Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CP0092

    Opinjoni tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentata fit-28 ta’ Marzu 2012.
    Health Service Executive vs S.C. u A.C.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda).
    Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Minuri abitwalment residenti fl-Irlanda fejn kien ripetutament is-suġġett ta’ tqegħid — Aġir aggressiv u perikoluż għall-minuri stess — Deċiżjoni li l-minuri jitqiegħed f’istituzzjoni taħt sigurtà fl-Ingilterra — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament — Artikolu 56 — Regoli ddettaljati dwar il-konsultazzjoni u l-kunsens — Obbligu li tiġi rrikonoxxuta jew iddikjarata eżegwibbli d-deċiżjoni li l-minuri jitqiegħed f’istituzzjoni taħt sigurtà — Miżuri provviżorji — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.
    Kawża C‑92/12 PPU.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:177

    OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI KOKOTT

    ippreżentata fit-28 ta’ Marzu 2012 ( 1 )

    Kawża C-92/12 PPU

    Health Service Executive

    vs

    S. C.

    u

    A. C.

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Ireland, l-Irlanda)

    “Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri — Tqegħid, li huwa suġġett għal ċaħda tal-libertà, ta’ minuri f’istituzzjoni fi Stat Membru ieħor — Kunsens tal-Istat Membru ospitanti — Dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Din il-kawża tikkonċerna, fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 ( 2 ).

    2.

    L-Artikolu 56 ta’ dan ir-regolament jirregola t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni jew ma’ familja tar-rispett fi Stat Membru ieħor. Il-High Court Irlandiża ddeċidiet li minuri ta’ sbatax-il sena ( 3 ) (S. C.) kellu jitqiegħed f’istituzzjoni taħt sigurtà fl-Ingilterra. Fl-Irlanda ma hemm ebda faċilità simili disponibbli. Peress li s-sitwazzjoni, minħabba l-interessi tal-minuri, ma kienet tippermetti ebda dewmien, S. C. tqiegħed immedjatament fl-imsemmija istituzzjoni.

    3.

    F’dan il-kuntest, il-High Court tixtieq tkun taf, qabel kollox, jekk it-tqegħid taħt ċaħda tal-libertà, intiż għall-protezzjoni tal-minuri, jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament. Permezz tad-domandi l-oħra tagħha, il-High Court qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fid-dawl tan-natura urġenti tat-tqegħid, deċiżjoni li permezz tagħha jiġi ordnat tali tqegħid ta’ minuri teħtieġx dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà skont l-Artikolu 28 tar-Regolament u liema huma l-effetti legali tagħha qabel tinħareġ tali dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, il-High Court tistaqsi dwar ir-rekwiżiti tal-proċedura għall-kunsens fis-sens tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    4.

    Għall-finijiet tal-kawża ineżami, id-dispożizzjonijiet segwenti tar-Regolament Nru 2201/2003 huma ta’ interess partikolari:

    “Artikolu 1

    Il-kamp ta’ applikazzjoni

    (1)   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

    […]

    b)

    l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

    (2)   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

    […]

    d)

    it-tqegħid ta’ l-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’kustodja stituzjonali [f’istituzzjoni]; [...]”

    “Artikolu 28

    Is-Sentenzi [...] li jistgħu jiġu nfurzati

    (1)   Sentenza dwar l-eżerċitar tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar il-minuri mogħtija fi Stat Membru li hija nfurzabbli f’dak l-Istat Membru u li ġiet notifikata għandha tigi nfurzata fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ kwalsijasi parti nteressata, ġiet iddikjarata nfurzabbli hemmhekk.

    (2)   Madanakollu, fir-Renju Unit, l-imsemmija sentenza għandha tiġi nfurzata fl-Inġilterra u f’Wales, fl-Iskożja u fl-Irlanda ta’ Fuq biss meta, fuq applikazzjoni ta’ kwalsijasi parti, ġiet rreġistrata għall-eżekuzzjoni f’dik il-parti tar-Renju Unit.”

    “Artikolu 56

    It-tqegħid tal-minuri fi Stat Membru ieħor

    (1)   Fejn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 8 sa 15 tikkontempla t-tqegħid tal-minuri f’istitut jew ma’ familja tar-rispett u fejn l-imsemmi tqegħid għandu jseħħ fi Stat Membru ieħor, l-ewwel għandha tikkonsulta l-awtorità ċentrali jew xi awtorità ohra li għandha l-ġurisdizzjoni [jew awtorità kompetenti oħra] f’dak l-aħħar Stat fejn huwa meħtieġ l-intervent tal-awtorità pubblika f’dak l-Istat Membru għal każijiet domestiċi tat-tqegħid tal-minuri.

    (2)   Is-sentenza dwar it-tqegħid imsemmija fil-paragrafu 1 tista’ ssir fl-Istat fejn hemm it-talba biss jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat mitlub tkun tagħat il-kunsens tagħha għal dan it-tqegħid.

    (3)   Il-proċedimenti għall-konsultazzjoni jew għall-kunsens imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat mitlub.”

    III – Il-fatti fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    5.

    S. C. huwa ċittadin Irlandiż u jgħix fl-Irlanda. Il-High Court tamministra d-dritt ta’ kustodja. Fis-sena 2000, S. C. kien fdat fil-kustodja tal-Health Service Executive (l-awtorità kompetenti fl-Irlanda għall-minuri li jkunu taħt il-kustodja tal-Istat, iktar ’il quddiem l-“HSE”). Minn dak iż-żmien, S. C. tqiegħed kemm ma’ familji tar-rispett kif ukoll f’istituzzjonijiet fl-Irlanda. L-HSE issa qiegħda titlob, permezz ta’ talba interlokutorja ( 4 ) quddiem il-qorti tar-rinviju, li S. C. jitqiegħed f’faċilità taħt sigurtà għat-terapija u għall-edukazzjoni fl-Ingilterra ( 5 ), tqegħid li jimplika ċaħda tal-libertà. S. C. diġà tqiegħed f’faċilità taħt sigurtà fl-Irlanda. Riċentement, S. C. ipprova jwettaq suwiċidju diversi drabi. Fl-Irlanda ma hemm ebda faċilità adegwata disponibbli. Il-konvenuti huma S. C. u A. C., omm il-minuri.

    6.

    Il-qorti tar-rinviju laqgħet it-talba tal-HSE fit-2 ta’ Diċembru 2011 u ordnat it-tqegħid ta’ S. C. f’faċilità privata taħt sigurtà fl-Ingilterra għall-protezzjoni tiegħu stess. Bl-eċċezzjoni ta’ S. C., il-partijiet kollha fil-proċedura jaqblu mat-tqegħid fl-Ingilterra għaliex huwa l-aħjar mod kif jiġu mħarsa l-interessi tal-minuri. It-tqegħid ġie inizjalment ordnat għal xahar u għandu jiġi rrevedut kull xahar u, jekk ikun il-każ, jiġġedded.

    7.

    Peress li fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-interessi tal-minuri kienu jirrikjedu li tittieħed azzjoni immedjata, S. C. intbagħat f’istituzzjoni fl-Ingilterra immedjatament wara d-deċiżjoni tal-qorti. Il-kawża prinċipali trid tindirizza issa kwistjonijiet dwar il-legalità tat-tqegħid u taż-żamma ta’ dan it-tqegħid. Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar 2012, il-High Court għamlet id-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Deċiżjoni li tqiegħed minuri f’kustodja protettiva għal żmien speċifiku f’istituzzjoni li tipprovdi kura terapewtika u edukattiva fi Stat Membru ieħor, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003?

    2)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, liema obbligi jirriżultaw, skont il-każ, mill-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 għal dak li jirrigwarda n-natura tal-konsultazzjoni u tal-mekkaniżmu ta’ kunsens sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva ta’ minuri qabel ma jitqiegħed f’kustodja f’dawn il-kundizzjonijiet?

    3)

    Meta qorti ta’ Stat Membru tkun ipprovdiet għat-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni residenzjali ta’ Stat Membru ieħor għal żmien determinat u tkun kisbet il-kunsens ta’ dak l-Istat skont l-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, id-deċiżjoni tal-qorti li tordna t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni residenzjali ta’ Stat Membru ieħor għal żmien determinat għandha tkun rikonoxxuta u/jew iddikjarata eżegwibbli f’dan l-Istat Membru l-ieħor sabiex dan it-tqegħid ikun jista’ jseħħ?

    4)

    Deċiżjoni tal-qorti li tordna t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni residenzjali ta’ Stat Membru ieħor għal żmien determinat, li jkun ġie approvat mill-imsemmi Stat Membru skont l-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, għandha effetti ġuridiċi f’dan l-Istat Membru l-ieħor qabel ma tinħareġ dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent u/jew ta’ saħħa eżekuttiva fi tmiem il-proċedura prevista għal dan il-għan?

    5)

    Meta deċiżjoni tal-qorti li tordna t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni residenzjali ta’ Stat Membru ieħor għal żmien determinat skont l-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 tiġi mġedda għal żmien determinat ulterjuri, il-kunsens tal-Istat Membru l-ieħor previst fl-Artikolu 56 għandu jinkiseb għal kull tiġdid?

    6)

    Meta deċiżjoni tal-qorti li tordna t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni residenzjali ta’ Stat Membru ieħor għal żmien determinat skont l-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 tiġi mġedda għal żmien determinat ulterjuri, din id-deċiżjoni għandha tkun rikonoxxuta u/jew iddikjarata eżegwibbli f’dan l-Istat Membru l-ieħor għal kull tiġdid?”

    7)

    Permezz ta’ deċiżjoni oħra tal-istess jum, il-qorti tar-rinviju talbet li tingħata deċiżjoni skont il-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-29 ta’ Frar 2012, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ttratata skont il-proċedura b’urġenza.

    8)

    Fil-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-HSE, minn S. C., irrappreżentat mill-kuratur legali tiegħu, minn A. C., mill-Gvern Irlandiż kif ukoll mill-Kummissjoni. Fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali tas-26 ta’ Marzu 2012 ipparteċipaw ukoll, minbarra dawn il-partijiet, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern tar-Renju Unit.”

    IV – Analiżi legali

    A – L-ewwel domanda preliminari: kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 2201/2003

    8.

    Il-High Court of Ireland tixtieq tkun taf, qabel kollox, jekk deċiżjoni ġudizzjarja li, sabiex tipproteġi l-minuri mill-perikolu li jirrappreżenta għalih innifsu, tordna t-tqegħid tiegħu, b’ċaħda tal-libertà, f’faċilità li tipprovdi kura terapewtika u edukattiva, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

    9.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huwa rregolat mill-Artikolu 1 tiegħu. Skont l-Artikolu 1(1)(b) tiegħu, dan ir-regolament japplika, irrispettivament min-natura tal-qorti jew tribunal, għal kwistjonijiet ċivili li jikkonċernaw l-attribuzzjoni, l-eżerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

    10.

    Skont l-Artikolu 2(7), “responsabbilità ta’ l-ġenituri” tinkludi, inter alia, id-dritt ta’ kustodja li, skont l-Artikolu 2(9), jinkludi d-dritt li jiġi ddeterminat il-post ta’ residenza tal-minuri. Skont l-Artikolu 2(8), “min għandu r-responsabilità ta’ l-ġenituri” tfisser “kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri”. Huwa għalhekk irrilevanti meta — bħalma huwa l-każ hawnhekk — id-dritt ta’ kustodja ma jkunx vestit fil-ġenituri.

