EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CC0615

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 19 ta' Jannar 2012.
Insinööritoimisto InsTiimi Oy.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Korkein hallinto-oikeus - il-Finlandja.
Direttiva 2004/18/KE - Kuntratti pubbliċi fil-qasam tad-difiża - Artikolu 10 - Artikolu 296(1)(b) KE - Protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà ta’ Stat Membru - Kummerċ fl-armi, munizzjon u l-materjal tal-gwerra - Prodott mixtri minn awtorità kontraenti għal skop speċifikament militari - Eżistenza, għal dak li jirrigwarda dan il-prodott, ta’ applikazzjoni ċivili kważi identika - Tagħmir tat-turntable (‘tiltable turntable’) għall-kejl elettromanjetiku - Nuqqas ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti b’mod konformi mal-proċeduri previsti mid-Direttiva 2004/18.
Kawża C-615/10.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:26

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-19 ta’ Jannar 2012 ( 1 )

Kawża C-615/10

Insinööritoimisto InsTiimi Oy

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja)]

“Kuntratti pubbliċi għal provvisti — Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18/KE — Artikolu 296 KE — Protezzjoni tal-interessi ta’ sigurtà vitali ta’ Stat Membru — Kummerċ fl-armi — Prodotti akkwistati minn awtoritajiet kontraenti għal skopijiet speċifikament militari, iżda li għalihom teżisti possibbiltà ta’ applikazzjoni ċivili simili ħafna — Tagħmir tat-turntable għall-kejl elettromanjetiku”

I – Introduzzjoni

1.

Il-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea b’konnessjoni mad-difiża tagħhom u l-forzi armati tagħhom spiss jagħtu lok għal tilwim legali ( 2 ).

2.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tikkjarifika taħt liema kundizzjonijiet il-forzi armati ta’ Stat Membru għandhom id-dritt li jiksbu oġġetti intiżi għal użu militari b’deroga għar-regoli tad-dritt Ewropew dwar il-kuntratti pubbliċi għal provvista.

3.

Fl-2008, il-Forzi tad-Difiża Finlandiża taw kuntratt għall-provvista ta’ tagħmir ta’ turntable ( 3 ) għall-kejl elettromanjetiku, li kellu jintuża għas-simulazzjoni u l-prattika ta’ sitwazzjonijiet militari fi “ġlied fuq bażi elettroniku”. Il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt stabbiliti fid-Direttiva 2004/18/KE ( 4 ) ma kinux ġew osservati kompletament.

4.

Issa Qorti Finlandiża qiegħda tistaqsi kif għandha tiġi interpretata l-eċċezzjoni għall-kuntratti pubbliċi fil-qasam tad-difiża, stabbilita fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 flimkien mal-Artikolu 296 KE (li sar l-Artikolu 346 TFUE). Fuq il-bażi tad-deċiżjoni tagħha fil-kawża Agusta ( 5 ), meta tirrispondi għal din id-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun meħtieġa, b’mod partikolari, tiċċara jekk prodotti jistgħux jitqiesu bħala “intiżi għal għanijiet speċifikament militari” meta, minbarra l-użu militari tagħhom, ikollhom ukoll applikazzjoni ċivili li tixxiebah ħafna.

5.

Għall-kuntrarju tal-ħelikopters fil-kawża Agusta, it-tagħmir tat-turntable inkwistjoni ġie akkwistat mill-awtorità kontraenti għal skopijiet purament militari, bir-riżultat li ma huwiex “oġġett ta’ użu doppju” fis-sens l-iktar strett tal-espressjoni. Madankollu, skont il-konstatazzjonijiet tad-digriet tar-rinviju, huwa perfettament konċepibbli li organizzazzjonijiet u impriżi privati jistgħu jużaw dan it-tagħmir tat-turntable.

II – Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

6.

Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni f’din il-kawża huwa ffurmat mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 flimkien mal-Artikolu 296 KE.

7.

Taħt it-titolu “Disposizzjoni ta’ difiża”, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 kien fih, fil-verżjoni oriġinali tiegħu ( 6 ), din il-kjarifika dwar l-ambitu tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti pubbliċi mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti fil-qasam tad-difiża suġġett għall-Artikolu 296 tat-Trattat.”

8.

Sakemm ġie ssostitwit mill-Artikolu 346 tat-TFUE wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ( 7 ), l-Artikolu 296 KE (li kien l-Artikolu 223 tat-Trattat tal-KEE) kien jaqra kif ġej:

“1.   Id-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat m’għandhomx ikunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin:

[…]

(b)

kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa biex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurta’ tiegħu, u li jkollhom x’jaqsmu mal-manifattura jew tal-kummerċ ta’ l-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra; dawn il-miżuri ma għandhomx ifixklu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-skopijiet speċifikament militari.

2.   Il-Kunsill jista’, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jagħmel tibdiliet għal-lista, li hu kien ħejja fil-15 ta’ April 1958, għal prodotti li għalihom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1(b).”

9.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 255/58 tal-15 ta’ April 1958, li kienet tiddefinixxi l-lista msemmija fl-Artikolu 296(2) KE (ukoll: “il-lista tal-1958”), tinkludi dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin: ( 8 )

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 223(1)(b) tat-Trattat japplikaw għall-armi, munizzjoni u materjal tal-gwerra elenkati hawn taħt, inklużi armi mfassla sabiex jutilizzaw l-enerġija nukleari:

[…]

5.   Tagħmir militari għad-direzzjoni tat-tir:

(a)

kompjuters għad-direzzjoni tat-tir u sistemi ta’ gwida bir-raġġi infraħomor u strumenti oħra ta’ gwida notturna;

(b)

telemetri, indikaturi tal-pożizzjoni, altimetri;

(c)

komponenti għall-osservazzjoni elettroniċi, ġiroskopiċi, ottiċi u akustiċi;

(d)

miri għat-tir fl-bombardament u għall-kanuni (boat sights u gun sights), periskopji għat-tagħmir speċifikat f’din il-lista.

[…]

11.   Tagħmir elettroniku għall-użu militari.

[…]

14.   Partijiet u elementi speċjalizzati ta’ materjal inkluż f’din il-lista sakemm huma ta’ natura militari.

15.   Makkinarju, tagħmir u strumenti mfassla esklussivament għall-istudju, fabbrikazzjoni ittestjar u kontroll ta’ armi, munizzjonijiet u apparat ta’ natura esklussivament militari inklużi f’din il-lista.”

10.

Għandu jsir riferiment ukoll għall-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-tagħmir militari għandu jinftiehem b’mod partikolari bħala t-tipi ta’ prodotti inklużi fil-lista ta’ armi, munizzjonijiet u materjal tal-gwerra adottata mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 255/58 tal-15 ta’ April 1958, u l-Istati Membri jistgħu jillimitaw ruħhom għal din il-lista biss meta jkunu qed jittrasponu din id-Direttiva. Din il-lista tinkludi biss tagħmir li hu ddisinjat, żviluppat u prodott għal skopijiet speċifikament militari. Madankollu, il-lista hija ġenerika u għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ fid-dawl tal-karattru li qed jevolvi tat-teknoloġija, il-politiki tal-akkwist u r-rekwiżiti militari li jwasslu għall-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ tagħmir, pereżempju fuq il-bażi tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “tagħmir militari” għandu jkopri wkoll prodotti li, għalkemm inizjalment iddisinjati għal użu ċivili, jiġu aktar tard adattati għal skopijiet militari biex jintużaw bħala armi, munizzjonijiet jew materjal tal-gwerra.”

B – Id-dritt nazzjonali

11.

Fil-Finlandja, id-Direttiva 2004/18 kienet implementata bil-Liġi Nru 348/2007 dwar il-kuntratti pubbliċi ( 9 ) (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kuntratti pubbliċi”), li l-ambitu tagħha huwa suġġett għal dawn il-limitazzjonijiet taħt l-Artikolu 7(1):

“Din il-liġi ma tapplikax għal kuntratti

(1)

meta għandhom jinżammu kunfidenzjali, meta t-twettiq tagħhom għandu ikun akkumpanjat minn miżuri ta’ sigurtà speċjali stabbiliti mil-liġi, jew meta l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat jeħtieġu hekk;

(2)

meta l-għan tagħhom huwa primarjament adattat għal skopijiet militari.”

12.

Barra minn hekk, skont istruzzjoni amministrattiva maħruġa mill-Ministeru tad-Difiża Finlandiż fit-28 ta’ Mejju 2008, kuntratti pubbliċi li jirrigardaw l-akkwist ta’ tagħmir intiż għad-difiża għandhom ikunu konformi mal-Ordni Nru 76 maħruġa mill-Ministeru tad-Difiża fis-17 ta’ Marzu 1995.

13.

L-ewwel paragrafu tal-Ordni Nru 76 jiddefinixxi prodotti jew servizzi intiżi primarjament għal skopijiet militari, li għalihom il-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi ma tapplikax. Dan japplika b’mod partikolari għal “tagħmir speċjalizzat għal attivitajiet militari, taħriġ jew eżerċizzji ta’ simulazzjoni ta’ sitwazzjonijiet militari, u komponenti, apparat ieħor u tagħmir speċjalment imfassal għal dawn”, skont il-paragrafu 1 flimkien mal-punt M tal-Anness għal dik l-ordni.

III – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

14.

Fl-2008, iċ-Ċentru tar-Riċerka Teknika tal-Forzi tad-Difiża Finlandiżi ( 10 ) fetaħ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-akkwist ta’ tagħmir ta’ turntable għall-kejl elettromanjetiku, għal valur ta’ EUR 1 650 000. Għal dak il-għan, fil-5 ta’ Frar 2008 huwa stieden lil erba’ operaturi sabiex jippreżentaw l-offerti tagħhom, inkluż l-uffiċċju ta’ inġinerija Insinööritoimisto InsTiimi Oy (InsTiimi).

15.

Il-kuntratt ingħata fi “proċedura negozjata” li, skont l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal deċiżjoni preliminari, hija differenti mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt previsti fid-Direttiva 2004/18. InsTiimi hija tal-fehma li l-proċedura għal għoti ta’ kuntatt kellha tkun konformi mar-regoli tad-Direttiva 2004/18 u għalhekk ressqet il-kawża quddiem il-qrati Finlandiżi. Il-Forzi tad-Difiża Finlandiżi, irrappreżentati mill-Persunal Ġenerali tal-Forzi tad-Difiża Finlandiżi ( 11 ) , huma wkoll parti għal dawn il-proċeduri.

16.

Quddiem il-Markkinaoikeus ( 12 ), il-qorti tal-prim’ istanza, l-appell ippreżentat minn InsTiimi ma ntlaqax. Il-Markkinaoikeus qieset li kien stabbilit li t-tagħmir tat-turntable kien adattat primarjament għal skopijiet militari u li l-awtorità kontraenti kellha biss skopijiet militari għalih. Għaldaqstant il-Markkinaoikeus ikkonkludiet li l-kuntratt ikkontestat kien jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 7(1)(2) tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi.

17.

