tistax tkun ibbażata fuq motivi li l-partijiet ma setgħux jadottaw pożizzjoni fuqhom, liema ħaġa tifforma parti miċ-ċertezza legali minima li l-partijiet għandhom id-dritt li jinvokaw fil-konfront tal-amministrazzjoni. L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax jiġġustifika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju. |
36 |
Nike tosserva li, fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-UASI ma kkontesta la l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet tibbaża l-inammissibbiltà tal-appell fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas il-fatt li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ma kienx ikkonċeda lil Nike l-opportunità li tippronunzja ruħha fuq dan il-motiv ta’ inammissibbiltà. Minn dan, Nike ikkonkludiet li s-sentenza appellata hija minħabba f’hekk, f’dak li jikkonċerna l-ksur tad-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament, konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
37 |
Barra minn hekk, skont Nike, l-applikazzjoni tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94 għandha tkun koerenti mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament Nru 2868/95, u b’mod partikolari ma’ dak li għandu jinftiehem bil-kunċett ta’ “parti” fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Issa, l-interpretazzjoni tal-UASI tat-terminu “parti”, hekk kif jidher fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94, tikkonfondi l-kwalità ta’ “parti” ma’ dik ta’ “proprjetarju” tad-dritt preċedenti, billi teskludi t-terminoloġija differenti użata fid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. L-użu tat-terminu “parti” f’dan l-Artikolu 58 jindika li l-imsemmi regolament jippermetti li tiġi pprovata, a posteriori u fi żmien utli, l-imsemmija kwalità ta’ “proprjetarju”. B’hekk, Nike issostni li l-persuna li tagħmel it-trasferiment tista’, f’dan il-każ, taġixxi kontra d-deċiżjoni li temmet il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. |
38 |
Bit-tieni aggravju tiegħu, ibbażat fuq il-ksur tal-linji gwida tal-UASI u tar-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95, l-UASI jqis li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ dritt peress li fiha ġie konkluż, b’applikazzjoni tar-Regola 50(1) ta’ dan ir-regolament, li l-Bordijiet tal-Appell tal-UASI huma marbuta li japplikaw il-linji gwida tal-UASI. |
39 |
Skont l-UASI, dawn il-linji gwida huma istruzzjonijiet diretti lejn il-persunal tal-UASI li jservu bħala bażi għad-deċiżjonijiet mogħtija mill-eżaminaturi u mid-diversi diviżjonijiet tal-UASI, iżda li l-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, li jikkontrollaw, b’mod partikolari, il-konformità ta’ dawn l-entitajiet mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 40/94 u 2868/95, ma jistgħux ikunu marbuta li japplikaw. |
40 |
Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI jiffurmaw parti mill-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu evalwati biss abbażi tar-Regolamenti Nri 40/94 u 2868/95, hekk kif interpretati mill-Qrati tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prassi preċedenti tal-UASI. |
41 |
F’dan il-kuntest, ir-referenza li saret mis-sentenza appellata għar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 hija partikolarment żbaljata għalhiex, minn naħa waħda, din ir-regola tindika preċiżament li din tapplika “[s]akemm ma jkunx provdut xorta oħra”, filwaqt li r-Regola 49 tal-istess Regolament tikkostitwixxi ġustament tali dispożizzjoni kuntrarja. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet li jirreferi għalihom l-imsemmi paragrafu 1 jistgħu jkunu biss testi leġiżlattivi, b’mod partikolari r-Regolamenti Nri 40/94 u 2868/95, u mhux istruzzjonijiet amministrattivi intiżi għall-istanzi tal-UASI. |
42 |
Min-naħa l-oħra, Nike tqis li għalkemm l-UASI huwa limitat mill-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, dan l-uffiċċju rrikonoxxa u sostna li l-“ħtieġa ta’ koerenza” tirriżulta fl-adozzjoni, b’mod partikolari, ta’ linji gwida interni ftit jew wisq vinkolanti. Konsegwentement, dan għandu japplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nri 40/94 u 2868/95 b’mod konformi mal-linji gwida tal-UASI. Ir-referenza, fis-sentenza appellata, għall-obbligu tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI li japplikaw dawn id-direttivi ma tikkostitwixxix, għalhekk, żball ta’ liġi. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni legali speċifika, l-imsemmija Bordijiet tal-Appell għandhom japplikaw ir-Regola 31(6) tar-Regolament Nru 2868/95 bil-mod kif indikat fil-linji gwida msemmija. |
43 |