    11.

    Skont l-Artikolu 1(2)(d), il-kwistjonijiet ċivili dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jinkludu, inter alia, it-tqegħid ta’ minuri ma’ familja tar-rispett jew f’istituzzjoni.

    12.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minn naħa, il-kunċett ta’ kwistjonijiet ċivili għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkopri wkoll miżuri intiżi għall-protezzjoni tal-minuri li, fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, jagħmlu parti mid-dritt pubbliku ( 6 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li — għalkemm ma jissemmiex espliċitament fir-Regolament — it-teħid taħt kustodja ta’ minuri bħala miżura intiża għall-protezzjoni tal-minuri jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ( 7 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll, filwaqt li speċifikat li din kienet l-opinjoni ta’ Stat Membru, li permezz tad-deċiżjoni li tordna t-teħid taħt kustodja ta’ minuri, dan il-minuri, f’ċerti ċirkustanzi, jista’ anki jiċċaħħad mil-libertà tiegħu ( 8 ). Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk tqegħid b’ċaħda tal-libertà jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għadha ma ġietx indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    13.

    Il-kunċett ta’ “kustodja stituzjonali [f’istituzzjoni]” użat fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi faċilità fejn jgħixu u jirċievu kura pedagoġika minuri u adolexxenti. Mit-tifsira naturali tiegħu, dan il-kunċett jista’ jinftiehem ukoll fis-sens li jkopri faċilitajiet fejn minuri jitqiegħdu taħt ċaħda tal-libertà għall-protezzjoni tagħhom stess.

    14.

    L-eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huma indikati fl-Artikolu 1(3). Skont l-Artikolu 1(3)(g), ir-Regolament ma japplikax għall-miżuri meħuda bħala riżultat ta’ reati kriminali mwettqa minn minuri. A contrario sensu, din l-eċċezzjoni tfisser li l-leġiżlatur ikkunsidra li anki t-tqegħid taħt sigurtà jaqa’, bħala regola ġenerali, taħt ir-Regolament. B’dan il-mod biss jista’ jiġi spjegat għalfejn il-leġiżlatur ikkunsidra li huwa meħtieġ li jispeċifika li sanzjonijiet għal reati mwettqa minn minuri, li jistgħu jinkludu inter alia ċ-ċaħda tal-libertà, ma humiex koperti mir-Regolament.

    15.

    Interpretazzjoni fl-istess sens tingħata fil-kummentarju ta’ Paul Lagarde ( 9 ) dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, rikonoxximent, infurzar u kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, tad-19 ta’ Ottubru 1996 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal”) ( 10 ). Dan il-kummentarju jista’ jintuża, flimkien ma’ interpretazzjoni storika u sistematika tar-Regolament Nru 2201/2003, bħala indikazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar id-dritt ta’ kustodja huma bbażati fuq il-ħidma preparatorja tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal u fil-parti l-kbira tagħhom jirriproduċu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ( 11 ), u dan jgħodd ukoll għad-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża li jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni ( 12 ). Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu interpretati bl-istess mod sabiex jiġi evitat li l-eżitu jkun differenti skont jekk il-każ ikunx jikkonċerna Stat Membru ieħor jew Stat terz ( 13 ).

    16.

    Il-kummentarju Lagarde jiddeskrivi l-miżuri ta’ tqegħid ta’ minuri f’familja tar-rispett jew f’istituzzjoni bħala miżuri klassiċi ta’ protezzjoni. Skont dan il-kummentarju, dawn il-miżuri huma manifestament koperti mill-Konvenzjoni sakemm ma humiex esklużi espliċitament, bħalma huwa t-tqegħid minħabba t-twettiq ta’ reat kriminali mill-minuri ( 14 ). Is-suġġett tal-Konvenzjoni huwa l-protezzjoni tal-minuri u għalhekk huma biss il-miżuri li jirriżultaw mil-liġi kriminali li tikkonċerna l-minuri li għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ( 15 ).

    17.

    Barra minn hekk, fil-kuntest tar-Regolament, kull deċiżjoni li tikkonċerna r-responsabbiltà tal-ġenituri għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, sakemm ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(3) tiegħu ma tkun tapplika ( 16 ). Għaldaqstant, fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-istorja tal-abbozzar u tal-istruttura ġenerali tar-Regolament, tqegħid taħt sigurtà li jkun intiż sabiex jipproteġi lill-minuri milli jikkawża ħsara lilu nnifsu jew milli joqtol lilu nnifsu u li permezz tiegħu l-minuri jingħata kura pedagoġika u terapewtika, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

    18.

    Din il-konklużjoni hija konformi wkoll mal-għan tar-Regolament, li huwa espress fil-premessa 5 tiegħu ( 17 ). Skont din il-premessa, ir-Regolament għandu japplika għad-deċiżjonijiet kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, inklużi l-miżuri meħuda għall-protezzjoni tal-minuri, sabiex b’hekk ikun żgurat it-trattament ugwali tal-minuri kollha.

    19.

    Meta l-protezzjoni tal-minuri teżiġi tqegħid taħt sigurtà u sa fejn ir-Regolament huwa intiż li jiżgura t-trattament ugwali tal-minuri kollha fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, ikun diffiċli li jiġi spjegat għalfejn deċiżjonijiet partikolari dwar tqegħid taħt sigurtà għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Fl-aħħar mill-aħħar, dan it-tip ta’ tqegħid għandu l-ikbar impatt fuq id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata. Huwa preċiżament f’dan il-qasam delikat li huwa essenzjali li l-ġurisdizzjoni tal-qrati, li skont ir-Regolament għandha tiġi ddeterminata fl-interessi tal-minuri ( 18 ), u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjonijiet, jiġu rregolati b’mod uniformi skont ir-Regolament.

    20.

    Fl-aħħar mill-aħħar, din l-inklużjoni tevita wkoll problemi ta’ delimitazzjoni f’każijiet speċifiċi. B’hekk, bħala regola ġenerali, id-diversi forom ta’ tqegħid jiġu kkunsidrati mingħajr distinzjoni bejniethom. It-tqegħid taħt sigurtà dejjem ser jibqa’ l-aħħar alternattiva u dan għall-perijodu strettament neċessarju. Madankollu, wara l-perijodu ta’ tqegħid taħt sigurtà, il-minuri jista’ jinżamm fl-istess istituzzjoni mingħajr ċaħda tal-libertà. Dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali: S. C. ser jinżamm taħt ċaħda tal-libertà biss sakemm dan ikun neċessarju u mbagħad, ladarba din iċ-ċaħda tkun mitigata mill-iktar fis possibbli, S. C. xorta waħda ser jinżamm fl-istess faċilità. F’dan il-każ, l-unika regola li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-minuri hija regola li tissuġġetta d-deċiżjonijiet dwar kull tip ta’ tqegħid għal regola uniformi dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent. Jekk jitqies li tqegħid f’istituzzjoni taħt ċaħda tal-libertà ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, dan jista’ jwassal għal determinazzjoni diverġenti tal-ġurisdizzjoni skont il-forma tat-tqegħid. Dan iżda ma jkunx ġust.

    21.

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 2201/2003 taqa’ wkoll deċiżjoni li permezz tagħha jiġi ordnat it-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni fi Stat Membru ieħor, liema tqegħid ikun suġġett għal ċaħda tal-libertà u jkun intiż għall-protezzjoni tal-minuri.

    B – It-tieni domanda preliminari: ir-rekwiżit dwar il-kunsens minn qabel tal-awtorità kompetenti

    22.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema obbligi jirriżultaw, fil-kuntest ta’ tali tqegħid, mill-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 2201/2003 fid-dawl tan-natura tal-konsultazzjoni u tal-proċedura għall-kunsens.

    23.

    Il-kuntest li fih qiegħda ssir din id-domanda jirriżulta mill-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju.

    24.

    Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, kien impossibbli għaliha li tiddetermina b’ċertezza liema awtorità fir-Renju Unit kienet kompetenti sabiex tagħti l-kunsens fis-sens tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament. Inizjalment, l-Official Solicitor u/jew is-Central Authority for England and Wales (Awtorità Ċentrali għall-Ingilterra u Wales) ( 19 ), ikkomunikaw l-informazzjoni dwar “faċilità privata” li, skont din il-komunikazzjoni, setgħet tospita lil S. C. F’dikjarazzjoni ġuramentata ppreżentata sussegwentement quddiem il-High Court, uffiċjal tal-Awtorità Ċentrali għall-Ingilterra u Wales (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Ċentrali”) speċifika li din l-awtorità ma kinitx l-awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 56 u li ma kienx hemm awtorità ċentrali waħda fis-sens tar-Regolament. B’hekk, il-qorti tar-rinviju ħadet l-impressjoni li kien possibbli biss li jinkiseb il-kunsens tal-“faċilità privata” fejn kien maħsub li jitqiegħed S. C. u li għalhekk din il-faċilità kellha tiġi kkunsidrata li hija l-awtorità kompetenti.

    25.

    Meta sarulu mistoqsijiet matul is-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit sostna, għall-kuntrarju, li l-faċilità li fiha tqiegħed il-minuri ma kinitx faċilità privata. Fil-fatt, l-istituzzjoni tappartjeni lill-belt ta’ Peterborough, hija amministrata minn din il-belt u għalhekk hija faċilità tal-Istat. Bħala regola ġenerali, ir-risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari għandha tkun ibbażata fuq il-fatti kif ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha. Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta rilevanti għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-indikazzjonijiet mogħtija mir-Renju Unit, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kunsens tal-istituzzjoni tal-Istat huwiex biżżejjed sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 56(2).

    1. L-istituzzjoni bħala awtorità kompetenti

    26.

    Skont l-Artikolu 56(2), id-deċiżjoni dwar it-tqegħid ta’ minuri fi Stat Membru ieħor ma tistax tittieħed qabel ma l-awtorità kompetenti tal-Istat mitlub tkun tat il-kunsens tagħha għal dan it-tqegħid. L-Artikolu 56(1) jirregola proċedura ta’ konsultazzjoni li għandha titwettaq minn qabel: meta qorti tkun qiegħda tikkontempla t-tqegħid barra mill-pajjiż, hija għandha tikkonsulta minn qabel lill-awtorità ċentrali jew lil awtorità kompetenti oħra fl-Istat Membru fejn ikun qiegħed jiġi kkontemplat it-tqegħid.

    27.

    Il-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” użat fl-Artikolu 56(2) għandu jinftiehem fis-sens li qiegħed jirreferi b’mod ġenerali għall-kunċetti ta’ “awtorità ċentrali” jew “awtorità oħra li għandha l-ġurisdizzjoni [awtorità kompetenti oħra]” użati fl-Artikolu 56(1). Fil-fatt, mill-formulazzjoni użata fl-Artikolu 56(1), fejn jingħad “jew xi awtorità ohra li għandha l-ġurisdizzjoni [awtorità kompetenti oħra]”, jirriżulta li l-awtorità ċentrali għandha titqies ukoll bħala awtorità kompetenti.

    28.

    Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-istorja tal-abbozzar ta’ din id-dispożizzjoni. F’abbozzi preċedenti tar-Regolament, il-paragrafu 2, l-istess bħall-kunċetti użati fil-paragrafu 1, kien jirreferi għal awtorità ċentrali jew għal awtorità kompetenti oħra ( 20 ). Kien biss fi stadju tard ħafna tal-proċess leġiżlattiv li r-referenza għal awtorità ċentrali tneħħiet mill-paragrafu 2 ( 21 ). Mill-minuti tan-negozjati fi ħdan il-Kunsill ma jistax jiġi konkluż jekk it-tneħħija tal-awtorità ċentrali mill-paragrafu 2 kinitx intiża li tibdel il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni.

    29.

    Għaldaqstant, il-kunsens fis-sens tal-Artikolu 56 għandu jingħata mill-awtorità ċentrali jew minn awtorità kompetenti oħra f’dan ir-rigward. Peress li, skont l-Artikolu 53, kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità ċentrali waħda jew iktar, is-sistema tar-Regolament teskludi sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 56(2) ( 22 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 53 jobbliga lill-awtorità ċentrali li ma jkollhiex kompetenza sabiex tgħaddi komunikazzjoni mibgħuta lilha lill-awtorità (ċentrali) kompetenti.

    30.

    Jifdal li jiġi vverifikat jekk, awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 56(2) tistax tinftiehem bħala faċilità privata jew tal-Istat li fiha huwa maħsub li jitqiegħed il-minuri.

    31.

    Huwa minnu li l-Artikolu 56(3) jipprovdi li r-regoli ddettaljati dwar il-konsultazzjoni jew il-kunsens fis-sens tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi nazzjonali tal-Istat mitlub. Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk il-faċilità privata li fiha jkun maħsub li jiġi ospitat il-minuri tistax titqies li hija awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 56 ma hijiex kwistjoni li tikkonċerna regola ddettaljata dwar il-kunsens iżda hija kwistjoni fundamentali li tikkonċerna l-kunsens innifsu. Għalhekk, din il-kwistjoni ma għandhiex titħalla tiġi ddeterminata mil-liġi nazzjonali iżda, fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi ddeterminata b’mod awtonomu mid-dritt tal-Unjoni ( 23 ).

    32.

    Fil-verżjoni lingwistika Ġermaniża, mill-użu tal-kunċett “Behörde” [“awtorità”] jirriżulta b’mod ċar li huwa meħtieġ il-kunsens minn entità tal-Istat. F’verżjonijiet lingwistiċi oħra tar-Regolament jintużaw kunċetti li jalludu għan-natura Statali tal-entitajiet kompetenti: f’dan is-sens, fil-verżjoni Franċiża jintuża l-kunċett “autorité compétente” u f’dik Ingliża l-kunċett “competent authority”. F’dawn il-verżjonijiet lingwistiċi, ir-rekwiżit ta’ intervent ta’ entità tal-Istat jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-aħħar parti tal-Artikolu 56(1), fejn isir riferiment għall-intervent tal-awtorità pubblika (“öffentliche Behörde”, “autorité publique”, “public authority”) f’każijiet simili nazzjonali.

    33.

    Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 56 jirriżulta b’mod ċar li l-kunsens tal-faċilità privata li fiha jkun maħsub li jitqiegħed il-minuri ma huwiex biżżejjed. Madankollu, din il-formulazzjoni ma hijiex daqstant ċara fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kunsens tal-istituzzjoni tal-Istat jissodisfax l-Artikolu 56(2). Jekk tingħata interpretazzjoni wiesgħa lill-kunċett ta’ awtorità, ikun possibbli li dan il-kunċett ikopri wkoll istituzzjoni tal-Istat.

    34.

    Madankollu, is-sens u l-għan tar-rekwiżiti dwar il-kunsens jikkonfermaw li l-kunsens tal-istituzzjoni li fiha jkun maħsub li jitqiegħed il-minuri — irrispettivament minn jekk din hijiex privata jew tal-Istat — ma huwiex kunsens validu fis-sens tal-Artikolu 56(2). Dan joħroġ ċar ukoll mill-kummentarju Lagarde dwar il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal li, fl-Artikolu 33(2) tagħha tinkludi dispożizzjoni dwar it-tqegħid ta’ minuri li tikkorrispondi għall-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 2201/2003. Anki din il-konvenzjoni tipprevedi r-rekwiżit li jinkiseb minn qabel il-kunsens tal-Istat ospitanti ( 24 ). Skont il-kummentarju Lagarde, dan il-kunsens minn qabel għandu jippermetti li jiġu ddeterminati minn qabel il-kundizzjonijiet li fihom ikun ser jinżamm il-minuri fl-Istat ospitanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-liġijiet dwar l-immigrazzjoni fis-seħħ f’dak l-Istat ( 25 ) jew inkella fir-rigward ta’ kif għandhom jiġu diviżi l-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ tqegħid ( 26 ).

    35.

    Għaldaqstant, ir-rekwiżit dwar il-kunsens għandu jiżgura, sa fejn ikun possibbli, li jiġu ċċarati minn qabel il-kwistjonijiet kollha li jistgħu jirriżultaw minn tqegħid fl-Istat Membru ospitanti, u dan qabel ma jitwettaq it-tqegħid. B’hekk, anki fid-dawl tal-interessi tal-minuri, ikun hemm il-garanzija li diffikultajiet amministrattivi jew ta’ natura oħra ma jitqajmux għall-ewwel darba fi stadju iktar tard, meta l-minuri jkun diġà taħt miżura ta’ tqegħid, u li tali diffikultajiet ma humiex ser iwasslu, fl-agħar każ possibbli, għar-ritorn tal-minuri.

    36.

    Evalwazzjoni ġdida, mill-Istat Membru ospitanti, dwar jekk it-tqegħid huwiex konformi mal-interessi tal-minuri, ma tkunx konsistenti mas-sistema tar-Regolament. Din l-evalwazzjoni diġà twettqet mill-qorti li ordnat it-tqegħid bħala l-qorti kkunsidrata li għandha ġurisdizzjoni skont ir-Regolament. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti għandhom ikunu jistgħu jesprimu l-pożizzjoni tagħhom meta, fil-fehma tagħhom, ikun hemm diffikultajiet fid-dawl tal-ordni pubbliku tagħhom li, skont l-Artikolu 23, jista’ jiġi invokat kontra r-rikonoxximent u/jew id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ta’ deċiżjoni li tordna t-tqegħid. Il-proċeduri ta’ konsultazzjoni u ta’ kunsens effettivament jippermettu lill-awtoritajiet fl-Istat Membru fejn ikun ser isir it-tqegħid sabiex jesprimu l-pożizzjoni tagħhom meta jkun hemm problema fir-rigward tal-faċilità partikolari magħżula. Bħala regola ġenerali, l-awtorità fl-Istat Membru ospitanti tkun taf aħjar l-istituzzjonijiet fil-pajjiż tagħha milli tkun tafhom il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini. Fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, ir-rekwiżit dwar il-kunsens għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jkunu informati minn qabel li minuri ser jitqiegħed fl-isfera ta’ responsabbiltà tagħhom sabiex b’hekk dan ma jseħħx mingħajr ma l-entitajiet tal-Istat ikollhom il-possibbiltà li jwettqu l-kontroll tagħhom.

    37.

    L-għanijiet tar-rekwiżiti dwar il-kunsens ma jintlaħqux jekk il-kunsens jingħata mill-faċilitajiet privati stess li fihom ikun maħsub li jitqiegħed il-minuri. Bl-istess mod, il-faċilità privata ma tista’ tagħmel ebda dikjarazzjonijiet vinkolanti fir-rigward tal-aspetti amministrattivi tat-tqegħid li sussegwentement ikunu jistgħu jorbtu lill-Istat Membru ospitanti. Dan l-aspett tar-rekwiżiti dwar il-kunsens, iżda, jista’ jkun sodisfatt minn istituzzjoni tal-Istat. Madankollu, anki fil-każ ta’ istituzzjoni tal-Istat, il-kunsiderazzjoni dwar il-kontroll ta’ problemi fir-rigward tal-faċilità speċifikament magħżula għat-tqegħid tipprekludi li l-kunsens mill-istituzzjoni stess jitqies bħala suffiċjenti. B’hekk, is-sens u l-għan tar-rekwiżiti dwar il-kunsens jeżiġu li l-kunsens joriġina minn awtorità tal-Istat li ma għandhiex tkun il-faċilità inkwistjoni stess. Il-fatt li l-istituzzjoni tkun amministrata jew immexxija mill-awtorità kompetenti huwa irrilevanti. Għall-kuntrarju, għandu jkun żgurat li d-deċiżjoni li tagħti l-kunsens tkun deċiżjoni awtonoma tal-awtorità kompetenti. Naturalment, fid-deċiżjoni tagħha, din l-awtorità tal-Istat tista’, u għandha, tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-istituzzjoni li fiha jkun maħsub li jiġi ospitat il-minuri. Madankollu, din l-evalwazzjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-kunsens tal-awtorità.

    38.

    Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju Unit sostna li fl-Ingilterra l-awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 56(2) hija l-awtorità lokali li fl-isfera ta’ responsabbiltà tagħha tinsab l-istituzzjoni li fiha jkun maħsub li jitqiegħed il-minuri ( 27 ). Fil-kawża ineżami, din l-awtorità hija l-Peterborough City Council.

    39.

    Mill-atti fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għat-talba tal-qorti tar-rinviju għal kunsens fis-sens tal-Artikolu 56(2), l-Awtorità Ċentrali inizjalment wieġbet billi bagħtet ittra miktuba mill-persuna responsabbli għall-istituzzjoni li fiha kien maħsub li jitqiegħed il-minuri. Fil-parti ta’ fuq ta’ din l-ittra, kienu indikati kemm is-City Council kif ukoll l-isem tal-istituzzjoni ( 28 ). Skont ir-Renju Unit, din l-indikazzjoni doppja kienet dovuta għall-fatt li l-istituzzjoni hija amministrata mill-Peterborough City Council. Madankollu, mill-atti fil-proċess jirriżulta wkoll li sussegwentement l-Awtorità Ċentrali bagħtet lill-awtorità kompetenti Irlandiża ittra oħra ta’ preċiżjoni mill-istituzzjoni fejn kien indikat biss l-isem ta’ din l-istituzzjoni ( 29 ).

    40.

    Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk, fil-kawża ineżami, id-deċiżjoni li għandha quddiemha hijiex deċiżjoni tal-Peterborough City Council jew jekk hijiex biss deċiżjoni tal-istituzzjoni li fiha kellu jitqiegħed il-minuri.

    2. Konsegwenzi fin-nuqqas ta’ kunsens mill-awtorità kompetenti

    41.

    Għandu jiġi indirizzat issa l-punt dwar liema huma l-konsegwenzi li għandhom jinstiltu jekk, fil-kawża prinċipali, jiġi kkonstatat li l-kunsens ma ngħatax mill-awtorità kompetenti.

    42.

    Skont l-Artikolu 56(2), id-deċiżjoni dwar it-tqegħid tista’ tittieħed biss jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tkun tat il-kunsens tagħha. Dan ifisser li l-kunsens għandu jkun ingħata qabel ma l-qorti fl-Istat Membru ta’ oriġini tiddeċiedi dwar it-tqegħid. In-natura obbligatorja tal-kunsens hija kkonfermata mill-fatt li l-Artikolu 23(g) jipprovdi li deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jew iddikjarata eżegwibbli jekk il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 56 ma tkunx ġiet osservata.