Wara appell ippreżentat minn InsTiimi, il-każ issa qiegħed fit-tieni istanza quddiem il-Korkein hallinto-oikeus ( 13 ), li hija l-qorti tar-rinviju.

18.

Quddiem din il-qorti, InsTiimi sostniet li t-turntable kienet innovazzjoni teknika mis-settur ċivili u ma hijiex imfassla sabiex tkun materjal tal-gwerra. Din hija oġġett ta’ tagħmir awżiljarju ta’ skop ġenerali għall-eżami u bażi li fiha nnifisha ma tipprovdix xi informazzjoni ġdida fuq l-oġġett eżaminat. Hija ssostni wkoll li l-implementazzjoni teknika tal-kuntratt ikkontestat hija bbażata kompletament fuq li jiġu magħqudin flimkien materjali, komponenti u linji tal-immuntar disponibbli liberament, u li d-disinn involut huwa biss kwistjoni tal-għażla u t-twaħħil adattati ta’ dawn il-komponenti strutturali sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tas-sejħa għal offerti.

19.

Il-Forzi tad-Difiża sostnew quddiem il-Korkein hallinto-oikeus li t-turntable ġiet akkwistata għal skopijiet militari speċifiċi u kienet ukoll maħsuba speċjalment għal skopijiet ta’ simulazzjoni ta’ sitwazzjonijiet militari. It-turntable tintuża għas-simulazzjoni u l-prattika ta’ kontromiżuri militari kontra r-rikonoxximent u mira tal-objettiv li sseħħ minn angoli ta’ theddida mill-għoli. Apparat sensorjali li jimita theddida jista’ jitqiegħed biss fl-angolu korrispondenti għat-theddida bl-inklinar tal-objettiv, pereżempju tank li jitqiegħed fuq it-turntable, fl-angolu ġust permezz tat-turntable.

20.

Skont il-Forzi tad-Difiża, it-turntable hija parti essenzjali mil-linja ta’ kejl tal-ispazju miftuħ, maħsuba għall-kejl, is-simulazzjonijiet u l-eżerċizzji tal-gwerra elettronika, li qiegħda tinbena għaliha, u għaldaqstant hija mfassla għall-istudju ta’ armi maħsuba għall-użu militari. It-turntable hija prodott fis-sens tal-punt M tal-Anness għall-Ordni Nru 76 tal-Ministeru tad-Difiża.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

Permezz tad-digriet tat-13 ta’ Diċembru 2010, il-Korkein hallinto-oikeus issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet din it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Direttiva 2004/18/KE fid-dawl tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, tal-Artikolu 346(1)(b) tat-TFUE u tal-lista ta’ armi, munizzjon u materjal tal-gwerra addottati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-15 ta’ April 1958, tapplika għal kuntratt li, barra minn dan, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, meta skont l-awtorità kontraenti, il-materjal li huwa s-suġġett ta’ dan il-kuntratt huwa intiż għal finijiet speċifikament militari, iżda jeżistu wkoll applikazzjonijiet tekniċi ta’ użu essenzjalment simili fis-suq ċivili?”

22.

Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra ż-żewġ partijiet fil-proċedura fil-kawża prinċipali — InsTiimi u l-Forzi tad-Difiża — il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Ċek u l-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek u l-Gvern Portugiż, l-istess partijiet ipparteċipaw ukoll fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2011.

V – Kunsiderazzjonijiet

23.

Ir-risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 296 KE (li sar l-Artikolu 346 tat-TFUE), li għalih isir riferiment fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18.

24.

L-ewwel nofs tal-Artikolu 296(1)(b) KE jippermetti lil kull Stat Membru unilateralment ( 14 ) li jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa sabiex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu li huma marbuta mal-produzzjoni jew il-kummerċ tal-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra. Id-Direttiva 2004/18 tirreferi għal dik id-dispożizzjoni fl-Artikolu 10 bl-għan li tiddefinixxi l-ambitu tagħha stess.

25.

Kif ġustament tiddikjara l-Kummissjoni u jirrikonoxxi l-Gvern Finlandiż, l-ewwel nofs tal-Artikolu 296(1)(b) KE jagħmel l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali unilaterali dipendenti fuq il-fatt li jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi:

L-ewwel, il-miżuri għandhom ikunu marbuta mal-produzzjoni jew il-kummerċ tal-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra.

It-tieni, il-miżuri li jkunu sejrin jittieħdu għandhom jidhru meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat.

26.

Bit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza partikolarment l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet: hija tindirizza biss il-kunċett ta’ “prodotti intiżi għal skopijiet speċifikament militari”. Madankollu, it-tieni kundizzjoni ma tistax tkun injorata kompletament lanqas fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (ara iktar ’l isfel, taħt sezzjoni A) jew fl-evalwazzjoni fuq il-mertu tad-domanda preliminari (ara iktar ’l isfel taħt is-sezzjoni B). Għaldaqstant ser nikkunsidra wkoll din it-tieni kundizzjoni hawn taħt, sa fejn huwa meħtieġ, kif għamlu bosta mill-partijiet, mhux l-inqas matul is-seduta.

A – Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

27.

Il-fatt li fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tindirizza biss l-ewwel kriterju taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE — il-kunċett ta’ “prodotti intiżi għal skopijiet speċifikament militari” — ma jistax, fih innifsu, iqiegħed f’dubju l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

28.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha titqies bħala ipotetika kieku kellu jiġi stabbilit li f’dan il-każ it-tieni kriterju kumulattiv taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE ma kienx sodisfatt fi kwalunkwe każ, jiġifieri, jekk id-deroga mir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi stabbiliti fid-Direttiva 2004/18 ma setgħetx tkun iġġustifikata mill-interessi vitali tas-sigurtà tal-Finlandja. Madankollu, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma turix biżżejjed indizji suffiċjenti f’dan is-sens.

29.

Id-digriet għar-rinviju ma jindikax b’mod definittiv jekk l-awtorità kontraenti f’dan il-każ ibbażatx jew le fuq il-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Finlandja skont it-tieni kriterju. Il-qorti tar-rinviju tgħid biss li l-Forzi tad-Difiża naqsu li jispeċifikaw, kif irrakkomandat il-Kummissjoni Ewropea ( 15 ), liema interess vitali tas-sigurtà huwa marbut mal-akkwist tat-tagħmir tat-turntable u għaliex in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 kien meħtieġ f’dan il-każ speċifiku. Il-Gvern Finlandiż u l-Persunal Ġenerali tal-Forzi tad-Difiża madankollu jsostnu li dawn l-interessi ta’ sigurtà kienu invokati fil-proċeduri nazzjonali.

30.

Il-qorti tar-rinviju tiddikjara wkoll li l-applikazzjoni li saret minn InsTiimi jkollha tiġi miċħuda bħala inammissibbli jekk il-kuntratt pubbliku ma jaqax fl-ambitu tad-Direttiva 2004/18 u tal-Liġi Nru 348/2007. Sabiex wieħed ikun jista’ jevalwa dan, jeħtieġ ukoll li wieħed jiċċara l-ewwel kriterju, il-kunċett ta’ “prodotti intiżi għal skopijiet speċifikament militari”.

31.

Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jassumi li jkun ovvju li d-domanda magħmula ma hijiex rilevanti għad-deċiżjoni ( 16 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-domanda tibqa’ tgawdi preżunzjoni ta’ rilevanza ( 17 ).

32.

Għaldaqstant, ma hemm l-ebda riserva għar-risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

B – Kunsiderazzjoni fuq il-mertu tad-domanda

33.

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-għoti ta’ kuntratt pubbliku fil-qasam tad-difiża jistax jinjora r-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2004/18 meta l-għan maħsub tas-suġġett tal-kuntratt ikun speċifikament militari, iżda jeżistu wkoll applikazzjonijiet ċivili simili ħafna.

34.

L-isfond għal din id-domanda huwa li t-tagħmir tat-turntable bħal dak mixtri f’dan il-każ ma huwiex, skont id-dikjarazzjonijiet magħmula minn InsTiimi li ma ġewx ikkontestati, intiż primarjament għal skopijiet militari, iżda għandu applikazzjonijiet prinċipalment ċivili.

35.

Hemm diverġenza kbira bejn il-partijiet dwar dan il-punt. Filwaqt li InsTiimi u l-Kummissjoni huma tal-fehma li r-regoli tad-Direttiva 2004/18 kellhom ikunu sodisfatti f’dan il-każ, il-Forzi tad-Difiża u l-Gvernijiet kollha parteċipanti fil-proċeduri jikkunsidraw li deroga minn dik id-direttiva kienet iġġustifikata taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE.

36.

Fil-prinċipju, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tapplika wkoll fil-qasam tad-difiża. Dan ħareġ, fiż-żmien tal-għoti tal-kuntratt ikkontestat, mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18. Għall-perijodu wara l-21 ta’ Awwissu 2011, dan huwa kkonfermat ukoll fid-Direttiva 2009/81 ( 18 ). L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ssaħħaħ il-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni u tikkontribwixxi għat-twettiq tas-suq intern ( 19 ).

37.

Fl-istess waqt, madankollu, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi l-interess leġittimu tal-Istati Membri fil-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom, kif jingħad b’mod partikolari fl-Artikolu 296 KE. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, li jirreferi espressament għal dik id-dispożizzjoni tat-Trattat, juri t-tensjoni li tista’ tinħoloq, waqt l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bejn il-prinċipju tas-suq intern u l-interessi tas-sigurtà nazzjonali.

38.

Taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 flimkien mal-Artikolu 296(1)(b) KE, Stat Membru jista’ jidderoga mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta l-miżuri jkunu marbuta mal-kummerċ fl-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra (l-ewwel kriterju) u meta deroga mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tkun tidher meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat Membru (it-tieni kriterju).

39.

Fid-dawl tal-importanza ewlenija tal-libertajiet fundamentali u l-prinċipju tas-suq intern fis-sistema tat-Trattati ( 20 ), dawn il-kriterji għandhom ikunu interpretati b’mod strett skont il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 296 KE ( 21 ).

1. L-ewwel kriterju: prodotti militari

40.

L-ewwel nofs tal-Artikolu 296(1)(b) KE japplika għall-armi, il-munizzjon u l-materjal tal-gwerra, jiġifieri prodotti militari. Il-Kunsill iddefinixxa l-kategoriji speċifiċi tal-oġġetti koperti fil-lista tal-1958.

41.

Jien naqbel mal-fehma tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (li kienet il-Qorti tal-Prim’ Istanza) ( 22 ) li l-ambitu sostantiv tal-Artikolu 296(1)(b) KE huwa rregolat b’mod eżawrjenti mil-lista tal-1958, li għaliha jsir riferiment espliċitu fl-Artikolu 296(2) KE ( 23 ). Il-Qorti Ġenerali nnotat ġustament li l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 296(1)(b) KE ma hijiex maħsuba li tapplika għal attivitajiet relatati ma’ prodotti oħrajn għajr il-prodotti militari identifikati fil-lista tal-1958 ( 24 ).

42.