Finalment, Nike issostni li l-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, minbarra l-fatti espressament invokati mill-partijiet, jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni fatti magħrufa. Għalkemm mill-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li, fil-proċedura inter partes, huma l-partijiet li għandhom jipprovdu l-prova suffiċjenti ta’ dak li jinvokaw, madankollu dan l-artikolu ma jeżentax lill-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI mill-obbligu tiegħu li jeżamina l-att ta’ trasferiment tad-dritt preċedenti invokat, ippreżentat bħala prova li ssostni l-kwalità ta’ Nike bħala proprjetarja ta’ dan id-dritt, u dan, iktar u iktar, fid-dawl tal-karattru magħruf tal-oriġini u tal-kwalità tal-proprjetarju tat-trade mark li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
44 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, kif ukoll bit-tieni aggravju, l-UASI josserva li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll ir-Regola 49 tar-Regolament Nru 2868/95 billi eskludiet l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll billi obbligat lill-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI sabiex japplika, mutatis mutandis, il-linji gwida tal-UASI fl-evalwazzjoni tal-locus standi ta’ persuna li ppreżentat appell minn deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell kellu jagħti lil Nike terminu supplimentari sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha jew sabiex tressaq provi supplimentari dwar it-trasferiment tad-dritt preċedenti li hija kienet invokat sabiex tiġġustifika l-locus standi tagħha. |
45 |
Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ appell minn deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94 tipprevedi li kull parti fi proċedura li wasslet għal deċiżjoni tista’ tappella minn din id-deċiżjoni sa kemm din tal-aħħar ma tkunx laqgħet it-talbiet tagħha. |
46 |
L-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-appell għandu jiġi ppreżentat bil-miktub quddiem l-UASI f’terminu ta’ xahrejn mill-ġurnata tan-notifika tad-deċiżjoni u li osservazzjonijiet li jesponu l-aggravji tal-appell għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub f’terminu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni. |
47 |
Ir-Regola 49(1) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95, li fiha, b’mod partikolari, metodi għall-applikazzjoni tal-imsemmija Artikoli 58 u 59, tistabbilixxi regoli speċifiċi relatati mal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-appell. |
48 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward taċ-ċħid tal-appell minħabba inammissibbiltà u tal-metodi ta’ regolarizzazzjoni fil-preżenza ta’ eventwali motiv ta’ inammissibbiltà marbut, b’mod partikolari, man-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-istess artikoli, ir-Regola 49 tar-Regolament Nru 2868/95 tistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tagħha, li jekk l-appell ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell għandu jiċħdu bħala inammissibbli, sa kemm ma jkunux ġew rimedjati l-irregolaritajiet kollha kkonstatati qabel l-iskadenza tat-terminu korrispondenti stabbilit fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament. |
49 |
Issa, l-imsemmi Artikolu 59 jistabbilixxi żewġ termini ta’ żmien differenti, hekk kif ġie espost fil-punt 46 ta’ din is-sentenza. Sabiex tingħata possibbiltà reali li jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet imsemmija fir-Regola 49(1) għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-terminu ta’ erba’ xhur mill-ġurnata tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. |
50 |
Mhux biss l-imsemmi paragrafu 1 ma jipprovdix, skont il-kliem tiegħu, il-possibbiltà għall-UASI li jagħti terminu ta’ żmien supplimentari għal min jippreżenta l-appell sabiex jirrimedja għal irregolarità relatata mal-prova tal-locus standi, iżda barra minn hekk, il-paragrafu 2 ta’din l-istess Regola 49 jeskludi tali possibbiltà. |
51 |
Fil-fatt, dan l-aħħar paragrafu jipprovdi li, jekk il-Bord tal-Appell jikkonstata li l-appell ma jissodisfax dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 40/94 jew dispożizzjonijiet oħra tar-regoli li jinsabu fir-Regolament Nru 2868/95, u b’mod partikolari dawk stabbiliti fir-Regola 48(1)(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament, dan għandu jinforma b’dan lir-rikorrent u jistiednu sabiex jirrimedja l-irregolaritajiet ikkonstatati fit-terminu li jagħtih. Jekk l-appell ma jiġix irregolarizzat fit-terminu stabbilit, il-Bord tal-Appell għandu jiċħdu bħala inammissibbli. |
52 |
Mir-referenza għal “dispożizzjonijiet oħra”, imsemmija fir-Regola 49(2) tar-Regolament Nru 2868/95, jirriżulta b’mod ċar li l-Bord tal-Appell tal-UASI ma jistax jagħti terminu supplimentari fil-każ ta’ irregolarità marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet espressament imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ din ir-regola, b’mod partikolari fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94. |
53 |
Din l-impossibbiltà li jingħata terminu supplimentari ma tostakolax id-dritt għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 li jgħid li d-deċiżjonijiet tal-UASI jistgħu jkunu bbażati biss fuq motivi li fuqhom il-partijiet setgħu jadottaw pożizzjoni. Fil-fatt, dan id-dritt ma jirrikjedix li, qabel l-adozzjoni tal-pożizzjoni finali tiegħu fuq l-evalwazzjoni tal-provi ppreżentati minn parti, il-Bord tal-Appell tal-UASI jkun marbut li joffri lil din tal-aħħar possibbiltà ġdida li tesprimi ruħha fir-rigward tal-elementi msemmija (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Marzu 2010, Kaul vs UASI, C-193/09 P, punti 58 u 66). |