    43.

    F’dan ir-rigward, jiena essenzjalment naqbel mal-Kummissjoni li l-kunsens huwa rekwiżit preliminari għad-deċiżjoni ta’ tqegħid mill-qorti. Dan jirriżulta b’mod konvinċenti mis-sens u mill-għan tar-rekwiżit dwar il-kunsens, kif esposti iktar ’il fuq. Il-kjarifika minn qabel ta’ raġunijiet sostanzjali għalfejn ma għandux isir it-tqegħid twassal ukoll sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn, fin-nuqqas ta’ tali kjarifika, ikun sussegwentement meħtieġ li l-minuri jintbagħat lura.

    44.

    Madankollu, f’każ bħal dak ineżami, li huwa kkaratterizzat minn dikjarazzjonijiet kunfliġġenti mill-Awtorità Ċentrali, għandu jiġi kkunsidrat li, b’mod eċċezzjonali, il-kunsens jista’ jinkiseb sussegwentement. Wara kollox, il-qorti tar-rinviju, minn naħa, għamlet sforzi kunsiderevoli sabiex tikseb il-kunsens. Min-naħa l-oħra, lanqas ma jista’ jingħad li ma kienx ingħata kunsens sa fejn l-Awtorità Ċentrali tar-Renju Unit kienet inizjalment ikkomunikat kunsens iżda sussegwentement ippreċiżat li hi ma kinitx l-awtorità kompetenti. Madankollu, meta aġixxiet b’dan il-mod, l-Awtorità Ċentrali ma opponietx direttament it-tqegħid. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kunfliġġenti mal-interessi tal-minuri jekk il-proċedura għat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ tqegħid ikollha tinbeda mill-ġdid sabiex imbagħad — wara li jinkiseb kunsens validu u wara tul ta’ żmien sostanzjali — jiġi ordnat it-tqegħid.

    45.

    Għaldaqstant, jidher li jkun iġġustifikat jekk, f’każ eċċezzjonali bħal dan fejn il-qorti li tordna t-tqegħid, minkejja l-isforzi kollha tagħha, irnexxielha tikseb biss kunsens li sussegwentement irriżulta li ma huwiex suffiċjenti għall-finijiet tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament, ikun permess li l-kunsens jinkiseb fi stadju sussegwenti ( 30 ). Ir-rikonoxximent ta’ tali approvazzjoni ristretta ta’ kunsens miksub sussegwentement ma jimplikax perikolu li jiġu evitati r-rekwiżiti dwar il-kunsens.

    46.

    Min-naħa tagħha, fl-evalwazzjoni tagħha tal-kunsens miksub sussegwentement, l-Awtorità Ċentrali tar-Renju Unit għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tqegħid fir-Renju Unit twettaq mingħajr kunsens adegwat anki minħabba d-dikjarazzjonijiet ambigwi mogħtija mill-Awtorità Ċentrali tar-Renju Unit li, skont l-Artikolu 53, hija obbligata tittrażmetti t-talba lill-awtorità kompetenti. Għaldaqstant, f’dan il-każ, sabiex jiġu osservati l-interessi tal-minuri, huwa meħtieġ li l-kunsens fis-sens tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 2201/2003 jiġi miċħud biss jekk ikun hemm raġunijiet estremament serji li jipprekludu l-għoti ta’ dan il-kunsens.

    3. Kundizzjonijiet oħra fir-rigward tal-proċedura għall-kunsens

    47.

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tqajjem ukoll il-kwistjoni ta’ liema informazzjoni għandha tintbagħat mill-qorti li tagħmel it-talba lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għall-evalwazzjoni tal-kunsens. Anki wħud mill-partijiet fil-proċedura esprimew, fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-opinjoni tagħhom dwar liema kundizzjonijiet addizzjonali għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tal-proċedura għall-kunsens.

    48.

    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, skont l-Artikolu 56(3) tar-Regolament, ir-regoli ddettaljati dwar il-kunsens għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi nazzjonali kkonċernata. Madankollu, mill-prinċipju ta’ effettività jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli u proċeduri ċari fir-rigward tal-kunsens fis-sens tal-Artikolu 56 b’tali mod li jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-ħeffa tal-proċeduri. Skont l-Artikolu 53, meta l-awtorità ċentrali ma tkunx l-awtorità kompetenti, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti. Għalhekk, awtorità ċentrali li sempliċement tinforma lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, li titlob kunsens, li hija ma hijiex l-awtorità kompetenti, mingħajr ma tindika l-awtorità effettivament kompetenti, tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-Regolament u, fil-fatt, it-telf ta’ żmien u l-inċertezza sabiex tinstab l-awtorità kompetenti joħolqu dewmien bla bżonn għat-teħid tad-deċiżjoni ta’ tqegħid u għalhekk jikkontradixxu l-interessi tal-minuri li r-Regolament huwa intiż li jipproteġi.

    49.

    Fil-fehma tiegħi, fil-kawża ineżami ma huwiex opportun li ssir evalwazzjoni iktar approfondita tal-kwistjoni dwar jekk mid-dritt tal-Unjoni jirriżultawx kundizzjonijiet addizzjonali fir-rigward tal-proċedura għall-kunsens, b’mod partikolari fir-rigward tad-dokumenti li għandhom jiġu sottomessi. Fil-fatt, ma hemm ebda evidenza li din il-kwistjoni effettivament tqajmet fil-kawża prinċipali. Mid-diversi indikazzjonijiet fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-unika kwistjoni kienet dwar jekk istituzzjoni privata tistax tkun entità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 56(2). Fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, fejn il-possibbiltajiet għall-Istati Membri ( 31 ) huma limitati għall-parteċipazzjoni fis-seduta biss, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha toqgħod partikolarment attenta meta tevalwa r-rilevanza tad-domandi preliminari għall-għoti tad-deċiżjoni.

    50.

    Bl-istess mod, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma huwiex neċessarju li tiġi indirizzata d-domanda dwar meta l-kunsens fis-sens tal-Artikolu 56(2) ma jkunx meħtieġ skont l-aħħar parti tal-Artikolu 56(1). Skont l-Artikolu 56(1), ir-rekwiżit tal-konsultazzjoni ma japplikax meta, fl-Istat Membru fejn ikun ser isir it-tqegħid, ma jkunx previst l-intervent ta’ awtorità fir-rigward ta’ każijiet simili domestiċi ta’ tqegħid. Fl-Artikolu 56(2) ma hijiex prevista eċċezzjoni simili fir-rigward tar-rekwiżit tal-kunsens. Mit-test tar-Regolament ma jirriżultax b’mod ċar jekk huwiex ukoll il-każ — b’mod partikolari fir-rigward ta’ tqegħid f’istituzzjoni — li r-rekwiżit tal-kunsens, l-istess bħar-rekwiżit tal-konsultazzjoni previst fil-paragrafu 1, ma japplikax meta ma jkunx previst l-intervent ta’ awtorità fir-rigward ta’ każijiet domestiċi ta’ tqegħid ta’ minuri. Fir-rigward ta’ tqegħid f’istituzzjoni, anki jekk jitqies li huwa possibbli li tali tqegħid jista’ jitwettaq, skont id-dritt ta’ Stat Membru, mingħajr l-intervent ta’ awtorità, fil-fehma tiegħi xorta waħda ma huwiex aċċettabbli li jiġi evitat ir-rekwiżit tal-kunsens. Lanqas ma jidher li din kienet l-intenzjoni tar-Regolament għaliex altrimenti kien jipprevedi f’dan ir-rigward, bħal fil-każ ta’ tqegħid f’familja tar-rispett skont il-paragrafu 4, obbligu li tiġi informata l-awtorità kompetenti.

    51.

    Madankollu, fil-kawża ineżami, kif jirriżulta minn mistoqsija li saret lir-Renju Unit u kif mistenni fir-rigward ta’ tqegħid taħt sigurtà, id-dritt tar-Renju Unit jipprevedi l-intervent ta’ awtorità jew ta’ qorti għall-każijiet domestiċi simili għat-tqegħid inkwistjoni.

    4. Konklużjoni provviżorja

    52.

    Għaldaqstant, għat-tieni domanda preliminari għandha tingħata r-risposta li l-kunsens fis-sens tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jingħata minn awtorità tal-Istat qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-tqegħid. Is-sempliċi kunsens tal-faċilità li fiha jkun maħsub li jitqiegħed il-minuri ma huwiex biżżejjed. Fil-każ li sussegwentement jirriżulta li l-qorti li tiddeċiedi dwar it-tqegħid, minkejja l-isforzi tagħha, ma tkunx kisbet il-kunsens tal-awtorità kompetenti minħabba dikjarazzjonijiet ambigwi jew insuffiċjenti min-naħa tal-awtorità ċentrali, ikun permissibbli li l-kunsens jinkiseb wara mingħajr ma jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni ġdida dwar it-tqegħid.

    C – It-tielet u r-raba’ domandi preliminari

    53.

    Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk huwiex meħtieġ li deċiżjoni li tordna t-tqegħid ta’ minuri, kontra r-rieda tiegħu, f’istituzzjoni taħt sigurtà fi Stat Membru ieħor tiġi ddikjarata eżegwibbli fl-Istat Membru ospitanti qabel ma t-tqegħid tal-minuri jkun jista’ effettivament jitwettaq. F’dan ir-rigward, ir-raba’ domanda preliminari tistaqsi liema effetti legali jkollha tali deċiżjoni li tordna t-tqegħid fl-Istat ospitanti qabel ma tiġi ddikjarata eżegwibbli hemmhekk.

    1. Ammissibbiltà tad-domandi preliminari

    54.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li S. C. diġà tqiegħed fil-faċilità taħt sigurtà fl-Ingilterra minkejja li d-deċiżjoni li tordna t-tqegħid tiegħu ma kinitx ġiet iddikjarata eżegwibbli hemmhekk. Peress li t-tqegħid diġà twettaq, il-kwistjoni dwar jekk hijiex meħtieġa dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà qabel it-tqegħid, imqajma fit-tielet domanda preliminari, ma għadx għandha rilevanza. Barra minn hekk, mill-informazzjoni mogħtija mir-Renju Unit fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sadanittant, fit-8 ta’ Marzu 2012, fuq talba tal-HSE, id-deċiżjoni Irlandiża li tordna t-tqegħid ġiet irreġistrata fl-Ingilterra u b’hekk ġiet iddikjarata eżegwibbli hemmhekk. Għaldaqstant, jista’ jkun hemm dubji dwar ir-rilevanza ta’ dawn iż-żewġ domandi preliminari għall-għoti tad-deċiżjoni u għalhekk dwar l-ammissibbiltà tagħhom.

    55.