Deroga mill-proċeduri ta’ kuntatt previsti fid-Direttiva 2004/18 abbażi tal-Artikolu 296(1)(b) KE għaldaqstant teħtieġ, l-ewwel nett, li prodott bħat-tagħmir tat-turntable ikkontestat jista’ effettivament ikun ikklassifikat f’waħda mill-kategoriji ta’ oġġetti inklużi fil-lista tal-1958. Dan ser ikollu jiġi eżaminat u evalwat fid-dettall mill-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisduzzjoni esklużiva li tistabbilixxi u tevalwa l-fatti.

43.

Minħabba li, skont il-Forzi tad-Difiża Finlandiżi, it-tagħmir tat-turntable imsemmi hawn fuq jippermetti li jittieħed kejl elettromanjetiku u jintuża għas-simulazzjoni ta’ sitwazzjonijiet militari li fihom tiġi pprattikata s-sejba tal-objettiv, jista’ jkun komponent ta’ tagħmir għall-ittestjar u l-kontroll tal-armi (punt 15 flimkien mal-punti 11 u 14 tal-lista tal-1958). Teoretikament, it-tagħmir tat-turntable jista’ jitqies ukoll bħala parti minn indikatur tal-pożizzjoni jew komponent tal-intraċċar (punt 5(b) u (c) flimkien mal-punt 14 tal-lista tal-1958) ( 25 ).

44.

Madankollu, il-fatt biss li t-tagħmir tat-turntable jista’ possibbilment ikun ikklassifikat f’waħda mill-kategoriji ta’ oġġetti fil-lista tal-1958 ma jiġġustifikax, bħala tali, deroga mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Ir-riferiment għal oġġett partikolari fil-lista tal-1958 hija kundizzjoni neċessarja, iżda insuffiċjenti għad-dipendenza fuq l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 flimkien mal-ewwel nofs tal-Artikolu 296(1)(b) KE.

45.

L-applikazzjoni tal-ewwel nofs tal-Artikolu 296(1)(b) KE teħtieġ ukoll li l-oġġett inkwistjoni jkun intiż għal skopijiet speċifikament militari ( 26 ). Dan isegwi a contrario mit-tieni nofs ta’ din id-dispożizzjoni, li jsemmi “prodotti li ma jkunux intiżi għall-iskopijiet speċifikament militari”. Il-lista tal-1958 fiha wkoll għadd ta’ frażijiet li jissuġġerixxu li prodott skont it-tifsira tal-Artikolu 296(1)(b) KE mhux biss għandu jkun ikklassifikat b’mod ġeneriku f’ċerta kategorija ta’ oġġetti, iżda għandu jkun intiż ukoll għal skopijiet speċfikament militari ( 27 ). Dan kien ikkonfermat reċentement mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 28 ).

46.

Ma huwiex possibbli li jiġi dedott li prodott huwa intiż għal skopijiet speċifikament militari sempliċement mill-fatt li l-forzi armati ta’ Stat Membru huma x-xerrejja jew awtorità pubblika oħra tixtri l-prodott għall-forzi armati. Inkella, kull lapes jista’ jsir prodott militari sempliċement għax jiġi akkwistat għall-militar. Dan imur kontra r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 296(1)(b) KE u jfixkel il-prinċipju tas-suq intern b’mod eċċessiv.

47.

Lanqas ma huwa biżżejjed li prodott ikun biss adattat għal użu militari u għalhekk jista’ possibbilment jintuża għal skopijiet militari. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Agusta li l-ħelikopters li ġew akkwistati mill-Istat Taljan, skont prassi li kienet ilha stabbilita żmien twil, mingħajr ebda proċedura kompetittiva ta’ sejħa għal offerti, ma kinux jaqgħu taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE minħabba li kienu ċertament għal użu ċivili u biss possibbilment għal użu militari ( 29 ).

48.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 296(1)(b) KE teħtieġ li prodott, iktar milli sempliċement adattat għal użu militari possibbli, ikollu skop speċifikament militari, kemm soġġettivament kif ukoll oġġettivament. B’hekk, l-oġġett inkwistjoni għandu jkun intiż għal skopijiet speċifikament militari mhux biss skont l-użu speċifiku tiegħu ddefinit mill-awtorità kontraenti ( 30 ) (soġġettivament), iżda wkoll skont id-disinn u l-karatteristiċi tiegħu ( 31 ) (oġġettivament).

49.

Dan l-iskop speċifikament militari jista’ jkun ovvju fil-każ ta’ bosta prodotti. Biżżejjed wieħed jaħseb dwar il-kanuni ta’ kontra t-tankijiet tal-gwerra, bombi u bastimenti tal-gwerra inklużi fil-lista tal-1958 ( 32 ). Dawn huma ddisinjati bħala tagħmir purament militari (skop oġġettiv) u mixtrija mill-awtoritajiet kontraenti biss għal skopijiet militari (skop soġġettiv).

50.

Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ prodotti oħrajn bħall-vetturi, l-ajruplani, l-isplussivi, il-munizzjon u t-telemetri inklużi wkoll fil-lista tal-1958, l-iskop speċifikament militari għandu jintwera b’mod pożittiv ( 33 ) minħabba li użu ċivili huwa wkoll konċepibbli.

51.

Dan huwa preċiżament il-każ f’din il-kawża.

52.

Huwa ċertament ċar li soġġettivament it-tagħmir tat-turntable ikkontestat kellu użu speċfikament militari: skont l-intenzjonijiet tal-awtorità kontraenti, kellu jintuża mill-Forzi tad-Difiża Finlandiżi fis-simulazzjoni ta’ sitwazzjonijiet militari u fil-prattika tas-sejba tal-objettiv. F’dan ir-rigward dan il-każ ivarja mill-kawża Agusta, fejn ma setax ikun stabbilit skop speċifikament militari għall-prodotti akkwistati ( 34 ).

53.

Madankollu, hemm dubji serji oġġettivament rigward l-istatus ta’ dan it-tagħmir tat-turntable bħala prodott bi skop speċifikament militari. Fis-seduta l-partijiet ma qablux dwar jekk it-tagħmir tat-turntable bħal dak inkwistjoni jsibx bejjiegħ fis-suq ċivili f’każ li sussegwentement jinbiegħ mill-Forzi tad-Difiża. Madankollu, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, li waħedha hija rilevanti fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari ( 35 ), jeżistu wkoll applikazzjonijiet tekniċi simili ħafna għal tagħmir tat-turntable bħal dan fis-suq ċivili. Bl-istess mod, InsTiimi tressaq l-argument — mhux ikkontestat — li turntables jistgħu jintużaw ukoll fis-settur ċivil; tabilħaqq fil-bidu kienu saħansitra ddisinjati għal użu ċivili u kien biss sussegwentement li saru jistgħu jintużaw effettivament għal skopijiet militari.

54.

Dawn l-oġġetti li, għalkemm iddisinjati inizjalment għal użu ċivili, iktar tard jiġu adattati għal skopijiet militari, ma humiex intiżi fil-prinċipju, skont ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni ( 36 ), li jaqgħu barra l-ambitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi taħt il-liġi tal-Unjoni Ewropea ( 37 ).

55.

Ċertament, ma jistax ikun eskluż li t-turntable akkwistata f’dan il-każ ġiet immodifikata bl-għan li tintuża għal skop militari f’tali aspetti essenzjali li saret prodott għal kollox differenti mill-prodott komuni fis-settur ċivili. Dan l-adattament seta’ sar, pereżempju, b’rabta mal-installazzjoni tat-turntable f’“linja ta’ kejl fi spazju miftuħ” iddisinjata b’mod speċjali għall-kejl, is-simulazzjonijiet u l-eżerċizzji ta’ “ġlied fuq bażi elettroniku”.

56.

Jekk kien hemm tali modifika fundamentali — li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika — it-turntable inkwistjoni tkun akkwistat skop speċifikament militari mhux biss soġġettivament, iżda wkoll oġġettivament. F’dak il-każ (u f’dak il-każ biss), l-awtorità kontraenti tkun ikklassifikata ġustament bħala prodott militari għall-iskopijiet tal-ewwel nofs tal-Artikolu 296(1)(b) KE.

57.

Jekk, min-naħa l-oħra, fil-proċeduri ewlenin l-assunzjoni attwali tal-qorti tar-rinviju kellha tkun ikkonfermata li, abbażi tad-disinn u l-karatteristiċi tagħha — anki bħala parti minn installazzjoni militari speċjalizzata għat-teħid tal-kejl elettromanjetiku u għall-operazzjonijiet ta’ simulazzjoni — it-tagħmir tat-turntable ikkontestat essenzjalment ma hijiex differenti mit-turntables użati normalment fis-settur ċivili, oġġettivament ma jkollu l-ebda skop speċifikament militari, anki jekk l-awtorità kontraenti setgħet ippjanat u akkwistat it-tagħmir tat-turntable għal użu speċifikament militari.

58.

F’dan il-każ, il-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea kellhom jiġu applikati fl-akkwist tat-turntable inkwistjoni.

59.

Bħala sintesi, Oġġett li, skont l-awtorità kontraenti, għandu jintuża għal skopijiet speċifikament militari, iżda li, meqjus oġġettivament, ma huwiex essenzjalment differenti minn oġġetti li jixxiebhu użati fis-settur ċivili ma jistax, abbażi tal-Artikolu 296(1)(b) KE flimkien mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, ikun eskluż mill-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi previsti f’din id-direttiva.

2. It-tieni kriterju: protezzjoni ta’ interessi vitali tas-sigurtà

60.

Anki jekk it-turntable ikkontestata kellha tkun ikklassifikata bħala prodott militari [l-ewwel kriterju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 296(1)(b) KE], il-qorti tar-rinviju xorta jkollha teżamina jekk f’dan il-każ deroga mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti previsti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea kinitx tidher meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi vitali ta’ sigurtà tal-Finlandja [it-tieni kriterju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 296(1)(b) KE].

61.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dipendenza biss ta’ Stat Membru fuq l-interessi tas-sigurtà tiegħu ma tiġġustifikax deroga mid-dritt tal-Unjoni Ewropea ( 38 ).

62.

Ċertament, l-Istat Membru rilevanti għandu jingħata diskrezzjoni wiesgħa fid-definizzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu ( 39 ); dan jintwera mill-użu tal-kliem “li jikkunsidra meħtieġa” fl-Artikolu 296(1)(b) KE. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jerfgħu l-oneru tal-provi sabiex juru li l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dik id-dispożizzjoni huma sodisfatti ( 40 ).

63.

Kif il-Kummissjoni argumentat ġustament, l-awtorità kontraenti għandha turi f’dan il-każ li d-deroga mill-proċeduri għal kuntratti pubbliċi previsti fid-Direttiva 2004/18 kienet tidher meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Finlandja ( 41 ) u li kienet proporzjonata ( 42 ).

64.

Għandu jkun innutat li kwalunkwe rekwiżit ta’ kunfidenzjalità relatat ma’ ċerta informazzjoni militari fih innifsu ma jipprevjenix l-użu ta’ proċedura kompetittiva ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt ( 43 ). Huwa wkoll possibbli fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt kif stabbilita fid-dritt tal-Unjoni Ewropea li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva ( 44 ).