54 |
Minn dan jirriżulta li min jippreżenta appell quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI għandu jiġġustifika l-locus standi tiegħu fit-terminu ta’ erba’ xhur stabbilit fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell. Din il-persuna għandha d-dritt li tirrimedja proprio motu għal eventwali motiv ta’ inammissibbiltà fl-istess terminu. |
55 |
Għaldaqstant, jekk kien hemm trasferiment tas-sinjal li fuqu kienet ibbażata l-oppożizzjoni mingħajr ma dan it-trasferiment seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI, hija l-persuna li tagħmel it-trasferiment li għandha jippreżenta quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI l-prova tal-fatt li hija saret il-proprjetarju tas-sinjal imsemmi permezz ta’ trasferiment sabiex tiġġustifika l-locus standi tagħha fit-terminu ta’ erba’ xhur stabbilit fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, għaliex inkella l-appell tagħha jkun inammissibbli. |
56 |
Isegwi li, f’dan il-każ, billi injorat l-applikabbiltà tar-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95 kif ukoll billi ddeċidiet li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI kellu, b’applikazzjoni tar-Regola 50(1) ta’ dan ir-regolament kif ukoll, b’analoġija, tar-Regola 31(6) tal-imsemmi regolament u tal-linji gwida tal-UASI dwar il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fil-punt tagħhom iċċitat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, mutatis mutandis, jagħti lil Nike l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha jew li tippreżenta provi supplimentari ta’ natura li jipprovaw it-trasferiment tad-dritt preċedenti li hija kienet invokat sabiex tiġġustifika l-locus standi tagħha, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll ir-Regola 49(1) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95. |
57 |
Sa fejn, bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bordijiet tal-Appell tal-UASI għandhom japplikaw il-linji gwida tal-UASI, hija ġurisprudenza stabbilita, hekk kif josserva l-UASI, li d-deċiżjonijiet li l-bordijiet tal-appell huma mitluba jieħdu, bis-saħħa tar-Regolament Nru 40/94, fuq ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali, b’tali mod li l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ dawn il-bordijiet tal-appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-Qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C-37/03 P, Ġabra p. I-7975, punt 47; tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C-173/04 P, Ġabra 2006 p. I-551, punt 48, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, American Clothing Associates vs UASI u UASI vs American Clothing Associates, C-202/08 P u C-208/08 P, Ġabra p. I-6933, punt 57). |
58 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tar-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95, mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI hija konformi mal-ewwel paragrafu tar-Regola 50(1) Regolament sakemm ma jkunx provdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem l-istanza li adottat id-deċiżjoni appellata għandhom japplikaw għall-proċedimenti ta’ appell mutatis mutandis. Fil-fatt, ir-Regola 49 tal-istess regolament tikkostitwixxi tali dispożizzjoni kuntrarja peress li din hija intiża b’mod speċifiku sabiex tirregola l-metodi ta’ regolarizzazzjoni fil-preżenza ta’ motiv ta’ inammissibbiltà relatat mal-ġustifikazzjoni tal-istatus ta’ parti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI waqt il-preżentata tal-appell. Minħabba f’hekk, din teskludi, f’dan ir-rigward, l-applikazzjoni mutatis mutandis ta’ dispożizzjonijiet oħra, bħar-Regola 31(6) tal-imsemmi regolament, dwar il-proċedimenti quddiem l-istanza li adottat id-deċiżjoni appellata. |
59 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni aggravju għandhom jintlaqgħu bħala fondati, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ewwel aggravju. |
60 |
Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-qorti tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwarha. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, peress li biha, il-Qorti Ġenerali, bi ksur tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 49 tar-Regolament Nru 2868/95, iddeċidiet li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, fid-deċiżjoni kkontestata, kiser ir-Regoli 31(6) u 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 billi ddikjara inammissibbli l-appell ippreżentat minn Nike. Peress li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx ir-raba’ aggravju ppreżentat minn Nike, dwar żball ta’ evalwazzjoni tal-att ta’ trasferiment tad-dritt preċedenti invokat, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-ispejjeż jiġu rriżervati. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.