    Madankollu, it-terminu għall-preżentata ta’ appell mid-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà għadu ma skadiex. Għaldaqstant, ir-raba’ domanda għadha fi kwalunkwe każ rilevanti għall-għoti ta’ deċiżjoni. Barra minn hekk, sa fejn il-qorti tar-rinviju speċifikat li hija ordnat it-tqegħid b’mod provviżorju u għall-perijodi ta’ erba’ ġimgħat, id-domanda dwar l-effetti legali ta’ tali deċiżjoni matul il-perijodu kollu tat-tqegħid ta’ S. C. u qabel il-konklużjoni ta’ proċedura ta’ exequatur tibqa’ rilevanti għad-deċiżjonijiet sussegwenti. Għall-qorti tar-rinviju hija b’mod partikolari rilevanti l-kwistjoni dwar jekk, fil-każ li S. C. jaħrab mill-istituzzjoni, id-deċiżjoni tagħha, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, tistax tikkostitwixxi bażi legali għal miżuri bl-awtorità tal-Istat intiżi sabiex il-minuri jittieħed lura fl-istituzzjoni. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni li tordna tqegħid bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali teħtieġx dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà għadha rilevanti għall-qorti tar-rinviju u għalhekk hija ammissibbli. Ser ngħaddi issa sabiex nevalwa din il-kwistjoni.

    2. Il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà

    56.

    L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi l-prinċipju li deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rrikonoxxuta awtomatikament fl-Istati Membri l-oħra.

    57.

    Id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà hija rregolata mill-Artikolu 28 tar-Regolament. Skont dan l-artikolu, deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri għal minuri, li jkunu eżegwibbli f’dan l-Istat Membru u li jkunu ġew innotifikati, għandhom ikunu eżegwibbli fi Stat Membru ieħor meta jkunu ġew iddikjarati eżegwibbli hemmhekk fuq talba ta’ waħda mill-partijiet ikkonċernati. Fir-rigward tar-Renju Unit, minflok id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, l-Artikolu 28(2) tar-Regolament jipprevedi r-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni fl-Ingilterra u f’Wales, fl-Iskozja jew fl-Irlanda ta’ Fuq, skont fejn tkun trid tiġi eżegwita d-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, ma hemm ebda differenza sostantiva bejn reġistrazzjoni u dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

    58.

    Deċiżjoni li tordna t-tqegħid f’istituzzjoni taħt sigurtà hija, kif spjegat iktar ’il fuq, deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. In-natura provviżorja tad-deċiżjoni li tordna t-tqegħid inkwistjoni ma tibdilx din il-klassifikazzjoni ( 32 ). Tali deċiżjoni hija wkoll eżegwibbli sa fejn il-kontenut tagħha huwa ta’ natura li jista’ jiġi eżegwit ( 33 ). Fil-fatt, permezz tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju ordnat li S. C. jitqiegħed fil-faċilità taħt sigurtà ( 34 ).

    59.

    Il-proċedura għad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà (magħrufa bħala “proċedura ta’ exequatur”) hija l-proċedura li permezz tagħha tiġi rrikonoxxuta l-awtorità eżegwibbli ta’ titoli eżekuttivi barranin ( 35 ). Għaldaqstant, fil-każ ta’ deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita, għandha ssir distinzjoni bejn id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jew ir-reġistrazzjoni u s-sempliċi rikonoxximent awtomatiku fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament. Eżekuzzjoni tfisser li l-kontenut ta’ deċiżjoni jiġi implementat permezz tal-awtorità tal-Istat.

    60.

    Fil-kawża prinċipali, il-minuri qiegħed jopponi d-deċiżjoni ġudizzjarja li permezz tagħha ġie ordnat it-tqegħid tiegħu taħt sigurtà. Għaldaqstant, sabiex tiġi implementata miżura ta’ tqegħid hija meħtieġa miżura ta’ eżekuzzjoni. Dan huwa kkonfermat miċ-ċirkustanzi fattwali tat-trasferiment ta’ S. C. mill-Irlanda għall-istituzzjoni Ingliża: uffiċjali pubbliċi u uffiċjali tal-pulizija Irlandiżi akkumpanjaw lil S. C. bl-ajruplan sa Londra, fejn uffiċjali tal-pulizija Brittaniċi ħaduh fil-kustodja tagħhom u żguraw it-trasport tiegħu, permezz ta’ kumpannija privata, lejn il-faċilità. Minn dak iż-żmien, S. C. inżamm fl-istituzzjoni taħt ċaħda tal-libertà kontra r-rieda tiegħu.

    61.

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, jekk S. C. jaħrab mill-faċilità taħt sigurtà, ser tkun meħtieġa l-għajnuna tal-awtoritajiet fir-Renju Unit sabiex S. C., għall-protezzjoni tiegħu stess, jittieħed lura bil-forza fil-faċilità kontra r-rieda tiegħu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, sa fejn ikun iġġustifikat minn perspettiva pedagoġika, S. C. ser jipparteċipa f’ħarġiet organizzati mill-faċilità. Il-parteċipazzjoni f’dawn il-ħarġiet hija ta’ importanza kruċjali għas-suċċess tal-programm minkejja li din il-parteċipazzjoni tinvolvi riskju għoli li S. C. jaħrab.

    62.

    Dawn il-miżuri kollha li jinvolvu ċaħda jew restrizzjoni tal-libertà jimplikaw l-applikazzjoni ta’ forza diretta għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni li tordna t-tqegħid.

    63.

    F’dan ir-rigward, iżda, jista’ jkun li mhux f’kull ordinament ġuridiku nazzjonali jkunu meħtieġa miżuri ta’ eżekuzzjoni li normalment huma assoċjati ma’ proċeduri ċivili. Madankollu, bl-istess mod bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament telqet mill-premessa li dan għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa u ddeċidiet li jkopri wkoll miżuri tad-dritt pubbliku ( 36 ), għall-finijiet tad-definizzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni li jeħtieġu dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, għandha tittieħed bħala bażi interpretazzjoni wiesgħa. Lanqas l-Artikolu 47(1) tar-Regolament, li jipprovdi li l-proċedura tal-eżekuzzjoni għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, ma jipprekludi definizzjoni awtonoma fuq livell tal-Unjoni tal-kunċett ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, il-kwistjoni hawnhekk ma tikkonċernax il-proċedura ta’ eżekuzzjoni iżda pjuttost id-determinazzjoni ta’ liema ċirkustanzi jwasslu sabiex tkun meħtieġa proċedura għad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà. U dan għandu jiġi ddeterminat b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni.

    64.

    Eżekuzzjoni f’dan is-sens tfisser kull implementazzjoni bl-awtorità tal-Istat jew awtorizzata bl-awtorità tal-Istat ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

    65.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà hija meħtieġa wkoll, bħala regola ġenerali, fir-rigward tal-implementazzjoni bil-forza ta’ deċiżjoni kontra minuri li tordna t-tqegħid taħt sigurtà tiegħu.

    66.

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju u l-partijiet fil-kawża prinċipali jesprimu t-tħassib tagħhom dwar it-telf ta’ żmien li jirriżulta mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ exequatur. Huma jenfasizzaw in-natura partikolarment urġenti tal-kawża ineżami. Fin-nuqqas ta’ possibbiltajiet alternattivi ta’ tqegħid fl-Irlanda, l-unika possibbiltà kienet dik ta’ tqegħid fl-Ingilterra, liema tqegħid ma setax jibqa’ jiġi pospost minħabba r-riskju serju li l-persuna kkonċernata tikkawża ħsara lilha nfisha. Għaldaqstant, l-argument huwa li, minħabba l-urġenza u fid-dawl tal-interessi tal-minuri, id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ma għandhiex titqies bħala kundizzjoni meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ tqegħid. Ir-rekwiżit ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jipperikola l-effettività ta’ tqegħid fi Stat Membru ieħor.

    67.

    F’dan il-każ jeżistu effettivament il-problemi ta’ natura prattika, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ tali tqegħid urġenti ta’ minuri fi Stat Membru ieħor. Jiena nista’ nifhem kompletament it-tħassib tal-partijiet fil-kawża prinċipali f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, huwa evidenti li ħafna drabi l-każijiet ta’ tqegħid ta’ minuri fi Stat Membru ieħor ikunu kkaratterizzati minn urġenza partikolari.

    68.

    Madankollu, l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li d-deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà għandha tingħata mingħajr dewmien. Bi tweġiba għal mistoqsija li saritlu dwar dan il-punt, il-Gvern tar-Renju Unit spjega li din id-deċiżjoni tista’ tittieħed anki f’inqas minn ġimgħa. Min-naħa l-oħra, iżda, l-Artikolu 33(5) jipprevedi terminu ta’ xahar jew ta’ xahrejn għall-preżentata ta’ appell mid-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

    69.

    Madankollu, ir-raġunijiet li jikkonċernaw in-natura partikolarment urġenti ma jistgħux, fihom infushom, iwasslu sabiex miżuri ta’ eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor ikunu jistgħu jiġu bbażati fuq deċiżjoni li tordna t-tqegħid taħt sigurtà mingħajr ma din id-deċiżjoni tkun ġiet iddikjarata eżegwibbli.

    70.

    Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi espliċitament li d-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ma hijiex meħtieġa, minħabba raġunijiet ta’ urġenza, fir-rigward ta’ żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet, jiġifieri, minn naħa, deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ aċċess ( 37 ) u, min-naħa l-oħra, deċiżjonijiet dwar ir-ritorn ta’ minuri li jkun inħataf ( 38 ). F’dawn il-każijiet, minflok id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, huwa meħtieġ li d-deċiżjoni ġudizzjarja tinkludi ċertifikat sabiex b’hekk ma tkunx meħtieġa l-proċedura ta’ exequatur. Permezz ta’ dan iċ-ċertifikat, il-qorti li tagħti d-deċiżjoni tikkonferma l-osservanza tar-rekwiżiti meħtieġa mir-Regolament, fosthom, b’mod partikolari, ir-rekwiżit dwar id-dritt tas-smigħ tal-minuri.

    71.

    Madankollu, mill-fatt li fir-rigward tad-deċiżjonijiet li ssemmew iktar ’il fuq ma tkunx meħtieġa proċedura ta’ exequatur meta jiġi ppreżentat ċertifikat, għandu jiġi konkluż, a contrario sensu, li, fir-rigward tad-deċiżjonijiet l-oħra kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-proċedura ta’ exequatur għandha titwettaq f’kull każ u mingħajr eċċezzjoni, inklużi fil-każijiet urġenti. Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar tqegħid, lanqas meta jkun mixtieq li din il-proċedura tiġi evitata minħabba urġenza, ma jkun biżżejjed li tali proċedura tiġi ssostitwita b’ċertifikat mill-qorti li tagħti d-deċiżjoni.

    72.

    Fil-fatt, eżekuzzjoni barra mill-Istat fejn tingħata d-deċiżjoni mingħajr dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà minn qabel iqajjem ukoll numru ta’ problemi prattiċi sostanzjali. Il-korpi ta’ eżekuzzjoni nazzjonali ftit li xejn ikunu f’pożizzjoni li jiddeċiedu, b’mod speċjali fil-każ ta’ deċiżjoni barranija mressqa quddiemhom, u, b’mod partikolari, li jevalwaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżegwibbiltà tad-deċiżjoni u li jiddeterminaw in-natura u l-portata tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni li għandhom jittieħdu. Huwa proprju sabiex tiġi evitata din l-inċertezza li r-Regolament jipprevedi l-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà. Fil-kawża prinċipali, fid-dawl tas-similarità bejn l-ordinamenti ġuridiċi involuti u fid-dawl tal-użu tal-istess lingwa, jista’ jkun li dawn id-diffikultajiet prattiċi marbuta ma’ eżekuzzjoni mingħajr dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni ma humiex daqstant evidenti. Madankollu, din l-istess kwistjoni dwar il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tista’ naturalment tqum ukoll f’ċirkustanzi fejn il-korpi ta’ eżekuzzjoni jintalbu jimplementaw titoli li jkunu kompletament estranji għalihom.