65.

F’dan il-każ, skont id-dikjarazzjonijiet mhux ikkontestati ta’ InsTiimi, jingħad li l-awtorità kontraenti rrappurtat fid-dettall dwar l-oġġett mixtri u t-tħaddim tat-tagħmir tat-turntable f’gazzetta Finlandiża li tiġi ppubblikata kuljum. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, jidher improbabbli li seta’ kien hemm xi interess leġittimu ta’ kunfidenzjalità min-naħa tal-Istat Finlandiż fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt.

66.

Ċerti derogi mill-proċeduri għal kuntratt previsti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea jistgħu madankollu jkunu ġġustifikati mill-fatt li Stat Membru ma jkunx jixtieq sempliċement jiżvela informazzjoni relatata mas-sigurtà lil impriżi barranin jew impriżi kkontrollati minn ċittadini barranin, b’mod partikolari minn impriżi jew ċittadini ta’ Stati terzi. Stat Membru jista’ wkoll jiżgura b’mod leġittimu li ma jsirx dipendenti fuq pajjiżi mhux membri jew fuq impriżi minn pajjiżi mhux membri għall-provvista tal-armi tiegħu. Dawn iż-żewġ punti kienu ġustament enfasizzati mill-Gvern Ċek.

67.

Madankollu, f’dan il-każ ukoll — sa fejn jidher — ma hemm assolutament l-ebda prova ta’ dan it-tħassib ta’ sigurtà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Madankollu, dan kollu kemm hu finalment ser ikollu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju b’kunsiderazzjoni sħiħa taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali.

VI – Konklużjoni

68.

Abbażi tal-osservazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus:

Oġġett li, skont l-awtorità kontraenti, għandu jintuża għal skopijiet speċifikament militari, iżda li, meqjus oġġettivament, ma huwiex essenzjalment differenti minn oġġetti li jixxiebhu użati fis-settur ċivili ma jistax, abbażi tal-Artikolu 296(1)(b) KE flimkien mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, ikun eskluż mill-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi previsti f’din id-direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Ara, pereżempju, il-ġurisprudenza dwar l-aċċess għan-nisa għal impjieg fil-forzi armati tal-Istati Membri [sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar (C-273/97, Ġabra p. I-7403) u tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C-285/98, Ġabra p. I-69)] dwar is-servizz militari obbligatorju għall-irġiel ] (sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, Ġabra p. I-5585) u fuq l-ipproċessar doganali ta’ tagħmir militari (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-284/05, Ġabra p. I-11705), Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-294/05, Ġabra p. I-11777); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-372/05, Ġabra p. I-11801); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-387/05, Ġabra p. I-11831), Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-409/05, Ġabra p. I-11859); Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-461/08, Ġabra p. I-11887), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-239/06, Ġabra p. I-11913), kif ukoll is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-38/06, Ġabra p. I-1569)].

( 3 ) Bl-Ingliż, “tiltable turntable”.

( 4 ) Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

( 5 ) Sentenzi tat-8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (“Agusta”, C-337/05, Ġabra p. I-2173, punt 47).

( 6 ) Il-kliem tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 ġie emendat bid-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, p. 76). Madankollu, din il-verżjoni ġdida daħlet biss fis-seħħ fil-21 ta’ Awwissu 2009 u kellha tkun trasposta mill-Istati Membri sal-21 ta’ Awwissu 2011 (ara l-Artikolu 72(1) u l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2009/81), bir-riżultat li ma kinitx għadha applikabbli għall-kawża preżenti.

( 7 ) It-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.

( 8 ) Din id-deċiżjoni ma kinitx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, għalkemm silta hija riprodotta fid-Dokument Nru 14538/4/08 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Novembru 2008, li huwa disponibbli pubblikament fis-sit elettroniku tal-Kunsill fuq < http://register.consilium.europa.eu/ > (ikkonsultat l-aħħar fit-12 ta’ Diċembru 2011). Il-kontenut tal-lista huwa riprodott ukoll fi tweġiba tal-Kummissjoni għal mistoqsija parlamentari (Tweġiba tas-27 ta’ Settembru 2001 għall-mistoqsija bil-miktub E-1324/01 minn Bart Staes MEP — ĠU 2001 C 364 E, p. 85).

( 9 ) Julkisista hankinnoista annettu laki.

( 10 ) Suomen Puolustusvoimien Teknillinen Tutkimuslaitos.

( 11 ) Pääesikunta.

( 12 ) Qorti tas-Suq.

( 13 ) Qorti Suprema Amministrattiva.

( 14 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet minn kmieni ħafna, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Lulju 1964, Costa vs Enel (6/64, Ġabra p. 1253 u p. 1270) li dawn huma miżuri unilaterali.

( 15 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 296 tat-Trattat fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi għad-difiża(COM(2006) 779 finali), iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”.

( 16 ) Rigward il-motiv ta’ inammissibbiltà ibbażat fuq in-nuqqas manifest ta’ rilevanza, fost ġurisprudenza kunsiderevoli, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C-308/06, Ġabra p. I-4057, punti 31 u 32); tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosesnbladt (C-45/09, Ġabra p. I-9391, punti 32 u 33), u tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising (C-509/09 u C-161/10, Ġabra p. I-10269, punti 32 u 33).

( 17 ) Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C-355/97, Ġabra p. I-4977, punt 22), Rosenbladt (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 33) u tal-5 ta’ April 2011, Société fiduciaire nationale d’expertise comptable (C-119/09, Ġabra p. I-2551, punt 21).

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 kif emendata bid-Direttiva 2009/81, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/81, u l-ewwel sentenza tal-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81.

( 19 ) Premessa 2 tad-Direttiva 2004/18; fl-istess sens, ara l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-diversi direttivi li jikkoordinaw id-dritt tal-kuntratti pubbliċi, pereżempju: is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C-380/98, Ġabra p. I-8035, punt 16); tat-13 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-507/03, Ġabra p. I-9777, punt 27), u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C-337/06, Ġabra p. I-11173, punt 38).

( 20 ) Ara, l-Artikolu 2 UE u l-Artikolu 3(1)(c) KE (issa l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) TUE).

( 21 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, punt 21; Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-284/05, punt 46); Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-294/05, punt 44); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-372/05, punt 69); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-387/05, punt 46); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-409/05, punt 51); Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-461/05, punt 52), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-239/06, punt 47) u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-38/06, punt 63), kull waħda ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

( 22 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Fiocchi munizioni vs Il-Kummissjoni (T-26/01, Ġabra p. II-3951).

( 23 ) Ċertament, dan ma jfissirx li l-lista ma tistax tingħata interpretazzjoni u applikazzjoni kontemporanja sabiex jitqiesu l-iżviluppi attwali. Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81, il-lista hija “ġenerika u għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ fid-dawl tal-karattru li qed jevolvi tat-teknoloġija, il-politiki tal-akkwist u r-rekwiżiti militari li jwasslu għall-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ tagħmir [...]” (ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, taqsima 3). Għaldaqstant il-lista hija applikabbli mhux biss għall-prodotti militari magħrufa fl-1958, iżda wkoll għal dawk użati llum fil-forzi armati tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dawn jistgħu jkunu kklassifikati taħt il-kategoriji deskritti fil-lista.

( 24 ) Sentenza Fiocchi munizioni vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 61).

( 25 ) Il-klassifikazzjoni fil-punt 5 tal-lista tal-1958 teħtieġ li l-oġġett ikun “tagħmir militari għad-direzzjoni tat-tir”. Rabta mat-“tir” tista’, fil-prinċipju, teżisti minħabba li t-tagħmir tat-turntable ikkontestat jintuża għal simulazzjoni u prattika ta’ “sejba tal-objettiv” fi “ġlied fuq bażi elettroniku” u finalment huwa intiż sabiex jitħejjew “kontromiżuri kontra rikonoxximent mill-għoli”. Madankollu, il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisux li teżisti xi rabta bħal din mal-kontroll tat-tir.

( 26 ) Sentenzi Agusta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 47), u tat-2 ta’ Ottubru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-157/06, Ġabra p. I-7313, punt 26).

( 27 ) Ara, pereżempju, il-punti 5 u 11 (“militari”) u l-punt 14 tal-lista tal-1958 (“sakemm huma ta’ natura militari”).

( 28 ) “[Il-lista tal-1958] tinkludi biss tagħmir li hu ddisinjat, żviluppat u prodott għal skopijiet speċifikament militari” (it-tieni sentenza tal-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81).

( 29 ) Sentenza Agusta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, b’mod partikolari l-punti 48 u 49); ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-157/06, iċċitata iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 27).

( 30 ) Ara s-sentenza Agusta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, b’mod partikolari l-punti 48 u 49), fejn isir riferiment għall-iskop iddefinit mill-awtorità kontraenti.

( 31 ) F’dan is-sens, ara wkoll il-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81, li tgħid li l-lista tal-1958 “tinkludi biss tagħmir li hu ddisinjat, żviluppat u prodott għal skopijiet speċifikament militari” (enfasi miżjuda); ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, taqsima 3), li ssemmi “tagħmir li huwa ta’ natura u skop purament militari” (l-enfasi tinsab ukoll fl-oriġinal) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 32 ) Nri 2(a), 4 u 9(a) tal-lista tal-1958.

( 33 ) Nri 3, 5(a), 6, 8(b) u 10 tal-lista tal-1958.

( 34 ) Sentenza Agusta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, b’mod partikolari l-punti 48 u 49).

( 35 ) Sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 10); tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42), u tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger (C-382/08, Ġabra p. I-139, punt 41).

( 36 ) L-aħħar sentenza tal-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81. Għalkemm din id-dikjarazzjoni ġiet minn att leġiżlattiv li ma huwiex applikabbli għal din il-kawża ratione temporis, ma hemm l-ebda raġuni ovvja sabiex ma jiġux ikkunsidrati l-evalwazzjonijiet sottostanti fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18 fil-verżjoni rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, il-premessa 10 essenzjalment tagħmel kjarifiki rigward it-tifsira tal-lista tal-1958, kif kellha tinftiehem sa issa.

( 37 ) Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jibbaża fuq l-Artikolu 296 KE sabiex jeżenta mid-dazji doganali importazzjonijiet ta’ materjal ta’ użu doppju kemm għall-użu ċivili kif ukoll militari, “indipendentement minn jekk dan il-materjal ikun ġie importat esklużivament jew le għal użu militari” [ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-294/05, punt 53), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-387/05, punt 55)].

( 38 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-284/05, punt 47); Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-294/05, punt 45); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-372/05, punt 70); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-387/05, punt 47); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-409/05, punt 52); Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-461/05, punt 53); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-239/06, punt 48), u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-38/06, punt 64), kull waħda ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

( 39 ) Sentenza Fiocchi munizioni vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 58; ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, li tgħid li l-Artikolu 296 KE “ġie rikonoxxut li jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali wiesgħa” fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kif jipproteġu l-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom (taqsima 4 tal-Komunikazzjoni) u “hija l-prerogattiva tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-interessi vitalii tas-sigurtà tagħhom” (taqsima 5 tal-Komunikazzjoni) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 40 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, punti 22 u 24); Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, (C-294/05, punt 47); Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-284/05, punt 49); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-372/05, punt 72); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-387/05, punt 49); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-409/05, punt 54); Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-461/05, punt 55); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-239/06, punt 50), u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-38/06, punt 66), kull waħda ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

( 41 ) Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, taqsima 3).

( 42 ) Sentenzi Agusta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, b’mod partikolari l-punt 53), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-157/06, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 31); ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, taqsima 5), li tgħid li għandu jintwera għaliex in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi f’din il-kawża speċifika huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-interess vitali tas-sigurtà.

( 43 ) Sentenzi Agusta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, b’mod partikolari l-punt 52), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-157/06, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 30).

( 44 ) Rigward il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kklassifikata tal-awtorità kontraenti, ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 7, 20 u 22 tad-Direttiva 2009/81; fir-rigward tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mogħtija mill-offerenti, ara, pereżempju, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/18 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/81 kif ukoll is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C-450/06, Ġabra p. I-581).

Fuq

Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

I – Introduzzjoni

1. Il-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea b’konnessjoni mad-difiża tagħhom u l-forzi armati tagħhom spiss jagħtu lok għal tilwim legali (2) .

2. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tikkjarifika taħt liema kundizzjonijiet il-forzi armati ta’ Stat Membru għandhom id-dritt li jiksbu oġġetti intiżi għal użu militari b’deroga għar-regoli tad-dritt Ewropew dwar il-kuntratti pubbliċi għal provvista.

3. Fl-2008, il-Forzi tad-Difiża Finlandiża taw kuntratt għall-provvista ta’ tagħmir ta’ turntable (3) għall-kejl elettromanjetiku, li kellu jintuża għas-simulazzjoni u l-prattika ta’ sitwazzjonijiet militari fi “ġlied fuq bażi elettroniku”. Il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt stabbiliti fid-Direttiva 2004/18/KE (4) ma kinux ġew osservati kompletament.

4. Issa Qorti Finlandiża qiegħda tistaqsi kif għandha tiġi interpretata l-eċċezzjoni għall-kuntratti pubbliċi fil-qasam tad-difiża, stabbilita fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 flimkien mal-Artikolu 296 KE (li sar l-Artikolu 346 TFUE). Fuq il-bażi tad-deċiżjoni tagħha fil-kawża Agusta (5), meta tirrispondi għal din id-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun meħtieġa, b’mod partikolari, tiċċara jekk prodotti jistgħux jitqiesu bħala “intiżi għal għanijiet speċifikament militari” meta, minbarra l-użu militari tagħhom, ikollhom ukoll applikazzjoni ċivili li tixxiebah ħafna.

5. Għall-kuntrarju tal-ħelikopters fil-kawża Agusta, it-tagħmir tat-turntable inkwistjoni ġie akkwistat mill-awtorità kontraenti għal skopijiet purament militari, bir-riżultat li ma huwiex “oġġett ta’ użu doppju” fis-sens l-iktar strett tal-espressjoni. Madankollu, skont il-konstatazzjonijiet tad-digriet tar-rinviju, huwa perfettament konċepibbli li organizzazzjonijiet u impriżi privati jistgħu jużaw dan it-tagħmir tat-turntable.

II – Il-kuntest ġuridiku

A Id-dritt tal-Unjoni

6. Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni f’din il-kawża huwa ffurmat mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 flimkien mal-Artikolu 296 KE.

7. Taħt it-titolu “Disposizzjoni ta’ difiża”, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 kien fih, fil-verżjoni oriġinali tiegħu (6), din il-kjarifika dwar l-ambitu tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti pubbliċi mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti fil-qasam tad-difiża suġġett għall-Artikolu 296 tat-Trattat.”

8. Sakemm ġie ssostitwit mill-Artikolu 346 tat-TFUE wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (7), l-Artikolu 296 KE (li kien l-Artikolu 223 tat-Trattat tal-KEE) kien jaqra kif ġej:

“1. Id-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat m’għandhomx ikunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin:

[…]

(b) kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa biex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurta’ tiegħu, u li jkollhom x’jaqsmu mal-manifattura jew tal-kummerċ ta’ l-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra; dawn il-miżuri ma għandhomx ifixklu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-skopijiet speċifikament militari.

2. Il-Kunsill jista’, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jagħmel tibdiliet għal-lista, li hu kien ħejja fil-15 ta’ April 1958, għal prodotti li għalihom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1(b).”

9. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 255/58 tal-15 ta’ April 1958, li kienet tiddefinixxi l-lista msemmija fl-Artikolu 296(2) KE (ukoll: “il-lista tal-1958”), tinkludi dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin: (8)

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 223(1)(b) tat-Trattat japplikaw għall-armi, munizzjoni u materjal tal-gwerra elenkati hawn taħt, inklużi armi mfassla sabiex jutilizzaw l-enerġija nukleari:

[…]

5. Tagħmir militari għad-direzzjoni tat-tir:

(a) kompjuters għad-direzzjoni tat-tir u sistemi ta’ gwida bir-raġġi infraħomor u strumenti oħra ta’ gwida notturna;

(b) telemetri, indikaturi tal-pożizzjoni, altimetri;

(c) komponenti għall-osservazzjoni elettroniċi, ġiroskopiċi, ottiċi u akustiċi;

(d) miri għat-tir fl-bombardament u għall-kanuni (boat sights u gun sights), periskopji għat-tagħmir speċifikat f’din il-lista.

[…]

11. Tagħmir elettroniku għall-użu militari.

[…]

14. Partijiet u elementi speċjalizzati ta’ materjal inkluż f’din il-lista sakemm huma ta’ natura militari.

15. Makkinarju, tagħmir u strumenti mfassla esklussivament għall-istudju, fabbrikazzjoni ittestjar u kontroll ta’ armi, munizzjonijiet u apparat ta’ natura esklussivament militari inklużi f’din il-lista.”

10. Għandu jsir riferiment ukoll għall-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-tagħmir militari għandu jinftiehem b’mod partikolari bħala t-tipi ta’ prodotti inklużi fil-lista ta’ armi, munizzjonijiet u materjal tal-gwerra adottata mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 255/58 tal-15 ta’ April 1958, u l-Istati Membri jistgħu jillimitaw ruħhom għal din il-lista biss meta jkunu qed jittrasponu din id-Direttiva. Din il-lista tinkludi biss tagħmir li hu ddisinjat, żviluppat u prodott għal skopijiet speċifikament militari. Madankollu, il-lista hija ġenerika u għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ fid-dawl tal-karattru li qed jevolvi tat-teknoloġija, il-politiki tal-akkwist u r-rekwiżiti militari li jwasslu għall-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ tagħmir, pereżempju fuq il-bażi tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “tagħmir militari” għandu jkopri wkoll prodotti li, għalkemm inizjalment iddisinjati għal użu ċivili, jiġu aktar tard adattati għal skopijiet militari biex jintużaw bħala armi, munizzjonijiet jew materjal tal-gwerra.”

B – Id-dritt nazzjonali

11. Fil-Finlandja, id-Direttiva 2004/18 kienet implementata bil-Liġi Nru 348/2007 dwar il-kuntratti pubbliċi (9) (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kuntratti pubbliċi”), li l-ambitu tagħha huwa suġġett għal dawn il-limitazzjonijiet taħt l-Artikolu 7(1):

“Din il-liġi ma tapplikax għal kuntratti

(1) meta għandhom jinżammu kunfidenzjali, meta t-twettiq tagħhom għandu ikun akkumpanjat minn miżuri ta’ sigurtà speċjali stabbiliti mil-liġi, jew meta l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat jeħtieġu hekk;

(2) meta l-għan tagħhom huwa primarjament adattat għal skopijiet militari.”

12. Barra minn hekk, skont istruzzjoni amministrattiva maħruġa mill-Ministeru tad-Difiża Finlandiż fit-28 ta’ Mejju 2008, kuntratti pubbliċi li jirrigardaw l-akkwist ta’ tagħmir intiż għad-difiża għandhom ikunu konformi mal-Ordni Nru 76 maħruġa mill-Ministeru tad-Difiża fis-17 ta’ Marzu 1995.

13. L-ewwel paragrafu tal-Ordni Nru 76 jiddefinixxi prodotti jew servizzi intiżi primarjament għal skopijiet militari, li għalihom il-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi ma tapplikax. Dan japplika b’mod partikolari għal “tagħmir speċjalizzat għal attivitajiet militari, taħriġ jew eżerċizzji ta’ simulazzjoni ta’ sitwazzjonijiet militari, u komponenti, apparat ieħor u tagħmir speċjalment imfassal għal dawn”, skont il-paragrafu 1 flimkien mal-punt M tal-Anness għal dik l-ordni.

III – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

14. Fl-2008, iċ-Ċentru tar-Riċerka Teknika tal-Forzi tad-Difiża Finlandiżi (10) fetaħ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-akkwist ta’ tagħmir ta’ turntable għall-kejl elettromanjetiku, għal valur ta’ EUR 1 650 000. Għal dak il-għan, fil-5 ta’ Frar 2008 huwa stieden lil erba’ operaturi sabiex jippreżentaw l-offerti tagħhom, inkluż l-uffiċċju ta’ inġinerija Insinööritoimisto InsTiimi Oy (InsTiimi).

15. Il-kuntratt ingħata fi “proċedura negozjata” li, skont l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal deċiżjoni preliminari, hija differenti mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt previsti fid-Direttiva 2004/18. InsTiimi hija tal-fehma li l-proċedura għal għoti ta’ kuntatt kellha tkun konformi mar-regoli tad-Direttiva 2004/18 u għalhekk ressqet il-kawża quddiem il-qrati Finlandiżi. Il-Forzi tad-Difiża Finlandiżi, irrappreżentati mill-Persunal Ġenerali tal-Forzi tad-Difiża Finlandiżi(11) , huma wkoll parti għal dawn il-proċeduri.

16. Quddiem il-Markkinaoikeus (12), il-qorti tal-prim’ istanza, l-appell ippreżentat minn InsTiimi ma ntlaqax. Il-Markkinaoikeus qieset li kien stabbilit li t-tagħmir tat-turntable kien adattat primarjament għal skopijiet militari u li l-awtorità kontraenti kellha biss skopijiet militari għalih. Għaldaqstant il-Markkinaoikeus ikkonkludiet li l-kuntratt ikkontestat kien jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 7(1)(2) tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi.

17. Wara appell ippreżentat minn InsTiimi, il-każ issa qiegħed fit-tieni istanza quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (13), li hija l-qorti tar-rinviju.

18. Quddiem din il-qorti, InsTiimi sostniet li t-turntable kienet innovazzjoni teknika mis-settur ċivili u ma hijiex imfassla sabiex tkun materjal tal-gwerra. Din hija oġġett ta’ tagħmir awżiljarju ta’ skop ġenerali għall-eżami u bażi li fiha nnifisha ma tipprovdix xi informazzjoni ġdida fuq l-oġġett eżaminat. Hija ssostni wkoll li l-implementazzjoni teknika tal-kuntratt ikkontestat hija bbażata kompletament fuq li jiġu magħqudin flimkien materjali, komponenti u linji tal-immuntar disponibbli liberament, u li d-disinn involut huwa biss kwistjoni tal-għażla u t-twaħħil adattati ta’ dawn il-komponenti strutturali sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tas-sejħa għal offerti.