    73.

    Għaldaqstant, l-urġenza ma tistax tiġġustifika eċċezzjoni għar-rekwiżit tad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

    74.

    Il-kuratur legali ta’ S. C. qajjem argument ieħor kontra l-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fehma tiegħu, ir-Regolament ma jipprovdix, b’mod ġenerali, li miżura ta’ eżekuzzjoni kontra minuri teħtieġ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà; tali dikjarazzjoni hija meħtieġa biss fil-każ ta’ implementazzjoni bil-forza ta’ deċiżjoni kontra persuni adulti. Fil-kawża prinċipali, madankollu, kemm l-HSE kif ukoll omm S. C., li hija parti fil-kawża prinċipali, jaqblu mat-tqegħid. Fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Gvern Ġermaniż bl-istess mod argumenta li, fil-fehma tiegħu, miżuri għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni kontra r-rieda ta’ minuri ma jikkostitwixxu ebda eżekuzzjoni.

    75.

    Ċertament li meta wieħed jitkellem dwar eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, wieħed jaħseb fil-każ klassiku fejn wieħed mill-ġenituri jkun jixtieq jinforza deċiżjoni kontra l-ġenitur l-ieħor. Madankollu, ir-Regolament inkluda fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu anki d-deċiżjonijiet dwar it-tqegħid ta’ minuri. F’ebda parti tar-Regolament ma hemm indikazzjonijiet li tali deċiżjonijiet, meta jiġu eżegwiti kontra r-rieda tal-minuri stess, għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

    76.

    Fil-fatt, fiċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 39 tar-Regolament, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Awtorità Ċentrali u l-Peterborough City Council kienu l-partijiet li fil-konfront tagħhom intalab l-eżekuzzjoni. Għalhekk, il-kuratur legali ta’ S. C. jikkunsidra li d-deċiżjoni ġudizzjarja ma tinkludi ebda obbligu ta’ teħid ta’ azzjoni jew ta’ omissjoni fil-konfront tal-minuri, u li fil-fatt din id-deċiżjoni hija indirizzata biss lill-istituzzjoni fejn kellu jsir it-tqegħid. Madankollu, id-deċiżjoni dwar it-tqegħid tordna lil S. C. jissottometti ruħu għat-tqegħid fl-istituzzjoni u għal residenza hemmhekk.

    77.

    Barra minn hekk, l-implementazzjoni bil-forza ta’ deċiżjoni li tordna tqegħid taħt sigurtà taffettwa d-dritt fundamentali tal-libertà tal-persuna suġġetta għat-tqegħid, dritt li, skont l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandha tgawdi “kull persuna”, u għalhekk anki persuna taħt l-età ( 39 ). L-argument li l-implementazzjoni bil-forza ta’ deċiżjoni li tordna tqegħid kontra minuri ma teħieġ ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà fl-aħħar mill-aħħar iwassal sabiex il-miżuri ta’ eżekuzzjoni kontra l-minuri ma jkunux jeħtieġu l-bażi legali li bħala prinċipju hija prevista, fir-rigward tal-eżekuzzjoni, bħala ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tal-libertà, bażi legali li tieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà li permezz tagħha deċiżjoni barranija tiġi integrata fl-ordinament ġuridiku tal-Istat tal-eżekuzzjoni. B’hekk, il-minuri jispiċċa bħala sempliċi suġġett tal-awtorità tal-Istat.

    78.

    Interpretazzjoni f’dan is-sens iżda ma tkunx konformi mad-drittijiet fundamentali tal-minuri. Madankollu, mill-premessa 33 tar-Regolament jirriżulta li r-Regolament jirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta u li r-Regolament ifittex li jirrispetta, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali tal-minuri fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Karta ( 40 ).

    79.

    Tqegħid suġġett għal ċaħda tal-libertà, bħalma huwa t-tqegħid li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, u l-implementazzjoni bil-forza tiegħu, jippreġudikaw b’mod partikolarment gravi d-drittijiet ta’ minuri. Jekk jitqies li fil-kawża ineżami ma kinitx meħtieġa dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, il-miżuri ta’ eżekuzzjoni għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni li tordna t-tqegħid ikunu jistgħu jiġu bbażati biss fuq is-saħħa tar-rikonoxximent tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, dan iwassal sabiex il-minuri jew il-kuratur legali tiegħu jkunu suġġetti wkoll għall-obbligu li jitolbu, skont l-Artikolu 21(3), deċiżjoni sabiex id-deċiżjoni li tordna t-tqegħid ma tiġix irrikonoxxuta, bil-għan li jeliminaw il-bażi legali għall-miżuri ta’ eżekuzzjoni. F’sitwazzjoni bħal din, iżda, l-interessi tal-minuri ma jkunux imħarsa b’mod adegwat.

    80.

    Fl-aħħar nett, anki l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal jenfasizza li minuri li jiċċaħħad, b’mod temporanju jew permanenti, mill-familja tiegħu, għandu jingħata protezzjoni u kura speċjali mill-Istat.

    81.

    Fil-proċedura għad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-għoti tal-“exequatur”, il-qorti għandha tevalwa ex officio jekk jeżistux raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament. Fost dawn ir-raġunijiet, minbarra l-osservanza tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 56, hemm inklużi b’mod partikolari raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku, li huma rregolati mill-Artikolu 23(a) b’referenza espliċita għall-interessi tal-minuri. F’dan ir-rigward għandu jingħad ukoll, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 23(b), waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tikkonċerna n-nuqqas li jinstema’ l-minuri.

    82.

    Bl-introduzzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, intlaħaq qbil dwar normi proċedurali speċifiċi uniformi, bħal pereżempju fir-rigward tar-rekwiżiti fundamentali meħtieġa għad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà. Dan sar anki fl-interess tal-partijiet fil-proċeduri. Ir-Regolament ma huwiex intiż li jċaħħad minn dawn in-normi proċedurali konvenuti minuri, li jkunu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet li jordnaw it-tqegħid taħt sigurtà, għas-sempliċi raġuni li huma minuri.

    83.

    Il-proċedura għall-kunsens skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament ma tistax tissostitwixxi d-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà. Dan jirriżulta l-ewwel nett mill-pożizzjoni strutturali fl-Artikolu 56 tar-Regolament, li jinsab fil-Kapitolu dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali, u mhux fil-Kapitolu dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni. Barra minn hekk, iż-żewġ proċeduri għandhom għanijiet differenti. Kif spjegat iktar ’il fuq, permezz tal-proċedura għall-kunsens, diffikultajiet amministrattivi li jistgħu jipprekludu t-tqegħid fi Stat Membru ieħor, ikunu jistgħu jiġu ċċarati qabel ma tingħata d-deċiżjoni li tordna t-tqegħid. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tirrikonoxxi l-awtorità eżegwibbli tad-deċiżjoni li tordna t-tqegħid. Ir-Regolament ma jipprevedi ebda regoli ddettaljati dwar l-organizzazzjoni tal-proċedura għall-kunsens sa fejn l-Artikolu 56(3) iħalli din l-organizzazzjoni għad-dritt nazzjonali. Din hija raġuni oħra għalfejn il-kunsens ma jistax jitqies bħala alternattiva adegwata għall-proċedura ta’ exequatur, li hija rregolata fid-dettall mir-Regolament.

    84.

    Għaldaqstant, deċiżjoni dwar it-tqegħid taħt sigurtà ta’ minuri teħtieġ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà anki meta tkun trid tiġi eżegwita kontra minuri.

    3. Konklużjoni provviżorja

    85.

    Ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domandi preliminari hija li deċiżjoni dwar tqegħid taħt sigurtà ta’ minuri teħtieġ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 2201/2003 meta miżuri marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat u intiżi għall-implementazzjoni tal-kontenut tad-deċiżjoni meħuda fi Stat Membru ieħor ikollhom jiġu bbażati fuq tali dikjarazzjoni.

    4. Kunsiderazzjonijiet dwar l-urġenza eċċezzjonali

    86.

    Is-sitwazzjoni fil-kawża ineżami hija kkaratterizzata minn urġenza eċċezzjonali li tirriżulta mill-perikolu imminenti li l-persuna kkonċernata tikkawża ħsara lilha nfisha u mill-fatt li internament ma jeżistux alternattivi adegwati ta’ tqegħid. Għalhekk, fil-punti segwenti nixtieq nindirizza fil-qosor kwistjonijiet li qamu matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali dwar liema huma l-possibbiltajiet li jista’ jkun hemm sabiex jintlaħaq riżultat prammatiku fil-każ ta’ tqegħid fi Stat Membru ieħor li jkun ikkaratterizzat minn urġenza partikolari.

    87.

    Fil-kawża ineżami, waħda mill-possibbiltajiet tkun li, sal-konklużjoni tal-proċedura ta’ exequatur, il-qorti Ingliża, fuq il-bażi tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament, tieħu miżuri provviżorji għall-implementazzjoni tat-tqegħid. Dan kien l-approċċ magħżul mill-High Court Ingliża.

    88.

    L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 jeżiġi li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi: l-ewwel nett, skont il-paragrafu 1, il-miżuri kkonċernati għandhom ikunu urġenti, it-tieni nett, dawn il-miżuri għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ persuni li jkunu jinsabu fl-Istat Membru fejn il-qorti li tkun trid tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 20 ikollha s-sede tagħha u, it-tielet nett, skont il-paragrafu 2, dawn il-miżuri għandhom ikunu ta’ natura temporanja, jiġifieri ma jibqgħux fis-seħħ meta l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-mertu tal-kwistjoni tkun “ħadet il-miżuri” ( 41 ).

    89.

    Ma hemmx dubju li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija sodisfatta fil-kawża ineżami. It-tieni kundizzjoni, dwar ir-rekwiżit li l-persuna għandha tkun tinsab fl-Istat tal-qorti, hija wkoll sodisfatta fil-kawża ineżami. Fil-fehma tiegħi, f’każ ta’ urġenza partikolari, il-minuri għandu jittieħed fi Stat Membru ieħor inizjalment anki permezz ta’ miżuri nazzjonali intiżi għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni li tordna t-tqegħid, sabiex b’hekk, sal-konklużjoni tal-proċedura ta’ exequatur f’dak l-Istat Membru, ikunu stabbiliti l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tqegħid provviżorju skont l-Artikolu 20. Sabiex jiġi żgurat li l-integrazzjoni tad-diversi miżuri intiżi għall-protezzjoni tal-minuri tkun bla xkiel, f’każ bħal dan, il-qrati jistgħu, u għandhom, jikkomunikaw minn qabel bejniethom skont l-Artikolu 55(ċ).

    90.

    Il-parti l-kbira tal-partijiet fil-kawża argumentaw kontra approċċ skont l-Artikolu 20 billi sostnew li f’tali każ ma tkunx il-qorti li effettivament ikollha ġurisdizzjoni skont ir-Regolament li tkun qiegħda tiddeċiedi. Fil-fatt, l-Artikolu 20(2) stess jipprovdi li l-miżuri provviżorji ma jibqgħux fis-seħħ meta l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni dwar il-mertu tal-kwistjoni tieħu miżuri. Madankollu, fil-kawża ineżami, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni dwar il-mertu diġà ħadet deċiżjoni u l-kwistjoni hija biss jekk din id-deċiżjoni għandhiex diġà effetti.