19. Il-Forzi tad-Difiża sostnew quddiem il-Korkein hallinto-oikeus li t-turntable ġiet akkwistata għal skopijiet militari speċifiċi u kienet ukoll maħsuba speċjalment għal skopijiet ta’ simulazzjoni ta’ sitwazzjonijiet militari. It-turntable tintuża għas-simulazzjoni u l-prattika ta’ kontromiżuri militari kontra r-rikonoxximent u mira tal-objettiv li sseħħ minn angoli ta’ theddida mill-għoli. Apparat sensorjali li jimita theddida jista’ jitqiegħed biss fl-angolu korrispondenti għat-theddida bl-inklinar tal-objettiv, pereżempju tank li jitqiegħed fuq it-turntable, fl-angolu ġust permezz tat-turntable.

20. Skont il-Forzi tad-Difiża, it-turntable hija parti essenzjali mil-linja ta’ kejl tal-ispazju miftuħ, maħsuba għall-kejl, is-simulazzjonijiet u l-eżerċizzji tal-gwerra elettronika, li qiegħda tinbena għaliha, u għaldaqstant hija mfassla għall-istudju ta’ armi maħsuba għall-użu militari. It-turntable hija prodott fis-sens tal-punt M tal-Anness għall-Ordni Nru 76 tal-Ministeru tad-Difiża.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21. Permezz tad-digriet tat-13 ta’ Diċembru 2010, il-Korkein hallinto-oikeus issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet din it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Direttiva 2004/18/KE fid-dawl tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, tal-Artikolu 346(1)(b) tat-TFUE u tal-lista ta’ armi, munizzjon u materjal tal-gwerra addottati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-15 ta’ April 1958, tapplika għal kuntratt li, barra minn dan, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, meta skont l-awtorità kontraenti, il-materjal li huwa s-suġġett ta’ dan il-kuntratt huwa intiż għal finijiet speċifikament militari, iżda jeżistu wkoll applikazzjonijiet tekniċi ta’ użu essenzjalment simili fis-suq ċivili?”

22. Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra ż-żewġ partijiet fil-proċedura fil-kawża prinċipali — InsTiimi u l-Forzi tad-Difiża — il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Ċek u l-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek u l-Gvern Portugiż, l-istess partijiet ipparteċipaw ukoll fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2011.

V – Kunsiderazzjonijiet

23. Ir-risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 296 KE (li sar l-Artikolu 346 tat-TFUE), li għalih isir riferiment fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18.

24. L-ewwel nofs tal-Artikolu 296(1)(b) KE jippermetti lil kull Stat Membru unilateralment (14) li jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa sabiex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu li huma marbuta mal-produzzjoni jew il-kummerċ tal-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra. Id-Direttiva 2004/18 tirreferi għal dik id-dispożizzjoni fl-Artikolu 10 bl-għan li tiddefinixxi l-ambitu tagħha stess.

25. Kif ġustament tiddikjara l-Kummissjoni u jirrikonoxxi l-Gvern Finlandiż, l-ewwel nofs tal-Artikolu 296(1)(b) KE jagħmel l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali unilaterali dipendenti fuq il-fatt li jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi:

– L-ewwel, il-miżuri għandhom ikunu marbuta mal-produzzjoni jew il-kummerċ tal-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra.

– It-tieni, il-miżuri li jkunu sejrin jittieħdu għandhom jidhru meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat.

26. Bit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza partikolarment l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet: hija tindirizza biss il-kunċett ta’ “prodotti intiżi għal skopijiet speċifikament militari”. Madankollu, it-tieni kundizzjoni ma tistax tkun injorata kompletament lanqas fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (ara iktar ’l isfel, taħt sezzjoni A) jew fl-evalwazzjoni fuq il-mertu tad-domanda preliminari (ara iktar ’l isfel taħt is-sezzjoni B). Għaldaqstant ser nikkunsidra wkoll din it-tieni kundizzjoni hawn taħt, sa fejn huwa meħtieġ, kif għamlu bosta mill-partijiet, mhux l-inqas matul is-seduta.

A – Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

27. Il-fatt li fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tindirizza biss l-ewwel kriterju taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE — il-kunċett ta’ “prodotti intiżi għal skopijiet speċifikament militari” — ma jistax, fih innifsu, iqiegħed f’dubju l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

28. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha titqies bħala ipotetika kieku kellu jiġi stabbilit li f’dan il-każ it-tieni kriterju kumulattiv taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE ma kienx sodisfatt fi kwalunkwe każ, jiġifieri, jekk id-deroga mir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi stabbiliti fid-Direttiva 2004/18 ma setgħetx tkun iġġustifikata mill-interessi vitali tas-sigurtà tal-Finlandja. Madankollu, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma turix biżżejjed indizji suffiċjenti f’dan is-sens.

29. Id-digriet għar-rinviju ma jindikax b’mod definittiv jekk l-awtorità kontraenti f’dan il-każ ibbażatx jew le fuq il-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Finlandja skont it-tieni kriterju. Il-qorti tar-rinviju tgħid biss li l-Forzi tad-Difiża naqsu li jispeċifikaw, kif irrakkomandat il-Kummissjoni Ewropea (15), liema interess vitali tas-sigurtà huwa marbut mal-akkwist tat-tagħmir tat-turntable u għaliex in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 kien meħtieġ f’dan il-każ speċifiku. Il-Gvern Finlandiż u l-Persunal Ġenerali tal-Forzi tad-Difiża madankollu jsostnu li dawn l-interessi ta’ sigurtà kienu invokati fil-proċeduri nazzjonali.

30. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara wkoll li l-applikazzjoni li saret minn InsTiimi jkollha tiġi miċħuda bħala inammissibbli jekk il-kuntratt pubbliku ma jaqax fl-ambitu tad-Direttiva 2004/18 u tal-Liġi Nru 348/2007. Sabiex wieħed ikun jista’ jevalwa dan, jeħtieġ ukoll li wieħed jiċċara l-ewwel kriterju, il-kunċett ta’ “prodotti intiżi għal skopijiet speċifikament militari”.

31. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jassumi li jkun ovvju li d-domanda magħmula ma hijiex rilevanti għad-deċiżjoni (16) . Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-domanda tibqa’ tgawdi preżunzjoni ta’ rilevanza (17) .

32. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda riserva għar-risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

B – Kunsiderazzjoni fuq il-mertu tad-domanda

33. Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-għoti ta’ kuntratt pubbliku fil-qasam tad-difiża jistax jinjora r-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2004/18 meta l-għan maħsub tas-suġġett tal-kuntratt ikun speċifikament militari, iżda jeżistu wkoll applikazzjonijiet ċivili simili ħafna.

34. L-isfond għal din id-domanda huwa li t-tagħmir tat-turntable bħal dak mixtri f’dan il-każ ma huwiex, skont id-dikjarazzjonijiet magħmula minn InsTiimi li ma ġewx ikkontestati, intiż primarjament għal skopijiet militari, iżda għandu applikazzjonijiet prinċipalment ċivili.

35. Hemm diverġenza kbira bejn il-partijiet dwar dan il-punt. Filwaqt li InsTiimi u l-Kummissjoni huma tal-fehma li r-regoli tad-Direttiva 2004/18 kellhom ikunu sodisfatti f’dan il-każ, il-Forzi tad-Difiża u l-Gvernijiet kollha parteċipanti fil-proċeduri jikkunsidraw li deroga minn dik id-direttiva kienet iġġustifikata taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE.

36. Fil-prinċipju, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tapplika wkoll fil-qasam tad-difiża. Dan ħareġ, fiż-żmien tal-għoti tal-kuntratt ikkontestat, mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18. Għall-perijodu wara l-21 ta’ Awwissu 2011, dan huwa kkonfermat ukoll fid-Direttiva 2009/81 (18) . L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ssaħħaħ il-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni u tikkontribwixxi għat-twettiq tas-suq intern (19) .

37. Fl-istess waqt, madankollu, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi l-interess leġittimu tal-Istati Membri fil-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom, kif jingħad b’mod partikolari fl-Artikolu 296 KE. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, li jirreferi espressament għal dik id-dispożizzjoni tat-Trattat, juri t-tensjoni li tista’ tinħoloq, waqt l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bejn il-prinċipju tas-suq intern u l-interessi tas-sigurtà nazzjonali.

38. Taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 flimkien mal-Artikolu 296(1)(b) KE, Stat Membru jista’ jidderoga mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta l-miżuri jkunu marbuta mal-kummerċ fl-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra (l-ewwel kriterju) u meta deroga mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tkun tidher meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat Membru (it-tieni kriterju).

39. Fid-dawl tal-importanza ewlenija tal-libertajiet fundamentali u l-prinċipju tas-suq intern fis-sistema tat-Trattati (20), dawn il-kriterji għandhom ikunu interpretati b’mod strett skont il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 296 KE (21) .

1. L-ewwel kriterju: prodotti militari

40. L-ewwel nofs tal-Artikolu 296(1)(b) KE japplika għall-armi, il-munizzjon u l-materjal tal-gwerra, jiġifieri prodotti militari . Il-Kunsill iddefinixxa l-kategoriji speċifiċi tal-oġġetti koperti fil-lista tal-1958.

41. Jien naqbel mal-fehma tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (li kienet il-Qorti tal-Prim’ Istanza) (22) li l-ambitu sostantiv tal-Artikolu 296(1)(b) KE huwa rregolat b’mod eżawrjenti mil-lista tal-1958, li għaliha jsir riferiment espliċitu fl-Artikolu 296(2) KE (23) . Il-Qorti Ġenerali nnotat ġustament li l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 296(1)(b) KE ma hijiex maħsuba li tapplika għal attivitajiet relatati ma’ prodotti oħrajn għajr il-prodotti militari identifikati fil-lista tal-1958 (24) .

42. Deroga mill-proċeduri ta’ kuntatt previsti fid-Direttiva 2004/18 abbażi tal-Artikolu 296(1)(b) KE għaldaqstant teħtieġ, l-ewwel nett, li prodott bħat-tagħmir tat-turntable ikkontestat jista’ effettivament ikun ikklassifikat f’waħda mill-kategoriji ta’ oġġetti inklużi fil-lista tal-1958. Dan ser ikollu jiġi eżaminat u evalwat fid-dettall mill-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisduzzjoni esklużiva li tistabbilixxi u tevalwa l-fatti.

43. Minħabba li, skont il-Forzi tad-Difiża Finlandiżi, it-tagħmir tat-turntable imsemmi hawn fuq jippermetti li jittieħed kejl elettromanjetiku u jintuża għas-simulazzjoni ta’ sitwazzjonijiet militari li fihom tiġi pprattikata s-sejba tal-objettiv, jista’ jkun komponent ta’ tagħmir għall-ittestjar u l-kontroll tal-armi (punt 15 flimkien mal-punti 11 u 14 tal-lista tal-1958). Teoretikament, it-tagħmir tat-turntable jista’ jitqies ukoll bħala parti minn indikatur tal-pożizzjoni jew komponent tal-intraċċar (punt 5(b) u (c) flimkien mal-punt 14 tal-lista tal-1958) (25) .

44. Madankollu, il-fatt biss li t-tagħmir tat-turntable jista’ possibbilment ikun ikklassifikat f’waħda mill-kategoriji ta’ oġġetti fil-lista tal-1958 ma jiġġustifikax, bħala tali, deroga mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Ir-riferiment għal oġġett partikolari fil-lista tal-1958 hija kundizzjoni neċessarja, iżda insuffiċjenti għad-dipendenza fuq l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 flimkien mal-ewwel nofs tal-Artikolu 296(1)(b) KE.

45. L-applikazzjoni tal-ewwel nofs tal-Artikolu 296(1)(b) KE teħtieġ ukoll li l-oġġett inkwistjoni jkun intiż għal skopijiet speċifikament militari (26) . Dan isegwi a contrario mit-tieni nofs ta’ din id-dispożizzjoni, li jsemmi “prodotti li ma jkunux intiżi għall-iskopijiet speċifikament militari”. Il-lista tal-1958 fiha wkoll għadd ta’ frażijiet li jissuġġerixxu li prodott skont it-tifsira tal-Artikolu 296(1)(b) KE mhux biss għandu jkun ikklassifikat b’mod ġeneriku f’ċerta kategorija ta’ oġġetti, iżda għandu jkun intiż ukoll għal skopijiet speċfikament militari (27) . Dan kien ikkonfermat reċentement mil-leġiżlatur tal-Unjoni (28) .

46. Ma huwiex possibbli li jiġi dedott li prodott huwa intiż għal skopijiet speċifikament militari sempliċement mill-fatt li l-forzi armati ta’ Stat Membru huma x-xerrejja jew awtorità pubblika oħra tixtri l-prodott għall-forzi armati. Inkella, kull lapes jista’ jsir prodott militari sempliċement għax jiġi akkwistat għall-militar. Dan imur kontra r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 296(1)(b) KE u jfixkel il-prinċipju tas-suq intern b’mod eċċessiv.

47. Lanqas ma huwa biżżejjed li prodott ikun biss adattat għal użu militari u għalhekk jista’ possibbilment jintuża għal skopijiet militari. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Agusta li l-ħelikopters li ġew akkwistati mill-Istat Taljan, skont prassi li kienet ilha stabbilita żmien twil, mingħajr ebda proċedura kompetittiva ta’ sejħa għal offerti, ma kinux jaqgħu taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE minħabba li kienu ċertament għal użu ċivili u biss possibbilment għal użu militari (29) .

48. L-applikazzjoni tal-Artikolu 296(1)(b) KE teħtieġ li prodott, iktar milli sempliċement adattat għal użu militari possibbli, ikollu skop speċifikament militari , kemm soġġettivament kif ukoll oġġettivament. B’hekk, l-oġġett inkwistjoni għandu jkun intiż għal skopijiet speċifikament militari mhux biss skont l-użu speċifiku tiegħu ddefinit mill-awtorità kontraenti (30) ( soġġettivament ), iżda wkoll skont id-disinn u l-karatteristiċi tiegħu (31) ( oġġettivament ).

49. Dan l-iskop speċifikament militari jista’ jkun ovvju fil-każ ta’ bosta prodotti. Biżżejjed wieħed jaħseb dwar il-kanuni ta’ kontra t-tankijiet tal-gwerra, bombi u bastimenti tal-gwerra inklużi fil-lista tal-1958 (32) . Dawn huma ddisinjati bħala tagħmir purament militari (skop oġġettiv) u mixtrija mill-awtoritajiet kontraenti biss għal skopijiet militari (skop soġġettiv).

50. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ prodotti oħrajn bħall-vetturi, l-ajruplani, l-isplussivi, il-munizzjon u t-telemetri inklużi wkoll fil-lista tal-1958, l-iskop speċifikament militari għandu jintwera b’mod pożittiv (33) minħabba li użu ċivili huwa wkoll konċepibbli.

51. Dan huwa preċiżament il-każ f’din il-kawża.

52. Huwa ċertament ċar li soġġettivament it-tagħmir tat-turntable ikkontestat kellu użu speċfikament militari: skont l-intenzjonijiet tal-awtorità kontraenti, kellu jintuża mill-Forzi tad-Difiża Finlandiżi fis-simulazzjoni ta’ sitwazzjonijiet militari u fil-prattika tas-sejba tal-objettiv. F’dan ir-rigward dan il-każ ivarja mill-kawża Agusta, fejn ma setax ikun stabbilit skop speċifikament militari għall-prodotti akkwistati (34) .

53. Madankollu, hemm dubji serji oġġettivament rigward l-istatus ta’ dan it-tagħmir tat-turntable bħala prodott bi skop speċifikament militari. Fis-seduta l-partijiet ma qablux dwar jekk it-tagħmir tat-turntable bħal dak inkwistjoni jsibx bejjiegħ fis-suq ċivili f’każ li sussegwentement jinbiegħ mill-Forzi tad-Difiża. Madankollu, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, li waħedha hija rilevanti fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari (35), jeżistu wkoll applikazzjonijiet tekniċi simili ħafna għal tagħmir tat-turntable bħal dan fis-suq ċivili. Bl-istess mod, InsTiimi tressaq l-argument — mhux ikkontestat — li turntables jistgħu jintużaw ukoll fis-settur ċivil; tabilħaqq fil-bidu kienu saħansitra ddisinjati għal użu ċivili u kien biss sussegwentement li saru jistgħu jintużaw effettivament għal skopijiet militari.

54. Dawn l-oġġetti li, għalkemm iddisinjati inizjalment għal użu ċivili, iktar tard jiġu adattati għal skopijiet militari, ma humiex intiżi fil-prinċipju, skont ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni (36), li jaqgħu barra l-ambitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi taħt il-liġi tal-Unjoni Ewropea (37) .

55. Ċertament, ma jistax ikun eskluż li t-turntable akkwistata f’dan il-każ ġiet immodifikata bl-għan li tintuża għal skop militari f’tali aspetti essenzjali li saret prodott għal kollox differenti mill-prodott komuni fis-settur ċivili. Dan l-adattament seta’ sar, pereżempju, b’rabta mal-installazzjoni tat-turntable f’“linja ta’ kejl fi spazju miftuħ” iddisinjata b’mod speċjali għall-kejl, is-simulazzjonijiet u l-eżerċizzji ta’ “ġlied fuq bażi elettroniku”.

56. Jekk kien hemm tali modifika fundamentali — li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika — it-turntable inkwistjoni tkun akkwistat skop speċifikament militari mhux biss soġġettivament, iżda wkoll oġġettivament. F’dak il-każ (u f’dak il-każ biss), l-awtorità kontraenti tkun ikklassifikata ġustament bħala prodott militari għall-iskopijiet tal-ewwel nofs tal-Artikolu 296(1)(b) KE.

57. Jekk, min-naħa l-oħra, fil-proċeduri ewlenin l-assunzjoni attwali tal-qorti tar-rinviju kellha tkun ikkonfermata li, abbażi tad-disinn u l-karatteristiċi tagħha — anki bħala parti minn installazzjoni militari speċjalizzata għat-teħid tal-kejl elettromanjetiku u għall-operazzjonijiet ta’ simulazzjoni — it-tagħmir tat-turntable ikkontestat essenzjalment ma hijiex differenti mit-turntables użati normalment fis-settur ċivili, oġġettivament ma jkollu l-ebda skop speċifikament militari, anki jekk l-awtorità kontraenti setgħet ippjanat u akkwistat it-tagħmir tat-turntable għal użu speċifikament militari.

58. F’dan il-każ, il-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea kellhom jiġu applikati fl-akkwist tat-turntable inkwistjoni.

59. Bħala sintesi, Oġġett li, skont l-awtorità kontraenti, għandu jintuża għal skopijiet speċifikament militari, iżda li, meqjus oġġettivament, ma huwiex essenzjalment differenti minn oġġetti li jixxiebhu użati fis-settur ċivili ma jistax, abbażi tal-Artikolu 296(1)(b) KE flimkien mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, ikun eskluż mill-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi previsti f’din id-direttiva.

2. It-tieni kriterju: protezzjoni ta’ interessi vitali tas-sigurtà

60. Anki jekk it-turntable ikkontestata kellha tkun ikklassifikata bħala prodott militari [l-ewwel kriterju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 296(1)(b) KE], il-qorti tar-rinviju xorta jkollha teżamina jekk f’dan il-każ deroga mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti previsti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea kinitx tidher meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi vitali ta’ sigurtà tal-Finlandja [it-tieni kriterju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 296(1)(b) KE].

61. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dipendenza biss ta’ Stat Membru fuq l-interessi tas-sigurtà tiegħu ma tiġġustifikax deroga mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (38) .

62. Ċertament, l-Istat Membru rilevanti għandu jingħata diskrezzjoni wiesgħa fid-definizzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu (39) ; dan jintwera mill-użu tal-kliem “li jikkunsidra meħtieġa” fl-Artikolu 296(1)(b) KE. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jerfgħu l-oneru tal-provi sabiex juru li l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dik id-dispożizzjoni huma sodisfatti (40) .

63. Kif il-Kummissjoni argumentat ġustament, l-awtorità kontraenti għandha turi f’dan il-każ li d-deroga mill-proċeduri għal kuntratti pubbliċi previsti fid-Direttiva 2004/18 kienet tidher meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Finlandja (41) u li kienet proporzjonata (42) .

64. Għandu jkun innutat li kwalunkwe rekwiżit ta’ kunfidenzjalità relatat ma’ ċerta informazzjoni militari fih innifsu ma jipprevjenix l-użu ta’ proċedura kompetittiva ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt (43) . Huwa wkoll possibbli fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt kif stabbilita fid-dritt tal-Unjoni Ewropea li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva (44) .

65. F’dan il-każ, skont id-dikjarazzjonijiet mhux ikkontestati ta’ InsTiimi, jingħad li l-awtorità kontraenti rrappurtat fid-dettall dwar l-oġġett mixtri u t-tħaddim tat-tagħmir tat-turntable f’gazzetta Finlandiża li tiġi ppubblikata kuljum. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, jidher improbabbli li seta’ kien hemm xi interess leġittimu ta’ kunfidenzjalità min-naħa tal-Istat Finlandiż fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt.

66. Ċerti derogi mill-proċeduri għal kuntratt previsti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea jistgħu madankollu jkunu ġġustifikati mill-fatt li Stat Membru ma jkunx jixtieq sempliċement jiżvela informazzjoni relatata mas-sigurtà lil impriżi barranin jew impriżi kkontrollati minn ċittadini barranin, b’mod partikolari minn impriżi jew ċittadini ta’ Stati terzi. Stat Membru jista’ wkoll jiżgura b’mod leġittimu li ma jsirx dipendenti fuq pajjiżi mhux membri jew fuq impriżi minn pajjiżi mhux membri għall-provvista tal-armi tiegħu. Dawn iż-żewġ punti kienu ġustament enfasizzati mill-Gvern Ċek.