    91.

    F’dan ir-rigward, matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tqajmet, bħala alternattiva għal approċċ skont l-Artikolu 20 tar-Regolament, il-kwistjoni dwar jekk eżekuzzjoni ikunx jista’ diġà jiġi bbażat fuq dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà qabel ma t-terminu għall-preżentata ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ exequatur ikun skada jew qabel ma tkun intemmet il-proċedura tal-appell. Dan ikun ifisser li, hekk kif il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tagħti deċiżjoni ta’ exequatur skont l-Artikolu 31(1), miżuri ta’ eżekuzzjoni ikunu jistgħu jiġu bbażati fuq din id-deċiżjoni. F’tali każ, il-preżentata ta’ appell ma jkollha ebda effett ta’ sospensjoni. Skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament, id-deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà għandha tingħata mingħajr dewmien; fl-Ingilterra din id-deċiżjoni tista’ tingħata fi ftit ġranet.

    92.

    Madankollu, mid-dispożizzjonijiet legali ppreżentati mill-Gvern tar-Renju Unit u mit-tweġiba bil-miktub tiegħu għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li, skont id-dritt Ingliż, sal-iskadenza tat-termini previsti fir-Regolament fir-rigward tal-preżentata ta’ appell mid-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tkun ibbażata fuq deċiżjoni ġudizzjarja barranija ( 42 ).

    93.

    Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni ta’ jekk ir-Regolament, f’tali każ, jeħtieġx li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ikunu permissibbli f’ċerti ċirkustanzi, anki jekk id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà skont id-dritt nazzjonali tkun għad ma hijiex definittiva.

    94.

    Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2201/2003 ma fih ebda dispożizzjoni simili għall-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 44/2001 (ir-“Regolament Brussell I”) ( 43 ). Din id-dispożizzjoni tippermetti espliċitament it-teħid ta’ miżuri kawtelatorji qabel il-konklużjoni tal-proċedura ta’ exequatur.

    95.

    Madankollu, il-formulazzjoni tar-Regolament ma tipprekludix intepretazzjoni fis-sens li miżuri diretti ta’ eżekuzzjoni huma possibbli meta jkun hemm deċiżjoni ta’ exequatur. Fil-fatt, l-Artikolu 28(1) tar-Regolament jipprovdi li deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri għandhom jiġu eżegwiti meta jkunu ddikjarati eżegwibbli. Ikun hemm dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà hekk kif ikun hemm deċiżjoni mill-qorti skont l-Artikolu 31. Skont il-formulazzjoni tar-Regolament, din il-konstatazzjoni ma tinbidilx lanqas meta jiġi ppreżentat appell, skont l-Artikolu 33, mid-deċiżjoni li tiddikjara l-eżegwibbiltà.

    96.

    Fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament, wieħed għandu jieħu l-interessi tal-minuri bħala l-punt ta’ orjentament prinċipali, fid-dawl tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-interessi tal-minuri jistgħu jeżiġu li, f’każijiet ta’ tqegħid fi Stat Membru ieħor li jkunu kkaratterizzati minn urġenza eċċezzjonali, għandha tkun permessa soluzzjoni flessibbli matul il-perijodu li fih tkun qiegħda tiżvolġi l-proċedura ta’ exequatur meta, fin-nuqqas ta’ tali soluzzjoni, ikun hemm il-possibbiltà li d-deċiżjoni li tordna t-tqegħid fi Stat Membru ieħor ma tilħaqx l-iskop tagħha minħabba t-tul ta’ żmien li jkun iddekorra.

    97.

    Fid-dawl tal-aħjar osservanza u implementazzjoni possibbli tal-interessi tal-minuri, jimmilita favur eżekuzzjoni fil-preżenza ta’ deċiżjoni ta’ exequatur il-fatt li b’hekk id-deċiżjoni tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni skont is-sistema tar-Regolament tkun ta’ għajnuna għall-eżekuzzjoni u ma jkunx meħtieġ li, fil-perijodu intermedjarju, jiġu invokati miżuri urġenti adottati minn qorti li tgawdi biss ġurisdizzjoni sussidjarja. Ir-Regolament jirrikonoxxi l-qorti fejn il-minuri jkollu r-residenza abitwali tiegħu bħala l-qorti li għandha ġurisdizzjoni prinċipali, u dan sa fejn huwa preżunt li din il-qorti, minħabba li hija viċin il-minuri, ser tieħu l-iktar deċiżjonijiet adegwati ( 44 ). Barra minn hekk, permezz tad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, ikun iddeterminat ġudizzjarjament li l-eżekuzzjoni tat-titolu inkwistjoni fl-Istat Membru ospitanti għandu jkun permess.

    98.

    Implementazzjoni immedjata tad-deċiżjoni matul il-perijodu li fih tkun qiegħda tiżvolġi l-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 33 tar-Regolament twassal għall-ħolqien ta’ sitwazzjoni li tkun diġà mmaterjalizzat ruħha (fait accompli) sa fejn id-deċiżjoni tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tkun ġiet segwita, minn tal-inqas għal dan il-perijodu, b’mod irrevokabbli. Madankollu, f’dan il-każ tieħu prijorità l-protezzjoni tal-interessi tal-minuri. Jekk, matul il-proċedura ta’ appell, ma jsirx it-tqegħid, xorta jibqa’ l-perikolu ta’ fait accompli b’konsegwenzi ħafna iktar serji, fi kliem ieħor, id-deterjorament tas-saħħa jew il-mewt tal-minuri. F’dan id-dawl, id-deċiżjoni ta’ tqegħid kienet diġà identifikata bħala miżura neċessarja mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni wara evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Ikun kontra s-sistema ta’ ġurisdizzjoni stabbilita mir-Regolament u kontra l-prinċipju tal-fiduċja reċiproka jekk qorti tal-Istat Membru ospitanti terġa’ tagħmel din l-evalwazzjoni b’mod indirett fil-kuntest ta’ talba għal miżuri urġenti partikolari għall-perijodu li fih tiżvolġi l-proċedura tal-appell.

    99.

    Għaldaqstant, jiena nippreferi soluzzjoni fis-sens li, f’każijiet ta’ tqegħid fi Stat Membru ieħor li jkunu kkaratterizzati minn urġenza partikolari, fejn in-natura urġenti tagħhom tirriżulta mid-deċiżjoni stess, id-deċiżjoni tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tiġi implementata qabel ma d-deċiżjoni ta’ exequatur tikseb is-saħħa ta’ res judicata.

    100.

    Min-naħa l-oħra, jekk ikun permess biss approċċ skont l-Artikolu 20 tar-Regolament, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandhom, fil-fehma tiegħi, iwasslu sabiex fi kwalunkwe każ, il-miżuri kawtelatorji jimplementaw, sa fejn possibbli u sakemm tingħata deċiżjoni finali fil-proċedura ta’ exequatur, il-kontenut tad-deċiżjoni tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni.

    101.

    Madankollu, dawn il-miżuri provviżorji u dawn il-miżuri kawtelatorji huma miżuri previsti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jiddetermina l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jipproteġu l-interessi tal-minuri u l-modalitajiet proċedurali għall-implementazzjoni tagħhom ( 45 ).

    102.

    F’każ bħal dak ineżami, fejn huwa inkwistjoni biss il-perijodu ta’ żmien sal-għoti ta’ deċiżjoni finali fil-proċedura ta’ exequatur, il-qrati tal-Istat Membru ospitanti għandhom jużaw il-possibbiltajiet effettivament disponibbli fid-dritt nazzjonali tagħhom sabiex, sa fejn ikun possibbli, jimplementaw il-kontenut tad-deċiżjoni tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni permezz tal-miżuri urġenti tagħhom. Dan jirriżulta wkoll mis-saħħa tar-rikonoxximent tad-deċiżjoni li tordna t-tqegħid taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament.

    D – Il-ħames u s-sitt domandi preliminari

    103.

    Il-ħames u s-sitt domandi preliminari jikkonċernaw, rispettivament, il-kwistjoni dwar jekk, fil-każ ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ tiġdid li jestendu l-perijodu ta’ tqegħid, humiex meħtieġa wkoll tiġdid tal-kunsens skont l-Artikolu 56(2) u dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà skont l-Artikolu 28. Il-qorti tar-rinviju tagħmel dawn id-domandi fid-dawl tal-fatt li hija tixtieq tordna t-tqegħid bħala miżura provviżorja għall-iqsar perijodu ta’ żmien possibbli, jiġifieri għal erba’ ġimgħat, sabiex imbagħad iġġedded id-deċiżjoni li tordna t-tqegħid għal perijodi qosra addizzjonali skont il-bżonn. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, ma jkunx prattiku li kull darba jkunu meħtieġa kunsens u proċedura ta’ exequatur.

    104.

    Sabiex jilħaq l-għan tiegħu, kif deskritt iktar ’il fuq, it-tul ta’ żmien ippjanat tat-tqegħid għandu jkun kopert minn kunsens skont l-Artikolu 56(2). Għaldaqstant, kunsens mogħti għal xahar ma jistax jibqa’ validu b’mod indeterminat fil-futur, sakemm dan il-kunsens ma jkunx ingħata espliċitament għal eventwali estensjoni tad-deċiżjoni li tordna t-tqegħid jew għal perijodu ta’ żmien indefinit.

    105.

    Miżuri ta’ eżekuzzjoni jistgħu jkunu bbażati fuq deċiżjoni ddikjarata eżegwibbli biss sa fejn jirrispettaw il-limiti stabbiliti mid-deċiżjoni. Meta d-deċiżjoni tordna t-tqegħid għal perijodu ta’ żmien determinat, deċiżjoni li tkun iddikjarata eżegwibbli ma tistax isservi ta’ bażi legali għall-implementazzjoni bil-forza ta’ tqegħid għal perijodu ta’ żmien itwal minn dak stabbilit fid-deċiżjoni. Tali deċiżjoni ma jkollhiex natura eżegwibbli fir-rigward ta’ perijodu ta’ żmien itwal. Lil hinn mill-perijodu ta’ żmien li għalih id-deċiżjoni tkun ordnat it-tqegħid, ir-rekwiżit ta’ deċiżjoni eżegwibbli fl-Istat fejn tkun ingħatat id-deċiżjoni ma jkunx sodisfatt għall-finijiet tal-proċedura ta’ exequatur ( 46 ). Għaldaqstant, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet addizzjonali li jordnaw tqegħid hija meħtieġa dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ġdida. Fid-dawl tal-fatt li tqegħid taħt sigurtà huwa dejjem l-aħħar alternattiva, huwa evidenti li dan jiġi ordnat biss għall-perijodu li jkun strettament neċessarju. Madankollu, meta jkun meħtieġ, il-qorti li tordna t-tqegħid tista’ tikkunsidra jekk għandhiex tordna t-tqegħid inizjalment għal perijodu ta’ żmien itwal (u dan jiġi ddikjarat eżegwibbli) u sussegwentement, f’perijodi ta’ żmien qosra, tevalwa jekk din id-deċiżjoni għandhiex tiġi rrevokata.

    106.

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domandi għandha tkun li kunsens mogħti, skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, għal perijodu ta’ żmien determinat ma jgħoddx ukoll għal deċiżjonijiet li permezz tagħhom jiġi estiż it-tqegħid, iżda għandu fil-fatt jinkiseb mill-ġdid. Miżuri ta’ eżekuzzjoni jistgħu jkunu bbażati fuq deċiżjoni ddikjarata eżegwibbli biss għal perijodu ta’ żmien li għalih it-tqegħid kien ordnat fid-deċiżjoni.

    V – Konklużjoni

    107.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti segwenti għad-domandi preliminari magħmula mill-High Court of Ireland:

    (1)

    Fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 taqa’ wkoll deċiżjoni li permezz tagħha jiġi ordnat it-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni fi Stat Membru ieħor, liema tqegħid ikun suġġett għal ċaħda tal-libertà u jkun intiż għall-protezzjoni tal-minuri.

    (2)

    Il-kunsens fis-sens tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jingħata minn awtorità tal-Istat qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-tqegħid. Is-sempliċi kunsens tal-faċilità li fiha jkun maħsub li jitqiegħed il-minuri ma huwiex biżżejjed. Fil-każ li sussegwentement jirriżulta li l-qorti li tiddeċiedi dwar it-tqegħid, minkejja l-isforzi tagħha, ma tkunx kisbet il-kunsens tal-awtorità kompetenti minħabba dikjarazzjonijiet ambigwi jew insuffiċjenti min-naħa tal-awtorità ċentrali, ikun permissibbli li l-kunsens jinkiseb wara mingħajr ma jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni ġdida dwar it-tqegħid.

    (3)

    Deċiżjoni dwar tqegħid taħt sigurtà ta’ minuri teħtieġ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 2201/2003 meta miżuri marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat u intiżi għall-implementazzjoni tal-kontenut tad-deċiżjoni meħuda fi Stat Membru ieħor ikollhom jiġu bbażati fuq tali dikjarazzjoni.

    (4)

    Kunsens mogħti, skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, għal perijodu ta’ żmien determinat ma jgħoddx ukoll għal deċiżjonijiet li permezz tagħhom jiġi estiż it-tqegħid, iżda għandu fil-fatt jinkiseb mill-ġdid. Miżuri ta’ eżekuzzjoni jistgħu jkunu bbażati fuq deċiżjoni ddikjarata eżegwibbli biss għal perijodu ta’ żmien li għalih it-tqegħid kien ordnat fid-deċiżjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, fil-verżjoni tiegħu kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2116/2004, tat-2 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 153 M, 7.6.2006, p. 253), magħruf bħala r-Regolament Brussell IIa (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2201/2003” jew sempliċement ir-“Regolament”).

    ( 3 ) Fid-dawl tal-età, id-deskrizzjoni korretta tal-persuna kkonċernata kienet tkun dik ta’ “adolexxenti”. Madankollu, f’din l-opinjoni ser nuża t-terminoloġija użata fir-Regolament, li juża t-terminu “minuri”. [Il-verżjoni bil-Malti tar-Regolament tuża kemm “minuri” kif ukoll “tfal”.] B’differenza mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, rikonoxximent, infurzar u kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, tad-19 ta’ Ottubru 1996 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), ir-Regolament ma jipprovdi ebda definizzjoni tal-kunċett “minuri”. Madankollu, hawnhekk ma huwiex opportun li jsiru osservazzjonijiet f’dan ir-rigward sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament ma huwiex is-suġġett tat-tilwima u sa fejn ebda waħda mill-partijiet fil-kawża ma indirizzat din il-kwistjoni.

    ( 4 ) “Interlocutory application”.

    ( 5 ) Fid-dritt Irlandiż, din hija deskritta bħala “secure care” (kura taħt sigurtà).

    ( 6 ) Sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2007, C (C-435/06, Ġabra p. I-10141, punt 53), u tat-2 ta’ April 2009, A (C-523/07, Ġabra p. I-2805, punt 27).

    ( 7 ) Sentenza C (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 25 sa 36).

    ( 8 ) Sentenza C (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 43).

    ( 9 ) Iktar ’il quddiem il-“kummentarju Lagarde”; il-verżjoni bil-Ġermaniż hija disponibbli fis-sit http://hcch.e-vision.nl/upload/expl34d.pdf. [F’dan is-sit tista’ ssib verżjoni bil-Franċiż u bl-Ingliż: http://www.hcch.net/upload/expl34.pdf].

    ( 10 ) It-traduzzjoni Ġermaniża hija disponibbli fis-sit internet tal-Konferenza ta’ Den Haag: http://hcch.e-vision.nl/upload/text34d.pdf. [Traduzzjoni bil-Malti ta’ din il-konvenzjoni tinsab ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-11.06.2008, L 151, p. 39.]

    ( 11 ) F’dan ir-rigward ara J. Pirrung, Auslegung der Brüssel IIa-Verordnung in Sorgerechtssachen, f’Festschrift für Jan Kropholler, 2008, p. 399, 407.

    ( 12 ) Skont l-Artikolu 3(e) tagħha, il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal tapplika għat-tqegħid tal-minuri f’familja tar-rispett (“familja foster”) jew f’istituzzjoni (“kura istituzzjonali”), jew għall-kura tal-minuri permezz ta’ “kafala” jew istituzzjoni simili. Skont l-Artikolu 4(i) ta’ din il-konvenzjoni, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha miżuri meħuda bħala riżultat ta’ reati kriminali mwettqa minn minuri (“deċiżjonijiet li jirriżultaw minn offiżi penali mwettqin mit-tfal”).

    ( 13 ) Jew jekk ikun jikkonċerna lid-Danimarka, li għaliha ma japplikax ir-Regolament Nru 2201/2003. F’dan ir-rigward ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-20 ta’ Settembru 2007 fil-Kawża C (C-435/06, Ġabra p. I-10141, punt 50).

    ( 14 ) Il-kummentarju Lagarde (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 23).

    ( 15 ) Il-kummentarju Lagarde (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 35).

    ( 16 ) F’dan ir-rigward ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 43).

    ( 17 ) F’dan is-sens ara wkoll is-sentenza C (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 48 et seq).

    ( 18 ) Ara l-premessa 12 tar-Regolament.

    ( 19 ) Din l-awtorità hija l-Lord Chancellor, li ddelega din il-funzjoni lill-International Child Abduction and Contact Unit (ICACU). Barra minn hekk, fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Ewropea, l-ICACU huwa indikat bħala l-awtorità ċentrali għall-Ingilterra u għal Wales; ara http://ec.europa.eu/justice_home/judicialatlascivil/html/rc_jmm_centralauthorities_uk_en.htm. Skont l-indikazzjonijiet mogħtija fuq is-sit internet tar-Renju Unit, l-ICACU jaqa’ taħt l-Official Solicitor.

    ( 20 ) Ara d-Dokument tal-Kunsill Nru 8281/03, tat-30 ta’ April 2003, p. 29.

    ( 21 ) Dokument tal-Kunsill Nru 12992/03, tad-29 ta’ Settembru 2003, p. 37. Fil-verżjoni lingwistika Taljana [tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament], tħalliet ir-referenza għall-entità ċentrali: “l’autorità centrale o un’altra autorità competente dello Stato richiesto”.

    ( 22 ) Ħlief għall-eċċezzjoni identifikata fl-aħħar parti tal-paragrafu 1, li ser nindirizza fil-punt 48 ta’ din l-opinjoni.

    ( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, fost oħrajn, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozlowski (C-66/08, Ġabra p. I-6041, punt 42), u tal-14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau (C-204/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

    ( 24 ) L-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal jipprovdi: “Id-deċiżjoni fuq it-tqegħid jew proviżjoni ta’ kura tista’ tiġi magħmula fl-Istat rikjest biss jekk l-Awtorità Ċentrali jew awtorità kompetenti oħra ta’ l-Istat rikjest ikkonsentit għat-tqegħid jew provizjoni ta’ kura, b’kont meħud ta’ l-aħjar interessi tat-tifel.”

    ( 25 ) Fil-kuntest tar-Regolament, dan japplika biss bla ħsara għad-dritt ta’ residenza li jirriżulta miċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.

    ( 26 ) Kummentarju Lagarde (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 143).

    ( 27 ) Ir-“relevant local authority”. Fir-rigward tat-tqegħid taħt restrizzjoni tal-libertà ta’ minuri taħt it-13-il sena, huwa meħtieġ il-kunsens tas-Secretary of State for Education.

    ( 28 ) Ittra tal-21 ta’ Ottubru 2011.

    ( 29 ) Ittra tas-7 ta’ Novembru 2011.

    ( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Purrucker (C-296/10, Ġabra p. I-11163, punti 82 u 86).

    ( 31 ) Bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru li qorti tiegħu tkun ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari.

    ( 32 ) F’dan ir-rigward ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston tal-20 ta’ Mejju 2010 fil-Kawża Purrucker (C-256/09, Ġabra p. I-7353, punti 132 et seq).

    ( 33 ) Fil-letteratura jingħad li, jekk ikun meħtieġ, anki deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ kustodja li l-kontenut tagħhom ma jkunx ta’ natura li jista’ jiġi eżegwit għandhom jiġu ddikjarati eżegwibbli sabiex b’hekk, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, ma jkunux jistgħu jittieħdu miżuri ta’ eżekuzzjoni individwali ta’ trasferiment ta’ kustodja billi l-minuri jittieħed fi Stat Membru ieħor; ara Th. Rauscher, f’ Th. Rauscher (editur), Europäisches Zivilprozess- und Kollisionsrecht, Kommentar Brüssel IIa-VO, München 2010, Artikolu 28, punt 8.

    ( 34 ) Fi kliemha: tordna “that S. C., a Minor, be detained in the custody of the Director of [...].”

    ( 35 ) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 1999, Couriser (C-267/97, Ġabra p. I-2543, punt 28).

    ( 36 ) Sentenzi C u A (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6).

    ( 37 ) Artikolu 40(1)(a) u Artikolu 41 tar-Regolament.

    ( 38 ) Artikolu 40(1)(b) u Artikolu 42 tar-Regolament.

    ( 39 ) Fir-rigward tad-dritt ta’ minuri għad-dritt fundamentali tal-libertà taħt il-KEDB, ara d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Nielsen vs Id-Danimarka, tat-28 ta’ Novembru 1988, Serje A, Nru 144, punt 58.

    ( 40 ) Sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C-403/09 PPU, Ġabra p. I-12193, punti 53 sa 55).

    ( 41 ) Sentenzi A (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 47), Detiček (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 39) u Purrucker (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 77).

    ( 42 ) Ara l-Artikolu 31.17 tal-Family Procedure Rules 2010.

    ( 43 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    ( 44 ) Ma huwiex raġonevoli li jkun hemm trasferiment tal-ġurisdizzjoni lejn il-qrati Ingliżi skont l-Artikolu 15 tar-Regolament minħabba l-fatt li omm S. C. tgħix Londra u dan sa fejn dan il-fatt ma jistax jimplika li l-qrati Ingliżi jinsabu f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu l-każ.

    ( 45 ) Sentenza A (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 51).

    ( 46 ) F’dan ir-rigward ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-Kawża Purrucker (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 148 et seq).

    Fuq