67. Madankollu, f’dan il-każ ukoll — sa fejn jidher — ma hemm assolutament l-ebda prova ta’ dan it-tħassib ta’ sigurtà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Madankollu, dan kollu kemm hu finalment ser ikollu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju b’kunsiderazzjoni sħiħa taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali.

VI – Konklużjoni

68. Abbażi tal-osservazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus:

Oġġett li, skont l-awtorità kontraenti, għandu jintuża għal skopijiet speċifikament militari, iżda li, meqjus oġġettivament, ma huwiex essenzjalment differenti minn oġġetti li jixxiebhu użati fis-settur ċivili ma jistax, abbażi tal-Artikolu 296(1)(b) KE flimkien mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18, ikun eskluż mill-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi previsti f’din id-direttiva.

(1) .

(2)  — Ara, pereżempju, il-ġurisprudenza dwar l-aċċess għan-nisa għal impjieg fil-forzi armati tal-Istati Membri [sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar (C-273/97, Ġabra p. I-7403) u tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C-285/98, Ġabra p. I-69)] dwar is-servizz militari obbligatorju għall-irġiel ] (sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, Ġabra p. I-5585) u fuq l-ipproċessar doganali ta’ tagħmir militari (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-284/05, Ġabra p. I-11705), Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-294/05, Ġabra p. I-11777); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-372/05, Ġabra p. I-I1801); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-387/05, Ġabra p. I-11831), Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-409/05, Ġabra p. I-11859); Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-461/08, Ġabra p. I-11887), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-239/06, Ġabra p. I-11913), kif ukoll is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-38/06, Ġabra p. I-1569)].

(3)  — Bl-Ingliż, “tiltable turntable”.

(4)  — Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

(5)  — Sentenzi tat-8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (“Agusta”, C-337/05, Ġabra p. I-2173, punt 47).

(6)  — Il-kliem tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 ġie emendat bid-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, p. 76). Madankollu, din il-verżjoni ġdida daħlet biss fis-seħħ fil-21 ta’ Awwissu 2009 u kellha tkun trasposta mill-Istati Membri sal-21 ta’ Awwissu 2011 (ara l-Artikolu 72(1) u l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2009/81), bir-riżultat li ma kinitx għadha applikabbli għall-kawża preżenti.

(7)  — It-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.

(8)  — Din id-deċiżjoni ma kinitx ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej , għalkemm silta hija riprodotta fid-Dokument Nru 14538/4/08 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Novembru 2008, li huwa disponibbli pubblikament fis-sit elettroniku tal-Kunsill fuq < http://register.consilium.europa.eu/ > (ikkonsultat l-aħħar fit-12 ta’ Diċembru 2011). Il-kontenut tal-lista huwa riprodott ukoll fi tweġiba tal-Kummissjoni għal mistoqsija parlamentari (Tweġiba tas-27 ta’ Settembru 2001 għall-mistoqsija bil-miktub E-1324/01 minn Bart Staes MEP — ĠU 2001 C 364 E, p. 85).

(9)  — Julkisista hankinnoista annettu laki.

(10)  — Suomen Puolustusvoimien Teknillinen Tutkimuslaitos.

(11) — Pääesikunta.

(12)  — Qorti tas-Suq.

(13)  — Qorti Suprema Amministrattiva.

(14)  — Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet minn kmieni ħafna, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Lulju 1964, Costa vs Enel (6/64, Ġabra p. 1253 u p. 1270) li dawn huma miżuri unilaterali.

(15)  — Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 296 tat-Trattat fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi għad-difiża(COM(2006) 779 finali), iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”.

(16)  — Rigward il-motiv ta’ inammissibbiltà ibbażat fuq in-nuqqas manifest ta’ rilevanza, fost ġurisprudenza kunsiderevoli, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C-308/06, Ġabra p. I-4057, punti 31 u 32); tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosesnbladt (C-45/09, Ġabra p. I-9391, punti 32 u 33), u tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising (C-509/09 u C-161/10, Ġabra p. I-10269, punti 32 u 33).

(17)  — Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C-355/97, Ġabra p. I-4977, punt 22), Rosenbladt (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 33) u tal-5 ta’ April 2011, Société fiduciaire nationale d’expertise comptable (C-119/09, Ġabra p. I-2551, punt 21).

(18)  — Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 kif emendata bid-Direttiva 2009/81, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/81, u l-ewwel sentenza tal-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81.

(19)  — Premessa 2 tad-Direttiva 2004/18; fl-istess sens, ara l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-diversi direttivi li jikkoordinaw id-dritt tal-kuntratti pubbliċi, pereżempju: is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C-380/98, Ġabra p. I-8035, punt 16); tat-13 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-507/03, Ġabra p. I-9777, punt 27), u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C-337/06, Ġabra p. I-11173, punt 38).

(20)  — Ara, l-Artikolu 2 UE u l-Artikolu 3(1)(c) KE (issa l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) TUE).

(21)  — Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, punt 21; Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-284/05, punt 46); Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-294/05, punt 44); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-372/05, punt 69); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-387/05, punt 46); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-409/05, punt 51); Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-461/05, punt 52), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-239/06, punt 47) u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-38/06, punt 63), kull waħda ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(22)  — Ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Fiocchi munizioni vs Il-Kummissjoni (T-26/01, Ġabra p. II-3951).

(23)  — Ċertament, dan ma jfissirx li l-lista ma tistax tingħata interpretazzjoni u applikazzjoni kontemporanja sabiex jitqiesu l-iżviluppi attwali. Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81, il-lista hija “ġenerika u għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ fid-dawl tal-karattru li qed jevolvi tat-teknoloġija, il-politiki tal-akkwist u r-rekwiżiti militari li jwasslu għall-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ tagħmir [...]” (ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, taqsima 3). Għaldaqstant il-lista hija applikabbli mhux biss għall-prodotti militari magħrufa fl-1958, iżda wkoll għal dawk użati llum fil-forzi armati tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dawn jistgħu jkunu kklassifikati taħt il-kategoriji deskritti fil-lista.

(24)  — Sentenza Fiocchi munizioni vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 61).

(25)  — Il-klassifikazzjoni fil-punt 5 tal-lista tal-1958 teħtieġ li l-oġġett ikun “tagħmir militari għad-direzzjoni tat-tir”. Rabta mat-“tir” tista’, fil-prinċipju, teżisti minħabba li t-tagħmir tat-turntable ikkontestat jintuża għal simulazzjoni u prattika ta’ “sejba tal-objettiv” fi “ġlied fuq bażi elettroniku” u finalment huwa intiż sabiex jitħejjew “kontromiżuri kontra rikonoxximent mill-għoli”. Madankollu, il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisux li teżisti xi rabta bħal din mal-kontroll tat-tir.

(26)  — Sentenzi Agusta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 47), u tat-2 ta’ Ottubru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-157/06, Ġabra p. I-7313, punt 26).

(27)  — Ara, pereżempju, il-punti 5 u 11 (“militari”) u l-punt 14 tal-lista tal-1958 (“sakemm huma ta’ natura militari”).

(28)  — “[Il-lista tal-1958] tinkludi biss tagħmir li hu ddisinjat, żviluppat u prodott għal skopijiet speċifikament militari” (it-tieni sentenza tal-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81).

(29)  — Sentenza Agusta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, b’mod partikolari l-punti 48 u 49); ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C -157/06, iċċitata iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 27).

(30)  — Ara s-sentenza Agusta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, b’mod partikolari l-punti 48 u 49), fejn isir riferiment għall-iskop iddefinit mill-awtorità kontraenti.

(31)  — F’dan is-sens, ara wkoll il-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81, li tgħid li l-lista tal-1958 “tinkludi biss tagħmir li hu ddisinjat, żviluppat u prodott għal skopijiet speċifikament militari” (enfasi miżjuda); ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, taqsima 3), li ssemmi “tagħmir li huwa ta’ natura u skop purament militari ” (l-enfasi tinsab ukoll fl-oriġinal) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

(32)  — Nri 2(a), 4 u 9(a) tal-lista tal-1958.

(33)  — Nri 3, 5(a), 6, 8(b) u 10 tal-lista tal-1958.

(34)  — Sentenza Agusta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, b’mod partikolari l-punti 48 u 49).

(35)  — Sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 10); tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42), u tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger (C-382/08, Ġabra p. I-139, punt 41).

(36)  — L-aħħar sentenza tal-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81. Għalkemm din id-dikjarazzjoni ġiet minn att leġiżlattiv li ma huwiex applikabbli għal din il-kawża ratione temporis , ma hemm l-ebda raġuni ovvja sabiex ma jiġux ikkunsidrati l-evalwazzjonijiet sottostanti fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18 fil-verżjoni rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, il-premessa 10 essenzjalment tagħmel kjarifiki rigward it-tifsira tal-lista tal-1958, kif kellha tinftiehem sa issa.

(37)  — Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jibbaża fuq l-Artikolu 296 KE sabiex jeżenta mid-dazji doganali importazzjonijiet ta’ materjal ta’ użu doppju kemm għall-użu ċivili kif ukoll militari, “indipendentement minn jekk dan il-materjal ikun ġie importat esklużivament jew le għal użu militari” [ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-294/05, punt 53), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-387/05, punt 55)].

(38)  — Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-284/05, punt 47); Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-294/05, punt 45); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-372/05, punt 70); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-387/05, punt 47); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-409/05, punt 52); Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-461/05, punt 53); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-239/06, punt 48), u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-38/06, punt 64), kull waħda ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(39)  — Sentenza Fiocchi munizioni vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 58; ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, li tgħid li l-Artikolu 296 KE “ġie rikonoxxut li jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali wiesgħa” fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kif jipproteġu l-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom (taqsima 4 tal-Komunikazzjoni) u “hija l-prerogattiva tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-interessi vitalii tas-sigurtà tagħhom” (taqsima 5 tal-Komunikazzjoni) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

(40)  — Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, punti 22 u 24); Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, (C-294/05, punt 47); Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-284/05, punt 49); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-372/05, punt 72); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-387/05, punt 49); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-409/05, punt 54); Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-461/05, punt 55); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-239/06, punt 50), u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-38/06, punt 66), kull waħda ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(41)  — Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, taqsima 3).

(42)  — Sentenzi Agusta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, b’mod partikolari l-punt 53), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-157/06, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 31); ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, taqsima 5), li tgħid li għandu jintwera għaliex in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi f’din il-kawża speċifika huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-interess vitali tas-sigurtà.

(43)  — Sentenzi Agusta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, b’mod partikolari l-punt 52), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-157/06, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 30).

(44)  — Rigward il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kklassifikata tal-awtorità kontraenti, ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 7, 20 u 22 tad-Direttiva 2009/81; fir-rigward tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mogħtija mill-offerenti, ara, pereżempju, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/18 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/81 kif ukoll is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C-450/06, Ġabra p. I-581).

Fuq